Language of document : ECLI:EU:T:2011:614

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

21 ta’ Ottubru 2011 (*)

“Rikors għal annullament – Programm MEDA I – Ftehim speċifiku ta’ finanzjament – Mandat mogħti lill-Unjoni Ewropea biex tirkupra krediti dovuti minn terz lir-Renju tal-Marokk – Nota ta’ debitu – Ittra ta’ tfakkira – Atti mhux dissoċjabbli mill-kuntratt – Att li ma jistax jiġi kkontestat – Inammissibbiltà”

Fil-Kawża T‑335/09,

Groupement Adriano, Jaime Ribeiro, Conduril – Construção, ACE, stabbilit f’Porto (il-Portugall), irrappreżentat minn A. Pinto Cardoso u L. Fuzeta da Ponte, avukati,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A.-M. Rouchaud-Joët u S. Delaude, bħala aġenti, assistiti minn R. Faria da Cunha, avukat,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament, min-naħa waħda, tan-nota ta’ debitu Nru 3230905272 maħruġa mill-Kummissjoni fit-12 ta’ Ġunju 2009 u, min-naħa l-oħra, tal-ittra tat-3 ta’ Awwissu 2009 li permezz tagħha l-Kummissjoni ordnat il-ħlas tas-somma mitluba permezz tan-nota ta’ debitu kif ukoll tal-interessi moratorji relatati magħha,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn I. Pelikánová, President, K. Jürimäe (Relatur) u M. van der Woude, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Digriet

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-22 ta’ Settembru 2000, il-Komunità Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, u r-Renju tal-Marokk ikkonkludew ftehim speċifiku ta’ finanzjament (iktar ’il quddiem il-“ftehim speċifiku ta’ finanzjament”), fil-kuntest tal-programm MEDA I. Dan il-programm huwa bbażat fuq ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1488/96, tat-23 ta’ Lulju 1996, dwar il-miżuri finanzjarji u tekniċi li jakkumpanjaw il-(MEDA) ir-riforma tal-istrutturi ekonomiċi u soċjali fil-qafas tas-sħubija Ewro-Mediterranja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 24, p. 268). Il-ftehim speċifiku ta’ finanzjament għandu bħala skop il-finanzjament, mill-Komunità, tal-parti tar-rocade méditerranéenne – infrastruttura ta’ toroq – li tgħaqqad lil El Jebha u Ajdir, fil-Marokk. Dan jistabbilixxi l-metodi ta’ implementazzjoni u ta’ finanzjament tal-proġett ta’ kostruzzjoni ta’ din il-parti tat-triq.

2        Fil-21 ta’ Mejju 2004, ir-Renju tal-Marokk u r-rikorrent, Groupement Adriano, Jaime Ribeiro, Conduril – Construção, ACE, ikkonkludew il-kuntratt AH 04/2004 (iktar ’il quddiem “il-kuntratt”), fil-kuntest tal-proġett dwar il-parti mir-rocade méditerranéenne iffinanzjata mill-Komunità. B’mod partikolari, il-kuntratt jirrigwarda l-kostruzzjoni tal-parti mit-triq bejn Beni Boufra (il-Marokk) u Ajdir.

3        Abbażi tal-Artikolu 2(1) tal-kundizzjonijiet partikolari tal-kuntratt, id-dritt applikabbli għall-kuntratt huwa d-dritt Marokkin.

4        B’ittra tal-31 ta’ Lulju 2006, ir-Renju tal-Marokk ikkonstata dewmien kbir fl-eżekuzzjoni tax-xogħolijiet li kellhom jitlestew b’applikazzjoni tal-kuntratt, u sejjaħ lir-rikorrent sabiex jirrimedja din is-sitwazzjoni.

5        B’ittra tas-16 ta’ Novembru 2006, ir-Renju tal-Marokk innotifika lir-rikorrent li kienet ingħatatlu proroga tat-terminu għall-eżekuzzjoni tax-xogħolijiet.

