Language of document : ECLI:EU:T:2022:447

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

13 ta’ Lulju 2022 (*)

“Kompetizzjoni – Konċentrazzjonijiet – Suq tal-industrija farmaċewtika – Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 – Talba għal rinviju minn awtorità tal-kompetizzjoni mhux kompetenti skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali sabiex teżamina l-konċentrazzjoni – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li teżamina l-konċentrazzjoni – Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jilqgħu t-talbiet ta’ awtoritajiet nazzjonali oħra tal-kompetizzjoni li jingħaqdu mat-talba għal rinviju – Kompetenza tal-Kummissjoni – Terminu għall-preżentata tat-talba għal rinviju – Kunċett ta’ “komunikazzjoni” – Terminu raġonevoli – Aspettattivi leġittimi – Kummenti pubbliċi tal-Viċi President tal-Kummissjoni – Ċertezza legali”

Fil-Kawża T‑227/21,

Illumina, Inc., stabbilita f’Wilmington, Delaware (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn D. Beard, barrister, u P. Chappatte, avukata,

rikorrent,

sostnuta minn

Grail LLC, li qabel kienet Grail, Inc., stabbilita f’Menlo Park, California (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn D. Little, solicitor, J. Ruiz Calzado, J. M. Jiménez-Laiglesia Oñate u A. Giraud, avukati,

intervenjent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn N. Khan, G. Conte u C. Urraca Caviedes, bħala aġenti,

konvenut,

sostnuta minn

Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn K. Boskovits, bħala aġent,

minn

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn T. Stéhelin, P. Dodeller, J.-L. Carré u E. Leclerc, bħala aġenti,

minn

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn M. Bulterman u P. Huurnink, bħala aġenti,

u minn

L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, irrappreżenta minn C. Simpson, M. Sánchez Rydelski u M.-M. Joséphidès, bħala aġenti,

intervenjent,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE għall-annullament, l-ewwel nett, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2021) 2847 final tad‑19 ta’ April 2021 li tilqa’ t-talba tal-Autorité de la concurrence française (l-Awtorità Franċiża tal-Kompetizzjoni) li teżamina l-konċentrazzjoni relatat mal-akkwist minn Illumina, Inc. tal-kontroll esklużiv ta’ Grail, Inc. (Il-Każ COMP/M.10188 – Illumina/Grail), it-tieni, tad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni C(2021) 2848 final, C(2021) 2849 final, C(2021) 2851 final, C(2021) 2854 final u C(2021) 2855 final tad‑19 ta’ April 2021, li jilqgħu t-talbiet tal-Awtoritajiet tal-Kompetizzjoni tal-Greċja, tal-Belġju, tan-Norveġja, tal-Islanda u tal-Pajjiżi l-Baxxi li jingħaqdu ma’ din it-talba għal rinviju, u t-tielet, tal-ittra tal-Kummissjoni tal‑11 ta’ Marzu 2021 li tinforma lil Illumina u Grail b’dik it-talba għal rinviju,

Il-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża),

komposta minn G. De Baere, President, V. Kreuschitz (Relatur), U. Öberg, R. Mastroianni u G. Steinfatt, Imħallfin,

Reġistratur: S. Jund, amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tas‑16 ta’ Diċembru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal‑20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40), intitolat “Ambitu”, jipprovdi:

“1.      Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4(5) u l-Artikolu 22, dan ir-Regolament għandu japplika għall-konċentrazzjonijiet kollha li għandhom dimensjoni [Ewropea], kif definiti f’dan l-Artikolu.

2.      Konċentrazzjoni jkollha dimensjoni [Ewropea] meta:

a)      il-valur tal-bejgħ dinji totali ta’ l-impriżi kollha konċernati huwa ta’ aktar minn EUR 5000 miljun [EUR 5 biljun], u

b)      il-valur tal-bejgħ totali mill-[Unjoni Ewropea] kollha ta’ mill-anqas tnejn mill-impriżi konċernati huwa ta’ aktar minn EUR 250 miljun kull waħda,

sakemm kull waħda mill-impriżi konċernati ma tilħaqx aktar minn żewġ terzi mill-valur tal-bejgħ totali tagħha mill-[Unjoni] fl-istess Stat Membru.

3.      Konċentrazzjoni li ma tilħaqx il-livelli stabbiliti fil-paragrafu 2 għandha dimensjoni [Ewropea] meta:

a)      il-valur tal-bejgħ dinji totali ta’ l-impriżi kollha konċernati huwa ta’ aktar minn EUR 2500 miljun [EUR 2.5 biljun];

b)      il-valur tal-bejgħ totali ta’ l-impriżi kollha konċernati huwa ta’ aktar minn EUR 100 miljun f’kull wieħed minn ta’ l-anqas tlett Stati Membri;

ċ)      f’kull wieħed minn ta’ l-anqas tlett Stati Membri kunsidrati taħt punt (b), il-valur tal-bejgħ totali ta’ kull waħda minn ta’ l-anqas tnejn mill-impriżi konċernati huwa ta’ aktar minn EUR 25 miljun; u

d)      il-valur tal-bejgħ totali [fl-Unjoni] kollha ta’ kull waħda minn ta’ l-anqas tnejn mill-impriżi konċernati huwa ta’ aktar minn EUR 100 miljun,

sakemm kull waħda mill-impriżi konċernati ma tilħaqx aktar minn żewġ terzi tal-valur tal-bejgħ totali tagħha mill-[Unjoni] fl-istess Stat Membru.

[…]”

2        F’konformità mal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 139/2004, għandu jitqies li hemm konċentrazzjoni meta jkun hemm bidla fil-kontroll fuq bażi dewwiema, liema bidla tkun ir-riżultat ta’:

“a)      l-għaqda ta’ tnejn jew aktar impriżi, jew ta’ partijiet minn impriżi, li qabel kienu indipendenti, jew

b)      l-akkwist, minn persuna jew minn aktar minn persuna waħda li diġa tikkontrolla jew jikkontrollaw mill-anqas impriża waħda, jew minn impriża jew minn aktar minn impriża waħda, ta’ kontroll dirett jew indirett ta’ impriża jew ta’ aktar minn impriża waħda, jew ta’ partijiet minn impriża jew minn aktar minn impriża waħda. Dan l-akkwist jista’ jsir kemm permezz tax-xiri ta’ titoli jew ta’ assi, permezz ta’ kuntratt jew permezz ta’ kull mezz ieħor.”

3        L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 139/2004 jipprevedi:

“1.      Konċentrazzjoni b’dimensjoni [Ewropea] definiti f’dan ir-Regolament għandhom ikunu notifikati lill-Kummissjoni qabel ma jiġu implimentati u wara l-konklużjoni tal-ftehim, id-dikjarazzjoni ta’ l-offerta pubblika, jew l-akkwist ta’ interess li għandu kontroll […]

2.      Konċentrazzjoni magħmula minn għaqda fis-sens ta’ l-Artikolu 3(1)(a) jew magħmula permezz ta’ l-akkwist ta’ kontroll konġunt fis-sens ta’ l-Artikolu 3(1)(b) għandha tkun notifikata mill-partijiet kollha li huma involuti fl-għaqda jew mill-partijiet kollha li akkwistaw kontroll konġunt, skond il-każ. Fil-każijiet l-oħra kollha, n-notifika għandha tingħata mill-persuna jew mill-impriża li takkwista l-kontroll ta’ l-impriża jew ta’ aktar minn impriża waħda, jew ta’ parti minn impriża jew ta’ parti minn aktar minn impriża waħda.

[…]

4.      Qabel ma ssir in-notifika ta’ konċentrazzjoni fis-sens tal-paragrafu 1, il-persuni jew impriżi msemmija fil-paragrafu 2 jistgħu jinformaw lill-Kummissjoni, permezz ta’ sottomissjoni bl-argumenti u bir-raġunijiet tagħhom, illi l-konċentrazzjoni jista’ jkollha effett sinifikattiv fuq il-kompetizzjoni f’suq fi Stat Membru, liema suq għandha l-karatteristiċi kollha ta’ suq distint u għalhekk għandha tkun eżaminata, jew kollha kemm hi jew parti minnha, minn dak l-Istat Membru.

Il-Kummissjoni għandha tibgħat din is-sottomissjoni lill-Istati Membri kollha mingħajr dewmien. L-Istat Membru msemmi fis-sottomissjoni għandu, fi żmien 15-il jum utli minn meta jirċievi s-sottomissjoni, jiddikjara jekk jaqbilx jew le dwar it-talba li l-każ ikun riferut lilu. Jekk l-Istat Membru ma jieħux deċiżjoni fil-perjodu stipulat, huwa jitqies bħal li kieku jaqbel mat-talba.

Sakemm l-Istat Membru ma jaqbilx, il-Kummissjoni, fejn jidhrilha li fil-fatt jeżisti suq distint, u li l-kompetizzjoni f’dak is-suq tista’ tkun milquta mill-konċentrazzjoni, tista’ tiddeċiedi li tirreferi l-każ kollu jew parti minnu lill-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat Membru bil-għan li tkun applikata l-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni ta’ dak l-Istat.

Id-deċiżjoni dwar jekk il-każ għandux ikun riferut jew le fis-sens tat-tielet subparagrafu għandha tittieħed fi żmien 25 jum utli, liema perjodu jibda mid-data ta’ meta tkun riċevuta s-sottomissjoni mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra u l-persuni jew impriżi konċernati dwar id-deċiżjoni tagħha. Jekk il-Kummissjoni ma tieħux deċiżjoni f’dan il-perjodu, hija titqies bħallikieku adottat deċiżjoni biex tirreferi l-każ skond is-sottomissjoni magħmula mill-persuni jew mill-impriżi konċernati.

Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi, jew titqies bħallikieku iddeċidiet, skond it-tielet u r-raba’ subparagrafu, li tirreferi l-każ kollu, ma għandhiex issir notifika skond il-paragrafu 1 iżda għandha tapplika l-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni. L-Artikolu 9(6) sa (9) għandu japplika mutatis mutandis.

5.      Fil-każ ta’ konċentrazzjoni kif definit fl-Artikolu 3 li ma għandhiex dimensjoni [Ewropea] fis-sens ta’ l-Artikolu 1 u li tista’ tkun eżaminata taħt il-liġi tal-kompetizzjoni nazzjonali ta’ mill-anqas tlett Stati Membri, il-persuni jew l-impriżi imsemmija fil-paragrafu 2 jistgħu, qabel ma ssir notifika lill-awtoritajiet kompetenti, jinfurmaw lill-Kummissjoni permezz ta’ sottomissjoni bir-raġunijiet u bl-argumenti tagħhom li l-konċentrazzjoni għandha tkun eżaminata mill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni għandha tibgħat din is-sottomissjoni lill-Istati Membri mingħajr dewmien.

Kull Stat Membru li taħt il-liġi tal-kompetizzjoni nazzjonali tiegħu huwa kompetenti biex jeżamina l-konċentrazzjoni jista’, fi żmien 15-il jum utli minn meta jirċievi s-sottomissjoni, jiddikjara li ma jaqbilx mat-talba li l-każ ikun riferut.

F’każ li anki Stat Membru wieħed jiddikjara li ma jaqbilx skond it-tielet subparagrafu fi żmien 15-il jum utli, il-każ ma għandux ikun riferut. Il-Kummissjoni għandha tinforma, mingħajr dewmien, lill-Istati Membri kollha u l-persuni jew impriżi konċernati dwar xi dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ qbil.

F’każ l-ebda Stat Membru ma jiddikjara li ma jaqbilx fis-sens tat-tielet subparagrafu fi żmien 15-il jum utli, l-konċentrazzjoni għandha titqies bħala konċentrazzjoni b’dimensjoni Komunitarja u għandha tkun notifikata lill-Kummissjoni skond il-paragrafi 1 u 2. F’dawn il-każijiet l-ebda Stat Membru ma’ għandu japplika l-liġi tal-kompetizzjoni nazzjonali tiegħu fir-rigward tal-konċentrazzjoni.”

4        L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 139/2004 jaqra kif ġej:

“1.      Il-Kummissjoni tista’, fiċ-ċirkostanzi li ġejjin, tirreferi konċentrazzjoni notifikata lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru konċernat permezz ta’ deċiżjoni notifikata mingħajr dewmien lill-impriżi konċernati u l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri l-oħra.

2.      Fi żmien ta’ 15-il jum utli mid-data ta’ meta tkun riċevuta kopja tan-notifika, Stat Membru jista’, b’inizjattiva tiegħu jew wara stedina mill-Kummissjoni, jinforma lill-Kummissjoni (u li imbagħad għandha tinforma lill-impriżi konċernati), li:

a)      konċentrazzjoni thedded li tolqot b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni f’suq f’dak l-Istat Membru liema suq għandu l-karatteristiċi kollha ta’ suq distint, jew

b)      konċentrazzjoni tolqot il-kompetizzjoni f’suq f’dak l-Istat Membru, liema suq għandha l-karatteristiċi kollha ta’ suq distint u li mhux parti sostanzjali mis-suq komuni.

3.      Jekk il-Kummissjoni, wara li tkun ikkunsidrat is-suq għall-prodotti u s-servizzi konċernati kif ukoll is-suq ta’ referenza ġeografika fis-sens tal-paragrafu 7, tqis li jeżistu suq distint u wkoll theddida għal dan is-suq, tista’ jew:

a)      tieħu ħsieb tal-każ hija stess skond dan ir-Regolament; jew

b)      tirreferi l-każ kollu jew parti minnu lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru konċernat bil-għan li tkun applikata l-liġi tal-kompetizzjoni nazzjonali ta’ dak l-Istat.

Madankollu, jekk il-Kummissjoni tqis li ma jeżistix suq distint jew li ma teżistix theddida, hija għandha tadotta deċiżjoni fejn tindika dan. Din id-deċiżjoni għandha tkun indirizzata lill-Istati Membri. F’dan il-każ il-Kummissjoni għandha tieħu ħsieb tal-każ hija stess skond dan ir-Regolament.

F’każijiet fejn l-Istat Membru jinforma lill-Kummissjoni skond il-paragrafu 2(b) li konċentrazzjoni tolqot il-kompetizzjoni f’suq distint fit-territorju tiegħu liema suq mhux parti sostanzjali mis-suq [intern], l-Kummissjoni għandha tirreferi l-każ kollu jew il-parti li għandha x’taqsam mas-suq distint konċernat, jekk jidhrilha li dan is-suq distint jintlaqat mill-konċentrazzjoni.

[…]”

5        L-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, intitolat “Referenza lill-Kummissjoni”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Stat Membru, jew aktar minn Stat Membru wieħed, jista’ jitlob jew jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex teżamina xi [kull] konċentrazzjoni kif definita fl-Artikolu 3 li ma għandhiex dimensjoni [Ewropea] fis-sens ta’ l-Artikolu 1 iżda taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u thedded li tolqot b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni fit-territorju ta’ l-Istat Membru jew l-Istati Membri li għamel jew li għamlu t-talba.

Talba bħal din għandha ssir mhux aktar tard minn 15-il jum utli mill-jum li fih l-konċentrazzjoni kienet notifikata, jew f’każ li notifika mhix meħtieġa, mill-jum li fih il-konċentrazzjoni kienet mgħarrfa lill-Istat Membru konċernat.

2.      Il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tinforma lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri u lill-impriżi konċernati dwar kull talba li tirċievi skond il-paragrafu 1.

Kull Stat Membru ieħor għandu jkollu d-dritt li jingħaqad mat-talba oriġinali fi żmien 15-il jum utli minn meta l-Kummissjoni tinfurmah dwar it-talba.

It-termini perentorji nazzjonali kollha relatati mal-konċentrazzjoni għandhom ikunu sospiżi sakemm, skond il-proċedura stabbilita f’dan l-Artikolu, ikun deċiż fejn ħa tkun eżaminata l-konċentrazzjoni. Is-sospensjoni tat-termini perentorji nazzjonali tieqaf malli l-Istat Membru jinforma lill-Kummissjoni u lill-impriżi konċernati li ma jixtieqx jingħaqad mat-talba.

3.      Il-Kummissjoni tista’, mhux aktar tard minn għaxart ijiem utli minn tmiem il-perjodu stabbilit fil-paragrafu 2, tiddeċiedi li teżamina l-konċentrazzjoni meta jidhrilha li din tolqot il-kummerċ bejn Stati Membru u thedded li tolqot b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni fit-territorju ta’ l-Istat Membru jew l-Istati Membri li għamel jew għamlu t-talba. Jekk il-Kummissjoni ma tieħux deċiżjoni f’dan il-perjodu, hija għandha titqies bħallikieku adottat deċiżjoni biex teżamina l-konċentrazzjoni skond it-talba.

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri kollha u lill-impriżi konċernati dwar id-deċiżjoni tagħha. Hija tista’ titlob is-sottomissjoni ta’ notifika skond l-Artikolu 4.

L-Istat Membru jew Stati Membri li għamel jew għamlu t-talba ma għandhomx jibqgħu japplikaw l-liġi nazzjonali tagħhom dwar il-kompetizzjoni fir-rigward tal-konċentrazzjoni.

4.      L-Artikolu 2, l-Artikolu 4(2) sa (3), l-Artikoli 5,6, u 8 sa 21 għandhom japplikaw meta l-Kummissjoni teżamina konċentrazzjoni skond il-paragrafu 3. L-Artikolu 7 għandu japplika sakemm il-konċentrazzjoni ma kinitx implimentata sal-ġurnata li fiha l-Kummissjoni tinforma lill-impriżi konċernati li saret talba.

Meta ma tkunx meħtieġa notifika skond l-Artikolu 4, il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 10(1) li fih jistgħu jinbdew proċeduri għandu jibda fil-jum utli ta’ wara dak li fih il-Kummissjoni tinforma lill-impriżi konċernati li hi iddeċidiet li teżamina l-konċentrazzjoni skond il-paragrafu 3.

5.      Il-Kummissjoni tista’ tinforma lil Stat Membru jew lil diversi Stati Membri li hija tqis konċentrazzjoni bħala li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1. F’dawn il-każijiet il-Kummissjoni tista’ tistieden lil dak l-Istat Membru jew lil dawk l-Istati Membri biex jagħmel jew jagħmlu talba skond il-paragrafu 1.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 Fuq l-impriżi kkonċernati u fuq il-konċentrazzjoni inkwistjoni

6        Ir-rikorrenti, Illumina, Inc., toffri soluzzjonijiet fil-qasam tal-analiżi ġenetika u ġenomika permezz tas-sekwenzjar u permezz ta’ ċipep.

7        Fl‑20 ta’ Settembru 2020, Illumina kkonkludiet ftehim u pjan ta’ għaqda intiż sabiex tikseb kontroll esklużiv ta’ Grail LLC (li qabel kienet Grail, Inc.), li tiżviluppa testijiet tad-demm għall-iscreening bikri tal-kanċer, u li diġà kellha sehem ta’ 14,5 % fiha (iktar ’il quddiem il-“konċentrazzjoni inkwistjoni”).

8        Fl‑21 ta’ Settembru 2020, Illumina u Grail (iktar ’il quddiem l-“impriżi kkonċernati”) ippubblikaw stqarrija għall-istampa li ħabbret din il-konċentrazzjoni.

 Fuq in-nuqqas ta’ notifika

9        Billi d-dħul mill-bejgħ tal-impriżi kkonċernati ma kienx jaqbeż il-limiti rilevanti, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li Grail ma kienet tiġġenera l-ebda dħul fl-ebda Stat Membru tal-Unjoni jew xi mkien ieħor fid-dinja, il-konċentrazzjoni inkwistjoni ma kellhiex dimensjoni Ewropea, fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 139/2004, u għalhekk ma ġietx innotifikata lill-Kummissjoni Ewropea f’konformità mal-Artikolu 4(1) ta’ dak ir-Regolament.

10      Il-konċentrazzjoni inkwistjoni lanqas ma ġiet innotifikata fl-Istati Membri tal-Unjoni jew fi Stati partijiet għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3), peress li ma kinitx taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet.

 Fuq it-talba għal rinviju lill-Kummissjoni

11      Fis‑7 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni rċeviet ilment dwar il-konċentrazzjoni inkwistjoni. Fis‑17 ta’ Diċembru 2020, saret laqgħa permezz ta’ vidjokonferenza bejn il-Kummissjoni u l-lanjant, li fiha l-lanjant iddeskriva t-tħassib tiegħu dwar dik il-konċentrazzjoni. Wara din il-laqgħa, il-Kummissjoni kellha diskussjonijiet addizzjonali mal-lanjant u, sabiex tiċċara l-kompetenza li jista’ għandhom biex jeżaminaw l-imsemmija konċentrazzjoni, mal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Ġermanja, tal-Awstrija, tas-Slovenja u tal-Isvezja. Hija kienet ukoll f’kuntatt mal-Competition and Markets Authority (l-Awtorità tal-Kompetizzjoni u s-Swieq, ir-Renju Unit, iktar ’il quddiem is-“CMA”), li wkoll kienet irċeviet l-ilment. Il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni preliminari li l-konċentrazzjoni inkwistjoni setgħet tkun is-suġġett ta’ rinviju skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li l-importanza ta’ Grail għall-kompetizzjoni ma kinitx riflessa fid-dħul mill-bejgħ tagħha.

12      Fid‑19 ta’ Frar 2021, il-Kummissjoni informat lill-Istati Membri bil-konċentrazzjoni inkwistjoni, minn naħa, billi ppreżentatha lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni fil-kuntest tal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Konċentrazzjonijiet tan-Network Ewropew għall-Kompetizzjoni  u, min-naħa l-oħra, billi bagħtitilhom ittra skont l-Artikolu 22(5) tar-Regolament Nru 139/2004 (iktar ’il quddiem l-“ittra ta’ stedina”). F’din l-ittra, il-Kummissjoni spjegat ir-raġunijiet għaliex hija kienet ikkunsidrat, prima facie, li l-konċentrazzjoni kienet tidher li tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 22(1) ta’ dan ir-regolament, u stiednet lill-Istati Membri jissottomettu talba għal rinviju skont din l-aħħar dispożizzjoni. Sussegwentement, il-Kummissjoni kellha diskussjonijiet ma’ ċerti awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni sabiex tiddiskuti l-imsemmija ittra.

13      Permezz ta’ posta elettronika tas‑26 ta’ Frar 2021, il-Kummissjoni kkuntattjat lir-rikorrenti sabiex tipproponi konverżazzjoni bit-telefon dwar il-konċentrazzjoni inkwistjoni. Fil-kuntest ta’ dik il-konverżazzjoni, li seħħet fl‑4 ta’ Marzu 2021, hija informat lir-rappreżentant legali ta’ kull waħda mill-impriżi kkonċernati bl-ittra ta’ stedina u bil-possibbiltà ta’ talba għal rinviju skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004.

14      Fid‑9 ta’ Marzu 2021, l-Awtorità Franċiża tal-Kompetizzjoni (iktar ’il quddiem l-“ACF”) talbet lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004, teżamina l-konċentrazzjoni inkwistjoni (iktar ’il quddiem it-“talba għal rinviju”).

15      Fl‑10 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 139/2004, informat lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri l-oħra kif ukoll lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA bit-talba għal rinviju. Fil‑11 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni informat ukoll lill-impriżi kkonċernati bit-talba għal rinviju filwaqt li fakkrithom li l-konċentrazzjoni inkwistjoni ma setgħetx tiġi implimentata sakemm, u sa fejn, l-obbligu ta’ sospensjoni previst mill-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 139/2004, moqri flimkien mat-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(4) tal-imsemmi regolament, kien applikabbli (iktar ’il quddiem l-“ittra ta’ informazzjoni”).

16      Permezz ta’ ittri tal‑24, tas‑26 u tal‑31 ta’ Marzu 2021, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Belġju, tal-Greċja, tal-Islanda, tal-Pajjiżi l-Baxxi u tan-Norveġja talbu li jingħaqdu mat-talba għal rinviju, f’konformità mal-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 139/2004 (iktar ’il quddiem it-“talbiet biex jingħaqdu”).

17      Fis‑16 u d‑29 ta’ Marzu 2021, l-impriżi kkonċernati ppreżentaw lill-Kummissjoni osservazzjonijiet li joġġezzjonaw għat-talba għal rinviju. Fit‑2, is‑7 u t‑12 ta’ April 2021, ir-rikorrenti wieġbet għat-talbiet għal informazzjoni indirizzati lilha mill-Kummissjoni fis‑26 ta’ Marzu u fit‑8 ta’ April 2021.

18      Fil‑31 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni ppubblikat il-Gwida dwar l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ referenza stabbilit fl-Artikolu 22 tar-Regolament [Nru 139/2004] għal ċerti kategoriji ta’ każijiet (ĠU 2021, C 113, p. 1; iktar ’il quddiem il-“gwida dwar l-Artikolu 22”).

19      Permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ April 2021, il-Kummissjoni laqgħet it-talba għal rinviju (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Permezz ta’ deċiżjonijiet li ttieħdu fl-istess jum li jikkonċernaw, rispettivament, lill-Belġju, lill-Greċja, lill-Iżlanda, lill-Pajjiżi l-Baxxi u lin-Norveġja, hija laqgħet ukoll it-talbiet biex jingħaqdu (iktar ’il quddiem, flimkien mad-deċiżjoni kkontestata, id-“deċiżjonijiet ikkontestati”).

 Fuq id-deċiżjonijiet ikkontestati

 Fuq l-osservanza tat-terminu ta’ ħmistax-il jum ta’ xogħol

20      Il-Kummissjoni kkunsidrat li t-talba għal rinviju tad‑9 ta’ Marzu 2021 kienet ġiet ippreżentata fit-terminu ta’ ħmistax-il jum ta’ xogħol previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004, peress li l-konċentrazzjoni inkwistjoni kienet, permezz tal-ittra ta’ stedina, ġiet innotifikata lir-Repubblika Franċiża fid‑19 ta’ Frar 2021 (punti 20 u 29 tad-deċiżjoni kkontestata). Skont il-Kummissjoni, hija din l-ittra, ibbażata fuq riċerka fil-fond, fuq analiżi mmirata u fuq informazzjoni pprovduta mill-lanjant, li ppermettiet lir-Repubblika Franċiża twettaq eżami preliminari tal-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 (punti 26 u 28 tad-deċiżjoni kkontestata).

21      Il-Kummissjoni qieset ukoll li t-talbiet biex jingħaqdu żammew mat-terminu previst mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 139/2004, peress li r-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika tal-Islanda, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju tan-Norveġja ppreżentaw dawn it-talbiet fl‑24, fis‑26 u fil‑31 ta’ Marzu 2021, jiġifieri f’terminu ta’ ħmistax-il jum ta’ xogħol mid-data li fiha hija kienet informathom, permezz tal-ittra tagħha tal‑10 ta’ Marzu 2021, bit-talba għal rinviju (punti 21 u 22 tad-deċiżjonijiet li jikkonċernaw lill-Belġju, lill-Islanda, lill-Pajjiżi l-Baxxi u lin-Norveġja u punti 16 u 17 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Greċja).

 Fuq l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u fuq it-theddida ta’ effett sinjifikattiv fuq il-kompetizzjoni

22      Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-konċentrazzjoni inkwistjoni, minn naħa, setgħet taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri (punti 39 sa 45 tad-deċiżjoni kkontestata, punti 33 sa 39 tad-deċiżjonijiet li jikkonċernaw lill-Belġju, lill-Islanda, lill-Pajjiżi l-Baxxi u lin-Norveġja u punti 28 sa 34 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Greċja), u, min-naħa l-oħra, li kienet thedded li taffettwa b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni fuq it-territorji Franċiżi, Griegi, Islandiżi, Belġjani, Norveġiżi u Olandiżi bħala partijiet taż-Żona Ekonomika Ewropea (iktar ’il quddiem iż-“ŻEE”) (punti 51 u 80 tad-deċiżjoni kkontestata, punti 49 u 78 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Belġju, punti 41 u 70 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Greċja, punti 46 u 75 tad-deċiżjonijiet li jikkonċernaw lill-Islanda u lin-Norveġja u punti 50 u 79 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Pajjiżi l-Baxxi).

 Fuq in-natura xierqa tar-rinviju

23      Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-konċentrazzjoni inkwistjoni kienet tissodisfa l-kriterji għal rinviju skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 (punt 109 tad-deċiżjoni kkontestata, punt 107 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Belġju, punt 99 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Greċja, punt 104 tad-deċiżjonijiet li jikkonċernaw lill-Islanda u lin-Norveġja u punt 108 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Pajjiżi l-Baxxi).

