Language of document : ECLI:EU:C:2022:702

Kawżi C-793/19 u C-794/19

Bundesrepublik Deutschland,

vs

SpaceNet AG u Telekom Deutschland GmbH

(talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht)

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal20 ta’ Settembru 2022

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ipproċessar ta’ data personali fis-settur tal komunikazzjonijiet elettroniċi – Konfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet – Fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tad-data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni – Direttiva 2002/58/KE – Artikolu 15(1) – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 6, 7, 8 u 11, kif ukoll Artikolu 52(1) – Artikolu 4(2) TUE”

1.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Settur tat-telekomunikazzjonijiet – Ipproċessar ta’ data personali u protezzjoni tal-ħajja privata fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttiva 2002/58 – Kamp ta’ applikazzjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jżommu data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni – Għanijiet ta’ protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali u tal-ġlieda kontra l-kriminalità – Inklużjoni

(Artikolu 4(2) TUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/58, kif emendata bid-Direttiva 2009/136, Artikolu 1(1) u (3) u Artikoli 3 u 15(1))

(ara l-punt 48)

2.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Settur tat-telekomunikazzjonijiet – Ipproċessar ta’ data personali u protezzjoni tal-ħajja privata fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttiva 2002/58 – Possibbiltà għall-Istati Membri li jillimitaw il-portata ta’ ċerti drittijiet u obbligi – Miżuri nazzjonali li jimponu fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi ż-żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tad-data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni – Għan tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja u l-prevenzjoni ta’ theddid serju kontra s-sigurtà pubblika – Inammissibbiltà – Tul taż-żmien ta’ żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata ta’ din id-data – Assenza ta’ effett – Miżuri nazzjonali dwar iż-żamma ta’ ċerti kategoriji ta’ data – Għanijiet ta’ salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, ta’ ġlieda kontra l-kriminalità serja u ta’ prevenzjoni ta’ theddid serju kontra s-sigurtà pubblika – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 7, 8, 11 u 52(1); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/58, kif emendata bid-Direttiva 2009/136, Artikolu 15(1))

(ara l-punti 49 sa 75, 77 sa 81, 83 sa 85, 87 sa 94, 97 sa  99, 110, 113, 116, 121, 127 sa 131 u d-dispożittiv)

Sunt

F’dawn l-aħħar snin, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’diversi sentenzi, dwar iż-żamma u l-aċċess għad-data personali fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (1).

Iktar reċenti, permezz tas-sentenza La Quadrature du net et  (2) mogħtija mill-Awla Manja fis‑6 ta’ Ottubru 2020, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat il-ġurisprudenza tagħha li tirriżulta mis-sentenza Tele2 Sverige u Watson et (3) dwar in-natura sproporzjonata ta’ żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni relatata mal-komunikazzjonijiet elettroniċi. Hija għamlet ukoll preċiżazzjonijiet, b’mod partikolari fir-rigward tal-portata tas-setgħat li d-Direttiva “dwar il-privatezza u l-komunikazzjonijiet elettroniċi” tagħti lill-Istati Membri fil-qasam taż-żamma ta’ tali data għall-finijiet tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, tal-ġlieda kontra l-kriminalità u tas-salvagwardja tas-sigurtà pubblika.

F’dawn il-kawżi magħquda, tressqu żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja), li ġiet adita b’rikors għal Reviżjoni mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kontra żewġ sentenzi li laqgħu r-rikorsi ppreżentati minn żewġ kumpanniji, SpaceNet AG (Kawża C‑793/19) u Telekom Deutschland GmbH (Kawża C‑794/19), li jipprovdu servizzi ta’ aċċess għall-internet. Permezz ta’ dawn ir-rikorsi, dawn il-kumpanniji kkontestaw l-obbligu li timponi l-leġiżlazzjoni Ġermaniża (4) taż-żamma ta’ data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni marbuta mal-komunikazzjonijiet elettroniċi tal-klijenti tagħhom.

