Language of document : ECLI:EU:C:2022:587

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fl‑14 ta’ Lulju 2022 (1)

Kawża C354/21

R.J.R.

fil-preżenza ta’

Registrų centras

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (UE) Nru 650/2012 – Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni – Effetti taċ-ċertifikat – Limiti – Iskrizzjoni ta’ proprjetà tas-suċċessjoni fil-katast – Rifjut”






I.      Introduzzjoni

1.        Mara tgħix fil-Ġermanja, l-istess bħal binha. Hija tmut, u tħalli lil binha bħala l-uniku eredi. Hija kellha proprjetajiet immobbli fil-Ġermanja u fil-Litwanja. Binha jikseb ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni mill-awtoritajiet Ġermaniżi, li jispeċifika li huwa l-uniku eredi għall-patrimonju kollu tal-mejta. Huwa jippreżenta dan iċ-ċertifikat lill-awtoritajiet Litwani fejn jitlob li proprjetà immobbli tiġi iskritta fil-katast. Dawn jirrifjutaw li jilqgħu din it-talba minħabba li l-imsemmi ċertifikat huwa inkomplet.

2.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tqajjem għaldaqstant il-kwistjoni delikata tad-delimitazzjoni tal-kampi ta’ applikazzjoni rispettivi tal-lex successionis u tal-lex registrii u, b’mod iktar konkret, tat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-awtorità emittenti ta’ ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni u l-awtorità responsabbli mill-katast, li tinsab fi Stat Membru ieħor.

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni

1.      IrRegolament (UE) Nru 650/2012

3.        L-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 (2), intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

“1.      Dan ir-Regolament għandu japplika għas-suċċessjoni għall-patrimonji tad-deċeduti. Ma japplikax għall-materji fiskali, doganali u amministrattivi.

2.      Dawn li ġejjin huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament:

[…]

k)      in-natura tad-drittijiet in rem; u

l)      kwalunkwe reġistrar f’reġistru ta’ drittijiet fi proprjetà immobbli jew mobbli, inklużi r-rekwiżiti legali għal tali reġistrar, u l-effetti ta’ reġistrar jew in-nuqqas ta’ reġistrar ta’ dawn id-drittijiet f’reġistru”.

4.        Il-Kapitolu VI ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni”, fih l-Artikoli 62 sa 73 ta’ dan.

5.        L-Artikolu 62 tal-imsemmi regolament, intitolat “Ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni” jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

“1.      Dan ir-Regolament joħloq Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (minn hawn ’il quddiem ‘iċ-Ċertifikat’) li għandu jinħareġ għall-użu fi Stat Membru ieħor u għandu jipproduċi l-effetti elenkati fl-Artikolu 69.

[…]

3.      Iċ-Ċertifikat ma għandux jieħu l-post tad-dokumenti interni li jintużaw għal finijiet simili fl-Istati Membri. Madankollu, ladarba jinħareġ għall-użu fi Stat Membru ieħor, iċ-Ċertifikat għandu jipproduċi l-effetti elenkati fl-Artikolu 69 fl-Istat Membru li l-awtoritajiet tiegħu jkunu ħarġuh f’konformità ma’ dan il-Kapitolu”.

6.        L-Artikolu 63 tal-istess regolament, intitolat “Fini taċ-Ċertifikat”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      Iċ-Ċertifikat hu għall-użu minn werrieta […] li, fi Stat Membru ieħor, jkunu jeħtieġu jinvokaw l-istatus tagħhom jew li jeżerċitaw rispettivament id-drittijiet tagħhom bħala werrieta […].

2.      Iċ-Ċertifikat jista’ jintuża, b’mod partikolari, biex jiġi muri wieħed jew iżjed minn dawn li ġejjin:

[…]

b)      l-attribuzzjoni ta’ ass speċifiku jew assi speċifiċi li jagħmlu parti mill-patrimonju għall-werriet(a), jew skont il-każ, għal-legatarju/i msemmi(ja) fiċ-Ċertifikat;

[…]”

7.        L-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 650/2012, intitolat “Ħruġ taċ-Ċertifikat”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-awtorità emittenti għandha toħroġ iċ-Ċertifikat mingħajr dewmien f’konformità mal-proċedura stabbilita f’dan il-Kapitolu meta l-elementi li għandhom jiġu ċċertifikati jkunu ġew stabbiliti skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni jew skont kwalunkwe liġi oħra applikabbli għal elementi speċifiċi. Hija għandha tuża l-formola stabbilita skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 81(2)”.

8.        L-Artikolu 68 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kontenut taċ-Ċertifikat”, jipprovdi li:

“Iċ-Ċertifikat għandu jkun fih l-informazzjoni li ġejja sa fejn meħtieġ għall-fini li għalih jinħareġ:

[…]

l)      is-sehem ta’ kull eredi u, jekk applikabbli, il-lista ta’ drittijiet u/jew assi għal kwalunkwe werriet partikolari;

[…]”

9.        L-Artikolu 69 tal-imsemmi regolament, intitolat “Effetti taċ-Ċertifikat”, jipprovdi li:

“1      Iċ-Ċertifikat għandu jipproduċi l-effetti tiegħu fl-Istati Membri kollha mingħajr il-ħtiega ta’ xi proċedura speċjali.

2.      Għandu jkun preżunt li ċ-Ċertifikat juri b’mod preċiż elementi li jkunu ġew stabbiliti skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni jew skont kwalunkwe liġi oħra applikabbli għal elementi speċifiċi. Il-persuna msemmija fiċ-Ċertifikat bħala l-werrieta, […] għandha titqies li għandha l-istatus imsemmi fiċ-Ċertifikat u/jew li għandha d-drittijiet jew is-setgħat imsemmijin fiċ-Ċertifikat bl-ebda kondizzjoni u/jew restrizzjoni marbuta ma’ dawk id-drittijiet jew setgħat ħlief minn dawk iddikjarati fiċ-Ċertifikat.

[…]

5.      Iċ-Ċertifikat għandu jikkostitwixxi dokument validu għar-reġistrazzjoni ta’ proprjetà tas-suċċessjoni fir-reġistru rilevanti ta’ Stat Membru, mingħajr preġudizzju għall-punti (k) u (l) tal-Artikolu 1(2)”.

2.      IrRegolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1329/2014

10.      L-Artikolu 1(5) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1329/2014 (3) jistipula:

“Il-formola li trid tintuża għaċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni msemmi fl-Artikolu 67(1) tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 tkun kif stabbilit fl-Anness 5 bħala l-Formola V [iktar ’il quddiem il-“Formola V]”.

11.      Il-Formola V tindika lista ta’ annessi, li fosthom hemm l-Anness IV, intitolat “Status u drittijiet tal-werriet(a) (OBBLIGATORJU jekk l-iskop taċ-ċertifikat huwa li jiċċertifika dawk l-elementi).

12.      Il-punt 9 ta’ dan l-Anness IV huwa intiż li jidentifika l-“[a]ss(i) attribwit(i) lill-werriet u li ntalbet ċertifikazzjoni għalih(om)”. Jintalab ukoll li jiġu speċifikati l-ass jew l-assi u li jiġu indikati d-dettalji ta’ identifikazzjoni rilevanti kollha. Barra minn hekk, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 13 dwar dan il-punt hija fformulata bil-mod kif ġej: “F’każ ta’ ass irreġistrat, jekk jogħġbok indika l-informazzjoni meħtieġa skont il-liġi tal-Istat Membru fejn jinżamm ir-reġistru sabiex tkun tista’ ssir l-identifikazzjoni tal-ass (eż. għal proprjetà immobbli, l-indirizz eżatt tal-proprjetà, ir-reġistru tal-art, il-ħabel art [in-numru tal-plott] jew in-numru katastali, id-deskrizzjoni tal-proprjetà (jekk ikun meħtieġ ehmeż id-dokumenti rilevanti)”.