24      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni qieset li l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 45 tal-Komunikazzjoni tagħha dwar ir-rinviju ta’ każijiet fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet (ĠU 2005, C 56, p. 2; iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni dwar ir-rinviju”) kienu ġew issodisfatti (punt 85 tad-deċiżjoni kkontestata, punt 83 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Belġju, punt 75 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Greċja, punt 80 tad-deċiżjonijiet li jikkonċernaw lill-Islanda u lin-Norveġja u punt 84 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Pajjiżi l-Baxxi). Barra minn hekk, it-testijiet tas-sekwenzjar tal-kanċer permezz ta’ NGS huma meqjusa bħala titjib kbir fil-ġlieda kontra l-kanċer, li hija waħda mill-prijoritajiet tal-Kummissjoni fil-qasam tas-saħħa. Għaldaqstant, huwa mixtieq li jkun hemm trattament koerenti tal-isforzi ta’ investigazzjoni magħmula f’dan ir-rigward fil-livell tal-Unjoni (punt 84 tad-deċiżjoni kkontestata, punt 82 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Belġju, punt 74 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Greċja, punt 79 tad-deċiżjonijiet li jikkonċernaw lill-Islanda u lin-Norveġja u punt 83 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Pajjiżi l-Baxxi).

25      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni fakkret li l-gwida dwar l-Artikolu 22 tiċċara l-mod kif il-kriterji msemmija fil-komunikazzjoni dwar ir-rinviju għandhom jiġu applikati f’każijiet fejn l-awtoritajiet nazzjonali ma kinux kompetenti sabiex jeżaminaw konċentrazzjoni. Skont il-Kummissjoni, il-konċentrazzjoni inkwistjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija gwida peress li tinvolvi l-akkwist ta’ impriża li l-importanza tagħha għall-kompetizzjoni ma hijiex riflessa fid-dħul mill-bejgħ tagħha (punti 86 u 87 tad-deċiżjoni kkontestata, punti 84 u 85 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Belġju, punti 76 u 77 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Greċja, punti 81 u 82 tad-deċiżjonijiet li jikkonċernaw lill-Islanda u lin-Norveġja u punti 85 u 86 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Pajjiżi l-Baxxi).

26      Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat li l-konċentrazzjoni inkwistjoni la kienet ġiet implimentata u lanqas innotifikata fi Stati Membri oħra (punt 88 tad-deċiżjoni kkontestata, punt 86 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Belġju, punt 78 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Greċja, punt 83 tad-deċiżjonijiet li jikkonċernaw lill-Islanda u lin-Norveġja u punt 87 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Pajjiżi l-Baxxi).

27      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni eżaminat l-argumenti tal-impriżi kkonċernati dwar il-konformità mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u tad-drittijiet tad-difiża (punt 89 tad-deċiżjoni kkontestata, punt 87 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Belġju, punt 79 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Greċja, punt 84 tad-deċiżjonijiet li jikkonċernaw lill-Islanda u lin-Norveġja u punt 88 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Pajjiżi l-Baxxi).

28      L-ewwel nett, fir-rigward tal-kompetenza tagħha, hija qieset li l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 jippermetti lill-Istati Membri jitolbu minnha rinviju ta’ każ ta’ konċentrazzjoni “li huma ma għandhomx kompetenza fuqha” [traduzzjoni mhux uffiċjali], sakemm il-kundizzjonijiet legali stabbiliti f’dik id-dispożizzjoni jiġu ssodisfatti. Kif huwa mfakkar fil-gwida dwar l-Artikolu 22, din il-konklużjoni tirriżulta minn interpretazzjoni letterali tal-imsemmija dispożizzjoni u hija kkonfermata mill-istorja leġiżlattiva tagħha, mill-għan, mill-istruttura ġenerali u mill-interpretazzjoni kuntestwali tar-Regolament Nru 139/2004, kif ukoll mill-prassi tal-Kummissjoni.

29      B’mod partikolari, l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, li jistabbilixxi b’mod eżawrjenti l-kundizzjonijiet legali li għandhom jissodisfaw it-talbiet għal rinviju, ma jirrikjedix li “l-Istat Membru li jagħmel tali talba jkollu l-kompetenza biex jeżamina l-konċentrazzjoni kkonċernata” [traduzzjoni mhux uffiċjali], iżda jirrikonoxxi kemm b’mod espliċitu kif ukoll b’mod impliċitu li din it-talba tista’ toriġina minn Stat Membru li fih ma hijiex meħtieġa n-notifika tal-konċentrazzjoni kkonċernata. Il-Kummissjoni fakkret li, wara l-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 tal‑21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 31), l-għan kien li hija tkun tista’ teżamina l-konċentrazzjonijiet li jistgħu jikkawżaw dannu antikompetittiv fis-suq intern li ma setgħux jiġu eżaminati mill-awtoritajiet tal-Istati Membri. Interpretazzjoni restrittiva tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 jista’ jkollha bħala riżultat li tipprekludi l-eżami ta’ tali konċentrazzjonijiet u l-effetti transkonfinali tagħhom. Stat Membru mingħajr sistema ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet diġà seta’ jitlob rinviju lill-Kummissjoni skont ir-Regolament Nru 4064/89, kif ikkonfermat mis-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 1999, Kesko vs Il‑Kummissjoni (T‑22/97, EU:T:1999:327). Il-Kummissjoni fakkret li kienet aċċettat li l-Istati Membri mingħajr sistema ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet jingħaqdu ma’ talba għal rinviju ta’ Stat Membru ieħor. Skont il-Kummissjoni, kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 billi jeskludi tali Stati Membri, seta’ juża l-istess kriterju ta’ kompetenza bħal dak previst fl-Artikolu 4(5) ta’ dan ir-regolament (punt 90 tad-deċiżjoni kkontestata, punt 88 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Belġju, punt 80 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Greċja, punt 85 tad-deċiżjonijiet li jikkonċernaw lill-Islanda u lin-Norveġja u punt 89 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Pajjiżi l-Baxxi).

30      It-tieni, fir-rigward tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, kif imsemmi fil-premessa 8 tar-Regolament Nru 139/2004, il-Kummissjoni fakkret li l-leġiżlatur tal-Unjoni kien iddeċieda li każ ta’ konċentrazzjoni seta’ jiġi rrinvijat lilha skont il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 22 tal-imsemmi regolament. Il-prinċipju ta’ sussidjarjetà japplika biss għall-materji li ma jaqgħux taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, meta jkun neċessarju li jiġi stabbilit jekk l-azzjoni prevista tkunx tista’ titwettaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri. Issa, fin-nuqqas ta’ kompetenza, l-eżami tal-konċentrazzjoni inkwistjoni ma setax jitwettaq minn dawn tal-aħħar (punt 92 tad-deċiżjoni kkontestata, punt 90 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Belġju, punt 82 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Greċja, punt 87 tad-deċiżjonijiet li jikkonċernaw lill-Islanda u lin-Norveġja u punt 91 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Pajjiżi l-Baxxi).

31      It-tielet, fir-rigward tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tal-impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni rrilevat li d-dritt tal-Istati Membri li jirrinvijaw lilha, skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, każijiet ta’ konċentrazzjoni li ma kinux jeħtieġu li jiġu nnotifikati f’dawk l-Istati minn dejjem kien jeżisti. Il-prassi preċedenti tagħha intiża sabiex tiskoraġġixxi lil tali Stati Membri mingħajr kompetenza milli jressqu talba għal rinviju ma tfissirx li hija kienet qiegħda teskludi l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għal kull każ futur. Għall-kuntrarju, fil-White Paper tagħha tad‑9 ta’ Lulju 2014 lejn kontroll aktar effettiv tal-fużjonijiet tal-[Unjoni] (COM/2014/0449 final), dan id-dritt ġie kkonfermat b’mod espliċitu. Il-Kummissjoni kkunsidrat li ma tat l-ebda assigurazzjoni preċiża, mingħajr kundizzjoni u koerenti li teskludi li jsiru xi talbiet għal rinviju fil-futur. Fid-diskors tagħha tal‑11 ta’ Settembru 2020, il-Viċi President tal-Kummissjoni lanqas ma tat tali assigurazzjonijiet, iżda indikat li kien ikun utli li tinbidel din il-prassi preċedenti u li dan ma kienx ser isseħħ mil-lum għal għada (punt 94 tad-deċiżjoni kkontestata, punt 92 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Belġju, punt 84 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Greċja, punt 89 tad-deċiżjonijiet li jikkonċernaw lill-Islanda u lin-Norveġja u punt 93 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Pajjiżi l-Baxxi).

32      Ir-raba’, fir-rigward taċ-ċertezza legali, il-Kummissjoni qieset li ż-żmien li għadda minn meta tħabbret il-konċentrazzjoni inkwistjoni u l-effetti negattivi possibbli għall-impriżi kkonċernati kienu kkontrobilanċjati mill-effetti negattivi potenzjalment sinjifikattivi fuq il-kompetizzjoni ta’ din il-konċentrazzjoni, li jeħtieġ li jiġu eżaminati (punt 100 tad-deċiżjoni kkontestata, punt 98 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Belġju, punt 90 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Greċja, punt 95 tad-deċiżjonijiet li jikkonċernaw lill-Islanda u lin-Norveġja u punt 99 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Pajjiżi l-Baxxi).

33      Fil-fatt, prima facie, l-impatt potenzjali tal-konċentrazzjoni inkwistjoni fuq il-kompetizzjoni fis-suq intern u fuq il-konsumaturi Ewropej huwa sinjifikattiv. Il-Kummissjoni rrilevat li kienet saret taf b’din il-konċentrazzjoni f’Diċembru 2020, permezz tal-ilment. Hija eżaminat immedjatament iċ-ċirkustanzi tal-każ u, wara li ġiet informata dwar il-fatt li din il-konċentrazzjoni ma kinitx taqbeż il-limiti rilevanti tal-ebda wieħed mill-Istati Membri, bagħtet l-ittra ta’ stedina lil dawk l-Istati Membri. Barra minn hekk, fid-dawl tal-fatt li l-konċentrazzjoni inkwistjoni ma setgħetx tiġi implimentata minħabba proċedura pendenti quddiem il-qrati tal-Istati Uniti, l-impatt taż-żmien li għadda fuq l-impriżi kkonċernati kien limitat (punti 97 sa 99 tad-deċiżjoni kkontestata, punti 95 sa 97 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Belġju, punti 87 sa 89 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Greċja, punti 92 sa 94 tad-deċiżjonijiet li jikkonċernaw lill-Islanda u lin-Norveġja u punti 96 sa 98 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Pajjiżi l-Baxxi).

34      Il-ħames, fir-rigward tal-prinċipju tal-proporzjonalità, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-interpretazzjoni stretta ssuġġerita mill-impriżi kkonċernati kienet tmur kontra l-formulazzjoni tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 kif ukoll għall-għan u l-istruttura ġenerali ta’ dik id-dispożizzjoni. L-evalwazzjoni tagħha kienet konformi ma’ dan il-prinċipju sa fejn hija kienet qieset, b’mod partikolari, jekk il-konċentrazzjoni kkonċernata kinitx diġà ġiet implimentata, jekk kinitx ġiet innotifikata fi Stat Membru jew Stati Membri li ma kinux talbu r-rinviju lilha, u jekk din kinitx tinvolvi għan li jippreżenta “potenzjal kompetittiv sinjifikattiv” li ma kienx rifless fid-dħul mill-bejgħ tagħha. Il-Kummissjoni essenzjalment ippreċiżat li, minn fost id-diversi konċentrazzjonijiet mingħajr dimensjoni Ewropea fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 139/2004, numru żgħir biss kienu l-ewwel nett, issodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 22 tal-imsemmi regolament u, it-tieni, jistgħu jitqiesu xierqa għal rinviju skont il-gwida dwar l-Artikolu 22. Għaldaqstant, tali każijiet jistgħu jitqiesu bħala eċċezzjonali (punti 102 u 103 tad-deċiżjoni kkontestata, punti 100 u 101 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Belġju, punti 92 u 93 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Greċja, punti 97 u 98 tad-deċiżjonijiet li jikkonċernaw lill-Islanda u lin-Norveġja u punti 101 u 102 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Pajjiżi l-Baxxi).

35      Is-sitt, il-Kummissjoni ċaħdet bħala infondati l-argumenti tal-impriżi kkonċernati li d-dritt tagħhom għal smigħ u l-prinċipji ta’ ekwità u ta’ amministrazzjoni tajba kienu ġew miksura. Hija ssottolinjat li fis‑26 ta’ Frar 2021 kienet informat lir-rikorrenti li bagħtet l-ittra ta’ stedina tagħha, jiġifieri qabel ma rċeviet it-talba għal rinviju. Il-Kummissjoni qieset li l-approċċ tagħha kien għalhekk konformi mal-punt 27 tal-gwida dwar l-Artikolu 22, li jgħid li, jekk tkun qiegħda tiġi kkunsidrata talba għal rinviju, hija għandha tinforma lill-partijiet għat-tranżazzjoni malajr kemm jista’ jkun. L-għan ta’ dan il-punt huwa barra minn hekk li jiġi indikat kwalunkwe obbligu ta’ sospensjoni tal-konċentrazzjoni li jista’ jkun hemm. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kienet informat lill-impriżi kkonċernati fi żmien xieraq bit-talba għal rinviju, li ġiet mibgħuta lilhom malajr wara li rċevietha (punti 104 sa 108 tad-deċiżjoni kkontestata, punti 102 sa 106 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Belġju, punti 94 sa 98 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Greċja, punti 99 sa 103 tad-deċiżjonijiet li jikkonċernaw lill-Islanda u lin-Norveġja u punti 103 sa 107 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Pajjiżi l-Baxxi).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

36      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑28 ta’ April 2021, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

37      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, ir-rikorrenti talbet li dan ir-rikors jiġi deċiż bi proċedura mħaffa, f’konformità mal-Artikoli 151 u 152 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Ġunju 2021, il-Qorti Ġenerali laqgħet din it-talba.

38      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑7 ta’ Ġunju 2021, Grail, Inc. talbet li tintervjeni f’din il-proċedura insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti. Permezz ta’ digriet tat‑2 ta’ Lulju 2021, il-President tat-Tielet Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali ppermetta dan l-intervent. Permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-istess jum, Grail, Inc. ġiet awtorizzata, skont l-Artikolu 154(3) tar-Regoli tal-Proċedura, moqri flimkien mal-Artikolu 145(1) u mal-Artikolu 89(3)(b) tal-imsemmija regoli, tippreżenta nota ta’ intervent.

39      Fuq proposta tat-Tielet Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

40      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, rispettivament, fit‑22 ta’ Ġunju kif ukoll fis‑6, fil‑21 u fid‑29 ta’ Lulju 2021, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Ellenika u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA talbu li jintervjenu f’din il-proċedura insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑12 u tat‑22 ta’ Lulju kif ukoll tas‑6 ta’ Awwissu 2021 u b’digriet tal‑25 ta’ Awwissu 2021, il-President tat-Tielet Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali ppermetta dawn l-interventi. Permezz ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, rispettivament, tas‑16 u tat‑23 ta’ Lulju u tat‑13 u tal‑25 ta’ Awwissu 2021, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Ellenika u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA ġew awtorizzati, skont l-Artikolu 154(3) tar-Regoli tal-Proċedura, moqri flimkien mal-Artikolu 145(1) u mal-Artikolu 89(3)(b) tal-imsemmija regoli, jippreżentaw nota ta’ intervent.

41      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑13 ta’ Awwissu 2021, il-Computer & Communications Industry Association (l-Assoċjazzjoni tal-Industrija tal-Kompjuters u tal-Komunikazzjonijiet) talbet li tintervjeni f’din il-proċedura insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti. Permezz ta’ digriet tas‑6 ta’ Ottubru 2021, il-President tat-Tielet Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali ċaħad din it-talba għal intervent.

42      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑18 ta’ Awwissu 2021, ir-rikorrenti informat lill-Qorti Ġenerali bil-fatt li hija kienet akkwistat, fl-istess jum, l-ishma kollha ta’ Grail, Inc., filwaqt li ġie implimentat arranġament dwar is-separazzjoni tal-assi.

43      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑5 ta’ Ottubru 2021, ir-rikorrenti ppreżentat talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura. Il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar din it-talba fid-19 ta’ Ottubru 2021. Fid‑29 ta’ Ottubru 2021, ir-rikorrenti ppreżentat osservazzjonijiet fuq l-imsemmija osservazzjonijiet tal-Kummissjoni.

44      Kull wieħed mill-intervenjenti ppreżenta n-nota tiegħu fit-terminu mogħti.

45      Fis‑7 ta’ Ottubru 2021, il-Kummissjoni talbet li Grail titneħħa minn intervenjent. Ir-rikorrenti, ir-Repubblika Ellenika u Grail ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar din it-talba, rispettivament, fit‑3 u fl‑4 ta’ Novembru 2021.

46      Wara li żewġ membri tal-Awla temmew il-funzjonijiet tagħhom u ġie elett President ġdid tal-Awla, permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Ottubru 2021, u skont l-Artikolu 17(2) tar-Regoli tal-Proċedura, moqri flimkien mal-Artikolu 27(5) tal-imsemmija regoli, il-President tat-Tielet Awla nnomina żewġ imħallfin oħra sabiex jikkompleta l-kulleġġ ġudikanti.

47      Fil‑11 ta’ Novembru 2021, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura.

48      Fl-istess jum, il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura skont l-Artikolu 89(3)(a) u (b) tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-Kummissjoni dwar ċerti aspetti tat-tilwima. Il-Kummissjoni wieġbet għal dawn il-mistoqsijiet fit-terminu mogħti.

49      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑6 ta’ Diċembru 2021, ir-rikorrenti ppreżentat talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura. Il-Kummissjoni, l-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA, Grail, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar din it-talba, rispettivament, fid‑9 u fl‑10 ta’ Diċembru 2021.

50      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas‑16 ta’ Diċembru 2021.

51      Ir-rikorrenti, sostnuta minn Grail, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati u l-ittra ta’ informazzjoni;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

52      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA, mir-Repubblika Ellenika, mir-Repubblika Franċiża u mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq it-talba għar-revoka tal-istatus ta’ intervenjent fir-rigward ta’ Grail

53      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Ellenika, essenzjalment issostni li, wara l-ittra tar-rikorrenti tat‑18 ta’ Awwissu 2021 li informat lill-Qorti Ġenerali li, fl-istess jum, hija kienet akkwistat l-ishma kollha ta’ Grail, Inc. (ara l-punt 42 iktar ’il fuq), din tal-aħħar kienet saret Grail LLC, jiġifieri entità ġdida kompletament ikkontrollata mir-rikorrenti, u għaldaqstant Grail kienet tilfet l-istatus tagħha ta’ intervenjent li kienet ġiet mogħtija lilha permezz tad-digriet tat‑2 ta’ Lulju 2021 (ara l-punt 38 iktar ’il fuq). Għalhekk, kemm minn perspettiva ekonomika kif ukoll minn perspettiva ġuridika, l-intervent ma kienx għad għandu skop u l-interessi ta’ Grail LLC issa kienu saru ħaġa waħda ma’ dawk tar-rikorrenti li kienet tirrappreżentahom bis-sħiħ fil-kuntest ta’ din il-proċedura. Fin-nuqqas ta’ talba ġdida għal intervent min-naħa ta’ Grail LLC fit-terminu previst mill-Artikolu 143(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-istatus ta’ Grail bħala intervenjent għandu jiġi rrevokat formalment.

54      Ir-rikorrenti u Grail jikkontestaw l-argumenti tal-Kummissjoni, peress li Grail LLC hija s-suċċessur legali ta’ Grail, Inc., li l-interess tagħha fis-soluzzjoni ta’ din it-tilwima kien għadu jeżisti. Skont id-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni stess, Grail LLC hija entità distinta, indipendenti u awtonoma mir-rikorrenti, li twettaq operazzjonijiet u strateġija distinti taħt tmexxija indipendenti.

55      Minn naħa, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li Grail LLC hija persuna ġuridika, skont id-dritt tal-kumpanniji tal-Istati Uniti tal-Amerika, li hija s-suċċessur legali ta’ Grail, Inc. Għalhekk, f’konformità mal-ġurisprudenza stabbilita (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2012, Marine Harvest Norway u Alsaker Fjordbruk vs Il‑Kunsill, T‑113/06, mhux ippubblikata, EU:T:2012:135, punti 24 sa 33), fit‑18 ta’ Awwissu 2021, Grail LLC ħadet post Grail, Inc. bħala s-suċċessur universali tagħha fit-titolu.

56      F’dan ir-rigward, diġà ġie deċiż li rikors għal annullament ippreżentat minn persuna ġuridika jista’ jitkompla mis-suċċessur universali tagħha fit-titolu, b’mod partikolari fil-każ fejn din il-persuna ġuridika tieqaf teżisti filwaqt li d-drittijiet u l-obbligi kollha tagħha jiġu ttrasferiti lil persuna ġdida, bl-imsemmi suċċessur universali fit-titolu neċessarjament jieħu post il-predeċessur tiegħu ipso jure (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2012, Marine Harvest Norway u Alsaker Fjordbruk vs Il‑Kunsill, T‑113/06, mhux ippubblikata, EU:T:2012:135, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      Min-naħa l-oħra, anki jekk Grail LLC hija, ċertament, ikkontrollata kompletament mir-rikorrenti, xorta jibqa’ l-fatt li hija tikkostitwixxi entità ġuridika distinta b’locus standi in judicio u li tista’ tiġġustifika interess fis-soluzzjoni tat-tilwima skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, moqri flimkien mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-imsemmi statut. Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li r-rikorrenti implimentat arranġament dwar is-separazzjoni tal-assi (ara l-punt 42 iktar ’il fuq) u peress li l-Kummissjoni adottat, permezz tad-Deċiżjoni C(2021) 7675 final tagħha tad‑29 ta’ Ottubru 2021 (Il-Każ COMP/M.10493 – Illumina/Grail), miżuri provviżorji skont l-Artikolu 8(5)(a) tar-Regolament Nru 139/2004 li jeħtieġu li Grail LLC tiġi ppreservata bħala entità separata, indipendenti u awtonoma fir-rigward tar-rikorrenti, li twettaq operazzjonijiet separati u strateġija separata taħt tmexxija indipendenti.

58      Minn dan jirriżulta li, fil-kuntest ta’ din it-tilwima, fil-kwalità tagħha bħala suċċessur universali fi-titolu, Grail LLC ħadet post Grail, Inc. bħala l-intervenjenti li d-dispożittiv tad-Digriet tal-President tat-Tielet Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali tat‑2 ta’ Lulju 2021 (ara l-punt 38 iktar ’il fuq) japplika għaliha. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li Grail LLC għad għandha, bħala l-parti l-oħra fil-konċentrazzjoni inkwistjoni, l-istess interess fis-soluzzjoni tat-tilwima li kellu l-predeċessur legali tagħha, Grail, Inc. (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2012, Marine Harvest Norway u Alsaker Fjordbruk vs Il‑Kunsill, T‑113/06, mhux ippubblikata, EU:T:2012:135, punt 30).

59      Konsegwentement, it-talba tal-Kummissjoni intiża sabiex jiġi rrevokat l-istatus ta’ intervenjent ta’ Grail għandha tiġi miċħuda.

 Fuq l-ammissibbiltà

60      Mingħajr ma tqajjem formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Ellenika u mir-Repubblika Franċiża, issostni li dan ir-rikors huwa inammissibbli. Hija ssostni, l-ewwel nett, li t-talba għal rinviju ma tikkostitwixxix att tal-Kummissjoni, it-tieni, li l-ittra ta’ informazzjoni ġiet issostitwita bid-deċiżjoni kkontestata u, it-tielet, li d-deċiżjonijiet ikkontestati jikkostitwixxu atti preparatorji li l-illegalitajiet tagħhom jistgħu jitqajmu fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni finali dwar il-konċentrazzjoni inkwistjoni.

61      Ir-rikorrenti, sostnuta minn Grail, tqis li dan ir-rikors huwa ammissibbli.

62      Fl-ewwel lok, fir-rigward tat-talba għal rinviju, mill-verżjoni mqassra tar-rikors, b’mod partikolari mill-ommissjoni tal-kap tat-talbiet li jirrigwarda din it-talba fil-punt 214 tagħha, jirriżulta li, fil-kuntest ta’ din il-proċedura mħaffa, l-imsemmija talba ma hijiex is-suġġett tar-rikors. Għaldaqstant, l-argumenti tal-Kummissjoni dwar din l-istess talba huma ineffettivi u għandhom jiġu miċħuda.

63      Fit-tieni lok, fir-rigward tad-deċiżjonijiet ikkontestati, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, huma kkunsidrati bħala atti li jistgħu jiġu kkontestati, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, id-dispożizzjonijiet kollha adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, tkun xi tkun il-forma tagħhom, li huma intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti (sentenzi tat‑13 ta’ Frar 2014, L‑Ungerija vs Il‑Kummissjoni, C‑31/13 P, EU:C:2014:70, punt 54; tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Ir‑Rumanija vs Il‑Kummissjoni, C‑599/15 P, EU:C:2017:801, punt 47, u tat‑22 ta’ April 2021, thyssenkrupp Electrical Steel u thyssenkrupp Electrical Steel Ugo vs Il‑Kummissjoni, C‑572/18 P, EU:C:2021:317, punt 46).

64      Sabiex jiġi ddeterminat jekk att ikkontestat jipproduċix effetti legali vinkolanti, huwa neċessarju li jsir riferiment għas-sustanza tiegħu. Dawn l-effetti legali vinkolanti għandhom jiġu evalwati fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi, bħall-kontenut ta’ dak l-att, u billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, skont il-każ, il-kuntest tal-adozzjoni tiegħu, kif ukoll is-setgħat tal-istituzzjoni awtur tiegħu (sentenzi tat‑13 ta’ Frar 2014, L‑Ungerija vs Il‑Kummissjoni, C‑31/13 P, EU:C:2014:70, punt 55; tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Ir‑Rumanija vs Il‑Kummissjoni, C‑599/15 P, EU:C:2017:801, punt 48, u tat‑22 ta’ April 2021, thyssenkrupp Electrical Steel u thyssenkrupp Electrical Steel Ugo vs Il‑Kummissjoni, C‑572/18 P, EU:C:2021:317, punt 48).

65      Fil-każ ta’ rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika, l-effetti legali vinkolanti tal-att ikkontestat għandhom ikunu jistgħu jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu, b’mod kunsiderevoli, il-pożizzjoni legali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punt 37, u tal‑25 ta’ Frar 2021, VodafoneZiggo Group vs Il‑Kummissjoni, C‑689/19 P, EU:C:2021:142, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66      Għalhekk, fil-prinċipju, il-miżuri li jistabbilixxu b’mod definittiv il-pożizzjoni ta’ istituzzjoni fi tmiem proċedura amministrattiva u li huma intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent jikkostitwixxu atti li jistgħu jiġu kkontestati, bl-esklużjoni tal-miżuri intermedjarji, li l-għan tagħhom huwa li tiġi ppreparata d-deċiżjoni finali, u li ma għandhomx tali effetti. Konsegwentement, miżuri intermedjarji li jistabbilixxu evalwazzjoni tal-istituzzjoni u li l-għan tagħhom huwa li tiġi ppreparata d-deċiżjoni finali ma jikkostitwixxux, fil-prinċipju, atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2021, ABLV Bank et vs Il‑BĊE, C‑551/19 P u C‑552/19 P, EU:C:2021:369, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67      F’dan il-każ, id-deċiżjonijiet ikkontestati ġew adottati f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(3) tar-Regolament Nru 139/2004. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-eżami ta’ konċentrazzjoni mill-Kummissjoni skont dan l-artikolu jieħu l-forma ta’ deċiżjoni. Issa, skont l-ewwel sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, “deċiżjoni għandha torbot fl-intier tagħha”. Għalhekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jagħmel dawn id-deċiżjonijiet vinkolanti (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punt 44).

68      Għandu jiġi rrilevat ukoll li d-deċiżjonijiet ikkontestati jissuġġettaw lill-konċentrazzjoni inkwistjoni għall-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 139/2004, minkejja li din ma għandhiex dimensjoni Ewropea fis-sens tal-Artikolu 1 tiegħu, b’tali mod li dan ir-regolament ma huwiex applikabbli awtomatikament. B’mod partikolari, id-deċiżjonijiet ikkontestati għandhom l-effett li jissuġġettaw din il-konċentrazzjoni, f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(4) tal-imsemmi regolament, għall-Artikolu 2, l-Artikolu 4(2) u (3), u l-Artikoli 5, 6 u 8 sa 21 tal-istess regolament, li jiddeterminaw il-kriterji għall-evalwazzjoni tal-imsemmija konċentrazzjoni, is-setgħat deċiżjonali tal-Kummissjoni kif ukoll il-proċedura u s-sanzjonijiet potenzjali. Bl-istess mod, l-obbligu ta’ sospensjoni, previst mill-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 139/2004, huwa, f’konformità mat-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(4) ta’ dan ir-regolament, applikabbli għall-konċentrazzjoni inkwistjoni billi jipprekludi t-twettiq tagħha sakemm din tkun ġiet iddikjarata kompatibbli mas-suq intern.

