Language of document : ECLI:EU:C:2019:762

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

19 ta’ Settembru 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Vetturi bil-mutur – Regolament (KE) Nru 715/2007 – L-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) – Informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi – Obbligi tal-manifattur fir-rigward tal-operaturi indipendenti – Aċċess mingħajr restrizzjonijiet u f’format standardizzat għal din l-informazzjoni – Modalitajiet – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni”

Fil-Kawża C‑527/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Ġunju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑13 ta’ Awwissu 2018, fil-proċedura

Gesamtverband Autoteile-Handel eV

vs

KIA Motors Corporation,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, T. von Danwitz, C. Vajda, P. G. Xuereb (Relatur) u A. Kumin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gesamtverband Autoteile-Handel eV, minn M. Sacré, Rechtsanwalt,

–        għal KIA Motors Corporation, minn T. Kopp, R. Polley u W. Holzapfel, Rechtsanwälte,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Huttunen, J. Hradil u A. C. Becker, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward ta’ l-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi (ĠU 2007, L 171, p. 1).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Gesamtverband Autoteile-Handel eV (iktar ’il quddiem il-“Gesamtverband”), assoċjazzjoni professjonali Ġermaniża tal-kummerċ bl-ingrossa ta’ partijiet ta’ vetturi bil-mutur, u KIA Motors Corporation (iktar ’il quddiem “KIA”), manifattur tal-vetturi bil-mutur mill-Korea t’Isfel, fir-rigward tar-rifjut ta’ dan il-manifattur li jipprovdi lill-operaturi indipendenti aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi f’format li jista’ jiġi pproċessat elettronikament.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Ir-Regolament Nru 715/2007

3        Il-premessa 8 tar-Regolament Nru 715/2007 tipprevedi:

“Hemm bżonn ta’ aċċess bla restrizzjonijiet għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manteniment tal-vetturi, bl-użu ta’ format standardizzat li jista’ jintuża biex terġa’ tinkiseb l-informazzjoni teknika u l-kompetizzjoni effettiva fis-suq biex jittejjeb il-mod kif jaħdem is-suq intern, partikolarment fir-rigward tal-moviment liberu ta’ merkanzija, il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu provduti servizzi. Proporzjon kbir ta’ tali informazzjoni hu relatat ma’ sistemi dijanjostiċi fil-vettura (OBD) u l-interazzjoni tagħhom ma’ sistemi ta’ vetturi oħra. Ikun xieraq li jiġu stabbiliti l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li l-websajts tal-manifatturi għandhom isegwu, flimkien ma’ miżuri mmirati biex jiġi żgurat aċċess raġonevoli għall-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju (SMEs). Standards komuni miftehma bl-involviment ta’ kull min hu involut, bħall-format [Organizzazzjoni għall-Avvanzament ta’ Standards ta’ Informazzjoni Strutturata (OASIS)], jistgħu jiffaċilitaw l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-manifatturi u l-fornituri ta’ servizzi. Hu għalhekk xieraq li inizjalment jiġi rikjest l-użu ta’ l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-format OASIS u biex il-Kummissjoni tintalab tirrikjedi CEN/ISO [Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni/Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni] biex dan il-format ikompli jiġi żviluppat fi standard bl-intenzjoni li l-format OASIS jiġi sostitwit fiż-żmien dovut.”

4        Skont il-premessa 27 ta’ dan ir-regolament, l-għanijiet tiegħu jikkonsistu fir-“realizzazzjoni tas-suq intern permezz ta’ l-introduzzjoni ta’ rekwiżiti tekniċi komuni rigward l-emissjonijiet minn vetturi bil-mutur u l-aċċess iggarantit għall-informazzjoni dwar tiswija u manutenzjoni ta’ vetturi għal operaturi indipendenti fuq l-istess bażi bħall-bejjiegħa awtorizzati u min isewwi”.