6        B’ittra tat-12 ta’ Awwissu 2008, ir-Renju tal-Marokk informa lir-rikorrent li l-kuntratt kien ġie xolt b’effett mill-1 ta’ Awwissu 2008, b’applikazzjoni tal-Artikolu 61 tat-Taqsima 2 tal-kuntratt intitolata “Kundizzjonijiet ġenerali” (iktar ’il quddiem il-“kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt”) u tal-Artikolu 61 tat-Taqsima 3 tal-kuntratt intitolata “Kundizzjonijiet partikolari” (iktar ’il quddiem il-“kundizzjonijiet partikolari tal-kuntratt”).

7        Fit-28 ta’ Ottubru 2008, ir-Renju tal-Marokk fassal il-prospett provviżorju tax-xogħolijiet imwettqa u tal-ispejjeż Nru 41 (iktar ’il quddiem “il-prospett provviżorju Nru 41”), li minnu jirriżulta b’mod partikolari li l-penalitajiet minħabba d-dewmien li kienu jammontaw għal EUR 3 745 444.76 tpoġġew taħt ir-responsabbiltà tar-rikorrent b’applikazzjoni tal-Artikolu 34 tal-kundizzjonijiet partikolari tal-kuntratt. Id-dokument imsemmi jippreċiża li l-ammont totali tas-somom li kellhom jitħallsu mir-rikorrent lir-Renju tal-Marokk kien jammonta għal EUR 3 948 424.99.

8        B’ittra tat-22 ta’ Jannar 2009, il-Kummissjoni, li ddikjarat li kienet qiegħda taġixxi f’isem ir-Renju tal-Marokk, informat lir-rikorrent bl-intenzjoni tagħha li tipproċedi għall-irkupru tas-somma ta’ EUR 3 948 424.99, abbażi tal-prospett provviżorju Nru 41 u b’applikazzjoni tal-Artikolu 34 tal-kundizzjonijiet partikolari tal-kuntratt u tal-Artikolu 43.5 tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt. F’din l-ittra, il-Kummissjoni indikat lir-rikorrent li dan kellu terminu ta’ 30 ġurnata sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu, fin-nuqqas ta’ liema tinħariġlu nota ta’ debitu li titolbu l-ħlas ta’ dan l-ammont.

9        B’ittra tat-23 ta’ Marzu 2009, ir-rikorrent informa lill-Kummissjoni li kien qiegħed jikkontesta l-prospett provviżorju Nru 41 u li kien jixtieq jipproċedi għal ftehim bonarju tal-kwistjonijiet bejn il-partijiet għall-kuntratt.

10      B’ordni ta’ servizz tat-23 ta’ April 2009, ir-Renju tal-Marokk informa lir-rikorrent li kien ser jiġi eżegwit irkupru fl-ammont ta’ EUR 3 825 324.11 fil-prospetti tax-xogħolijiet imwettqa u tal-ispejjeż li kienu ser jiġu mfassla wara l-prospett provviżorju Nru 40.

11      B’ittra tat-12 ta’ Ġunju 2009, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrent in-nota ta’ debitu Nru 3230905272 (iktar ’il quddiem in-“nota ta’ debitu”), li fiha jintalab mingħand ir-rikorrent l-ammont ta’ EUR 3 949 869.02 li jikkorrispondi għall-applikazzjoni tal-penalitajiet minħabba d-dewmien, f’ammont ta’ EUR 3 745 444.76, u għall-irkupru tal-“bilanċ tad-depożitu mhux approvat sal-prospett provviżorju Nru 40 inkluż”, f’ammont ta’ EUR 204 424.26.

12      Fit-22 ta’ Ġunju 2009, b’ittra indirizzata lill-Kummissjoni, ir-rikorrent talab l-annullament tan-nota ta’ debitu.

13      B’ittra tal-1 ta’ Lulju 2009, il-Kummissjoni informat lir-rikorrent li hija ma setgħetx tilqa’ t-talba mressqa fl-ittra tiegħu tat-22 ta’ Ġunju 2009. Barra minn hekk, f’din l-ittra, il-Kummissjoni ppreċiżat li l-ammont imsemmi fl-ordni ta’ servizz tat-23 ta’ April 2009, jiġifieri EUR 3 825 324.11, kien jikkorrispondi għat-total tal-“bilanċ tad-depożitu mhux approvat sal-prospett provviżorju Nru 40 inkluż”, jiġifieri EUR 204 424.26, u tal-penalitajiet minħabba d-dewmien, jiġifieri EUR 3 745 444.76, bit-tnaqqis ta’ ammont ta’ EUR 124 544.91 approvat mill-prospett provviżorju Nru 40.