69      Min-naħa l-oħra, kif issostni r-rikorrenti, fin-nuqqas tad-deċiżjonijiet ikkontestati, il-konċentrazzjoni inkwistjoni ma kinitx tkun is-suġġett ta’ eżami mill-Kummissjoni fil-kuntest tar-Regolament Nru 139/2004 u lanqas ma kienet tkun suġġetta għar-restrizzjonijiet u għas-sanzjonijiet potenzjali skont dak ir-regolament, inkluż għall-obbligu ta’ sospensjoni, iżda kienet tkun tista’ titwettaq immedjatament fl-Unjoni.

70      Għaldaqstant, fid-dawl tal-fatt li kull deċiżjoni li twassal għal bidla fil-qafas ġuridiku applikabbli għall-eżami ta’ tranżazzjoni ta’ konċentrazzjoni tista’ taffettwa s-sitwazzjoni legali tal-partijiet fit-tranżazzjoni kkonċernata, id-deċiżjonijiet ikkontestati jipproduċu effetti legali vinkolanti fir-rigward tar-rikorrenti li huma ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tagħha, billi jbiddlu, b’mod kunsiderevoli, il-pożizzjoni legali tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2003, Cableuropa et vs Il‑Kummissjoni T‑346/02 u T‑347/02, EU:T:2003:256, punti 61 u 64).

71      Barra minn hekk, billi temmew il-proċedura tar-rinviju li nbdiet bit-talba għal rinviju skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004, u li ppermettiet, skont il-paragrafu 2 ta’ dak ir-regolament, it-tressiq tat-talbiet biex jingħaqdu, id-deċiżjonijiet ikkontestati jistabbilixxu b’mod definittiv il-pożizzjoni tal-Kummissjoni fuq ir-rinviju tal-konċentrazzjoni inkwistjoni. Fil-fatt, permezz ta’ dawn id-deċiżjonijiet, il-Kummissjoni aċċettat, filwaqt li qieset l-osservazzjonijiet tal-impriżi kkonċernati, l-imsemmija talbiet, u, konsegwentement, iddeċidiet li teżamina l-konċentrazzjoni inkwistjoni. F’konformità mal-proċedura prevista mill-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, il-post tal-eżami tal-konċentrazzjoni jiġi deċiż b’dan il-mod, li jwassal għat-trasferiment tal-kompetenza għal dan l-eżami lill-Kummissjoni (ara l-punti 68 sa 70 iktar ’il fuq). In-natura definittiva u irriversibbli tal-imsemmija deċiżjonijiet hija kkonfermata, minn naħa, mit-terminu ta’ għaxart ijiem ta’ xogħol, previst mill-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-imsemmi Artikolu 22(3), li fih il-Kummissjoni kienet obbligata tieħu deċiżjoni dwar ir-rinviju u, min-naħa l-oħra, mill-fatt li, fin-nuqqas ta’ teħid ta’ pożizzjoni, hija kellha, f’konformità ma’ din id-dispożizzjoni, titqies li adottat tali deċiżjoni li teżamina l-konċentrazzjoni.

72      Għalhekk, id-deċiżjonijiet ikkontestati jtemmu l-proċedura ta’ rinviju skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, li hija proċedura speċjali distinta minn dik li tippermetti lill-Kummissjoni tiddeċiedi dwar l-awtorizzazzjoni jew il-projbizzjoni ta’ tranżazzjoni ta’ konċentrazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 11, u tat‑22 ta’ April 2021, thyssenkrupp Electrical Steel u thyssenkrupp Electrical Steel Ugo vs Il‑Kummissjoni, C‑572/18 P, EU:C:2021:317, punt 49).

73      Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu l-Kummissjoni u r-Repubblika Ellenika, id-deċiżjonijiet ikkontestati ma jistgħux jitqabblu ma’ deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ eżami formali, skont l-Artikolu 6(1)(ċ) tar-Regolament Nru 139/2004. Fil-fatt, peress li l-proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet tikkonsisti minn żewġ fażijiet, deċiżjoni adottata abbażi ta’ din id-dispożizzjoni la tikkostitwixxi t-tmiem tal-proċedura ta’ eżami, u lanqas ma tippreġudika d-deċiżjoni finali skont l-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament. Għalhekk, deċiżjoni skont l-Artikolu 6(1)(ċ) ta’ dan ir-regolament hija miżura preparatorja li l-uniku għan tagħha huwa li tiftaħ istruttorja intiża sabiex jiġu stabbiliti l-elementi li jippermettu lill-Kummissjoni tiddeċiedi permezz ta’ deċiżjoni finali fuq il-kompatibbiltà ta’ tranżazzjoni mas-suq intern (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal‑31 ta’ Jannar 2006, Schneider Electric vs Il‑Kummissjoni, T‑48/03, EU:T:2006:34, punt 79, u tas‑27 ta’ Novembru 2017, HeidelbergCement vs Il‑Kummissjoni, T‑902/16, mhux ippubblikat, EU:T:2017:846, punti 18, 21 u 22 u l-ġurisprudenza ċċitata). Min-naħa l-oħra, id-deċiżjonijiet ikkontestati ma jifformawx parti mill-kuntest tal-eżami tal-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni inkwistjoni mas-suq intern, iżda għandhom l-għan li jiddeċiedu b’mod definittiv fuq ir-rinviju ta’ din il-konċentrazzjoni billi jtemmu l-proċedura speċjali prevista mill-Artikolu 22 tal-istess regolament (ara l-punti 71 u 72 iktar ’il fuq). Permezz ta’ dawn id-deċiżjonijiet, il-Kummissjoni, filwaqt li esponiet ir-raġunijiet li għalihom hija qieset li l-kundizzjonijiet ta’ dan l-artikolu kienu ġew issodisfatti, laqgħet it-talbiet għal rinviju u biex jingħaqdu, u b’hekk issuġġettat l-imsemmija konċentrazzjoni għall-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 139/2004 (ara l-punt 68 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, l-imsemmija deċiżjonijiet ma jikkostitwixxux miżuri intermedjarji li jippreparaw id-deċiżjoni fuq il-mertu, iżda jistabbilixxu l-pożizzjoni definittiva tal-Kummissjoni fuq it-talba għal rinviju.

74      Barra minn hekk, dan ir-rikors ma jobbligax lill-Qorti tal-Unjoni tevalwa la l-pożizzjonijiet preliminari tal-Kummissjoni u lanqas il-kwistjonijiet li dwarhom din tal-aħħar għadha ma kellhiex l-opportunità li tiddikjara l-pożizzjoni tagħha, u għalhekk ma jistgħux jiġu antiċipati l-argumenti dwar il-mertu, u qegħdin jitħawdu l-fażijiet differenti tal-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 20; tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punt 51, u tal‑15 ta’ Marzu 2017, Stichting Woonpunt et vs Il‑Kummissjoni, C‑415/15 P, EU:C:2017:216, punt 45). B’mod partikolari, dan ir-rikors ma jistax iwassal lill-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi fuq il-kwistjoni tal-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni inkwistjoni mas-suq intern, li se tkun is-suġġett tal-proċedura ta’ eżami prevista mill-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 139/2004, iżda biss fuq il-legalità tal-aċċettazzjoni tat-talba għal rinviju u tar-rinviju lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, kif ukoll tal-bidla fil-qafas ġuridiku applikabbli li jirriżulta minn dan (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punt 52).

75      Fi kwalunkwe każ, anki kieku kellu jitqies li d-deċiżjonijiet ikkontestati huma atti intermedjarji li jippreċedu d-deċiżjoni li ttemm il-proċedura ta’ eżami mibdija skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 139/2004, għandu jiġi mfakkar li att intermedjarju li jipproduċi effetti legali awtonomi jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament sa fejn ma tkunx tista’ tiġi rrimedjata l-illegalità marbuta ma’ dan l-att minn rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni finali li tagħha jikkostitwixxi pass preparatorju (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, L‑Ungerija vs Il‑Parlament, C‑650/18, EU:C:2021:426, punt 46). Issa, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, sa fejn id-deċiżjonijiet ikkontestati jinvolvu l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 139/2004 għall-konċentrazzjoni inkwistjoni u, b’mod partikolari, sa fejn l-applikazzjoni tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 139/2004, moqri flimkien mat-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(4) tiegħu, ikollha effett ta’ sospensjoni (ara l-punt 68 iktar ’il fuq), rikors għall-annullament tad-deċiżjoni li ttemm il-proċedura ta’ eżami mibdija skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 139/2004 ma jippermettix li jitħassru l-konsegwenzi tad-dewmien fl-implimentazzjoni tal-konċentrazzjoni inkwistjoni minħabba l-konformità ma’ dan l-obbligu ta’ sospensjoni. Id-deċiżjonijiet ikkontestati għandhom għalhekk ikunu jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament.

76      Għaldaqstant, id-deċiżjonijiet ikkontestati jikkostitwixxu atti li jistgħu jiġu kkontestati fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE.

77      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument li l-Kummissjoni tibbaża fuq is-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 1999, Kesko vs Il‑Kummissjoni (T‑22/97, EU:T:1999:327). Fil-fatt, l-ewwel nett, f’dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx fuq il-kwistjoni ta’ jekk deċiżjoni li tilqa’ talba għal rinviju minn Stat Membru kinitx tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat. It-tieni, lanqas ma kien neċessarju li jitqiesu l-effetti legali vinkolanti ta’ tali deċiżjoni, peress li l-imsemmija sentenza kienet tirrigwarda, kif tammetti l-Kummissjoni stess, rikors kontra deċiżjoni fuq il-mertu, jiġifieri dikjarazzjoni ta’ inkompatibbiltà mas-suq intern fuq il-bażi tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 4064/89, li kien jipprekludi l-implimentazzjoni tal-konċentrazzjoni kkonċernata b’mod permanenti. It-tielet, fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 1999, Kesko vs Il‑Kummissjoni (T‑22/97, EU:T:1999:327), il-ksur tal-Artikolu 22 ta’ dak ir-regolament ġie invokat sabiex tiġi kkontestata l-kompetenza tal-Kummissjoni li tibda proċedura skont l-Artikolu 6(1)(ċ) tal-imsemmi regolament, u kien jikkonċerna l-kwistjoni ta’ jekk il-Kummissjoni kinitx ivverifikat biżżejjed skont il-liġi li t-talba għal rinviju kienet saret minn Stat Membru. Għaldaqstant, l-imsemmija sentenza kienet twieġeb għal kwistjoni speċifika li ma kinitx komparabbli ma’ dik li tqum f’dan il-każ.

78      Dan ir-rikors huwa, konsegwentement, ammissibbli sa fejn huwa dirett kontra d-deċiżjonijiet ikkontestati.

79      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-ittra ta’ informazzjoni, għandu jiġi mfakkar li din l-ittra informat lill-impriżi kkonċernati bit-talba għal rinviju, f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 139/2004. Ċertament, din l-informazzjoni twassal, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(4) ta’ dak ir-regolament, għall-obbligu ta’ sospensjoni previst mill-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament. Madankollu, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, l-imsemmija ittra ma tistabbilixxix il-pożizzjoni definittiva tal-Kummissjoni fuq l-eżami tal-konċentrazzjoni inkwistjoni, u lanqas ma tissuġġetta lil din tal-aħħar għall-imsemmi obbligu b’mod definittiv, iżda biss b’mod provviżorju sabiex tiġi ppreservata l-effettività ta’ deċiżjoni ta’ rinviju potenzjali. Fil-fatt, din l-istess ittra kienet segwita, f’dan il-każ, mill-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li permezz tagħhom il-Kummissjoni aċċettat ir-rinviju u ssuġġettat il-konċentrazzjoni inkwistjoni b’mod definittiv għall-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak l-istess regolament, inkluż l-obbligu ta’ sospensjoni (ara l-punti 68 u 72 iktar ’il fuq). L-ittra ta’ informazzjoni għalhekk tikkostitwixxi biss stadju intermedjarju fil-kuntest tal-proċedura ta’ rinviju li jintemm permezz tat-teħid ta’ pożizzjoni definittiva mill-Kummissjoni fuq it-talba għal rinviju, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(3) tar-Regolament Nru 139/2004.

80      Għaldaqstant, l-ittra ta’ informazzjoni tikkostitwixxi miżura intermedjarja u preparatorja tad-deċiżjonijiet ikkontestati, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 66 iktar ’il fuq. Għaldaqstant, kwalunkwe illegalità possibbli li tivvizzja din l-ittra tista’, f’konformità mal-ġurisprudenza, tiġi invokata insostenn ta’ rikors ippreżentat kontra dawn id-deċiżjonijiet, li huma, min-naħa tagħhom, atti li jistgħu jiġu kkontestati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 12, u tat‑22 ta’ April 2021, thyssenkrupp Electrical Steel u thyssenkrupp Electrical Steel Ugo vs Il‑Kummissjoni, C‑572/18 P, EU:C:2021:317, punt 50).

81      Konsegwentement, dan ir-rikors huwa inammissibbli sa fejn huwa dirett kontra l-ittra ta’ informazzjoni.

82      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, dan ir-rikors irid jiġi ddikjarat ammissibbli sa fejn huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati u inammissibbli sa fejn huwa dirett kontra l-ittra ta’ informazzjoni.

 Fuq il-mertu

 Sunt tal-motivi għall-annullament

83      Fil-kuntest ta’ din il-proċedura mħaffa, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi insostenn tar-rikors tagħha.

84      Permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma għandhiex il-kompetenza li tibda, skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, investigazzjoni dwar konċentrazzjoni li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet li jippermettu lill-Istat Membru li jkun talab li jiġi rrinvijat lill-Kummissjoni sabiex jeżaminaha skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet. Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrenti tqis li r-rinviju tal-konċentrazzjoni inkwistjoni ntalab tard u, sussidjarjament, li d-dewmien min-naħa tal-Kummissjoni sabiex tibgħat l-ittra ta’ stedina jimmina l-prinċipju taċ-ċertezza legali u d-dritt għal amministrazzjoni tajba. Permezz tat-tielet motiv, ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li kisret il-prinċipji taċ-ċertezza legali u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, peress li l-membru tal-Kummissjoni inkarigat mill-kompetizzjoni kienet indikat li l-politika tal-Kummissjoni ma kinitx se tinbidel qabel l-implimentazzjoni tal-gwida dwar l-Artikolu 22.

 Fuq l-ewwel motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni

85      Ir-rikorrenti, sostnuta minn Grail, issostni li l-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat ir-Regolament Nru 139/2004 billi qieset, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, li tista’ taċċetta talba għal rinviju skont l-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament f’sitwazzjoni fejn l-Istati Membri li jressqu din it-talba ma jkollhomx is-setgħa, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, li jeżaminaw il-konċentrazzjoni li hija s-suġġett tal-imsemmija talba. Essenzjalment, ir-rikorrenti tqis li, f’sitwazzjoni bħal din, l-għan residwu tal-Artikolu 22 tal-imsemmi regolament jippermetti biss lil Stat Membru li ma jkollux sistema ta’ kontroll bħal din li jippreżenta talba għal rinviju sabiex jevita sitwazzjoni fejn konċentrazzjoni li taffettwa t-territorju tiegħu ma tkun suġġetta għall-ebda eżami. Min-naħa l-oħra, meta Stat Membru jkun adotta l-leġiżlazzjoni proprja tiegħu fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet u għalhekk ikun iddefinixxa ċ-ċirkustanzi li fihom huwa jikkontrolla konċentrazzjonijiet mingħajr dimensjoni Ewropea, dan ikun eżerċita l-kompetenza li tippermettilu jikkontrolla l-konċentrazzjonijiet u l-interessi tiegħu jkunu protetti b’mod suffiċjenti. Għal tali Stat Membru, it-talbiet għal rinviju huma llimitati għall-każijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tiegħu dwar il-kontroll, li l-leġiżlatur nazzjonali jkun iddefinixxa. Setgħa residwa li jirrinvija l-eżami ta’ konċentrazzjoni lill-Kummissjoni ma hijiex neċessarja għalih. Barra minn hekk, ir-rikorrenti u Grail jikkunsidraw li l-pożizzjoni tal-Kummissjoni hija inkompatibbli mal-għan ta’ “one-stop shop”, ibbażat fuq limiti tad-dħul mill-bejgħ, u dak li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkunu jistgħu jiddelegaw is-setgħa ta’ eżami tagħhom lill-Kummissjoni meta din tkun f’pożizzjoni aħjar sabiex teżamina konċentrazzjoni. Huma jikkontestaw l-interpretazzjoni mill-Kummissjoni tal-formulazzjoni tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 u jakkużawha li ma qisitx il-kuntest tiegħu. Il-pożizzjoni meħuda mill-Kummissjoni tmur ukoll kontra l-prinċipji taċ-ċertezza legali, tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità u teħtieġ emenda leġiżlattiva. Peress li l-Artikolu 22 ta’ dak ir-regolament huwa ta’ natura eċċezzjonali, irid jiġi interpretat b’mod restrittiv.

86      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Ellenika, mir-Repubblika Franċiża, mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u mill-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA, tirribatti, essenzjalment, li r-rikorrenti ma qisitx is-supremazija tal-interpretazzjoni letterali u tinjora l-formulazzjoni ċara u preċiża tal-ewwel parti tas-sentenza tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004. Peress li din hija dispożizzjoni leġiżlattiva li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom hija kompetenti l-Kummissjoni, ma hijiex meħtieġa emenda leġiżlattiva. L-imsemmi artikolu ma jagħmel l-ebda distinzjoni fuq il-bażi ta’ jekk l-Istat Membru għandux sistema nazzjonali ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet jew le u l-interpretazzjoni tar-rikorrenti ma tistax tiġi rrikonċiljata mal-prinċipju tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni u taż-ŻEE. Billi jitlob ir-rinviju ta’ tranżazzjoni lill-Kummissjoni, l-Istat Membru jkun qiegħed jeżerċita kompetenza li għandha bażi awtonoma fid-dritt tal-Unjoni. Skont il-Kummissjoni u r-Repubblika Ellenika, interpretazzjoni stretta ma hijiex possibbli sabiex tinqata’ l-kwistjoni dwar jekk teżistix kompetenza, u lanqas ma timplika l-introduzzjoni ta’ rekwiżiti supplimentari f’dispożizzjoni meta dawn ma jkunux previsti fiha. Is-sistema ta’ “one-stop shop” ma hijiex għan tar-Regolament Nru 139/2004, iżda element importanti ta’ dan tal-aħħar. Barra minn hekk, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika Franċiża u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA jissottolinjaw li l-mekkaniżmi tar-rinviju jaħdmu bħala mekkaniżmi korrettivi effikaċi sabiex jippermettu kontroll effettiv tal-konċentrazzjonijiet kollha skont l-effett tagħhom fuq l-istruttura tal-kompetizzjoni fl-Unjoni.

87      Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, il-Qorti Ġenerali hija mitluba tinterpreta l-portata tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004, li fuq il-bażi tiegħu għamlet it-talba tagħha għal rinviju l-ACF. Iktar speċifikament, il-Qorti Ġenerali hija mitluba teżamina l-kwistjoni dwar jekk, skont din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni hijiex kompetenti li teżamina konċentrazzjoni meta t-talba għal rinviju toriġina minn Stat Membru li għandu sistema nazzjonali ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet, iżda meta l-konċentrazzjoni kkonċernata ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni nazzjonali.

88      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita, l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni teħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest li fih tinsab kif ukoll l-għanijiet u l-iskop tal-att li tifforma parti minnu. L-oriġini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ wkoll tipprovdi elementi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha [ara s-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, A et Sentenza tal-25 ta’ Ġunju 2020, A et (Turbini Eoliċi f’Aalter u Nevele), C‑24/19, EU:C:2020:503, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata]. Għalhekk huwa xieraq li ssir interpretazzjoni letterali, kuntestwali, teleoloġika u storika tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004.

–       Fuq l-interpretazzjoni letterali

89      Għandu jiġi osservat li, sa fejn l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 jipprovdi li “Stat Membru, jew aktar minn Stat Membru wieħed, jista’ jitlob jew jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex teżamina xi [kull] konċentrazzjoni kif definita fl-Artikolu 3 li ma għandhiex dimensjoni Komunitarja fis-sens ta’ l-Artikolu 1 iżda taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u thedded li tolqot b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni fit-territorju ta’ l-Istat Membru jew l-Istati Membri li għamel jew li għamlu t-talba”, huwa jistabbilixxi erba’ kundizzjonijiet kumulattivi għall-awtorizzazzjoni tar-rinviju ta’ konċentrazzjoni lill-Kummissjoni. L-ewwel nett, it-talba għal rinviju trid toriġina minn Stat Membru jew iktar minn Stat Membru wieħed, it-tieni, it-tranżazzjoni li hija s-suġġett ta’ dik it-talba trid tissodisfa d-definizzjoni ta’ konċentrazzjoni li tinsab fl-Artikolu 3 ta’ dak ir-regolament mingħajr ma tilħaq il-limiti ta’ dimensjoni Ewropea stabbiliti fl-Artikolu 1 tal-imsemmi regolament, it-tielet, dik il-konċentrazzjoni trid taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, u r-raba’, l-imsemmija konċentrazzjoni trid thedded li taffettwa b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni fit-territorju tal-Istat Membru jew l-Istati Membri li jkunu għamlu it-talba għal rinviju.

90      Għaldaqstant, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma jirriżultax li, sabiex ikun possibbli r-rinviju ta’ konċentrazzjoni minn Stat Membru lill-Kummissjoni, din il-konċentrazzjoni trid taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet tal-imsemmi Stat Membru, u lanqas li dan tal-aħħar irid ikollu sistema ta’ kontroll bħal din.

91      Għall-kuntrarju, l-espressjoni “xi [kull] konċentrazzjoni”, kif użata fl-ewwel parti tas-sentenza tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004, tindika, kif issostni l-Kummissjoni, li konċentrazzjoni tista’ tkun is-suġġett ta’ riferiment indipendentement mill-eżistenza jew mill-portata ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, sakemm il-kundizzjonijiet kumulattivi mfakkra fil-punt 89 iktar ’il fuq ikunu ssodisfatti.

92      Min-naħa l-oħra, il-kundizzjoni addizzjonali ssuġġerita mir-rikorrenti u minn Grail, jiġifieri li l-konċentrazzjoni li hija s-suġġett ta’ talba għal rinviju għandha taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet tal-Istat Membru li jkun ressaq din it-talba, ma tirriżultax mill-formulazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004.

93      Barra minn hekk, peress li din il-formulazzjoni ma tiddistingwix bejn l-Istati Membri fuq il-bażi ta’ jekk ikunux stabbilixxew jew le leġiżlazzjoni nazzjonali għal dan il-għan, anki Stat Membru li ma għandux tali sistema, bħall-Gran Dukat tal-Lussemburgu, għandu d-dritt li jitlob ir-rinviju ta’ konċentrazzjoni lill-Kummissjoni skont din id-dispożizzjoni, fatt li r-rikorrenti tammetti.

94      Għaldaqstant, mingħajr ma tippermetti konklużjoni definittiva, l-interpretazzjoni letterali tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 tindika li Stat Membru għandu d-dritt li jirrinvija lill-Kummissjoni kwalunkwe konċentrazzjoni li tissodisfa l-kundizzjonijiet kumulattivi stabbiliti fih, u dan indipendentement mill-eżistenza jew mill-portata ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet.

95      Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li titwettaq interpretazzjoni storika, peress li din tista’ tiċċara x’kienet l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni meta fformula l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-interpretazzjonijiet teleoloġiċi u kuntestwali ta’ din id-dispożizzjoni.

–       Fuq l-interpretazzjoni storika

96      Fl-ewwel lok, l-ewwel regolament dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi, jiġifieri r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89, kien jipprevedi, fl-Artikolu 22 tiegħu, mekkaniżmu li jippermetti r-rinviju ta’ każ ta’ konċentrazzjoni lill-Kummissjoni. Il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu jaqra kif ġej:

“Jekk il-Kummissjoni ssib, fuq talba ta’ Stat Membru, li konċentrazzjoni kif imfissra fl-Artikolu 3 li m’għandhiex dimensjoni Komunitarja fis-sens ta’ l-Artikolu 1 toħloq jew issaħħaħ posizzjoni dominanti li b’riżultat ta’ hekk il-kompetizzjoni effettiva tiġi mfixkla sew fit-territorju ta’ l-Istat Membru konċernat tista’, safejn il-konċentrazzjoni taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, tadotta d-deċiżjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2), it-tieni subparagrafu, (3) u (4).”

97      Dak il-mekkaniżmu ta’ riferiment kien tfassal b’mod partikolari għal dawk l-Istati Membri li kien għadhom ma kellhomx sistema ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet [ara l-punt 97 tal-Green Paper tal-Kummissjoni tal‑31 ta’ Jannar 1996 dwar ir-Reviżjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet (COM(96) 19 final); il-punt 84 tal-Green Paper tal-Kummissjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2001 dwar ir-Reviżjoni tar-Regolament tal-Kunsill Nru 4064/89 (COM(2001) 745 final) (iktar ’il quddiem il-“Green Paper tal‑2001”) u l-punt 21 tal-Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Kunsill dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (“Ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet”) (ĠU 2003 C 20, p. 4; iktar ’il quddiem il-“proposta tal‑2003”)]. B’mod iktar speċifiku, jidher li dan il-mekkaniżmu ta’ rinviju segwa x-xewqa tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, li dak iż-żmien ma kellux sistema bħal din, li l-Kummissjoni teżamina konċentrazzjonijiet li għandhom effetti negattivi fit-territorju tiegħu, sakemm dawn il-konċentrazzjonijiet ikunu jaffettwaw ukoll il-kummerċ bejn l-Istati Membri, u għalhekk dan il-mekkaniżmu ġie msejjaħ il-“klawżola Olandiża” (ara l-punt 133 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill – Rapport dwar it-tħaddim tar-Regolament Nru 139/2004 tat‑30 ta’ Ġunju 2009, SEC(2009) 808 final/2).

98      Il-fatt li l-mekkaniżmu ta’ rinviju, skont l-Artikolu 22(3) tar-Regolament Nru 4064/89, kellu prinċipalment iservi lill-Istati Membri li ma kellhomx sistema ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet proprja tagħhom madankollu ma jeskludix li Stati Membri oħra jirrikorru wkoll għal dan il-mekkaniżmu. Dan huwa kkonfermat mill-użu tal-espressjoni “b’mod partikolari” [traduzzjoni mhux uffiċjali] fil-punt 97 tal-Green Paper tal-Kummissjoni tal‑31 ta’ Jannar 1996 dwar ir-Reviżjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet (ara l-punt 97 iktar ’il fuq), li skontha din id-dispożizzjoni “hija ġeneralment meqjusa bħala strument utli, b’mod partikolari għal dawk l-Istati Membri li attwalment għandhomx sistema ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Ma hemm xejn f’dan ir-regolament li jindika li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jirriżerva l-imsemmi mekkaniżmu għal dawn l-ewwel Stati jew li jagħtihom xi preferenza f’dan ir-rigward, b’mod partikolari f’sitwazzjoni bħal dik ta’ dan il-każ. Għall-kuntrarju, it-terminu “Stat Membru”, kif użat mill-imsemmija dispożizzjoni, jinkludi l-Istati Membri kollha mingħajr madankollu ma jagħmel distinzjoni fuq il-bażi tal-eżistenza jew le ta’ tali sistema ta’ kontroll. Għalhekk, il-premessa 29 tar-Regolament Nru 4064/89 tirrikonoxxi s-setgħa tal-Kummissjoni li tintervjeni “fuq it-talba ta’ Stat Membru konċernat, f’każi fejn il-kompetizzjoni effettiva tkun se tiġi mfixkla sew fit-territorju ta’ l-Istat Membru”.

99      Fid-dawl tal-implimentazzjoni suċċessiva ta’ sistemi nazzjonali ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet fl-Istati Membri u tal-fatt li, diġà fid-data tal-adozzjoni tal-Green Paper tal‑2001, kien biss il-Gran Dukat tal-Lussemburgu li ma kellux tali skema, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-punt 85 tal-Green Paper tal‑2001, li, “fil-prattika, […] il-potenzjal tal-applikazzjoni tal-Artikolu 22(3) fil-forma oriġinali tiegħu [kien] limitat ħafna” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Issa, it-tnaqqis fl-importanza prattika tiegħu għall-maġġoranza assoluta tal-Istati Membri, minħabba l-fatt li huma kellhom tali sistemi nazzjonali ta’ kontroll, mhux neċessarjament ifisser, għall-kuntrarju ta’ dak li jidher li tqis ir-rikorrenti, li l-użu tagħhom tal-Artikolu 22(3) tar-Regolament Nru 4064/89 issa kien ġie prekluż.

100    Fit-tieni lok, l-għanijiet tal-mekkaniżmu ta’ rinviju previst mill-Artikolu 22(3) tar-Regolament Nru 4064/89 ġew estiżi suċċessivament maż-żmien.

