Language of document : ECLI:EU:F:2014:20

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

13 ta’ Frar 2014

Kawża F‑75/13

Norbert Probst

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjal — Allowance tal-espatrijazzjoni — Artikolu 4 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal — Talba għal eżami mill-ġdid — Fatti ġodda u sostanzjali — Rikors manifestament inammissibbli”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu N. Probst jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-4 ta’ Ottubru 2012, li permezz tagħha l-Kummissjoni ċaħdet it-talba tiegħu li tiġi eżaminata mill-ġdid id-deċiżjoni li rrifjutat li huwa jingħata l-benefiċċju tal-allowance tal-espatrijazzjoni.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli. N. Probst għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Sommarju

Rikorsi tal-uffiċjali — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Termini — Dekadenza — Ftuħ mill-ġdid — Kundizzjoni — Fatt ġdid u sostanzjali

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

Deċiżjoni li ma ġietx ikkontestata mid-destinatarju fit-termini previsti ssir definittiva fil-konfront tiegħu. Madankollu, l-eżistenza ta’ fatti ġodda u sostanzjali tista’ tiġġustifika t-tressiq ta’ talba għal eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni preċedenti li tkun saret finali.

Rikors ippreżentat kontra deċiżjoni li tirrifjuta li jsir eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni li tkun saret definittiva jiġi ddikjarat ammissibbli jekk ikun jidher li t-talba għal eżami mill-ġdid kienet effettivament ibbażata fuq fatti ġodda u sostanzjali.

F’dan ir-rigward, sentenza ta’ annullament mogħtija minn qorti tal-Unjoni tista’ tikkostitwixxi fatt ġdid biss fil-konfront, minn naħa, tal-partijiet fil-kawża u, min-naħa l-oħra, tal-persuni l-oħra kkonċernati direttament mill-att annullat.

(ara l-punti 16, 17 u 23)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 19 ta’ Ġunju 2007, Asturias Cuerno vs Il‑Kummissjoni, T‑473/04

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 12 ta’ Settembru 2011, Cervelli vs Il‑Kummissjoni, F‑98/10, ikkonfermat fl-appell mid-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-11 ta’ Ottubru 2012, Cervelli vs Il‑Kummissjoni, T‑622/11 P, punti 19, 20 u 23 u l-ġurisprudenza ċċitata