5        L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, bit-titolu “Definizzjonijiet”, jipprevedi, fil-punti 14 u 15 tiegħu:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament u l-miżuri ta’ l-implimentazzjoni tiegħu japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

14)      ‘informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vettura’ tfisser kull informazzjoni meħtieġa għad-dijanjosi, il-manutenzjoni, l-ispezzjoni, il-monitoraġġ perjodiku, it-tiswija, l-ipprogrammar mill-ġdid jew l-inizjalizzazzjoni mill-ġdid tal-vettura u li l-manifattur jipprovdi lill-bejjiegħa awtorizzati u min isewwi, inklużi kull emendi u supplimenti li jiġu wara tali informazzjoni. Din l-informazzjoni tinkludi l-informazzjoni kollha meħtieġa biex vettura tiġi mgħammra b’partijiet jew tagħmir;

15)      ‘operatur indipendenti’ tfisser impriżi għajr bejjiegħa awtorizzati u min isewwi li huma direttament jew indirettament involuti fit-tiswija u l-manutenzjoni ta’ vetturi bil-mutur, b’mod partikolari min isewwi, manifatturi jew distributuri ta’ tagħmir tat-tiswija, għodda jew spare parts, pubblikaturi ta’ informazzjoni teknika, assoċjazzjonijiet tal-karozzi, operaturi ta’ l-assistenza fit-triq, operaturi li joffru servizzi ta’ spezzjoni u ttestjar, operaturi li joffru t-taħriġ lil min jinstalla, jimmanifattura u jsewwi t-tagħmir għal vetturi li jaħdmu bi fjuwil alternattiv”.

6        L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 715/2007, bit-titolu “Obbligi tal-manifatturi”, jipprovdi, fil-paragrafu (1) tiegħu:

“Il-manifatturi għandhom jipprovdu aċċess mingħajr restrizzjonijiet u standardizzat għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vettura lill-operaturi indipendenti permezz ta’ websajts permezz ta’ format standardizzat b’mod faċilment aċċessibbli u malajr, u b’mod li ma jkunx diskriminatorju meta pparagunat mad-dispożizzjoni mogħtija jew ma’ l-aċċess mogħti lil bejjiegħa u lil min isewwi awtorizzati. Bil-ħsieb li tiffaċilita l-kisba ta’ dan l-objettiv, l-informazzjoni għandha titressaq b’mod konsistenti, fil-bidu bi qbil mar-rekwiżiti tekniċi tal-format OASIS […]”

7        L-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament, bit-titolu “Miżuri ta’ implimentazzjoni”, jipprevedi:

“Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ l-Artikolu 6 u l-Artikolu 7, li huma mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, billi jissuplimentawh, għandhom ikunu adottati f’konformità mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 15(3). Dan għandu jinkludi d-definizzjoni u l-aġġornament ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi konnessi mal-mod ta’ kif għandha tiġi pprovduta l-informazzjoni dwar l-OBD, kif ukoll dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vettura, b’mod li tingħata attenzjoni speċjali għall-ħtiġijiet speċifiċi ta’ l- SMEs.”

 Ir-Regolament Nru 692/2008

8        Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 tat‑18 ta’ Lulju 2008 li jimplimenta u jemenda r-Regolament Nru 715/2007 (ĠU 2008, L 199, p. 1, rettifika fil-ĠU 2010, L 336, p. 68), ġie emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 566/2011 tat‑8 ta’ Ġunju 2011 (ĠU 2011, L 158, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 692/2008”), sabiex, b’mod partikolari, jiġu msaħħa l-proċeduri ta’ skambju ta’ data dwar il-komponenti tal-vetturi bejn il-manifatturi u l-operaturi indipendenti.

9        L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 692/2008, bit-titolu “L-aċċess għall-informazzjoni dwar l-OBD tal-vettura u dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vettura”, jipprovdi, fil-paragrafu (1) tiegħu:

“Il-manifatturi għandhom jistabbilixxu l-arranġamenti u l-proċeduri meħtieġa, skond l-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament [Nru 715/2007] u skond l-Anness XIV ta’ dan ir-Regolament, sabiex jiżguraw irwieħhom li l-informazzjoni dwar […] it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vettura tkun faċilment aċċessibbli.”

