Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija) fit-23 ta’ Lulju 2013 – ÖBB Personenverkehr AG vs Gotthard Starjakob

(Kawża C-417/13)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Oberster Gerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: ÖBB Personenverkehr AG

Konvenut: Gotthard Starjakob

Domandi preliminari

Id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 12 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikoli 7(1), 16 u 17 tad-Direttiva 2000/78/KE 1 għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

ħaddiem li fir-rigward tiegħu l-persuna li timpjegah inizjalment stabbilixxiet, fuq il-bażi ta’ akkreditazzjoni ta’ perijodi ta’ servizz li tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, stabbilita mil-liġi, data ta’ referenza għall-finijiet tal-avvanz inkorretta, għandu dritt fi kwalunkwe każ għall-ħlas tad-differenza fis-salarju li tirriżulta mill-iffissar ta’ din id-data mingħajr diskriminazzjoni;

jew fis-sens li l-Istat Membru kkonċernat għandu l-possibbiltà, permezz tal-akkreditazzjoni tal-perijodi ta’ servizz mingħajr diskriminazzjoni, li jelimina d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età anki mingħajr kumpens finanzjarju (permezz ta’ ffissar mill-ġdid ta’ data ta’ referenza għall-finijiet tal-avvanz flimkien ma’ estensjoni tal-perijodu meħtieġ għall-avvanz), b’mod partikolari jekk din is-soluzzjoni, newtrali mill-perspettiva tar-remunerazzjoni, tfittex li tippreserva l-likwidità tal-persuna li timpjega kif ukoll li tevita l-oneru ta’ xogħol eċċessiv neċessarju għal kalkolu ġdid?

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda 1(b):

Tali akkreditazzjoni tal-perijodi ta’ servizz mingħajr diskriminazzjoni tista’:

tiġi wkoll introdotta retroattivament mil-leġiżlatur (f’dan il-każ bil-Liġi tas-27 ta’ Diċembru 2011, ippubblikata fil-BGBl I 2011/129, b’effett retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2004) jew

hija applikabbli biss mid-data tal-adozzjoni jew tal-pubblikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ġodda fil-qasam tal-akkreditazzjoni u tal-avvanz?

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda 1(b):

Id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 2(1) u (2) tad-Direttiva 2000/78/KE, kif ukoll l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva għandhom jiġi interpretati fis-sens li:

sistema leġiżlattiva li tipprevedi, għall-perijodi ta’ attività mwettqa fil-bidu tal-karriera, perijodu meħtieġ għall-avvanz itwal, li trendi għalhekk iktar diffiċli l-avvanz lejn il-livell ta’ paga li jmiss, tikkostitwixxi differenza fit-trattament indiretta bbażata fuq l-età,

u, jekk dan huwa l-każ, fis-sens li, fid-dawl tal-esperjenza professjonali limitata miksuba fil-bidu ta’ karriera, tali sistema hija xierqa u neċessarja?

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda 1(b):

Id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikoli 7(1) u 8(1), u tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78/KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-persistenza tal-effetti ta’ sistema antika, li tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, li għandha biss bħala għan il-protezzjoni tal-ħaddiem, favur tiegħu, kontra żvantaġġi fil-qasam tad-dħul li jirriżultaw minn sistema ġdida, mingħajr diskriminazzjoni (klawżola ta’ garanzija tar-remunerazzjoni), hija ammissibbli u ġġustifikata għal raġunijiet ta’ rispett tad-drittijiet miksuba u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi?

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda 1(b) u għad-domanda 3(b):

Il-leġiżlatur jista’ jipprevedi, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-perijodi ta’ servizz li għandhom jiġu akkreditati, dmir (obbligu) ta’ kooperazzjoni min-naħa tal-ħaddiem u jissuġġetta t-tranżizzjoni għas-sistema l-ġdida tal-akkreditazzjoni u tal-avvanz għall-eżekuzzjoni ta’ dan l-obbligu?

Ħaddiem li ma jipprovdix il-kooperazzjoni li wieħed jista’ jistenna minnu għall-iffissar mill-ġdid tad-data ta’ referenza għall-finijiet tal-avvanz skont is-sistema l-ġdida tal-akkreditazzjoni u tal-avvanz, mingħajr diskriminazzjoni, u li, minħabba f’hekk, ma jużax xjentement is-sistema mingħajr diskriminazzjoni u jibqa’ volontarjament fis-sistema perċedenti tal-akkreditazzjoni u tal-avvanz, li tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, jista’ jinvoka diskriminazzjoni bbażata fuq l-età li tirriżulta mis-sistema antika, jew il-fatt li jibqa’ fis-sistema antika, diskriminatorja, sempliċement sabiex ikun jista’ jinvoka pretensjonijiet ta’ flus jikkostitwixxi abbuż ta’ dritt?

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda 1(a) jew għad-domandi 1(b) u 2(b):

Il-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni, li jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mill-Artikolu 19(1) TUE, jirrikjedi li t-terminu ta’ preskrizzjoni tad-drittijiet li għandhom il-bażi tagħhom fid-dritt tal-Unjoni ma jibdiex jiddekorri qabel il-kjarifika mingħajr ambigwità tas-sitwazzjoni legali bl-għoti ta’ deċiżjoni rilevanti mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea?

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda 1(a) jew għad-domandi 1(b) u 2(b):

Il-prinċipju ta’ ekwivalenza tad-dritt tal-Unjoni jirrikjedi li s-sospensjoni tal-preskrizzjoni prevista fid-dritt nazzjonali għall-azzjonijiet intiżi għall-eżerċizzju tad-drittijiet ibbażati fuq sistema ġdida ta’ akkreditazzjoni u ta’ avvanz (Artikolu 53a(5) tal-Bundesbahngesetz [Liġi dwar il-ferroviji Awstrijaċi]) tiġi estiża għall-pretensjonijiet ta’ ħlas għad-differenzi fis-salarji li jirriżultaw minn sistema antika li tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq l-età?

____________

1 Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79.