Id-dubji espressi mill-qorti tar-rinviju jirrigwardaw b’mod partikolari l-kompatibbiltà mad-Direttiva dwar il-“privatezza u l-komunikazzjonijiet elettroniċi” (5), moqrija fid-dawl tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) (6) u tal-Artikolu 4(2) TUE, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi aċċessibbli għall-pubbliku, b’mod partikolari għall-finijiet tar-repressjoni tar-reati kriminali serji jew tal-prevenzjoni ta’ riskju konkret għas-sigurtà nazzjonali, iż-żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tal-parti l-kbira tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni tal-utenti ta’ dawn is-servizzi, billi tipprevedi tul ta’ żmien taż-żamma ta’ diversi ġimgħat, kif ukoll regoli intiżi li jiżguraw protezzjoni effikaċi tad-data miżmuma kontra r-riskji ta’ abbuż u kontra kwalunkwe aċċess illegali għal din id-data.

Permezz tas-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja, komposta bħala Awla Manja, tikkonferma, filwaqt li tispeċifika l-portata tagħha, il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza La Quadrature du Net et u, iktar reċenti, mis-sentenza Commissioner of An Garda Síochána et (7). Hija tfakkar b’mod partikolari li ż-żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tad-data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni relatata mal-komunikazzjonijiet elettroniċi ma hijiex awtorizzata, bħala prevenzjoni, għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja u tal-prevenzjoni ta’ theddid serju kontra s-sigurtà pubblika.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Il-Qorti tal-Ġustizzja tibda billi tikkonferma l-applikabbiltà tad-Direttiva dwar il-“privatezza u l-komunikazzjonijiet elettroniċi” għal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, imbagħad twettaq tfakkira didattika tal-prinċipji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tagħha, qabel ma tipproċedi għal eżami ddettaljat tal-karatteristiċi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, enfasizzati mill-qorti tar-rinviju.

F’dak li jirrigwarda, qabelxejn, il-portata tad-data miżmuma, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li l-obbligu ta’ żamma previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni jestendi għal ġabra wiesgħa ħafna ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni u li din tikkonċerna kważi l-persuni kollha li jikkomponu l-popolazzjoni mingħajr ma dawn jinsabu, anki indirettament, f’sitwazzjoni li tista’ tagħti lok għal proċeduri kriminali. Hija tirrileva wkoll li din il-leġiżlazzjoni timponi l-obbligu tal-konservazzjoni, mingħajr raġuni, iġġeneralizzata u indifferenzjata minn perspettiva personali, ratione temporis u ġeografika tal-parti l-kbira tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni li l-portata tiegħu jikkorrispondi, essenzjalment, għal dik tad-data miżmuma fil-kawżi li taw lok għas-sentanza La Quadrature du net et. Għaldaqstant, fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li obbligu ta’ żamma tad-data bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ ma jistax jitqies li huwa żamma mmirata tad-data.

Sussegwentement, fir-rigward tat-tul taż-żamma tad-data, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li mid-Direttiva dwar il-“privatezza u l-komunikazzjonijiet elettroniċi” (8) jirriżulta li t-tul ta’ żmien taż-żamma previst minn miżura nazzjonali li timponi obbligu ta’ żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata huwa, ċertament, fattur rilevanti, fost oħrajn, sabiex jiġi ddeterminat jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix tali miżura, peress li l-imsemmija direttiva teżiġi li dan it-tul ikun “limitat”. Madankollu, il-gravità tal-indħil tirriżulta mir-riskju, b’mod partikolari fid-dawl tal-kwantità u tal-varjetà tagħha, li d-data miżmuma, meħuda kollha kemm hi, tippermetti li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi ħafna dwar il-ħajja privata tal-persuna jew tal-persuni li d-data tagħhom tkun inżammet u, b’mod partikolari, jipprovdu l-mezzi sabiex jiġi stabbilit il-profil tal-persuna jew tal-persuni kkonċernati, li hija informazzjoni daqstant sensittiva, fir-rigward tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, bħall-kontenut stess tal-komunikazzjonijiet. Għaldaqstant, iż-żamma tad-data dwar it-traffiku jew tad-data dwar il-lokalizzazzjoni hija fi kwalunkwe każ ta’ natura serja, indipendentement mit-tul taż-żmien taż-żamma, mill-kwantità jew min-natura tad-data miżmuma, meta d-data miżmuma kollha tista’ tippermetti li jinsiltu tali konklużjonijiet (9).