B.      Iddritt Litwan

13.      Il-Lietuvos Respublikos nekilnojamojo turto registro įstatymas (il-Liġi tar-Repubblika tal-Litwanja dwar il-Katast) kif emendata mil-Liġi Nru XII-1833 tat‑23 ta’ Ġunju 2015 (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Katast”), tipprovdi, fl-Artikolu 5(2) tagħha, li l-organu li jżomm il-katast huwa responsabbli, skont din il-liġi, għall-eżattezza u l-protezzjoni tad-data miġbura fil-katast. Dan l-organu huwa responsabbli biss biex jiżgura li d-data iskritta fil-katast tkun konformi mad-dokumenti li fuq il-bażi tagħhom tkun saret l-iskrizzjoni fir-reġistru.

14.      L-Artikolu 22 tal-imsemmija liġi jirregola l-bażijiet legali għall-iskrizzjoni fil-katast ta’ drittijiet reali fuq proprjetà immobbli, ta’ limitazzjonijiet fuq tali drittijiet u ta’ fatti legali. Din id-dispożizzjoni telenka d-dokumenti li jattestaw il-ħolqien ta’ drittijiet reali fuq proprjetà immobbli jew ta’ fatti ġuridiċi, li fuq il-bażi tagħhom dawn id-drittijiet, il-limitazzjonijiet tagħhom jew dawn il-fatti ġuridiċi jiġu iskritti fil-katast, fejn telanka, inter alia, fil-punt 1, id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi, fil-punt 2, is-sentenzi, deċiżjonijiet, digrieti u deċiżjonijiet tal-qrati u, fil-punt 5, iċ-ċertifikati ta’ suċċessjoni.

15.      L-Artikolu 23 ta’ din l-istess liġi, li jiddefinixxi l-modalitajiet tal-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-iskrizzjoni ta’ drittijiet reali fuq proprjetà immobbli, tal-limitazzjonijiet ta’ tali drittijiet u ta’ fatti ġuridiċi, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu, li l-applikazzjoni għandha tkun akkumpanjata b’dokumenti li jattestaw il-ħolqien tad-dritt reali, il-limitazzjoni fuq dan id-dritt jew il-fatt ġuridiku li l-iskrizzjoni tiegħu tkun qiegħda tintalab. L-Artikolu 23(3) tal-Liġi dwar il-Katast jippreċiża li d-dokumenti li fuq il-bażi tagħhom huma ċċertifikati, jinħolqu, jintemmu, jiġu ttrasferiti jew limitati d-drittijiet reali fuq proprjetà immobbli, il-limitazzjonijiet fuq tali drittijiet kif ukoll il-fatti ġuridiċi, għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti legali u jkun fihom l-informazzjoni neċessarja għall-iskrizzjoni fil-katast. Skont l-Artikolu 23(4) ta’ din il-liġi, id-dokumenti li fuq il-bażi tagħhom tintalab l-iskrizzjoni fir-reġistru għandhom ikunu leġibbli u jinkludu l-kunjomijiet u l-ismijiet sħaħ, denominazzjonijiet, indirizzi, numri ta’ identifikazzjoni tal-persuni kkonċernati mill-iskrizzjoni fir-reġistru kif ukoll in-numru uniku tal-immobbli kkonċernat, attribwit skont il-Lietuvos Respublikos nekilnojamojo turto kadastro nuostatai (l-Istatut tal-Katast tal-Proprjetà Immobbli tar-Repubblika tal-Litwanja).

16.      Skont l-Artikolu 29 tal-imsemmija liġi, l-organu li jżomm il-katast għandu jirrifjuta li jiskrivi fir-reġistru tad-drittijiet reali fuq proprjetà immobbli, limitazzjonijiet fuq tali drittijiet u fatti ġuridiċi, jekk huwa jikkonstata matul l-eżami tal-applikazzjoni għall-iskrizzjoni li d-dokument ippreżentat insostenn ta’ din l-applikazzjoni ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ din l-istess liġi, jew li, l-applikazzjoni jew id-dokument ipprovdut lil dan l-organi ma fihx l-informazzjoni msemmija min-Nekilnojamojo turto registro nuostatai (l-Istatut tal-Katast) (4), meħtieġa biex tiġi identifikata l-proprjetà immobbli jew l-akkwirenti tad-dritt reali fuq il-proprjetà immobbli.

17.      L-Istatut tal-Katast jindika, fil-punt 14.2.2 tiegħu, li l-informazzjoni li tidentifika l-proprjetà immobbli huma 1) il-lokalità katastali, it-taqsima katastali, in-numru katastali tal-plott; 2) in-numru uniku (numru ta’ identifikazzjoni) tal-plott; 3) in-numru uniku (numru ta’ identifikazzjoni) tal-binja, u 4) in-numru uniku (numru ta’ identifikazzjoni) tal-appartament jew tal-post.

III. Ilkawża prinċipali, iddomanda preliminari u lproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

18.      Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali huwa ċittadin li għandu n-nazzjonalità Litwana u dik Ġermaniża u li jirrisjedi fil-Ġermanja.

19.      Fis‑6 ta’ Diċembru 2015, mietet omm ir-rikorrent fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“decuius”), li r-residenza abitwali tagħha kienet tinsab fil-Ġermanja. Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, l-uniku werriet, aċċetta mingħajr riżervi s-suċċessjoni tad-decuius fil-Ġermanja. Huwa adixxa lill-Qorti Ġermaniża kompetenti sabiex jikseb ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni, peress li s-suċċessjoni kien fiha proprjetajiet mhux biss fil-Ġermanja imma wkoll fil-Litwanja.

20.      Fl‑24 ta’ Settembru 2018, l-Amtsgericht Bad Urach (il-Qorti Distrettwali ta’ Bad Urach, il-Ġermanja) bagħtet lir-rikorrent fil-kawża prinċipali ċ-ċertifikat tal-wirt Nru 1 VI 174/18 (iktar ’il quddiem iċ-“ċertifikat tal-wirt”), li fih kien hemm indikat li G. R., li kien miet fl‑10 ta’ Mejju 2014, kien ħalla l-patrimonju tiegħu lid-decuius, l-unika werrieta tiegħu.

21.      Din l-istess qorti ħarġet, fl-istess ġurnata, ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni Nru 1 VI 175/18 (iktar ’il quddiem iċ-“Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni”), li fih kien hemm indikat li d-decuius kienet ħalliet il-patrimonju tagħha lir-rikorrent fil-kawża prinċipali, li kien l-uniku werriet tagħha u kien aċċetta s-suċċessjoni mingħajr riżerva.

22.      Fil‑15 ta’ Marzu 2019, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta talba quddiem ir-Registrų centras (iċ-Ċentru tar-Reġistri), l-organu Statali responsabbli, b’mod partikolari, li jżomm ir-reġistru tal-artijiet u l-katast fil-Litwanja, sabiex jiġi iskritt fir-reġistru d-dritt ta’ proprjetà tiegħu fuq il-proprjetajiet immobbli li kienu jappartjenu lid-decuius fil-Litwanja. Insostenn tat-talba tiegħu, huwa ppreżenta ċ-ċertifikat tal-wirt u ċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni maħruġa mill-qorti Ġermaniża.

