Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Ráckevei Járásbíróság (l-Ungerija) fit-8 ta’ Diċembru 2020 – EP et vs ERSTE Bank Hungary Zrt.

(Kawża C-670/20)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Ráckevei Járásbíróság

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: EP, TA, FV u TB

Konvenuta: ERSTE Bank Hungary Zrt.

Domandi preliminari

Fid-dawl tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur 1 , mogħtija fil-Kawża C-186/16, Andriciuc et 2 , għandu jiġi kkunsidrat li hija ċara u inekwivoka klawżola kuntrattwali relatata mar-riskju ta’ kambju li, mingħajr ma tistabbilixxi espressament li huwa d-debitur li jassumi esklużivament u kompletament l-imsemmi riskju, tinkludi biss dikjarazzjoni tad-debitur li tindika li dan “huwa kompletament kuxjenti tar-riskji potenzjali li jirriżultaw mit-tranżazzjoni, u b’mod partikolari tal-fatt li l-fluttwazzjoni tal-munita inkwistjoni fir-rigward tal-forint Ungeriż tista’ kemm iżżid kif ukoll tnaqqas l-ammont f’forint tas-self[”]?

Il-klawżola kuntrattwali msemmija iktar ’il fuq tissodisfa r-rekwiżit stabbilit fis-sentenza mogħtija fil-Kawża C-186/16, Andriciuc et, skont liema l-konsumatur għandu jkun jista’ jevalwa, abbażi ta’ tali klawżola, il-konsegwenzi ekonomiċi, potenzjalment sinjifikattivi, tat-teħid tar-riskju tal-kambju fuq l-obbligi finanzjarji tiegħu, fid-dawl tal-fatt li d-dokument intitolat “Nota ta’ informazzjoni dwar ir-riskji ġenerali li jirriżultaw minn finanzjament f’munita barranija”, li l-konsumatur kellu jiffirma fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, jirreferi b’mod identiku għall-effetti favorevoli u sfavorevoli tal-fluttwazzjoni tar-rati ta’ kambju, fejn għalhekk huwa ssuġġerit li t-tendenza tipika ta’ stabbiltà tal-kambju – ippubblikata wkoll mill-Federazzjoni Bankarja Ungeriża – hija li, fuq żmien twil, l-effetti finanzjarji favorevoli u sfavorevoli jikkanċellaw lil xulxin?

Il-klawżola kuntrattwali msemmija iktar ’il fuq tissodisfa r-rekwiżit stabbilit fis-sentenza mogħtija fil-Kawża C-186/16, Andriciuc et, skont liema l-konsumatur għandu jkun jista’ jevalwa, abbażi ta’ tali klawżola, il-konsegwenzi ekonomiċi, potenzjalment sinjifikattivi, tat-teħid tar-riskju tal-kambju fuq l-obbligi finanzjarji tiegħu, meta la fil-kuntratt u lanqas fin-nota ta’ informazzjoni dwar ir-riskji tal-kambju, iffirmata fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, ma huwa indikat espressament jew impliċitament li ż-żieda fil-kwoti tal-ħlas tista’ ssir sinjifikattiva u tista’ anki, fil-fatt, tilħaq kwalunkwe livell?

Fid-dawl tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, mogħtija fil-Kawża C-186/16, Andriciuc et, għandu jiġi kkunsidrat li hija ċara u inekwivoka klawżola kuntrattwali relatata mar-riskju ta’ kambju li fiha ma huwiex indikat espressament li l-konsumatur jassumi esklużivament u kompletament ir-riskju tal-kambju, meta mill-klawżoli tal-kuntratt ma jirriżultax espressament li ż-żieda fil-kwoti tal-ħlas tista’ ssir sinjifikattiva u tista’ anki, fil-fatt, tilħaq kwalunkwe livell?

Id-dikjarazzjoni magħmula f’dan is-sens mill-konsumatur, ifformulata f’termini ġenerali fi klawżola kuntrattwali standard, hija suffiċjenti fiha nfisha sabiex jiġi stabbilit li l-informazzjoni dwar ir-riskju tal-kambju tissodisfa r-rekwiżit stabbilit fis-sentenza mogħtija fil-Kawża C-186/16, Andriciuc et, skont liema din l-informazzjoni għandha tippermetti lill-konsumatur medju jevalwa, abbażi tagħha, il-konsegwenzi ekonomiċi, potenzjalment sinjifikattivi, tat-trasferiment tar-riskju tal-kambju fuq l-obbligi finanzjarji tiegħu, meta l-ebda klawżola oħra tal-kuntratt u lanqas in-nota ta’ informazzjoni dwar ir-riskji ma jsostnu tali konklużjoni?

Fid-dawl tal-kontenut tal-imsemmija sentenza mogħtija fil-Kawża C-186/16, Andriciuc et, hija konformi mal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, l-interpretazzjoni tal-Kúria (il-Qorti Suprema), skont liema “il-fatt li l-konvenuta ipprovdiet l-informazzjoni dwar ir-riskju tal-kambju jfisser minnu nnifsu li r-rikorrenti kellha tikkunsidra bħala realistiku dan ir-riskju?

____________

1 Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288)

2 Sentenza tal-20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et, C-186/16, EU:C:2017:703.