10      Il-punt 2.1 tal-Anness XIV tar-Regolament Nru 692/2008 huwa fformulat kif ġej:

“L-informazzjoni […] dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vettura disponibbli permezz tas-siti web għandha ssegwi l-ispeċfikazzjonijiet tekniċi tad-Dokument ta’ l-OASIS SC2-D5, Il-Format ta’ l-Informazzjoni dwar it-Tiswija tal-Karozzi […] u tat-Taqsimiet 3.2, 3.5, (eskluża 3.5.2), 3.6, 3.7 u 3.8 tad-Dokument ta’ l-OASIS SC1-D2, L-Ispeċifikazzjoni tar-Rekwiżiti għat-Tiswija tal-Karozzi […], fejn jintużaw biss formats miftuħa tat-test u grafiċi jew formats li jistgħu jinqraw u jiġu stampati biss billi jintużaw plug-ins ta’ softwer standard li jkunu disponibbli b’mod ħieles, faċli biex jiġu installati, u li jaħdmu f’sistemi operattivi tal-kompjuter li jintużaw komunement. […] Dawk li jeħtieġu d-dritt li jidduplikaw jew jippubblikaw mill-ġdid l-informazzjoni għandhom jinnegozjaw direttament mal-manifattur ikkonċernat. […]

L-informazzjoni dwar il-partijiet kollha tal-vettura, li biha l-vettura, kif identifikata min-numru ta’ identifikazzjoni tal-vettura (VIN) u kull kriterju addizzjonali bħall-bażi tar-rota, l-output tal-magna, il-livell jew opzjonijiet tat-trim, hija mgħammra mill-manifattur tal-vettura u li jistgħu jiġu sostitwiti minn partijiet sostituti offruti mill-manifattur tal-vettura lis-sewwejja jew bejjiegħa awtorizzati tiegħu jew partijiet terzi permezz ta’ referenza għan-numru tal-partijiet tat-tagħmir oriġinali (OE), għandha tkun disponibbli f’bażi ta’ dejta li tkun faċilment aċċessibbli għal operaturi indipendenti.

Din il-bażi ta’ dejta għandha tinkludi l-VIN, in-numri tal-partijiet OE, l-attributi tal-validità (id-dati validu minn u validu sa), l-attributi tal-immuntar u fejn applikabbli l-karatteristiki tal-istrutturar.

L-informazzjoni fuq il-bażi ta’ dejta għandha tiġi aġġornata regolarment. L-aġġornamenti għandhom jinkludu b’mod partikolari l-modifiki kollha lill-vetturi individwali wara l-produzzjoni tagħhom jekk din l-informazzjoni tkun disponibbli għall-bejjiegħa awtorizzati.”

 Ir-Regolament Nru 566/2011

11      Il-premessa 12 tar-Regolament Nru 566/2011 hija fformulata kif ġej:

“Sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni effettiva fis-suq għal servizzi ta’ informazzjoni dwar tiswija u manutenzjoni tal-vetturi, u sabiex jiġi kkjarfikat li l-informazzjoni kkonċernata tkopri wkoll l-informazzjoni li jeħtieġ li tiġi pprovduta lil operaturi indipendenti oħra minbarra s-sewwejja, sabiex ikun żgurat li s-suq indipendenti tat-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi inġenerali jkun jista’ jikkompeti ma’ bejjiegħa awtorizzati, irrispettivament minn jekk il-manifattur tal-vettura jagħtix tali informazzjoni lill-bejjiegħa u s-sewwejja awtorizzati direttament, huma meħtieġa kjarifikazzjonijiet ulterjuri fir-rigward tad-dettalji tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta skont ir-Regolament [Nru 715/2007].”

 Id-dritt Ġermaniż

12      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Gesamtverband tallega ksur ta’ ċertu dispożizzjonijiet tal-Gesetz gegen den unlauteren Wettbewerb (il-Liġi Kontra l-Kompetizzjoni Żleali), kemm fil-verżjoni tagħha fis-seħħ sal‑10 ta’ Diċembru 2015 (iktar ’il quddiem il-“verżjoni preċedenti tal-UWG”), kif ukoll f’dik fis-seħħ minn wara din id-data (iktar ’il quddiem il-“verżjoni l-ġdida tal-UWG”).

13      L-Artikolu 4(11) tal-verżjoni preċedenti tal-UWG kien jipprovdi:

“Persuna għandha titqies bħala li twettaq att ta’ kompetizzjoni żleali, b’mod partikolari, meta hija

[…]

11.      tikser dispożizzjoni legali li, fost oħrajn, hija intiża li tirregola l-aġir fis-suq fl-interess tal-operaturi tas-suq”.