23.      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Marzu 2019, it-taqsima ta’ Tauragė tad-dipartiment “Katast” tas-servizz għaż-żamma tar-reġistri tal-proprjetà taċ-Ċentru tar-Reġistri (iktar ’il quddiem it-“taqsima”) ċaħdet din it-talba, minħabba li ċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni ppreżentat ma kienx fih l-informazzjoni meħtieġa għall-identifikazzjoni tal-proprjetà immobbli prevista mil-Liġi dwar il-Katast, jiġifieri li ma kienx jindika l-proprjetajiet li wiret ir-rikorrent.

24.      Ir-rikorrent ippreżenta lment kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Kummissjoni għall-eżami tat-tilwim tal-uffiċċju għar-reġistrazzjoni ċentrali taċ-Ċentru tar-Reġistri (iktar ’il quddiem il-“Kummissjoni”), li, b’deċiżjoni tad‑9 ta’ Mejju 2019, ikkonfermat id-deċiżjoni tat-taqsima.

25.      Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta rikors kontra d-deċiżjonijiet tat-taqsima u tal-kummissjoni quddiem ir-Regionų apygardos administracinio teismo Klaipėdos rūmai (it-Taqsima ta’ Klaipėda tal-Qorti Amministrattiva Reġjonali tar-Reġjuni, il-Litwanja), li, b’deċiżjoni tat‑30 ta’ Diċembru 2019, ċaħdet dan ir-rikors bħala infondat.

26.      Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali appella minn din is-sentenza quddiem il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja). Din il-qorti, li ddeċidiet fil-formazzjoni kolleġġjali estiża, ikkunsidrat li t-tilwima li kienet adita biha kienet tqajjem kwistjonijiet dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 650/2012.

27.      Qabelxejn, il-qorti tar-rinviju tosserva li, skont l-Artikolu 69(5) tar-Regolament Nru 650/2012, iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni jikkostitwixxi dokument validu għall-iskrizzjoni ta’ proprjetà akkwistata b’wirt fir-reġistru rilevanti ta’ Stat Membru, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 1(2)(k) u (l) tiegħu, jiġifieri li dan iċ-ċertifikat ma jaffettwax l-applikazzjoni tal-Artikolu 1(2)(l) ta’ dan ir-regolament.

28.      Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, fil-Litwanja, id-dokumenti li jistgħu jservu ta’ bażi għall-iskrizzjoni ta’ drittijiet reali fuq proprjetà immobbli fil-katast huma elenkati fl-Artikolu 22 tal-Liġi dwar il-Katast u li l-Artikolu 23(2) sa (4) ta’ din il-liġi jippreċiża b’mod imperattiv l-informazzjoni u d-data li dawn id-dokumenti għandhom jiċċertifikaw. Din il-qorti tippreċiża li l-organu li jżomm il-katast, bħala awtorità pubblika, jaġixxi biss skont il-poteri li jingħatawlu bil-liġi, li ma tagħtihx il-poter li jikkonstata huwa stess il-portata tad-drittijiet ta’ proprjetà u lanqas li jiġbor l-informazzjoni u l-provi li jattestaw l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ eżistenza ta’ ċerti fatti. Hija tindika li, konsegwentement, b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali rilevanti f’dan il-każ, l-informazzjoni meħtieġa għall-iskrizzjoni fil-katast tista’ tiġi pprovduta biss fid-dokumenti elenkati fl-Artikolu 22 tal-Liġi dwar il-Katast u li, meta l-informazzjoni pprovduta hija inkompluta, l-organu li jżomm il-katast ma għandux is-setgħa li jieħu inkunsiderazzjoni informazzjoni oħra.

29.      Il-qorti tar-rinviju ssostni wkoll, fir-rigward taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, li ċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni maħruġ mill-qorti Ġermaniża ġie stabbilit billi ntużat il-Formola V u jinkludi l-Anness IV ta’ din il-formola, li tiċċertifika l-istatus u d-drittijiet tal-werriet. Hija tosserva madankollu li ebda informazzjoni ma ġiet ipprovduta fil-punt 9 ta’ dan l-anness sabiex tiġi identifikata l-proprjetà jew jiġu identifikati l-proprjetajiet attribwiti lill-werriet u li għalihom hija mitluba ċ-ċertifikazzjoni.

30.      Din il-qorti tirrileva li l-argumenti mressqa mir-rikorrent fil-kawża prinċipali kif ukoll il-ġurisprudenza Ġermaniża li huwa jiċċita jimplikaw li ma kienx bi traskuraġni li l-awtorità li ħarġet iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni naqset milli tipprovdi din l-informazzjoni. Ir-rikorrent isostni, b’mod partikolari, li d-dritt tas-suċċessjonijiet Ġermaniż huwa rregolat mill-prinċipju tas-suċċessjoni b’titolu universali u li, konsegwentement, meta jkun hemm benefiċjarju wieħed, dan jieħu l-patrimonju kollu tad-decuius u li ma huwiex possibbli, fid-dritt Ġermaniż, li jiġi indikat jew li b’xi mod jiġu speċifikati l-proprjetajiet tas-suċċessjoni. Skontu, skont ġurisprudenza stabbilita, il-qrati Ġermaniżi ma japplikawx l-Artikolu 68(l) tar-Regolament Nru 650/2012, li jipprovdi li dan iċ-ċertifikat għandu jindika s-sehem li jmiss lil kull werriet u, jekk ikun il-każ, il-lista tad-drittijiet u/jew il-proprjetajiet li jmissu lil werriet partikolari.

31.      Meħud kont tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlatur tal-Unjoni bil-ħolqien taċ-ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni, b’mod partikolari dak intiż li jirregola b’ħeffa, b’mod faċli u effikaċi s-suċċessjonijiet li għandhom effett transkonfinali fi ħdan l-Unjoni, il-qorti tar-rinviju għandha dubji fir-rigward tal-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-Artikolu 1(2)(l) u lill-Artikolu 69(5) tar-Regolament Nru 650/2012, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna r-rabta ta’ dawn id-dispożizzjonijiet mad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru li fih tkun tinsab il-proprjetà tas-suċċessjoni li jirregola l-kundizzjonijiet dwar l-iskrizzjoni ta’ dritt ta’ proprjetà fil-katast.

32.      Huwa f’dawn ċ-ċirkustanzi li l-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja) ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 1(2)(l), u l-Artikolu 69(5) tar-[Regolament Nru 650/2012] għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Istat Membru li fih tinsab il-proprjetà immobbli inkwistjoni li abbażi tagħhom dritt ta’ proprjetà jista’ jiġi rreġistrat fir-reġistru tal-proprjetà abbażi ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni biss jekk l-informazzjoni kollha neċessarja għal din ir-reġistrazzjoni tkun indikata f’dan iċ-ċertifikat?”

33.      Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mill-Gvern Litwan, Ċek, Ġermaniż, Spanjol, Franċiż u dak Ungeriż kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Gvern Litwan, Ġermaniż, Spanjol kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet orali waqt is-seduta li nżammet fl‑4 ta’ Mejju 2022.