101    Fil-fatt, meta n-numru ta’ sistemi nazzjonali ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet żdied fl-Unjoni, dan il-mekkaniżmu ta’ rinviju kien ikkunsidrat ukoll bħala mezz sabiex tissaħħaħ l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni tal-kompetizzjoni għat-tranżazzjonijiet li għandhom effetti transkonfinali kif ukoll sabiex jiġi żgurat il-prinċipju ta’ “one-stop shop” u sabiex jiġi evitat l-eżami parallel tal-istess konċentrazzjoni mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ diversi Stati Membri. Dawn l-għanijiet huma riflessi, kif inhu espost fil-punt 86 tal-Green Paper tal‑2001, fl-emendi li saru bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1310/97 tat‑30 ta’ Ġunju 1997 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 4064/89 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 164), li introduċa l-possibbiltà li diversi Stati Membri jressqu talbiet konġunti għal rinviju (ara l-premessa 13 tar-Regolament Nru 1310/97).

102    Għalhekk, il-mekkaniżmu ta’ rinviju previst mill-Artikolu 22(3) tar-Regolament Nru 4064/89 kien intiż sabiex jippermetti lill-Istati Membri jitolbu lill-Kummissjoni teżamina konċentrazzjoni li għandha effett transfruntier f’sitwazzjoni fejn il-limiti previsti mill-Artikolu 1 ta’ dak ir-regolament, li jiddefinixxu, fil-prinċipju, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament, ma jkunux intlaħqu. L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 4064/89 jirrifletti dan ir-rwol sa fejn kien jipprevedi l-applikazzjoni ta’ dak ir-regolament għall-konċentrazzjonijiet kollha b’dimensjoni Komunitarja “bla ħsara għall-Artikolu 22”.

103    Għall-kuntrarju ta’ dak li jidher li tqis ir-rikorrenti meta tagħmel riferiment għall-għan tar-Regolament Nru 1310/97 li jevita diversi notifiki u dak li jippermetti l-eżami ta’ konċentrazzjoni mill-awtorità fl-aħjar pożizzjoni, kif indikat fl-istqarrija għall-istampa li takkumpanja l-proposta tal‑2003, l-għanijiet differenti segwiti mill-mekkaniżmu ta’ rinviju ma jeskludux lil xulxin b’mod reċiproku, iżda jikkumplimentaw lil xulxin. Fil-fatt, skont il-punt 86 tal-Green Paper tal‑2001, l-intenzjoni tal-leġiżlatur kienet li fl-istess ħin isaħħaħ l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni tal-kompetizzjoni għat-tranżazzjonijiet li għandhom effetti transkonfinali, jiżgura l-prinċipju ta’ “one-stop shop” u jsolvi l-problema ta’ diversi notifiki (ara wkoll il-punt 101 iktar ’il fuq). Dan huwa sostnut ukoll mill-fatt li l-għanijiet ġew suċċessivament estiżi maż-żmien, mingħajr l-ebda rinunzja tal-għanijiet inizjali ta’ dan il-mekkaniżmu (ara l-punti 97 sa 99 u 101 iktar ’il fuq).

104    Għaldaqstant, l-iżvilupp tal-għanijiet tal-mekkaniżmu ta’ rinviju previst fl-Artikolu 22(3) tar-Regolament Nru 4064/89 ma jistax jinftiehem bħala li jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak il-mekkaniżmu, iżda jenfasizza l-għan li jiġu eżaminati konċentrazzjonijiet li għandhom effetti transkonfinali.

105    Fit-tielet lok, din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mis-segwitu li ngħata għall-proposta tal‑2003 fil-kuntest tar-riformulazzjoni tar-Regolament Nru 4064/89 u tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 139/2004.

106    Fil-fatt, l-ewwel nett, il-verżjoni proposta fl‑2003 tal-Artikolu 22 kienet tiddistingwi bejn, minn naħa, fil-paragrafu 1 tiegħu, talba għal rinviju ppreżentata minn Stat Membru jew Stati membri taħt kundizzjonijiet simili għal dawk tal-Artikolu 22(1) attwali tar-Regolament Nru 139/2004, u, min-naħa l-oħra, fil-paragrafu 3 tiegħu, it-talbiet għal rinviju li jsiru minn mill-inqas tliet “Stati Membri li għandhom il-kompetenza biex jeżaminaw konċentrazzjoni skont id-dritt tal-kompetizzjoni nazzjonali tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali], sitwazzjoni li fiha dimensjoni Ewropea li fuqha hija fondata l-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni kienet meqjusa li teżisti.

107    Issa, meta ġie adottat ir-Regolament Nru 139/2004, dan il-paragrafu 3 ma ġiex inkluż fl-Artikolu 22, iżda ġie integrat, f’verżjoni emendata, fl-Artikolu 4(5) tal-imsemmi regolament, li jipprevedi, min-naħa tiegħu, il-konċentrazzjonijiet li jistgħu jiġu eżaminati skont id-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni ta’ mill-inqas tliet Stati Membri. Min-naħa l-oħra, il-parti li baqgħet tal-Artikolu 22 tal-proposta tal‑2003, b’mod partikolari l-paragrafu 1 tiegħu, ġiet riprodotta mingħajr emendi maġġuri. Issa, b’differenza mit-test tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 139/2004, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma għamilx riferiment, fl-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, għall-kompetenza tal-Istat Membru skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu. Dan jindika li l-imsemmi leġiżlatur ma xtaqx jirrestrinġi d-dritt ta’ dan l-Istat Membru li jitlob ir-rinviju lill-Kummissjoni ta’ “xi [kull] konċentrazzjoni”.

108    It-tieni, permezz tal-proposta tal‑2003, il-Kummissjoni ma aċċettatx l-idea ta’ “sistema obbligatorja ta’ 3+” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li tikkonsisti fl-għoti awtomatiku ta’ dimensjoni Ewropea lill-konċentrazzjonijiet li jistgħu jiġu nnotifikati f’mill-inqas tliet Stati Membri, kif proposta fil-Green Paper tal‑2001 (ara b’mod partikolari l-punti 60 u 62 tal-imsemmija Green Paper). Hija kkunsidrat li tali sistema kienet teħtieġ li jiġi ddeterminat jekk il-konċentrazzjoni tilħaqx il-limiti għan-notifika f’mill-inqas tliet Stati Membri u li l-fatt li l-kompetenza tagħha tkun fondata fuq kriterji jew kunċetti nazzjonali diverġenti għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-limiti għan-notifika nazzjonali jdgħajjef iċ-ċertezza legali, b’mod partikolari fid-dawl tar-riskju ta’ interpretazzjonijiet differenti tad-dritt nazzjonali minnha stess, mill-Istati Membri u mill-partijiet fil-konċentrazzjoni (punti 13 sa 15 tal-proposta tal‑2003).

109    B’hekk, il-Kummissjoni ffavorixxiet rikors ikbar għall-mekkaniżmi tar-rinviju u b’mod partikolari għal dak previst mill-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 (punt 18 tal-proposta tal‑2003), li, għall-kuntrarju tas-“sistema obbligatorja ta’ 3+” [traduzzjoni mhux uffiċjali], ma kienx jidher li jeħtieġ interpretazzjoni tal-limiti għal notifika nazzjonali. Dan jikkorrobora l-analiżi li skontha jista’ jsir rinviju ta’ konċentrazzjoni li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet tal-Istat Membru li jkun talab ir-rinviju tagħha. Min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni sostnuta mir-rikorrenti teħtieġ preċiżament interpretazzjoni minn qabel mill-Kummissjoni tal-portata tad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru li jressaq it-talba u tista’ tagħti lok għal interpretazzjonijiet diverġenti mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri, problema deskritta fil-punt 59 u fin-nota Nru 11 f’qiegħ il-paġna tal-Green Paper tal‑2001. Għaldaqstant, dan il-qari jagħmel l-applikazzjoni tal-imsemmi artikolu dipendenti fuq kundizzjonijiet li ġew miċħuda b’mod espliċitu fil-kuntest tal-proċedura leġiżlattiva.

110    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fis-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 1999, Kesko vs Il‑Kummissjoni (T‑22/97, EU:T:1999:327, punt 84), li ma hijiex il-Kummissjoni li għandha tiddeċiedi dwar il-kompetenza ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni li tressaq talba għal rinviju skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 4064/89, iżda li hija kellha biss tivverifika jekk din it-talba kinitx, prima facie, dik ta’ Stat Membru.

111    It-tielet, fil-punt 21 tal-proposta tal‑2003, il-Kummissjoni fakkret li “waħda mill-funzjonijiet inizjali ta’ [dan l-artikolu] kienet tikkonsisti f’li l-Istati Membri li ma għandhomx dritt nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet ikunu jistgħu jirrinvijaw [lilha] […] t-tranżazzjonijiet li għandhom effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Billi indikat li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu biss kien għadu jinsab f’tali sitwazzjoni, hija qieset li “[kien] meħtieġ li ma tiġix eliminata għalkollox il-possibbiltà li Stat Membru wieħed biss jirrinvija każijiet lill-Kummissjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Jekk dan juri li l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 4064/89 oriġinalment kellu jservi prinċipalment lill-Istati Membri li ma kellhomx sistema ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet proprja tagħhom, ir-riferiment għal “waħda” mill-funzjonijiet inizjali jikkonferma l-konstatazzjoni, imsemmija fil-punti 98 u 99 iktar ’il fuq, li l-applikabbiltà ta’ dan l-istess artikolu ma hijiex limitata għal din is-sitwazzjoni, iżda testendi għall-Istati Membri kollha, inkluż għal dawk li għandhom sistema bħal din.

112    Ir-raba’, fil-punt 22 tal-proposta tal‑2003, il-Kummissjoni rrilevat li s-sistema ssimplifikata ta’ rinviju li hija pproponiet kienet intiża b’mod partikolari li tagħmel ir-rinviju tal-Artikolu 22 applikabbli fl-istadju ta’ qabel in-notifika sa fejn “il-lakuna prinċipali fis-sistema [kienet riflessa] fil-fatt li d-dispożizzjonijiet ta’ rinviju […] [setgħu] jiġu applikati biss wara n-notifika ta’ tranżazzjoni [ta’ konċentrazzjoni]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Din il-konstatazzjoni sempliċement tiddeskrivi s-sitwazzjoni eżistenti qabel l-adozzjoni tar-Regolament Nru 139/2004, ikkaratterizzata, kif indikat ukoll fl-imsemmi punt 22, minn “telf kbir ta’ ħin u ta’ effiċjenza amministrattiva” [traduzzjoni mhux uffiċjali], kif ukoll minn “kostijiet u [minn] żieda fix-xogħol bla bżonn [għall-]impriżi partijiet fi tranżazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali], peress li dawn il-partijiet ma kellhomx il-possibbiltà li jitolbu r-rinviju ta’ konċentrazzjoni fi stadju bikri, billi jinformaw direttament lill-Kummissjoni, mingħajr ma jgħaddu mill-awtoritajiet nazzjonali. Għalhekk, din is-sitwazzjoni tirrigwarda biss il-konċentrazzjonijiet li jistgħu jiġu nnotifikati fuq livell nazzjonali. Issa, l-adozzjoni tal-Artikolu 4(4) u (5) tal-imsemmi regolament irrimedjat din il-problema billi ppermettiet lill-partijiet f’konċentrazzjoni jitolbu r-rinviju tagħha qabel in-notifika. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 22 tal-istess regolament ma ġiex mibdul b’mod sostanzjali fir-rigward tal-kontenut tiegħu (ara l-punt 107 iktar ’il fuq). Għandu jiġi mfakkar li l-leġiżlatur tal-Unjoni ddefinixxa kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni differenti għar-rinviju, skont dan l-Artikolu 22, ta’ konċentrazzjoni lill-Kummissjoni minn Stat Membru. Fil-fatt, skont l-imsemmi artikolu, Stat Membru li ma għandux leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet ukoll jista’, kif jirriżulta mill-punt 21 tal-proposta tal‑2003, iressaq talba għal rinviju (ara l-punt 111 iktar ’il fuq), li neċessarjament teskludi kwalunkwe notifika minn qabel f’dak l-Istat.

113    Il-ħames, il-punt 24 tal-proposta tal‑2003 jispjega li, “skont l-Artikolu 22, l-Istati Membri jistgħu jirrinvijaw lill-Kummissjoni it-tranżazzjonijiet li ma jilħqux il-limiti tad-dħul mill-bejgħ tal-Artikolu 1(2) u (3) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, iżda li għandhom riskju ta’ effetti transkonfinali sinjifikattivi” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għalhekk, dan il-punt jikkonferma l-għan li l-Kummissjoni tkun tista’ teżamina konċentrazzjonijiet transkonfinali li ma jilħqux il-limiti tas-sistema ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet tal-Unjoni (ara l-punti 102 u 104 iktar ’il fuq).

114    Is-sitt, bħall-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 4064/89, l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 139/2004 jipprevedi l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament għat-tranżazzjonijiet ta’ konċentrazzjonijiet kollha b’dimensjoni Ewropea “mingħajr preġudizzju […] [għall-]Artikolu 22”. Il-fatt li din il-formulazzjoni baqgħet prattikament l-istess maż-żmien u ġiet biss issupplimentata, fir-Regolament Nru 139/2004, biż-żieda ta’ riferiment għall-Artikolu 4(5) ta’ dak ir-regolament (ara l-punt 121 iktar ’il quddiem), jindika li l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 huwa intiż li jippermetti lill-Kummissjoni teżamina konċentrazzjonijiet transkonfinali li ma jilħqux il-limiti tal-imsemmi regolament (ara l-punt 102 iktar ’il fuq).

115    Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-pożizzjoni ulterjuri tal-Kummissjoni fir-rigward tal-mekkaniżmu ta’ rinviju skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, kif espost fil-komunikazzjoni dwar ir-rinviju, fir-rapport tat‑18 ta’ Ġunju 2009 dwar it-tħaddim tar-Regolament Nru 139/2004 (COM(2009) 281 final), fil-White Paper tal‑2014, fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar is-sommarju tal-evalwazzjoni tal-aspetti proċedurali u ġurisdizzjonali tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet [tal-Unjoni] tas‑26 ta’ Marzu 2021 (SWD(2021) 67 final), u fil-gwida dwar l-Artikolu 22, għandu jiġi mfakkar li dawn id-dokumenti ġew ippubblikati wara l-adozzjoni ta’ dan ir-regolament u għalhekk ma setgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mil-leġiżlatur tal-Unjoni f’dak l-istadju. Għaldaqstant, dawn ma humiex rilevanti għall-interpretazzjoni storika tal-imsemmi regolament u, konsegwentement, għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima.

116    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-interpretazzjoni storika għandha t-tendenza li tikkonferma li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 jippermetti lil Stat Membru, indipendentement mill-portata tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu fil-qasam ta;-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, li jirrinvija lill-Kummissjoni konċentrazzjonijiet li ma jilħqux il-limiti tad-dħul mill-bejgħ tal-Artikolu 1 ta’ dak ir-regolament, iżda li għandhom riskju ta’ effetti transkonfinali sinjifikattivi.

117    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-premessi invokati mir-rikorrenti sabiex turi li t-trasferiment tas-setgħat, fil-kuntest ta’ rinviju, ma huwiex intiż li jintuża meta Stat Membru ma jkunx kompetenti li jeżamina l-konċentrazzjoni kkonċernata skont is-sistema proprja tiegħu tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet. Fil-fatt, bħalma ssostni l-Kummissjoni, il-premessa 27 tar-Regolament Nru 4064/89, li tipprovdi li l-Istati Membri ma jistgħux japplikaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom dwar il-kompetizzjoni għal konċentrazzjonijiet b’dimensjoni Komunitarja, tikkonċerna biss l-Artikolu 21 tal-imsemmi regolament, li jirregola t-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri. Ir-riferiment għall-protezzjoni tal-interessi tal-Istati Membri fil-premessa 10 tar-Regolament Nru 1310/97 jissottolinja l-għan li Stat Membru jkun jista’ jitlob lill-Kummissjoni teżamina l-konċentrazzjonijiet li għandhom effetti negattivi fit-territorju tiegħu. Isir riferiment simili fil-premessa 11 tar-Regolament Nru 139/2004, li se tiġi eżaminata, flimkien mal-premessi l-oħra rilevanti tal-imsemmi regolament, fil-kuntest tal-interpretazzjoni teleoloġika (ara l-punti 140 sa 148 iktar ’il fuq).

–       Fuq l-interpretazzjoni kuntestwali

118    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-bażi ġuridika tar-Regolament Nru 139/2004, fl-ewwel kunsiderazzjoni tiegħu huwa indikat li dan kien ibbażat fuq l-Artikoli 83 u 308 KE [li saru l-Artikoli 103 u 352 TFUE].

119    F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li, kif spjegat fil-premessa 7 tar-Regolament Nru 139/2004, l-Artikoli 81 u 82 KE [li saru l-Artikoli 101 u 102 TFUE], filwaqt li japplikaw għal ċerti konċentrazzjonijiet, “m‘humiex biżżejjed sabiex jikkontrollaw l-operazzjonijiet kollha li jistgħu ma jkunux kompatibbli mas-sistemà ta’ kompetizzjoni mingħajr tfixkil kif kontemplata fit-Trattat [KE]”. Konsegwentement, dan ir-regolament kellu jkun ibbażat mhux biss fuq l-Artikolu 83 KE, iżda wkoll fuq l-Artikolu 308 KE, li jipprovdi li l-Unjoni tista’ tagħti lilha nnifisha setgħat ta’ azzjoni addizzjonali li huma neċessarji għat-twettiq tal-għanijiet tagħha.

120    Issa, għall-kuntrarju ta’ dak li jidher li tqis ir-rikorrenti, il-fatt li r-Regolament Nru 139/2004 kien ibbażat ukoll fuq l-Artikolu 308 KE ma jaffettwax l-interpretazzjoni tal-Artikolu 22 tal-imsemmi regolament, iżda sempliċement juri li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jirrikorri għal bażi ġuridika suffiċjentement wiesgħa għas-sistema ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet tal-Unjoni, li hija konformi mal-Protokoll (Nru 27) dwar is-suq intern u l-kompetizzjoni (ĠU 2016, C 202, p. 308), li jipprovdi li s-suq intern jinkludi sistema li tiżgura li l-kompetizzjoni ma tiġix distorta u, għal dan il-għan, l-Unjoni għandha, jekk meħtieġ, tieħu miżuri skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattati, inkluż l-Artikolu 352 TFUE.

121    Fit-tieni lok, l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 139/2004, li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, jagħmel riferiment espliċitu għall-Artikolu 22. B’mod iktar speċifiku, jipprovdi li “[m]ingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4(5) [tiegħu] u l-Artikolu 22 [tiegħu], [l-imsemmi] Regolament għandu japplika għall-konċentrazzjonijiet kollha li għandhom dimensjoni [Ewropea], kif definiti f’dan l-Artikolu”. Konċentrazzjoni jkollha dimensjoni Ewropea meta l-limiti tad-dħul mill-bejgħ previsti fl-Artikolu 1(2) u (3) tal-imsemmi regolament jinqabżu.

122    L-Artikolu 4(5) u l-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 jippermettu r-rinviju ta’ konċentrazzjoni “li ma għandhiex dimensjoni [Ewropea] fis-sens ta’ l-Artikolu 1 [ta’ dan ir-regolament]” lill-Kummissjoni. Għaldaqstant, dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex ibbażati fuq il-livelli tad-dħul mill-bejgħ, iżda fuq kundizzjonijiet oħra stabbiliti fihom (ara l-punt 126 iktar ’il quddiem).

123    Minn dan isegwi li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 139/2004 u, konsegwentement, il-kompetenza tal-eżami mill-Kummissjoni fir-rigward tal-konċentrazzjonijiet jiddependu, prinċipalment, fuq il-qbiż tal-limiti tad-dħul mill-bejgħ li jiddefinixxu d-dimensjoni Ewropea u, sussidjarjament, fuq il-mekkaniżmi ta’ rinviju previsti mill-Artikolu 4(5) u l-Artikolu 22 ta’ dak ir-regolament, li jikkompletaw l-imsemmija limiti billi jawtorizzaw l-eżami, mill-Kummissjoni, ta’ ċerti konċentrazzjonijiet li ma għandhomx dimensjoni Ewropea.

124    Għaldaqstant, fid-dawl tar-riferiment espliċitu tiegħu għall-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 139/2004, l-Artikolu 22 jifforma parti mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament li jiddeterminaw il-kompetenza tal-Kummissjoni fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet.

125    Fit-tielet lok, l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 139/2004, li jippermetti wkoll, fuq talba tal-partijiet u qabel in-notifika tagħha, li konċentrazzjoni li ma għandhiex dimensjoni Ewropea tiġi rrinvijata minn Stat Membru lill-Kummissjoni, ma jistax isostni l-interpretazzjoni tal-Artikolu 22 ta’ dak ir-regolament li joffru r-rikorrenti u Grail.

126    Fil-fatt, il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni rispettivi ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet huma fundamentalment distinti, peress li l-ewwel waħda tipprevedi b’mod espliċitu li l-konċentrazzjoni li hija s-suġġett tar-rinviju għandha tkun “tista’ tkun eżaminata taħt il-liġi tal-kompetizzjoni nazzjonali ta’ mill-anqas tlett Stati Membri”, filwaqt li t-tieni waħda tapplika għal kull “konċentrazzjoni […] [li] taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u thedded li tolqot b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni fit-territorju ta’ l-Istat Membru jew l-Istati Membri li għamel jew li għamlu t-talba [ta’ rinviju]”. Ir-riferiment, fl-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 139/2004, għad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni ma jinsabx fl-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament. Din id-differenza hija bbażata, minn naħa, fuq l-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni li ma jirrestrinġix il-possibbiltà għal Stat Membru li jitlob ir-rinviju tal-eżami ta’ konċentrazzjoni lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 22 tal-imsemmi regolament (ara l-punt 107 iktar ’il fuq) u, fuq l-oħra, fuq l-għanijiet distinti ta’ dawk id-dispożizzjonijiet. Peress li l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 139/2004 huwa intiż, kif tammetti r-rikorrenti stess, sabiex jippermetti lill-partijiet f’konċentrazzjoni jitolbu, fi stadju bikri, ir-rinviju tagħha lill-Kummissjoni sabiex jiġu evitati diversi notifiki lid-diversi awtoritajiet nazzjonali kompetenti (ara l-premessa 16 ta’ dan ir-regolament u l-punt 112 iktar ’il fuq), l-Artikolu 22 tal-imsemmi regolament isegwi wkoll l-għan imsemmi fil-punti 102, 113 u 114 iktar ’il fuq li jkunu jistgħu jiġu eżaminati konċentrazzjonijiet transkonfinali.

127    Fir-raba’ lok, l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 lanqas ma huwa allinjat mal-mekkaniżmi ta’ rinviju previsti fl-Artikolu 4(4) u fl-Artikolu 9 ta’ dak ir-regolament, li jirregolaw ir-rinviju ta’ konċentrazzjoni b’dimensjoni Ewropea lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru.

128    Fil-fatt, jekk, f’konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(4) u mal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 139/2004, tali konċentrazzjoni tista’, rispettivament, fuq talba tal-partijiet jew fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni, tiġi rrinvijata “lill-awtoritajiet kompetenti” ta’ Stat Membru, l-Artikolu 22(1) ma jagħmilx riferiment għal tali awtoritajiet, iżda għal “[S]tat Membru jew [S]tati Membri” li “jistgħu jitolbu” li konċentrazzjoni tiġi rrinvjata lill-Kummissjoni. Barra minn hekk, b’differenza mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(4) u l-Artikolu 9(1), l-Artikolu 22(1) ma jippreċiżax “[q]abel ma ssir in-notifika”, u lanqas ma jippreżupponi l-eżistenza ta’ “konċentrazzjoni notifikata”, iżda huwa fformulat b’mod iktar miftuħ billi japplika għal “xi [kull] konċentrazzjoni”.

129    Konsegwentement, l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 ma jistax jiġi interpretat fid-dawl tal-mekkaniżmi ta’ riferiment previsti fl-Artikolu 4(4) u fl-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament. Dan huwa b’mod partikolari bbażat fuq il-fatt li ma jeżiġix b’mod espliċitu la li l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni għandha tkun kompetenti li teżamina l-konċentrazzjoni li hija s-suġġett tar-rinviju, u lanqas li din il-konċentrazzjoni għandha tiġi nnotifikata.

130    Fil-ħames lok, fir-rigward tar-relazzjoni bejn l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 u d-dispożizzjonijiet l-oħra tal-imsemmi artikolu, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tal-imsemmi regolament jipprevedi li talba għal rinviju “għandha ssir mhux aktar tard minn 15-il jum utli mill-jum li fih l-konċentrazzjoni kienet notifikata, jew f’każ li notifika mhix meħtieġa, mill-jum li fih il-konċentrazzjoni kienet mgħarrfa lill-Istat Membru konċernat”. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni tirregola, minn naħa, is-sitwazzjonijiet li fihom il-konċentrazzjonijiet jiġu nnotifikati lill-awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali kompetenti u għalhekk jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet ta’ dak l-Istat Membru, u, min-naħa l-oħra, kif isostnu l-Kummissjoni u r-Repubblika Franċiża, is-sitwazzjonijiet li fihom il-konċentrazzjonijiet ma jiġux innotifikati iżda sempliċement ikkomunikati lill-Istat Membru kkonċernat, jew għaliex dawn ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija sistema, jew għaliex tali sistema ma teżistix. Għaldaqstant, ma jistax jiġi dedott minn dan il-paragrafu li l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 japplika biss għall-Istati Membri li għandhom sistema nazzjonali ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet meta l-konċentrazzjonijiet ikkonċernati jkunu jaqgħu taħt l-imsemmija sistema.

131    It-tieni, ir-rikorrenti u Grail ma jistgħux jibbażaw l-argument tagħhom fuq il-fatt li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 139/2004 jipprevedi li “[i]l-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tinforma lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri u lill-impriżi konċernati dwar kull talba [għal rinviju] li tirċievi skond il-paragrafu 1 [ta’ dan l-artikolu]”, billi r-riferiment għall-“awtoritajiet kompetenti” huwa intiż biss sabiex jiżgura li l-awtoritajiet nazzjonali ġeneralment responsabbli għall-każijiet ta’ konċentrazzjoni jiġu informati mill-Kummissjoni b’talba għal rinviju. Din l-informazzjoni tippermetti lil dawk l-awtoritajiet jassumu pożizzjoni dwar jekk għandhomx iressqu talba biex jingħaqdu skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(2) ta’ dak ir-regolament u għalhekk tikkostitwixxi kundizzjoni preliminari sabiex dan id-dritt li jingħaqdu jkun jista’ jiġi eżerċitat fir-realtà. Min-naħa l-oħra, ir-riferiment għall-imsemmija awtoritajiet ma jgħid xejn dwar il-portata preċiża tal-kompetenzi ta’ eżami tagħhom, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, fir-rigward tal-konċentrazzjoni li hija s-suġġett tat-talba għal rinviju li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata tivverifika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 1999, Kesko vs Il‑Kummissjoni, T‑22/97, EU:T:1999:327, punt 84).

132    It-tielet, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 139/2004 jipprovdi li “[k]ull Stat Membru ieħor għandu jkollu d-dritt li jingħaqad mat-talba oriġinali [għal rinviju]”, li huwa konsistenti mal-paragrafu 1 tiegħu u jikkonferma li kull Stat Membru jista’ jippreżenta talba għal rinviju jew biex jingħaqad skont dan l-artikolu, indipendentement mill-portata tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet.

133    Ir-raba’, il-fatt li, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 139/2004, “[i]t-termini perentorji nazzjonali kollha relatati mal-konċentrazzjoni għandhom ikunu sospiżi […]”, ifisser biss, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni Grail, li, jekk beda jiddekorri tali terminu perentorju nazzjonali, dan jiġi sospiż. Dan huwa neċessarju sabiex jiġi evitat li l-ipproċessar ta’ talba għal rinviju mill-Kummissjoni tfixkel is-sistemi nazzjonali ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet, li l-iskedi ta’ eżami tagħhom spiss ikunu stretti ħafna. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni ma taffettwax is-sitwazzjoni li fiha l-konċentrazzjoni kkonċernata ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ tali sistema nazzjonali, meta din tal-aħħar tkun teżisti.