14      Din id-dispożizzjoni ġiet issostitwita, fil-verżjoni l-ġdida tal-UWG, bl-Artikolu 3a tiegħu, li jipprevedi:

“Persuna għandha titqies bħala li twettaq att żleali meta hija tikser dispożizzjoni legali intiża, b’mod partikolari, li tirregola l-aġir fis-suq fl-interess tal-parteċipanti tiegħu u dan il-ksur jista’ jaffettwa b’mod sinjifikattiv l-interessi tal-konsumaturi, tal-parteċipanti l-oħra tas-suq jew tal-kompetituri.”

15      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(1) tal-UWG, kemm fil-verżjoni preċedenti kif ukoll fil-verżjoni l-ġdida, tippermetti li titressaq azzjoni għall-finijiet ta’ waqfien immedjat (eliminazzjoni) u, fil-każ ta’ riskju ta’ reċidiva, għall-finijiet ta’ waqfien fir-rigward tal-futur (astensjoni) kontra kull persuna li tkun wettqet att kummerċjali illegali, fis-sens tal-Artikoli 3 u 7 ta’ din il-liġi. Skont l-Artikolu 3(1) tal-verżjoni preċedenti tal-UWG, l-atti ta’ kompetizzjoni żleali huma illegali meta dawn jistgħu jaffettwaw b’mod sinjifikattiv l-interessi tal-kompetituri, tal-konsumaturi jew ta’ operaturi oħra tas-suq. Skont l-Artikolu 3(1) tal-verżjoni l-ġdid tal-UWG, l-atti ta’ kompetizzjoni żleali huma illegali.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16      Il-Gesamtverband kif ukoll l-operaturi indipendenti li huma membri tagħha għandhom, fir-rigward tal-vetturi kkummerċjalizzati minn KIA, aċċess permezz ta’ qari biss għal database li fuqha hija maħżuna l-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni ta’ dawn il-vetturi, fis-sens tal-Artikolu 3(14) tar-Regolament Nru 715/2007.

17      Il-Gesamtverband talbet lil KIA tipprovdi, kemm lilha kif ukoll lill-membri tagħha, l-informazzjoni tad-database f’format li jippermetti li din tiġi pproċessata elettronikament.

18      Sussegwentement hija adixxiet lil-Landgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja) sabiex din tordna lil KIA tqiegħed għad-dispożizzjoni tagħha, kif ukoll għad-dispożizzjoni tal-membri tagħha, din l-informazzjoni fil-format mitlub. Din il-qorti kkundannat lil KIA skont it-talbiet tal-Gesamtverband. L-Oberlandesgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja), adita minn KIA b’appell mis-sentenza tal-ewwel istanza, qieset li l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 715/2007 ma jimponix lil KIA tagħti lill-Gesamtverband u lill-membri tagħha aċċess għal din l-informazzjoni f’format li jippermetti li l-informazzjoni tiġi pproċessata elettronikament. Hija ddeċidiet li kellu jiġi żgurat biss, fir-rigward tal-operaturi indipendenti, l-aċċess għal din l-informazzjoni permezz ta’ qari biss, peress li din il-forma ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni bejn dawn l-operaturi, minn naħa, u l-konċessjonarji u l-mekkaniks kuntrattwalment marbuta ma’ KIA, min-naħa l-oħra. Il-Gesamtverband ippreżentat appell għal reviżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), kontra s-sentenza ta’ appell.

19      Il-qorti tar-rinviju tqis li l-eżitu tal-kawża pendenti quddiemha jiddependi mir-risposta għad-domanda dwar jekk il-mod li bih KIA għażlet li tqiegħed l-informazzjoni inkwistjoni għad-dispożizzjoni tal-operaturi indipendenti huwiex konformi mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 715/2007 jew jekk, għall-kuntrarju, din id-dispożizzjoni teħtieġx li tali informazzjoni tkun disponibbli f’format li jista’ jiġi pproċessat elettronikament.