IV.    Analiżi

34.      Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-Regolament Nru 650/2012, b’mod partikolari l-Artikolu 1(2)(l) tiegħu, l-Artikolu 68(l) tiegħu, u l-Artikolu 69(5) tiegħu, jipprekludix l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet ta’ dritt nazzjonali skont liema proprjetà immobbli akkwistata minn werriet uniku skont id-dritt tas-suċċessjoni rregolat mill-prinċipju tas-suċċessjoni universali tista’ tkun iskritta fil-katast tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu din il-proprjetà tkun tinstab, abbażi ta’ ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni, bil-kundizzjoni biss li d-data kollha għall-identifikazzjoni tal-proprjetà immobbli mitluba mid-dritt nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru tkun indikata f’dan iċ-ċertifikat.

35.      Din id-domanda tikkonċerna, minn naħa, ir-rekwiżiti kollha dwar iċ-ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni u, min-naħa l-oħra, id-delimitazzjoni bejn is-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 650/2012 u dik stabbilita mid-dritt nazzjonali li jirregola l-iskrizzjoni ta’ drittijiet fuq proprjetà immobbli f’reġistru.

36.      Infakkar li d-decuius, li mietet fl‑2015, kienet hija stess il-werrieta ta’ żewġha (fl‑2014). Madankollu, meħud kont tal-elementi pprovduti mill-qorti tar-rinviju u tad-domanda magħmula, dawn il-konklużjonijiet għandhom bħala suġġett biss is-suċċessjoni tad-decuius aċċettata minn binha.

37.      F’dan ir-rigward, jeħtieġ, fil-fehma tiegħi, li ssir distinzjoni bejn il-punt dwar jekk proprjetà tas-suċċessjoni għandhiex jew tistax tissemma fiċ-ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni (5) u dak dwar jekk l-awtorità tar-reġistru ta’ Stat Membru tistax tirrifjuta l-iskrizzjoni ta’ din il-proprjetà minħabba li din ma tissemmiex fiċ-ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni (6). Nixtieq fil-qosor inpoġġi ċ-ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni fil-kuntest tar-Regolament Nru 650/2012 qabel ma nanalizza dawn iż-żewġ domandi.

38.      Biex nesprimieh b’mod iktar dirett, sabiex tiġi riżolta l-problema tal-każ ineżami, jew huwa l-obbligu tal-awtoritajiet Ġermaniżi, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 650/2012 li jispeċifikaw, fiċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, il-proprjetà inkwistjoni, jew huma l-awtoritajiet Litwani li huma obbligati, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 650/2012, li jilqgħu t-talba fuq il-bażi taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni kif stabbilit mill-awtoritajiet Ġermaniżi.

A.      Fuq iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni fil-kuntest tar-Regolament Nru 650/2012

39.      Mill-premessa 7 tiegħu jirriżulta li r-Regolament Nru 650/2012 għandu bħala għan li jiffaċilita l-funzjonament tajjeb tas-suq intern billi jneħħi l-ostakli għall-moviment liberu ta’ persuni li jkunu jridu jasserixxu d-drittijiet tagħhom fil-kuntest ta’ suċċessjoni transkonfinali (7). Dan ir-regolament jidħol, għaldaqstant, fil-kuntest tal-ħolqien ta’ spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja li jakkumpanja s-suq intern u għandu, għaldaqstant, ikun interpretat fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji (8).

40.      Ir-Regolament Nru 650/2012 ma jwettaqx armonizzazzjoni tad-dritt sostantiv tas-suċċessjoni. Għaldaqstant, huwa ma fihx, fil-prinċipju (9), dispożizzjonijiet sostantivi fil-qasam tas-suċċessjoni. Min-naħa l-oħra, dan ir-regolament jindika, bir-regoli ta’ kunflitt tal-liġijiet, il-liġi (nazzjonali) tas-suċċessjoni applikabbli għas-suċċessjoni (10). F’dan ir-rigward, l-Artikolu 21(1) tal-imsemmi regolament juża bħala regola ġenerali l-prinċipju tal-applikazzjoni, għal suċċessjoni fl-intier tagħha, il-liġi tal-Istat li fih id-decuius kellu r-residenza abitwali tiegħu fil-mument ta’ mewtu. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 22(1) ta’ dan l-istess regolament, persuna tista’ tagħżel bħala liġi li tirregola s-suċċessjoni tagħha fl-intier tagħha l-liġi tal-Istat li tiegħu hija għandha n-nazzjonalità fil-mument li fih hija tagħmel din l-għażla jew fil-mument ta’ mewtha. Il-portata tal-liġi applikabbli hija ddefinita fl-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 650/2012. Huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat hawnhekk li l-liġi indikata skont l-Artikoli 21 u 22 ta’ dan ir-regolament tirregola suċċessjoni fl-intier tagħha (11), inkluż it-trasferiment tal-proprjetà (12).

41.      Ir-Regolament Nru 650/2012 jirregola mhux biss id-dritt applikabbli, imma wkoll il-ġurisdizzjoni ġudizzjarja u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet mogħtija fi Stat Membru.

42.      L-Artikoli 62 et seq ta’ dan ir-regolament jirregolaw waħda mill-innovazzjonijiet ċentrali (13) tiegħu: iċ-ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni.

43.      Dan iċ-ċertifikat huwa intiż li jaqdi tliet funzjonijiet prinċipali fl-Istati Membri kollha (14): l-ewwel, jilleġittima lill-werriet fil-konfront tal-awtoritajiet bħalma huma dawk tal-katast jew id-debituri privati tas-suċċessjoni bħalma huma l-banek, it-tieni, jipprovdi preżunzjoni konfutabbli tal-eżattezza u l-eżawrjenza tal-kontenut tiegħu u, it-tielet, jipproteġi lil terzi f’bona fide li jħallas xi ammonti lil dak li jkun ġie maħtur bħala werriet jew li jakkwista mingħandu xi ass mis-suċċessjoni.

44.      Iċ-ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni jgawdi minn sistema ġuridika awtonoma, stabbilita mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VI tar-Regolament Nru 650/2012 (15), intiża li tiggarantixxi applikazzjoni uniformi tiegħu fl-Istati Membri kollha (16). Fir-rigward ta’ dan iċ-ċertifikat, l-Artikoli 63 sa 69 ta’ dan ir-regolament jikkonċernaw, b’mod partikolari, l-għan tiegħu, il-kompetenza meħtieġa biex jinħareġ, il-modalitajiet li jirrigwardaw l-applikazzjoni għaċ-ċertifikat, l-eżami ta’ din l-applikazzjoni u l-ħruġ tiegħu, kif ukoll il-kontenut u l-effetti tiegħu.

45.      Skont l-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 650/2012, li jirrigwarda l-għan taċ-ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni, dan huwa intiż li jintuża, b’mod partikolari, mill-werrieta li, fi Stat Membru ieħor, jridu jinvokaw il-kwalità tagħhom jew jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom bħala werrieta.

46.      L-Artikolu 63(2)(a) u (b) tar-Regolament Nru 650/2012 jispeċifika, f’dan ir-rigward, li dan iċ-ċertifikat jista’ jintuża, b’mod partikolari, biex iservi ta’ prova ta’ elementi bħalma huma, rispettivament, l-istatus u/jew id-drittijiet ta’ kull werriet jew l-attribuzzjoni ta’ ass speċifiku jew ta’ diversi assi speċifiċi li jagħmlu parti mill-patrimonju għall-werriet(a), jew skont il-każ, għal-legatarju msemmi fiċ-ċertifikat.