134    Il-ħames, sa fejn it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 22(3) tar-Regolament Nru 139/2004 jipprevedi li “[l]-Istat Membru jew Stati Membri li għamel jew għamlu t-talba [għal rinviju] ma għandhomx jibqgħu japplikaw l-liġi nazzjonali tagħhom dwar il-kompetizzjoni fir-rigward tal-konċentrazzjoni”, huwa intiż, għall-kuntrarju ta’ dak li tqis ir-rikorrenti, li jiżgura li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ dawk l-Istati Membri ma jibqgħux jesprimu fehmiet, sussegwentement, fuq il-mertu ta’ dik il-konċentrazzjoni, li jikkontradixxu d-deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni. Dan ir-riskju jista’ b’mod partikolari jkun jeżisti meta l-imsemmija awtoritajiet ma jaqblux mal-konklużjoni finali tal-Kummissjoni. Sabiex tiġi evitata kull kontradizzjoni, din id-dispożizzjoni ma tillimitax ruħha għar-regoli fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, iżda hija fformulata b’mod iktar wiesgħa billi tirreferi għad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni kollu kemm hu. Min-naħa l-oħra, mill-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta li l-Istati Membri li ma għamlux talba għal rinviju jistgħu jkomplu japplikaw id-dritt nazzjonali tagħhom tal-kompetizzjoni għall-konċentrazzjoni kkonċernata. Għaldaqstant, fid-dawl tal-formulazzjoni tiegħu u tal-għanijiet tiegħu, minn dan ma jistax jiġi dedott li t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 22(3) tar-Regolament Nru 139/2004 jeżiġi li l-konċentrazzjoni li hija s-suġġett tar-rinviju tkun taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kontroll.

135    Is-sitt, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 139/2004 jipprovdi li r-regoli previsti fl-Artikolu 2, fl-Artikolu 4(2) u (3), u fl-Artikoli 5, 6 u 8 sa 21 tal-imsemmi regolament għandhom japplikaw meta l-Kummissjoni teżamina konċentrazzjoni li tkun ġiet irrinvijata lilha minn Stat Membru.

136    Fir-rigward tal-obbligu ta’ sospensjoni fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 139/2004, dan għandu, skont it-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(4) ta’ dak ir-regolament, “japplika sakemm il-konċentrazzjoni ma kinitx implimentata sal-ġurnata li fiha l-Kummissjoni tinforma lill-impriżi konċernati li saret talba”. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni tqis il-fatt li, qabel it-tressiq tat-talba għal rinviju, konċentrazzjoni li ma għandhiex dimensjoni Ewropea ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 139/2004 u li, konsegwentement, l-imsemmi obbligu ta’ sospensjoni ma jwaqqafx it-twettiq tagħha. Madankollu, sabiex dik il-konċentrazzjoni tkun tista’ titwettaq fl-Unjoni, jeħtieġ ukoll li s-sospensjoni tagħha ma tkunx meħtieġa minn leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet ta’ Stat Membru. Minn dan isegwi li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 139/2004 jkopri kemm is-sitwazzjonijiet li fihom il-konċentrazzjoni li hija s-suġġett tat-talba għal rinviju ma tkunx taqa’, bħal f’dan il-każ, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ebda leġiżlazzjoni nazzjonali, kif ukoll dawk li fihom tali leġiżlazzjoni tkun applikabbli iżda ma tipprevedix is-sospensjoni tal-konċentrazzjoni.

137    Is-seba’, f’konformità mal-Artikolu 22(5) tar-Regolament Nru 139/2004, “[i]Kummissjoni tista’ tinforma lil Stat Membru jew lil diversi Stati Membri li hija tqis konċentrazzjoni bħala li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1 [ta’ dan l-artikolu]”. Peress li din il-formulazzjoni tagħmel riferiment biss għal dawn il-kriterji, ma tirrikjedix li l-imsemmija konċentrazzjoni tkun taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet.

138    It-tmien, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, għandu jiġi kkonstatat li dawn ma jinkludu l-ebda element rilevanti li jista’ jgħin jiċċara iktar il-kontenut tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tal-imsemmi regolament.

139    Għaldaqstant, mill-interpretazzjoni kuntestwali jirriżulta li talba għal rinviju skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 tista’ tiġi mressqa indipendentement mill-portata tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet.

–       Fuq l-interpretazzjoni teleoloġika

140    Fl-ewwel lok, mill-premessi 5, 6, 8, 24 u 25 tar-Regolament Nru 139/2004 jirriżulta li l-għan ta’ dan ir-regolament huwa li jippermetti l-kontroll effettiv tal-konċentrazzjonijiet kollha li għandhom effetti sinjifikattivi fuq l-istruttura tal-kompetizzjoni fl-Unjoni. Skont il-prinċipju tal-“one-stop shop”, dawn il-konċentrazzjonijiet jiġu eżaminati esklużivament fil-livell tal-Unjoni.

141    Kif ġie kkonstatat fil-kuntest tal-interpretazzjoni kuntestwali (ara l-punt 123 iktar ’il fuq), f’konformità mal-premessi 9 sa 11, l-imsemmi regolament huwa intiż li jagħmel il-kompetenza ta’ eżami tal-Kummissjoni dipendenti prinċipalment fuq il-qbiż tal-limiti tad-dħul mill-bejgħ li jiddefinixxu d-dimensjoni Ewropea, filwaqt li jissupplimenta dawk il-limiti b’regoli li jirregolaw ir-rinviju ta’ konċentrazzjonijiet li jridu jikkostitwixxu “mekkaniżm[i] korrettiv[i] u effettiv[i]”.

142    Minn din il-perspettiva, il-mekkaniżmi ta’ rinviju huma strument intiż sabiex jirrimedja l-lakuni fil-kontroll li huma inerenti għal sistema bbażata prinċipalment fuq livelli tad-dħul mill-bejgħ, li, minħabba n-natura riġida tagħha, ma tistax tkopri t-tranżazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni kollha li jistħoqqilhom eżami fil-livell Ewropew (ara wkoll il-punti102, 113 u 114 iktar ’il fuq). Dawn il-mekkaniżmi għalhekk joħolqu, kif tissottolinja l-espressjoni “mekkaniżmu korrettiv” użata fil-premessa 11 tar-Regolament Nru 139/2004, kompetenza sussidjarja tal-Kummissjoni li tagħtiha l-flessibbiltà neċessarja sabiex tilħaq l-għan ta’ dak ir-regolament li jikkonsisti f’li jkun permess kontroll tal-konċentrazzjonijiet li jistgħu jfixklu b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva fis-suq intern.

143    L-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 jiżgura dan l-għan sa fejn dan jipprovdi l-flessibbiltà neċessarja sabiex jiġu eżaminati, fil-livell tal-Unjoni, tranżazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni li jistgħu jfixklu b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva fis-suq intern li kienu, minħabba n-nuqqas ta’ qbiż tal-limiti tad-dħul mill-bejgħ, kienu jevitaw il-kontroll skont is-sistemi ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet kemm tal-Unjoni kif ukoll tal-Istati Membri.

144    Barra minn hekk, sa fejn, f’każ bħal dan, fejn ma jinqabżux il-limiti tad-dħul mill-bejgħ fil-livell Ewropew u nazzjonali, hija biss il-Kummissjoni li, fuq talba ta’ Stat Membru jew ta’ Stati Membri, issir kompetenti li teżamina dik il-konċentrazzjoni, l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 jifforma parti wkoll mill-għanijiet tal-protezzjoni tal-interessi tal-Istati Membri, tas-sussidjarjetà, taċ-ċertezza legali, tal-evitar ta’ diversi notifiki, tal-“one-stop shop” u tar-rinviju lill-awtorità l-iktar xierqa, kif stabbiliti fil-premess 11, 12 u 14 ta’ dak ir-regolament.

145    Fit-tieni lok, il-premessi 15 u 16 tar-Regolament Nru 139/2004 ifakkru, essenzjalment, fil-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni materjali li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex, minn naħa, il-Kummissjoni tkun awtorizzata tirrinvija konċentrazzjoni lil Stat Membru, skont l-Artikolu 4(4) jew l-Artikolu 9 ta’ dak ir-regolament, u, min-naħa l-oħra, bil-kontra, biex konċentrazzjoni tkun tista’ tiġi rrinvijata minn Stat Membru lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 4(5) jew l-Artikolu 22 tal-imsemmi regolament. Għalhekk, jenfasizzaw id-differenzi bejn l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, minn naħa, u l-Artikolu 4(4) u (5) jew l-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament, min-naħa l-oħra, kif esposti fil-punti 125 sa 129 iktar’ il fuq.

146    B’mod iktar preċiż, filwaqt li l-premessa 16 tar-Regolament Nru 139/2004, li tikkonċerna r-rinviju ta’ konċentrazzjoni lill-Kummissjoni qabel issir in-notifika tagħha, previst mill-Artikolu 4(5) tal-imsemmi regolament, teżiġi b’mod espliċitu li din il-konċentrazzjoni tkun “tista’ tkun eżaminata taħt il-liġijiet nazzjonali dwar il-kompetizzjoni ta’ mill-anqas tlett Stati Membri”, il-premessa 15 tal-imsemmi regolament, li tikkonċerna l-forom l-oħra kollha ta’ rinviju ta’ konċentrazzjoni lill-Kummissjoni, inkluża dik imsemmija fl-Artikolu 22 ta’ dak ir-regolament, ma tinkludix tali rekwiżit. Fil-fatt, din tal-aħħar tissottolinja li “Stat Membru għandu jkun jista’ jirreferi lill-Kummissjoni konċentrazzjoni li għalkemm ma għandhiex dimensjoni [Ewropea] xorta tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri u thedded li taffettwa b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni fit-territorju tiegħu”. Barra minn hekk, tirrileva li “[i]l-Kummissjoni għandha jkollha s-setgħa li teżamina u tittratta ma’ konċentrazzjoni f’isem Stat Membru li jkun għamel talba jew f’isem Stati Membri li jkunu għamlu talba”.

147    Għaldaqstant, il-premessi 15 u 16 tar-Regolament Nru 139/2004 jikkorroboraw il-konstatazzjoni esposta fil-punti 126 u 129 iktar ’il fuq li skonthom il-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 22 ta’ dak ir-regolament huma fundamentalment differenti minn dawk tal-mekkaniżmi l-oħra tar-rinviju.

148    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-interpretazzjoni teleoloġika tikkonferma li talba għal rinviju skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 tista’ tiġi ppreżentata indipendentement mill-portata tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet.

149    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata bir-riferiment għad-dispożizzjoni li “[l-I]stati Membri [l-]oħra li huma wkoll kompetenti sabiex jeżaminaw il-konċentrazzjoni għandhom ikunu jistgħu jingħaqdu mat-talba”, kif użata fil-premessa 15 tar-Regolament Nru 139/2004 u invokata mir-rikorrenti u minn Grail sabiex isostnu l-pożizzjoni tagħhom.

150    Fil-fatt, dan sempliċement ifakkar li Stati Membri oħra jistgħu jingħaqdu ma’ talba għal rinviju, f’konformità l-possibbiltà ġdida introdotta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 139/2004 li tissupplimenta l-possibbiltà li jiġu mressqa talbiet konġunti għal rinviju kif introdotta mir-Regolament Nru 1310/97 sabiex jiġi evitat eżami parallel tal-istess konċentrazzjoni minn diversi Stati Membri (ara l-punt 101 iktar ’il fuq). F’dan il-kuntest, fid-dawl tal-fatt li r-Regolament Nru 139/2004 ukoll huwa intiż li jevita tali eżami parallel (ara l-premessi 12 u 14 ta’ dak ir-regolament), dan jiddeskrivi sitwazzjoni fejn il-konċentrazzjoni kkonċernata taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ diversi sistemi nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet. Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-parti l-oħra tal-premessa 15 tal-imsemmi regolament li tagħmel riferiment għas-sospensjoni tat-termini nazzjonali, li tippreżupponi, kif issostni l-Kummissjoni, l-applikabbiltà tar-regoli ta’ tali sistema nazzjonali. Għalhekk, bħalma ssostni l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, għandu jiġi konkluż li din il-premessa trid tinftiehem li tiddeskrivi wieħed mix-xenarji koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 139/2004, jiġifieri dak li jwassal għall-introduzzjoni tal-possibbiltà li parti tingħaqad ma’ talba għal rinviju.

151    Min-naħa l-oħra, kieku l-premessa 15 tar-Regolament Nru 139/2004 kellha tiġi interpretata, kuntrarjament għall-formulazzjoni mhux ambigwa tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(2) ta’ dak ir-regolament (ara l-punt 132 iktar ’il fuq), bħala li teżiġi li l-Istat Membru jkun kompetenti. skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu, Stat Membru li ma għandux leġiżlazzjoni dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, bħall-Gran Dukat tal-Lussemburgu, qatt ma jkun jista’ jingħaqad ma’ talba għal rinviju, jew jekk, kif jidher li ssostni r-rikorrenti, din l-interpretazzjoni tiġi estiża għall-Artikolu 22(1) tal-imsemmi regolament, dak l-Istat qatt ma jkun jista’ jressaq talba għal rinviju. Issa, tali riżultat, li jmur kontra l-oriġini ta’ dan l-artikolu (ara l-punt 97 iktar ’il fuq), lanqas biss ġie affermat mir-rikorrenti u minn Grail.

–       Fuq l-argumenti l-oħra tar-rikorrenti u ta’ Grail

152    L-argumenti l-oħra tar-rikorrenti u ta’ Grail ma jistgħux jikkontestaw il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu iktar ’il fuq.

153    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-affermazzjoni mir-rikorrenti li Stat Membru li ddefinixxa l-kundizzjonijiet li taħthom huwa jikkontrolla l-konċentrazzjonijiet mingħajr dimensjoni Ewropea kien “eżerċita l-kompetenza tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali] b’tali mod li l-possibbiltà li jiġu rrinvijati konċentrazzjonijiet lill-Kummissjoni ma tibqax miftuħa għalih, għandu jiġi mfakkar li, kif huwa indikat fl-aħħar sentenza tal-premessa 8 tar-Regolament Nru 139/2004 u kif jirriżulta mill-Artikolu 21 ta’ dak ir-regolament, il-konċentrazzjonijiet kollha li ma humiex koperti mill-imsemmi regolament jaqgħu, fil-prinċipju, taħt il-kompetenza tal-Istati Membri. Minn dan isegwi li, f’konformità mal-prinċipju tal-għoti tal-kompetenzi previst fl-Artikolu 4(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 5 TUE, konċentrazzjoni li, fin-nuqqas ta’ qbiż tal-limiti tad-dħul mill-bejgħ previsti mill-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 139/2004, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-regolament, taqa’, b’mod awtomatiku, taħt il-kompetenza tal-Istati Membri. Għaldaqstant, dawn tal-aħħar, mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, dejjem huma kompetenti li jressqu talba għal rinviju skont l-Artikolu 22 tal-imsemmi regolament.

154    F’dan il-kuntest, għandu jiġi ppreċiżat li d-dritt nazzjonali jista’ japplika biss għall-konċentrazzjonijiet li, fil-prinċipju, jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri. Ċertament, meta tali konċentrazzjoni ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, fost oħrajn, fin-nuqqas ta’ qbiż tal-limiti tad-dħul mill-bejgħ neċessarji, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni ma jkollhomx il-kompetenza li jeżaminawha. Madankollu, dan ma jfissirx li l-Istat Membru jkun tilef jew irrinunzja l-kompetenza ġenerali tiegħu għall-konċentrazzjonijiet kollha mingħajr dimensjoni Ewropea, li tappartjeni għalih b’mod awtomatiku, skont il-prinċipju tal-għoti tal-kompetenzi, iżda biss li, skont id-dritt nazzjonali tiegħu, l-awtoritajiet tiegħu ma għandhomx il-kompetenza li jieħdu azzjoni fir-rigward ta’ dik il-konċentrazzjoni fil-livell nazzjonali. Dan l-aħħar aspett jikkonċerna l-eżerċitar jew it-tqassim tal-kompetenzi interni u għalhekk il-kompetenza tal-Istat Membru li jressaq talba għal rinviju, skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, ma tistax tiddependi fuqu.

155    Sa fejn dan l-artikolu jirreferi b’mod espliċitu għal “Stati Membri”, huwa jagħtihom direttament id-dritt li jitolbu, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fih, ir-rinviju ta’ konċentrazzjoni lill-Kummissjoni. Issa, l-argument tar-rikorrenti li Stat Membru jista’ jitlef dritt mogħti lilu mid-dritt tal-Unjoni billi jeżerċita l-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu mhux biss huwa diffiċli li jiġi meqjus kompatibbli mar-rekwiżiti tal-Artikolu 4(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 5 TUE (ara l-punt 153 iktar ’il fuq), iżda wkoll ma għandu l-ebda fondatezza fil-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni. Barra minn hekk, jipprekludi l-applikazzjoni uniformi tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 peress li jqiegħed fi żvantaġġ lill-Istati Membri li implimentaw sistema ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet meta mqabbla ma’ dawk li ma għamlux dan, sa fejn dawn tal-aħħar għandhom id-dritt li jitolbu r-rinviju ta’ kull konċentrazzjoni filwaqt li dawk tal-ewwel jistgħu jagħmlu tali talba biss għall-konċentrazzjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija sistema.

156    In-nuqqas ta’ rilevanza tal-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-applikazzjoni tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 hija kkonfermata mis-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 1999, Kesko vs Il‑Kummissjoni (T‑22/97, EU:T:1999:327). Fil-fatt, fil-punt 84 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, meta l-Kummissjoni tirċievi talba għal rinviju skont l-Artikolu 22(3) tar-Regolament Nru 4064/89, hija obbligata biss li tivverifika jekk din it-talba hijiex, prima facie, dik ta’ Stat Membru u mhux li tiddeċiedi dwar il-kompetenza, fid-dawl tad-dritt nazzjonali applikabbli, tal-awtorità nazzjonali li tkun ressqet l-imsemmija talba f’isem u għan-nom ta’ dak l-Istat.

157    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju tas-sussidjarjetà stabbilit fl-Artikolu 5(1) u (3) TUE, u implimentat mill-Protokoll (Nru 2) dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità (ĠU 2016, C 202, p. 206), għandu jiġi mfakkar li, skont dan il-prinċipju, fl-oqsma li ma jaqgħux taħt il-kompetenza esklużiva tagħha, l-Unjoni tintervjeni biss jekk u sa fejn l-għanijiet tal-azzjoni prevista ma jkunux jistgħu jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, la fil-livell ċentrali u lanqas fil-livell reġjonali u lokali, iżda jkunu jistgħu jintlaħqu aħjar, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni prevista, fil-livell tal-Unjoni.

158    Għalhekk, l-imsemmi prinċipju huwa kompost, minn naħa, minn kriterju negattiv, li skontu l-għanijiet previsti ma jkunux jistgħu jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, u, min-naħa l-oħra, minn kriterju pożittiv, li skontu dawn l-għanijiet ikunu jistgħu, minħabba l-iskala jew l-effetti tagħhom, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni. Dawn iż-żewġ komponenti tal-prinċipju tas-sussidjarjetà huma marbuta b’mod definittiv, minn żewġ angoli differenti, mal-kwistjoni waħda u unika ta’ jekk hemmx lok għal azzjoni fil-livell tal-Unjoni jew tal-Istati Membri sabiex jintlaħqu l-imsemmija għanijiet (konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża Pillbox 38, C‑477/14, EU:C:2015:854, punt 165).

159    L-osservanza tal-prinċipju tas-sussidjarjetà tiġi vverifikata mill-Qorti tal-Unjoni (sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2016, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑358/14, EU:C:2016:323, punt 113).

160    F’dan il-każ, il-prinċipju tas-sussidjarjetà japplika peress li s-sistema ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet tal-Unjoni stabbilita bir-Regolament Nru 139/2004 hija bbażata parzjalment fuq l-Artikolu 308 KE [li sar l-Artikolu 352 TFUE] (ara l-punt 118 iktar ’il fuq), u għalhekk ma taqax taħt qasam ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

161    Peress li r-rikorrenti ma tqajjimx l-eċċezzjoni tal-illegalità tar-Regolament Nru 139/2004, hija ma tikkontestax, kif jirriżulta mill-premessi 6 u 8 tal-imsemmi regolament, il-konformità tiegħu ma’ dan il-prinċipju. L-istħarriġ tal-imsemmi prinċipju mill-Qorti Ġenerali għalhekk huwa llimitat għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, kif adottata fid-deċiżjonijiet ikkontestati, li talba għal rinviju skont din id-dispożizzjoni tista’ tiġi mressqa indipendentement mill-portata tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet.

162    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, minn naħa, il-konċentrazzjonijiet li jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri jistgħu jiġu kkontrollati aħjar fil-livell tal-Unjoni. B’mod partikolari, skont ir-Regolament Nru 139/2004, il-Kummissjoni għandha, sabiex teżamina l-kompatibbiltà ta’ tranżazzjoni ta’ konċentrazzjoni mas-suq intern, kriterji ta’ evalwazzjoni u kompetenzi iktar wiesgħa minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, li s-setgħat tagħha huma llimitati għat-territorju ta’ Stat Membru wieħed.

163    Min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, kif adottata fid-deċiżjonijiet ikkontestati, tippermetti lil Stat Membru jitlob lill-Kummissjoni teżamina konċentrazzjoni li, bħal f’dan il-każ, la taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet u lanqas ma għandha dimensjoni Ewropea fis-sens tal-Artikolu 1 tal-imsemmi regolament, meta din thedded li taffettwa b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni fit-territorju tiegħu u li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Din l-interpretazzjoni għalhekk tiżgura li konċentrazzjoni li, minkejja dawn l-effetti negattivi sinjifikattivi, ma tkun is-suġġett tal-ebda eżami, la mill-awtoritajiet nazzjonali u lanqas mill-Kummissjoni, tista’ tiġi eżaminata minn din tal-aħħar. Għalhekk din hija azzjoni li ma tistax titwettaq mill-Istati Membri. Għall-kuntrarju, f’dik is-sitwazzjoni, huwa indispensabbli li l-azzjoni tittieħed fil-livell tal-Unjoni.

164    Barra minn hekk, kif isostnu l-Kummissjoni u r-Repubblika Franċiża, ir-rispett għall-interessi tal-Istati Membri huwa żgurat ukoll mill-fatt li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, il-Kummissjoni tista’ teżamina konċentrazzjoni biss fuq talba għal rinviju minn Stat Membru. Dawn l-interessi huma barra minn hekk protetti mill-portata territorjali limitata tal-eżami tal-konċentrazzjoni previst mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 22(3) tal-imsemmi regolament. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, huwa biss Stat Membru li jkun ressaq tali talba minn jeddu li ma jkunx jista’ jibqa’ japplika d-dritt nazzjonali tiegħu tal-kompetizzjoni għall-konċentrazzjoni kkonċernata (ara l-punt 134 iktar ’il fuq).

165    Għaldaqstant, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, kif adottata fid-deċiżjonijiet ikkontestati, li talba għal rinviju skont din id-dispożizzjoni tista’ tiġi mressqa indipendentement mill-portata tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà. B’mod partikolari, din tiżgura, kif indikat fil-premessa 11 tar-Regolament Nru 139/2004, li dan l-artikolu jikkostitwixxi mekkaniżmu korrettiv effettiv fid-dawl ta’ dan il-prinċipju billi jipproteġi l-interessi tal-Istati Membri. Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni tiggarantixxi, f’konformità mal-premessa 14 tal-imsemmi regolament, li kawża tiġi ttrattata mill-awtorità l-iktar xierqa, fid-dawl tal-imsemmi prinċipju (ara wkoll il-punt 144 iktar ’il fuq).

166    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-affermazzjoni tar-rikorrenti li l-prinċipju tas-sussidjarjetà jillimita l-applikazzjoni tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 għall-Istati Membri li stabbilixxew is-sistema nazzjonali proprja tagħhom tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, peress li dan il-prinċipju jirregola, kif jindika l-Artikolu 5(1) TUE, l-eżerċizzju tal-kompetenzi tal-Unjoni, iżda mhux dawk tal-Istati Membri. Bl-istess mod, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et (C‑547/14, EU:C:2016:325, punti 216 sa 218), kif invokata mir-rikorrenti, hija irrilevanti peress li tfakkar biss fl-eżerċizzju tal-istħarriġ tal-osservanza tal-prinċipju tas-sussidjarjetà mill-Parlamenti nazzjonali u mill-Qorti tal-Unjoni.

167    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju tal-proporzjonalità stabbilit fl-Artikolu 5(1) u (4) TUE, għandu jiġi mfakkar li dan il-prinċipju jipprevedi li l-kontenut u l-forma tal-azzjoni tal-Unjoni ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet tat-Trattati.

168    B’mod partikolari, dan il-prinċipju jeħtieġ li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-UE ma jmorrux lil hinn minn dak li hu xieraq u meħtieġ biex jintlaħaq l-għan segwit, u meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tittieħed dik l-inqas oneruża, u l-inkonvenjenzi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati mal-għanijiet segwiti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Jannar 2017, Spanja vs Il‑Kunsill, C‑128/15, EU:C:2017:3, punt 71; tad‑9 ta’ Diċembru 2020, Groupe Canal + vs Il‑Kummissjoni, C‑132/19 P, EU:C:2020:1007, punt 104; u tal‑20 ta’ Ġunju 2018, České dráhy vs Il‑Kummissjoni, T‑325/16, EU:T:2018:368, punt 113).

169    F’dan il-każ, peress li r-rikorrenti ma tqajjimx l-eċċezzjoni tal-illegalità tar-Regolament Nru 139/2004 fid-dawl tal-prinċipju tal-proporzjonalità, l-istħarriġ tal-imsemmi prinċipju mill-Qorti Ġenerali huwa llimitat għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, kif adottata fid-deċiżjonijiet ikkontestati, li talba għal rinviju skont din id-dispożizzjoni tista’ tiġi mressqa indipendentement mill-portata tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet.

170    F’dak li jirrigwarda, minn naħa, l-allegat numru kbir ta’ konċentrazzjonijiet li ma għandhomx dimensjoni Ewropea u li ma jaqgħux taħt sistema nazzjonali ta’ kontroll li huma affettwati minn din l-interpretazzjoni, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li dan huwa argument li ma huwiex sostanzjat u li ma jurix li l-imsemmija interpretazzjoni hija sproporzjonata meta mqabbla mal-għan li jiġu eżaminati l-konċentrazzjonijiet li jistgħu jostakolaw b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva fis-suq intern. Bl-istess mod, ma tistax tiġi aċċettata l-affermazzjoni li din l-istess interpretazzjoni tinvolvi proċedura ta’ piż għall-impriżi peress li teżiġihom jagħmlu notifika “informali” [traduzzjoni mhux uffiċjali], peress li tali notifika la hija prevista mill-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 u lanqas meħtieġa minn din l-interpretazzjoni.

171    Barra minn hekk, l-interpretazzjoni adottata fid-deċiżjonijiet ikkontestati, li talba għal rinviju skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 tista’ tiġi mressqa indipendentement mill-portata tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, tippermetti lill-Kummissjoni teżamina konċentrazzjoni, skont dan l-artikolu, biss f’ċerti każijiet speċifiċi u taħt kundizzjonijiet iddefiniti sew, jiġifieri jekk l-erba’ kundizzjonijiet kumulattivi previsti mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tal-imsemmi regolament (ara l-punt 89 iktar ’il fuq) ikunu ssodisfatti. Fid-dawl ta’ dawn il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ċari u preċiżi li jirrestrinġu b’mod sinjifikattiv il-marġni ta’ manuvra tal-Kummissjoni, din l-istess interpretazzjoni ma hijiex inadegwata sabiex jintlaħaq l-għan li jiġu eżaminati l-konċentrazzjonijiet li jistgħu jostakolaw b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva fis-suq intern.

172    Għaldaqstant, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 adottata fid-deċiżjonijiet ikkontestati tosserva l-prinċipju tal-proporzjonalità u, kif qies il-leġiżlatur tal-Unjoni fil-premessa 6 ta’ dak ir-regolament, ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan li jiġi żgurat li ma jkunx hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern.

173    Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju taċ-ċertezza legali, għandu jiġi rrilevat li dan il-prinċipju, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi, minn naħa, li d-dispożizzjonijiet legali jkunu ċari u preċiżi u, min-naħa l-oħra, li l-applikazzjoni tagħhom tkun prevedibbli għall-persuni suġġetti għal-liġi. B’mod partikolari, l-imsemmi prinċipju jeżiġi li leġiżlazzjoni tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu eżatt il-portata tal-obbligi li hija timponi fuqhom u li dawn ikunu jistgħu jsiru jafu mingħajr ambigwità d-drittijiet u l-obbligi tagħhom u jaġixxu fid-dawl tagħhom (ara s-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2014, Ålands Vindkraft, C‑573/12, EU:C:2014:2037, punti 127 u 128 u l-ġurisprudenza ċċitata).

174    F’dan il-każ, l-interpretazzjoni sostnuta mir-rikorrenti u minn Grail, li tissuġġetta l-applikazzjoni tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 għall-kundizzjoni li r-rekwiżiti ta’ sistema nazzjonali ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet, filwaqt li jipprevedu tip ta’ eċċezzjoni għall-Istati Membri li ma għandhomx tali sistema, iwasslu għal inċertezza fir-rigward tal-konċentrazzjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni.

