Language of document :

Rikors ippreżentat fil-31 ta' Jannar 2012 - Uspaskich vs Il-Parlament

(Kawża T-84/12)

Lingwa tal-kawża: il-Litwan

Partijiet

Rikorrent: Viktor Uspaskich (Kėdainiai, il-Litwanja) (rappreżentant: Aivaras Raišutis, avukat)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew Nru P7_TA(2011)0541, tal-1 ta' Diċembru 2011, dwar talba għall-ħarsien tal-immunità tar-rikorrent;

tilqa' t-talba tar-rikorrent, tal-11 ta' April 2011, għall-eżami mill-ġdid tat-talba tal-Prosekutur Prinċipali tal-Istat sabiex l-immunità titneħħa;

tipproteġi l-immunità tar-rikorrent;

tagħti lir-rikorrent is-somma ta' EUR 10 000 bħala kumpens għad-danni;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka ħames motivi.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tad-dritt għar-reviżjoni ta' deċiżjoni preċedenti meta jkunu ħarġu fatti ġodda li jwasslu għall-preżunzjoni ta' fumus persecutionis.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tad-dritt għal eżami imparzjali tat-talba, billi l-istess persuna ġiet maħtura Relatur fit-tieni kawża li tikkonċerna l-ħarsien tal-immunità.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal trattament ekwu.

Ir-raba' motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 9(1)(a) tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, billi l-Parlament Ewropew adotta d-deċiżjoni kkontestata fuq bażi legali żbaljata u kiser l-Artikolu 9(1)(a) ta' dan il-protokoll peress li huwa bbaża ruħu fuq interpretazzjoni manifestament żbaljata tal-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 62 tal-Kostituzzjoni Litwana.

Il-ħames motiv huwa bbażat fuq evalwazzjoni manifestament żbaljata ta' fumus persecutionis. Skont ir-rikorrent, il-Parlament Ewropew wettaq evalwazzjoni żbaljata fir-rigward tan-natura vinkolanti tad-deċiżjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-immunità u fir-rigward tal-kunċett ta' fumus, u huwa rrifjuta li jikkunsidra l-argumenti tar-rikorrent li jikkonċernaw il-fumus persecutionis, li fuq il-bażi tagħhom ir-rikorrent kellu jiġi rrikonoxxut bħala vittma ta' persekuzzjoni politika.

____________