14      Fit-3 ta’ Awwissu 2009, il-Kummissjoni bagħtet ittra lir-rikorrent (iktar ’il quddiem l-“ittra ta’ tfakkira”) fejn ikkonstatat li l-ħlas relattiv għan-nota ta’ debitu ma kienx seħħ, u fejn talbitu sabiex iwettaq il-ħlas imsemmi, flimkien mal-interessi moratorji, f’terminu ta’ ħmistax-il ġurnata mid-data meta jirċievi l-ittra.

15      B’ittra tas-26 ta’ Marzu 2010 mibgħuta lid-delegazzjoni tal-Kummissjoni fil-Marokk, ir-Renju tal-Marokk ikkonferma li huwa kien ħareġ awtorizzazzjoni biex din tal-aħħar taġixxi f’ismu u fl-interess tiegħu, sabiex tirkupra l-ammonti dovuti mir-rikorrent.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

16      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Awwissu 2009, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors.

17      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Diċembru 2009, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

18      Fit-12 ta’ Frar 2010, ir-rikorrent ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

19      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla n-nota ta’ debitu u l-ittra ta’ tfakkira;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, inkluż fil-każ fejn ir-rikors jiġi miċħud bħala inammissibbli.

20      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala manifestament inammissibbli;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

21      Skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk parti tagħmel talba għal dan il-għan, il-Qorti Ġenerali tista’ tieħu deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża. Skont l-Artikolu 114(3), il-proċeduri dwar it-talba għandhom jitkomplew oralment sakemm il-Qorti Ġenerali ma tiddeċidix mod ieħor.

22      F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li għandha biżżejjed informazzjoni mill-atti tal-proċess sabiex tiddeċiedi dwar it-talba mressqa mill-Kummissjoni mingħajr ma hemm lok li l-partijiet jinstemgħu oralment.

23      Il-Kummissjoni teċċepixxi l-inammissibbiltà ta’ dan ir-rikors għall-motivi li, min-naħa waħda, il-Qorti Ġenerali ma hijiex kompetenti peress li n-nota ta’ debitu nħarġet f’kuntest kuntrattwali u, min-naħa l-oħra, peress li la n-nota ta’ debitu u lanqas l-ittra ta’ tfakkira ma huma atti li jistgħu jiġu kkontestati skont l-Artikolu 230 KE.

24      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 230 KE, il-qrati Komunitarji jistħarrġu l-legalità tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet intiżi sabiex jipproduċu effetti legali vinkolanti fir-rigward tat-terzi, billi jbiddlu b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni legali tagħhom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, Ġabra p. 2639, punt 9, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Jannar 2003, Philip Morris International vs Il-Kummissjoni, T‑377/00, T‑379/00, T‑380/00, T‑260/01 u T‑272/01, Ġabra p. II‑1, punt 81).

25      Skont ġurisprudenza stabbilita, din il-kompetenza tirrigwarda biss lill-atti msemmija fl-Artikolu 249 KE li l-istituzzjonijiet għandhom jadottaw taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti mit-Trattat (ara d-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Mejju 2004, Musée Grévin vs Il-Kummissjoni, T‑314/03 u T‑378/03, Ġabra p. II‑1421, punt 63, u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      Min-naħa l-oħra, l-atti adottati mill-istituzzjonijiet li jidħlu f’kuntest purament kuntrattwali u li ma jistgħux jiġu separati minnu ma humiex imsemmija, minħabba n-natura tagħhom stess, fost l-atti msemmija fl-Artikolu 249 KE, li l-annullament tagħhom jista’ jintalab mingħand il-qorti Komunitarja skont l-Artikolu 230 KE (digriet Musée Grévin vs Il-Kummissjoni, punt 25 iktar ’il fuq, punt 64).

