Language of document : ECLI:EU:T:2015:429

Kawża T‑527/13

Ir-Repubblika Taljana

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Għajnuna mill-Istat — Taxxa fuq il-ħalib — Għajnuna mogħtija mill-Italja lill-produtturi tal-ħalib — Skema ta’ għajnuna marbuta mar-rimbors tat-taxxa fuq il-ħalib — Deċiżjoni kundizzjonata — Nuqqas ta’ osservanza ta’ kundizzjoni li tippermetti r-rikonoxximent tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern — Għajnuna de minimis — Għajnuna eżistenti — Għajnuna ġdida — Modifika ta’ għajnuna eżistenti — Proċedura ta’ verifika tal-għajnuna mill-Istat — Obbligu ta’ motivazzjoni — Oneru tal-prova”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tal-24 ta’ Ġunju 2015

1.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Projbizzjoni — Derogi — Dmir ta’ kollaborazzjoni tal-Istat Membru li jitlob deroga

(Artikoli 107(2) TFUE u 108(3) TFUE; Regolament tal-Kummissjoni Nru 1535/2007, Artikoli 3 u 4(6))

2.      Proċedura ġudizzjarja — Tressiq ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża — Estensjoni ta’ motiv stabbilit preċedentement — Ammissibbiltà

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 48(2))

3.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata

(Artikolu 296 TFUE)

4.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Setgħa tal-Kunsill li jawtorizza għajnuna derogatorja minħabba ċirkustanzi eċċezzjonali — Ksur tal-kundizzjonijiet li jippermettu r-rikonoxximent tal-kompatibbiltà tal-iskema eżistenti — Setgħa ta’ stħarriġ li taqa’ taħt il-kompetenza tal-Kummissjoni — Portata

(Artikoli 107 TFUE u 108 TFUE)

5.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Għajnuna eżistenti u għajnuna ġdida — Modifika li taffettwa s-sustanza ta’ miżura li inizjalment evitat il-klassifikazzjoni bħala għajnuna — Klassifikazzjoni bħala għajnuna ġdida — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Artikoli 107 TFUE u 108 TFUE)

6.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Għajnuna eżistenti u għajnuna ġdida — Miżura li timmodifika skema ta’ għajnuna eżistenti — Modifika li ma tinfluwenzax is-sustanza tal-iskema — Klassifikazzjoni tal-iskema tal-għajnuna l-ġdida kollha kemm hi — Inammissibbiltà

(Artikolu 108 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 1(c))

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 17, 18)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 43)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 45, 47)

4.      Ma jistax jiġi ammess li l-Kummissjoni ma tkunx tista’ tressaq direttament azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata li Stat Membru ma kkonformax ma’ deċiżjoni meħuda minħabba fl-istħarriġ tal-għajnuna mill-Istat fil-każ fejn il-Kunsill juża, eċċezzjonalment, il-kompetenza li hija normalment teżerċita. B’mod partikolari, meta n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li l-Kummissjoni tqis li seħħ huwa marbut mal-għoti ta’ għajnuna ġdida, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hija setgħet timplementa s-setgħat li jattribwilha l-Artikolu 108 TFUE sabiex tistħarreġ il-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq intern. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha, inkluż, fejn xieraq, il-kuntest diġà evalwat f’deċiżjoni preċedenti u l-kundizzjonijiet li din id-deċiżjoni setgħet timponi fuq l-Istat Membru kkonċernat. Barra minn hekk, hija tista’ tieħu inkunsiderazzjoni kull punt ta’ fatt ġdid li jista’ jemenda l-analiżi li twettqet preċedentement. Fl-assenza ta’ tali elementi, hija tista’ tibbaża d-deċiżjoni l-ġdida tagħha fuq l-evalwazzjonijiet li saru fid-deċiżjoni preċedenti u fuq in-nuqqas ta’ osservazzjoni tal-kundizzjonijiet imposti minnha.

(ara l-punti 58, 61)

5.      Il-possibbiltà, għall-Kummissjoni, li tikklassifika bħala għajnuna ġdida, u fejn xieraq bħala illegali, mhux biss il-bidla ta’ għajnuna eżistenti, iżda wkoll l-għajnuna eżistenti kollha li hija s-suġġett ta’ din il-bidla, hija suġġetta, fir-rigward tal-mertu, għall-kundizzjoni li din l-istituzzjoni tistabbilixxi li l-imsemmija bidla taffettwa s-sustanza stess tal-miżura diġà eżistenti. Barra minn hekk, fil-każ li l-Istat Membru kkonċernat isostni, matul il-proċedura amministrattiva, jew li din il-bidla tista’ kjarament tinfired mill-miżura diġà eżistenti, jew li hija ta’ natura purament formali jew amministrattiva u ma hijiex ta’ natura li tinfluwenza l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ din il-miżura fis-suq intern, il-Kummissjoni għandha tiġġustifika r-raġunijiet li minħabba fihom dawn l-argumenti ma jidhrux fl-opinjoni tagħha li huma fondati.