20      Skont il-qorti tar-rinviju, anki jekk aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi f’format li jippermetti li din tiġi pproċessata elettronikament mill-operaturi indipendenti jista’ jkollu effett pożittiv fuq il-funzjonament tas-suq intern u jippromwovi kompetizzjoni effettiva fis-suq tas-servizzi tal-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi, obbligu ta’ tqegħid ta’ din l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-operaturi indipendenti f’format li jista’ jiġi pproċessat elettronikament ma jidhirx li jirriżulta mill-kliem tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 715/2007 u lanqas mir-riferiment għall-format OASIS imsemmi f’din id-dispożizzjoni. Il-qorti tar-rinviju tindika wkoll li, fid-dawl tal-kliem tal-ewwel u tar-raba’ sentenzi tal-ewwel subparagrafu tal-punt 2.1 kif ukoll tat-tieni subparagrafu tal-punt 2.1 tal-Anness XIV tar-Regolament Nru 692/2008 u tal-oriġini ta’ dan il-punt 2.1, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 715/2007 tista’ tiġi interpretata fis-sens li l-manifattur ma huwiex obbligat iqiegħed għad-dispożizzjoni l-informazzjoni inkwistjoni f’format li jista’ jiġi pproċessat elettronikament. Tali interpretazzjoni hija, barra minn hekk, ikkorroborata mill-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipprevedi, fir-regolament qafas il-ġdid ta’ approvazzjoni permezz tat-tip, obbligu li l-informazzjoni inkwistjoni titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-operaturi indipendenti f’format li jista’ jinqara permezz tal-kompjuter u li jista’ jiġi pproċessat elettronikament.

21      Il-qorti tar-rinviju żżid li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha wkoll tippreċiża l-portata tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni prevista fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 715/2007, f’sitwazzjoni bħal din inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha manifattur ta’ vetturi bil-mutur fetaħ, għall-benefiċċju ta’ konċessjonarji u ta’ mekkaniks awtorizzati, kanal ta’ informazzjoni ieħor għall-bejgħ ta’ partijiet ta’ bdil oriġinali, billi rrikorra għal fornitur ta’ servizzi ta’ informazzjoni.

22      Fir-rigward tal-kanali ta’ informazzjoni li għalihom għandhom aċċess il-mekkaniks indipendenti, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li KIA tqiegħed il-katalogu ta’ partijiet oriġinali tagħha għad-dispożizzjoni tal-impriża LexCom, li tippermetti lill-mekkaniks indipendenti jfittxu, fuq il-portal internet “partslink24” ta’ din l-impriża, partijiet oriġinali ta’ bdil ta’ KIA permezz tal-VIN tal-vetturi. Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-Gesamtverband ma sostnietx li l-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi inkluża fil-kanali ta’ informazzjoni li għalihom il-konċessjonarji u l-mekkaniks marbuta kuntrattwalment ma’ KIA kellhom aċċess kienet iktar kompluta jew ta’ kwalità aħjar minn dik li l-operaturi indipendenti setgħu jaċċedu għaliha permezz tal-portal internet ta’ KIA.

23      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-informazzjoni li l-manifatturi għandhom jipprovdu lil operaturi indipendenti skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 għandha tkun f’format li jista’ jiġi pproċessat elettronikament?

2)      Ikun hemm diskriminazzjoni pprojbita fil-konfront ta’ operaturi indipendenti, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 715/2007, meta manifattur jiftaħ kanal ta’ informazzjoni ieħor għall-bejgħ ta’ partijiet ta’ bdil oriġinali minn konċessjonarji u mekkaniks awtorizzati billi jirrikorri għal fornitur ta’ servizzi ta’ informazzjoni?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

24      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 715/2007 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-manifatturi tal-vetturi bil-mutur għandhom jipprovdu lill-operaturi indipendenti aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi f’format li jista’ jiġi pproċessat elettronikament.

25      Għandu jitfakkar li, skont din id-dispożizzjoni, il-manifatturi għandhom jipprovdu aċċess mingħajr restrizzjonijiet u f’format standardizzat għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi lill-operaturi indipendenti permezz ta’ siti internet, b’mod faċilment aċċessibbli u malajr, u li ma jkunx diskriminatorju meta mqabbel mal-kontenut ipprovdut u mal-aċċess mogħti lill-konċessjonarji u lill-mekkaniks awtorizzati.

26      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-kliem tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 715/2007 ma jippermettix, waħdu, li tingħata risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, peress li, qabel kollox, dan sempliċement jindika li l-format li fih għandu jsir it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ din l-informazzjoni għandu jkun standardizzat, fejn din il-preċiżazzjoni ma tippermettix li jiġi ddeterminat jekk l-imsemmija informazzjoni għandhiex titqiegħed għad-dispożizzjoni permezz ta’ qari biss jew f’format li jista’ jiġi pproċessat elettronikament.

