Language of document :

Rikors ippreżentat fis-26 ta' Lulju 2010 - Three-N-Products Private vs UASI - Shah (AYUURI NATURAL)

(Kawża T-313/10)

Lingwa tar-rikors: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Three-N-Products Private Ltd (New Delhi, Indja) (rappreżentant: C. Jäger, avukat)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Parti oħra quddiem il-Bord tal-Appell: S Shah, A Shah, M Shah - A Partnership t/a FUDCO (Wembley, Ir-Renju Unit)

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tar-Raba' Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) tal-1 ta' Ġunju 2010 fil-Każ R 1005/2009-4;

tikkundanna lill-konvenut sabiex jikkonferma d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) tat-2 ta' Lulju 2009 u jiċħad l-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja Nru 5805387 kollha kemm hi;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż tal-proċeduri;

tikkundanna lill-parti l-oħra fil-proċeduri quddiem il-Bord tal-Appell għall-ispejjeż tal-proċeduri, inklużi dawk sostnuti mir-rikorrenti quddiem il-Bord tal-Appell u d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, f'każ li tintervjeni f'din il-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Applikant għat-trade mark Komunitarja: Il-parti l-oħra fil-proċeduri quddiem il-Bord tal-Appell

Trade mark Komunitarja kkonċernata: It-trade mark figurattiva "AYUURI NATURAL" għal prodotti fil-klassijiet 3 u 5

Proprjetarju tat-trade mark jew tas-sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni: Ir-rikorrenti

Trade mark jew sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni: Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja Nru 2996098 tat-trade mark figurattiva "Ayur" għal, fost l-oħrajn, prodotti fil-klassijiet 3 u 5; applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja Nru 5429469 tat-trade mark figurattiva "AYUR" għal, fost l-oħrajn, prodotti fil-klassijiet 3 u 5;

Deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni: Oppożizzjoni milqugħa u applikazzjoni milqugħa kollha kemm hi

Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell: Appell milqugħ, id-deċiżjoni kkontestata annullata u l-oppożizzjoni miċħuda

Motivi invokati: Ir-rikorrenti tressaq żewġ motivi insostenn tar-rikors tagħha.

Permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni illi d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, peress illi l-Bord tal-Appell iddikjara b'mod skorrett illi ma kienx hemm probabbiltà ta' konfużjoni u li t-trade marks preċedenti kellhom konnotazzjoni suġġestiva fir-rigward tal-prodotti inkwistjoni li tnaqqas il-karattru distintiv tat-trade marks preċedenti.

Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrenti tikkunsidra illi d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 65(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, peress illi l-Bord tal-Appell wettaq abbuż ta' poter meta ta d-deċiżjoni kkontestata peress illi kienet nieqsa minn oġġettività u bażi legali.

____________