B.      Fuq ilkontenut taċĊertifikat Ewropew tasSuċċessjoni

1.      Fuq lArtikolu 68 tarRegolament Nru 650/2012

47.      L-Artikolu 68 tar-Regolament Nru 650/2012 jelenka l-lista tal-informazzjoni li għandu jkun fih iċ-ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni “sa fejn meħtieġ għall-fini li għalih jinħareġ”, li fosthom hemm “is-sehem ta’ kull eredi u, jekk applikabbli, il-lista ta’ drittijiet u/jew assi għal kwalunkwe werriet partikolari” (17).

a)      Fuq lobbligu li tiġi speċifikata lproprjetà inkwistjoni

48.      Il-kwistjoni li tqum hija s-segwenti: l-awtorità responsabbli mill-ħruġ taċ-ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni hija obbligata tispeċifika d-drittijiet u/jew l-assi li jmissu lil werriet partikolari?

49.      Iċ-ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni huwa mfassal bħala strument intiż li jintuża biex juri elementi differenti. Kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 68 tar-Regolament Nru 650/2012, huwa għandu jinkludi informazzjoni neċessarja għall-iskop li għalih jinħareġ.

50.      Huwa dan għaldaqstant l-għan (konkret) li għalih huwa intiż iċ-ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni, kif ġie indikat mill-applikant skont l-Artikolu 65(3)(f) tar-Regolament Nru 650/2012, kif ukoll il-liġi tas-suċċessjoni nazzjonali applikabbli li jiddeterminaw il-kontenut ta’ dan iċ-ċertifikat. Mill-Artikolu 63(2)(a) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-għan tal-imsemmi ċertifikat huwa, b’mod partikolari, li juri l-istatus ta’ “werriet”. Evidentement, kif jirriżulta mill-Artikolu 63(2)(b) tal-imsemmi regolament, l-istess ċertifikat jista’ jintuża wkoll biex ikun ta’ prova ta’ informazzjoni oħra bħalma hija l-attribuzzjoni ta’ ass speċifiku jew ta’ diversi assi speċifiċi li jagħmlu parti mill-patrimonju għall-werriet(a). Din l-informazzjoni tista’ tkun inkluża, fil-fehma tiegħi, safejn dan ikun iġġustifikat għall-funzjonament tajjeb taċ-ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni biex dan ikun jista’ jkollu l-effetti sħaħ tiegħu.

51.      Kif bi ħsiebni nuri fil-punti li ġejjin, ma huwiex meħtieġ li wieħed jirrikorri għall-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 63(2)(b) tar-Regolament Nru 650/2012 biex ikun jista’ jipproċedi għall-iskrizzjoni.

1)      Suċċessjoni universali

52.      Huwa paċifiku li l-liġi tas-suċċessjoni nazzjonali applikabbli għal din il-kawża, skont l-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 650/2012, hija l-liġi Ġermaniża. Konsegwentement, skont din id-dispożizzjoni, din il-liġi tirregola s-suċċessjoni fl-intier tagħha u, b’mod partikolari, it-trasferiment tal-assi lill-werriet (18).

53.      F’dan il-każ, skont id-dritt Ġermaniż applikabbli, skont l-Artikolu 1922(1) tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili), mal-mewt ta’ persuna (ftuħ tas-suċċessjoni), l-universalità tal-patrimonju tagħha (suċċessjoni) tiġi trażmessa lil persuna waħda jew iktar (werrieta). Dan huwa l-prinċipju tas-suċċessjoni universali. Kif indikat mill-Gvern Ġermaniż, dan jimplika li l-werriet jissuċċedi ġuridikament lill-mejjet malli jseħħ l-avveniment li jiskatta s-suċċessjoni, jiġifieri mal-mewt tad-decuius.

54.      Jeħtieġ li jiġi enfasizzat li d-dritt Ġermaniż ma jipprovdix għal suċċessjoni li ma hijiex universali, li jimplika li ma humiex assi speċifiċi li jiġu trażmessi b’titolu partikolari, imma l-patrimonju fl-intier tiegħu bħala universalità.

55.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex meħtieġ li jiġi inkluż inventarju tas-suċċessjoni fiċ-ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni, inkwantu s-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 68(l) tar-Regolament Nru 650/2012, bil-kliem “jekk applikabbli”, jiġifieri fil-każ ta’ lista ta’ assi li jmissu lil werriet speċifiku, ma tavverax ruħha.

56.      Fil-fatt, f’din l-ipoteżi, dan iċ-ċertifikat jindika li l-persuna inkwistjoni hija l-werrieta ta’ ass speċifiku tad-decuius. Madankollu, jekk il-werriet huwa l-werriet universali, ma huwiex meħtieġ li jiġi speċifikat l-ass b’mod speċifiku fl-imsemmi ċertifikat.

57.      F’dan il-kuntest, għandi nirrifjuta t-teżi li tgħid li l-kliem “jekk applikabbli” għandhom jinftehmu bħala li jirriflettu biss ix-xewqa tal-applikant għaċ-ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni (19). Għalkemm l-applikant huwa obbligat jinforma lill-awtorità emittenti ta’ dan iċ-ċertifikat bl-għan tiegħu (20), madankollu huwa l-obbligu ta’ din l-awtorità li tiddeċiedi, fuq il-bażi ta’ din l-informazzjoni, jekk ass għandux ikun speċifikat jew le.

58.      Madankollu, il-Kummissjoni tafferma li tali approċċ ma huwiex konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament Nru 650/2012. Fil-fatt, fil-fehma tagħha, il-portata tal-informazzjoni pprovduta fiċ-ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni ma hijiex iddeterminata skont il-liġi tas-suċċessjoni nazzjonali applikabbli, imma skont l-Artikolu 68 ta’ dan ir-regolament.

59.      Fil-fehma tiegħi, dan l-approċċ tal-Kummissjoni ma jiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li r-Regolament Nru 650/2012 jirregola mhux biss il-ġurisdizzjoni ġudizzjarja u l-kontenut taċ-ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni, imma wkoll, kif semmejt, il-liġi tas-suċċessjoni nazzjonali applikabbli għal kawża, li neċessarjament għandha effett fuq il-kontenut ta’ dan iċ-ċertifikat.

60.      Ċertament, l-Artikolu 68 tar-Regolament Nru 650/2012 jirregola b’mod eżawrjenti l-kontenut taċ-ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni, imma dan ma jipprekludix minn daqshekk li l-liġi tas-suċċessjoni nazzjonali applikabbli, kif indikata skont dan ir-regolament, jista’ jkollha effett fuq dan il-kontenut. Għall-kuntrarju, l-użu tal-kliem “sa fejn meħtieġ għall-fini li għalih jinħareġ [iċ-ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni]” u “jekk applikabbli” f’din id-dispożizzjoni, jindika r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jieħu inkunsiderazzjoni l-liġi tas-suċċessjoni applikabbli (enfasi tiegħi). Għaldaqstant teżisti b’mod ċar interdipendenza bejn id-dritt nazzjonali u dan ir-regolament inkwantu hija l-liġi tas-suċċessjoni applikabbli li tiddetermina fl-ewwel lok il-kontenut taċ-ċertifikat.

61.      Dan premess, l-awtorità emittenti għandha, fejn meħtieġ, turi ċerta flessibbiltà u ssegwi prattiki li mhux neċessarjament hija mdorrija bihom, b’mod partikolari meta hija għandha tapplika liġi barranija. Madankollu, dan ma huwiex il-każ hawnhekk.

2)      Suċċessjoni li ma hijiex universali

62.      Meta s-sitwazzjoni ma taqax taħt dritt nazzjonali tas-suċċessjoni rregolat mill-prinċipju tas-suċċessjoni b’titolu universali (21) u meta l-għan imsemmi iktar ’il fuq jista’ jintlaħaq biss billi jissemma sehem il-persuna inkwistjoni mill-wirt, huwa wisq probabbli li l-ass inkwistjoni għandu jkun speċifikat.