27      F’dan il-każ, mill-atti tal-proċess jirriżulta li, permezz tan-nota ta’ debitu u l-ittra ta’ tfakkira, li huma intiżi għall-irkupru ta’ penalitajiet minħabba d-dewmien dovuti mir-rikorrent lir-Renju tal-Marokk minħabba n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt, u tal-bilanċ tad-depożitu mhux approvat, il-Kummissjoni, kif irrilevat hija stess, aġixxiet f’isem u fl-interess tar-Renju tal-Marokk, fil-kuntest tal-kuntratt.

28      Fil-fatt, qabel kollox, mill-ittri tal-31 ta’ Lulju 2006 u tat-12 ta’ Awwissu 2008, mibgħuta lir-rikorrent mir-Renju tal-Marokk, jirriżulta li n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt ġie kkonstatat minn dan tal-aħħar mill-2006, liema ħaġa wasslitu sabiex, fl-2008, ixolji l-kuntratt. Bil-prospett provviżorju Nru 41, bid-data tat-28 ta’ Ottubru 2008, ir-Renju tal-Marokk informa lir-rikorrent li kienu dovuti lilu penalitajiet minħabba d-dewmien, b’applikazzjoni tal-Artikolu 34 tal-kundizzjonijiet ġenerali u tal-Artikolu 34 tal-kundizzjonijiet partikolari tal-kuntratt. L-Artikolu 34 tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt jistabbilixxi li kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa jkun dovut lir-Renju tal-Marokk f’każ ta’ dewmien fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt u l-Artikolu 34 tal-kundizzjonijiet partikolari tal-kuntratt jistabbilixxi l-metodi għall-kalkolu tal-imsemmi kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa.

29      Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li l-ittra tat-22 ta’ Jannar 2009, li permezz tagħha l-Kummissjoni informat lir-rikorrent li kienet ser tintbgħatlu nota ta’ debitu, turi b’mod ċar li n-nota ta’ debitu msemmija hija bbażata fuq l-Artikolu 34 tal-kundizzjonijiet partikolari tal-kuntratt kif ukoll fuq l-Artikolu 43.5 tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt. L-Artikolu 43.5 tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt jistabbilixxi l-obbligu tal-persuna li tingħata l-kuntratt li tirrimborsa lir-Renju tal-Marokk l-ammonti żejda mħallsa b’relazzjoni mal-ammont finali dovut. Għandu jiġi enfasizzat ukoll li, min-naħa waħda, fl-ittra tat-22 ta’ Jannar 2009, il-Kummissjoni ddikjarat li kienet qiegħda taġixxi fl-interess tar-Renju tal-Marokk u, min-naħa l-oħra, fl-ittra tiegħu tas-26 ta’ Marzu 2010 mibgħuta lid-delegazzjoni tal-Kummissjoni fil-Marokk, ir-Renju tal-Marokk ikkonferma li huwa kien awtorizzaha biex taġixxi f’ismu u fl-interess tiegħu, sabiex tirkupra l-ammonti dovuti lilu mir-rikorrent.

30      Finalment, mill-ittra tal-1 ta’ Lulju 2009, mibgħuta mill-Kummissjoni lir-rikorrent, jirriżulta li n-nota ta’ debitu nħarġet abbażi tal-Artikolu 34.1 tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt. F’din l-istess ittra, il-Kummissjoni spjegat li n-nota ta’ debitu segwiet l-ordni ta’ servizz tat-23 ta’ April 2009, li permezz tagħha r-Renju tal-Marokk kien innotifika lir-rikorrent li kien ser jiġi eżegwit irkupru fl-ammont ta’ EUR 3 825 324.11, li b’mod partikolari jikkorrispondi għall-penalitajiet minħabba d-dewmien u għall-bilanċ tad-depożitu mhux approvat.

31      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, in-nota ta’ debitu maħruġa mill-Kummissjoni għandha titiqies li tifforma parti mill-kuntest tar-relazzjonijiet kuntrattwali li jeżistu bejn ir-rikorrent u r-Renju tal-Marokk. Barra minn hekk, peress li l-ittra ta’ tfakkira għandha biss bħala skop li ssejjaħ lir-rikorrent biex jipproċedi bil-ħlas tal-ammonti msemmija fin-nota ta’ debitu, din l-ittra wkoll tifforma parti mill-kuntest tal-kuntratt.

