Language of document :

Appell imressaq fl-20 ta' April 2007 minn Bligny kontra s-sentenza mogħtija fil-15 ta' Frar 2007 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-kawża F-142/06, Bligny vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-127/07 P)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Francesco Bligny (Tassin La Demi Lune, Franza) (rappreżentant: P. Lebel-Nourissat, avocat)

Il-parti l-oħra fil-kawża: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrent

tikkonstata li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (TSP) wettaq żball ta' evalwazzjoni ta' l-att ta' kandidatura fir-rigward ta' l-obbligu tal-kandidat li jehmeż miegħu prova taċ-ċittadinanza tiegħu;

tikkonstata li t-TSP ma rrispondix għall-motivi tar-rikorrent li jirrigwardaw il-ksur tal-prinċipji ta' l-aspettattivi leġittimi u ta' amministrazzjoni tajba kellhom jiġu mħarsa mill-bord ta' l-għażla tal-kompetizzjoni EPSO/AD/26/05;

konsegwentement, l-annullament tad-Digriet tat-TSP tal-15 ta' Frar 2007 fil-kawża F-142/06;

billi tagħti sentenza mill-ġdid, tannulla d-deċiżjoni tal-bord ta' l-għażla tal-kompetizzjoni EPSO/AD/26/05 tas-7 ta' Diċembru 2006 u dik tat-23 ta' Diċembru 2006 li tiċħad l-ammissjoni tar-rikorrent għall-kompetizzjoni u għaldaqstant il-korrezzjoni ta' l-eżami li għamel bil-miktub u tikkonstata bħala irregolari l-att ta' kandidatura ppubblikat fil-15 ta' Mejju 2006 fuq is-sit EPSO fir-rigward tal-kandidati tal-kompetizzjoni;

sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem it-TSP sabiex jiddeċiedi dwar il-kawża in kwistjoni u tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż kollha tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Fl-appell tiegħu, ir-rikorrent jitlob l-annullament tad-Digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jiċħad, bħala manifestament infondat, ir-rikors tiegħu li permezz tiegħu huwa talab l-annullament tad-deċiżjoni tal-bord ta' l-għażla li tiċħad il-korrezzjoni ta' l-eżami li għamel bil-miktub, minħabba l-fatt li l-att ta' kandidatura tiegħu ma kienx jinkludi prova taċ-ċittadinanza tiegħu.

In sostenn ta' l-appell tiegħu, ir-rikorrent isostni li t-TSP bidel in-natura tal-fatti li kellu quddiemu, u għaldaqstant ta interpretazzjoni ħażina ta' l-avviż ta' kandidatura li kellhom jimlew il-kandidati, li wassal għal żball ta' interpretazzjoni ta' l-att. Barra minn hekk, huwa jinvoka motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta' motivazzjoni tad-Digriet ikkontestat, safejn it-TSP ma rrispondiex għall-motivi u għat-talbiet kollha imressqa mir-rikorrent fl-ewwel istanza.

____________