63.      L-obbligi imposti u l-kundizzjonijiet meħtieġa f’dan il-qasam jistgħu jvarjaw skont l-Istati Membri. B’mod partikolari, il-liġi tas-suċċessjoni applikabbli fi Stat Membru ieħor tista’ teżiġi inventarju komplut tas-suċċessjoni, li tkun timplika l-obbligu li tali informazzjoni tiġi inkluża f’ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni. Tali sitwazzjoni tkun tikkorrispondi għas-sitwazzjoni mmirata bit-termini “jekk applikabbli” fl-Artikolu 68(l) tar-Regolament Nru 650/2012.

b)      Fuq ilfakultà li jiġi speċifikat lass inkwistjoni

64.      Jibqa’ biex jiġi stabbilit jekk, f’sitwazzjoni bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-awtorità li toħroġ ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni hijiex libera li tinkludi jew ma tinkludix il-proprjetà immobbli inkwistjoni f’dan iċ-ċertifikat, meta ssir talba f’dan is-sens mill-persuna kkonċernata.

65.      Jeħtieġ li jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li, biex ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni jkun jista’ jkollu l-effetti tiegħu b’mod sħiħ, huwa meħtieġ ċertu grad ta’ kooperazzjoni u ta’ fiduċja reċiproka bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri. Dan jista’ jimplika l-obbligu għall-awtorità emittenti, fi spirtu ta’ kooperazzjoni leali mal-awtoritajiet tal-Istati Membri l-oħra, li tieħu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti tal-liġi dwar ir-reġistru ta’ Stat Membru ieħor, speċjalment jekk din l-awtorità jkollha l-informazzjoni u l-elementi rilevanti.

66.      Dan premess, tali kooperazzjoni tibqa’ delikata, peress li minnha jistgħu jirriżultaw problemi legali oħra.

67.      Ejja nippreżupponu li, meta ssir talba f’dan is-sens, l-indikazzjoni tal-proprjetà inkwistjoni tibqa’ fakultattiva għall-awtorità li toħroġ ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni. F’tali sitwazzjoni, dan ikun vinkolanti għall-awtorità tar-reġistru li tipproċedi bl-iskrizzjoni ta’ din il-proprjetà, li tkun tinsab fi Stat Membru ieħor? Xi ngħidu għall-Artikolu 69(2) tar-Regolament Nru 650/2012, li jipprovdi li dan iċ-ċertifikat huwa preżunt li jattesta b’mod preċiż elementi li jkunu ġew stabbiliti skont il-liġi tas-suċċessjoni nazzjonali applikabbli jew skont kwalunkwe liġi oħra applikabbli għal elementi speċifiċi? Din il-preżunzjoni testendi għall-appartenenza tal-proprjetà inkwistjoni?

68.      Jeħtieġ ukoll li jiġi rrilevat, b’mod partikolari, li l-kwistjoni tal-appartenenza ta’ ċerti proprjetajiet għall-massa ta’ suċċessjoni ma taqax taħt il-liġi tas-suċċessjoni, imma taħt il-liġi tad-dritt tal-proprjetà (22). Fil-fatt, il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni li tirregola l-kwistjoni tat-trasferiment tal-proprjetà u l-kwistjoni dwar min isir il-proprjetarju tal-proprjetajiet ta’ decuius għandha tkun distinta minn dik dwar jekk proprjetà partikolari kinitx tappartjeni lid-decuius.

69.      Fl-aħħar nett, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li sabiex ikunu jistgħu jiġu indikati l-proprjetajiet preċiżi, l-awtorità li toħroġ ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni għandu jkollha stampa kompluta tal-massa tas-suċċessjoni (23). Madankollu, dan jista’ jirriżulta li jkun diffiċli, kif juri l-każ ineżami.

2.      Fuq ilFormola V

70.      Il-punt 9 tal-Anness IV tal-Formola V huwa intiż li jidentifika l-assi attribwiti lill-werriet u li għalihom jintalab ċertifikat u jsemmi li huwa mitlub f’dan ir-rigward li l-assi jiġu speċifikati u li jiġu indikati d-dettalji ta’ identifikazzjoni rilevanti kollha (24).

71.      Għall-kuntrarju tal-argumenti ta’ ċerti partijiet fil-proċedura u skont il-fehma ta’ ċerti awturi tad-dottrina (25), ebda informazzjoni ma tista’ toħroġ minn din il-formola.

72.      Fil-fatt, l-informazzjoni li għaliha jagħmel riferiment dan il-punt 9 għandha tiġi pprovduta biss meta l-proprjetà inkwistjoni għandha tkun speċifikata (26). Madankollu, kif indikajt (27), dan ma huwiex il-każ hawnhekk, peress li dan jirrigwarda suċċessjoni universali.

73.      Barra minn hekk, jeħtieġ li jitfakkar li peress li l-(uniku) għan tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1329/2014 huwa li jikkonkretizza d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 650/2012, huwa ma jista’ fl-ebda każ imur lil hinn mid-dispożizzjonijiet sostantivi tar-Regolament Nru 650/2012. Kull approċċ ieħor ikun jippreġudika l-prinċipju tal-bilanċ istituzzjonali. Bħala awtur tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1329/2014, il-Kummissjoni hija għaldaqstant obbligata li tosserva r-rieda tal-leġiżlatur. Fi kliem ieħor, dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni ma jistax jeżiġi, fil-Formola V, li tiġi pprovduta informazzjoni li ma hijiex neċessarja fid-dawl tal-għan taċ-ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni. Fil-każ kuntrarju, dan ikun ixejjen indebitament mis-sustanza tagħhom id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 650/2012.

74.      Konsegwentement, inkwantu l-interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 68 tar-Regolament Nru 650/2012 twassal biex jiġi konkluż li din id-dispożizzjoni ma teżiġix l-identifikazzjoni speċifika tal-proprjetà Litwana fiċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, ebda dispożizzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1329/2014 ma tista’ tippermetti konklużjoni differenti. Dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni għandu għaldaqstant jiġi interpretat fid-dawl tar-Regolament Nru 650/2012.

C.      Fuq leffetti taċĊertifikat Ewropew tasSuċċessjoni u rrabta tiegħu maddritt nazzjonali katastali (Artikolu 1(2)(l) u Artikolu 69(5) tarRegolament Nru 650/2012)

75.      Skont l-Artikolu 69(5) tar-Regolament Nru 650/2012, iċ-ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni jikkostitwixxi dokument validu għall-iskrizzjoni ta’ proprjetà tas-suċċessjoni fir-reġistru rilevanti ta’ Stat Membru, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 1(2)(k) u (l) ta’ dan ir-regolament.

76.      L-Artikolu 1(2)(l) tar-Regolament Nru 650/2012, li huwa intiż li jiddelimita l-oqsma ta’ applikazzjoni rispettivi tal-lex successionis u tal-lex registrii, jipprovdi min-naħa tiegħu li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament “kwalunkwe reġistrar f’reġistru ta’ drittijiet fi proprjetà immobbli jew mobbli, inklużi r-rekwiżiti legali għal tali reġistrar, u l-effetti ta’ reġistrar jew in-nuqqas ta’ reġistrar ta’ dawn id-drittijiet f’reġistru”.