175    B’mod partikolari, minn naħa, din l-interpretazzjoni twassal għal inċertezza legali marbuta mal-kriterji u mal-kunċetti differenti li jiddeterminaw il-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet eżistenti fl-Istati Membri. L-applikazzjoni tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 tiddependi għalhekk minn elementi li, minħabba n-natura imprevedibbli tagħhom, ġew miċħuda mill-Kummissjoni fil-proposta tagħha tal‑2003 (ara l-punt 108 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, l-imsemmija interpretazzjoni tmur kontra l-ġurisprudenza li skontha ma hijiex il-Kummissjoni li għandha tiddeċiedi dwar il-kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni li jressqu talbiet għal rinviju (sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 1999, Kesko vs Il‑Kummissjoni, T‑22/97, EU:T:1999:327, punt 84). Min-naħa l-oħra, dik l-istess interpretazzjoni ma tistax toffri prevedibbiltà ikbar peress li Stat Membru li ma għandux leġiżlazzjoni fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet dejjem jista’ jitlob ir-rinviju ta’ każ ta’ konċentrazzjoni lill-Kummissjoni skont dak l-artikolu. B’mod iktar preċiż, ir-rikorrenti u Grail ma jispjegawx kif iċ-ċertezza legali kienet tkun ikbar kieku, f’dan il-każ, kienu il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, li ma għandux tali leġiżlazzjoni, li ressaq it-talba għal rinviju li hija s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata minflok ir-Repubblika Franċiża.

176    Min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni adottata fid-deċiżjonijiet ikkontestati, li talba għal rinviju skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 tista’ tiġi mressqa indipendentement mill-portata tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, tissuġġetta l-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu biss għall-kundizzjoni li jiġu ssodisfatti l-erba’ kundizzjonijiet kumulattivi previsti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1), kif imfakkra fil-punt 89 iktar ’il fuq. Dawn il-kundizzjonijiet jiggarantixxu li l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ssir, kif issostni l-Kummissjoni, b’mod uniformi fl-Unjoni.

177    Ċertament, l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ rinviju previst fl-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 139/2004 tiddependi, min-naħa tagħha, fuq id-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri (ara l-punt 126 iktar ’il fuq). Madankollu, dan huwa spjegat mill-għan li jiġi evitat l-eżami parallel tal-istess konċentrazzjoni minn diversi awtoritajiet nazzjonali (ara wkoll il-punt 126 iktar ’il fuq), li, kif tammetti r-rikorrenti stess, jiġġustifika “riferiment għall-korpi kompetenti li lilhom kieku kienu jsiru n-notifiki” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Issa, sa fejn l-Artikolu 22 tal-imsemmi regolament isegwi wkoll għanijiet oħra, b’mod partikolari dak li jippermetti, bħala “mekkaniżmu korrettiv”, kontroll effettiv tal-konċentrazzjonijiet kollha li jistgħu jostakolaw b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva fis-suq intern u li ma jaqgħux, minħabba n-nuqqas ta’ qbiż tal-limiti tad-dħul mill-bejgħ, taħt il-leġiżlazzjonijiet fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri (ara b’mod partikolari l-punti 102, 113, 114 u 142 iktar ’il fuq), dan jeżiġi kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ċari u preċiżi bbażati fuq id-dritt tal-Unjoni.

178    Għaldaqstant, hija biss l-interpretazzjoni adottata fid-deċiżjonijiet ikkontestati li tiżgura ċ-ċertezza legali neċessarja u l-applikazzjoni uniformi tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 fl-Unjoni.

179    Din l-evalwazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti l-oħra tar-rikorrenti.

180    Minn naħa, sa fejn ir-rikorrenti tagħmel riferiment għall-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2007, Cementbouw Handel & Industrie vs Il‑Kummissjoni (C‑202/06 P, EU:C:2007:814, punt 38), dwar in-neċessità li tiġi identifikata, b’mod prevedibbli, l-awtorità li hija kompetenti li teżamina konċentrazzjoni, għandu jiġi rrilevat li l-interpretazzjoni adottata fid-deċiżjonijiet ikkontestati ma tibdilx it-tqassim ċar tal-kompetenzi bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-Unjoni bbażat fuq il-limiti tad-dħul mill-bejgħ previsti mill-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 139/2004. B’mod iktar preċiż, fin-nuqqas ta’ qbiż ta’ dawk il-limiti, huma biss l-awtoritajiet tal-Istati Membri li huma kompetenti li jeżaminaw il-konċentrazzjoni kkonċernata jew li jagħmlu talba għal rinviju skont l-Artikolu 22 ta’ dak ir-regolament (ara l-punt 153 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, il-partijiet f’tali konċentrazzjoni ma humiex obbligati li jinnotifikaw dik il-konċentrazzjoni lill-Kummissjoni u lanqas li jevalwaw jekk il-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 22(1) tal-imsemmi regolament ikunux ġew issodisfatti. Barra minn hekk, ma humiex f’riskju li jiġu imposti fuqhom sanzjonijiet f’każ ta’ nuqqas ta’ trażmissjoni attiva li biha tiġi “mgħarrfa” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tal-istess regolament. Għaldaqstant, l-awtorità kompetenti tista’ tiġi identifikata b’mod prevedibbli.

181    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-argument li l-Kummissjoni għandha l-possibbiltà, f’konformità mal-punt 21 tal-gwida dwar l-Artikolu 22, li teżamina konċentrazzjoni ħafna wara wara t-twettiq tagħha, għandu jiġi mfakkar li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 jipprevedi li talba għal rinviju skont dak l-artikolu “għandha ssir mhux aktar tard minn 15-il jum utli mill-jum li fih l-konċentrazzjoni kienet notifikata, jew f’każ li notifika mhix meħtieġa, mill-jum li fih il-konċentrazzjoni kienet mgħarrfa lill-Istat Membru konċernat”. Kif jirriżulta mill-punt 130 iktar ’il fuq, dawn it-termini japplikaw ukoll fil-każijiet fejn il-limiti ta’ sistema nazzjonali ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet ma jkunux intlaħqu sal-mument meta l-konċentrazzjoni tiġi kkomunikata lill-Istat Membru. Għaldaqstant, peress li t-talba għal rinviju skont l-Artikolu 22 tal-imsemmi regolament tinvolvi termini preċiżi, il-konformità mal-prinċipju taċ-ċertezza legali hija żgurata. L-istess japplika għall-ħtieġa ta’ ħeffa li tipprevali fil-kuntest tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, kif invokata mir-rikorrenti bir-riferiment għas-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2006, Endesa vs Il‑Kummissjoni (T‑417/05, EU:T:2006:219, punt 209), u l-protezzjoni tal-validità tat-tranżazzjonijiet, imfakkra fl-aħħar sentenza tal-premessa 34 tar-Regolament Nru 139/2004, li fuqha r-rikorrenti tibbaża wkoll l-argumenti tagħha.

182    Fil-ħames lok, in-natura eċċezzjonali tar-rinviji skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, kif invokata mir-rikorrenti, hija ppreservata mill-interpretazzjoni adottata fid-deċiżjonijiet ikkontestati, sa fejn il-kompetenza ta’ eżami tal-Kummissjoni tibqa’ tiddependi prinċipalment fuq il-qbiż tal-limiti tad-dħul mill-bejgħ stabbiliti fl-Artikolu 1 ta’ dak ir-regolament u l-mekkaniżmu ta’ rinviju skont l-Artikolu 22 ta’ dak ir-regolament jikkostitwixxi biss kompetenza sussidjarja li tippermetti, f’ċerti każijiet speċifiċi u taħt kundizzjonijiet preċiżi ħafna (ara b’mod partikolari l-erba’ kundizzjonijiet kumulattivi tal-applikazzjoni esposti fil-punt 89 iktar ’il fuq), konċentrazzjoni li taqa’ barra minn dawk il-limiti minkejja l-effetti transkonfinali tagħha tista’ wkoll tiġi eżaminata mill-Kummissjoni fuq talba ta’ Stat Membru jew ta’ Stati Membri, li tqis il-funzjoni tal-Artikolu 22 bħala “mekkaniżmu korrettiv”. L-istess japplika għall-applikazzjoni, b’analoġija, tas-sentenza tat‑3 ta’ April 2003, Royal Philips Electronics vs Il‑Kummissjoni (T‑119/02, EU:T:2003:101, punt 354), kif invokata mir-rikorrenti, li teżiġi li l-kundizzjonijiet ta’ rinviju, previsti mill-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 139/2004, għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv. Barra minn hekk, fid-dawl tal-erba’ kundizzjonijiet kumulattivi tal-applikazzjoni esposti fil-punt 89 iktar ’il fuq, jidher, kif issostni r-Repubblika Franċiża, li n-numru ta’ tranżazzjonijiet li jistgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 22 tal-imsemmi regolament jibqa’ limitat.

183    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, b’mod partikolari fid-dawl tal-interpretazzjoni letterali, dik storika, dik kuntestwali u dik teleoloġika tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, għandu jiġi konkluż li l-Istati Membri jistgħu, taħt il-kundizzjonijiet imsemmija fih, iressqu talba għal rinviju skont dik id-dispożizzjoni indipendentement mill-portata tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet.

184    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ġustament aċċettat, permezz tad-deċiżjonijiet ikkontestati, it-talba għal rinviju u t-talbiet biex jingħaqdu skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004. Għall-kuntrarju ta’ dak li jqisu r-rikorrenti u Grail, la emenda leġiżlattiva u lanqas reviżjoni tal-limiti tad-dimensjoni Ewropea ma kienu għalhekk neċessarji għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni f’dan il-każ.

185    Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq li t-talba għal rinviju ġiet imressqa tard u, sussidjarjament, fuq il-ksur tal-prinċipji taċ-ċertezza legali u ta’ “amministrazzjoni tajba”

–       Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq li t-talba għal rinviju ġiet imressqa tard

186    Ir-rikorrenti, sostnuta minn Grail, tqis li t-talba għal rinviju ġiet imressqa wara li kien għadda t-terminu stabbilit mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004. Il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat li, sabiex jiġi kkunsidrat li kienet saret komunikazzjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, iridu jiġu kkomunikati lill-Istat Membru mhux biss l-eżistenza tal-konċentrazzjoni, iżda wkoll l-informazzjoni li tippermetti analiżi kompetittiva preliminari tat-tranżazzjoni. L-interpretazzjoni tal-Kummissjoni jkollha bħala effett li konċentrazzjoni għandha tiġi nnotifikata de facto fl-Istati Membri kollha anki jekk ma tkunx suġġetta għal obbligu ta’ notifika. Ir-rikorrenti u Grail ifakkru li l-konċentrazzjoni inkwistjoni kienet is-suġġett tal-istqarrija għall-istampa tal‑21 ta’ Settembru 2020, tal-eżamijiet preliminari tas-CMA f’Novembru u Diċembru 2020 u tat-“tieni talba” tal-Federal Trade Commission (il-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ tal-Istati Uniti, iktar ’il quddiem l-“FTC”) tad‑9 ta’ Novembru 2020. Barra minn hekk, waqt konferenza li saret fit‑23 ta’ Marzu 2021, uffiċjal tal-ACF kien iddikjara li l-ACF timmonitorja s-suq sabiex issib konċentrazzjonijiet eliġibbli għall-applikazzjoni tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, ir-rikorrenti tqis li l-ACF probabbilment kienet taf bl-imsemmija konċentrazzjoni qabel ma rċeviet l-ittra ta’ stedina. Peress li dik l-ittra, it-talba għal rinviju u l-ittra ta’ informazzjoni huma bbażati fuq informazzjoni li kienet magħrufa mill-pubbliku mill‑21 ta’ Settembru 2020, l-ACF jew kwalunkwe awtorità oħra ta’ Stat Membru setgħet twettaq analiżi preliminari tal-konċentrazzjoni inkwistjoni f’dik id-data u, fi kwalunkwe każ, qabel id‑19 ta’ Frar 2021. Grail iżżid tgħid li l-Kummissjoni rrikonoxxiet li, qabel ma bagħtet l-ittra ta’ stedina, kellha diskussjonijiet mal-awtoritajiet nazzjonali sabiex tiddetermina jekk waħda minnhom kinitx kompetenti għall-evalwazzjoni tagħha.

187    Il-Kummissjoni u r-Repubblika Franċiża jirribattu, essenzjalment, li li tiġi “mgħarrfa” fis-sens tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 timplika li l-Istat Membru kkonċernat trid tintbagħatlu informazzjoni speċifika li tippermettilu jagħmel evalwazzjoni preliminari tal-kundizzjonijiet sostantivi f’dik id-dispożizzjoni. Huma jqisu li s-sempliċi tħabbira pubblika tal-konċentrazzjoni inkwistjoni permezz tal-istqarrija għall-istampa invokata ma setgħetx tagħti bidu għat-terminu previst mill-imsemmija dispożizzjoni u, fi kwalunkwe każ, kienet insuffiċjenti sabiex tippermetti tali evalwazzjoni preliminari. Inkella, l-effettività tar-regoli li jirregolaw ir-rinviju tal-konċentrazzjonijiet tkun ostakolata. L-impriżi kkonċernati kellhom ikunu konxji tal-fatt li din il-konċentrazzjoni setgħet tqajjem problemi fir-rigward tal-kompetizzjoni u, sabiex jiksbu kjarifiki dwar rinviju possibbli, setgħu jikkomunikaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u lill-Kummissjoni l-informazzjoni li huma kellhom jipprovdu lill-FTC u lid-Department of Justice (id-Dipartiment tal-Ġustizzja, l-Istati Uniti). Il-Kummissjoni ssostni li s-CMA sabet ruħha f’sitwazzjoni differenti minn dik tal-ACF peress li hija kienet, minn naħa, ġiet ikkuntattjata mill-lanjant u, min-naħa l-oħra, kienet diġà informata tajjeb dwar l-attivitajiet tar-rikorrenti. Barra minn hekk, l-eżami tagħha lanqas ma seħħ f’terminu ta’ ħmistax-il jum ta’ xogħol li bdew jiddekorru mit-tħabbira tal-konċentrazzjoni inkwistjoni fil‑21 ta’ Settembru 2020.

188    Fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tieni motiv, il-Qorti Ġenerali hija mitluba tinterpreta t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004, b’mod partikolari l-espressjoni “mgħarrfa lill-Istat Membru konċernat”, fejn tali komunikazzjoni tikkostitwixxi, skont din id-dispożizzjoni, il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ ħmistax-il jum ta’ xogħol għat-tressiq ta’ talba għal rinviju meta l-ebda notifika tal-konċentrazzjoni ma tkun meħtieġa.

189    Għal dan il-għan, f’konformità mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 88 iktar’ il fuq, hemm lok li ssir interpretazzjoni letterali, kuntestwali, teleoloġika u storika tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004. F’dan il-kuntest, għandu jitqies il-fatt li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tiġi abbozzata f’diversi lingwi u li l-verżjonijiet lingwistiċi kollha huma awtentiċi, u li dan jista’ jeħtieġ it-tqabbil tal-verżjonijiet lingwistiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Jannar 2021, Hessischer Rundfunk, C‑422/19 u C‑423/19, EU:C:2021:63, punt 65, u tal‑14 ta’ Lulju 2016, Lettonie vs Il‑Kummissjoni, T‑661/14, EU:T:2016:412, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

190    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-interpretazzjoni letterali, għandu jiġi mfakkar li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004, “[italba għal rinviju] għandha ssir mhux aktar tard minn 15-il jum utli mill-jum li fih l-konċentrazzjoni kienet notifikata, jew f’każ li notifika mhix meħtieġa, mill-jum li fih il-konċentrazzjoni kienet mgħarrfa lill-Istat Membru konċernat”.

191    Għalhekk, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 jissuġġetta l-bidu tat-terminu ta’ ħmistax-il jum ta’ xogħol għal żewġ kundizzjonijiet alternattivi, jiġifieri, minn naħa, għad-data tan-notifika tal-konċentrazzjoni li hija s-suġġett tat-talba għal rinviju jew, min-naħa l-oħra, jekk tali notifika ma tkunx meħtieġa, ta’ meta tiġi “mgħarrfa” din il-konċentrazzjoni lill-Istat Membru kkonċernat.

192    Fir-rigward ta’ din it-tieni kundizzjoni alternattiva, għandu jiġi kkonstatat li l-kelma “mgħarrfa” ma tagħtix indikazzjoni la fuq il-kwistjoni dwar jekk il-komunikazzjoni tridx tirriżulta minn trażmissjoni attiva ta’ informazzjoni jew minn għarfien passiv tal-konċentrazzjoni, u lanqas fuq il-kontenut tal-informazzjoni li għandha tkun fil-pussess tal-Istat Membru sabiex jitqies li l-konċentrazzjoni ġiet mgħarrfa. Fuq l-ewwel wieħed minn dawn l-aspetti, għandu jiġi rrilevat li l-verżjonijiet lingwistiċi differenti ma jaqblux. Filwaqt li jirriżulta ċar b’mod partikolari mit-termini użati fil-verżjonijiet bil-Ġermaniż, bl-Ingliż, bil-Kroat, bl-Ispanjol, bil-Franċiż, bl-Ungeriż, bit-Taljan, bl-Olandiż u bil-Portugiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 li tiġi “mgħarrfa” jrid jikkonsisti f’“azzjoni”, b’mod partikolari fi “trażmissjoni”, il-verżjoni Bulgara ta’ din id-dispożizzjoni tagħti x’tifhem li kwalunkwe għarfien tal-konċentrazzjoni kkonċernata huwa suffiċjenti.

193    Din id-diverġenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi timplika li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 jrid jiġi interpretat fid-dawl tal-kuntest u l-għan tal-leġiżlazzjoni li jifforma parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ April 2016, Borealis Polyolefine et, C‑191/14, C‑192/14, C‑295/14, C‑389/14 u C‑391/14 sa C‑393/14, EU:C:2016:311, punt 90, u tas‑26 ta’ Jannar 2021, Hessischer Rundfunk, C‑422/19 u C‑423/19, EU:C:2021:63, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

194    Fir-rigward tat-tieni aspett imsemmi fil-punt 192 iktar ’il fuq, fid-dawl tas-silenzju tal-verżjonijiet lingwistiċi kollha dwar il-portata u l-kontenut tal-komunikazzjoni biex tiġi “mgħarrfa” lill-Istat Membru kkonċernat, dawn l-elementi jridu jiġu ddeterminati permezz ta’ metodi oħra ta’ interpretazzjoni.

195    Fit-tieni lok, l-interpretazzjoni storika lanqas ma tippermetti li tiġi ċċarata l-formulazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004.

196    Fil-fatt, l-ewwel nett, it-terminu “mgħarrfa”, kif użat fl-Artikolu 22(4) tal-verżjoni inizjali tar-Regolament Nru 4064/89, jikkorrispondi għat-terminu “mgħarrfa” użat fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004. It-tieni, l-espressjoni “saret magħrufa lill-Istat Membru”, kif introdotta bir-Regolament Nru 1310/97 fl-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 4064/89, kienet, kif stabbilit fil-punti 91, 92 u 98 tal-Green Paper tal‑2001, daqstant impreċiża u ambigwa daqs l-espressjoni “mgħarrfa lill-Istat Membru konċernat”. It-tielet nett, minkejja l-intenzjoni segwita mill-proposta tal‑2003 li jiġu ċċarati r-regoli tal-proċedura li jirregolaw ir-rinviju skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 4064/89 (ara l-punt 27 ta’ din il-proposta), tali kjarifika ma ngħatatx mir-Regolament Nru 139/2004.

197    Barra minn hekk, fir-rigward, minn naħa, tal-komunikazzjoni dwar ir-rinviju u tal-gwida dwar l-Artikolu 22, li jeżiġu t-trażmissjoni ta’ biżżejjed informazzjoni sabiex issir evalwazzjoni preliminari tal-kriterji tar-rinviju (ara n-nota Nru 43 f’qiegħ il-paġna ta’ dik il-komunikazzjoni u l-punt 18 tal-imsemmija gwida), u, min-naħa l-oħra, tal-White Paper tal‑2014, li teħtieġ sempliċement għarfien tal-konċentrazzjoni (ara l-punt 69 tal-imsemmija White Paper), għandu jiġi mfakkar li dawn id-dokumenti ma humiex rilevanti għall-finijiet ta’ interpretazzjoni storika peress li ġew adottati wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 139/2004 (ara l-punt 115 iktar ’il fuq).

198    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-interpretazzjoni kuntestwali, l-ewwel nett, il-fatt li n-notifika u l-komunikazzjoni li biha tiġi “mgħarrfa” l-konċentrazzjoni jikkostitwixxu alternattivi li jwasslu, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004, għall-istess konsegwenzi legali, jiġifieri l-bidu tat-terminu ta’ ħmistax-il jum ta’ xogħol (ara l-punt 191 iktar ’il fuq), minnu nnifsu jindika li l-kontenut irid ikun komparabbli.

199    It-tieni, kif issostni r-Repubblika Franċiża, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004, sa fejn jagħmel, fl-ewwel parti tas-sentenza tiegħu, riferiment għat-“talba [għal rinviju]”, irid jinqara fid-dawl tal-ewwel subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ talba għal rinviju (ara l-punt 89 iktar ’il fuq). Għandu jiġi dedott mir-rabta bejn dawn iż-żewġ subparagrafi li l-komunikazzjoni li biha tiġi “mgħarrfa” konċentrazzjoni għandha, kif issostni l-Kummissjoni, tippermetti lill-Istat Membru kkonċernat iwettaq evalwazzjoni preliminari ta’ dawn il-kundizzjonijiet u jevalwa l-opportunità li jressaq talba għal rinviju. Li kieku kien mod ieħor, dak l-Istat Membru jista’ jkun obbligat, bħala prekawzjoni u biss sabiex jiġi osservat it-terminu ta’ ħmistax-il jum ta’ xogħol, li jressaq talba għal rinviju għal konċentrazzjonijiet, anki jekk ma jkunx ċert li l-imsemmija kundizzjonijiet huma ssodisfatti.

200    It-tielet, il-mekkaniżmi l-oħra ta’ riferiment li jinsabu fl-Artikolu 4(4) u (5), kif ukoll fl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 139/2004 jipprevedu, bħat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) ta’ dan ir-regolament, terminu ta’ ħmistax-il jum ta’ xogħol li fih l-Istati Membri kkonċernati għandhom jieħdu pożizzjoni dwar ir-rinviju. Il-bidu ta’ dan it-terminu jiddependi mit-trażmissjoni jew ta’ kopja tan-notifika, jew ta’ nota motivata, li, f’konformità mal-Artikolu 6(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 802/2004 tas‑7 ta’ April 2004 li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 88), kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1269/2013 tal‑5 ta’ Diċembru 2013 (ĠU 2013, L 336, p. 1), irid ikun fiha minimu ta’ informazzjoni ekwivalenti sabiex dak l-Istat Membru jkun jista’ jevalwa jekk il-kundizzjonijiet tar-rinviju ġewx issodisfatti. Għalkemm il-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 huma differenti minn dawk tal-mekkaniżmi l-oħra ta’ rinviju (ara l-punti 125 sa 129 iktar ’il fuq), jidher konsistenti, fil-kuntest ta’ interpretazzjoni armonizzata ta’ dan ir-regolament, li jiġi kkunsidrat li t-terminu “mgħarrfa”, kif użat fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) ta’ dak ir-regolament, jimplika t-trażmissjoni attiva ta’ informazzjoni li tippermetti li jiġu evalwati dawn il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni.

201    Ir-raba’, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 139/2004, li jirregola t-talbiet biex jingħaqdu, ukoll jipprevedi terminu ta’ ħmistax-il jum tax-xogħol sabiex jitressqu tali talbiet. Skont din id-dispożizzjoni, dan it-terminu jibda jiddekorri “minn meta l-Kummissjoni [tkun informat lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri] dwar it-talba”. Il-punt tal-bidu tal-imsemmi terminu għalhekk ukoll jiddependi fuq it-trażmissjoni attiva ta’ informazzjoni rilevanti.

202    Il-ħames, ir-regoli l-oħra li jirregolaw is-sistema ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet tal-Unjoni huma wkoll ibbażati fuq il-prinċipju tat-trażmissjoni attiva ta’ informazzjoni rilevanti. Għalhekk, il-konċentrazzjonijiet li għandhom dimensjoni Ewropea fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 139/2004 iridu, skont l-Artikolu 4 ta’ dak ir-regolament, jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni qabel it-twettiq tagħhom u t-terminu għall-eżami jibda jiddekorri biss, f’konformità mal-Artikolu 10(1) tal-imsemmi regolament, “fil-jum utli [ta’ xogħol] ta’ wara dak li fih tkun riċevuta notifika jew, f’każ li l-informazzjoni li kellha tingħata man-notifika ma tkunx sħiħa, fil-jum utli [ta’ xogħol] ta’ wara dak li fih tkun riċevuta l-informazzjoni sħiħa”.

203    Issa, billi tinvoka, għall-finijiet tal-bidu tat-terminu previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004, il-mument meta l-konċentrazzjoni inkwistjoni saret pubblika, b’mod partikolari permezz tal-istqarrijiet għall-istampa u tar-rapportar mill-media, ir-rikorrenti tagħmel riferiment għal element estranju għas-sistema tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet tal-Unjoni b’mod ġenerali u għall-mekkaniżmi ta’ rinviju tagħha b’mod partikolari, li fihom la l-Kummissjoni u lanqas l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri ma huma meħtieġa jfittxu b’mod attiv informazzjoni dwar il-konċentrazzjonijiet li jistgħu jiġu eżaminati skont dik is-sistema.

204    Għaldaqstant, fid-dawl tal-kuntest espost fil-punti 198 sa 203 iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li komunikazzjoni li biha tiġi “mgħarrfa” konċentrazzjoni fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 trid, fir-rigward tal-forma tagħha, tikkonsisti fit-trażmissjoni attiva ta’ informazzjoni rilevanti lill-Istat Membru kkonċernat u, fir-rigward tal-kontenut tagħha, tinkludi informazzjoni suffiċjenti sabiex dak l-Istat Membru jkun jista’ jwettaq evalwazzjoni preliminari tal-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

205    Fir-raba’ lok, din l-evalwazzjoni hija kkonfermata wkoll minn interpretazzjoni teleoloġika tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004.

206    Fil-fatt, mill-premessi 11 u 14 tar-Regolament Nru 139/2004 jirriżulta li r-rinviju tal-konċentrazzjonijiet irid jsir b’mod effettiv. Dan jeskludi, kif isostnu l-Kummissjoni u r-Repubblika Franċiża, interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tal-imsemmi regolament fis-sens li l-Istati Membri huma obbligati, minn naħa, li jimmonitorjaw il-ħin kollu l-avviżi pubbliċi li jikkonċernaw il-konċentrazzjonijiet sabiex jidentifikaw dawk li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rinviju skont dan l-artikolu, u, min-naħa l-oħra, sabiex josservaw it-terminu ta’ ħmistax-il jum ta’ xogħol, li jipproċedu, b’mod preventiv, b’talba għal rinviju ta’ konċentrazzjonijiet li ma humiex ċerti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-imsemmi artikolu.

207    Barra minn hekk, hija biss din l-interpretazzjoni li tiżgura, fl-interess taċ-ċertezza legali, li l-punt tal-bidu tat-terminu jkun iddefinit b’mod ċar u/jew l-istess għall-konċentrazzjonijiet kollha li jistgħu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 22 jekk in-notifika ma tkunx meħtieġa. Fil-fatt, komunikazzjoni permezz ta’ trażmissjoni attiva ta’ informazzjoni suffiċjenti tipprekludi li l-punt tat-tluq tat-terminu jkun jiddependi minn ċirkustanzi imprevedibbli u inċerti, bħall-portata tar-rapportar fil-media jew il-livell ta’ dettall tal-istqarrijiet għall-istampa. Din tiggarantixxi wkoll, f’dan l-istess interess, li, minn dak il-mument, l-Istat Membru kkonċernat ikollu biss ħmistax-il jum ta’ xogħol sabiex iressaq talba għal rinviju.

208    Fil-ħames lok, hija biss l-interpretazzjoni adottata fil-punt 204 iktar ’il fuq li hija kompatibbli mal-prinċipju taċ-ċertezza legali li teżiġi, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 173 iktar ’il fuq, li, minn naħa, id-dispożizzjonijiet legali jkunu ċari u preċiżi u, min-naħa l-oħra, li l-applikazzjoni tagħhom tkun prevedibbli għall-persuni suġġetti għalihom. B’mod partikolari, dan il-prinċipju jeżiġi li leġiżlazzjoni tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu eżatt il-portata tal-obbligi li hija timponi fuqhom u li dawn ikunu jistgħu jsiru jafu mingħajr ambigwità d-drittijiet u l-obbligi tagħhom u jaġixxu fid-dawl tagħhom.