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-garanziji intiżi li jipproteġu d-data miżmuma kontra r-riskji ta’ abbuż u kontra kull aċċess illeċitu, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva, billi tibbaża ruħha fuq il-ġurisprudenza preċedenti, li ż-żamma tad-data u l-aċċess għaliha jikkostitwixxu ndħil distint fid-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati, li jeħtieġu ġustifikazzjoni distinta. Minn dan jirriżulta li leġiżlazzjoni nazzjonali li tiżgura l-osservanza sħiħa tal-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza fil-qasam tal-aċċess għad-data miżmuma ma tistax, min-natura tagħha, tillimita jew tirrimedja għall-indħil serju fid-drittijiet tal-persuni kkonċernati li jirriżulta miż-żamma ġġeneralizzata ta’ din id-data.

Barra minn hekk, sabiex jiġu indirizzati l-argumenti mressqa quddiemha, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva, fl-ewwel lok, li theddida għas-sigurtà nazzjonali għandha tkun reali u attwali jew, tal-inqas, prevedibbli, li jippreżupponi l-okkorrenza ta’ ċirkustanzi suffiċjentement konkreti, sabiex tkun tista’ tiġi ġġustifikata miżura ta’ żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni, għal perijodu limitat. Tali theddida hija għalhekk differenti, min-natura, il-gravità u n-natura speċifika tagħha, miċ-ċirkustanzi li jikkostitwixxuha, mir-riskju ġenerali u permanenti li huwa dak ta’ tensjoni jew inkwiet, anki gravi, għas-sigurtà pubblika jew dak ta’ reati kriminali serji. Għalhekk, il-kriminalità, anki partikolarment serja, ma tistax tiġi assimilata għal theddida għas-sigurtà nazzjonali.

Hija tirrileva, fit-tieni lok, li l-fatt li jiġi awtorizzat, għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja, aċċess għal data dwar it-traffiku u għal data dwar il-lokalizzazzjoni miżmuma b’mod iġġeneralizzat u indifferenzjat, sabiex tiġi affaċjata theddida serja għas-sigurtà nazzjonali, imur kontra l-ġerarkija tal-għanijiet ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw miżura meħuda abbaża tad-Direttiva dwar “il-privatezza u l-komunikazzjonijiet elettroniċi” (10). Fil-fatt, dan ikun ifisser li jkun permess li l-aċċess ikun jista’ jiġi ġġustifikat minn għan ta’ importanza iżgħar minn dik tal-għan li kien iġġustifika ż-żamma, jiġifieri s-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, u b’hekk ikun hemm ir-riskju li tiġi mċaħħda minn kull effett utli l-projbizzjoni li ssir żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, billi tikkonferma l-ġurisprudenza preċedenti tagħha, li d-Direttiva dwar il-“privatezza u l-komunikazzjonijiet elettroniċi”, moqrija fid-dawl tal-Karta, tipprekludi miżuri leġiżlattivi li jipprevedu, bħala prevenzjoni, għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja u l-prevenzjoni ta’ theddid serju kontra s-sigurtà pubblika, żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni.

Għall kuntrarju, hija ma tipprekludix miżuri leġiżlattivi nazzjonali li jippermettu, għall-finijiet tal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali, l-għoti ta’ ordni lill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi sabiex jipproċedu b’żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni, f’sitwazzjonijiet fejn l-Istat Membru kkonċernat jaffaċċja theddida serja għas-sigurtà nazzjonali li tkun reali u attwali jew prevedibbli. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li d-deċiżjoni li tipprevedi din l-ordni tista’ tkun suġġetta għal stħarriġ jew minn qorti, jew minn entità amministrattiva indipendenti, li d-deċiżjoni tagħha għandha effett vinkolanti, bil-għan li tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet kif ukoll l-osservanza tal-kundizzjonijiet u tal-garanziji li għandhom jiġu previsti, u fejn l-imsemmija ordni għandha tingħata biss għal perijodu limitat ratione temporis għal dak li huwa strettament neċessarju, iżda li jista’ jiġġedded jekk din it-theddida tippersisti.