27      Fil-fatt, kemm mill-premessa 8 u mit-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 715/2007 kif ukoll mill-ewwel subparagrafu tal-punt 2.1 tal-Anness XIV tar-Regolament Nru 692/2008 jirriżulta li n-natura standardizzata tal-format għandha tinftiehem fis-sens li l-informazzjoni kkonċernata għandha tkun konformi mar-rekwiżiti tekniċi tal-format OASIS b’mod li jkun possibbli li tinsab l-informazzjoni teknika rilevanti u li jiġi ffaċilitat l-iskambju ta’ informazzjoni. Issa, minn din ir-regola ma jirriżultax li din timponi lill-manifatturi jipprovdu aċċess għall-informazzjoni inkwistjoni f’format li jista’ jiġi pproċessat elettronikament, u dan inqas u inqas peress li kemm format f’qari biss kif ukoll format li jista’ jiġi pproċessat elettronikament jippermettu li tinsab l-informazzjoni teknika mixtieqa filwaqt li jiffaċilitaw l-iskambju.

28      Sussegwentement, għalkemm skont il-kliem tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 715/2007, il-manifatturi għandhom l-obbligu li jipprovdu “aċċess mingħajr restrizzjonijiet” għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi, it-tqegħid għad-dispożizzjoni tagħha permezz ta’ qari biss ma jistax jitqies, kuntrarjament għal dak li sostnew il-Gesamtverband u l-Kummissjoni, bħala restrizzjoni għall-aċċess għal din l-informazzjoni. Fil-fatt, peress li din id-dispożizzjoni tagħmel distinzjoni bejn, minn naħa, l-aċċess li għandu jingħata, li għandu jkun “mingħajr restrizzjonijiet”, u, min-naħa l-oħra, il-format li fih dan għandu jingħata, l-assenza ta’ restrizzjonijiet tirreferi għall-kontenut stess tal-informazzjoni li għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-operaturi indipendenti u mhux għall-modalitajiet ta’ dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni.

29      Fl-aħħar nett, il-fatt li, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 715/2007, l-informazzjoni inkwistjoni għandha tkun faċilment aċċessibbli u aċċessibbli malajr ma jfissirx li din għandha tkun aċċessibbli f’format li jista’ jiġi pproċessat elettronikament. L-istess konstatazzjoni tapplika fir-rigward tar-rekwiżit, li jirriżulta mit-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 715/2007, li tipprovdi li l-informazzjoni għandha tiġi ppreżentata b’mod konsistenti, fejn dan il-għan huwa wkoll żgurat min-natura standardizzata tal-format.

30      Madankollu mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li hemm lok, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li hija tifforma parti minnha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-oriġini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni wkoll jista’ jkollha elementi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha (sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et, C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

31      F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-kuntest li taħtu taqa’ l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 715/2007, hemm lok li jitfakkar li, l-ewwel nett, l-ewwel subparagrafu tal-punt 2.1 tal-Anness XIV tar-Regolament Nru 692/2008 jipprevedi li l-operatur indipendenti, li jkun jixtieq “jidduplik[a] jew jippubblik[a] mill-ġdid” l-informazzjoni inkwistjoni, għandu jinnegozja direttament mal-manifattur ikkonċernat. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-Kummissjoni, li lilha l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 715/2007 jafda r-responsabbiltà li tadotta l-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, tidher li hija stess ibbażat ruħha fuq il-premessa li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 715/2007 teħtieġ biss aċċess għall-informazzjoni inkwistjoni permezz tal-qari biss ta’ din tal-aħħar.