209    Fil-fatt, din l-interpretazzjoni tagħmel l-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 prevedibbli għall-persuni li tikkonċerna sa fejn din tissuġġetta l-bidu tat-terminu ta’ ħmistax-il jum ta’ xogħol għal trażmissjoni attiva ta’ informazzjoni rilevanti li tippermetti lill-Istat Membru kkonċernat jevalwa, preliminarjament, jekk il-kundizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu ġewx issodisfatti. Għalhekk, tiżgura li l-bidu ta’ dan it-terminu u l-obbligi tal-partijiet f’konċentrazzjoni jkunu ddefiniti b’mod ċar (ara wkoll il-punt 207 iktar ’il fuq). B’mod partikolari, dawn tal-aħħar jistgħu, billi jittrażmettu l-imsemmija informazzjoni, ikunu ċerti li l-imsemmi terminu beda jiddekorri u li t-tressiq ta’ talba għal rinviju ma jibqax possibbli wara li jgħaddi dan it-terminu.

210    Min-naħa l-oħra, il-pożizzjoni tar-rikorrenti ma tippermettix tali prevedibbiltà jew tali ċarezza. Fil-fatt, minn naħa, jidher li r-rikorrenti tissuġġetta l-bidu tat-terminu ta’ ħmistax-il jum ta’ xogħol għal informazzjoni li tirrigwarda biss l-eżistenza tal-konċentrazzjoni. Issa, is-sempliċi għarfien tal-eżistenza tal-konċentrazzjoni ma jippermettix lil Stat Membru jwettaq evalwazzjoni preliminari tal-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004. Dan ikollu l-effett li l-Istat Membru kkonċernat, meta ma jirnexxilux jiġbor biżżejjed informazzjoni għal din l-evalwazzjoni, ikollu jressaq talba għal rinviju bħala prekawzjoni, esklużivament għall-għan li josserva dan it-terminu, mingħajr ma jkun jaf jekk l-imsemmija kundizzjonijiet humiex issodisfatti (ara wkoll il-punti 199 u 206 iktar ’il fuq). Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tagħmel riferiment għall-mument li fih l-Istat Membru seta’ jsir jaf bil-konċentrazzjoni, li jimplika, fir-realtà, kif isostnu l-Kummissjoni u r-Repubblika Franċiża, li l-Istati Membri jkunu obbligati, sabiex ma jkunx hemm xi konċentrazzjoni li tista’ taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 22 ta’ dak ir-regolament li ma jintebħux biha, li jimmonitorjaw b’mod kontinwu u diliġenti l-istampa u l-avviżi pubbliċi fid-dinja kollha (ara l-punt 206 iktar ’il fuq). F’dan il-kuntest, kieku jkunu esposti għal stqarrijiet għall-istampa u rapportar fil-media li l-portata, l-aċċessibbiltà, il-lingwa, il-livell ta’ dettall jew karatteristiċi oħra tagħhom jistgħu jvarjaw b’mod sinjifikattiv (ara wkoll il-punt 207 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, l-interpretazzjoni sostnuta mir-rikorrenti hija ambigwa wisq sabiex tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu b’mod ċar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom. Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni ċċaħħad, minħabba l-piż amministrattiv kunsiderevoli tagħha u minħabba n-nuqqas ta’ effettività, lill-mekkaniżmu ta’ rinviju, imsemmi fl-Artikolu 22 tal-imsemmi regolament, mill-effett utli tiegħu.

211    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha magħmula iktar ’il fuq, u fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kuntest u tal-għan tar-Regolament Nru 139/2004 kif ukoll tal-prinċipju taċ-ċertezza legali, il-kunċett ta’ “mgħarrfa lill-Istat Membru konċernat”, kif jidher fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) ta’ dak ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi trażmissjoni attiva ta’ informazzjoni rilevanti lil dak l-Istat Membru li tippermettilu jevalwa, b’mod preliminari, jekk il-kundizzjonijiet għal talba għal rinviju skont dan l-artikolu humiex issodisfatti. Konsegwentement, skont din l-interpretazzjoni, it-terminu ta’ ħmistax-il jum ta’ xogħol previst mill-imsemmija dispożizzjoni jibda jiddekorri, meta n-notifika tal-konċentrazzjoni ma tkunx meħtieġa, mill-mument meta din l-informazzjoni tkun ġiet trażmessa.

212    F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-impriżi kkonċernati qatt ma ttrażmettew b’mod attiva l-ebda informazzjoni dwar il-konċentrazzjoni inkwistjoni lill-ACF jew lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri li ressqu t-talbiet biex jingħaqdu. Ir-rikorrenti u Grail ma wrewx li dawn l-awtoritajiet kienu kisbu, qabel ma rċevew l-ittra ta’ stedina, informazzjoni rilevanti li tippermettilhom jagħmlu evalwazzjoni preliminari tal-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 minn sorsi jew mezzi oħra, iżda sempliċement iddikjaraw li l-ACF “probabbilment kienet taf” [traduzzjoni mhux uffiċjali] bil-konċentrazzjoni inkwistjoni qabel dak il-mument. Issa, mill-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-ACF ikkonfermat lill-Kummissjoni, fil-posta elettronika tagħha datata d‑29 ta’ Marzu 2021, li dan ma kienx il-każ. Ir-Repubblika Franċiża ssottolinjat ukoll, fl-osservazzjonijiet tagħha tas‑6 ta’ Diċembru 2021 fuq it-talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tar-rikorrenti, li l-ACF kienet saret taf b’din il-konċentrazzjoni biss fid‑19 ta’ Frar 2021, id-data li fiha l-Kummissjoni bagħtet l-ittra ta’ stedina u ppreżentat l-imsemmija konċentrazzjoni lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali fil-kuntest tal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Konċentrazzjonijiet tan-Network Ewropew għall-Kompetizzjoni (ara l-punt 12 iktar ’il fuq). Fir-rigward tal-awtoritajiet tal-Istati Membri l-oħra, mit-tweġiba tal-Kummissjoni għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li, qabel din id-data, hija kien kellha diskussjonijiet biss mal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Ġermanja, tal-Awstrija, tas-Slovenja u tal-Isvezja, sabiex tiċċara jekk dawn kinux kompetenti li jeżaminaw il-konċentrazzjoni inkwistjoni (ara wkoll il-punt 11 iktar ’il fuq). Issa, dawn id-diskussjonijiet huma irrilevanti għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima peress li l-imsemmija awtoritajiet la ressqu talba għal rinviju u lanqas talba biex jingħaqdu skont l-Artikolu 22(1) u (2) tar-Regolament Nru 139/2004.

213    Barra minn hekk, fin-nuqqas ta’ prova tat-trażmissjoni attiva ta’ informazzjoni rilevanti, la mill-impriżi kkonċernati u lanqas minn sorsi jew mezzi oħra, lill-ACF jew lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri li ressqu t-talbiet biex jingħaqdu, hija irrilevanti l-kwistjoni ta’ jekk l-ittra ta’ stedina, it-talba għal rinviju u l-ittra ta’ informazzjoni kinux ibbażati fuq informazzjoni li kienet magħrufa mill-pubbliku fil‑21 ta’ Settembru 2020 jew le. L-istess jgħodd għall-fatt li s-CMA eżaminat il-konċentrazzjoni inkwistjoni f’Novembru u f’Diċembru 2020.

214    Għaldaqstant, bħalma tirrileva r-Repubblika Franċiża, u kif jirriżulta mill-punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata, f’dan il-każ, kienet l-ittra ta’ stedina li ppermettiet lil dawn l-awtoritajiet iwettqu evalwazzjoni preliminari tal-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 u li għalhekk tikkostitwixxi l-komunikazzjoni li biha ġiet “mgħarrfa” fis-sens tat-tieni subparagrafu ta’ dak il-paragrafu. Peress li dik l-ittra kienet iddatata d‑19 ta’ Frar 2021 u t-talba għal rinviju ġiet ippreżentata fid‑9 ta’ Marzu 2021 (ara l-punti 12 u 14 iktar ’il fuq), it-terminu ta’ 15-il jum ta’ xogħol previst minn dik id-dispożizzjoni ġie rrispettat u dik l-ittra ma tistax titqies li ntbagħtet barra mit-terminu.

215    Konsegwentement, l-ewwel parti tat-tieni motiv ma hijiex fondata u għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipji taċ-ċertezza legali u ta’ “amministrazzjoni tajba”

216    Fil-kuntest tat-tieni parti ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni li, anki jekk jitqies li l-konċentrazzjoni kkonċernata kienet ġiet “mgħarrfa” bl-ittra ta’ stedina lill-awtoritajiet Franċiżi jew lill-awtoritajiet li ressqu talba biex jingħaqdu mat-talba għal rinviju, id-dewmien min-naħa tal-Kummissjoni sabiex tibgħat l-ittra ta’ stedina imur kontra l-prinċipju fundamentali taċ-ċertezza legali u l-obbligu li taġixxi f’terminu raġonevoli skont il-prinċipju ta’ “amministrazzjoni tajba”.

217    Fid-data meta ntbagħtet dik l-ittra, il-Kummissjoni kienet ilha xhur taf bl-eżistenza tal-konċentrazzjoni inkwistjoni bis-saħħa tal-informazzjoni mid-dominju pubbliku, mill-FTC u minn parti terza. Il-Kummissjoni u l-FTC jinformaw lil xulxin dwar tranżazzjonijiet ta’ konċentrazzjonijiet, b’mod partikolari qabel ma l-FTC toħroġ, bħalma għamlet f’dan il-każ fid‑9 ta’ Novembru 2020, “talba oħra” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, wara li tressaq ilment, il-Kummissjoni saret taf b’din il-konċentrazzjoni u bil-problemi potenzjali għall-kompetizzjoni li hija qajmet f’Diċembru 2020 u kellha diskussjonijiet ma’ awtorità tal-kompetizzjoni oħra mhux imsemmija, iżda li r-rikorrenti tassumi li kienet is-CMA, li kienet wettqet evalwazzjoni preliminari tal-imsemmija konċentrazzjoni f’Novembru u f’Diċembru 2020.

218    Ir-rikorrenti u Grail isostnu, billi jibbażaw ruħhom fuq is-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2004, Eagle et vs Il‑Kummissjoni (T‑144/02, EU:T:2004:290, punti 57 u 58), li l-Kummissjoni hija obbligata taġixxi fi żmien terminu raġonevoli. Peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni impona termini qosra għall-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, b’mod partikolari fil-kuntest tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, il-fatt li l-Kummissjoni stenniet diversi xhur qabel ma bagħtet l-ittra ta’ stedina jmur kontra l-amministrazzjoni tajba u l-prinċipju fundamentali taċ-ċertezza legali, u dan ipprekluda lill-impriżi kkonċernati milli jsiru jafu, kemm jista’ jkun malajr, liema awtoritajiet tal-kompetizzjoni kienu kompetenti li jeżaminaw il-konċentrazzjoni inkwistjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni hija obbligata li taġixxi bl-ikbar ħeffa sabiex ma tiksirx it-terminu ta’ ħmistax-il jum ta’ xogħol u li teżerċita s-setgħat tagħha bl-ikbar attenzjoni u bl-ikbar diliġenza. Grail tippreċiża, essenzjalment, li s-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2004, Eagle et vs Il‑Kummissjoni (T‑144/02, EU:T:2004:290, punti 57 u 58), tkopri sitwazzjonijiet li fihom id-dispożizzjonijiet legali ma jistabbilixxux terminu b’mod espliċitu, u għalhekk it-terminu raġonevoli sabiex tintbagħat ittra ta’ stedina skont l-Artikolu 22(5) tar-Regolament Nru 139/2004 għandu jiġi interpretat fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza. Il-Kummissjoni damet iżżejjed biex aġixxiet u informat lill-impriżi kkonċernati bl-intenzjoni tagħha li tapplika għall-konċentrazzjoni inkwistjoni l-approċċ il-ġdid tagħha fir-rigward tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, u dan jikser il-prinċipju taċ-ċertezza legali. Skont Grail, il-Kummissjoni ma jistax ikollha iktar żmien sabiex tibgħat tali ittra milli għandhom l-Istati Membri sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 22(1) tal-imsemmi regolament ġewx issodisfatti, li huwa wkoll meħtieġ mill-għan li r-rinviji jiġu deċiżi kemm jista’ jkun malajr. Fis-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija orali magħmula mill-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti u Grail speċifikaw, essenzjalment, li, billi għamlet hekk, il-Kummissjoni kisret ukoll id-drittijiet tad-difiża tagħhom, b’mod partikolari minħabba l-fatt li n-nuqqas ta’ opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet fi żmien opportun ċaħdithom mill-possibbiltà li jikkoreġu żbalji ta’ fatt sinjifikattivi, u dan tniżżel fil-proċess verbal tas-seduta.

219    Ir-rikorrenti u Grail iqisu li l-Kummissjoni kienet taf jew setgħet kienet taf b’biżżejjed fatti sa minn Settembru 2020 sabiex tibgħat ittra ta’ stedina. L-informazzjoni rilevanti kienet ilha fid-dominju pubbliku sa minn meta tħabbret il-konċentrazzjoni inkwistjoni, u dan huwa kkonfermat mill-fatt li l-provi ċċitati fl-ittra ta’ stedina huma datati mhux iktar tard minn dak ix-xahar u li l-Kummissjoni ssemmi, fir-risposta tagħha, rapport tal‑21 ta’ Settembru 2020. Anki wara li rċeviet l-ilment, il-Kummissjoni stenniet kważi xahrejn qabel ma bagħtet dik l-ittra. Grail tikkontesta n-natura diliġenti tal-investigazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni matul dan il-perijodu, sa fejn din sempliċement ivverifikat informazzjoni pubblikament aċċessibbli u l-allegazzjonijiet tal-lanjant, mingħajr madankollu ma kkuntattjat lill-impriżi kkonċernati. Barra minn hekk, l-argument imressaq mill-Kummissjoni sabiex tiġġustifika ż-żmien li għadda qabel ma ntbagħtet l-ittra ta’ stedina, jiġifieri l-analiżi “fil-fond” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tal-konsegwenzi potenzjali tal-konċentrazzjoni inkwistjoni, jikkontradixxi l-affermazzjoni tagħha li l-imsemmija ittra tinkludi biss konklużjoni preliminari.

220    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Ellenika, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. B’mod partikolari, hija ma kinitx ġiet informata mill-FTC bl-investigazzjoni tagħha qabel ma rċeviet l-ilment fis‑7 ta’ Diċembru 2020, u lanqas miċ-CMA dwar l-eżami tagħha tal-konċentrazzjoni inkwistjoni. Fi kwalunkwe każ, hija aġixxiet f’terminu raġonevoli wara li rċeviet dak l-ilment. It-terminu ta’ ħmistax-il jum ta’ xogħol japplika biss wara l-komunikazzjoni tal-konċentrazzjoni lill-Istat Membru kkonċernat, filwaqt li ittra ta’ stedina, skont l-Artikolu 22(5) tar-Regolament Nru 139/2004, tista’ tinħareġ meta tali komunikazzjoni ma tkunx seħħet. Ir-rikorrenti ma tikkontestax l-iżvilupp tal-fatti espost fil-punti 5 sa 7 tad-deċiżjoni kkontestata li juri li, wara li ġiet ikkuntattjata mill-lanjant, il-Kummissjoni aġixxiet b’diliġenza u mingħajr dewmien mhux iġġustifikat, b’mod partikolari sabiex tivverifika l-allegazzjonijiet tiegħu u teżamina, fil-fond, il-konsegwenzi potenzjali tal-konċentrazzjoni inkwistjoni. Barra minn hekk, hija kienet bdiet djalogu mal-awtoritajiet nazzjonali sabiex tiddetermina jekk waħda minnhom kinitx kompetenti li tevalwa din il-konċentrazzjoni, u għalhekk it-tul tal-evalwazzjoni tagħha kien ikun xieraq meta mqabbel maż-żmien li ħadet is-CMA sabiex tevalwa l-impatt possibbli tal-konċentrazzjoni inkwistjoni fir-Renju Unit. Il-Kummissjoni tikkontesta wkoll l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq iċ-ċertezza legali. B’mod partikolari, ir-rikorrenti ma tispjegax kif id-dewmien allegat affettwa l-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata jew is-sitwazzjoni legali tal-impriżi kkonċernati. Fis-seduta, hija rrilevat li r-rikorrenti u Grail baqgħu ma qalux kif id-drittijiet tad-difiża tagħhom kienu nkisru fir-rigward tal-allegata natura irraġonevoli tat-terminu u tad-dewmien tagħha, kif meħtieġ mill-ġurisprudenza, u ma ppreċiżawx ir-raġunijiet li għalihom allegatament seħħ tali ksur.

221    L-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 ma jimponix terminu espliċitu fuq il-Kummissjoni sabiex tinforma, skont il-paragrafu 5 tiegħu, lill-Istati Membri b’konċentrazzjoni li tissodisfa l-kriterji ta’ rinviju.

222    Fil-fatt, l-Artikolu 22(5) tar-Regolament Nru 139/2004 jillimita ruħu li jipprovdi li “[l-]Kummissjoni tista’ tinforma lil Stat Membru jew lil diversi Stati Membri li hija tqis konċentrazzjoni bħala li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1” u li, “[f’]dawn il-każijiet il-Kummissjoni tista’ tistieden […] lil dawk l-Istati Membri biex […] jagħmlu talba skond il-paragrafu 1”.

223    Madankollu, iż-żamma ma’ terminu raġonevoli fit-tmexxija tal-proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li huwa inkluż, bħala komponent tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, fl-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni, li l-Qorti tal-Unjoni tiżgura l-osservanza tagħha. Madankollu, il-ksur tal-prinċipju ta’ żmien raġonevoli jista’ jiġġustifika l-annullament ta’ deċiżjoni biss sa fejn din tikkostitwixxi wkoll ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-impriża kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Frar 2009, Omya vs Il‑Kummissjoni, T‑145/06, EU:T:2009:27, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑17 ta’ Diċembru 2015, SNCF vs Il‑Kummissjoni, T‑242/12, EU:T:2015:1003, punti 392 u 393 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, ir-rekwiżit fundamentali taċ-ċertezza legali, li jipprekludi lill-Kummissjoni milli ttawwal b’mod indefinit l-eżerċizzju tas-setgħat tagħha, ifisser li l-qorti għandha teżamina jekk l-iżvolġiment tal-proċedura amministrattiva jindikax l-eżistenza ta’ azzjoni eċċessivament tardiva min-naħa ta’ din l-istituzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il‑Kummissjoni, C‑74/00 P u C‑75/00 P, EU:C:2002:524, punti 140 u 141, u tat‑22 ta’ April 2016, L‑Italja u Eurallumina vs Il‑Kummissjoni, T‑60/06 RENV II u T‑62/06 RENV II, EU:T:2016:233, punti 180 u 182 u l-ġurisprudenza ċċitata).

224    Meta t-tul ta’ proċedura ma jkunx stabbilit minn dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, in-natura raġonevoli tat-terminu li tieħu l-istituzzjoni biex tadotta l-att inkwistjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha speċifiċi għal kull każ, bħall-kumplessità tiegħu u l-interess fil-kawża tal-persuna kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Jannar 2007, Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il‑Kummissjoni, C‑403/04 P u C‑405/04 P, EU:C:2007:52, punt 116; tat‑28 ta’ Frar 2013, Eżami mill-ġdid ta’ Arango Jaramillo et vs BIE, C‑334/12 RX‑II, EU:C:2013:134, punti 28 u 29, u tat‑13 ta’ Ġunju 2013, HGA et vs Il‑Kummissjoni, C‑630/11 P sa C‑633/11 P, EU:C:2013:387, punt 82).

225    Fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji ġurisprudenzjali, meta l-Kummissjoni tiġi mgħarrfa, bħal f’dan il-każ, bi lment, informazzjoni li tippermettilha tevalwa jekk konċentrazzjoni tissodisfax il-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni fl-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, hija ma tistax tipposponi sine die l-komunikazzjoni lill-Istati Membri tal-intenzjonijiet tagħha skont il-paragrafu 5 ta’ din id-dispożizzjoni. Għall-kuntrarju, f’każ bħal dan, hija obbligata tieħu pożizzjoni, skont il-każ, wara li tkun wettqet il-verifiki u l-analiżijiet preliminari neċessarji, f’terminu raġonevoli fuq il-kwistjoni ta’ jekk il-kundizzjonijiet ta’ talba għal rinviju ġewx issodisfatti u jekk hemmx lok li l-Istat Membru jew l-Istati Membri kkonċernat(i) jiġi/u informat(i) b’dan.

226    F’konformità mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 224 iktar ’il fuq, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 22(5) tar-Regolament Nru 139/2004 fid-dawl tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli, għandhom jitqiesu l-għanijiet fundamentali ta’ effettività u ħeffa li fuqhom huwa bbażat dan ir-regolament (ara l-punti 206 u 207 iktar ’il fuq) u l-fatt, ġustament issottolinjat mir-rikorrenti, li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jiddistingwi b’mod ċar bejn l-interventi tal-awtoritajiet nazzjonali u dawk tal-Unjoni, u li xtaq jiżgura kontroll tat-tranżazzjonijiet tal-konċentrazzjoni f’termini kompatibbli kemm mar-rekwiżiti ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll mar-rekwiżiti tad-dinja tan-negozju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2007, Cementbouw Handel & Industrie vs Il‑Kummissjoni, C‑202/06 P, EU:C:2007:814, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata), u, għaldaqstant, il-kwistjonijiet imqajma mill-proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet għall-impriżi kkonċernati. Bl-istess mod, sabiex tiġi żgurata l-ikbar ċertezza legali kif ukoll attività amministrattiva korretta u effiċjenti f’terminu qasir, l-awtorità tal-kompetizzjoni kompetenti li teżamina konċentrazzjoni partikolari għandha tiġi nnominata mill-iktar fis possibbli (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fis-sentenza Cementbouw Handel & Industrie vs Il‑Kummissjoni, C‑202/06 P, EU:C:2007:255, punt 44).

227    Fid-dawl tal-prinċipji ġurisprudenzjali esposti fil-punti 223 sa 226 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li teżamina, l-ewwel nett, il-kwistjoni ta’ jekk, billi applikat l-Artikolu 22(5) tar-Regolament Nru 139/2004 f’dan il-każ, il-Kummissjoni osservatx ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ terminu raġonevoli u, it-tieni, jekk in-nuqqas potenzjali ta’ osservanza ta’ dan il-prinċipju wassalx għal ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti.

228    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju tat-terminu raġonevoli, mill-informazzjoni addizzjonali pprovduta mill-Kummissjoni bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li l-Kummissjoni saret taf bl-eżistenza tal-konċentrazzjoni inkwistjoni fis‑7 ta’ Diċembru 2020 wara li tressaq l-ilment (ara l-punt 11 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, minn dik id-data, iddekorra terminu ta’ 47 jum ta’ xogħol qabel ma ntbagħtet l-ittra ta’ stedina fid‑19 ta’ Frar 2021.

229    Matul dan il-perijodu, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-punti 5 u 6 tad-deċiżjoni kkontestata u mit-tweġibiet mogħtija għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni kellha vidjokonferenza mal-lanjant fis‑17 ta’ Diċembru 2020 dwar il-konċentrazzjoni inkwistjoni, kellha diskussjonijiet addizzjonali miegħu, wettqet riċerka tas-suq u kienet f’kuntatt mal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni potenzjalment kompetenti ta’ erba’ Stati Membri kif ukoll maċ-CMA, li wkoll kienet irċeviet l-ilment (ara l-punt 11 iktar ’il fuq).

230    Fir-rigward tal-informazzjoni dwar il-konċentrazzjoni inkwistjoni, mill-ittra ta’ stedina jirriżulta li l-Kummissjoni bbażat ruħha b’mod partikolari fuq stqarrijiet għall-istampa, rapporti, prospetti u preżentazzjonijiet li kienu disponibbli għall-pubbliku fuq l-Internet u li kienu ġew ippubblikati sa mhux iktar tard mill‑21 ta’ Settembru 2020 (ara n-noti Nru 1 u 5 sa 9 f’qiegħ il-paġna ta’ din l-ittra), id-data li fiha tħabbret pubblikament il-konċentrazzjoni inkwistjoni (ara l-punt 8 iktar ’il fuq). Huwa indikat ukoll f’dik l-ittra li din il-konċentrazzjoni kienet is-suġġett ta’ eżami mill-FTC, li t-“tieni talba” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tagħha, skont l-informazzjoni pprovduta wara l-mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, saret taf biha waqt il-vidjokonferenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, u fiha sar riferiment għall-formola “S-4” tas-Securities and Exchange Commission (il-Kummissjoni dwar it-Titoli u l-Kambju, l-Istati Uniti) tal‑24 ta’ Novembru 2020, kif mimlija mir-rikorrenti (ara n-nota Nru 11 f’qiegħ il-paġna tal-imsemmija ittra).

231    Fir-rigward, b’mod partikolari, l-evalwazzjoni tal-kriterji dwar l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u t-theddida ta’ effett sinjifikattiv fuq il-kompetizzjoni fit-territorji rispettivi tagħhom, il-Kummissjoni, bl-eċċezzjoni ta’ dokument ta’ laqgħa li l-oriġini tiegħu ma hijiex ċara (ara n-nota Nru 28 f’qiegħ il-paġna tal-ittra ta’ stedina), użat informazzjoni simili (ara n-noti Nri 12 sa 15, 24, 26 u 27 f’qiegħ il-paġna ta’ dik l-ittra), li l-iktar reċenti fostha tikkonċerna l-akkwist ta’ wieħed mill-kompetituri ta’ Grail f’Jannar 2021 (ara n-nota Nru 15 f’qiegħ il-paġna tal-imsemmija ittra). Jissemma wkoll it-tħassib dwar il-kompetizzjoni mqajjem, fir-rigward tal-konċentrazzjoni inkwistjoni, mill-FTC u s-CMA fuq is-siti web tagħhom (ara n-nota Nru 17 f’qiegħ il-paġna ta’ dik l-ittra), kif ukoll ir-rapport tas-CMA tal‑24 ta’ Ottubru 2019 dwar il-konklużjonijiet provviżorji dwar akkwist ieħor propost mir-rikorrenti, li wkoll huwa aċċessibbli fuq l-Internet (ara n-noti Nri 18, 22, 25 u 29 f’qiegħ il-paġna tal-ittra inkwistjoni). Issa, kif ikkonfermat il-Kummissjoni bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, hija ma kinitx taf bl-investigazzjoni taċ-CMA qabel is‑7 ta’ Diċembru 2020.

232    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni rrikorriet għal informazzjoni li fil-biċċa l-kbira tagħha kienet pubblikament disponibbli fil-mument meta rċeviet l-ilment. Kif muri mill-kontenut tal-ittra ta’ stedina, hija għalhekk kienet f’pożizzjoni, wara l-verifika ta’ ċerti aspetti mal-lanjant, b’mod partikolari waqt il-vidjokonferenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, li tipproċedi relattivament malajr għall-kuntatti bilaterali neċessarji mal-erba’ awtoritajiet tal-kompetizzjoni potenzjalment kompetenti li jeżaminaw il-konċentrazzjoni inkwistjoni, u għall-istruttorja tal-karatteristiċi essenzjali ta’ din il-konċentrazzjoni sabiex tkun tista’ twettaq evalwazzjoni preliminari dwar jekk l-imsemmija konċentrazzjoni setgħetx tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 u jekk kienx xieraq li l-Istati Membri jiġu informati abbażi tal-paragrafu 5 bl-imsemmija dispożizzjoni.

233    F’dan il-kuntest, fid-dawl tal-għanijiet fundamentali tal-effettività u l-ħeffa segwiti mis-sistema tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet tal-Unjoni (ara l-punt 226 iktar ’il fuq) u ċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, terminu ta’ 47 jum ta’ xogħol, li ddekorra bejn meta wasal l-ilment u meta ntbagħtet l-ittra ta’ stedina, ma jidhirx li huwa ġġustifikat.

234    L-ewwel nett, mill-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 139/2004, moqri flimkien mal-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament, jirriżulta li t-terminu tal-fażi ta’ eżami preliminari ta’ konċentrazzjoni, li matulu l-Kummissjoni hija mistennija tieħu deċiżjoni dwar il-kwistjoni ta’ jekk din il-konċentrazzjoni tqajjimx dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern, huwa ta’ 25 jum ta’ xogħol. Fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni trid, jekk ikun il-każ, twettaq, matul din il-fażi, eżami tal-mertu pjuttost komplet tal-konċentrazzjoni, jista’ jkun raġonevolment mistenni li eżami qabel ma tintbagħat ittra ta’ stedina, skont l-Artikolu 22(5) tar-Regolament Nru 139/2004, li jinvolvi biss evalwazzjoni preliminari tal-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dak l-artikolu, ma jaqbiżx it-terminu ta’ 25 jum ta’ xogħol.

