Language of document : ECLI:EU:F:2007:177

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla)

17 ta’ Ottubru 2007

Kawża F-115/06

Carlos Sanchez Ferriz et

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Promozzjoni – Nuqqas ta’ inklużjoni fil-lista ta’ uffiċjali promossi – Proċedura ta’ promozzjoni 2005 – Punti ta’ prijorità – Mertu – Anzjanità – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Ammissibbiltà”

Suġġett: Rikors imressaq skond l-Artikolu 236 KE u 152 KEEA, li bih Sanchez Ferriz u disa’ uffiċjali oħrajn tal-Kummissjoni jitolbu, prinċipalment, l-annullament tal-lista ta’ uffiċjali promossi taħt il-proċedura ta’ promozzjoni 2005, inkwantu din il-lista ma tinkludix isimhom, u b’mod sussidjarju, l-annullament tad-deċiżjoni ta’ għoti ta’ punti ta’ prijorità taħt l-imsemmija proċedura.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament parzjalment inammissibbli u bħala manifestament parzjalment infondat. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Rikors – Att li jikkawża preġudizzju – Proposta ta’ kumitat ta’ promozzjoni għall-għoti ta’ punti ta’ prijorità – Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 25(2), 45, 90 u 91)

2.      Uffiċjali – Promozzjoni – Ilment ta’ kanditat li ma ġiex promoss – Deċiżjoni ta’ ċaħda – Obbligu ta’ motivazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 25(2), 45 u 90(2))

1.      Ma tikkostitwixxix att li jikkawża preġudizzja proposta magħmula minn kumitat ta’ promozzjoni għall-għoti ta’ punti ta’ prijorità ta’ diversi kategoriji previsti minn sistema ta’ promozzjoni stabbilita permezz ta’ leġiżlazzjoni interna tal-Kummissjoni. Il-kumitati ta’ promozzjoni m’għandhomx, fil-fatt, kompetenza sabiex jieħdu deċiżjonijiet dwar l-għoti ta’ punti ta’ prijorità. Għalhekk, għalkemm skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal, kull deċiżjoni li tikkawża preġudizzju għandha tkun motivata, dan ma jgħoddx ukoll f’dak li jikkonċerna tali proposta ta’ kumitat ta’ promozzjoni fir-rigward ta’ uffiċjali li ma ġiex promoss.

(ara l-punt 54)

2.      Fil-kuntest ta’ proċedura ta’ promozzjoni, l-awtorità li għandha s-setgħa ta’ ħatra mhijiex marbuta li tagħti motivazzjoni għal deċiżjoni ta’ promozzjoni la fir-rigward tad-destinarju tagħha, u lanqas fir-rigward tal-kanditati li ma ġewx promossi. L-imsemmija awtorità għandha madankollu l-obbligu li tagħti motivazzjoni għad-deċiżjoni tagħha li tiċħad l-ilment imressaq, taħt it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal, minn kanditat li ma ġiex promoss.

(ara l-punt 55)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 7 ta’ Frar 1990, Culin vs Il-Kummissjoni, C‑343/87, Ġabra p. I‑225, punt 13

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 3 ta’ Frar 2005, Heurtaux vs Il-Kummissjoni, T‑172/03, Ġabra SP p. I‑A‑15 u II‑63, punt 42