32      It-tieni nett, it-tieni subparagrafu tal-punt 2.1 tal-Anness XIV tar-Regolament Nru 692/2008 jipprevedi li l-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi għandha tkun disponibbli “f’bażi ta’ dejta”, mingħajr madankollu ma jippreċiża li l-aċċess għal din l-informazzjoni għandu jkun f’format li jista’ jiġi pproċessat elettronikament. Minn dan isegwi li l-uniku obbligu li din id-dispożizzjoni timponi fuq il-manifattur huwa li joħloq database. Għalhekk, il-modalitajiet li permezz tagħhom l-operaturi indipendenti jistgħu jsiru jafu dwar l-informazzjoni li tkun tinsab f’tali database, jiġifieri l-fatt li huma jkollhom biss aċċess permezz ta’ qari biss għal din l-informazzjoni jew li din tista’ tingħatalhom f’format li jista’ jiġi pproċessat elettronikament, ma humiex irregolati minn dan il-punt 2.1.

33      Barra minn hekk, huwa paċifiku li, matul ir-redazzjoni tar-Regolament Nru 566/2011, il-Kummissjoni pprevediet li temenda l-punt 2.1 tal-Anness XIV tar-Regolament Nru 692/2008 sabiex jiġi impost l-aċċess għall-informazzjoni inkwistjoni, jew tal-inqas għal ftit minnha, f’format li jippermetti li din tiġi pproċessata elettronikament. Issa, din il-proposta tal-Kummissjoni ma ġietx riprodotta fil-verżjoni finali tar-Regolament Nru 566/2011. Peress li, skont il-premessa 12 tar-Regolament Nru 566/2011, il-Kummissjoni indikat li “[kienu] meħtieġa kjarifikazzjonijiet ulterjuri fir-rigward tad-dettalji tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta skont ir-Regolament [Nru 715/2007]”, isegwi li l-Kummissjoni qieset, f’din id-data, li, minn naħa, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 715/2007 ma kinitx teżiġi t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-informazzjoni inkwistjoni f’format li jista’ jiġi pproċessat elettronikament u, min-naħa l-oħra, li ma kienx hemm lok li jiġi introdott tali obbligu permezz tar-Regolament Nru 566/2011.

34      Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tal-Gesamtverband li r-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2018 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009 u li jħassar id-Direttiva 2007/46/KE (ĠU 2018, L 151, p. 1), applikabbli, skont l-Artikolu 91 tiegħu, mill‑1 ta’ Settembru 2020, huwa rilevanti għall-interpretazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 715/2007, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li kien biss matul il-proċedura leġiżlattiva relatata mar-Regolament 2018/858 li l-obbligu li l-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-operaturi indipendenti f’format li jista’ jiġi pproċessat elettronikament, li issa huwa inkluż fl-Artikolu 61 (1) tiegħu, kien ġie introdott. Minn dan jirriżulta li tali obbligu ma jistax jitqies bħala li diġà kien ġie stabbilit mir-Regolament Nru 715/2007.

35      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 715/2007, mill-premessi 8 u 27 tiegħu jirriżulta li dan huwa intiż, billi jiggarantixxi, b’mod partikolari, aċċess mingħajr restrizzjonijiet għall-informazzjoni inkwistjoni, li jwettaq u li jtejjeb il-funzjonament tas-suq intern b’mod li tiġi żgurata kompetizzjoni effettiva kemm fis-suq tas-servizzi ta’ tiswija u ta’ manutenzjoni tal-vetturi kif ukoll fis-suq tas-servizzi tal-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi. Dan l-għan jirriżulta wkoll, essenzjalment, mill-premessa 12 tar-Regolament Nru 566/2011.

36      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk il-fatt li jingħata aċċess għall-informazzjoni inkwistjoni b’mod li jippermetti l-ipproċessar elettroniku ta’ din l-informazzjoni jiffaċilita l-użu tagħha minn dawn l-operaturi u, għaldaqstant, jikkontribwixxi sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni effettiva f’kull wieħed minn dawn is-swieq kif ukoll għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern, xejn ma jindika li dawn l-għanijiet jistgħu jintlaħqu biss billi l-manifatturi tal-vetturi bil-mutur ikunu obbligati jipprovdu aċċess għall-informazzjoni inkwistjoni f’tali format.

37      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 715/2007 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma timponix lill-manifatturi tal-vetturi bil-mutur jipprovdu lill-operaturi indipendenti aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi f’format li jista’ jiġi pproċessat elettronikament.