32      Madankollu, l-att adottat minn istituzzjoni f’kuntest kuntrattwali għandu jitqies bħala separat minn dan tal-aħħar meta, min-naħa waħda, dan ikun ġie adottat minn din l-istituzzjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi proprji tagħha u, min-naħa l-oħra, meta minnu nnifsu jipproduċi effetti legali vinkolanti li jistgħu jolqtu l-interessi tad-destinatarji tiegħu u jista’ għalhekk ikun is-suġġett ta’ rikors għal annullament. F’dawn iċ-ċirkustanzi, rikors għal annullament ippreżentat mid-destinatarju tal-att għandu jitqies bħala ammissibbli (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ April 1997, Geotronics vs Il-Kummissjoni, C‑395/95 P, Ġabra p. I‑2271, punti 14 u 15, u d-digriet tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Frar 2010, Alisei vs Il-Kummissjoni, T‑481/08, Ġabra p. II‑117, punti 63 u 64).

33      F’dan il-kuntest, il-“kompetenzi proprji ta’ istituzzjoni” għandhom jinftehmu bħala dawk, stabbiliti fit-Trattati u fid-dritt sekondarju, li jiffurmaw parti mill-prerogattivi tas-setgħa pubblika tagħha u li b’hekk jippermettulha li toħloq jew temenda, b’mod unilaterali, drittijiet u obbligi fir-rigward ta’ terz. Min-naħa l-oħra, l-eżerċizzju ta’ drittijiet kuntrattwali minn istituzzjoni, fil-każ fejn l-Unjoni tkun irċeviet awtorizzazzjoni sabiex taġixxi f’isem u fl-interess ta’ waħda mill-partijiet fil-kuntratt, ma jikkostitwixxix eżerċizzju tal-kompetenzi proprji tagħha, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti.

34      Issa, f’dan il-każ, hekk kif jirriżulta mill-punti 27 sa 31 iktar ’il fuq, kemm in-nota ta’ debitu kif ukoll l-ittra ta’ tfakkira ġew adottati b’eżekuzzjoni ta’ awtorizzazzjoni li r-Renju tal-Marokk ħareġ lill-Unjoni sabiex tirkupra l-krediti li kienu dovuti lilu mir-rikorrent abbażi tal-kundizzjonijiet partikolari u tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt. Għaldaqstant, l-atti msemmija ma jikkostitwixxux l-eżerċizzju, mill-Kummissjoni, ta’ prerogattivi tad-dritt pubbliku li hija tgawdi minnhom abbażi tad-dritt tal-Unjoni.

35      Konsegwentement, il-kundizzjoni relatata mal-eżerċizzju ta’ kompetenzi proprji min-naħa tal-Kummissjoni hija nieqsa.

36      Isegwi, mingħajr ma hemm il-ħtieġa li jiġi eżaminat jekk in-nota ta’ debitu u l-ittra ta’ tfakkira jipproduċux, minnhom infushom, effetti legali vinkolanti li jistgħu jolqtu l-interessi tar-rikorrent, li dan ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Fuq l-ispejjeż

37      Skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom jew għal raġunijiet eċċezzjonali, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

38      F’dan il-każ, għalkemm ir-rikorrent tilef it-talbiet tiegħu, il-Qorti Ġenerali tqis li l-Kummissjoni ma użatx kliem ċar u mhux ekwivoku fit-tfassil tan-nota ta’ debitu. Fil-fatt, ċerti elementi min-nota u, b’mod partikolari, ir-referenza għall-adozzjoni eventwali ta’ deċiżjoni li tifforma titolu eżekuttiv, abbażi tal-Artikolu 256 KE, setgħu joħolqu l-impressjoni, fil-ħsieb tar-rikorrent, li dan kien att adottat fl-eżerċizzju tal-kompetenzi proprji tagħha. Fid-dawl ta’ dan il-fatt, din tqis li ssir evalwazzjoni ġusta tal-fatti tal-każ jekk jiġi deċiż li l-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll l-ispejjeż tar-rikorrent.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

tordna:

1)      Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti minn Groupement Adriano, Jaime Ribeiro, Conduril – Construção, ACE.

Magħmul fil-Lussemburgu, fil-21 ta’ Ottubru 2011.

Reġistratur

 

      President

E. Coulon

 

      I. Pelikánová


* Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.