77.      Il-kawża li wasslet għas-sentenza Kubicka (28) kienet l-unika opportunità mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tinterpreta l-Artikolu 1(2)(l) tar-Regolament Nru 650/2012. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-Artikolu 1(2)(k) u (l), kif ukoll l-Artikolu 31 ta’ dan ir-regolament għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu r-rifjut tar-rikonoxximent, minn awtorità ta’ Stat Membru, tal-effetti reali ta’ legat “b’invokazzjoni”, irrikonoxxut mid-dritt applikabbli għas-suċċessjoni, li bih testatur għażel skont l-Artikolu 22(1) ta’ dan l-istess regolament, meta dan ir-rifjut huwa bbażat fuq ir-raġuni biss li dan il-legat jirrigwarda d-dritt ta’ proprjetà ta’ immobbli li jinsab f’dan l-Istat Membru, li l-leġiżlazzjoni tiegħu ma tirrikonoxxix l-istituzzjoni tal-legat b’effett reali dirett fid-data tal-ftuħ tas-suċċessjoni.

78.      Din is-sentenza Kubicka kellha bħala konsegwenza li l-liġi Ġermaniża inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma ġietx applikata għat-trasferiment ta’ proprjetà. Issa, din ma kinitx tirrigwarda r-regoli li jirrigwardaw il-katast. Id-dritt nazzjonali katastali ta’ Stat Membru jista’ għaldaqstant jimponi rekwiżiti proċedurali supplimentari, imma dan biss safejn dawn ir-rekwiżiti supplimentari ma jirrigwardawx il-kwalità attestata miċ-ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni.

79.      Kif irrileva l-Avukat Ġenerali Bot fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Kubicka (29), fil-prattika, dokumenti jew informazzjoni oħra jistgħu jiġu rikjesti sabiex jikkumplementaw iċ-ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni, meta, pereżempju, dan iċ-ċertifikat ma jkunx fih elementi preċiżi biżżejjed sabiex jiġi identifikat il-beni li t-trasferiment tal-proprjetà tiegħu għandu jiġi rreġistrat.

80.      Madankollu, jeħtieġ li jiġi osservat li, f’dan il-każ, l-awtoritajiet Litwani għandhom l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex jipproċedu bl-iskrizzjoni fil-katast: huma f’pożizzjoni li jidentifikaw lil min tappartjeni jew kienet tappartjeni l-proprjetà inkwistjoni u, permezz taċ-ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, li jiżguraw ruħhom mill-kwalità ta’ werriet tar-rikorrent fil-kawża prinċipali.

81.      F’tali sitwazzjoni, l-effett utli taċ-ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni jkun ippreġudikat jekk id-dritt katastali Litwan ikun jista’ jimponi obbligi supplimentari fuq l-applikant.

82.      Fil-fatt, anki jekk il-proprjetà konkreta akkwistata b’suċċessjoni ma hijiex indikata fiċ-ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni, l-akkwist tagħha jista’ jkun ipprovat b’dan iċ-ċertifikat. B’din il-loġika, ma hijiex l-identifikazzjoni ta’ din il-proprjetà fl-imsemmi ċertifikat li tikkostitwixxi l-bażi tal-modifika fil-katast, imma l-kwalità bħala werrieta tal-persuna kkonċernata (30). F’dan ir-rigward, l-istess ċertifikat jikkostitwixxi l-prova tas-suċċessjoni universali li seħħet skont id-dritt Ġermaniż, li tinkludi wkoll il-proprjetajiet immobbli tad-decuius li jinsabu barra mill-pajjiż. Huwa l-obbligu tal-awtorità katastali li tivverifika jekk il-proprjetà inkwistjoni tidħolx fis-suċċessjoni, u għaldaqstant jekk kinitx tappartjeni lid-decuius. L-awtorità għandha tislet il-konsegwenzi kollha li timplika l-informazzjoni li tinsab fiċ-ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni, jiġifieri li l-persuna msemmija bħala werrieta tad-decuius hija l-werrieta tiegħu b’titolu universali.

83.      Għaldaqstant, ma hemm ebda raġuni leġittima għall-awtoritajiet Litwani li jitolbu, għall-finijiet tar-reġistrazzjoni, elementi supplimentari sabiex jiddeterminaw jekk il-persuna inkwistjoni hijiex il-werrieta tal-proprjetà inkwistjoni. Li din il-persuna tiġi obbligata tirrikorri għand l-awtoritajiet Ġermaniżi biex dawn jispeċifikaw il-proprjetà immobbli inkwistjoni huwa formaliżmu li ma jistax ikun iġġustifikat.

84.      Biex nikkonkludi, sakemm l-effett utli tar-Regolament Nru 650/2012 u, f’dan il-każ, dak taċ-ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni stabbilit minn dan ir-regolament, ma jkunux ippreġudikati, l-Istati Membri huma liberi li jilleġiżlaw fil-qasam tad-dritt katastali. Iżda l-Artikolu 1(2)(l) tal-imsemmi regolament ma jistax ikollu bħala effett li jippreġudika l-effett utli ta’ ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni, ċertifikat li, kif fakkart, jikkostitwixxi, skont l-Artikolu 69(5) tal-istess regolament, dokument validu għall-finijiet tal-iskrizzjoni ta’ proprjetà tas-suċċessjoni fir-reġistru rilevanti ta’ Stat Membru.

85.      Fi kliem ieħor, għalkemm il-kundizzjonijiet li jirrigwardaw l-akkwist tal-proprjetajiet tas-suċċessjoni ma jistgħux, fil-prinċipju, jiġu injorati mid-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali dwar il-katast (31), ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni li jipprovdi l-prova tas-suċċessjoni għandu madankollu natura vinkolanti u għandu jservi ta’ bażi għall-iskrizzjoni fir-reġistru, kemm jekk il-kontenut tiegħu jikkorrispondi jew ma jikkorrispondix mal-prattika abitwalment segwita biex jiġi stabbilit tali ċertifikat (jew dokument nazzjonali paragunabbli) fl-Istat Membru tal-katast (32). Huwa biss meta jkun oġġettivament impossibbli li jiġi ddeterminat is-suġġett tat-talba fil-kuntest tal-iskrizzjoni fil-katast li jista’ jirriżulta neċessarju li jiġi kkompletat iċ-ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni sabiex tintwera s-suċċessjoni ġenerali tad-decuius b’dokumenti supplimentari neċessarji għall-identifikazzjoni preċiża tal-proprjetajiet li ntirtu (33).

D.      Fuq ilkooperazzjoni bejn lawtoritajiet (Artikolu 66(5) tarRegolament Nru 650/2012)

86.      L-Artikolu 66 tar-Regolament Nru 650/2012, li jirrigwarda l-eżami tal-applikazzjoni għal ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni, jipprovdi, fil-ħames paragrafu tiegħu, li, għall-finijiet ta’ dan l-eżami, l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru għandha, fuq talba, tipprovdi lill-awtorità emittenti ta’ ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni li tinsab fi Stat Membru ieħor, l-informazzjoni miżmuma, b’mod partikolari, fir-reġistri tal-artijiet, fir-reġistri tal-istat ċivili u f’reġistri fejn jiġu rreġistrati d-dokumenti u l-fatti li jkunu ta’ rilevanza għas-suċċessjoni jew għar-reġim tal-proprjetà matrimonjali jew reġim patrimonjali ekwivalenti tal-proprjetà tad-decuius, fejn dik l-awtorità kompetenti hija awtorizzata, skont id-dritt nazzjonali, biex tipprovdi lil awtorità nazzjonali oħra b’tali informazzjoni.