235    It-tieni, kif ġie espost fil-punti 212 sa 214 iktar ’il fuq, għandu jitqies il-fatt li l-ittra ta’ stedina tikkostitwixxi biss komunikazzjoni li biha tiġi “mgħarrfa” konċentrazzjoni skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004, li tagħti bidu, fin-nuqqas ta’ notifika jew ta’ komunikazzjoni preċedenti, għat-terminu ta’ ħmistax-il jum ta’ xogħol għat-tressiq ta’ talba għal rinviju mill-Istat Membru kkonċernat jew l-Istati Membri kkonċernati. Meta tiġi mressqa tali talba, kull Stat Membru ieħor għandu d-dritt li jingħaqad magħha fi żmien ħmistax-il jum tax-xogħol (l-Artikolu 22(2) ta’ dak ir-regolament). Huwa biss meta jiskadi dan l-aħħar terminu li l-Kummissjoni tista’, f’terminu ta’ għaxart ijiem ta’ xogħol, tieħu d-deċiżjoni li teżamina l-konċentrazzjoni (l-Artikolu 22(3) tal-imsemmi regolament). Għalhekk, it-trażmissjoni ta’ ittra ta’ stedina skont l-Artikolu 22(5) ta’ dan l-istess regolament tagħti bidu għal diversi termini oħra relattivament qosra li jippreċedu l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni tiddeċiedi li teżamina l-konċentrazzjoni kkonċernata. Għaldaqstant, f’dan il-każ, iddekorra terminu ta’ 90 jum ta’ xogħol bejn il-wasla tal-ilment fis‑7 ta’ Diċembru 2020 u l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati fid‑19 ta’ April 2021.

236    It-tielet, għandu jiġi mfakkar li konċentrazzjoni li ma għandhiex dimensjoni Ewropea fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 139/2004 ma għandhiex, f’konformità mal-Artikolu 4(1) tal-istess regolament, tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni. Madankollu, il-partijiet f’tali konċentrazzjoni jsofru żvantaġġ kunsiderevoli meta mqabbla mal-partijiet f’konċentrazzjoni li għandha tiġi nnotifikata jekk il-perijodu bejn, minn naħa, meta tiġi informata l-Kummissjoni, jekk ikun il-każ permezz ta’ lment, dwar l-eżistenza tal-konċentrazzjoni u, min-naħa l-oħra, l-adozzjoni mill-Kummissjoni tad-deċiżjoni dwar l-aċċettazzjoni ta’ talba għal rinviju, ikun ħa, bħal f’dan il-każ, l-istess tul ta’ żmien bħall-fażi tal-eżami fil-fond skont l-Artikolu 8(1) sa (3) tar-Regolament Nru 139/2004, li tinvolvi evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi dwar il-kompatibbiltà ta’ konċentrazzjoni mas-suq intern u li għaliha l-Artikolu 10(3) tal-istess regolament jipprevedi, fil-prinċipju, terminu ta’ 90 jum ta’ xogħol.

237    Ir-raba’, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma tistax tiġġustifika d-dekorrenza ta’ terminu ta’ 47 jum ta’ xogħol bejn meta rċeviet l-ilment u meta bagħtet l-ittra ta’ stedina minħabba l-vaganzi tal-aħħar tas-sena 2020, billi huwa l-perijodu mill‑24 sal‑31 ta’ Diċembru 2020 u l‑1 ta’ Jannar 2021 li kien jikkonsisti minn jiem ta’ btala skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tagħha tat‑28 ta’ Jannar 2019 dwar il-jiem ta’ btala għas-sena 2020 għall-istituzzjonijiet tal-[Unjoni] (ĠU 2019, C 38, p. 4), u l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tagħha tat‑2 ta’ Marzu 2020 dwar il-jiem ta’ btala għas-sena 2021 (ĠU 2020, C 69, p. 8). Barra minn hekk, wara li tressaq l-ilment, il-Kummissjoni setgħat tagħmel il-kuntatti ħafna iktar malajr, u b’mod parallel, lill-erba’ awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni potenzjalment kompetenti, jiġifieri l-awtoritajiet tal-Ġermanja, tal-Awstrija, tas-Slovenja u tal-Isvezja, sabiex issir taf jekk il-limiti tal-kompetenza skont il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali rispettivi setgħux jintlaħqu, ħaġa li, kif jirriżulta mit-tweġiba tagħha għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, għamlitha biss f’Jannar u fi Frar 2021.

238    Għaldaqstant, fid-dawl tan-natura qasira tat-termini previsti mir-Regolament Nru 139/2004, b’mod partikolari mill-Artikolu 22 tiegħu, is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni tat prova ta’ attività kontinwa fl-istruttorja tal-fajl matul il-perijodu rilevanti mis‑7 ta’ Diċembru 2020 sad‑19 ta’ Frar 2021, kif jirriżulta mit-tabella li tinsab fl-anness tat-tweġiba tagħha għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, ma huwiex biżżejjed sabiex jitqies li dan il-perijodu kien jikkorrispondi għal terminu raġonevoli.

239    Minn dan isegwi li l-ittra ta’ stedina ntbagħtet f’terminu mhux raġonevoli.

240    Fit-tieni lok, għandu jiġi mfakkar li l-ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli jiġġustifika l-annullament ta’ deċiżjoni meħuda fi tmiem proċedura amministrattiva fil-qasam tal-kompetizzjoni biss sa fejn din twassal ukoll għal ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-impriża kkonċernata. Min-naħa l-oħra, fejn ma jiġix stabbilit li d-dewmien żejjed affettwa b’mod negattiv il-kapaċità tal-impriżi inkwistjoni li jiddefendu lilhom infushom b’mod effettiv, in-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli ma jistax jaffettwa l-validità ta’ dik il-proċedura amministrattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il‑Kummissjoni, C‑105/04 P, EU:C:2006:592, punti 42 u 43, tat‑8 ta’ Mejju 2014, Bolloré vs Il‑Kummissjoni, C‑105/04 P, C-414/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:301, punti 84 u 85, u tad‑9 ta’ Ġunju 2016, PROAS vs Il‑Kummissjoni, C‑616/13 P, EU:C:2016:415, punt 74), iżda s-sanzjoni għandha tirriżulta minn rikors għad-danni mressaq quddiem il-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2014, Bolloré vs Il‑Kummissjoni, C‑414/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:301, punti 106 u 109).

241    F’dan il-każ, ir-rikorrenti sostniet, waqt is-seduta, li l-qbiż tat-terminu raġonevoli kien iwassal għal ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha, minħabba, b’mod partikolari, li l-Kummissjoni kienet obbligata tikkuntattja lill-impriżi u tismagħhom matul il-perijodu ta’ qabel ma ntbagħtet l-ittra ta’ stedina sabiex tippermettilhom jippreżentaw osservazzjonijiet u jikkorreġu ċerti żbalji ta’ fatt sinjifikattivi, u dan tniżżel fil-proċess verbal tas-seduta.

242    Madankollu, dawn l-ispjegazzjonijiet vagi ma humiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni sostniet, ġustament, waqt is-seduta li, minn naħa, l-ittra ta’ stedina kienet tikkostitwixxi biss att preparatorju fil-kuntest tal-proċedura li twassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(3) tar-Regolament Nru 139/2004 u, min-naħa l-oħra, l-impriżi kkonċernati kienu f’pożizzjoni li jsostnu b’mod effettiv l-osservazzjonijiet tagħhom qabel l-adozzjoni tagħha.

243    Fil-fatt, minn naħa, il-miżuri intermedjarji, bħall-ittra ta’ stedina, li l-għan tagħhom huwa llimitat għat-tħejjija tad-deċiżjoni finali, ma humiex intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti u, għaldaqstant, li jkunu ta’ dannu għaliha b’mod separat, fejn l-illegalità allegata tkun tista’ tiġi invokata fir-rigward tad-deċiżjoni finali li tagħha jikkostitwixxu att preparatorju, li hija r-raġuni għaliex, f’konformità mal-ġurisprudenza stabbilita, tali miżuri ma jistgħux jiġu kkontestati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punti 50 sa 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

244    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma kinitx kapaċi tippreċiża, b’mod suffiċjenti, l-allegati “żbalji ta’ fatt sinjifikattivi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] li jivvizzjaw id-deċiżjoni kkontestata u li kienu diġà jivvizzjaw l-ittra ta’ stedina u għalhekk setgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tat-talba għal rinviju tal-ACF. Sa fejn hija ssostni li din l-ittra ddikjarat, bi żball, fil-punt 26 tagħha, bħal fil-każ tad-deċiżjoni kkontestata, li Grail kellha kompetituri “reali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] fis-suq, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li la l-imsemmija ittra u lanqas din it-talba ma huma bbażati fuq tali klassifikazzjoni. Għall-kuntrarju, it-talba għal rinviju tiġġustifika l-eżistenza ta’ riskju sinjifikattiv ta’ preġudizzju għall-kompetizzjoni, b’mod partikolari, mill-fatt li, minn naħa, “[f]is-settur tat-testijiet ta’ detezzjoni tal-kanċer, G[rail] se taffaċċja l-preżenza ta’ diversi operaturi li diġà kkummerċjalizzaw il-prodotti tagħhom […] jew li qegħdin ilestu biex jagħmlu dan” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u li, min-naħa l-oħra, “l-entità l-ġdida se jkollha l-kapaċità li tillimita jew iżżid l-aċċess għall-NGS tagħha, għad-detriment tal-kompetituri potenzjali ta’ G[rail] fis-settur tal-iscreening tal-kanċer” [traduzzjoni mhux uffiċjali], u għalhekk bl-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali bejn Grail u dawn l-operaturi fil-każ tal-implimentazzjoni tal-konċentrazzjoni inkwistjoni.

245    Min-naħa l-oħra, peress li huma d-deċiżjonijiet ikkontestati, u mhux l-ittra ta’ stedina, li jaffettwawhom ħażin, l-impriżi kkonċernati kellhom id-dritt li jinstemgħu, wieħed mid-drittijiet tad-difiża, li jiggarantixxilhom l-opportunità li jesprimu l-perspettiva tagħhom b’mod utli u effettiv, matul il-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2021, Vialto Consulting vs Il‑Kummissjoni, C‑650/19 P, EU:C:2021:879, punt 121), iżda mhux fl-istadju qabel ma ntbagħtet dik l-ittra bħala miżura intermedjarja. Issa, la r-rikorrenti u lanqas Grail ma kkontestaw li kienu f’pożizzjoni li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom qabel l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, iżda sempliċement jilmentaw il-fatt li ma kinux ngħataw din opportunità ħafna qabel. Huwa paċifiku li l-impriżi kkonċernati ġew informati li ntbagħtet l-ittra ta’ stedina fl‑4 ta’ Marzu 2021 (ara l-punt 13 iktar’ il fuq), jiġifieri sitt ijiem ta’ xogħol qabel l-iskadenza tat-terminu previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tal-istess regolament, li matulhom l-Istati Membri jridu jressqu talba għal rinviju. Il-Kummissjoni informathom ukoll, permezz tal-ittra ta’ informazzjoni datata l‑11 ta’ Marzu 2021, bit-talba għal rinviju (ara l-punt 15 iktar ’il fuq) u huma ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fis‑16 u d‑29 ta’ Marzu 2021 (ara l-punt 17 iktar ’il fuq). L-impriżi kkonċernati għalhekk ġew informati ħafna qabel l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li seħħet fid‑19 ta’ April 2021, u kellhom diversi okkażjonijiet sabiex jesprimu l-perspettiva tagħhom matul il-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

246    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

247    Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tieni motiv għandha tiġi ddikjarata infondata, u għalhekk it-tieni motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

248    Bl-istess mod, għandhom jiġu miċħuda t-talbiet tas‑6 ta’ Ottubru u tas‑6 ta’ Diċembru 2021 li permezz tagħhom ir-rikorrenti talbet l-adozzjoni mill-Qorti Ġenerali ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura intiżi sabiex tinkiseb informazzjoni dwar, minn naħa, id-diskussjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-ACF kif ukoll dwar kif il-Kummissjoni saret taf bil-konċentrazzjoni inkwistjoni (l-ewwel talba), u, min-naħa l-oħra, id-data li fiha l-Kummissjoni semmiet għall-ewwel darba din il-konċentrazzjoni fir-rigward tar-Repubblika Franċiża kif ukoll id-dokumenti pprovduti mill-Kummissjoni lill-Istati Membri li jagħmlu riferiment għall-imsemmija konċentrazzjoni (it-tieni talba).

249    Fil-fatt, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, setgħet twettaq l-istħarriġ tagħha tan-natura allegatament tardiva tat-talba għal rinviju (ara l-punti 212 sa 214 iktar ’il fuq), kif invokat fl-ewwel parti tal-motiv, u, mill-oħra, setgħet tikkonstata li t-terminu biex intbagħtet l-ittra ta’ stedina ma kienx raġonevoli (ara l-punti 228 sa 239 iktar ’il fuq), kif invokat fit-tieni parti tal-motiv, fuq il-bażi tas-sottomissjonijiet bil-miktub u tad-dokumenti ppreżentati mill-partijiet matul il-proċedura, b’mod partikolari billi jitqiesu t-tweġibiet tal-Kummissjoni għall-mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali tal‑11 ta’ Novembru 2021 u l-osservazzjonijiet tar-Repubblika Franċiża tas‑6 ta’ Diċembru 2021.

250    Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti Ġenerali hija l-unika parti li tista’ tiddeċiedi fuq kwalunkwe ħtieġa li tiġi ssupplimentata l-informazzjoni disponibbli għaliha fir-rigward tal-kawżi quddiemha (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Mamoli Robinetteria vs Il‑Kummissjoni, C‑619/13 P, EU:C:2017:50, punt 117 u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2020, Fleig vs SEAE, C‑446/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:918, punt 53).

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u taċ-ċertezza legali

251    Ir-rikorrenti, sostnuta minn Grail, issostni li d-deċiżjonijiet ikkontestati jiksru l-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u taċ-ċertezza legali. Essenzjalment, hija ssostni li, skont il-politika tagħha fil-mument meta l-impriżi kkonċernati kienu ftiehmu fuq il-konċentrazzjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni ma kinitx taċċetta talbiet għal rinviju ta’ konċentrazzjonijiet li ma kinux jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet. Mid-diskors tal-Viċi President tal-Kummissjoni tal‑11 ta’ Settembru 2020 jirriżulta li din il-politika kompliet tapplika sakemm ġiet emendata permezz tal-pubblikazzjoni ta’ gwida ġdida lejn nofs is-sena 2021. Grail tqis li dan juri li l-Kummissjoni kienet konxja mill-importanza tal-bidla fl-approċċ tagħha, li tikkontradixxi l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tan-Network Internazzjonali dwar il-Kompetizzjoni (ICN)Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD). Ir-rikorrenti u Grail jenfasizzaw in-natura ċara u mingħajr kundizzjonijiet tal-imsemmi diskors, b’mod partikolari fir-rigward tal-proċess u tal-iskeda ta’ żmien tal-implimentazzjoni tal-politika l-ġdida ta’ rinviju. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tirrileva li l-gwida dwar l-Artikolu 22 ġiet adottata wara li ntbagħtet l-ittra ta’ stedina u mingħajr konsultazzjoni pubblika.

252    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Ellenika, tqis li l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar il-ksur tal-prinċipju taċ-ċertezza legali ma humiex issostanzjati. F’dak li jirrigwarda l-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, hija ma wrietx li l-Kummissjoni kienet tat assigurazzjonijiet preċiżi, mingħajr kundizzjoni u konsistenti, iżda llimitat ruħha li tagħmel riferiment vag għal prassi deċiżjonali allegata. B’mod partikolari, il-Kummissjoni kienet ikkonfermat b’mod espliċitu, fil-White Paper tal‑2014, li l-Istati Membri setgħu jitolbu r-rinviju ta’ konċentrazzjoni li ma taqax taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet. Din il-possibbiltà ma ġiet prekluża mill-ebda dokument uffiċjali u l-Kummissjoni kienet diġà aċċettat ir-rinviju ta’ tali konċentrazzjonijiet. Id-diskors tal‑11 ta’ Settembru 2020 tal-Viċi President tal-Kummissjoni jikkostitwixxi dikjarazzjoni politika ta’ natura ġenerali dwar il-prassi futura tagħha li tikkonferma li l-Kummissjoni ma eskludietx li tittratta tali konċentrazzjonijiet fil-prinċipju. Ir-Repubblika Franċiża tfakkar, b’mod partikolari, li l-operaturi ekonomiċi ma jistgħux jibbażaw l-aspettattivi leġittimi tagħhom fuq li se tibqa’ l-istess sitwazzjoni li tista’ tiġi emendata u li l-Kummissjoni aċċettat ir-rinviju tal-konċentrazzjoni inkwistjoni biss wara l-pubblikazzjoni tal-gwida dwar l-Artikolu 22. Il-Kummissjoni żżid tgħid li ma kien hemm xejn li waqqaf lir-rikorrenti milli tikkuntattja lilha jew lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma wrietx li hija kienet aġixxiet billi bbażat ruħha fuq l-allegati assigurazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni.

253    Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk ir-rikorrenti tinvoka, fil-kuntest tat-tielet motiv, kemm il-prinċipju taċ-ċertezza legali kif ukoll dak tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, l-argument tagħha fir-realtà jirrigwarda, kif issostni l-Kummissjoni, esklużivament dan it-tieni prinċipju.

254    F’konformità mal-ġurisprudenza stabbilita, għandu jiġi mfakkar li d-dritt li jiġi invokat il-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jeħtieġ li jkunu ngħataw assigurazzjonijiet preċiżi, mingħajr kundizzjonijiet u konsistenti li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli lill-parti kkonċernata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2020, Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Carreras Sequeros et, C‑119/19 P u C‑126/19 P, EU:C:2020:676, punt 144 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, dan id-dritt jappartjeni lil kull parti kkonċernata li fir-rigward tagħha istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni, bl-għoti lilha ta assigurazzjonijiet preċiżi, ikun ħoloq aspettattivi fondati. Informazzjoni preċiża, mingħajr kundizzjoni u konsistenti tikkostitwixxi tali assigurazzjonijiet, tkun xi tkun il-forma li biha tiġi kkomunikata (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2013, HGA et vs Il‑Kummissjoni, C‑630/11 P sa C‑633/11 P, EU:C:2013:387, punt 132 u l-ġurisprudenza ċċitata), sakemm tikkonforma mar-regoli applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Probelte vs Il‑Kummissjoni, T‑67/18, EU:T:2019:873), punt 109 u l-ġurisprudenza ċċitata).

255    F’dan il-każ, sabiex turi l-allegata politika li skontha l-Kummissjoni ma taċċettax talbiet għal rinviju, skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, għal konċentrazzjonijiet li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq il-pun 5 tal-ittra ta’ stedina, fuq il-punt 94 tad-deċiżjoni kkontestata, fuq il-punt 7 tal-komunikazzjoni dwar ir-rinviju u fuq id-diskors tal-Viċi President tal-Kummissjoni tal‑11 ta’ Settembru 2020. Grail tagħmel riferiment ukoll għall-konklużjonijiet u għar-rakkomandazzjonijiet tal-ICN u tal-OECD.

256    Fl-ewwel lok, fir-rigward ta’ dawn il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dawn ma joħorġux mill-amministrazzjoni tal-Unjoni u, għaldaqstant, ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 254 iktar ’il fuq.

257    Fit-tieni lok, fir-rigward tad-dokumenti invokati mir-rikorrenti, għandu jiġi mfakkar li, permezz tal-ittra ta’ stedina, il-Kummissjoni kkunsidrat, preliminarjament, li l-konċentrazzjoni inkwistjoni setgħet tkun is-suġġett ta’ rinviju skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 (ara l-punt 12 iktar ’il fuq), pożizzjoni li hija kkonfermat billi aċċettat it-talba għal rinviju tal-ACF permezz tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 19 u 21 sa 35 iktar ’il fuq). Fid-dawl ta’ din il-pożizzjoni tal-Kummissjoni li hija adottat speċifikament fir-rigward tal-konċentrazzjoni inkwistjoni, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka dawn id-dokumenti sabiex tipprova l-għoti lilha ta’ assigurazzjonijiet preċiżi li allegata politika kuntrarja kienet se tinżamm. Barra minn hekk, peress li, minn naħa, il-punt 5 tal-ittra ta’ stedina u l-punt 94 tad-deċiżjoni kkontestata fihom sempliċi deskrizzjoni tas-sitwazzjoni preċedenti u li, min-naħa l-oħra, l-imsemmija dokumenti kienu għadhom ma kinux jeżistu meta ġew konklużi l-ftehim u l-pjan tal-għaqda, jiġifieri fl‑20 ta’ Settembru 2020 (ara l-punt 7 iktar ’il fuq), l-impriżi kkonċernati ma setgħux jibbażaw aspettattivi leġittimi fuqhom.

258    F’dak li jirrigwarda l-punt 7 tal-komunikazzjoni dwar ir-rinviju, huwa stabbilit li “l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni kunsiderevoli sabiex jiddeċiedu li jirrinvijaw tranżazzjonijiet li jaqgħu taħt il-“kompetenza inizjali” tagħhom jew li jaċċettaw li jeżaminaw dawk li ma jaqgħux taħtha, skont […] l-Artikolu 22 [tar-Regolament Nru 139/2004]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

259    Għalhekk, dan il-punt sempliċement jenfasizza, minn naħa, is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandha l-Kummissjoni fil-kuntest tal-politika tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2018, Furukawa Electric vs Il‑Kummissjoni, T‑444/14, mhux ippubblikata, EU:T:2018:454, punt 222 u l-ġurisprudenza ċċitata), u, min-naħa l-oħra, it-tqassim tas-setgħat bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, kif stabbilit fil-punt 153 iktar ’il fuq. Min-naħa l-oħra, l-ebda wieħed minn dawn l-elementi ma jsostni l-eżistenza tal-allegata politika tal-Kummissjoni li fuqha tibbaża ruħha r-rikorrenti. Din il-konstatazzjoni hija kkonfermata mill-punti 42 sa 45 tal-komunikazzjoni dwar ir-rinviju, li għandhom jinqraw, kif issostni r-Repubblika Franċiża, flimkien mal-punt 7 ta’ dik il-komunikazzjoni u li jistabbilixxu b’mod preċiż il-kriterji rilevanti li jirregolaw ir-rinviju skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, mingħajr ma jsemmu tali prassi allegata.

260    Fit-tielet lok, fir-rigward tad-diskors tal-Viċi President tal-Kummissjoni, għandu jiġi mfakkar li dan id-diskors kien jirrigwarda “[l]-futur tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet tal-[Unjoni]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u ngħata fil-kuntest tal-24 konferenza annwali dwar il-kompetizzjoni tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Kmamar tal-Avukati fil‑11 ta’ Settembru 2020. Huwa paċifiku li dan id-diskors kien jikkonċerna l-politika ġenerali tal-Kummissjoni fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet u ma kienx isemmi l-konċentrazzjoni inkwistjoni, li l-ftehim u l-pjan tal-għaqda tagħha kienu ġew konklużi wara, jiġifieri fl‑20 ta’ Settembru 2020. L-imsemmi diskors għalhekk ma setax jinkludi assigurazzjonijiet preċiżi, mingħajr kundizzjoni u konsistenti fir-rigward tat-trattament ta’ din il-konċentrazzjoni.

261    Fir-rigward ta’ din il-politika ġenerali, il-Viċi President tal-Kummissjoni tabilħaqq iddikjarat fid-diskors tagħha tal‑11 ta’ Settembru 2020 li, fil-passat, “il-Kummissjoni segwiet il-prassi li tiskoraġġixxi lill-awtoritajiet nazzjonali milli jirrinvijaw lilha konċentrazzjonijiet li huma ma kellhomx il-kompetenza li jeżaminaw huma stess” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Madankollu, minn dan ma jirriżultax li r-riferiment għal tali konċentrazzjonijiet kien eskluż fil-prinċipju, iżda, kif juri t-terminu “tiskoraġġixxi”, li l-Kummissjoni kellha biss l-intenzjoni li tikkonvinċi lill-Istati Membri biex ma jressqux talba għal rinviju f’tali sitwazzjoni. Kif issostni l-Kummissjoni, il-Viċi President tal-Kummissjoni saħansitra enfasizzat li “dik il-prassi [qatt] ma [kienet] intiża li twaqqaf [lill-Kummissjoni] milli tittratta każijiet li jistgħu jaffettwaw b’mod serju l-kompetizzjoni fis-suq uniku” [traduzzjoni mhux uffiċjali].  

262    Anki jekk jitqies li l-impriżi kkonċernati jistgħu jinvokaw l-imsemmija prassi, il-Kummissjoni setgħet madankollu tikkunsidra li l-konċentrazzjoni inkwistjoni setgħet taffettwa b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni fis-suq intern u, għal din ir-raġuni, tibgħat l-ittra ta’ stedina u taċċetta t-talba għar-rinviju u teżaminaha. Konsegwentement, it-tħabbir, fid-diskors tal-Viċi President tal-Kummissjoni, ta’ “bidla fl-approċċ” [traduzzjoni mhux uffiċjali] fil-futur u ta’ skeda approssimattiva għall-implimentazzjoni tagħha huwa irrilevanti u l-argumenti tar-rikorrenti u ta’ Grail dwar in-nuqqas ta’ konformità ma’ dak li tħabbar għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi. L-istess jgħodd għall-argumenti bbażati fuq il-fatt li l-orjentazzjonijiet li jikkonċernaw l-Artikolu 22 ġew adottati wara li ntbagħtet l-ittra ta’ stedina.

263    Għaldaqstant, ir-rikorrenti, li ma tallegax li ngħatat xi assigurazzjoni preċiżi, mingħajr kundizzjoni u konsistenti mingħand il-Kummissjoni fir-rigward tat-trattament tal-konċentrazzjoni inkwistjoni, lanqas ma wriet l-eżistenza ta’ tali assigurazzjonijiet fir-rigward tal-konċentrazzjonijiet li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet b’mod ġenerali. Għall-kuntrarju, kif isostnu l-Kummissjoni u r-Repubblika Franċiża, mill-White Paper tal‑2014 jirriżulta li dan l-artikolu japplika għal tali konċentrazzjonijiet (ara n-nota Nru 45 f’qiegħ il-paġna tal-White Paper tal‑2014).

264    Din l-evalwazzjoni hija kkonfermata mill-fatt li l-Kummissjoni reċentement aċċettat, kif issostni ġustament, b’riferiment għad-deċiżjonijiet tagħha tas‑6 ta’ Frar 2018 (Il-Każ M.8788 – Apple/Shazam), tal‑15 ta’ Marzu 2018 (Il-Każ M.8832 – Knauf/Armstrong).), tas‑26 ta’ Settembru 2019 (Il-Każ M.9547 – Johnson & Johnson/Tachosil), u tat‑2 ta’ April 2020 (Il-Każ M.9744 – MasterCard/Nets), diversi talbiet biex jingħaqdu skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 139/2004 minn Stati Membri li l-awtoritajiet tagħhom ma kinux kompetenti, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, li jeżaminaw il-konċentrazzjonijiet li kienu s-suġġett ta’ dawn it-talbiet.

265    Fi kwalunkwe każ, f’konformità mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 254 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma tistax tibbaża ruħha fuq dokumenti jew dikjarazzjonijiet li, jekk jiġu interpretati kif issostni hi, huma intiżi li jirrestrinġu d-dritt tal-Istati Membri li jitolbu rinviju skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fih (ara l-punt 155 iktar ’il fuq). Bl-istess mod, sa fejn jirriżulta mill-ewwel motiv li d-deċiżjonijiet ikkontestati kienu bbażati fuq interpretazzjoni korretta tal-portata ta’ dak l-artikolu, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka l-gwida ġdida tal-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2008, AC-Treuhand vs Il-Kummissjoni, T‑99/04, EU:T:2008:256, punt 163).

266    Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

267    Konsegwentement, peress li l-ebda wieħed mill-motivi mqajma mir-rikorrenti insostenn tar-rikors tagħha ma huwa fondat, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

268    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

269    L-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jipprovdi li l-Istati li huma partijiet fil-Ftehim ŻEE, minbarra l-Istati Membri, kif ukoll l-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom meta jintervjenu fil-kawża. F’konformità mal-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li intervenjent, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

270    Konsegwentement, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA u Grail għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

Il-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Illumina, Inc, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, hija kkundannata għall-ispejjeż tal-Kummissjoni Ewropea.

3)      Ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA u Grail LLC għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

De Baere

Kreuschitz

Öberg

Mastroianni

 

      Steinfatt

Mogħtija f’seduta bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑13 ta’ Lulju 2022.

Firem


Werrej



*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.