 Fuq it-tieni domanda

38      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 715/2007 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-fatt, għal manifattur ta’ vetturi bil-mutur, li jiftaħ, favur konċessjonarji u mekkaniks awtorizzati, kanal ta’ informazzjoni ieħor għall-bejgħ ta’ partijiet ta’ bdil oriġinali billi jirrikorri għal fornitur ta’ servizzi ta’ informazzjoni jikkostitwixxi aċċess diskriminatorju tal-operaturi indipendenti meta mqabbel ma’ dak li jibbenefikaw minnu l-konċessjonarji u l-mekkaniks awtorizzati fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

39      F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 715/2007 jirriżulta li l-aċċess għall-informazzjoni inkwistjoni, li jingħata lill-operaturi indipendenti, ma għandux ikun diskriminatorju meta mqabbel mal-aċċess mogħti lill-konċessjonarji u lill-mekkaniks awtorizzati, fis-sens li dawn tal-aħħar ma għandhomx jitqiegħdu f’pożizzjoni iktar vantaġġuża f’dak li jirrigwarda kemm il-kontenut tal-informazzjoni mqegħda għad-dispożizzjoni kif ukoll il-modalitajiet tal-aċċess tagħha.

40      Fil-kawża prinċipali, il-Gesamtverband issostni li l-mekkaniks indipendenti li jagħmlu riċerka fuq is-sit internet “partslink24” tal-impriża LexCom jistgħu jsibu biss, fir-rigward tal-partijiet ta’ bdil li għandhom jintużaw għal vetturi tad-ditta KIA, partijiet ta’ bdil oriġinali tal-konċessjonarji uffiċjali ta’ KIA, fatt li jista’ jikkostitwixxi vantaġġ għal dawn tal-aħħar. Madankollu, din ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 715/2007, li tirreferi biss għall-aċċess għall-informazzjoni inkwistjoni mogħtija, minn naħa, lill-operaturi indipendenti u, min-naħa l-oħra, lill-konċessjonarji u lill-mekkaniks uffiċjali. Issa, mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-Gesamtverband ma sostnietx li l-konċessjonarji u l-mekkaniks marbuta kuntrattwalment ma’ KIA għandhom aċċess, permezz tal-portal internet ta’ LexCom, għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni ta’ vetturi li hija iktar kompluta jew ta’ kwalità aħjar minn dik li l-operaturi indipendenti jistgħu jaċċedu għaliha permezz tal-portal internet ta’ KIA.

41      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 715/2007 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-fatt, għal manifattur tal-vetturi bil-mutur, li jiftaħ, favur konċessjonarji u mekkaniks awtorizzati, kanal ta’ informazzjoni ieħor għall-bejgħ ta’ partijiet ta’ bdil oriġinali minn konċessjonarji u mekkaniks awtorizzati billi jirrikorri għal fornitur ta’ servizzi ta’ informazzjoni ma jikkostitwixxix aċċess tal-operaturi indipendenti li huwa diskriminatorju meta mqabbel ma’ dak li jibbenefikaw minnu l-konċessjonarji u l-mekkaniks uffiċjali, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, peress li l-operaturi indipendenti għandhom barra minn hekk aċċess nondiskriminatorju għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi fir-rigward tal-kontenut ipprovdut u tal-aċċess mogħti lill-konċessjonarji u lill-mekkaniks awtorizzati.

 Fuq l-ispejjeż

42      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward ta’ l-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma timponix lill-manifatturi tal-vetturi bil-mutur jipprovdu lill-operaturi indipendenti aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi f’format li jista’ jiġi pproċessat elettronikament.

2)      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 715/2007 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-fatt, għal manifattur tal-vetturi bil-mutur, li jiftaħ, favur konċessjonarji u mekkaniks awtorizzati, kanal ta’ informazzjoni ieħor għall-bejgħ ta’ partijiet ta’ bdil oriġinali minn konċessjonarji u mekkaniks awtorizzati billi jirrikorri għal fornitur ta’ servizzi ta’ informazzjoni ma jikkostitwixxix aċċess tal-operaturi indipendenti li huwa diskriminatorju meta mqabbel ma’ dak li jibbenefikaw minnu l-konċessjonarji u l-mekkaniks uffiċjali, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, peress li l-operaturi indipendenti għandhom barra minn hekk aċċess nondiskriminatorju għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi fir-rigward tal-kontenut ipprovdut u tal-aċċess mogħti lill-konċessjonarji u lill-mekkaniks awtorizzati.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.