87.      Il-Kummissjoni tikkunsidra li, f’dan il-każ, hija l-awtorità Ġermaniża emittenti taċ-ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni li għandha l-obbligu li tikkuntattja lill-awtoritajiet Litwani sabiex tistaqsi dwar il-proprjetà immobbli fil-kuntest tal-eżami tal-applikazzjoni għaċ-ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni.

88.      Għalkemm huwa evidenti li l-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni stabbilit mill-Artikolu 66(5) tar-Regolament Nru 650/2012 għandu rwol primordjali għall-funzjonament tajjeb tal-ipproċessar tal-applikazzjoni u, ulterjorment, għall-ħruġ ta’ ċertifikat, jien ma naqbilx madankollu mal-fehma tal-Kummissjoni, għas-sempliċi raġuni li kooperazzjoni hija obbligatorja biss meta din hija neċessarja.

89.      Kif intwera f’dawn il-konklużjonijiet, dan ma huwiex il-każ hawnhekk, fejn l-awtorità ta’ iskrizzjoni għandha l-informazzjoni neċessarja kollha biex tipproċedi għall-iskrizzjoni.

V.      Konklużjoni

90.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja) bil-mod kif ġej:

L-Artikolu 1(2)(l), l-Artikolu 68(l) u l-Artikolu 69(5) tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni, jipprekludu l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li bis-saħħa tagħhom proprjetà immobbli akkwistata minn werriet uniku skont id-dritt tas-suċċessjoni rregolat mill-prinċipju tas-suċċessjoni universali, tista’ tiġi rreġistrata fil-katast tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinsab din il-proprjetà fuq il-bażi ta’ ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni biss bil-kundizzjoni li d-data kollha għall-identifikazzjoni tal-proprjetà immobbli rikjesta mid-dritt nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru tkun indikata f’dan iċ-ċertifikat.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (ĠU 2012, L 201, p. 107, rettifiki fil-ĠU 2012, L 344, p. 3 u ĠU 2013, L 60, p. 140).


3      Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tad‑9 ta’ Diċembru 2014 li jistabbilixxi l-Formoli msemmija fir-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (ĠU 2014, L 359, p. 30, rettifika fil-ĠU 2016, L 9, p. 14).


4      Statut adottat permezz tad-Digriet Nru 379 tal-Gvern tar-Repubblika tal-Litwanja tat‑23 ta’ April 2014.


5      Dan jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 68 tar-Regolament Nru 650/2012.


6      Din id-domanda tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2)(l) u tal-Artikolu 69(5) tar-Regolament Nru 650/2012.


7      Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2017, Kubicka (C‑218/16, EU:C:2017:755, punt 56).


8      Ara, f’dan is-sens, Baldus, Ch., f’Gebauer, M., Wiedmann, T., Europäisches Zivilrecht, Edizzjoni Nru 3., C.H. Beck, München, 2021, Kapitolu 44 (“Europäische Erbrechtsverordnung”), Artikolu 1, punt 4.


9      Ara, madankollu, l-Artikoli 32 u 33 tar-Regolament Nru 650/2012.


10      Ara l-Kapitolu III tar-Regolament Nru 650/2012.


11      Ara l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 650/2012.


12      Ara l-Artikolu 23(2)(e) tar-Regolament Nru 650/2012.


13      Dan iċ-ċertifikat huwa ta’ importanza kbira għat-trattament prattiku tas-suċċessjonijiet transkonfinali; ara, fid-dettall, Hess, B., Europäisches Zivilprozessrecht, Edizzjoni Nru 2, De Gruyter, Berlin/Boston, punt 7.220. Ara, ukoll, Wautelet, P., f’Bonomi, A., Wautelet, P., Le droit européen des successions. Commentaire du règlement (UE) n o 650/2012 du 4 juillet 2012, Edizzjoni Nru 2, Bruylant, Brussell, 2016, Artikolu 62, punt 1 et seq.


14      Ara Kleinschmidt, J., “Optionales Erbrecht: Das Europäische Nachlasszeugnis als Herausforderung an das Kollisionsrecht”, Rabels Zeitschrift für ausländisches und internationales Privatrecht, 2013, Vol 4, Nru 77, p. 723 sa 785, speċjalment, p. 726. Ara, ukoll, Stamatiadis, D., f’Pamboukis, H.P., EU Succession Regulation No 650/2012. A Commentary, Nomiki Bibliothiki/C.H. Beck/Hart/Nomos, Ateni/Munchen/Oxford/Baden-Baden, 2017, Artikolu 62, punti 26 et seq.


15      Ara s-sentenzi tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Oberle (C‑20/17, EU:C:2018:485, punt 46), u tas‑16 ta’ Lulju 2020, E. E. (Ġurisdizzjoni u liġi applikabbli għas-suċċessjonijiet) (C‑80/19, EU:C:2020:569, punt 70).


16      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Oberle (C‑20/17, EU:C:2018:89, punt 90).


17      Ara l-Artikolu 68(l) tar-Regolament Nru 650/2012. Enfasi miżjud minni.


18      Ara l-Artikolu 23(2)(e) tar-Regolament Nru 650/2012.


19      Ara wkoll, f’dan is-sens, Semelová, M., “Praktische Probleme mit dem (deutschen) Europäischen Nachlasszeugnis in der Tschechischen Republik”, Zeitschrift für das Privatrecht der Europäischen Union (GPR), 2018, Nru 4, p. 200 sa 203, speċjalment p. 201.


20      Ara l-Artikolu 65(3)(f) tar-Regolament Nru 650/2012.


21      Din tkun għaldaqstant sitwazzjoni differenti minn dik tal-kawża inkwistjoni.


22      Ara wkoll, f’dan is-sens, Raff, Th., “Praktische Probleme mit dem (deutschen) Europäischen Nachlasszeugnis in der Tschechischen Republik – Stellungnahme”, Zeitschrift für das Privatrecht der Europäischen Union (GPR), 2018, p. 203 sa 205, speċjalment p. 204.


23      Ara wkoll, f’dan is-sens, Wautelet, P., op. cit., Artikolu 68, punt 26.


24      Għal dak li jikkonċerna l-formulazzjoni tan-nota ta’ qiegħ il-paġna 13 dwar dan il-punt 9, ara l-punt 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


25      Ara, b’mod partikolari, Semelová, M., op. cit., p. 203.


26      Ara wkoll, f’dan is-sens, Raff, Th., op. cit., p. 203, kif ukoll Budzikiewicz, Ch., f’Calvo Caravaca, A.-L., Davì, A., Mansel, H.-P., The EU Succession Regulation. A Commentary, Cambridge University Press, 2016, Artikolu 68, punt 19.


27      Ara l-punt 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


28      Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2017 (C‑218/16, EU:C:2017:755, id-dispożittiv).


29      C‑218/16, EU:C:2017:387, punt 67.


30      Ara wkoll, f’dan is-sens, Nordmeier, C. F., “Die Aufnahme einzelner Nachlassgegenstände in das Europäische Nachlasszeugnis – zum durch den Todesfall bedingten Rechtserwerb und zur Reichweite der Art. 68 lit. l und m EuErbVO”, Praxis des Internationalen Privat- und Verfahrensrechts (IPrax), 2019, p. 306 sa 312, speċjalment p. 311.


31      Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2017, Kubicka (C‑218/16, EU:C:2017:755, punt 54).


32      Ara wkoll, f’dan is-sens, Margoński, M., Europejskie poświadczenie spadkowe, Wolters Kluwer, Varsavja, 2022, p. 429.


33      Ara wkoll, f’dan is-sens, Margoński, M., op. cit., p. 429.