Language of document :

Rikors ippreżentat fit-18 ta' Settembru 2009 - GDF Suez vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-370/09)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: GDF Suez (Pariġi, Franza) (rappreżentanti: J.-P. Gunther u C. Breuvart, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla, kompletament jew parzjalment, l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni sa fejn din tattribwixxi lil GDF Suez ir-responsabbiltà talli wettqet ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81(1) KE billi pparteċipat fi ftehim u fi prattiċi mifthiema fis-settur tal-gass naturali, u dan mill-1 ta' Jannar 1980, minn tal-inqas, sat-30 ta' Settembru 2005, fir-rigward tal-ksur imwettaq fil-Ġermanja, u mill-10 ta' Awwissu 2000 minn tal-inqas sat-30 ta' Settembru 2005, fir-rigward tal-ksur imwettaq fi Franza u, b'konsegwenza ta' dan, tannulla wkoll l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni sa fejn din tordna lil GDF Suex sabiex ittemm il-ksur imsemmi fl-Artikolu 1 jew safejn għandu suġġett jew effett identiku jew simili;

sussidjarjament, tannulla jew tnaqqas sostanzjalment l-ammont tal-multa li ngħatat lil GDF Suez mill-Artikolu 2 tad-deċiżjoni;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan ir-rikors, GDF Suez titlob, b'mod prinċipali, l-annullament, totali jew parzjali, tad-Deċiżjoni C(2009) 5355 finali mogħtija mill-Kummissjoni Ewropea fit-8 ta' Lulju 2009, fir-rigward ta' proċedura ta' applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE (Każ COMP/39.401 - E.ON/GDF), li tikkonċerna ftehim u prattiċi mifthiema fis-settur tal-gass naturali. Sussidjarjament, ir-rikorrenti titlob l-annullament jew, fin-nuqqas ta' dan, it-tnaqqis tal-multa li ngħatat lilha minn din id-deċiżjoni.

Insostenn tat-talba prinċipali tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni, ir-rikorrenti tinvoka erba' motivi bbażati fuq:

ksur tal-Artikolu 81 KE, tar-regoli relatati mal-amministrazzjoni tal-provi u tal-obbligu ta' motivazzjoni fir-rigward tal-eżistenza ta' ftehim u/jew prattika mifthiema bejn GDF Suez u E.ON/E.ON Ruhrgas qabel Awwissu 2000, minħabba:

nuqqas ta' suġġett u ta' effett antikompetittiv tal-Ittri tal-1975 qabel Awwissu 2000;

nuqqas ta' inċidenza fuq il-kummerċ intrakomunitarju qabel Awwissu 2000; u

nuqqas ta' kull element ta' prova relatat mal-eżistenza tal-ksur allegat bejn Jannar 1980 u Frar 1999;

ksur tal-Artikolu 81 KE, tar-regoli tal-amministrazzjoni tal-provi u tal-obbligu ta' motivazzjoni fir-rigward tal-eżistenza ta' ftehim u/jew ta' prattika mifthiema bejn GDF Suez u E.ON/E.ON Ruhrgas wara Awwissu 2000, minħabba:

nuqqas ta' ksur wieħed u kontinwu bejn l-1 ta' Jannar 1980 u t-30 ta' Settembru 2005, u, b'konsegwenza ta' dan, minħabba l-preskrizzjoni tal-Ittri tal-1975;

nuqqas ta' qbil ta' intenzjonijiet bejn il-partijiet fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Ittri tal-1975 wara Awwissu 2000;

evalwazzjoni manifestament żbaljata tal-laqgħat u skambji bejn GDF Suez u E.ON/E.ON Ruhrgas; u

nuqqas ta' evalwazzjoni tal-indipendenza fl-imġieba ta' GDF Suez fil-Ġermanja u ta' E.ON/E.ON Ruhrgas fi Franza;

nuqqas manifest ta' elementi ta' prova fir-rigward tal-eżistenza ta' ftehim u/jew ta' prattika mifthiema intiża għar-restrizzjoni tal-użu fi Franza minn E.ON/E.ON Ruhrgas tal-gass ittrasportat mill-pipeline MEGAL, minħabba:

nuqqas ta' kull ksur fis-suq Franċiż li jirriżulta mill-ittra ta' "Direktion G";

interpretazzjoni manifestament żbaljata tal-laqgħat u skambji bejn GDF Suez u E.ON/E.ON Ruhrgas li jikkonċernaw lil Franza;

eċċezzjoni bbażata fuq il-monopolju legali ta' GDF Suez tal-importazzjoni u l-provvista ta' gass fi Franza qabel il-liberalizzazzjoni tas-suq tal-gass f'Jannar 2003;

żbalji ta' fatt u ta' dritt fl-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE fir-rigward tal-eżistenza ta' ftehim u/jew ta' prattika mifthiema bejn GDF Suez u E.ON/E.ON Ruhrgas wara Awwissu 2004.

Insostenn tat-talba sussidjarja tagħha għall-annullament tal-multa, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta' trattament ugwali, ta' proporzjonalità u ta' nonretroattività.

Insostenn tat-talba assolutament sussidjarja tagħha għat-tnaqqis tal-multa, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi bbażati:

fuq l-argument li l-ksur allegat li jikkonċerna s-swieq tal-gass fi Franza ma ġiex ipprovat biżżejjed skont il-liġi u fuq l-argument li d-deċiżjoni kkontestata għandha nuqqas ta' motivazzjoni fuq dan il-punt;

fuq il-ksur tal-prinċipji ta' trattament ugwali u ta' proporzjonalità sa fejn ingħatat multa identika lil GDF Suez u lil E.ON/E.ON Ruhrgas;

fuq evalwazzjoni żbaljata tat-tul tal-ksur;

fuq evalwazzjoni żbaljata tal-gravità tal-ksur;

fuq evalwazzjoni żbaljata tan-neċessità li tiġi applikata rata perċentwali ta' 15 % fil-konfront ta' GDF Suez; u

fuq evalwazzjoni żbaljata taċ-ċirkustanzi attenwanti.

____________