(ara l-punt 76)

6.      Meta l-Kummissjoni tikkonstata n-nuqqas ta’ osservanza ta’ deċiżjoni li ddikjarat għajnuna jew skema ta’ għajnuna kompatibbli mas-suq intern taħt ċerti kundizzjonijiet, hija tista’, jew tinvolvi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata direttament hi dan in-nuqqas, jew, jekk din tikkonsisti fl-għoti ta’ għajnuna ġdida, timplementa s-setgħat li jippermettulha li tikkontrolla din tal-aħħar, sakemm tosserva r-rekwiżiti proċedurali u materjali marbuta magħhom. Għalkemm il-Kummissjoni tagħżel li timplementa s-setgħat ta’ stħarriġ tagħha, hija bħala prinċipju għandha tillimita ruħha għall-eżami tal-għajnuna ġdida. Huwa biss fil-każ li hija turi li din tal-aħħar bidlet is-sustanza stess tal-għajnuna eżistenti jew tal-iskema ta’ għajnuna eżistenti li l-Kummissjoni tista’, eċċezzjonalment, bi dritt tiddikjara li din il-miżura kollha kemm hi diġà eżistenti, hekk emendata, hija inkompatibbli mas-suq intern, tikkonstata li hija illegali fil-każ li l-imsemmija emenda barra minn hekk ma ġietx innotifikata lilha minn qabel l-implementazzjoni tagħha u tordna konsegwentement it-tħassir jew l-emenda tal-għajnuna jew tal-iskema ta’ għajnuna hekk emendata.

Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma għandhiex id-dritt li tikkunsidra li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ kundizzjoni imposta fil-mument tal-approvazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna eżistenti jwassal ipso facto għall-klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ din il-miżura bħala għajnuna ġdida, u wisq inqas li tikkunsidra din tal-aħħar bħala illegali ab initio u li tordna l-irkupru tagħha daqs li kieku kienet għajnuna implementata illegalment u mhux għajnuna awtorizzata minn qabel.

Fil-fatt, fl-ewwel lok, l-għajnuna kollha eżistenti hija koperta permezz ta’ deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni fejn hija kienet is-suġġett tagħha, mingħajr preġudizzju li l-Kummissjoni tikkunsidra li hija kienet is-suġġett ta’ użu ħażin jew li s-sustanza tagħha stess kienet ġiet mibdula mill-għajnuna ġdida. Minbarra f’dawn iż-żewġ każijiet, tali għajnuna għandha għalhekk titqies li hija legali sakemm il-Kummissjoni ma tikkonstatax l-inkompatibbiltà tagħha fis-suq intern.

Sussegwentement, fid-dawl tal-għan segwit minn tali kundizzjonijiet, in-nuqqas ta’ osservanza ulterjuri tagħhom jista’ biss iwassal lill-Kummissjoni sabiex tikkontesta, billi tagħmel riferiment għal waħda minn diversi mezzi proċedurali previsti fit-Trattat FUE u fir-Regolament Nru 659/1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat KE, il-benefiċċju tad-dikjarazzjoni ta’ kompatibbiltà fis-suq intern mogħtija għal miżura inkwistjoni, u mhux il-klassifikazzjoni tagħha bħala għajnuna eżistenti.

Barra minn hekk, peress li l-għajnuna eżistenti tista’, konformement mal-Artikolu 108(1) TFUE, tiġi regolarment implementata hekk li l-Kummissjoni ma kkonstatatx l-inkompatibbiltà tagħha, din id-dikjarazzjoni ta’ inkompatibbiltà tista’ tipproduċi effetti biss għall-futur.

Fil-każ kuntrarju, skema ta’ għajnuna regolarment implementata u ta’ għajnuna individwali legalment mogħtija bis-saħħa ta’ din, qabel mal-Istat Membru kkonċernat ma jonqosx milli jwettaq l-obbligi tiegħu, ser jitqiesu li jikkostitwixxu retroattivament għajnuna illegali u inkompatibbli fis-suq intern. Tali riżultat huwa ekwivalenti għal revoka tad-deċiżjoni li awtorizzat l-implementazzjoni ta’ dawn il-miżuri. Issa, kif jirriżulta mill-premessa 10 u mill-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 659/1999, tali sanzjoni kienet prevista mil-leġiżlatur fil-każ biss fejn deċiżjoni meħuda sabiex tikkontrolla l-għajnuna mill-Istat tkun ibbażata fuq informazzjoni skoretta.

Fl-aħħar nett, ir-Regolament Nru 659/1999 kien ġie adottat, b’mod partikolari, sabiex jiżgura ċ-ċertezza legali fi kwistjonijiet proċedurali, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda t-trattament ta’ għajnuna eżistenti u ta’ għajnuna illegali. Dan ir-regolament jipprovdi għar-regoli kollha li jippermettu lill-Kummissjoni tiżgura l-osservanza tad-deċiżjonijiet adottati sabiex tikkontrolla l-għajnuna mill-Istat, u b’mod partikolari sabiex taffaċċja każ ta’ nuqqas ta’ osservanza, mill-Istat Membru kkonċernat, ta’ waħda mill-kundizzjonijiet tad-dikjarazzjoni ta’ kompatibbiltà kif ukoll sabiex testrapola l-konsegwenzi legali kollha.

(ara l-punti 85-91)