Din id-direttiva, moqrija fid-dawl tal-Karta, lanqas ma tipprekludi miżuri leġiżlazzjoni nazzjonali li jipprevedu, għall-finijiet tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja u tal-prevenzjoni ta’ theddid serju kontra s-sigurtà pubblika, żamma mmirata ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni li tkun limitata, abbażi ta’ elementi oġġettivi u nondiskriminatorji, skont il-kategoriji ta’ persuni kkonċernati jew permezz ta’ kriterju ġeografiku, għal perijodu limitat ratione temporis għal dak li jkun strettament neċessarju, iżda li jista’ jiġġedded.

L-istess japplika għal dak li jirrigwarda l-miżuri leġiżlattivi nazzjonali li jipprevedu, għall-finijiet tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja u tal-prevenzjoni ta’ theddid serju kontra s-sigurtà pubblika, żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tal-indirizzi IP attribwiti lis-sors ta’ konnessjoni, għal perijodu limitat ratione temporis għal dak li jkun strettament neċessarju, kif ukoll tad-data relatata mal-identità ċivili tal-utenti ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi, meta huwa stabbilit li ż-żamma tagħha tista’ tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-kriminalità, sa fejn din id-data tippermetti li jiġu identifikati l-persuni li jkunu għamlu użu minn tali mezzi fil-kuntest tal-preparazzjoni jew tat-twettiq ta’ att kriminali serju.

L-istess japplika għal dak li jikkonċerna miżuri leġiżlattivi li jipprevedu, għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja u għall-prevenzjoni ta’ theddid serju kontra s-sigurtà pubblika u, a fortiori, tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, l-għoti ta’ ordni lill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, permezz ta’ deċiżjoni tal-awtorità kompetenti suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv, sabiex jipproċedu, għal perijodu stabbilit, biż-żamma rapida tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni li dawn il-fornituri ta’ servizzi għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tindika li l-miżuri leġiżlattivi kollha msemmija iktar ’il fuq għandhom jiżguraw, permezz ta’ regoli ċari u preċiżi, li ż-żamma tad-data inkwistjoni tkun suġġetta għall-osservanza tal-kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali applikabbli għaliha u li l-persuni kkonċernati jkollhom garanziji effettivi kontra r-riskji ta’ abbuż. Dawn id-diversi miżuri jistgħu, skont l-għażla tal-leġiżlatur nazzjonali u filwaqt li josservaw il-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju, jiġu applikati flimkien.


1      Sentenzi tat‑8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238), tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige uWatson et (C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970), u tat‑2 ta’ Ottubru 2018, Ministerio Fiscal (C‑207/16, EU:C:2018:788).


2      Sentenza tas 6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791). Ara wkoll is-sentenza mogħtija fl-istess jum, Privacy International (C‑623/17, EU:C:2020:790) dwar it-trażmissjoni ġġeneralizzata u indifferenzjata tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni.


3      F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika(Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514, iktar il quddiem id-“Direttiva ‘dwar il-privatezza u l-komunikazzjonijiet elettroniċi’”) fil-verżjoni emendata mid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 337, p. 11, rettifika fil-ĠU 2013, L 241, p. 9), jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi ż-żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tad-data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità.


4      Dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 113a(1) u tal-Artikolu 113b tat-Telekommunikationsgesetz (il-Liġi dwar it-Telekomunikazzjonijiet), tat‑22 ta’ Ġunju 2004 (BGBl.  2004 I, p. 1190), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali.


5      B’mod iktar preċiż, l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58.


6      Artikoli 6 sa 8, 11 u 52(1) tal-Karta.


7      Sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et (C‑140/20, EU:C:2022:258).


8      B’mod iktar preċiż, it-tieni sentenza tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58.


9      Ara, f’dak li jirrigwarda l-aċċess għal tali data, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet għal aċċess għad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi) (C‑746/18, EU:C:2021:152, punt 39).


10      Din il-ġerarkija hija stabbilita fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u b’mod partikolari fis-sentenza La Quadrature du Net et, fil-punti 135 u 136. Abbażi ta’ din il-ġerarkija, il-ġlieda kontra l-kriminalità serja hija ta importanza iżgħar mis-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali.