Language of document : ECLI:EU:T:2022:314

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

1 ta’ Ġunju 2022 (*)

“Unjoni ekonomika u monetarja – Unjoni bankarja – Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti impriżi ta’ investiment (SRM) – Proċedura ta’ riżoluzzjoni applikabbli f’każ ta’ entità li qiegħda tfalli jew li x’aktarx ser tfalli – Adozzjoni mis-SRB ta’ skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ Banco Popular Español – Delega ta’ poter – Obbligu ta’ motivazzjoni – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Artikolu 20 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 – Dritt għal smigħ – Dritt għall-proprjetà”

Fil-Kawża T‑570/17,

Algebris (UK) Ltd, stabbilita f’Londra (Ir-Renju Unit),

Anchorage Capital Group LLC, stabbilita fi New York, New York (L-Istati Uniti),

irrappreżentati minn T. Soames, N. Chesaites, avukati, u R. East, solicitor,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Flynn u S. Grünheid, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), irrappreżentat minn J. King u M. Fernández Rupérez, bħala aġenti, assistiti minn B. Meyring, S. Schelo, F. Fernández de Trocóniz Robles, T. Klupsch u S. Ianc, avukati,

u minn

Banco Santander, SA, stabbilita f’Santander (Spanja), irrappreżentata minn J. Rodríguez Cárcamo, A. M. Rodríguez Conde, D. Sarmiento Ramírez-Escudero, avukati, u G. Cahill, barrister,

partijiet intervenjenti,

li għandha bħala suġġett tagħha talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni (UE) 2017/1246 tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Ġunju 2017 li tapprova l-iskema ta’ riżoluzzjoni għall-Banco Popular Español, SA (ĠU 2017, L 178, p. 15),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża),

komposta minn M. van der Woude, President, M. Jaeger, V. Kreuschitz, G. De Baere (Relatur) u G. Steinfatt, Imħallfin,

Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-24 ta’ Ġunju 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        Wara l-kriżi finanzjarja tal-2008, ġie deċiż li tinħoloq unjoni bankarja fi ħdan l-Unjoni Ewropea, ibbażata fuq ġabra unika ta’ regoli, sħiħa u ddettaljata għas-servizzi finanzjarji, valida għas-suq intern kollu u li tinkludi fiha mekkaniżmu uniku ta’ superviżjoni, u oqfsa ġodda għall-garanzija tad-depożiti u r-riżoluzzjoni tal-fallimenti bankarji.

2        L-ewwel pass lejn il-ħolqien tal-unjoni bankarja kien jikkonsisti fl-istabbiliment ta’ mekkaniżmu uniku ta’ superviżjoni (SSM) bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013, li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63). Skont il-premessa 12 ta’ dan ir-regolament, SSM għandu jiżgura li l-politika tal-Unjoni relatata mas-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu tiġi implimentata b’mod koerenti u effikaċi, li l-ġabra unika ta’ regoli għas-servizzi finanzjarji tiġi applikata bl-istess mod għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu fl-Istati Membri kollha kkonċernati, u li dawk l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jkunu suġġetti għal superviżjoni tal-ogħla kwalità, li ma tkunx ristretta minn kunsiderazzjonijiet oħra mhux prudenzjali. Għal dan il-għan, ir-Regolament Nru 1024/2013 jagħti lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) kompiti speċifiċi relatati mal-politiki dwar is-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu sabiex jikkontribwixxi għas-sigurtà u s-sodezza tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fi ħdan l-Unjoni u f’kull Stat Membru.

3        Sussegwentement, id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Mejju 2014, li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190), ġiet adottata. Fil-premessa 1 hija tiddikjara dan li ġej:

“Il-kriżi finanzjarja wriet li hemm nuqqas sinifikanti ta’ għodod adegwati fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġu ttrattati b’mod effettiv l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment […] mhux sodi jew li qed ifallu. Dawn l-għodod huma meħtieġa, b’mod partikolari, sabiex jipprevjenu l-insolvenza jew sabiex meta sseħħ insolvenza jimminimizzaw ir-riperkussjonijiet negattivi billi jippreżervaw il-funzjonijiet sistemikament importanti tal-istituzzjoni konċernata. Matul il-kriżi, dawn l-isfidi kienu fattur ewlieni li ġiegħel lill-Istati Membri sabiex isalvaw l-istituzzjonijiet ta’ kreditu billi jużaw il-flus tal-kontribwenti. L-għan ta’ qafas ta’ rkupru u ta’ riżoluzzjoni kredibbli huwa li jbiegħed il-ħtieġa ta’ azzjoni bħal din kemm jista’ jkun.”

4        L-għan tad-Direttiva 2014/59 huwa li jiġu stabbiliti regoli komuni għall-armonizzazzjoni minima tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw ir-riżoluzzjoni tal-banek fl-Unjoni u tipprovdi għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni dwar il-fallimenti ta’ banek transkonfinalii. F’dan ir-rigward, id-Direttiva 2014/59 tipprevedi, b’mod partikolari, fl-Artikolu 3(1) tagħha li kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità tar-riżoluzzjoni waħda jew, eċċezzjonalment, diversi awtoritajiet tar-riżoluzzjoni li jkollhom is-setgħa li japplikaw l-għodod tar-riżoluzzjoni u li jeżerċitaw is-setgħat tar-riżoluzzjoni.

5        Madankollu, fid-dawl tal-fatt, minn naħa, li d-Direttiva 2014/59 ma wasslitx għaċ-ċentralizzazzjoni tal-proċess deċiżjonali fil-qasam tar-riżoluzzjoni, li essenzjalment pprovdiet għodod ta’ riżoluzzjoni komuni u setgħat ta’ riżoluzzjoni komuni disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali ta’ kull Stat Membru u li ħalliet marġni ta’ diskrezzjoni għall-użu ta’ dawn l-għodod u l-użu ta’ arranġamenti ta’ finanzjament nazzjonali għar-riżoluzzjoni, u, min-naħa l-oħra, li din id-direttiva ma kinitx tipprekludi kompletament it-teħid ta’ deċiżjonijiet separati u potenzjalment diverġenti dwar ir-riżoluzzjoni ta’ gruppi transkonfinali mill-Istati Membri, ġie deċiż li jitwaqqaf mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni (SRM).

6        B’hekk, it-tieni pass lejn il-ħolqien tal-unjoni bankarja kienet tikkonsisti fl-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1).

7        Il-premessa 12 tar-Regolament Nru 806/2014 tiddikjara:

“L-iżgurar ta’ deċiżjonijiet ta’ riżoluzzjoni effettivi għall-banek li qed ifallu fl-Unjoni, inkluż dwar l-użu ta’ finanzjament miġbur fil-livell tal-Unjoni, huwa essenzjali għat-tlestija tas-suq intern fis-servizzi finanzjarji. Fis-suq intern, il-falliment tal-banek fi Stat Membru wieħed jista’ jaffettwa l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji tal-Unjoni kollha kemm hi. L-implimentazzjoni ta’ regoli effikaċi u uniformi u kondizzjonijiet identiċi ta’ finanzjament fil-qasam tar-riżoluzzjoni fl-Istati Membri kollha huwa fl-aħjar interessi mhux biss tal-Istati Membri fejn joperaw il-banek, iżda wkoll tal-Istati Membri kollha inġenerali, peress li tippermetti li jiġu żgurati kondizzjonijiet ekwi ta’ kompetizzjoni u sabiex jitjieb il-funzjonament tas-suq intern. Is-sistemi bankarji fis-suq intern huma interkonnessi ħafna, il-gruppi bankarji huma internazzjonali u l-banek għandhom perċentwali kbir ta’ assi barranin. Fin-nuqqas tas-SRM, il-kriżijiet bankarji fl-Istati Membri li qed jieħdu sehem fs-SSM [MSU] jkollhom impatt sistemiku negattiv aktar b’saħħtu anki fi Stati Membri mhux parteċipanti. L-istabbiliment tas-SRM se jiżgura approċċ newtrali fit-trattament ma’ banek li qed ifallu u għalhekk iżid l-istabbiltà tal-banek tal-Istati Membri parteċipanti u jevita li l-kriżijiet jinxterdu fl-Istati Membri mhux parteċipanti u għalhekk se jiffaċilita l-funzjonament tas-suq intern kollu. Il-mekkaniżmi għall-kooperazzjoni fir-rigward tal-istituzzjonijiet stabbiliti kemm fl-Istati Membri parteċipanti kif ukoll f’dawk mhux parteċipanti għandhom ikunu ċari, u l-ebda Stat Membru jew grupp ta’ Stati Membri ma għandu jkun diskriminat, direttament jew indirettament, bħala post għas-servizzi finanzjarji.”

8        Ir-Regolament Nru 806/2014, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1, għandu l-għan li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-entitajiet ddefiniti fl-Artikolu 2 li huma stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti, jiġifieri, l-banek li l-awtorità superviżorja tagħhom fil-pajjiż tal-oriġini hija l-BĊE jew l-awtorità kompetenti nazzjonali fl-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro jew fi Stati Membri li l-munita tagħhom ma hijiex l-euro li stabbilew kooperazzjoni mill-qrib skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1024/2013 (ara l-premessa 15 tar-Regolament Nru 806/2014).

9        It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 806/2014 jipprovdi li dawn ir-regoli uniformi u din il-proċedura uniformi għandhom jiġu applikati mill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), stabbilit mill-Artikolu 42 ta’ dan l-istess regolament, flimkien mal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea kif ukoll l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni nazzjonali, fil-kuntest tas-SRM maħluq minn dan l-istess regolament. Huwa wkoll previst li s-SRM ser jiddependi fuq Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF).

10      Skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 806/2014, is-SRB għandu jiddeċiedi dwar miżura ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ istituzzjoni finanzjarja stabbilita fi Stat Membru parteċipanti meta jiġu ssodisfatti t-tliet kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 18(1) tal-istess regolament.

11      L-ewwel kundizzjoni teħtieġ li l-falliment tal-entità jkun seħħ jew x’aktarx ser iseħħ. L-evalwazzjoni ta’ din il-kundizzjoni għandha titwettaq mill-BĊE, wara konsultazzjoni mas-SRB, jew mis-SRB, u għandha titqies bħala ssodisfatta jekk l-entità tkun f’waħda jew iktar mis-sitwazzjonijiet elenkati fl-Artikolu 18(4) tar-Regolament Nru 806/2014.

12      It-tieni kundizzjoni tassumi li ma teżisti ebda perspettiva raġonevoli li miżuri privati jew prudenzjali oħra jipprekludu l-falliment tal-entità fi żmien raġonevoli.

13      It-tielet kundizzjoni timplika li miżura ta’ riżoluzzjoni hija meħtieġa fl-interess pubbliku, jiġifieri li din hija neċessarja sabiex jintlaħaq għan wieħed jew iktar tar-riżoluzzjoni, filwaqt li likwidazzjoni tal-entità fi proċedimenti normali ta’ insolvenza ma tippermettix dan bl-istess mod.

14      L-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 806/2014 jiddefinixxi l-għanijiet tar-riżoluzzjoni bħala dawn li ġejjin: li tiġi żgurata l-kontinwità ta’ funzjonijiet kritiċi; li jiġu evitati effetti negattivi sinjifikattivi fuq l-istabbiltà finanzjarja, b’mod partikolari permezz tal-prevenzjoni tal-kontaġju; li jiġu protetti l-fondi pubbliċi billi tiġi mminimizzata d-dipendenza fuq l-għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja; li jiġu protetti d-depożitanti kif ukoll l-investituri u li jiġu protetti l-fondi u l-assi tal-klijenti.

15      L-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprevedi li, qabel jiddeċiedi dwar azzjoni ta’ riżoluzzjoni jew l-eżerċizzju tas-setgħa li jagħmel żvalutazzjoni jew li jikkonverti strumenti ta’ fondi proprji rilevanti, is-SRB għandu jiżgura li titwettaq valutazzjoni ġusta, prudenti u realistika tal-assi u l-obbligazzjonijiet ta’ entità kkonċernata minn persuna indipendenti minn kwalunkwe awtorità pubblika, inkluż is-SRB u l-awtorità ta’ riżoluzzjoni nazzjonali, u mill-entità kkonċernata.

16      Skont l-Artikolu 20(15) tar-Regolament Nru 806/2014, il-valutazzjoni għandha tkun parti integrali tad-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni ta’ għodda ta’ riżoluzzjoni jew dwar l-eżerċizzju ta’ setgħa ta’ riżoluzzjoni jew id-deċiżjoni dwar l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ żvalutazzjoni jew ta’ konverżjoni tal-istrumenti ta’ fondi proprji.

17      Meta l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014 jkunu ssodisfatti, is-SRB għandu jadotta skema ta’ riżoluzzjoni.

18      Meta jaġixxu fil-kuntest tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni, is-SRB, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li l-miżura ta’ riżoluzzjoni tittieħed skont ċerti prinċipji elenkati fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 806/2014, u fosthom hemm il-prinċipju li l-azzjonisti tal-istituzzjoni suġġetta għal proċedura ta’ riżoluzzjoni huma l-ewwel li jġarrbu t-telf kif ukoll il-prinċipju li l-ebda kreditur ma huwa ser iġarrab telf li huwa ikbar milli kien iġarrab kieku l-entità suġġetta għall-miżura ta’ riżoluzzjoni kellha tiġi stralċjata skont proċeduri normali ta’ insolvenza.

19      Fl-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB għandu jiddetermina l-applikazzjoni tal-għodod ta’ riżoluzzjoni. L-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 806/2014 jelenka d-diversi għodod ta’ riżoluzzjoni disponibbli, jiġifieri l-għodda tal-bejgħ ta’ operat, ir-rikors għal istituzzjoni tranżitorja, u s-separazzjoni tal-assi u ta’ rikapitalizzazzjoni interna.

20      Fl-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB jista’ wkoll jeżerċita s-setgħa ta’ żvalutazzjoni jew ta’ konverżjoni tal-istrumenti ta’ fondi proprji tal-entità kkonċernata skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 806/2014. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 806/2014, miżura ta’ riżoluzzjoni tista’ tinvolvi wkoll l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat jew ir-rikors għas-SRF.

21      Skont l-Artikolu 18(7) tar-Regolament Nru 806/2014, immedjatament wara l-adozzjoni tiegħu, is-SRB għandu jittrażmetti l-iskema ta’ riżoluzzjoni lill-Kummissjoni. Fi żmien erbgħa u għoxrin siegħa mit-trażmissjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni mis-SRB, il-Kummissjoni jew tapprova l-iskema ta’ riżoluzzjoni jew toġġezzjona fuq l-aspetti diskrezzjonali tagħha, minbarra dawk previsti fit-tielet subparagrafu, jiġifieri l-osservanza tal-kriterju tal-interess pubbliku jew bidla sinjifikattiva fl-ammont tas-SRF. Fir-rigward ta’ dawn l-aħħar aspetti diskrezzjonali, fi żmien tnax-il siegħa mit-trażmissjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni mis-SRB, il-Kummissjoni tista’ tipproponi lill-Kunsill sabiex joħroġ oġġezzjonijiet għall-iskema ta’ riżoluzzjoni adottata mis-SRB peress li ma tissodisfax il-kriterju tal-interess pubbliku jew li japprova jew jirrifjuta bidla sinjifikattiva fl-ammont tas-SRF previst fl-iskema ta’ riżoluzzjoni adottata mis-SRB. L-iskema ta’ riżoluzzjoni tista’ tidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni fi żmien erba’ u għoxrin siegħa wara t-trażmissjoni tagħha mis-SRB.

22      L-Artikolu 18(9) tar-Regolament Nru 806/2014 jindika li s-SRB għandu jiżgura li jiġu adottati l-miżuri ta’ riżoluzzjoni meħtieġa sabiex tiġi applikata l-iskema ta’ riżoluzzjoni mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni nazzjonali rilevanti. Dawn tal-aħħar huma d-destinatarji tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, li tatihom istruzzjoni sabiex jadottaw il-miżuri neċessarji kollha sabiex jimplimentawha b’konformità mal-Artikolu 29 tal-isetess regolament, billi jeżerċitaw is-setgħat ta’ riżoluzzjoni.

23      Wara l-adozzjoni ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni, skont l-Artikolu 20(16) tar-Regolament Nru 806/2014, is-SRB għandu jiżgura li ssir valutazzjoni minn persuna indipendenti, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-azzjonisti u l-kredituri kinux jibbenefikaw minn trattament aħjar kieku l-istituzzjoni suġġetta għal proċedura ta’ riżoluzzjoni kienet għaddiet minn proċedimenti normali ta’ insolvenza. Din il-valutazzjoni tista’ twassal, skont l-Artikolu 76(1)(e) tar-Regolament Nru 806/2014, għal kumpens lill-azzjonisti jew lill-kredituri jekk ikunu ġarrbu iktar telf fil-kuntest tar-riżoluzzjoni milli kieku kienu jġarrbu fi stralċ skont proċeduri normali ta’ insolvenza.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-fatti sussegwenti għall-preżentata tar-rikors

24      Ir-rikorrenti, Algebris (UK) Ltd u Anchorage Capital Group LLC, huma l-amministraturi ta’ fondi ta’ investimenti li kellhom strumenti kapitali addizzjonali tal-kategorija 1 jew strumenti kapitali tal-kategorija 2 maħruġa minn Banco Popular Español, SA (iktar ’il quddiem “Banco Popular”) qabel l-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ din tal-aħħar.

 Fuq is-sitwazzjoni ta’ Banco Popular qabel l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni

25      Il-grupp Banco Popular, li l-kumpannija omm tiegħu kienet Banco Popular, fid-data tar-riżoluzzjoni, kien is-sitt grupp bankarju Spanjol.

26      Fl-2016, Banco Popular għamel żieda fil-kapital b’EUR 2.5 biljun.

27      Fil-5 ta’ Diċembru 2016, is-Sessjoni Eżekuttiva tas-SRB adottat pjan ta’ riżoluzzjoni tal-grupp Banco Popular. L-għodda ta’ riżoluzzjoni ppreferuta f’dan il-pjan ta’ riżoluzzjoni kienet l-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna previst fl-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 806/2014.

28      Fit-3 ta’ Frar 2017, Banco Popular ippubblika r-rapport annwali tiegħu tal-2016, li fih ħabbar il-ħtieġa ta’ provvedimenti eċċezzjonali li jammontaw għal EUR 5.7 biljun, li jwasslu għal telf ikkonsolidat ta’ EUR 3.485 biljun, kif ukoll il-ħatra ta’ president ġdid.

29      Fl-10 ta’ Frar 2017, DBRS Ratings Limited (DBRS) (li saret DBRS Morningstar) baxxiet il-klassifikazzjoni ta’ Banco Popular, bi prospetti negattivi, fid-dawl tal-pożizzjoni mdgħajfa tal-kapital ta’ Banco Popular bħala riżultat ta’ telf nett ikbar minn dak previst fir-rapport annwali tiegħu, imsemmija fil-punt 28 iktar ’il fuq, kif ukoll tal-isforzi minn Banco Popular sabiex inaqqas l-istokk tiegħu li kien għadu għoli ta’ assi li ma jrendux.

30      Fit-3 ta’ April 2017, Banco Popular ħabbar ir-riżultati tal-awditi interni li jindikaw li jistgħu jkunu meħtieġa korrezzjonijiet għar-rapport annwali tal-2016. Dawn l-aġġustamenti twettqu fir-rapport finanzjarju ta’ Banco Popular għall-ewwel tliet xhur tal-2017.

31      Fl-10 ta’ April 2017, fil-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti ta’ Banco Popular, il-President tal-Bord tad-Diretturi ħabbar li l-bank kien qiegħed jikkunsidra jew żieda fil-kapital, jew tranżazzjoni ta’ negozju minħabba s-sitwazzjoni tal-grupp f’termini ta’ fondi proprji u l-livell tiegħu ta’ assi li ma jrendux. Il-President-Direttur Ġenerali ta’ Banco Popular ġie sostitwit inqas minn sena wara li beda l-mandat tiegħu.

32      Wara t-tħabbira tat-3 ta’ April 2017 dwar il-ħtieġa li jiġu aġġustati r-riżultati finanzjarji tal-2016, DBRS, fis-6 ta’ April, baxxiet il-klassifikazzjoni ta’ Banco Popular filwaqt li żammet il-perspettiva negattiva tagħha. Standard & Poor’s, fis-7 ta’ April, u Moody’s Investors service (iktar ’il quddiem “Moody’s”), fil-21 ta’ April 2017, ukoll baxxew il-klassifikazzjoni ta’ Banco Popular b’perspettiva negattiva.

33      F’April 2017, Banco Popular beda proċedura ta’ bejgħ privat bil-għan li jinbiegħ lil kompetitur b’saħħtu, li kellu jwassal sabiex jirrestawra s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu. Id-data ta’ skadenza għall-akkwirenti potenzjali interessati fl-akkwist ta’ Banco Popular sabiex jissottomettu l-offerta tagħhom kienet l-10 ta’ Ġunju 2017, u sussegwentement ġiet estiża sal-aħħar tax-xahar ta’ Ġunju 2017.

34      Fil-5 ta’ Mejju 2017, Banco Popular ippreżenta r-rapport finanzjarju tiegħu għall-ewwel tliet xhur tal-2017, fejn ħabbar it-telf fl-ammont ta’ EUR 137 miljun.

35      Fit-12 ta’ Mejju 2017, ir-rekwiżit ta’ kopertura tal-ħtiġiet ta’ likwidità (Liquidity Coverage Requirement) ta’ Banco Popular waqa’ taħt il-limitu minimu ta’ 80 % stabbilit fl-Artikolu 460(2)(c) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013, dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2013, L 176, p. 1).

36      Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Mejju 2017, Banco Santander, SA infurmat lil Banco Popular li ma kinitx f’pożizzjoni li tippreżenta offerta definittiva fil-kuntest tal-proċedura ta’ bejgħ privat.

37      Fis-16 ta’ Mejju 2017, Banco Popular, f’komunikazzjoni ta’ fatt rilevanti għall-Comisión nacional del mercado de valores (CNMV, Il-Kummissjoni Nazzjonali tas-Suq tat-Titoli, Spanja), iddikjarat li akkwirenti potenzjali kienu esprimew l-interess tagħhom fil-proċedura ta’ bejgħ privat, iżda li ma kienet ġiet riċevuta l-ebda offerta definittiva.

38      Fid-19 ta’ Mejju 2017, l-aġenzija FITCH baxxiet il-klassifikazzjoni fit-tul ta’ Banco Popular.

39      Fit-23 ta’ Mejju 2017, il-Presidenta tas-SRB, Elke König, tat intervista lill-istazzjon televiżiv Bloomberg, li matulha ġiet mistoqsija, b’mod partikolari, dwar is-sitwazzjoni ta’ Banco Popular.

40      Matul ix-xahar ta’ Mejju 2017, diversi artikli mill-istampa rrappurtaw id-diffikultajiet ta’ Banco Popular. Pereżempju, għandu jissemma artikolu tal-11 ta’ Mejju 2017, ippubblikat fuq is-sit internet elconfidencial.com, intitolat “Saracho jordna l-bejgħ urġenti ta’ Popular lil JP Morgan u Lazard minħabba r-riskju ta’ falliment” (Saracho encarga la venta urgente del Popular a JP Morgan y Lazard por riesgo de quiebra). F’dan l-artikolu, huwa ddikjarat li l-President tal-bank kien ikkummissjona lil JP Morgan u Lazard sabiex jorganizzaw il-bejgħ urġenti tal-bank minħabba riskju ta’ falliment, dovut għall-ħarba massiva ta’ depożiti minn klijenti individwali u istituzzjonali u li kien iqis li l-uniku mod sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà tal-bank kien il-bejgħ sħiħ u imminenti tal-grupp kollu. L-artiklu jgħid li, “minħabba l-persistenza tal-ħruġ ta’ depożiti u l-għeluq ta’ sorsi esterni ta’ finanzjament, il-bank huwa f’riskju serju ta’ falliment, u li [il-President tiegħu] għalhekk kien kostrett jattiva l-aktar miżura drastika u sabiex progessivament jastjeni milli jbiegħ l-assi tiegħu sabiex itejjeb il-proporzjonijiet tal-fondi proprji u jissodisfa r-rekwiżiti tal-BĊE”.

41      Fil-15 ta’ Mejju 2017, artiklu ppubblikat fuq is-sit tal-internet elconfidencial.com, bit-titolu “Il-BĊE jispezzjona lil Banco Popular għal xahrejn f’nofs il-proċess sħiħ tal-bejgħ” (El BCE inspecciona a Banco Popular durante dos meses en pleno proceso de venta), jirrapporta li l-pjan tal-bejgħ ta’ Banco Popular, implimentat mill-president tiegħu, sar wara l-ispezzjoni tal-BĊE, li kien ikkonferma d-defiċit ta’ provvedimenti. Skont dan l-artikolu, l-ispetturi tal-BĊE kienu kkonkludew li d-diffikultajiet ta’ Banco Popular huma marbuta mad-defiċit ta’ provvedimenti tiegħu sabiex ikopri l-espożizzjoni immobbli tiegħu, u li kien meħtieġ li jiġi evitat il-ħruġ okkażjonali ta’ depożiti. Dawn l-ispetturi esprimew ukoll it-tħassib tagħhom dwar il-preżentazzjoni tal-kontijiet tal-2016.

42      Fil-31 ta’ Mejju 2017, l-aġenzija Reuters ippubblikat artikolu bit-titolu “L-UE, imwissija bir-riskju ta’ riżoluzzjoni ta’ Banco Popular” (EU warned of wind-down risk for Spain’s Banco Popular). B’mod partikolari dan l-artikolu jsemmi li, skont uffiċjal għoli tal-Unjoni li baqa’ anonimu, wieħed mis-superviżuri ewlenin tal-banek fl-Ewropa wissa lill-uffiċjali tal-Unjoni li Banco Popular kien jista’ jeħtieġ riżoluzzjoni jekk ma jkunx jista’ jsib akkwirent. Skont dan l-artiklu, dan l-uffiċjal indika wkoll li l-Presidenta tas-SRB kienet reċentement ħarġet “twissija bikrija,” u ddikjarat li s-SRB kien qiegħed isegwi l-proċedura (ta’ Banco Popular) b’attenzjoni partikolari bil-ħsieb ta’ intervent possibbli.

43      Fl-istess jum, is-SRB ippubblika stqarrija għall-istampa intiża sabiex tikkontesta l-kontenut ta’ dan l-artiklu.

44      Fl-ewwel jiem ta’ Ġunju tal-2017, Banco Popular affaċċja ġbid massiv ta’ likwidità.

45      Fil-5 ta’ Ġunju 2017, Banco Popular ippreżenta, filgħodu, l-ewwel talba għall-għoti urġenti ta’ likwidità lil Banco de España (il-Bank ta’ Spanja), sussegwentement, it-tieni talba, waranofsinhar, li kien fiha estensjoni tal-ammont mitlub, minħabba movimenti kbar ta’ likwidità. Fuq il-bażi ta’ talba mill-Bank ta’ Spanja u wara l-evalwazzjoni tal-BĊE tal-istess jum tat-talba ta’ Banco Popular għall-għoti urġenti ta’ likwidità, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE ma qajjem l-ebda oġġezzjoni għall-għoti urġenti ta’ likwidità lil Banco Popular għall-perijodu sat-8 ta’ Ġunju 2017. Banco Popular irċieva parti minn dan l-għoti urġenti ta’ likwidità, u sussegwentement il-Bank ta’ Spanja indika li ma kienx f’pożizzjoni jipprovdi għoti urġenti ta’ likwidità supplementari lil Banco Popular.

46      Fis-6 ta’ Ġunju 2017, DBRS u Moody’s baxxew il-klassifikazzjoni ta’ Banco Popular.

 Fuq fatti oħra qabel l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni

47      Fit-23 ta’ Mejju 2017, is-SRB inkariga lil Deloitte, bħala espert indipendenti, sabiex twettaq il-valutazzjoni ta’ Banco Popular skont l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 806/2014.

48      Fl-24 ta’ Mejju 2017, is-SRB talab mingħand Banco Popular, abbażi tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 806/2014, l-informazzjoni meħtieġa bil-ħsieb li titwettaq il-valutazzjoni tiegħu. Fit-2 ta’ Ġunju 2017, huwa talab ukoll lil Banco Popular sabiex jipprovdi informazzjoni dwar il-proċess tal-bejgħ privat u sabiex jipprovdi aċċess għall-kamra virtwali sikura tad-data li dan tal-aħħar kien stabbilixxa fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

49      Fit-3 ta’ Ġunju 2017, is-Sessjoni Eżekuttiva tas-SRB adottat id-Deċiżjoni SRB/EES/2017/06, indirizzata lill-Fondo de Reestructuración Ordenada Bancaria (FROB, Fond ta’ ristrutturazzjoni ordnata tal-istituzzjonijiet bankarji, Spanja), dwar il-kummerċjalizzazzjoni ta’ Banco Popular. Is-SRB approva l-bidu immedjat tal-proċedura tal-bejgħ ta’ Banco Popular mill-FROB u indika lil dan tal-aħħar ir-rekwiżiti tal-bejgħ skont l-Artikolu 39 tad-Direttiva 2014/59. Is-SRB indika b’mod partikolari li l-FROB kellu jikkuntattja lill-ħames akkwirenti potenzjali li kienu mistiedna jissottomettu offerta fil-kuntest tal-proċedura ta’ bejgħ privat.

50      Fost il-ħames akkwirenti potenzjali, tnejn iddeċidew li ma jipparteċipawx fil-proċedura ta’ bejgħ u wieħed ġie eskluż mill-BĊE għal raġunijiet prudenzjali.

51      Fl-4 ta’ Ġunju 2017, iż-żewġ akkwirenti potenzjali li kienu ddeċidew li jipparteċipaw fil-proċedura ta’ bejgħ, Banco Santander u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria, SA (BBVA), iffirmaw ftehim ta’ nuqqas ta’ żvelar u, fil-5 ta’ Ġunju 2017, kellhom aċċess għall-kamra virtwali tad-data.

52      Fil-5 ta’ Ġunju 2017, is-SRB adotta l-ewwel valutazzjoni (iktar ’il quddiem il-“valutazzjoni 1”) skont l-Artikolu 20(5)(a) tar-Regolament Nru 806/2014, li kellha bħala l-għan tagħha li tipprovdi l-elementi li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk kinux issodisfatti l-kundizzjonijiet tal-attivazzjoni ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni, kif iddefiniti fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014.

53      Fis-6 ta’ Ġunju 2017, il-BĊE wettaq valutazzjoni dwar is-sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ Banco Popular, wara li kkonsulta lis-SRB, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014.

54      F’din il-valutazzjoni, il-BĊE indika li, matul ix-xhur preċedenti, Banco Popular kien ġarrab deterjorament sinjifikattiv fis-sitwazzjoni tal-likwidità tiegħu, dovut prinċipalment għal eżawriment sinjifikattiv tal-bażi tad-depożiti tiegħu. Banco Popular esperjenza ħruġ sinjifikattiv ta’ flus fis-segmenti kollha tal-klijentela tiegħu. Il-BĊE elenka l-avvenimenti li wasslu għall-problemi ta’ likwidità li kellu jaffaċċja Banco Popular.

55      F’dan ir-rigward, huwa rrileva li, fi Frar tal-2017, matul il-preżentazzjoni tal-kontijiet annwali tagħha, Banco Popular kien żvela ħtieġa ta’ provvedimenti eċċezzjonali li jammontaw għal EUR 5.7 biljun, li wasslu għal telf ta’ EUR 3.485 biljun fl-2016, kif ukoll is-sostituzzjoni tal-President tiegħu li kien ilu f’din il-kariga għal żmien twil, li wettaq reviżjoni tal-istrateġija tal-bank. It-tħabbira ta’ provvedimenti addizzjonali u ta’ telf fi tmiem is-sena finanzjarja kienet wasslet għal tnaqqis fil-klassifikazzjoni ta’ Banco Popular minn DBRS fl-10 ta’ Frar 2017 u kienet qajmet tħassib serju min-naħa tal-klijenti ta’ Banco Popular, li rriżulta fi ġbid kbir u mhux mistenni ta’ depożiti u fi frekwenza għolja ta’ żjarat tal-klijenti fil-fergħat tal-banek.

56      Il-BĊE ddikjara wkoll li l-pubblikazzjoni minn Banco Popular, fit-3 ta’ April 2017, ta’ dikjarazzjoni pubblika ad hoc li tħabbar l-eżitu ta’ diversi awditi interni li jista’ jkollhom impatt sinjifikattiv fuq l-istati finanzjarji tal-istituzzjoni, kif ukoll il-konferma li l-President-Direttur Ġenerali tal-istituzzjoni kien ser jiġi ssostitwit inqas minn sena wara d-dħul fil-kariga tiegħu, kienu wasslu għal mewġa oħra ta’ ġbid ta’ depożiti. Il-BĊE rrileva li din il-mewġa ta’ ġbid ta’ depożiti kienet ukoll xprunata minn:

–        tnaqqis fil-grad tal-klassifikazzjoni ta’ Banco Popular minn Standard & Poor’s fis-7 ta’ April 2017;

–        it-tħabbira minn Banco Popular, fl-10 ta’ April 2017, li ma kinitx ser tħallas dividendi u li żieda fil-kapital jew tranżazzjoni korporattiva tista’ tkun meħtieġa minħabba s-sitwazzjoni ristretta fil-kapital tagħha u l-allinjament meħtieġ fuq il-pari tagħha tal-kopertura ta’ assi li ma jrendux;

–        tnaqqis fil-klassifikazzjoni ta’ Banco Popular minn Moody’s fil-21 ta’ April 2017;

–        l-iżvelar tar-riżultati tal-ewwel trimestru tal-2017 li kienu agħar minn dawk previsti;

–        il-kopertura negattiva u kontinwa tal-medja, bħall-artikli tal-11 u tal-15 ta’ Mejju 2017 imsemmija fil-punti 40 u 41 iktar ’il fuq, jissuġġerixxu li l-President ta’ Banco Popular kien ordna bejgħ urġenti tal-bank minħabba riskju imminenti ta’ falliment jew nuqqas ta’ likwidità, u li l-bank kellu jaffaċċja ħtieġa addizzjonali sinjifikattiva għal provvedimenti li jirriżultaw minn spezzjoni fuq il-post mis-superviżur.

57      Il-BĊE kkonstata wkoll li d-depożiti li ntilfu mill-31 ta’ Mejju 2017 kienu partikolarment rilevanti, wara l-iżvelar fil-media li l-bank seta’ jiġi stralċjat jekk il-proċess ta’ bejgħ kurrenti ma jirnexxix fi żmien qasir ħafna.

58      Barra minn hekk, il-BĊE rrileva li, għalkemm Banco Popular kien żviluppa diversi miżuri li jiġġeneraw likwidità addizzjonali fil-ġimgħat preċedenti u beda jimplimentahom, id-daqs tal-influssi mwettqa u li kienu għadhom mistennija ma kienx biżżejjed sabiex jirrimedja l-eżawriment tal-pożizzjoni tal-likwidità ta’ Banco Popular fid-data tal-valutazzjoni. Huwa indika wkoll li, anki bl-użu tal-provvista urġenti ta’ likwidità li għaliha l-Kunsill Governattiv tal-BĊE ma kienx qajjem oġġezzjonijiet fil-5 ta’ Ġunju 2017, is-sitwazzjoni tal-likwidità f’dik id-data ma kinitx biżżejjed sabiex tiggarantixxi l-kapaċità ta’ Banco Popular li tissodisfa l-impenji tiegħu sa mhux iktar tard mis-7 ta’ Ġunju 2017.

59      Il-BĊE qies li l-miżuri diġà adottati minn Banco Popular ma kinux suffiċjentement effettivi sabiex ireġġgħu lura d-deterjorament tal-pożizzjoni tal-likwidità tiegħu. Il-Kummissjoni tinnota li, bħala miżura alternattiva sabiex jiżgura l-kapaċità tiegħu li jissodisfa l-impenji tiegħu li kienu waslu biex jimmaturaw, il-Banco Popular kien qiegħed jipprova jimplimenta tranżazzjoni ta’ negozju, jiġifieri l-bejgħ tiegħu lil kompetitur iktar b’saħħtu. Madankollu, il-BĊE qies li, fid-dawl tad-deterjorament tas-sitwazzjoni tal-likwidità ta’ Banco Popular, l-assenza ta’ prova tal-kapaċità ta’ dan tal-aħħar li jreġġa’ lura s-sitwazzjoni tal-likwidità tiegħu fil-futur qrib u tal-fatt li n-negozjati sa dak iż-żmien ma wasslux għal riżultat pożittiv, il-konferma ta’ tranżazzjoni privata bħal din ma kinitx prevedibbli f’terminu ta’ żmien li kien jippermetti lil Banco Popular li jkun jista’ tħallas id-djun tiegħu jew impenji oħra meta dawn jilħqu l-maturità tagħhom.

60      Il-BĊE kkonstata li, fl-istess ħin, ma kienet teżisti l-ebda miżura ta’ sorveljanza jew ta’ intervent bikri disponibbli li tippermetti li tiġi rrestawrata b’mod immedjat is-sitwazzjoni tal-likwidità ta’ Banco Popular u li tiżguralu żmien biżżejjed sabiex jimplimenta tranżazzjoni kummerċjali jew soluzzjoni oħra. Il-miżuri għad-dispożizzjoni tal-BĊE bħala awtorità kompetenti, bis-saħħa tat-traspożizzjoni nazzjonali tal-Artikolu 104 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013, dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU 2013, L 176, p. 338), u l-Artikoli 27 sa 29 tad-Direttiva 2014/59 jew l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1024/2013, ma setgħux jiżguraw li Banco Popular ikun f’pożizzjoni li jħallas id-djun tiegħu jew impenji oħra meta dawn jilħqu l-maturità tagħhom, minħabba l-portata u r-ritmu tad-deterjorament fil-likwidità osservata.

61      Bħala konklużjoni, il-BĊE, filwaqt li ħa inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-ħruġ eċċessiv ta’ depożiti, il-ħeffa li biha l-bank kien tilef il-likwidità u l-inkapaċità tiegħu li jiġġenera likwiditajiet oħrajn, qies li kien hemm elementi oġġettivi li jindikaw li Banco Popular probabbilment ma kienx ser ikun f’pożizzjoni, fil-futur qarib, li jħallas id-djun tiegħu jew l-impenji l-oħra tiegħu meta dawn jilħqu l-maturità tagħhom. Il-BĊE kkonkluda li l-falliment ta’ Banco Popular kien meqjus li seħħ jew, fi kwalunkwe każ, li x’aktarx ser iseħħ fil-futur qarib, b’mod konformi mal-Artikolu 18(1)(a) u (4)(c) tar-Regolament Nru 806/2014.

62      Fis-6 ta’ Ġunju 2017, il-Bord tad-Diretturi ta’ Banco Popular informa lill-BĊE li kien wasal għall-konklużjoni li l-bank kien f’sitwazzjoni ta’ falliment li x’aktarx ser iseħħ.

63      Fl-istess jum, il-FROB adotta ittra li tinkludi l-informazzjoni dwar il-proċedura ta’ bejgħ (iktar ’il quddiem l-“ittra ta’ proċedura”) u li tiffissa t-termini għas-sottomissjoni tal-offerti f’nofsillejl tas-6 ta’ Ġunju 2017.

64      Fl-istess jum, il-BBVA, wieħed miż-żewġ akkwirenti potenzjali ta’ Banco Popular, infurmat lill-FROB li ma kienx ser jagħmel offerta.

65      Ukoll fis-6 ta’ Ġunju 2017, Deloitte bagħtet lis-SRB it-tieni valutazzjoni (iktar ’il quddiem il-“valutazzjoni 2”), redatta skont l-Artikolu 20(10) tar-Regolament Nru 806/2014. Il-valutazzjoni 2 kellha l-għan li tistma l-valur tal-assi u tal-obbligazzjonijiet ta’ Banco Popular, li tipprovdi stima dwar it-trattament li minnu kienu jibbenefikaw l-azzjonisti u l-kredituri li kieku Banco Popular kien is-suġġett ta’ proċedura normali ta’ insolvenza, kif ukoll li tipprovdi l-elementi li jippermettu li tittieħed id-deċiżjoni dwar l-azzjonijiet u t-titoli ta’ proprjetà li għandhom jiġu ttrasferiti u li jippermettu lis-SRB li jiddetermina l-kundizzjonijiet kummerċjali tal-għodda ta’ bejgħ ta’ operat. B’mod partikolari, din il-valutazzjoni stmat il-valur ekonomiku ta’ Banco Popular fl-ammont ta’ EUR 1.3 biljun fl-aħjar xenarju, tal-anqas EUR 8.2 biljun fl-agħar xenarju possibbli, u tal-anqas EUR 2 biljun fl-aħjar stima.

66      Fis-7 ta’ Ġunju 2017, Banco Santander issottometta offerta definittiva.

67      Permezz ta’ ittra datata tas-7 ta’ Ġunju 2017, il-FROB informa lis-SRB li Banco Santander kien issottometta offerta fis-7 ta’ Ġunju fit-3:12 a.m., u li l-prezz offrut minn Banco Santander għall-bejgħ tal-azzjonijiet ta’ Banco Popular kien ta’ EUR 1. Il-FROB iddikjara li l-bord ta’ tmexxija tiegħu għażel lil Banco Santander bħala l-offerent rebbieħ fil-proċedura ta’ bejgħ kompetittiv ta’ Banco Popular u ddeċieda li jipproponi lis-SRB li jaħtar lil Banco Santander bħala l-akkwirent fid-deċiżjoni tas-SRB dwar l-adozzjoni ta’ dispożittiv ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ Banco Popular.

 Fuq l-iskema ta’ riżoluzzjoni ta’ Banco Popular tas-7 ta’ Ġunju 2017

68      Fis-7 ta’ Ġunju 2017, is-Sessjoni Eżekuttiva tas-SRB adottat id-Deċiżjoni SRB/EES/2017/08 dwar skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ Banco Popular abbażi (iktar ’il quddiem l-“iskema ta’ riżoluzzjoni”), abbażi tar-Regolament Nru 806/2014.

69      Skont l-Artikolu 1 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB, billi kkunsidra li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014 ġew issodisfatti, iddeċieda li jissottometti lil Banco Popular għal proċedura ta’ riżoluzzjoni mid-data tar-riżoluzzjoni.

70      Għalhekk, is-SRB qies, fl-ewwel lok, li Banco Popular kien qiegħed f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, fit-tieni lok, li ma kinux jeżistu miżuri oħra li setgħu jipprekludu l-falliment ta’ Banco Popular f’terminu raġonevoli u, fit-tielet lok, li miżura ta’ riżoluzzjoni fil-forma ta’ għodda ta’ bejgħ ta’ operat ta’ Banco Popular kienet neċessarja fl-interess pubbliku. F’dan ir-rigward, is-SRB indika li r-riżoluzzjoni kienet neċessarja u proporzjonata sabiex jintlaħqu żewġ għanijiet previsti fl-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 806/2014, jiġifieri li tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi tal-bank u li jiġu evitati effetti negattivi sinjifikattivi fuq l-istabbiltà finanzjarja.

71      Fl-Artikolu 5.1 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB iddeċieda kif ġej:

“L-għodda ta’ riżoluzzjoni applikata għal Banco Popular se jikkonsisti f’bejgħ ta’ operat skont l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 806/2014 bit-trasferiment tal-azzjonijiet lil akkwirent. L-iżvalutazzjoni u l-konverżjoni tal-istrumenti ta’ fondi proprji ser jitwettqu immedjatament qabel l-applikazzjoni tal-għodda ta’ bejgħ ta’ operat.”

72      L-Artikolu 6 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni jikkonċerna l-iżvalwazzjoni tal-istrumenti fondi proprji u l-għodda tal-bejgħ ta’ operat. Fl-Artikolu 6.1, is-SRB indika l-miżuri li kien adotta b’applikazzjoni tas-setgħa ta’ żvalwazzjoni prevista fl-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 806/2014.

73      Għalhekk, fl-Artikolu 6.1 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB iddeċieda:

–        qabelxejn, li jiżvaluta l-ammont nominali tal-kapital azzjonarju [ta’] Banco Popular bl-ammont ta’ EUR 2 098 429 046, fatt li wassal għall-annullament ta’ 100 % tal-azzjonijiet ta’ Banco Popular;

–        sussegwentement, li jikkonverti l-ammont prinċipali kollu tal-istrumenti ta’ fondi proprji addizzjonali tal-kategorija 1 maħruġa minn Banco Popular u fiċ-ċirkulazzjoni fid-data tal-iskema ta’ riżoluzzjoni f’azzjonijiet ġodda maħruġa minn Banco Popular, l-“azzjonijiet ġodda I”;

–        sussegwentement, li jiżvaluta għal żero tal-valur nominali tal-“azzjonijiet ġodda I” fatt li wassal għall-annullament ta’ 100 % ta’ dawn l-“azzjonijiet ġodda I”;

–        fl-aħħar, li jikkonverti l-ammont prinċipali kollu tal-istrumenti ta’ fondi proprji tal-kategorija 2 maħruġa minn Banco Popular u fiċ-ċirkulazzjoni fid-data tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni f’azzjonijiet ġodda maħruġa minn Banco Popular, l-“azzjonijiet ġodda II”.

74      L-Artikolu 6.3 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni jipprovdi li dawn il-miżuri ta’ żvalutazzjoni u ta’ konverżjoni huma bbażati fuq il-valutazzjoni 2, ikkorroborati mir-riżultati ta’ proċess ta’ bejgħ trasparenti u miftuħ imwettaq mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni Spanjola, il-FROB.

75      Fl-Artikolu 6.5 tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni, is-SRB indika li huwa kien qiegħed jeżerċita s-setgħat mogħtija lilu mill-Artikolu 24(1)(a) tar-Regolament Nru 806/2014, dwar l-għodda ta’ bejgħ ta’ operat u li kien qiegħed jordna li l-“azzjonijiet ġodda II” jiġu ttrasferiti lil Banco Santander, liberi u mingħajr ebda dritt jew privileġġ favur terz, inkambju għall-ħlas ta’ prezz tax-xiri ta’ EUR 1. Ġie ppreċiżat li l-akkwirent kien diġà ta l-kunsens tiegħu għat-trasferiment.

76      Is-SRB indika wkoll li t-trasferiment tal-“azzjonijiet ġodda II” kellu jsir abbażi tal-offerta vinkolanti tal-akkwirent tas-7 ta’ Ġunju 2017 u kellu jiġi implimentat mill-FROB b’applikazzjoni tal-Ley 11/2015 de recuperación y resolución de entidades de credito y empresas de servicios de inversión (il-Liġi 11/2015 dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-impriżi tas-servizzi ta’ investiment) tat-18 ta’ Ġunju 2015 (BOE Nru 146, tad-19 ta’ Ġunju 2015, p. 50797).

77      L-iskema ta’ riżoluzzjoni ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni fis-7 ta’ Ġunju 2017 fil-5:13 a.m.

78      Fis-7 ta’ Ġunju 2017 fis-6.30 a.m., il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni (UE) 2017/1246 li tapprova l-iskema ta’ riżoluzzjoni għall-Banco Popular (ĠU 2017, L 178, p. 15), iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”, u nnotifikatha lis-SRB. Konsegwentement, il-mekkaniżmu ta’ riżoluzzjoni daħal fis-seħħ fl-istess ġurnata.

79      Mill-premessa 4 tad-Deċiżjoni 2017/1246 jirriżulta dan li ġej:

“Il-Kummissjoni taqbel mal-iskema ta’ riżoluzzjoni. B’mod partikulari taqbel mar-raġunijiet mogħtija mill-SRB li minħabba fihom hi neċessarja r-riżoluzzjoni fl-interess pubbliku skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014.”

80      Fl-istess jum, il-FROB adotta l-miżuri neċessarji sabiex jimplimenta l-iskema ta’ riżoluzzjoni, konformement mal-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 806/2014. F’dan il-kuntest, il-FROB ta l-kunsens tiegħu għat-trasferiment tal-azzjonijiet ġodda ta’ Banco Popular li rriżultaw mill-konverżjoni tal-istrumenti ta’ fondi proprji tal-kategorija 2 (l-“azzjonijiet ġodda II”) lil Banco Santander.

 Fuq il-fatti wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni

81      Fl-14 ta’ Ġunju 2018, Deloitte bagħtet lis-SRB il-valutazzjoni tad-differenza fit-trattament prevista fl-Artikolu 20(16) sa (18) tar-Regolament Nru 806/2014, imwettqa sabiex jiġi ddeterminat jekk l-azzjonisti u l-kredituri kinux jibbenefikaw minn trattament aħjar kieku l-Banco Popular kien ġie suġġett għal proċedura normali ta’ insolvenza (iktar ’il quddiem il-“valutazzjoni 3”). Fil-31 ta’ Lulju 2018, Deloitte bagħtet addendum lis-SRB għal din il-valutazzjoni li tikkoreġi ċerti żbalji formali.

82      Fit-28 ta’ Settembru 2018, wara fużjoni permezz ta’ akkwiżizzjoni, Banco Santander sar is-suċċessur b’titolu universali ta’ Banco Popular.

83      Fis-17 ta’ Marzu 2020, is-SRB adotta d-Deċiżjoni SRB/EES/2020/52 intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk kellux jingħata kumpens għad-danni lill-azzjonisti u lill-kredituri kkonċernati mill-miżuri ta’ riżoluzzjoni mwettqa fir-rigward ta’ Banco Popular. Avviż dwar din id-deċiżjoni ġie ppubblikat fl-20 ta’ Marzu 2020 f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2020, C 91, p. 2). F’din id-deċiżjoni, is-SRB qies li l-azzjonisti u l-kredituri li kienu ġew affettwati mir-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular ma kellhomx id-dritt għal kumpens għad-danni mis-SRF skont l-Artikolu 76(1)(e) tar-Regolament Nru 806/2014.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

84      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Awwissu 2017, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

85      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fl-20 ta’ Novembru u fit-18 ta’ Diċembru 2017 rispettivament, Banco Santander u s-SRB talbu li jintervjenu f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Permezz ta’ digrieti tat-12 ta’ April 2019, il-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza l-interventi tas-SRB u ta’ Banco Santander. L-intervenjenti ppreżentaw in-noti tagħhom u r-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar dawn in-noti fit-termini stabbiliti.

86      Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Lulju 2018, il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet xi mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet. Il-partijiet prinċipali wieġbu fit-terminu stabbilit.

87      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-31 ta’ Ottubru 2019, ir-rikorrenti ppreżentaw proposta ta’ provi ġodda skont l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura. Il-Kummissjoni u s-SRB ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fit-terminu stabbilit.

88      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, skont l-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Imħallef Relatur ġie assenjat it-Tielet Awla, u din il-kawża, konsegwentement, ġiet assenjata lilha.

89      Fuq proposta tat-Tielet Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

90      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Ottubru 2020, ir-rikorrenti ppreżentaw proposta ta’ provi ġodda skont l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura. Il-Kummissjoni, is-SRB u Banco Santander issottomettew l-osservazzjonijiet tagħhom fit-terminu stabbilit.

91      Fil-15 ta’ Marzu 2021, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-Kummissjoni sabiex tipproduċi diversi dokumenti. Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni indikat li ma setgħetx tikkonforma mat-talba tal-Qorti Ġenerali, iżda li hija setgħet tipproduċi d-dokumenti mitluba fil-kuntest ta’ miżura istruttorja.

92      Fil-15 ta’ April 2021, il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, stiednet lis-SRB sabiex jipproduċi ċerti dokumenti. Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ April 2021, is-SRB wieġeb li d-dokumenti mitluba kienu parzjalment kunfidenzjali u setgħu jiġu prodotti jekk il-Qorti Ġenerali tadotta miżura istruttorja.

93      B’digriet tal-21 ta’ Mejju 2021, il-Qorti Ġenerali ordnat lill-Kummissjoni, fuq il-bażi, minn naħa, tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 91(b), tal-Artikolu 92(3), kif ukoll tal-Artikolu 103 tar-Regoli ta’ Proċedura, sabiex tipproduċi l-verżjonijiet sħaħ tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, tal-valutazzjoni 2 u tal-evalwazzjoni tal-BĊE tas-6 ta’ Ġunju 2017 dwar is-sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ Banco Popular. Il-Qorti Ġenerali ordnat wkoll lis-SRB li jipproduċi l-verżjonijiet mhux kunfidenzjali u kunfidenzjali tal-ittra mill-Banco Popular lill-BĊE tas-6 ta’ Ġunju 2017, inkluż l-anness tagħha, u tal-ittra mill-BĊE lil Banco Popular tat-18 ta’ Mejju 2017.

94      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Ġunju 2021, ir-rikorrenti ppreżentaw proposta ta’ provi ġodda skont l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura. Il-partijiet l-oħra ġew mistiedna jippreżentaw is-sottomissjonijiet tagħhom dwar din it-talba waqt is-seduta.

95      B’digriet tas-16 ta’ Ġunju 2021, minn naħa, il-Qorti Ġenerali sfilzat mill-proċess il-verżjonijiet kunfidenzjali tad-dokumenti prodotti mill-Kummissjoni u mis-SRB skont id-digriet tal-21 ta’ Mejju 2021 u, min-naħa l-oħra, bagħtet lill-partijiet l-oħra l-ittra tas-6 ta’ Ġunju 2017 mill-Banco Popular lill-BĊE mingħajr l-anness tagħha.

96      Minħabba impediment ta’ żewġ membri tat-Tielet Awla, il-President tal-Qorti Ġenerali ħatar żewġ imħallfin oħra sabiex jikkompleta l-awla.

97      Instemgħu t-trattazzjonijiet tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi orali magħmulin mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta tal-24 ta’ Ġunju 2021.

98      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata jew, sussidjarjament, l-Artikolu 1 tagħha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

99      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

100    Banco Santander u s-SRB jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

101    Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw sitt motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma eżaminatx l-iskema ta’ riżoluzzjoni qabel ma approvatha. It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-obbligi ta’ sigriet professjonali u ta’ amministrazzjoni tajba. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-Artikoli 14, 18, 20 sa 22 u 24 tar-Regolament Nru 806/2014. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq il-ksur tad-dritt għall-proprjetà. Is-sitt motiv huwa bbażat fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ.

102    Preliminarjament, hemm lok li jiġi rrilevat li, fir-rigward tal-portata tal-istħarriġ eżerċitat mill-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti jsostnu li l-Qorti Ġenerali għandha twettaq stħarriġ sħiħ u fil-fond tal-iskema ta’ riżoluzzjoni.

103    Il-Kummissjoni tqis li, fil-kuntest ta’ azzjonijiet għal annullament, il-qrati tal-Unjoni huma obbligati, meta tqum kwistjoni teknika kumplessa, li jeżaminaw il-preċiżjoni tal-konstatazzjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom huwa bbażat l-att ikkontestat, li jivverifikaw l-assenza ta’ żball manifest jew l-assenza ta’ użu ħażin ta’ poter u li jivverifikaw jekk il-parti konvenuta tkunx qabżet b’mod ċar il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha.

104    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi vverifikat li l-ġurisprudenza ddemarkat il-portata tal-istħarriġ eżerċitat mill-Qorti Ġenerali kemm f’sitwazzjonijiet fejn l-att ikkontestat huwa bbażat fuq evalwazzjoni ta’ elementi fattwali ta’ natura xjentifika u teknika ħafna kif ukoll f’każijiet ta’ evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi.

105    Minn naħa, fir-rigward tas-sitwazzjonijiet li fihom l-awtoritajiet tal-Unjoni jiddisponu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa, b’mod partikolari fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-elementi fattwali ta’ natura xjentifika u teknika kumplessa ħafna sabiex jistabbilixxu n-natura u l-portata tal-miżuri li huma jadottaw, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu jkun limitat għal eżami dwar jekk l-eżerċizzju ta’ tali setgħa huwiex ivvizzjat minn żball manifest jew minn użu ħażin ta’ poter jew jekk dawn l-awtoritajiet ikunux eċċedew b’mod manifest il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom. F’tali kuntest, il-qorti tal-Unjoni ma tistax fil-fatt tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-elementi fattwali ta’ natura xjentifika u teknika għal dik tal-awtoritajiet tal-Unjoni li lilhom biss it-Trattat FUE ta dan il-kompitu (sentenzi tal-21 ta’ Lulju 2011, Etimine, C‑15/10, EU:C:2011:504, punt 60, u tas-7 ta’ Marzu 2013, Bilbaína de Alquitranes et vs ECHA, T‑93/10, EU:T:2013:106, punt 76; ara, ukoll, is-sentenza tal-11 ta’ Mejju 2017, Deza vs ECHA, T‑115/15, EU:T:2017:329, punt 163 u l-ġurisprudenza ċċitata).

106    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-istħarriġ li l-qrati tal-Unjoni jeżerċitaw fuq l‑evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi mwettqa mill-awtoritajiet tal-Unjoni, dan huwa stħarriġ limitat li neċessarjament jillimita ruħu għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura u ta’ motivazzjoni, tal-preċiżjoni materjali tal-fatti kif ukoll tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ użu ħażin ta’ poter. Fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, għalhekk il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tagħha għal dik tal-awtorità kompetenti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1985, Remia et vs Il‑Kummissjoni, 42/84, EU:C:1985:327, punt 34); tal-10 ta’ Diċembru 2020, Comune di Milano vs Il‑Kummissjoni, C‑160/19 P, EU:C:2020:1012, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-16 ta’ Jannar 2020, Iberpotash vs Il‑Kummissjoni, T‑257/18, EU:T:2020:1, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata).

107    Peress li d-deċiżjonijiet li s-SRB huwa meħtieġ li jadotta fil-kuntest ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni huma bbażati fuq evalwazzjonijiet ekonomiċi u tekniċi kumplessi ħafna, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-prinċipji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 105 u 106 iktar ’il fuq japplikaw għall-istħarriġ li l-qorti hija mitluba li teżerċita.

108    Madankollu, għalkemm huwa rrikonoxxut li s-SRB għandu marġni ta’ diskrezzjoni fil-qasam ekonomiku u tekniku, dan ma jfissirx li l-qorti tal-Unjoni għandha tastjeni milli tistħarreġ l-interpretazzjoni, imwettqa mis-SRB, ta’ data ta’ natura ekonomika li sservi bħala bażi għad-deċiżjoni tiegħu. Fil-fatt, hekk kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, anki fil-każ ta’ evalwazzjonijiet kumplessi, il-qorti tal-Unjoni għandha tivverifika mhux biss l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandha tistħarreġ ukoll jekk dawn il-provi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex tali li jsostnu l-konklużjonijiet li jirriżultaw minnhom (ara s-sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2007, Spanja vs Lenzing, C‑525/04 P, EU:C:2007:698, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata; tas-26 ta’ Marzu 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑621/16 P, EU:C:2019:251, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-10 ta’ Diċembru 2020, Comune di Milano vs Il‑Kummissjoni, C‑160/19 P, EU:C:2020:1012, punt 115 u l-ġurisprudenza ċċitata).

109    F’dan ir-rigward, sabiex jiġi stabbilit li s-SRB wettaq żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti ta’ natura li jiġġustifika l-annullament tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, il-provi prodotti mir-rikorrenti għandhom ikunu suffiċjenti sabiex irendu mhux plawżibbli l-evalwazzjonijiet tal-fatti mwettqa f’din l-iskema (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2018, Lubrizol France vs Il‑Kunsill, C‑223/17 P, mhux ippubblikati, EU:C:2018:442, punt 39; tat-12 ta’ Diċembru 1996, AIUFFASS u AKT vs Il‑Kummissjoni, T‑380/94, EU:T:1996:195, punt 59, u tat-13 ta’ Diċembru 2018, Comune di Milano vs Il‑Kummissjoni, T‑167/13, EU:T:2018:940, punt 108 u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma eżaminatx l-iskema ta’ riżoluzzjoni qabel ma approvatha

110    Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li, fid-dawl taż-żmien qasir disponibbli għall-Kummissjoni sabiex tapprova l-iskema ta’ riżoluzzjoni, ma kinitx f’pożizzjoni li twettaq evalwazzjoni adegwata tal-aspetti diskrezzjonali ta’ dik l-iskema, bi ksur tal-prinċipji dwar id-delega tas-setgħa stabbiliti fis-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L‑Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7). Huma jsostnu li l-Kummissjoni sempliċement approvat l-iskema ta’ riżoluzzjoni, billi ddelegat b’mod illegali l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha lis-SRB.

111    Il-Kummissjoni ssostni li, sa mit-2 ta’ Mejju 2017, meta s-SRB informaha li Banco Popular kien qiegħed tesperjenza problemi ta’ likwidità u li kien possibbli li tkun meħtieġa riżoluzzjoni, hija kienet involuta fit-tħejjija għax-xenarji kollha possibbli. Hija kienet preżenti bħala osservatur permanenti fil-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tas-SRB. Hija kellha aċċess għad-dokumenti kollha u l-esperti tagħha kienu għenu lis-SRB fl-abbozzar tal-iskema ta’ riżoluzzjoni. Hija ssostni li għaldaqstant setgħet twettaq l-evalwazzjoni meħtieġa ta’ din tal-aħħar fit-terminu għad-dispożizzjoni tagħha.

112    Jeħtieġ li jiġi rrilevat li, fil-punt 41 tas-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2014, Ir-Renju Unit vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑270/12, EU:C:2014:18), il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li, fis-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L-Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7), hija enfasizzat, essenzjalment, li l-konsegwenzi li jirriżultaw minn delega ta’ setgħat huma differenti ħafna skont jekk din tal-aħħar tirrigwardax, minn naħa, setgħat ta’ eżekuzzjoni ddelimitati b’mod ċar u li l-użu tagħhom, għalhekk, jista’ jkun suġġett għal stħarriġ rigoruż fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi stabbiliti mill-awtorità li tiddelega, jew, min-naħa l-oħra, “setgħa diskrezzjonali, li timplika libertà ta’ diskrezzjoni wiesgħa, li tista’ tirriżulta skont l-użu li jsir minnha, f’politika ekonomika reali”.

113    Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li kienet indikat ukoll, fis-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L-Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7), li delega tal-ewwel tip ma tistax tbiddel b’mod sinjifikattiv il-konsegwenzi li jwassal għalihom l-eżerċizzju tas-setgħat li hija taffettwa, filwaqt li delega tat-tieni tip, billi tissostitwixxi l-għażliet tal-awtorità ddelegata flok dawk tal-awtorità li tiddelega, topera “spostament reali ta’ responsabbiltà” (sentenza tat-22 ta’ Jannar 2014, Ir‑Renju Unit vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑270/12, EU:C:2014:18, punt 42).

114    Sabiex tiġi evalwata l-portata ta’ dan il-motiv, jeħtieġ li jiġi speċifikat liema hija l-proċedura għall-adozzjoni tal-iskemi ta’ riżoluzzjoni stabbiliti bir-Regolament Nru 806/2014 u b’mod partikolari liema huwa r-rwol mogħti lill-Kummissjoni.

115    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li l-proċedura għall-adozzjoni tal-miżuri ta’ riżoluzzjoni introdotti mil-leġiżlatur fir-Regolament Nru 806/2014 segwiet l-osservazzjonijiet magħmula mis-servizz legali tal-Kunsill f’opinjoni tas-7 ta’ Ottubru 2013, dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal regolament, li l-għan tagħha kien li tevalwa l-kompatibbiltà tal-proċedura inizjalment prevista fil-proposta għal regolament mal-prinċipji dwar id-delega tas-setgħat, kif interpretati fis-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L‑Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7).

116    Oriġinarjament, fil-proposta għal regolament eżaminata f’din l-opinjoni, it-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni u s-SRB kien differenti minn dak adottat finalment fir-Regolament Nru 806/2014. B’mod partikolari, il-Kummissjoni kellha s-setgħa li tissuġġetta entità għal riżoluzzjoni, li tistabbilixxi qafas għall-użu tal-istrumenti ta’ riżoluzzjoni u li tiddeċiedi jekk għandhomx jintużaw u kif għandhom jintużaw is-setgħat ta’ żvalutazzjoni u konverżjoni tal-istrumenti kapitali u s-SRB, skont il-qafas stabbilit mill-Kummissjoni, kien kompetenti sabiex jadotta deċiżjonijiet indirizzati lill-awtoritajiet nazzjonali tar-riżoluzzjoni.

117    Fl-opinjoni tiegħu, is-servizz legali tal-Kunsill innota li xi miżuri li s-SRB jista’ jinkludi f’deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni ma kinux definiti bi preċiżjoni suffiċjenti. Is-servizz legali tal-Kunsill qies li l-istruttura ġenerali u l-istruttura tal-proposta għal regolament, li fihom il-Kummissjoni tadotta d-deċiżjoni bażika ta’ riżoluzzjoni u s-SRB huwa meħtieġ jaġixxu fil-kuntest ta’ kriterji stabbiliti mill-Kummissjoni, kienu konformi mad-dritt tal-Unjoni kif interpretata fis-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L‑Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7). Madankollu, huwa qies li s-setgħat tas-SRB sabiex jimplimenta l-għodod ta’ riżoluzzjoni u d-deċiżjonijiet dehru sa ċertu punt, diskrezzjonali fin-natura tagħhom u marru lil hinn mill-eżerċizzju ta’ setgħat purament tekniċi. Huwa kkonkluda li, għaldaqstant, jista’ jkun neċessarju jew li fir-Regolament jiġu inklużi dispożizzjonijiet oħra sabiex tiġi rregolata kif xieraq l-applikazzjoni tal-għodod ta’ riżoluzzjoni mis-SRB, jew li fl-eżerċizzju ta’ dawk is-setgħat tiġi implikata istituzzjoni tal-Unjoni b’kompetenzi ta’ eżekuzzjoni.

118    Il-leġiżlatur tal-Unjoni, filwaqt li ħa inkunsiderazzjoni din l-opinjoni tas-servizz legali tal-Kunsill, immodifika l-mekkaniżmu għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ riżoluzzjoni. Peress li l-adozzjoni ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni timplika marġni ta’ diskrezzjoni, il-leġiżlatur irriżerva din il-kompetenza lil istituzzjoni u mhux lis-SRB.

119    Dan jirriżulta, b’mod partikolari, mill-premessi 24 u 26 tar-Regolament Nru 806/2014 li jipprovdu:

“(24)      Billi huma biss l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jistgħu jistabbilixxu l-politika ta’ riżoluzzjoni tal-Unjoni u billi jibqa’ marġni ta’ diskrezzjoni fl-adozzjoni ta’ kull skema ta’ riżoluzzjoni speċifika, huwa neċessarju li jiġi previst l-involviment adegwat tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, bħala l-istituzzjonijiet li jistgħu jeżerċitaw setgħat ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 291 TFUE […]. Il-valutazzjoni tal-aspetti diskrezzjonarji tad-deċiżjonijiet ta’ riżoluzzjoni meħuda mill-Bord għandha tkun eżerċitata mill-Kummissjoni. Fid-dawl tal-impatt konsiderevoli tad-deċiżjonijiet ta’ riżoluzzjoni fuq l-istabbiltà finanzjarja tal-Istati Membri u fuq l-Unjoni bħala tali, kif ukoll fuq is-sovranità fiskali tal-Istati Membri, huwa importanti li l-Kunsill jingħata s-setgħa ta’ implimentazzjoni li jieħu ċerti deċiżjonijiet relatati mar-riżoluzzjoni. Għaldaqstant għandu jkun il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, li jeżerċita kontroll effettiv fuq il-valutazzjoni mill-Bord tal-eżistenza ta’ interess pubbliku u li jivvaluta kwalunkwe bidla materjali tal-ammont tal-Fond li għandu jintuża f’azzjoni speċifika ta’ riżoluzzjoni. […]

(26)      Il-Bord, jekk iqis li l-kriterji kollha relatati mal-iskattar tar-riżoluzzjonijiet huma ssodisfati, għandu jadotta l-iskema ta’ riżoluzzjoni. Il-proċedura relatata mal-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, li tinvolvi lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, issaħħaħ l-indipendenza operattiva neċessarja tal-Bord filwaqt li tirrispetta l-prinċipji ta’ delega ta’ setgħat lill-aġenziji kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea […] Għaldaqstant, dan ir-Regolament jiddisponi li l-iskema ta’ riżoluzzjoni adottata mill-Bord tidħol fis-seħħ biss jekk, fi żmien 24 siegħa wara l-adozzjoni tagħha mill-Bord, ma tiġi espressa l-ebda oġġezzjoni min-naħa tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni jew jekk l-iskema ta’ riżoluzzjoni tkun approvata mill-Kummissjoni. Ir-raġunijiet li abbażi tagħhom il-Kunsill huwa permess li joġġezzjona, fuq proposta tal-Kummissjoni, fil-konfront tal-iskema ta’ riżoluzzjoni tal-Bord għandhom ikunu limitati strettament għall-eżistenza ta’ interess pubbliku u għal modifiki materjali min-naħa tal-Kummissjoni tal-ammont tal-użu tal-Fond kif propost mill-Bord. […] Fil-kwalità tagħha ta’ osservatur fil-laqgħat tal-Bord, il-Kummissjoni għandha, fuq bażi regolari, tivverifika li l-iskema ta’ riżoluzzjoni adottata mill-Bord hija konformi totalment ma’ dan ir-Regolament, tibbilanċja b’mod xieraq id-diversi objettivi u interessi involuti, tirrispetta l-interess pubbliku u tippreserva dik l-integrità tas-suq intern. Fid-dawl tal-fatt li l-azzjoni ta’ riżoluzzjoni teħtieġ proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet rapidu ħafna, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jikkooperaw mill-qrib u l-Kunsill ma għandux jirriproduċi x-xogħol preparatorju li jkun diġà sar mill-Kummissjoni […]”

120    B’hekk, fir-rigward tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni, l-Artikolu 18(7) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprovdi li l-Kummissjoni jew tapprova l-iskema ta’ riżoluzzjoni, jew inkella toġġezzjona għall-aspetti diskrezzjonali tagħha u li skema ta’ riżoluzzjoni tista’ tidħol fis-seħħ biss jekk il-Kunsill jew il-Kummissjoni ma jkunux oġġezzjonaw fi żmien 24 siegħa mit-trażmissjoni tagħha mis-SRB.

121    Għaldaqstant, skont l-Artikolu 18(7) tar-Regolament Nru 806/2014, huwa meħtieġ li istituzzjoni tal-Unjoni, jiġifieri l-Kummissjoni jew il-Kunsill, tapprova l-iskema ta’ riżoluzzjoni fl-aspetti diskrezzjonali tagħha sabiex din tal-aħħar tipproduċi effetti legali. Il-leġiżlatur tal-Unjoni b’hekk inkariga lil istituzzjoni b’responsabbiltà legali u politika sabiex tiddetermina l-politika tal-Unjoni fil-qasam tar-riżoluzzjoni, sabiex b’hekk jevita “spostament reali ta’ responsabbiltà” skont it-tifsira tas-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L‑Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7).

122    Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tkun evalwat b’mod effettiv l-aspetti diskrezzjonali tal-iskema ta’ riżoluzzjoni qabel ma tidħol fis-seħħ. Inkella, kif isostnu r-rikorrenti, il-Kummissjoni ddelegat illegalment id-diskrezzjoni tagħha lis-SRB bi ksur tal-prinċipji dwar id-delega tas-setgħa li jirriżultaw mis-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L‑Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7).

123    Jekk, kif isostnu r-rikorrenti, l-iskema ta’ riżoluzzjoni daħlet fis-seħħ wara approvazzjoni mill-Kummissjoni li ma kinitx ibbażata fuq evalwazzjoni iżda fuq sempliċi validazzjoni, dan ifisser li s-SRB waħdu kien evalwa l-aspetti diskrezzjonali li jinvolvu għażla ta’ politika ekonomika u għalhekk il-ħtieġa li tiġi implimentata r-riżoluzzjoni, fatt li ma huwiex konformi mal-prinċipji stabbiliti fis-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L‑Awtoritá Għolja (9/56, EU:C:1958:7).

124    F’dan ir-rigward, fil-premessa 4 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li taqbel mal-iskema ta’ riżoluzzjoni, b’mod partikolari mar-raġunijiet mogħtija mis-SRB sabiex jiġġustifika l-ħtieġa għal miżura ta’ riżoluzzjoni fl-interess pubbliku.

125    Għalhekk, il-Kummissjoni approvat id-deċiżjoni tas-SRB li tissuġġetta lil Banco Popular għal miżura ta’ riżoluzzjoni, filwaqt li tikkunsidra, b’mod partikolari, li l-għażla tal-istrument ta’ bejgħ tal-operat kienet meħtieġa u proporzjonata sabiex jintlaħqu l-għanijiet li tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi u jiġu evitati effetti negattivi sinjifikattivi fuq l-istabbiltà finanzjarja.

126    Permezz tal-argumenti tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li, fid-dawl tal-iżvolġiment tal-proċedura, il-Kummissjoni sempliċement approvat l-iskema ta’ riżoluzzjoni, mingħajr ma eżaminatha, billi ddelegat b’mod illegali l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha lis-SRB.

127    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-iskema ta’ riżoluzzjoni inbagħtet lill-Kummissjoni fis-7 ta’ Ġunju 2017 fil-5:13 a.m. u daħlet fis-seħħ fl-istess jum fis-6:30 a.m. Huma jqisu li huwa impossibbli li, f’dan it-terminu qasir, il-Kummissjoni ssodisfat l-obbligu tagħha li twettaq evalwazzjoni adegwata tal-aspetti diskrezzjonali tal-iskema ta’ riżoluzzjoni.

128    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jirrilevaw li l-minuti tal-laqgħa tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Ġunju 2017 jindikaw li l-iskema ta’ riżoluzzjoni ġiet approvata fi tmiem proċedura bil-miktub urġenti. Skont ir-rikorrenti, id-Direttorat Ġenerali għall-istabbiltà finanzjarja, għas-servizzi finanzjarji u għall-unjoni tas-swieq kapitali kellu jeżamina jekk is-SRB kienx wasal għal konklużjonijiet xierqa dwar l-aspetti diskrezzjonali tal-iskema ta’ riżoluzzjoni u kellu għaldaqstant jirrakkomanda li lill-Kummissjoni tapprova l-iskema ta’ riżoluzzjoni. Din ir-rakkomandazzjoni kellha tkun ikkomunikata lill-uffiċċji tal-Kummissarji, lid-direttorati ġenerali u lis-servizz legali, filwaqt li jiġi stabbilit terminu li fih għandhom jitqajmu oġġezzjonijiet u, fin-nuqqas ta’ oġġezzjonijiet, id-deċiżjoni kellha titqies li ġiet adottata skont l-Artikolu 12 tar-regoli interni tal-Kummissjoni. Huma jqisu li huwa impossibbli għall-Kummissjoni, filwaqt li ssegwi din il-proċedura f’77 minuta, li twettaq eżami xieraq tal-aspetti diskrezzjonali tal-iskema ta’ riżoluzzjoni. L-Artikolu 18(7) tar-Regolament Nru 806/2014 jippermettilha terminu ta’ 24 siegħa.

129    Hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jikkontestawx li l-iskema ta’ riżoluzzjoni kellha tiġi adottata b’urġenza.

130    Mill-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 806/2014 jirriżulta, minn naħa, li s-SRB għandu jinforma lill-Kummissjoni bi kwalunkwe miżura li huwa jadotta sabiex iħejji riżoluzzjoni u, min-naħa l-oħra, li fl-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom skont dan ir-regolament, is-SRB u b’mod partikolari l-Kummissjoni għandhom jikkooperaw mill-qrib, b’mod partikolari matul il-fażijiet ta’ ppjanar tar-riżoluzzjoni, ta’ intervent bikri u ta’ riżoluzzjoni, u li dawn għandhom jiskambjaw l-informazzjoni kollha neċessarja għat-twettiq tal-kompiti tagħhom.

131    Barra minn hekk, l-Artikolu 43(3) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprovdi li l-Kummissjoni għandha taħtar rappreżentant awtorizzat li jipparteċipa fil-laqgħat tas-SRB, f’sessjoni eżekuttiva u f’sessjoni plenarja, bħala osservatur permanenti u li r-rappreżentant tagħha għandu jkollu d-dritt li jipparteċipa fid-diskussjonijiet u li jkollu aċċess għad-dokumenti kollha.

132    Kif jindikaw is-SRB u l-Kummissjoni, din tal-aħħar kienet involuta fid-diversi fażijiet qabel l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni sa minn Mejju tal-2017, skont l-obbligi tagħha skont ir-Regolament Nru 806/2014.

133    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tagħti dettalji, fir-risposta, dwar il-varji stadji tal-parteċipazzjoni tagħha fl-istadji preparatorji għall-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni. Hija ssemmi b’mod partikolari diversi laqgħat mas-SRB mit-22 ta’ Mejju 2017 u laqgħat ta’ kuljum mit-30 ta’ Mejju 2017, ir-riċeviment fis-6 u fis-7 ta’ Ġunju 2017 ta’ abbozzi preliminari ta’ skema ta’ riżoluzzjoni trażmessi mis-SRB u l-attività tad-diversi dipartimenti tiegħu mis-6 ta’ Ġunju 2017 fil-5:30 p.m. sas-7 ta’ Ġunju fil-5:13a.m.

134    Il-Kummissjoni tindika wkoll li, bħala osservatur permanenti, hija kellha aċċess għad-dokumenti kollha utli għat-tħejjija tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Banco Popular, u li l-esperti tagħha pparteċipaw fit-tħejjija tal-iskema ta’ riżoluzzjoni mas-SRB, b’mod partikolari billi żviluppaw mudell ta’ skema ta’ riżoluzzjoni. Hija żiedet li, sa mis-6 ta’ Ġunju 2017, l-esperti tagħha kienu preżenti fil-bini tas-SRB sabiex jgħinu lil dan tal-aħħar ifassal l-iskema ta’ riżoluzzjoni.

135    F’dan ir-rigward, bi tweġiba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni pproduċiet lista ta’ minuti ta’ laqgħat tas-SRB f’sessjoni eżekuttiva, li fiha pparteċipat mit-22 ta’ Mejju 2017. Din il-lista tagħti prova tal-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni fi tliet laqgħat fl-24 ta’ Mejju, fit-2 ta’ Ġunju u fis-6 u fis-7 ta’ Ġunju 2017. Fit-tieni lok, il-Kummissjoni pproduċiet lista ta’ rapporti interni informali tad-dipartimenti tagħha relatati mat-tħejjija tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, fit-22, fl-24 u fid-29 ta’ Mejju u fit-2 u fis-6 ta’ Ġunju 2017. Fit-tielet lok, il-Kummissjoni pproduċiet diversi ittri elettroniċi skambjati bejn id-dipartimenti tagħha u s-SRB, datati l-1, it-3, is-6 u s-7 ta’ Ġunju 2017, dwar it-trażmissjoni ta’ mudelli ta’ riżoluzzjoni taħt ix-xenarju ta’ bejgħ tal-operat u l-abbozz tal-iskema ta’ riżoluzzjoni. Dawn l-ittri elettroniċi jiċċertifikaw, b’mod partikolari, li l-Kummissjoni rċeviet abbozzi ta’ skema ta’ riżoluzzjoni fis-6 ta’ Ġunju 2017 fis-6.59 a.m. u fis-7 ta’ Ġunju 2017 f’00.33 a.m.

136    Minn dan kollu jirriżulta li d-dipartimenti tal-Kummissjoni pparteċipaw f’diversi laqgħat mas-SRB u li kienu jafu bi u pparteċipaw fit-tfassil tal-abbozz preliminari tal-iskema ta’ riżoluzzjoni qabel is-7 ta’ Ġunju 2017 fil-5:13 a.m.

137    Waqt is-seduta, ir-rikorrenti ammettew li l-Kummissjoni kienet ipparteċipat fl-istadji preparatorji għall-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni. Madankollu, huma argumentaw li l-Kummissjoni ma pprovdiet l-ebda prova li d-diskussjonijiet kienu ffukaw fuq il-verżjoni finali tal-iskema ta’ riżoluzzjoni.

138    Madankollu, minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fil-fażijiet preparatorji għall-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, il-Kummissjoni kienet diġà konxja mid-diffikultajiet li kien qiegħed jaffaċċja Banco Popular, mill-miżuri previsti mis-SRB sabiex jirrimedjahom u mill-kontenut essenzjali tal-iskema ta’ riżoluzzjoni. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma jistgħux isostnu li ma kellhomx diġà ż-żmien sabiex jevalwaw l-iskema ta’ riżoluzzjoni. Il-fatt li d-diskussjonijiet fil-fażijiet preparatorji ma kinux jikkonċernaw it-tfassil finali tal-iskema ta’ riżoluzzjoni huwa indifferenti f’dan ir-rigward.

139    Minn dan kollu jirriżulta li dan il-motiv huwa bbażat fuq ipoteżi żbaljata mwettqa mir-rikorrenti li l-intervent tal-Kummissjoni fl-istadji preparatorji għall-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni kien limitat għall-intervall li ddekorra bejn it-trażmissjoni mis-SRB tal-iskema ta’ riżoluzzjoni fis-7 ta’ Ġunju 2017 fil-5:13 a.m. u l-approvazzjoni tagħha mill-Kummissjoni.

140    Għalhekk, sa fejn huwa bbażat fuq ipoteżi żbaljata, hemm lok li jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni sempliċement approvat l-iskema ta’ riżoluzzjoni mingħajr ma wettqet evalwazzjoni adegwata tal-aspetti diskrezzjonali ta’ dik l-iskema, bi ksur tal-prinċipji tad-delega tal-poter.

141    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti l-oħra tar-rikorrenti.

142    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li d-dettalji tal-iskema ta’ riżoluzzjoni kienu differenti minn dawk previsti fil-pjan ta’ riżoluzzjoni adottat skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 806/2014 u approvat f’Diċembru tal-2016, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li dan huwa ineffettiv. Fil-fatt, l-iskema ta’ riżoluzzjoni adottata mis-SRB u approvata mill-Kummissjoni ma hijiex ibbażata fuq dan il-pjan, kif indikat fil-premessi 44 sa 46 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni.

143    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-Artikolu 18(7) tar-Regolament Nru 806/2014 jagħti lill-Kummissjoni terminu ta’ 24 siegħa sabiex tadotta l-iskema ta’ riżoluzzjoni, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li dan huwa terminu massimu. Kif tenfasizza l-Kummissjoni, terminu ta’ 24 siegħa huwa l-itwal perijodu li jista’ jkun disponibbli għaliha meta riżoluzzjoni sseħħ fi tmiem il-ġimgħa. Madankollu, meta, bħal fil-każ preżenti, il-falliment ta’ istituzzjoni tal-kreditu jseħħ f’jum ta’ matul il-ġimgħa, għandha tiġi adottata miżura ta’ riżoluzzjoni matul il-lejl, sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi ta’ din l-istituzzjoni. Għalhekk, l-iskema ta’ riżoluzzjoni kellha tiġi adottata b’urġenza qabel is-7 ta’ Ġunju 2017 fis-7.00 a.m., li huwa l-ħin tal-ftuħ tas-swieq.

144    Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

145    Ir-rikorrenti jsostnu li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata stabbiliti fil-premessa 4 ma hijiex suffiċjenti. Fl-ewwel lok, huma jsostnu li l-premessa 4 tad-deċiżjoni kkontestata tirreferi b’mod ġenerali għar-raġunijiet invokati mis-SRB, mingħajr ma tindika ebda raġuni partikolari jew dispożizzjonijiet speċifiċi tal-iskema ta’ riżoluzzjoni. Fit-tieni lok, ir-“raġunijiet” marbuta mal-kriterju tal-interess pubbliku ma jiżvelaw xejn dwar l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, iżda sempliċement japprovaw l-iskema ta’ riżoluzzjoni. Fit-tielet lok, id-deċiżjoni kkontestata ma kien fiha l-ebda motivazzjoni dwar l-aspetti diskrezzjonali tal-iskema ta’ riżoluzzjoni li l-Kummissjoni kienet obbligata tevalwa. Il-Kummissjoni sempliċement iddikjarat li hija kienet tapprova l-iskema ta’ riżoluzzjoni, mingħajr ma pprovdiet ebda spjegazzjoni jew motivazzjoni addizzjonali.

146    Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jiksbu konjizzjoni tal-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ li[i rilevanti kollha, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE ma għandhiex tiġi evalwata biss fid-dawl tal-kliem tiegħu, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenzi tat-8 ta’ Mejju 2019, Landeskreditbank Baden-Württemberg vs BĊE, C‑450/17 P, EU:C:2019:372, punti 85 u 87 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-21 ta’ Ottubru 2020, BĊE vs Estate of Espírito Santo Financial Group, C‑396/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:845, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

147    Barra minn hekk, il-grad ta’ preċiżjoni tal-motivazzjoni ta’ att għandu jkun proporzjonat għall-possibbiltajiet materjali u l-kundizzjonijiet tekniċi jew ta’ limitu ta’ żmien li taħthom għandu jintervjeni (ara s-sentenzi tas-6 ta’ Novembru 2012, Éditions Odile Jacob vs Il‑Kummissjoni, C‑551/10 P, EU:C:2012:681, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-23 ta’ Mejju 2019, KPN vs Il-Kummissjoni, T‑370/17, EU:T:2019:354, punt 139 u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenza tas-27 ta’ Jannar 2021, KPN vs Il-Kummissjoni, T‑691/18, mhux ippubblikata, EU:T:2021:43, punt 162).

148    Jeħtieġ jitfakkar li mill-premessa 4 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li:

“Il-Kummissjoni taqbel mal-iskema ta’ riżoluzzjoni. B’mod partikulari taqbel mar-raġunijiet mogħtija mill-SRB li minħabba fihom hi neċessarja r-riżoluzzjoni fl-interess pubbliku skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014.”

149    Barra minn hekk, minn naħa, fil-premessa 2 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni għamlet riferiment għall-fatt li s-SRB indika, fl-iskema ta’ riżoluzzjoni li l-kundizzjonijiet kollha għall-iskattar ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni stabbiliti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014 ġew issodisfatti fir-rigward ta’ Banco Popular u li kien ivvaluta r-raġunijiet għaliex miżura ta’ riżoluzzjoni kienet meħtieġa fl-interess pubbliku. Min-naħa l-oħra, fil-premessa 3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li l-iskema ta’ riżoluzzjoni, skont l-Artikolu 18(6) tar-Regolament Nru 806/2014, kienet tissuġġetta lil Banco Popular għal proċedura ta’ riżoluzzjoni u kienet tiddetermina l-applikazzjoni tal-għodda ta’ bejgħ tal-operat u li kienet tistabbilixxi wkoll ir-raġunijiet għaliex dawn l-elementi kollha kienu suffiċjenti.

150    Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, għamlet riferiment espliċitu għar-raġunijiet għaliex is-SRB ikkunsidra li l-kundizzjonijiet għall-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni kienu ssodisfati u li kien jaqbel li tiġi applikata l-għodda ta’ bejgħ tal-operat. Għalhekk, l-approvazzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni stabbilita fil-premessa 4 tad-deċiżjoni kkontestata għandha tinqara fid-dawl tal-premessi l-oħra tagħha u tikkonċerna dawn ir-raġunijiet kollha. F’dik il-premessa, il-Kummissjoni ddikjarat b’mod espliċitu li qablet mar-raġunijiet stabbiliti fl-iskema ta’ riżoluzzjoni li jiġġustikaw l-adozzjoni ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ Banco Popular, b’mod partikolari fir-rigward tal-kriterju tal-interess pubbliku. Għalhekk, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, il-Kummissjoni għamlet riferiment b’mod espliċitu, fid-deċiżjoni kkontestata, għall-aspetti diskrezzjonali tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, b’mod partikolari għall-konformità mal-kriterju tal-interess pubbliku.

151    Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li l-iskema ta’ riżoluzzjoni u l-motivazzjoni tagħha jiffurmaw parti mill-kuntest li fih ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata.

152    Madankollu, kif tenfasizza l-Kummissjoni, ir-rikorrenti ma jsostnux li l-iskema ta’ riżoluzzjoni ma hijiex suffiċjentement motivata.

153    Barra minn hekk, jeħtieġ li jitfakkar li, skont l-Artikolu 18(7) tar-Regolament Nru 806/2014, il-Kummissjoni jew “tapprova” l-iskema ta’ riżoluzzjoni jew inkella toġġezzjona għall-aspetti diskrezzjonali tagħha.

154    Minn dan jirriżulta li, fejn il-Kummissjoni, bħal fil-każ preżenti, tapprova l-iskema ta’ riżoluzzjoni, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni tagħha jistgħu jkunu limitati sabiex jindikaw li taqbel mar-raġunijiet li jinsabu fiha. Kwalunkwe ġustifikazzjoni addizzjonali oħra għall-approvazzjoni tagħha tista’ tikkonsisti biss f’riproduzzjoni tal-elementi li diġà jinsabu fl-iskema ta’ riżoluzzjoni. Madankollu, skont l-Artikolu 18(7) tar-Regolament Nru 806/2014, il-Kummissjoni ma għandhiex tirrepeti l-analiżi tas-SRB fid-deċiżjoni tagħha, iżda tapprovaha biss.

155    Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 147 iktar ’il fuq, jeħtieġ li jittieħed kont tat-terminu qasir ħafna li kellha l-Kummissjoni għad-dispożizzjoni tagħha, skont l-Artikolu 18(7) tar-Regolament Nru 806/2014, sabiex tadotta d-deċiżjoni tagħha mid-data tat-trażmissjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni mis-SRB.

156    Minn dan isegwi li hemm lok li titqies bħala suffiċjenti, sabiex tiġġustifika approvazzjoni, motivazzjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni tindika li taqbel mal-kontenut tal-iskema ta’ riżoluzzjoni u mar-raġunijiet invokati mis-SRB sabiex jiġġustifika l-adozzjoni tagħha.

157    Għalhekk, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligi ta’ sigriet professjonali u ta’ amministrazzjoni tajba

158    Ir-rikorrenti jsostnu ksur tal-prinċipju ta’ kunfidenzjalità u ta’ sigriet professjonali previst fl-Artikolu 339 TFUE, kif ukoll tad-dritt għal amministrazzjoni tajba sanċit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

159    Skont ir-rikorrenti, l-intervista mogħtija fit-23 ta’ Mejju 2017 mill-Presidenta tas-SRB lill-istazzjon televiżiv Bloomberg u l-artiklu ta’ Reuters tal-31 ta’ Mejju 2017, imsemmi fil-punt 42 iktar ’il fuq, jikkostitwixxu ksur tal-obbligu ta’ kunfidenzjalità u sigriet professjonali attribwibbli lis-SRB jew lill-Kummissjoni. Huma jsostnu li l-iżvelar tat-23 u tal-31 ta’ Mejju 2017 ikkawża l-kriżi severa ta’ likwidità ta’ Banco Popular u, konsegwentement, wassal għar-riżoluzzjoni tiegħu. Ir-rikorrenti jsostnu xenarju kontrofattwali li skontu, fin-nuqqas ta’ dan l-iżvelar u għalhekk ta’ kriżi ta’ likwidità, l-iskema ta’ riżoluzzjoni ma kinitx tiġi adottata jew kien ikollha kontenut differenti.

160    Il-Kummissjoni ssostni li, sabiex skema ta’ riżoluzzjoni tiġi adottata u approvata, huwa biżżejjed li l-kundizzjonijiet tar-riżoluzzjoni jiġu ssodisfati u li r-raġunijiet li wasslu għal din is-sitwazzjoni ma jaffettwawx il-validità tad-deċiżjoni kkontestata. Is-SRB jsostni wkoll li l-avvenimenti invokati mir-rikorrenti ma jistgħux jaffettwaw il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn il-kwistjoni dwar dak li kkawża l-falliment ta’ Banco Popular hija irrilevanti.

161    Hemm lok li jiġi rrilevat li anki jekk jiġi preżunt li r-rikorrenti stabbilixxew li s-SRB jew il-Kummissjoni kienu żvelaw informazzjoni kunfidenzjali lill-istampa, skont ġurisprudenza stabbilita, irregolarità ta’ din in-natura tista’ twassal għall-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni jekk jiġi stabbilit li, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, l-imsemmija deċiżjoni kien ikollha kontenut differenti (ara s-sentenzi tas-6 ta’ Lulju 2000, Volkswagen vs Il-Kummissjoni, T‑62/98, EU:T:2000:180, punt 283 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal-5 ta’ April 2006, Degussa vs Il‑Kummissjoni, T‑279/02, EU:T:2006:103, il-punt 416 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-3 ta’ Marzu 2011, Siemens vs Il-Kummissjoni, T‑110/07, EU:T:2011:68, punt 402 u l-ġurisprudenza ċċitata).

162    F’dan ir-rigward, kif issostni l-Kummissjoni u s-SRB, skema ta’ riżoluzzjoni tiġi adottata b’mod validu meta l-kundizzjonijiet previsti fir-Regolament Nru 806/2014 jiġu ssodisfati, irrispettivament mir-raġunijiet li wasslu lill-entità inkwistjoni għal sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ.

163    Madankollu, ir-rikorrenti ma jikkontestawx li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014 kienu ssodisfatti meta ġiet adottata l-iskema ta’ riżoluzzjoni.

164    Għalhekk, is-SRB, wara li kkunsidra li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014 kienu ssodisfatti, adotta l-iskema ta’ riżoluzzjoni u l-Kummissjoni, wara li kkunsidrat li l-iskema ta’ riżoluzzjoni kienet konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 806/2014, approvatha. Iċ-ċirkustanzi li wasslu lil Banco Popular sabiex jissodisfa l-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, b’mod partikolari l-kundizzjoni li kien f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, huma irrilevanti.

165    Konsegwentement, rabta kawżali allegata, invokata mir-rikorrenti, bejn l-iżvelar tat-23 u l-31 ta’ Mejju 2017 u l-kriżi ta’ likwidità ta’ Banco Popular hija irrilevanti u ma tistax twassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

166    Minn dan jirriżulta li huwa wkoll ineffettiv l-argument imqajjem mir-rikorrenti fis-seduta skont liema l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba billi approvat l-iskema ta’ riżoluzzjoni, filwaqt li r-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular irriżultat mill-ksur mis-SRB tal-obbligi tiegħu ta’ kunfidenzjalità u ta’ sigriet professjonali.

167    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jistgħux isostnu b’mod validu li l-iżvelar tat-23 u l-31 ta’ Mejju 2017 ikkawża l-kriżi serja ta’ likwidità ta’ Banco Popular u li, fil-każ li ma kien hemm l-ebda żvelar illegali u għalhekk l-ebda kriżi ta’ likwidità fil-bidu ta’ Ġunju tal-2017, ir-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular ma kinitx tkun meħtieġa jew kienet tkun differenti.

168    Dawn l-argumenti huma bbażati fuq preżentazzjoni parzjali u żbaljata tal-fatti li taw lok għall-kriżi ta’ likwidità ta’ Banco Popular u l-kawżi li wasslu għas-sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ tiegħu.

169    Għalhekk, għandu jitfakkar li, fl-evalwazzjoni tiegħu tas-sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ Banco Popular, iċċitata fil-punti 53 sa 61 iktar ’il fuq, il-BĊE rrefera għad-diversi avvenimenti li wasslu għad-deterjorament tas-sitwazzjoni ta’ likwidità ta’ Banco Popular.

170    Fil-premessa 24 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB semma ċirkustanzi oħra li wasslu għad-deterjorament rapidu tas-sitwazzjoni ta’ likwidità ta’ Banco Popular, jiġifieri:

–        fi Frar 2017, Banco Popular ħabbar il-ħtieġa ta’ provvedimenti eċċezzjonali li jammontaw għal EUR 5.7 biljun, li jwasslu għal telf ikkonsolidat ta’ EUR 3.485 biljun, kif ukoll il-ħatra ta’ president ġdid;

–        fl-10 ta’ Frar 2017, DBRS baxxiet il-klassifikazzjoni ta’ Banco Popular:

–        fit-3 ta’ April 2017, Banco Popular ippubblika stqarrija pubblika ad hoc li tinforma dwar l-eżitu tal-awditi interni li potenzjalment għandhom impatt sinjifikattiv fuq ir-rapporti finanzjarji tiegħu u kkonfermat is-sostituzzjoni tad-direttur ġenerali tiegħu inqas minn sena wara li ħa l-kariga;

–        fis-7 ta’ April 2017, Standard & Poor’s u, fil-21 ta’ April, Moody’s, baxxew il-klassifikazzjoni ta’ Banco Popular;

–        fit-12 ta’ Mejju 2017, Banco Popular kiser ir-rekwiżit ta’ kopertura tal-ħtiġiet ta’ likwidità ta’ 80 % u ma kienx f’pożizzjoni li jistabbilixxi mill-ġdid il-konformità mal-limitu regolatorju minn hemm ’il quddiem;

–        il-kopertura negattiva kontinwa fil-media tar-riżultati finanzjarji ta’ Banco Popular u l-allegat riskju imminenti ta’ falliment jew ta’ nuqqas ta’ likwidità wasslu għal żieda fl-irtirar tad-depożiti;

–        fis-6 ta’ Ġunju 2017, DBRS u Moody’s baxxew il-klassifikazzjoni ta’ Banco Popular.

171    Is-SRB irrileva li dawn iċ-ċirkustanzi kollha kienu wasslu għall-irtirar ta’ depożiti kbar.

172    Minn dawn il-fatti, li ma humiex ikkontestati mir-rikorrenti, jirriżulta li s-sitwazzjoni ta’ Banco Popular kienet diġà ddeterjorat qabel sew it-23 ta’ Mejju 2017 u li l-kriżi tal-likwidità ta’ Banco Popular kienet ikkawżata minn diversi fatturi, li oriġinaw mir-riżultati ħżiena tal-bank imħabbra fi Frar u f’April 2017. B’mod partikolari, ir-rekwiżit ta’ kopertura tal-ħtiġiet ta’ likwidità ta’ Banco Popular ma kienx issodisfa r-rekwiżiti legali mit-12 ta’ Mejju 2017.

173    Jeħtieġ li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jistgħux jinjoraw iċ-ċirkustanzi oġġettivi kollha li kkawżaw il-problemi ta’ likwidità ta’ Banco Popular, b’mod partikolari minn April tal-2017. Ma jistgħux isostnu b’mod validu li d-dikjarazzjoni tat-23 ta’ Mejju tal-2017 u l-artikolu tal-31 ta’ Mejju 2017, anki jekk wieħed jassumi li dawn kienu kkawżati minn ksur tal-prinċipju ta’ kunfidenzjalità mis-SRB jew mill-Kummissjoni, kienu s-sors tal-kriżi tal-likwidità ta’ Banco Popular u li, mingħajr dawn id-dikjarazzjonijiet, ir-riżoluzzjoni ma kinitx tkun neċessarja.

174    Minn dan jidher li x-xenarju kontrofattwali invokat mir-rikorrenti u li jinsab fir-rapport tal-esperti tagħhom anness mar-rikors, bil-għan li jiġi stabbilit li, fil-każ li ma kien hemm l-ebda żvelar illegali u żvelar ieħor u għalhekk l-ebda kriżi ta’ likwidità fil-bidu ta’ Ġunju 2017, ir-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular ma kinitx tkun meħtieġa jew kienet tkun differenti, hija bbażata fuq premessa żbaljata.

175    Sa fejn is-soluzzjonijiet previsti fir-rapport tal-esperti anness mar-rikors huma bbażati fuq suppożizzjoni purament teoretika li Banco Popular ma kienx ikollu jaffaċċja kriżi ta’ likwidità u jqisu is-suppożizzjoni li Banco Popular kien ikollha taffronta nuqqas ta’ kapital, hemm lok li jitqies li dan ix-xenarju kontrofattwali huwa irrilevanti.

176    Minn dan jirriżulta wkoll li l-proposta ta’ provi ġodda ppreżentata mir-rikorrenti fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-31 ta’ Ottubru 2019, skont l-Artikolu 85(3) tar-Regoli ta’ Proċedura, li tikkonsisti f’ittra mingħand Pacific Investment Management Company LLC (PIMCO), tat-30 ta’ Mejju 2017, indirizzata lil Deutsche Bank, u marbuta mal-eżistenza ta’ soluzzjoni alternattiva għar-riżoluzzjoni fil-kuntest ta’ dan ix-xenarju kontrofattwali ma hijiex rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima.

177    Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma stabbilxxewx l-eżistenza ta’ ksur tal-obbligu ta’ kunfidenzjalità jew ta’ sigriet professjonali attribwibbli lill-Kummissjoni.

178    Permezz tal-ewwel ilment, ir-rikorrenti jsostnu li l-leġiżlatur tal-Unjoni ta lis-SRB setgħat sinjifikattivi ta’ riżoluzzjoni tal-banek u li s-sempliċi fatt li jagħti l-impressjoni li qiegħed jeżamina jekk għandux japplika s-setgħat tiegħu fil-konfront ta’ entità partikolari jikkostitwixxi avveniment importanti għas-suq, li jwassal lill-investituri, lill-kredituri u lid-depożitanti sabiex jadottaw miżuri protettivi sabiex jevitaw it-telf. Għalhekk, l-osservanza stretta mis-SRB tal-prinċipju ta’ sigriet professjonali hija essenzjali u l-Artikolu 88(1) tar-Regolament Nru 806/2014 jimponi obbligu ta’ sigriet professjonali fuq is-SRB u l-uffiċjali tiegħu.

179    F’dan ir-rigward, huma jsostnu li l-intervista mogħtija fit-23 ta’ Mejju 2017 mill-Presidenta tas-SRB lill-istazzjon televiżiv Bloomberg, li skontha s-SRB “kien qiegħed jissorvelja” lil Banco Popular, kienet tikkostitwixxi informazzjoni li s-SRB kien qiegħed jeżamina l-bank, fis-sens tal-premessa 116 tar-Regolament Nru 806/2014, u huwa attribwibbli lis-SRB. Konsegwentement, din id-dikjarazzjoni tikkostitwixxi ksur mis-SRB tal-obbligi ta’ sigriet professjonali u ta’ amministrazzjoni tajba.

180    Hemm lok li jiġi rrilevat li, b’dan l-ilment, ir-rikorrenti jallegaw ksur tal-obbligi ta’ sigriet professjonali u ta’ kunfidenzjalità allegatament imwettqa mis-SRB u mhux mill-Kummissjoni. Madankollu, peress li s-SRB ma huwiex parti f’din it-tilwima, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

181    F’dan ir-rigward, permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Ġunju 2021, ir-rikorrenti ppreżentaw proposta ta’ provi ġodda li tikkonċerna, minn naħa, digriet tal-Juzgado Central de Instruccion Nru 4 tal-Audiencia Nacional (imħallef inkwirenti Nru 4 tal-Qorti Ċentrali, Spanja) tad-19 ta’ Mejju 2021, li jipprovdi għas-seduta ta’ smigħ tal-Presidenta tas-SRB dwar l-istqarrijiet tagħha matul l-intervista ma’ Bloomberg u, min-naħa l-oħra, artiklu ta’ elconfidencial fis-27 ta’ Mejju 2021, li fih huwa indikat li l-President ta’ FROB, fl-istess proċedimenti quddiem l-Audiencia Nacional (Il-Qorti Nazzjonali), ilmenta dwar dawn l-istess dikjarazzjonijiet mill-Presidenta tas-SRB.

182    Huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li peress li dawn id-dokumenti jikkonċernaw lis-SRB, u mhux lill-Kummissjoni, ma humiex rilevanti għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima odjerna.

183    Permezz tat-tieni ilment, ir-rikorrenti jsostnu li artiklu ppubblikat minn Reuters fil-31 ta’ Mejju 2017, li jiċċita “uffiċjal tal-Unjoni”, li skontu s-SRB segwa lil Banco Popular “bil-ħsieb ta’ intervent possibbli”, jikkostitwixxi ksur tal-obbligu tas-sigriet professjonali attribwibbli lis-SRB jew lill-uffiċjali ta’ istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni, bħall-Kummissjoni, u ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba.

184    F’dan ir-rigward, għall-istess raġuni bħal dik stabbilita fil-punt 180 iktar ’il fuq, l-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex jakkużaw lis-SRB għall-kummenti attribwiti lil uffiċjal anonimu tal-Unjoni, imsemmija f’dak l-artiklu, u sabiex jiġi stabbilit li dan tal-aħħar aġixxa bi ksur tal-Artikolu 88 tar-Regolament Nru 806/2014 għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi.

185    L-Artikolu 339 TFUE jipprovdi:

“Il-membri ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni, il-membri tal-kumitati, u l-uffiċjali u l-aġenti l-oħra ta’ l-Unjoni, ikunu meħtieġa ukoll wara t-tmiem tal-funzjonijiet tagħhom, li ma jxerrdux tagħrif li jkun kopert bis-sigriet professjonali u, b’mod partikolari, tagħrif li jirriferi għal impriżi u dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom jew l-elementi tal-costing tagħhom.”

186    Skont il-ġurisprudenza, filwaqt li din id-dispożizzjoni tikkonċerna prinċipalment informazzjoni miġbura minn impriżi, l-avverbju “b’mod partikolari” juri li dan huwa prinċipju ġenerali li japplika ugwalment tajjeb għal informazzjoni kunfidenzjali oħra (ara, b’mod analogu, is-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2011, Siemens vs Il-Kummissjoni, T‑110/07, EU:T:2011:68, punt 400 u l-ġurisprudenza ċċitata).

187    Barra minn hekk, mill-premessa 116 tar-Regolament Nru 806/2014 jirriżulta li:

“L-azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jiġu notifikati kif jixraq u, soġġetti għall-eċċezzjonijiet limitati stipulati f’dan ir-Regolament, magħmula pubbliċi. Madankollu, minħabba li l-informazzjoni miksuba mill-Bord, mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni u mill-konsulenti professjonali tagħhom matul il-proċess tar-riżoluzzjoni x’aktarx tkun sensittiva, qabel ma d-deċiżjoni tar-riżoluzzjoni tkun magħmula pubblika, dik l-informazzjoni għandha tiġi soġġetta għar-rekwiżiti tas-sigriet professjonali. Il-fatt li l-informazzjoni dwar il-kontenut u d-dettalji ta’ pjanijiet ta’ riżoluzzjoni u r-riżultat ta’ kwalunkwe valutazzjoni ta’ dawk il-pjanijiet jista’ jkollhom effetti b’firxa wiesgħa, b’mod partikolari fuq l-intrapriżi konċernati għandu jiġi kkunsidrat. Il-punt tat-tluq għandu jkun li l-komunikazzjoni ta’ kull informazzjoni fir-rigward ta’ deċiżjoni qabel ma tittieħed, kemm jekk din tkun dwar jekk il-kondizzjonijiet tar-riżoluzzjoni humiex sodisfatti, dwar l-użu ta’ għodda speċifika kif ukoll dwar kwalunkwe miżura adottata matul il-proċedura, jista’ jkollha konsegwenzi fuq l-interessi pubbliċi u privati kkonċernati mill-azzjoni. Madankollu, informazzjoni li l-Bord u l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni jkunu qed jeżaminaw entità speċifika tista’ tkun biżżejjed sabiex ikollha effetti negattivi fuq dik l-entità. Għaldaqstant jeħtieġ li jiġi żgurat li jkun hemm mekkaniżmi xierqa għaż-żamma tal-kunfidenzjalità ta’ tali informazzjoni, bħalma huma l-kontenut u d-dettalji tal-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni u r-riżultat ta’ kwalunkwe valutazzjoni mwettqa f’dak il-kuntest.”

188    Jeħtieġ li jitfakkar li l-kontenut tal-artiklu ppubblikat minn Reuters fil-31 ta’ Mejju 2017, intitolat “L-UE, imwissija bir-riskju ta’ riżoluzzjoni ta’ Banco Popular ta’ Spanja” (EU warned of wind-down risk for Spain’s Banco Popular). Dan l-artiklu jindika li, skont uffiċjal tal-Unjoni li baqa’ anonimu, wieħed mis-superviżuri ewlenin tal-banek fl-Ewropa wissa lill-uffiċjali tal-Unjoni li Banco Popular kien jista’ jeħtieġ riżoluzzjoni jekk ma jkunx jista’ jsib akkwirent u li l-Presidenta tas-SRB kienet reċentement ħarġet “twissija bikrija”. Skont dan l-artiklu, dan l-uffiċjal indika wkoll li l-Presidenta tas-SRB iddikjarat li s-SRB kien qiegħed isegwi l-proċedura (Banco Popular) b’attenzjoni partikolari bil-ħsieb ta’ intervent possibbli u żied li l-offerta ta’ amalgamazzjoni tal-bank setgħet tkun mingħajr suċċess.

189    Dan l-artiklu ta’ Reuters jindika wkoll li, skont sors ieħor, li wkoll kien anonimu, kienu għaddejjin tħejjijiet ġenerali minkejja li kienet għadha ma ġiet adottata ebda miżura konkreta. Skont dan l-artiklu, kelliem għal Banco Popular kien iddikkjara li l-bank kien qiegħed jaħdem fuq diversi pjanijiet inklużi amalgamazzjoni, żieda fil-kapital u bejgħ tal-assi.

190    Għandu jiġi rrilevat ukoll li dan l-artiklu jsemmi l-istqarrija għall-istampa tas-SRB tal-istess jum, li fiha s-SRB indika li huwa ma jikkummentax dwar id-diffikultajiet speċifiċi ta’ bank, li ma setax jikkonferma l-interpretazzjonijiet tal-allegati kwotazzjonijiet magħmula mill-Presidenta tiegħu u li qatt ma ħareġ twissija fir-rigward tal-banek.

191    Hemm lok li jitqies li r-rikorrenti ma jqajmu l-ebda argument li jistabbilixxi li dan l-artiklu joriġina minn ksur tas-sigriet professjonali attribwibbli lill-Kummissjoni.

192    Fl-ewwel lok, il-kummenti ta’ dan l-uffiċjal tal-Unjoni, imsemmija f’dan l-artiklu, ma kinux jikkonċernaw informazzjoni kunfidenzjali li setgħet tkun magħrufa biss mill-membri tal-Kummissjoni.

193    Għalhekk, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-istqarrija tal-uffiċjal li kien ġie infurmat li Banco Popular seta’ jġi stralċjat jekk ma jirnexxilux isib akkwirent, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din l-informazzjoni kienet diġà pubblika.

194    Fil-fatt, kif imsemmi fil-punti 40 sa 42 iktar ’il fuq, diversi artikli tal-istampa diġà kienu semmew, matul ix-xahar ta’ Mejju, il-fatt li Banco Popular kien f’diffikultà u li kien beda proċedura ta’ bejgħ privat.

195    Minn artiklu tal-11 ta’ Mejju 2017, ippubblikat fuq is-sit internet elconfidencial.com, jirriżulta b’mod partikolari li l-President ta’ Banco Popular kien ordna l-bejgħ urġenti tal-bank minħabba riskju ta’ falliment. Ir-riferiment, fl-artiklu tal-31 ta’ Mejju 2017, għall-fatt li l-uffiċjali tal-Unjoni kienu ġew infurmati minn “wieħed mis-superviżuri ewlenin tal-banek fl-Ewropa” jidher li jikkorrispondi għall-informazzjoni mogħtija f’dak l-artiklu, li skontu, minħabba riskju serju ta’ falliment, b’mod partikolari, minħabba t-telf kontinwu ta’ depożiti, il-president ta’ Banco Popular kien kostrett jimplimenta l-proċedura tal-bejgħ sabiex jissodisfa r-rekwiżiti tal-BĊE. Barra minn hekk, artiklu tal-15 ta’ Mejju 2017, ippubblikat fuq is-sit internet elconfidencial.com kien jindika li l-pjan ta’ bejgħ ta’ Banco Popular kien ġie implimentat mill-President tiegħu wara l-ispezzjoni tal-BĊE.

196    Fit-tieni lok, l-uffiċċjal semma “twissija bikrija” li allegatament inħarġet mill-Presidenta tas-SRB. Madankollu, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li din id-dikjarazzjoni ma tikkorrispondix għal kompetenza tas-SRB, fatt li barra minn hekk, dan tal-aħħar fakkar fl-istqarrija għall-istampa tiegħu tal-31 ta’ Mejju 2017.

197    Fit-tielet lok, fir-rigward tad-dikjarazzjoni tal-uffiċjal li “il-Presidenta tas-SRB iddikjarat li s-SRB kien qiegħed isegwi l-proċedura (Banco Popular) b’attenzjoni partikolari bil-ħsieb ta’ intervent possibbli”, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dawn il-kummenti jirriproduċu s-sustanza ta’ dak li ddikjarat pubblikament il-Presidenta tas-SRB waqt l-intervista tagħha mal-istazzjoni televiżiv Bloomberg fit-23 ta’ Mejju 2017, jiġifieri li l-Banco Popular kien “issorveljat”. Barra minn hekk, l-interpretazzjoni mogħtija lil dawn il-kummenti ġiet miċħuda mis-SRB fl-istqarrija għall-istampa tiegħu.

198    Barra minn hekk, il-fatt li dan l-artiklu jirrapporta l-kliem li allegatament qalet il-Presidenta tas-SRB ma jistax ikun biżżejjed sabiex jistabbilixxi l-awtentiċità tiegħu, speċjalment peress li l-persuna li suppost tirrapporta dawn il-kliem ma hijiex hija stess identifikata.

199    Fir-raba’ lok, fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta’ dan l-uffiċjal li l-offerta ta’ amalgamazzjoni tal-bank tista’ ma tkunx ta’ suċċess, mill-istess artiklu jirriżulta li Banco Popular nnifsu kien indika li kellu jipposponi id-data ta’ skadenza inizjalment stabbilita għall-10 ta’ Ġunju 2017 għas-sottomissjoni tal-offerti fil-kuntest tal-proċedura ta’ bejgħ privat.

200    B’hekk, il-possibbiltà li l-proċedura ta’ bejgħ privat imnedija f’April 2017 tista’ ma tkunx ta’ suċċess ma tistax titqies bħala informazzjoni kunfidenzjali, iżda sempliċement bħala inferenza li tirriżulta miċ-ċirkustanzi, jiġifieri, li fil-31 ta’ Mejju 2017, Banco Popular kien għadu ma sabx akkwirent fil-kuntest ta’ din il-proċedura u li d-data tal-għeluq ta’ dik il-proċedura kienet ġiet posposta.

201    Minn dan jirriżulta li, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, il-kummenti tal-uffiċjal tal-Unjoni li baqa’ anonimu riprodotti f’dan l-artiklu ma fihomx informazzjoni kunfidenzjali relatata mal-implimentazzjoni ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ Banco Popular, bħal dawk imsemmija fil-premessa 116 tar-Regolament Nru 806/2014, li jistgħu jkunu magħrufa biss mill-uffiċjali tal-Kummissjoni.

202    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ma pprovawx li l-uffiċjal tal-Unjoni msemmi f’dan l-artiklu kien uffiċjal tal-Kummissjoni.

203    Fil-fatt, hemm lok li jiġi kkunsidrat li ħafna persuni oħra minbarra l-membri tas-SRB jew l-uffiċjali tal-Kummissjoni setgħu jagħmlu dawn il-kummenti, b’mod partikolari fid-dawl tal-possibbiltajiet ta’ skambji ta’ informazzjoni previsti b’mod partikolari fl-Artikolu 88(6) tar-Regolament Nru 806/2014.

204    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li r-rikorrenti jammettu li l-iżvelar tal-31 ta’ Mejju 2017 għandu jkun attribwibbli lis-SRB jew lil uffiċjali ta’ istituzzjonijiet oħra, bħall-Kummissjoni, li kienu konxji mill-informazzjoni li waslet mingħand is-SRB. Barra minn hekk, ir-rikorrenti sempliċement jiddikjaraw li l-imputazzjoni tal-kummenti magħmula f’dan l-artiklu lil uffiċjal tal-Unjoni hija “plawżibbli”. Ir-rikorrenti għalhekk ma jistgħux joqogħdu fuq il-ġurisprudenza li skontha l-Qorti Ġenerali tattribwixxi żvelar lil istituzzjoni jew lil aġenzija tal-Unjoni jekk ikun manifest li jista’ joriġina biss minn dik l-istituzzjoni.

205    Għandu wkoll jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li minħabba li l-fatt li Banco Popular kellu jkun is-suġġett ta’ riżoluzzjoni kien magħruf biss minn għadd limitat ta’ persuni fi ħdan is-SRB u l-Kummissjoni, l-unika konklużjoni loġika hija li din l-informazzjoni oriġinat minn dawk l-istituzzjonijiet. Barra minn hekk, dan tal-aħħar ma pprovda l-ebda evidenza li turi l-kuntrarju.

206    Fil-fatt, anki jekk jiġi preżunt li l-kummenti msemmija f’dan l-artiklu joriġinaw minn żvelar minn uffiċjal tal-Unjoni, u li minn dan l-artiklu jista’ jiġi dedott li kienet prevista riżoluzzjoni ta’ Banco Popular, sa fejn ma ġiex stabbilit li s-servizzi tal-Kummissjoni huma responsabbli għall-iżvelar ta’ informazzjoni murija mill-artikli tal-istampa li jirreferu għalihom ir-rikorrenti, mill-ġurisprudenza jirriżulta li tali oriġini tal-iżvelar ma tistax tiġi preżunta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2006, BASF vs Il-Kummissjoni, T‑15/02, EU:T:2006:74, punt 605).

207    Barra minn hekk, anki fil-każ li jkun verosimili li l-Kummissjoni setgħet kienet fl-oriġini ta’ dan l-iżvelar, din l-eventwalità biss ma hijiex suffiċjenti, kif jallegaw ir-rikorrenti, sabiex tgħaddi fuqha l-oneru ta’ prova kuntrarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ April 2006, Degussa vs Il-Kummissjoni, T‑279/02, EU:T:2006:103, punt 412).

208    Fil-każ preżenti, ma teżisti l-ebda preżunzjoni li l-Kummissjoni kienet fl-oriġini tal-allegat żvelar ta’ informazzjoni u ma huwiex il-kompitu tagħha li turi li ma kinitx.

209    Konsegwentement għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi l-argumenti tar-rikorrenti dwar il-fatt li l-Kummissjoni ma investigatx l-oriġini tal-iżvelar tal-31 ta’ Mejju 2017, u lanqas ma pproduċiet provi sabiex turi li l-iżvelar ma kienx attribwibbli lilha.

210    Fil-fatt, minn naħa, mill-assenza ta’ investigazzjoni interna fl-ebda każ ma tista’ tiġi dedotta l-prova tal-ksur mill-Kummissjoni tal-obbligi ta’ kunfidenzjalità tagħha. Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-Kummissjoni ma wettqitx investigazzjoni interna sabiex tiddetermina l-oriġini ta’ żvelar potenzjali ta’ informazzjoni, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni, ma huwiex rilevanti għall-evalwazzjoni tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

211    F’dan ir-rigward, permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Ottubru 2020, ir-rikorrenti ppreżentaw proposta ta’ provi ġodda skont l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura. Din il-proposta ta’ provi ġodda tirrigwarda żewġ ittri elettroniċi interni tas-SRB, tal-10 u tat-18 ta’ Awwissu 2017, dwar żvelar potenzjali ta’ informazzjoni li wassal għall-artiklu ta’ Reuters tal-31 ta’ Mejju 2017. Ir-rikorrenti jsostnu li dawn il-provi ġodda jikkonfermaw li s-SRB ma fittixx li jinvestiga b’mod korrett l-iżvelar tal-31 ta’ Mejju, iżda sempliċement u essenzjalment ġabar fil-qosor il-miżuri ta’ kunfidenzjalità fis-seħħ fi ħdan is-SRB.

212    Sa fejn dawn il-provi ġodda jirrigwardaw biss lis-SRB u ma humiex ta’ natura li jistabbilixxu li l-allegat żvelar ta’ informazzjoni li wasslet għall-artiklu ta’ Reuters tal-31 ta’ Mejju 2017 huwa attribwibbli lill-Kummissjoni, għandhom jitqiesu bħala mhux rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima.

213    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti ma stabbilixxewx ksur mill-Kummissjoni tal-prinċipju ta’ kunfidenzjalità u ta’ sigriet professjonali.

214    Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-Artikoli 14, 18, 20 sa 22 u 24 tar-Regolament Nru 806/2014

215    Ir-rikorrenti jsostnu li l-valutazzjoni 2 imwettqa minn Deloitte ma kinitx “ġusta, prudenti u realistika” fis-sens tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 806/2014. Konsegwentement, huma jqisu li l-valutazzjoni 2 ma setgħetx issostni d-deċiżjoni kkontestata u li s-SRB u l-Kummissjoni wettqu żball manifest meta qiesu li l-iskema ta’ riżoluzzjoni tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikoli 14, 18, 20 sa 22 u 24 tar-Regolament Nru 806/2014.

216    Fir-replika, ir-rikorrenti jispjegaw li, b’dan il-motiv, huma jsostnu li peress li l-valutazzjoni 2 hija manifestament żbaljata fid-dawl tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 806/2014, l-iskema ta’ riżoluzzjoni adottata abbażi ta’ dik il-valutazzjoni hija illegali.

217    Kif tirrileva l-Kummissjoni, ir-rikorrenti ma jqajmu l-ebda argument speċifiku dwar żbalji manifesti li huma allegatament wettqu fl-applikazzjoni tal-Artikoli 14, 18, 21, 22 u 24 tar-Regolament Nru 806/2014.

218    Għalhekk għandu jitqies li, b’dan il-motiv, ir-rikorrenti qegħdin sempliċement isostnu li l-valutazzjoni 2 ma kinitx “ġusta, prudenti u realistika” fis-sens tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 806/2014 u li, għalhekk, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-approvazzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni peress li hija bbażata fuq il-valutazzjoni 2.

219    F’dan il-każ, għandu jitfakkar li l-valutazzjoni ta’ Banco Popular, imwettqa qabel l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, tinkludi żewġ rapporti li huma annessi mal-iskema ta’ riżoluzzjoni.

220    Il-valutazzjoni 1, datata l-5 ta’ Ġunju 2017, ġiet redatta mis-SRB skont l-Artikolu 20(5)(a) tar-Regolament Nru 806/2014 u kellha bħala l-għan tagħha li tipprovdi l-elementi li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk kinux issodisfatti l-kundizzjonijiet tal-attivazzjoni ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni, kif iddefiniti fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014.

221    Il-valutazzjoni 2, datata s-6 ta’ Ġunju 2017, tfasslet minn Deloitte, bħala espert indipendenti skont l-Artikolu 20(10) tar-Regolament Nru 806/2014.

222    L-iskema ta’ riżoluzzjoni tindika li, fid-dawl tal-urġenza, il-valutazzjoni 2, imwettqa f’konformità mal-Artikolu 20(10) tar-Regolament Nru 806/2014, kellha l-għan li tistma l-valur tal-assi u tal-obbligazzjonijiet ta’ Banco Popular, li tipprovdi stima dwar it-trattament li minnu kienu jibbenefikaw l-azzjonisti u l-kredituri li kieku Banco Popular kien is-suġġett ta’ proċedura normali ta’ insolvenza, kif ukoll li tipprovdi l-elementi li jippermettu li tittieħed id-deċiżjoni dwar l-azzjonijiet u t-titoli ta’ proprjetà li għandhom jiġu ttrasferiti u li jippermettu lis-SRB jiddetermina dak li jikkostitwixxu kundizzjonijiet kummerċjali għall-finijiet tal-għodda ta’ bejgħ tal-operat.

223    Fil-valutazzjoni 2, Deloitte indikat li kienet ibbażat ruħha fuq ir-rekwiżiti tal-Artikolu 36 tad-Direttiva 2014/59 (li jikkorrispondi għall-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 806/2014) u fuq il-Kapitolu 3 tal-abbozz finali tal-istandards tekniċi regolatorji tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) Nru 2017/05 u Nru 2017/06, tat-23 ta’ Mejju 2017, fuq il-valutazzjoni għall-finijiet tar-riżoluzzjoni u fuq valutazzjoni maħsuba sabiex tiġi ddeterminata d-differenza fit-trattament wara r-riżoluzzjoni prevista fid-Direttiva 2014/59.

224    L-Artikolu 36(15) tad-Direttiva 2014/59 jawtorizza lill-EBA sabiex tfassal abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji intiżi li jispeċifikaw il-kriterji li abbażi tagħhom għandhom jitwettqu l-valutazzjonijiet imwettqa fi proċedura ta’ riżoluzzjoni.

225    Il-Kapitolu 3 tal-abbozz definittiv tal-istandards tekniċi regolatorji tal-EBA, iċċitata fil-punt 223 iktar ’il fuq, huwa relatat mal-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji Nru 2017/05 dwar il-valutazzjoni għall-finijiet tar-riżoluzzjoni (iktar ’il quddiem l-“istandards tekniċi regolatorji”) u jinkludi, b’mod partikolari, f’konformità mal-Artikolu 36(15) tad-Direttiva 2014/59, abbozz ta’ regolament delegat tal-Kummissjoni li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59 bi standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kriterji tal-metodu li għandu jintuża sabiex jiġi evalwat il-valur tal-assi u l-obbligazzjonijiet ta’ istituzzjonijiet jew ta’ entitajiet.

226    Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li, fid-data tar-riżoluzzjoni, dawn l-istandards tekniċi regolatorji ma kinux vinkolanti, sa fejn it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprovdi li s-SRB, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom ikunu suġġetti għall-istandards tekniċi regolatorji u ta’ infurzar vinkolanti mfassla mill-EBA meta jiġu adottati mill-Kummissjoni. Dawn l-istandards tekniċi regolatorji ġew inkorporati fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/345 tal-14 ta’ Novembru 2017, li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kriterji li għandhom x’jaqsmu ma’ metodoloġija għall-valutazzjoni tal-valur tal-assi u l-obbligazzjonijiet tal-istituzzjonijiet jew l-entitajiet (ĠU 2018 L 67, p. 8).

227    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Artikolu 6.3 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB indika li, meta kien qiegħed jiddeċiedi dwar l-iżvalutazzjoni u l-konverżjoni ta’ strumenti ta’ fondi proprji ta’ Banco Popular, huwa bbaża ruħu fuq il-valutazzjoni 2, kif issupplimentata u kkorroborata mir-riżultati tal-proċedura ta’ bejgħ immexxija mill-FROB.

228    Peress li l-valutazzjoni 2 tinkludi evalwazzjonijiet tekniċi u ekonomiċi kumplessi, jeħtieġ li s-SRB tiġilu rrikonoxxuta setgħa diskrezzjonali wiesgħa fil-kunsiderazzjoni li l-valwazzjoni 2 kienet tikkostitwixxi bażi valida għad-deċiżjoni tal-miżuri ta’ riżoluzzjoni u bl-istess mod bħall-Kummissjoni meta tapprova l-iskema ta’ riżoluzzjoni.

229    Għaldaqstant, fl-applikazzjoni tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 104 sa 109 iktar ’il fuq, l-istħarriġ imwettaq mill-Qorti Ġenerali huwa stħarriġ ristrett li huwa limitat għall-verifika tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni meta approvat l-iskema ta’ riżoluzzjoni sa fejn kienet fondata fuq il-valutazzjoni 2. Huma r-rikorrenti li għandhom jipproduċu provi suffiċjenti sabiex iċaħħdu l-valutazzjoni 2 minn kull plawżibbiltà.

230    Insostenn tal-argumenti tagħhom intiżi sabiex juru li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni, ir-rikorrenti, essenzjalment jinvokaw tliet ilmenti intiżi sabiex jistabbilixxu li l-valutazzjoni 2 ma kinitx “ġusta, prudenti u realistika” fis-sens tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 806/2014. Permezz tal-ewwel ilment, huma jikkontestaw l-affidabbiltà tal-valutazzjoni 2 u n-natura provviżorja tagħha. Permezz tat-tieni u t-tielet ilment, huma jikkontestaw l-evalwazzjoni mwettqa minn Deloitte, minn naħa, minħabba li l-aġġustamenti fil-karta tal-bilanċ ta’ Banco Popular imwettqa minn Deloitte kienu żbaljati u, min-naħa l-oħra, minħabba li l-firxa kkunsidrata fil-valutazzjoni 2 ma kinitx affidabbli.

 Fuq l-ewwel ilment, relatat mal-affidabbiltà tal-valutazzjoni 2 u n-natura provviżorja tagħha

231    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li Deloitte indikat li l-valutazzjoni 2 ma kinitx affidabbli minħabba l-limitu ta’ żmien limitat għat-tħejjija tagħha u n-nuqqas ta’ informazzjoni disponibbli.

232    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li, fl-ittra li takkumpanja l-komunikazzjoni tal-valutazzjoni 2 lis-SRB, Deloitte indikat li, minħabba l-pożizzjoni diffiċli ta’ likwidità ta’ Banco Popular, kienet ġiet mistiedna twettaq il-valutazzjoni tagħha fi żmien qasir ħafna. Ix-xogħol ewlieni kien limitat għal tnax-il jum mill-jum li fih hija kellha aċċess għad-dokumentazzjoni, meta tali proġett kellu normalment jieħu sitt ġimgħat. Deloitte rrilevat li kien hemm għadd ta’ lakuni u inkonsistenzi fost l-informazzjoni disponibbli. Hija semmiet li l-valutazzjoni kellha titqies bħala inċerta u provviżorja ħafna skont l-Artikolu 36 tad-Direttiva 2014/59 u li ġie inkluż ilqugħ għal telf addizzjonali fil-valutazzjoni skont l-Artikolu 36(9) tad-Direttiva 2014/59, li jikkorrispondi għall-Artikolu 20(10) tar-Regolament Nru 806/2014.

233    L-Artikolu 20(10) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprovdi espressament għall-ipoteżi li, minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni, ma huwiex possibbli li jiġu osservati r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 7 u 9 ta’ dak l-artikolu, jiġifieri b’mod partikolari l-każ fejn ma jkunx possibbli li titlesta l-valutazzjoni permezz ta’ ċerta informazzjoni li tinsab fil-kotba u r-reġistri tal-kontabbiltà. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ inċertezzi inerenti fi kwalunkwe valutazzjoni provviżorja billi tipprovdi, fit-tieni paragrafu tagħha, li din tal-aħħar tinkludi lqugħ għal telf addizzjonali.

234    B’hekk, f’konformità ma’ din id-dispożizzjoni, Deloitte sempliċement iddikjarat li, minħabba ż-żmien limitat disponibbli sabiex issir il-valutazzjoni, hija kellha tibbaża ruħha fuq informazzjoni mhux kompluta u speċifikat li l-valutazzjoni li kienet wettqet għandha titqies bħala valutazzjoni provviżorja fis-sens tal-Artikolu 36(9) tad-Direttiva 2014/59.

235    Barra minn hekk, mill-Artikolu 20(13) tar-Regolament Nru 806/2014 jirriżulta li, minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni, is-SRB seta’ jibbaża ruħu fuq il-valutazzjoni 2, magħmula skont l-Artikolu 20(10) tar-Regolament Nru 806/2014 sabiex jadotta l-iskema ta’ riżoluzzjoni.

236    Il-fatt li Deloitte kkonstatat li, minħabba ż-żmien disponibbli, ċerta informazzjoni kienet nieqsa, ma huwiex suffiċjenti sabiex ipoġġi f’dubju l-possibbiltà li l-valutazzjoni 2 tintuża bħala bażi għall-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni.

237    Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat, bħalma għamlet il-Kummissjoni, li, skont l-Artikolu 20(10) tar-Regolament Nru 806/2014, il-valutazzjoni 2 imwettqa f’sitwazzjoni ta’ urġenza kellha tosserva r-rekwiżiti stabbilit fil-paragrafi 1, 7 u 9 biss “sa fejn raġonevolment prattikabbli fiċ-ċirkostanzi”. Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, b’dan l-argument, il-Kummissjoni ma kkonfermatx li s-SRB u hija stess setgħu jibbażaw ruħhom fuq valutazzjoni li ma hijiex “ġusta, prudenti u realistika”.

238    Barra minn hekk, l-inċertezzi inerenti fil-valutazzjoni 2 huma enfasizzati fl-istandards tekniċi regolatorji, li minnhom jirriżulta li, meta jwettaq l-istima u l-attwalizzazzjoni tal-flussi ta’ likwidità li l-entità tista’ tistenna mill-assi u mill-obbligazzjonijiet eżistenti, il-valutatur għandu jibbaża ruħu fuq ipoteżijiet ġusti, prudenti u realistiċi u jieħdu inkunsiderazzjoni fatturi u ċirkustanzi differenti.

239    B’mod partikolari, fir-rigward tal-istimi tal-valur tal-bejgħ, l-Artikolu 12(5) tal-istandards tekniċi regolatorji, riprodotti fl-Artikolu 12(5) tar-Regolament Delegat 2018/345, jipprovdi:

“Il-valur ta’ disponiment għandu jiġi ddeterminat mill-valwatur fuq il-bażi tal-flussi ta’ flus, il-valur nett tal-ispejjeż tad-disponiment u l-valur nett tal-valur mistenni ta’ kull garanzija mogħtija, li l-entità tista’ tistenna b’mod raġonevoli fil-kondizzjonijiet tas-suq prevalenti attwalment permezz ta’ bejgħ jew trasferiment b’mod ordinat ta’ assi jew obbligazzjonijiet. Jekk ikun xieraq, wara li jiġu kkunsidrati l-azzjonijiet li jridu jittieħdu taħt l-iskema ta’ riżoluzzjoni, il-valutatur jista’ jiddetermina l-valur ta’ disponiment billi japplika tnaqqis potenzjali ta’ bejgħ aċċellerat lill-prezz tas-suq osservabbli ta’ dan il-bejgħ jew trasferiment. Biex jiġi ddeterminat il-valur ta’ disponiment ta’ assi li ma għandhomx suq likwidu, il-valutatur għandu jikkunsidra prezzijiet osservabbli fis-swieq fejn assi simili huma nnegozjati jew mudelli ta’ kalkoli bl-użu ta’ parametri osservabbli tas-suq, bi tnaqqis għal nuqqas ta’ likwidità rifless kif xieraq.”

240    L-Artikolu 12(6) tal-istandards tekniċi regolatorji, riprodotti fl-Artikolu 12(6) tar-Regolament Delegat 2018/345, jindika diversi fatturi, li l-valutatur għandu jieħu inkunsiderazzjoni, li jistgħu jinċidu fuq il-valuri tal-bejgħ u t-termini tal-bejgħ.

241    Minn dan jirriżulta li l-valutazzjoni 2 kienet ibbażata fuq ipoteżijiet u kienet tiddependi minn fatturi multipli. B’hekk, skont l-istandards tekniċi regolatorji, sabiex tiddetermina l-valur tal-bejgħ ta’ Banco Popular fid-data tar-riżoluzzjoni, Deloitte, fil-valutazzjoni 2, ibbażat ruħha fuq stimi u evalwazzjonijiet prospettivi.

242    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, minħabba l-limitazzjonijiet ta’ żmien u l-informazzjoni disponibbli, ċerti inċertezzi u approssimazzjonijiet huma inerenti fi kwalunkwe valutazzjoni provviżorja mwettqa skont l-Artikolu 20(10), tar-Regolament Nru 806/2014 u li r-riżervi fformulati minn Deloitte ma jistgħux ifissru li l-valutazzjoni 2 ma kinitx “ġusta, prudenti u realistika” fis-sens tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 806/2014.

243    Minn dan isegwi li, minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni, il-Kummissjoni ġustament qieset li s-SRB seta’ jibbaża ruħu fuq il-valutazzjoni 2 imwettqa skont l-Artikolu 20(10) tar-Regolament Nru 806/2014, sabiex jadotta l-iskema ta’ riżoluzzjoni.

244    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jikkontestaw il-fatt li l-valutazzjoni 2 kienet provviżorja. Dan il-fatt huwa f’kontradizzjoni mal-konferma mis-SRB li ma kienx ser ikun hemm valutazzjoni definittiva ex post skont l-Artikolu 20(11) tar-Regolament Nru 806/2014. Barra minn hekk, Deloitte inkludiet ilqugħ għal telf addizzjonali bħala parti integrali mill-valutazzjoni. Madankollu, peress li l-valutazzjoni 2 għandha titqies bħala definittiva ma setgħetx tinkludi tali ilqugħ.

245    Hemm lok li jitfakkar, min-naħa, li l-Artikolu 20(10) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprovdi b’mod espliċitu li l-valutazzjoni provviżorja tinkludi lqugħ għal telf addizzjonali u, min-naħa l-oħra, li, skont l-Artikolu 20(13) tal-istess regolament, valutazzjoni provviżorja bħall-valutazzjoni 2 tikkostitwixxi bażi valida għall-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni.

246    Il-fatt li, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB indika li ma kienx ser ikun hemm valutazzjoni definittiva ex post ma jistax ikollu l-effett li jimmodifika b’mod retroattiv ir-rekwiżiti għat-twettiq tal-valutazzjoni mwettqa skont l-Artikolu 20(10) tar-Regolament Nru 806/2014.

247    Fl-aħħar, fl-osservazzjonijiet tagħhom dwar in-nota ta’ intervent tas-SRB, ir-rikorrenti jsostnu li s-SRB stabbilixxa l-parametri tal-proċedura tal-bejgħ fl-ittra ta’ proċedura fuq il-bażi tal-valutazzjoni 2, billi ħeġġeġ lill-offerenti jassumu li l-valur tal-assi kien ta’ inqas minn EUR 2 biljun. L-offerta ta’ EUR 1 fil-fatt hija offerta negattiva ta’ inqas minn EUR 2 biljun.

248    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan l-argument huwa purament spekulattiv u huwa bbażat fuq żball fattwali sa fejn l-ittra ta’ proċedura li jirreferu għaliha r-rikorrenti kienet redatta mill-FROB.

249    Għaldaqstant, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni ilment, marbut mal-aġġustamenti mwettqa minn Deloitte

250    Ir-rikorrenti jsostnu li l-aġġustamenti ’l isfel li twettqu minn Deloitte fil-karta tal-bilanċ ta’ Banco Popular ma kinux korretti, sa fejn naqqsu l-valur tal-assi netti tagħha b’mod mhux ġustifikat. Deloitte wettqet aġġustamenti li qabżu bil-kbir id-dispożizzjoni mwettqa minn Banco Santander wara l-akkwist tagħha ta’ Banco Popular u l-evalwazzjoni fil-valutazzjoni 2 ma setgħetx tkun differenti mill-valur miżmum minn Banco Santander. Fil-fehma tagħhom, l-adozzjoni tal-approċċ ta’ Banco Santander fl-oqsma kollha bl-eċċezzjoni tal-assi li ma jrendux u s-sostituzzjoni tal-evalwazzjoni tagħha tal-assi li ma jrendux max-xenarju bażiku ta’ Deloitte tirriżulta f’valutazzjoni pożittiva ta’ Banco Popular ta’ EUR 1 biljun. Huma jqisu li l-istima tal-valur ekonomiku ta’ Banco Popular li saret fir-rapport supplimentari tal-esperti tagħhom, bejn EUR 4.5 biljun u EUR 7.3 biljun, tikkostitwixxi indikazzjoni preċiża tal-kobor tal-valutazzjoni. Id-differenzi bejn il-valuri indikati mill-espert tagħhom u dawk indikati minn Banco Santander huma limitati u jirriflettu l-fatt li saru għal skopijiet differenti, peress li l-esperti tar-rikorrenti kellhom l-għan li jiddeterminaw il-valur ekonomiku ta’ Banco Popular filwaqt li l-valutazzjoni ta’ Banco Santander kienet imħejjija għal skopijiet ta’ kontabilità.

251    Huma jikkontestaw, fuq il-bażi tar-rapport tal-esperti supplimentari tagħhom, l-analiżi tal-aġġustamenti tal-assi Popular tal-Banco mwettqa minn Deloitte fir-rigward ta’ self produttiv, id-dispożizzjonijiet ta’ riskju legali, l-assi ta’ taxxa differita ta’ Banco Popular u l-assi mhux essenzjali ta’ Banco Popular fil-forma ta’ impriżi konġunti, sussidjarji u assoċjati. Huma ma jikkontestawx l-aġġustament tal-assi mhux produttivi ta’ Banco Popular li sar fil-valutazzjoni 2, iżda l-livell ta’ aġġustamenti mwettqa minn Banco Santander. Huma jqisu li Deloitte ma attribwit l-ebda valur korrett lill-assi intanġibbli ta’ Banco Popular.

252    Fir-rigward tal-metodoloġija użata, Deloitte indikat, fil-valutazzjoni 2, li x-xenarju użat għad-determinazzjoni tal-valur ekonomiku kien il-bejgħ tal-bank skont l-għodda ta’ bejgħ tal-operat. Skont l-Artikolu 20(5)(f) tar-Regolament Nru 806/2014, il-valutazzjoni hija intiża li tipprovdi elementi li jippermettu t-teħid tad-deċiżjoni dwar l-assi, id-drittijiet, l-impenji jew it-titoli l-oħra ta’ proprjetà li għandhom jiġu ttrasferiti, u li tipprovdi l-elementi li jippermettu lis-SRB jiddetermina x’jikkostitwixxi kundizzjonijiet kummerċjali għall-finijiet tal-Artikolu 24(2)(b) tal-istess regolament.

253    Deloitte spjegat li “l-valutazzjoni ekonomika [tagħha] kienet intiża li tipprovdi stima tal-valur li jista’ jiġi propost minn akkwirent potenzjali għall-bank kollu kemm hu, wara proċedura ta’ rkant miftuħa, ġusta u kompetittiva (“valur tal-bejgħ” skont l-Artikolu 11 tal-istandards tekniċi regolatorji […])”.

254    Mill-premessa 6 tal-istandards tekniċi regolatorji jirriżulta li l-għażla tal-bażi ta’ evalwazzjoni l-iktar xierqa (valur ta’ żamma jew valur tal-bejgħ) għandha ssir skont il-miżuri speċifiċi ta’ riżoluzzjoni previsti mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni.

255    Fir-rigward tal-għażla tal-bażi għall-evalwazzjoni, l-Artikolu 11(4) tal-istandards tekniċi regolatorji, riprodotti fl-Artikolu 11(4) tar-Regolament Delegat 2018/345, jindika:

“Jekk l-azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 10(1) jeħtieġu li l-assi u l-obbligazzjonijiet jkunu miżmuma minn entità li tkompli tkun istituzzjoni li tqajjem tħassib, il-valwatur għandu juża l-valur ta’ żamma bħala l-bażi tal-kejl xierqa. Il-valur ta’ żamma, jekk jitqies ġust, prudenti u realistiku, jista’ jantiċipa n-normalizzazzjoni tal-kondizzjonijiet tas-suq.

Il-valur ta’ żamma ma għandux jintuża bħala l-bażi tal-kejl fejn l-assi jkunu ttrasferiti lejn vettura tal-immaniġġar tal-assi skont l-Artikolu 42 tad-Direttiva 2014/59/UE jew lejn istituzzjoni tranżitorja skont l-Artikolu 40 ta’ din id-Direttiva, jew meta tintuża għodda tal-bejgħ ta’ negozju skont l-Artikolu 38 tad-Direttiva 2014/59/UE.”

256    Skont l-Artikolu 12(4) tal-istandards tekniċi regolatorji, riprodotti fl-Artikolu 12(4) tar-Regolament Delegat 2018/345, “[j]ekk is-sitwazzjoni ta’ entità ma tippermettilhiex li żżomm assi jew li tkompli negozju, jew meta l-bejgħ mill-bqija jkun meqjus neċessarju mill-awtorità tar-riżoluzzjoni biex jinkisbu l-objettivi tar-riżoluzzjoni, il-flussi ta’ flus mistennija għandhom jiġu referenzjati għall-valuri tad-disponiment mistennija f’perjodu speċifiku ta’ disponiment”.

257    Il-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ, għall-finijiet tal-għodda ta’ bejgħ tal-operat, huma ddefiniti fl-Artikolu 12(5) sa (7) tal-istandards tekniċi regolatorji, riprodotti fl-Artikolu 12(5) sa (7) tar-Regolament Delegat 2018/345.

258    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jikkontestawx id-deċiżjoni tas-SRB li japplika l-għodda ta’ bejgħ tal-operat għal Banco Popular. B’hekk, billi l-valutazzjoni 2 twettqet b’kunsiderazzjoni tal-fatt li ser tiġi applikata l-għodda ta’ bejgħ tal-operat, il-valur tal-bejgħ użat minn Deloitte kien il-metodoloġija korretta għall-evalwazzjoni tal-valur ta’ Banco Popular fil-kuntest tal-valutazzjoni 2.

259    Hemm lok li jiġi rrilevat, sabiex jikkontestaw l-istima tal-assi ta’ Banco Popular imwettqa fil-valutazzjoni 2, ir-rikorrenti jinvokaw, minn naħa, ir-rapport tal-esperti supplimentari tagħhom anness mar-replika u, min-naħa l-oħra, fuq il-valur miżmum minn Banco Santander.

260    Fl-ewwel lok, fir-rigward tar-rapport tal-esperti supplimentari anness mar-replika, Banco Santander isostni li dan huwa bbażat fuq metodoloġija żbaljata.

261    F’dan ir-rigward, ir-rapport tal-esperti anness mar-rikors, jindika li “[f]’każijiet fejn tinbiegħ il-kumpannija kollha u dawn l-assi ma jkunux is-suġġett ta’ bejgħ separat, aħna nqisu li l-bażi tal-valur tal-ishma hija xierqa”. Barra minn hekk, kif jirrileva Banco Santander, ir-rapport tal-esperti supplimentari anness mar-replika, jsemmi:

“Kif indikat hawn fuq, sabiex jiġi ddeterminat il-valur ekonomiku ta’ kull wieħed mill-assi, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-bażi xierqa hijiex “valur ta’ żamma” […] jew “valur ta’ trasferiment” […]. Aħna nikkunsidraw li l-eżerċizzju tal-valur ġust deskritt mill-Banco Popular huwa simili għal dak meħtieġ sabiex iwieġeb għal evalwazzjoni ppreparata abbażi ta’ “valur ta’ żamma” kif iddefinit fl-Artikolu 1 tal-istandards tekniċi regolatorji.”

262    Ir-rikorrenti jsostnu li r-rapporti tal-esperti tagħhom ipprovdew stima tal-assi ta’ Banco Popular skont il-Linji Gwida stabbiliti fl-istandards tekniċi regolatorji. Huma jsostnu li r-rapporti tal-esperti tagħhom stmaw il-valur tal-bank fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ kontinwità tal-attività, filwaqt li jistmaw il-flussi ta’ flus li l-bank kien jiġġenera billi jżomm jew jiddisponi minn ċerti assi. Huma jsostnu li, skont l-aspettattivi tal-akkwirent, kategoriji differenti ta’ assi għandhom jiġu evalwati skont jekk ikunux miżmuma jew mibjugħa. L-approċċ użat fir-rapport tal-esperti supplimentari tar-rikorrenti huwa konformi mal-Artikolu 11(4) tal-istandards tekniċi regolatorji, li skonthom, għall-bejgħ ta’ istituzzjoni li tkompli topera, bħal fil-każ preżenti, l-evalwatur għandu juża l-valur ta’ żamma.

263    Għalhekk, kif jammettu r-rikorrenti, ir-rapporti tal-esperti tagħhom kienu bbażati fuq il-valur ta’ żamma u mhux fuq il-valur ta’ trasferiment sabiex jiġi stmat il-valur tal-kategoriji differenti ta’ assi ta’ Banco Popular.

264    Madankollu, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Artikolu 11(4) tal-istandards tekniċi regolatorji, imsemmi fil-punt 255 iktar ’il fuq, jipprovdi espressament li l-valur ta’ żamma ma jintużax bħala bażi għall-evalwazzjoni meta tiġi applikata l-għodda ta’ ċessjoni.

265    Barra minn hekk, mill-argumenti tar-rikorrenti jidher li, sabiex jiġi ġġustifikat il-metodu użat fir-rapport tal-esperti tagħhom, huma jieħdu inkunsiderazzjoni l-valur li għalih l-akkwirent innifsu jkun lest li jċedi lil Banco Popular kollu jew parti minnu ladarba jkun ġie akkwistat.

266    B’hekk, fl-osservazzjonijiet tagħhom dwar in-nota ta’ intervent ta’ Banco Santander, huma jiġġustifikaw li r-rapporti tal-esperti tagħhom ippermettew li jiġi stmat il-valur ekonomiku ta’ Banco Popular waqt li waqt li jkompli l-operat. Huma jindikaw li, skont l-aspettattivi tal-akkwirent dwar x’jagħmel, kategoriji differenti ta’ assi għandhom jiġu vvalutati skont jekk jinżammux jew jiġu mibjugħa. Huma jżidu li, pereżempju, huwa possibbli li wieħed jistenna li akkwirent ibiegħ l-assi mhux produttivi f’ċertu terminu ta’ żmien, iżda li jkun jixtieq iżomm self bi prestazzjoni li jiġġenera dħul. Kif xieraq, l-assi għandhom jiġu vvalutati skont il-valur ta’ disponiment jew skont il-valur ta’ żamma.

267    Dawn l-argumenti jirriżultaw minn konfużjoni. L-iskop tal-valutazzjoni 2 kien li jiġi ddeterminat il-valur ta’ Banco Popular fil-kuntest tal-użu tal-għodda tal-bejgħ, jiġifieri li jiġi ddeterminat il-valur li bih akkwirent potenzjali jkun lest li jakkwista lil Banco Popular fid-data tar-riżoluzzjoni. Deloitte tindika, fir-rapport dwar il-valutazzjoni 2, li l-evalwazzjoni ekonomika tagħha hija maħsuba sabiex tipprovdi stima tal-valur li jista’ jiġi offrut lill-bank kollu minn akkwirent potenzjali. L-għan ma kienx, kif jidher li jqisu r-rikorrenti, li jiġi stmat il-valur ta’ Banco Popular, ladarba mibjugħ lill-akkwirent, fuq il-bażi tal-assi li l-akkwirent ikun jixtieq ibigħ jew iżomm.

268    Minn dan jirriżulta li l-metodoloġija użata fir-rapporti tal-esperti pprovduti mir-rikorrenti ma tikkorrispondix għal dik li Deloitte kellha tuża fil-valutazzjoni. Barra minn hekk, kif tenfasizza l-Kummissjoni, ir-rapport tal-esperti supplimentari huwa bbażat fuq data sussegwenti għall-akkwist ta’ Banco Popular minn Banco Santander, li għalhekk ma humiex rilevanti għall-evalwazzjoni tal-istima mwettqa fil-valutazzjoni 2 li kienet maħsuba sabiex jiġi ddeterminat il-valur ta’ disponiment għal akkwirent potenzjali qabel ir-riżoluzzjoni.

269    Għalhekk, hemm lok li jiġi kkunsidrat li dawn ir-rapporti tal-esperti ma humiex rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk il-valutazzjoni 2 stmatx b’mod korrett il-valur tal-assi ta’ Banco Popular. B’mod partikolari, l-istima tal-valur ekonomiku ta’ Banco Popular li saret fir-rapport tal-esperti supplimentari tagħhom, bejn EUR 4.5 biljun u EUR 7.3 biljun, hija bbażata fuq metodoloġija żbaljata u għalhekk ma hijiex rilevanti. It-tqabbil, imwettaq mir-rikorrenti, tar-riżultati tal-istimi tad-diversi kategoriji ta’ assi li jinsabu, minn naħa, fir-rapport tal-espert supplimentari tagħhom u, min-naħa l-oħra, fil-valutazzjoni 2, għandu jitqies bħala ineffettiv.

270    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jagħmlu riferiment għall-aġġustamenti li twettqu minn Banco Santander wara l-akkwist ta’ Banco Popular, meta ssottomettew il-karta tal-bilanċ tal-Banco Popular. Huma jsostnu li stima tal-valur ekonomiku ta’ Banco Popular fil-valutazzjoni 2 ma tistax titqies bħala “ġusta, prudenti u realistika”, billi hija differenti minn dik adottata mill-akkwirent.

271    Hemm lok li jiġi kkonstatat, bħalma għamel is-SRB, li l-kontabbiltà għall-akkwisti ta’ Banco Santander ma tistax titqabbel mar-riżultati tal-valutazzjoni 2, peress li ma sservix l-istess għan u ma tużax l-istess metodoloġija.

272    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jammettu, fir-replika, li l-valutazzjoni mwettqa minn Banco Santander laħqet objettiv differenti minn dak tal-esperti tagħhom u li ma kinitx maħsuba sabiex tistma l-valur ekonomiku ta’ Banco Popular iżda l-valur kontabbli tagħha.

273    Barra minn hekk, l-iskop tal-valutazzjoni 2 kien li jiġi ddeterminat il-valur ta’ trasferiment ta’ Banco Popular għal kwalunkwe xerrej potenzjali. Madankollu, kif jenfasizza s-SRB, il-kontabilità ta’ Banco Santander tagħti valur speċjali lill-assi u l-obbligazzjonijiet ta’ Banco Popular wara l-integrazzjoni ta’ Banco Popular fit-tranżazzjonijiet tiegħu skont ir-regoli tal-kontabilità.

274    Fi kwalunkwe każ, hemm lok li jitqies li l-valur ekonomiku attribwit lil Banco Popular minn Banco Santander fid-data tal-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni huwa l-valur inkluż fl-offerta ta’ akkwist tagħha, jiġifieri EUR 1.

275    Barra minn hekk, hemm lok li jiġu miċħuda bħala ineffettivi l-argumenti tar-rikorrenti intiżi li jikkontestaw l-aġġustamenti li jikkonċernaw l-assi mhux produttivi mwettqa minn Banco Santander, wara r-riżoluzzjoni.

276    Sussidjarjament, ir-rikorrenti jqisu, fl-osservazzjonijiet tagħhom dwar in-nota ta’ intervent, li, anki jekk l-assi ta’ Banco Popular kellhom jiġu vvalutati skont il-valur ta’ trasferiment tal-assi individwali li Banco Popular kellha tkompli żżomm waqt li tkompli topera, il-valur ta’ Banco Popular kien ikun ta’ bejn EUR 1.5 u EUR 4.3 biljun.

277    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti sempliċement jipprovdu tabella ta’ ċifri li tinkludi paragun tal-valuri ta’ Banco Popular stmati minn Deloitte fil-valutazzjoni 2, minn Banco Santander u fir-rapport tal-esperti tagħhom b’aġġustament u mingħajru. Madankollu, il-provvista tar-riżultati tal-kalkoli tal-esperti tagħhom wara l-aġġustament, mingħajr spjegazzjoni ulterjuri tal-metodu użat u n-natura tal-aġġustamenti li saru, ma tippermettix lill-Qorti Ġenerali tifhem il-portata ta’ dan l-argument.

278    Pereżempju, minn din it-tabella jirriżulta li l-linja li tikkorrispondi għall-“aġġustament tal-valur tal-assi” fir-rapport tal-esperti supplimentari wasslet għal firxa ta’ EUR 5.2 sa 7.9 biljun u li l-istess valur “wara l-aġġustament” huwa ta’ EUR 8.2 biljun sa 11-il biljun. Ir-rikorrenti ma jipprovdu l-ebda spjegazzjoni għal dawn id-differenzi.

279    Fit-tielet lok, fir-replika, ir-rikorrenti jqajmu argumenti speċifiċi sabiex jikkontestaw il-metodu użat minn Deloitte għall-valutazzjoni ta’ ċerti kategoriji ta’ assi.

280    Fir-rigward tas-self li jrendi, ir-rikorrenti jsostnu li Deloitte rrikonoxxiet fil-valutazzjoni 2 li ma użatx il-metodu tal-flussi tal-flus skontati (Discounting Cash Flows) u li adottat metodu li ma huwiex adattat, jiġifieri l-IFRS 9 [International Financial Reporting Standard (standard internazzjonali tar-rapportar finanzjarju)], li jittratta l-kontabbiltà għall-istrumenti finanzjarji.

281    Fil-valutazzjoni 2, fir-rigward tas-self u d-djun, Deloitte indikat:

“[…] ma kienx possibbli li jiġi applikat għal dan il-portafoll approċċ ta’ mmudellar tal-fluss tal-flus skontat komprensiv li jkun suffiċjentement robust. Minflok, minħabba d-data u l-ħin disponibbli, aħna kkunsidrajna żewġ approċċi fil-qasam tal-valutazzjoni:

approċċ “minn isfel għal fuq”, aġġustat għal telf mistenni, li jieħu inkunsiderazzjoni d-data dwar l-iskopertura sottostanti tal-bank fil-każ ta’ inadempjenza, il-probabbiltà ta’ inadempjenza tul il-ħajja (stmata mill-probabbiltà ta’ inadempjenza pprovduta f’ħin partikolari) u telf minħabba inadempjenza, u li jaġġusta l-parametri fuq il-bażi tal-parametri referenzjarji tas-suq, tal-parametri referenzjarji tal-Bank ta’ Spanja għal telf f’każ ta’ inadempjenza u tal-analiżi ta’ Deloitte, kollha fuq il-bażi ta’ suppożizzjonijiet prudenti. Dan l-approċċ jirrifletti essenzjalment il-mod kif akkwirent bankarju jiġġestixxi l-portafolli fil-futur […]”

282    Deloitte osservat li l-metodu tagħha għall-kalkolu tal-valur ekonomiku tas-self u tad-djun kien li tistma t-telf mistenni tal-kreditu u spjegat il-parametri magħżula sabiex tiġi ddeterminata l-espożizzjoni għar-riskju ta’ inadempjenza u l-probabbiltajiet ta’ inadempjenza.

283    Hemm lok li jiġi kkunsidrat li dan il-metodu huwa konformi mal-istandards tekniċi regolatorji.

284    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li l-valutazzjoni tas-self u tad-djun hija suġġetta għal inċertezzi, li huma spjegati fl-Artikolu 8(a) tal-istandards tekniċi regolatorji, riprodotti fl-Artikolu 8(a) tar-Regolament Delegat 2018/345, skont liema:

“Il-valwatur għandu jiffoka b’mod partikolari fuq oqsma soġġetti għal inċertezza tal-valwazzjoni sinifikanti li jkollha impatt sinifikanti fuq il-valwazzjoni globali. Għal dawn l-oqsma, il-valwatur għandu jipprovdi r-riżultati tal-valwazzjoni fil-forma tal-aħjar stimi tal-punt u, fejn xieraq, fil-forma ta’ firxa ta’ valuri, kif previst fl-Artikolu 2(3). Dawn l-elementi huma dawn li ġejjin:

a)      self jew portafolli ta’ self, li l-flussi ta’ flus mistennija tagħhom jiddependu mill-abbiltà, ir-rieda jew l-inċentiv tal-kontroparti li jwettaq l-obbligu tiegħu, jekk dawn l-aspettattivi jkunu xprunati minn suppożizzjonijiet relatati mar-rati ta’ delinkwenza, probabbiltajiet ta’ inadempjenza, telf fil-każ ta’ inadempjenza, jew karatteristiċi tal-istrument, speċjalment fejn xejriet ta’ telf ta’ portafoll ta’ self juru evidenza ta’ dan”.

285    Barra minn hekk, fil-paġni 4 sa 11 tal-Anness tal-valutazzjoni 2, Deloitte spjegat l-aġġustamenti li kienet għamlet fir-rigward tal-valwazzjoni tas-self u tad-djun, b’mod partikolari fir-rigward tar-riskji ta’ inadempjenza. Ir-rikorrenti ma jqajmu l-ebda argument intiż li jikkontesta dawn l-aġġustamenti.

286    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jammettu li, minħabba t-terminu limitat disponibbli għal Deloitte, din tal-aħħar ma setgħetx twettaq analiżi komprensiva u robusta tal-flussi tal-flus skontati.

287    Fir-rigward tal-argumenti li l-IFRS 9, li huwa standard tal-kontabilità, ma kienx xieraq, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li Deloitte indikat fil-valutazzjoni 2 li “għalkemm nifhmu li l-IFRS 9 il-ġdid se jinvolvi żieda fid-dispożizzjonijiet, dan mhux se jbiddel il-kalkoli mwettqa f’dan il-każ”. Minn dan jirriżulta li Deloitte ma użatx dan il-metodu u li l-argumenti tar-rikorrenti huma ineffettivi.

288    Fir-rigward tal-valutazzjoni tal-aġġustamenti tad-dispożizzjonijiet għal riskji legali, hemm lok li jiġi kkonstatat li t-tqabbil li sar mir-rikorrenti bejn il-valutazzjoni 2 u l-valutazzjoni 3, li sar wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ma huwiex rilevanti. Huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-valutazzjoni 3 twettqet skont metodu u b’għan li kienu differenti minn dawk tal-valutazzjoni 2. B’mod simili, it-tqabbil imwettaq mal-evalwazzjoni mwettqa minn Bankia abbażi ta’ artiklu tal-istampa ma huwiex rilevanti, iktar u iktar peress li ma huwiex speċifikat jekk din il-valutazzjoni kinitx tkopri r-riskji legali kollha analizzati fil-valutazzjoni 2, u lanqas jekk ir-riżultati kinux ġenwinament paragunabbli.

289    Fir-rigward tal-valutazzjoni tal-assi ta’ taxxa differita, ir-rikorrenti jammettu li hija inċerta u tiddependi ħafna mill-akkwirent. Huma jqisu li l-firxa magħżula minn Deloitte hija dejqa wisq, fatt li kellu jindika lis-SRB u lill-Kummissjoni li l-approċċ ta’ Deloitte ma kienx xieraq u li din il-firxa ma tikkorrispondix għall-aġġustament imwettaq minn Banco Santander.

290    B’mod partikolari, fil-paġna 32 tal-Anness tal-valutazzjoni 2, Deloitte indikat b’mod partikolari li l-valutazzjoni tal-assi tat-taxxa differita mhux protetti kienet tiddependi fuq l-akkwirent, b’mod partikolari mill-fatt li l-akkwirent kien entità Spanjola jew barranija u li, fil-każ li l-akkwirent kien bank Spanjol, in-natura irkuprabbli u l-kontabbiltà tagħhom fuq il-karta tal-bilanċ kienu jiddependu mill-pjan tan-negozju ta’ Banco Popular u ta’ dak l-akkwirent. L-anness tal-valutazzjoni 2 isemmi li l-evalwazzjoni mwettqa minn Deloitte tieħu inkunsiderazzjoni dawn l-ipoteżijiet differenti.

291    Ir-rikorrenti ma jispjegawx kif l-inċertezzi enfasizzati minn Deloitte iġġustifikaw aġġustamenti differenti fl-aħjar u fl-agħar xenarji possibbli. F’dan ir-rigward, fir-rapport tal-esperti supplimentari anness mar-replika, l-espert sempliċement jinnota n-natura “sorprendenti” ta’ din il-firxa. Barra minn hekk, hemm lok li jitfakkar li l-paragun mal-aġġustamenti mwettqa minn Banco Santander ma huwiex rilevanti.

292    Fir-rigward tal-valutazzjoni tal-assi intanġibbli, ir-rikorrenti jsostnu li Deloitte ma attribwit l-ebda valur ekonomiku, minn naħa, lill-assi intanġibbli marbuta ma’ depożiti ewlenin (Core Deposit Intangibles), filwaqt li l-irtirar probabbilment kien jikkonċerna l-inqas depożiti stabbli, u lanqas, min-naħa l-oħra, lit-trade mark Banco Popular filwaqt li rrikonoxxiet valur minimu lit-trade mark Banco Pastor. Skont ir-rikorrenti, dan l-approċċ kien suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li l-valutazzjoni 2 ma kinitx affidabbli.

293    Minn naħa, fil-valutazzjoni 2, Deloitte stmat, fir-rigward tal-assi intanġibbli marbuta mad-depożiti ewlenin, li akkwirent potenzjali ma kien jattribwixxilhom ebda valur minħabba l-irtirar kbir ta’ depożiti fid-data tal-evalwazzjoni.

294    Hemm lok li jiġi rrilevat li, fid-dawl tal-kobor tal-ħruġ tal-likwidità fid-data li fiha twettqet il-valutazzjoni 2, l-ebda prova ma tippermetti li jiġi kkonfermat, kif jagħmlu r-rikorrenti, li l-maġġoranza tad-depożiti stabbli baqgħu fil-bank.

295    Min-naħa l-oħra, Deloitte spjegat, fir-rigward tal-assi kummerċjali ta’ Banco Popular, li akkwirent potenzjali ma jattribwixxi l-ebda valur lill-assi kummerċjali li kienu jeżistu minn qabel peress li ma kinux assi identifikabbli fil-kuntest ta’ raggruppament ta’ impriżi. Huwa indika li, fid-dawl tal-preżenza qawwija tat-trade mark Banco Pastor f’Galicia, dik it-trade mark kellha valur għal terzi u li kien stima l-firxa tal-valur billi applika il-metodu ta’ tariffi, li huwa l-metodu l-iktar użat għall-evalwazzjoni tat-trade marks.

296    Ir-rikorrenti ma jqajmu l-ebda argument speċifiku ta’ natura li jpoġġi f’dubju dawn l-ispjegazzjonijiet.

297    Fir-rigward tal-valutazzjoni ta’ impriżi konġunti, sussidjarji u impriżi assoċjati, ir-rikorrenti sempliċement jiddikjaraw li, fuq il-bażi ta’ rapporti ta’ analiżi kontemporanji u ta’ tranżazzjonijiet attwali jew allegati, l-ammont miżmum minn Deloitte jikkostitwixxi sottovalutazzjoni u li stima raġonevoli hija ta’ EUR 1.5 biljun.

298    Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, minn naħa, li r-rikorrenti ma jistabbilixxux il-bażi li fuqha hija bbażata din l-istima u, min-naħa l-oħra, li dawn l-argumenti ma jippermettux li jiġu identifikati l-iżbalji magħmula minn Deloitte fil-valutazzjoni 2.

299    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, kull rikors għandu jindika s-suġġett tal-kawża u sunt tal-motivi invokati. Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex rikors ikun ammissibbli, huwa meħtieġ li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom ikun ibbażat jirriżultaw, minn tal-inqas fil-qosor iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors stess. Għalkemm it-test tar-rikors jista’ jiġi ssostanzjat u kkompletat fir-rigward ta’ punti speċifiċi, permezz ta’ riferimenti għal siltiet speċifiċi minn dokumenti li huma annessi miegħu, riferiment globali għal dokumenti oħra, anki jekk annessi mar-rikors, ma jistax jikkumpensa għall-assenza tal-elementi essenzjali tal-argumenti legali, li, skont id-dispożizzjonijiet imfakkra iktar ’il fuq, għandhom ikunu inklużi fir-rikors (ara s-sentenzi tas-17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il-Kummissjoni, T‑201/04, EU:T:2007:289, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-5 ta’ Ottubru 2020, HeidelbergCement u Schwenk Zement vs Il‑Kummissjoni, T‑380/17, EU:T:2020:471, punt 92 (mhux ippubblikata) u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, ma huwiex id-dmir tal-Qorti Ġenerali li tfittex u tidentifika, fl-annessi, il-motivi u l-argumenti li tista’ tikkunsidra bħala bażi tar-rikors, peress li l-funzjoni tal-annessi hija waħda purament probatorja u strumentali (ara s-sentenzi tas-17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il-Kummissjoni, T‑201/04, EU:T:2007:289, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-24 ta’ Settembru 2019, Il-Pajjiżi l-Baxxi et vs Il-Kummissjoni, T‑760/15 u T‑636/16, EU:T:2019:669, punt 114 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il-Kummissjoni, C‑382/12 P, EU:C:2014:2201, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

300    Fin-nuqqas ta’ argument fir-replika, ir-riferimenti ġenerali magħmula mir-rikorrenti għar-rapport supplimentari tal-esperti annessi miegħu ma jistgħux jiġu eżaminati.

301    Jeħtieġ li jiġi rrilevat li, fil-valutazzjoni 2, Deloitte spjegat għal kull kategorija ta’ assi l-metodu użat għall-valutazzjoni tagħhom u l-inċertezzi li jiġġustifikaw l-aġġustamenti li saru. Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-argumenti tar-rikorrenti ma jikkontestawx l-aġġustamenti magħmula minn Deloitte fil-valutazzjoni 2 dwar il-kategoriji differenti tal-assi ta’ Banco Popular u ma jippermettux li jiġi konkluż li l-valwazzjoni 2 ma kinitx “ġusta, prudenti u realistika” skont l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 806/2014.

302    Sussidjarjament, ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-evalwazzjoni mwettqa minn Deloitte, fil-valutazzjoni 2, ta’ erba’ elementi ewlenin, li ma humiex affettwati mill-metodu ta’ valutazzjoni applikabbli, irriżultat f’sottovalutazzjoni ta’ EUR 4.8 sa 5 biljun tal-valur ta’ Banco Popular. Ir-rikorrenti jagħmlu riferiment għall-aġġustament tal-assi ta’ taxxa differita, għan-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-assi intanġibbli, b’mod partikolari dawk relatati ma’ depożiti bażiċi, għall-istima żejda tal-kontinġenzi ta’ natura legali u għas-sottovalutazzjoni tal-valur tal-impriżi konġunti, tas-sussidjarji u tal-impriżi assoċjati inklużi fil-valutazzjoni 2.

303    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, min-naħa l-waħda, ir-rikorrenti sempliċement iqabblu l-istimi fil-valutazzjoni 2 ma’ dawk fir-rapport tal-esperti supplimentari tagħhom. Min-naħa l-oħra, ma jispjegawx għalfejn, għall-evalwazzjoni ta’ dawn l-erba’ kategoriji ta’ assi, il-metodu ta’ valutazzjoni huwa irrilevanti.

304    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi miċħud it-tieni ilment.

 Fuq it-tielet ilmenti, dwar il-firxa użata fil-valutazzjoni 2

305    Ir-rikorrenti jsostnu li l-portata tal-firxa użata fil-valutazzjoni 2 u l-fatt li ddevjat mill-valutazzjonijiet reċenti tal-assi netti ta’ Banco Popular kellhom iservu ta’ allert għas-SRB u għall-Kummissjoni dwar il-fatt li din il-valutazzjoni ma kinitx “ġusta, prudenti u realistika” u ma kinitx tipprovdi bażi affidabbli għall-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni.

306    F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, fil-valutazzjoni 2, Deloitte rrilevat li r-riżultat tal-evalwazzjoni tagħha kien jinsab fil-firxa ta’ bejn EUR 1.3 biljun u inqas minn EUR 8.2 biljun, bl-aħjar stima f’din il-firxa ta’ inqas minn EUR 2 biljun.

307    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-portata tal-firxa indikata fil-valutazzjoni 2 jiżvela li ma kinitx affidabbli.

308    Jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-portata tal-firxa hija ġġustifikata mill-metodu użat fil-valutazzjoni 2.

309    F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-metodoloġija użata fil-valutazzjoni 2, Deloitte indikat li kienet adottat approċċ kategorija b’kategorija, billi aġġustat il-valuri kontabbli ta’ kull klassi ta’ assi u obbligazzjonijiet sabiex jiġi stmat it-telf u l-profitt u aġġustamenti oħra li kwalunkwe akkwirent japplika għall-valur. Hija pproduċiet firxa ta’ evalwazzjoni għal kull klassi ta’ assi u ta’ obbligazzjonijiet.

310    Dan il-metodu huwa konformi mal-Artikolu 2(3) tal-istandards tekniċi regolatorji, riprodotti fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Delegat 2018/345, li skontu:

“Il-valwatur għandu jipprovdi l-aħjar stima tal-punt tal-valur ta’ assi partikoli [partikolari], obbligazzjoni partikolari, jew kombinazzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ elementi. Jekk ikun xieraq, ir-riżultati tal-valwazzjoni għandhom jiġu pprovduti wkoll fil-forma ta’ firxa ta’ valuri.”

311    B’hekk, iż-żieda tal-valuri l-iktar baxxi għal kull klassi ta’ assi u ta’ obbligazzjonijiet ipprovdiet l-istima baxxa tal-firxa u ż-żieda tal-ogħla valuri pprovdiet l-istima għolja tal-firxa. Għaldaqstant, dan il-metodu jispjega l-portata tal-firxa adottata fil-valutazzjoni 2. Barra minn hekk, hemm lok li jitfakkar li mill-analiżi tal-ewwel ilment jirriżulta li d-determinazzjoni tal-valur ta’ trasferiment hija bbażata fuq stimi li jinvolvu ċerti inċertezzi li jiġġustifikaw l-għażla tal-preżentazzjoni tar-riżultati fil-forma ta’ firxa.

312    Barra minn hekk, kif tenfasizza l-Kummissjoni, fid-dawl tal-portata tal-karta tal-bilanċ totali ta’ Banco Popular, b’ċifra totali li taqbeż EUR 130 biljun, id-differenza bejn iż-żewġ valuri fil-firxa tirrappreżenta biss madwar 7 % tal-karta tal-bilanċ.

313    Fir-replika, ir-rikorrenti jsostnu li dan il-paragun ma huwiex rilevanti u li l-portata tal-firxa, jiġifieri EUR 9.5 biljun, għandu jitqabbel mal-valur tal-assi netti ta’ Banco Popular, jiġifieri EUR 10.78 biljun.

314    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat, minn naħa l-waħda, li r-riferiment mill-Kummissjoni għad-daqs tal-karta tal-bilanċ ta’ Banco Popular ma hijiex maħsuba sabiex tevalwa l-eżattezza tal-firxa, iżda sempliċement sabiex tirrelativizza l-portata tagħha. Min-naħa l-oħra, id-differenza bejn ix-xenarju ta’ valutazzjoni tal-aħjar u l-agħar xenarju użat minn Deloitte ma tikkostitwixxix data komparabbli mal-valur kontabbli tal-assi netti ta’ Banco Popular.

315    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jirrilevaw li Banco Popular għadda mit-test tal-istress tal-2016 u li, għalkemm Banco Popular kien esperjenza problemi ta’ likwidità, fil-31 ta’ Marzu 2017, l-assi netti tiegħu kienu jammontaw għal EUR 10.78 biljun u n-negozju ewlieni tiegħu relatat mal-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) bi frankiġja baqa’ profittabbli.

316    F’dan ir-rigward, minn naħa, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li t-test tal-istress tal-2016 ta’ Banco Popular, ippubblikat f’Lulju tal-2016, b’hekk jikkonċerna s-sitwazzjoni ta’ Banco Popular f’data diversi xhur qabel id-data tal-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni u ma jistax jitqies li qiegħed jagħti indikazzjonijiet dwar l-iżvilupp finanzjarju ta’ Banco Popular. Min-naħa l-oħra, ir-riferiment għall-assi netti hija irrilevanti, peress li jirriflettu biss l-ammont kontabbli ta’ Banco Popular u mhux il-valur tal-bejgħ fid-data tar-riżoluzzjoni.

317    Għaldaqstant, hemm lok li t-tielet motiv jiġi miċħud.

318    Minn dan li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti ma wrewx li l-valutazzjoni 2 ma kinitx “ġusta, prudenti u realistika” fis-sens tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 806/2014.

319    Hemm lok li jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni meta approvat l-iskema ta’ riżoluzzjoni sa fejn din kienet ibbażata fuq il-valutazzjoni 2.

320    Għaldaqstant, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ

321    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret id-dritt għal smigħ tagħhom billi adottat id-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma tathom l-opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet. Huma jsostnu li ma nstemgħux matul il-proċedura ta’ riżoluzzjoni, filwaqt li l-interessi tagħhom kienu affettwati direttament u individwalment mid-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni hija meħtieġa tiżgura li r-rikorrenti jinstemgħu, skont l-Artikolu 41 tal-Karta, anki jekk ir-Regolament Nru 806/2014 ma jkunx jipprevedi dan.

322    Huma jqisu li, kieku s-SRB u l-Kummissjoni rrispettaw id-dritt tagħhom għal smigħ, huma setgħu jippreżentaw osservazzjonijiet b’mod utli anki f’terminu qasir. Ir-rikorrenti setgħu indirizzaw il-kwistjoni tal-valutazzjoni korretta ta’ Banco Popular u, fid-dawl tal-provi mressqa fir-raba’ motiv, x’aktarx li s-SRB jew il-Kummissjoni kien ikollhom opinjoni differenti dwar il-valutazzjoni ta’ Banco Popular, fatt li kien iwassal għall-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni differenti minn dik approvata mid-deċiżjoni kkontestata.

323    Il-Kummissjoni ssostni li l-proċedura prevista fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014 twassal għall-adozzjoni ta’ miżura ta’ portata ġenerali fir-rigward tal-azzjonisti u l-kredituri tal-istituzzjoni suġġetta għal miżura ta’ riżoluzzjoni u li l-Artikolu 41 tal-Karta ma huwiex applikabbli. Sussidjarjament, hija tqis li l-assenza ta’ possibbiltà għar-rikorrenti li jinstemgħu hija ġġustifikata abbażi tal-Artikolu 52(1) tal-Karta.

324    Hemm lok li jitfakkar li l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta jipprovdi li d-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi d-dritt ta’ kull persuna li tinstema’ qabel ma tittieħed kontrihom miżura individwali li tolqothom b’mod sfavorevoli.

325    Id-dritt għal smigħ jiggarantixxi lil kull persuna l-possibbiltà li tesponi, b’mod utli u effettiv, il-fehma tagħha matul il-proċedura amministrattiva u qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni li tista’ taffettwa b’mod sfavorevoli l-interessi tagħha. Sussegwentement, għandu jiġi speċifikat li d-dritt għal smigħ għandu għan doppju. Minn naħa, iservi għall-istruzzjoni tal-fajl u għall-istabbiliment tal-fatti bil-mod l-iktar preċiż u korrett possibbli u, min-naħa l-oħra, jippermetti li tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva tal-persuna kkonċernata. Id-dritt għal smigħ huwa intiż b’mod partikolari li jiggarantixxi li kull deċiżjoni li tikkawża preġudizzju tiġi adottata b’konjizzjoni sħiħa tal-kawża u b’mod partikolari għandu l-għan li jippermetti lill-awtorità kompetenti tikkoreġi żball jew li l-persuna kkonċernata ssostni l-elementi relatati mas-sitwazzjoni personali tagħha li jimmilitaw sabiex id-deċiżjoni tittieħed, ma titteħidx jew li jkollha tali jew tali kontenut (ara s-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2020, SEAE vs De Loecker, C‑187/19 P, EU:C:2020:444, punti 68 u 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

326    Jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat l-importanza tad-dritt għal smigħ u tal-portata wiesgħa ħafna tiegħu fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, billi qieset li dan id-dritt għandu japplika fil-proċeduri kollha li x’aktarx iwasslu għal att li jikkawża preġudizzju. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt għal smigħ għandu jiġi rrispettat anki meta r-regoli applikabbli ma jipprovdux espressament għal tali formalità (ara s-sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2012, M., C‑277/11, EU:C:2012:744, punti 85 u 86 u l-ġurisprudenza ċċitata; tat-18 ta’ Ġunju 2020, Il-Kummissjoni vs RQ, C‑831/18 P, EU:C:2020:481, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-7 ta’ Novembru 2019, ADDE vs Il-Parlament, T‑48/17, EU:T:2019:780, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata).

327    Peress li, fid-dawl tan-natura tiegħu ta’ prinċipju fundamentali u ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, l-applikazzjoni tal-prinċipju tad-drittijiet tad-difiża ma tista la tiġi eskluża u lanqas tiġi limitata minn dispożizzjoni leġiżlattiva u l-osservanza tiegħu għandha għaldaqstant tiġi żgurata kemm fl-assenza totali ta’ leġiżlazzjoni speċifika kif ukoll meta jkun hemm leġiżlazzjoni li ma tiħux inkunsiderazzjoni hi stess l-imsemmi prinċipju (ara s-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni, T‑260/11, EU:T:2014:555, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

328    Qabelxejn, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-iskema ta’ riżoluzzjoni adottata mis-SRB għandha bħala l-għan tagħha r-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular, li għaldaqstant għandha titqies bħala l-persuna li fir-rigward tagħha ġiet adottata miżura individwali u li fir-rigward tagħha d-dritt għal smigħ huwa ggarantit mill-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta.

329    Għalhekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li r-rikorrenti ma humiex destinatarji tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, li ma hijiex deċiżjoni individwali meħuda kontrihom, u lanqas tad-deċiżjoni kkontestata li tapprova din l-iskema ta’ riżoluzzjoni.

330    Madankollu, hemm lok li jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 806/2014, is-SRB eżerċita s-setgħa ta’ żvalutazzjoni jew ta’ konverżjoni tal-istrumenti kapitali ta’ Banco Popular.

331    Għaldaqstant, il-proċedura segwita mis-SRB fl-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, anki jekk ma tikkostitwixxix proċedura individwali miftuħa kontra r-rikorrenti, tista’ twassal għall-adozzjoni ta’ miżura li tista’ taffettwa b’mod negattiv l-interessi tagħhom bħala detenturi ta’ strumenti kapitali ta’ Banco Popular.

332    Madankollu, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, iċċitata fil-punt 326 iktar ’il fuq, adottat interpretazzjoni wiesgħa tad-dritt għal smigħ bħala ggarantit lil kwalunkwe persuna matul il-proċedura li tista’ twassal għal att li jikkawżalha preġudizzju.

333    Barra minn hekk, minn naħa, skont il-premessa 121, ir-Regolament Nru 806/2014 josserva d-drittijiet fundamentali u d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji rrikonoxxuti, b’mod partikolari, mill-Karta, fosthom id-drittijiet tad-difiża, u għandhom jiġu implimentati skont dawn id-drittijiet u dawn il-prinċipji. Min-naħa l-oħra, l-ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 806/2014 ma teskludi jew tirrestrinġi b’mod espliċitu d-dritt li jinstemgħu l-azzjonisti jew id-detenturi ta’ strumenti ta’ fondi proprji tal-entità kkonċernata matul il-proċedura ta’ riżoluzzjoni.

334    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jqajmux eċċezzjoni ta’ illegalità kontra r-Regolament Nru 806/2014 sa fejn ma jipprovdix għal smigħ minn qabel tad-detenturi tal-istrumenti ta’ fondi proprji qabel l-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni. Huma jsostnu li d-dritt għal smigħ għandu jingħatalhom fil-kuntest tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni ta’ Banco Popular skont l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta.

335    Madankollu, fil-każ li l-azzjonisti u l-kredituri tal-entità suġġetta għall-miżura ta’ riżoluzzjoni jistgħu jagħmlu użu mid-dritt għal smigħ, fil-kuntest tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni, l-eżerċizzju ta’ dak id-dritt jista’ jkun suġġett għal limitazzjonijiet, skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta.

336    L-Artikolu 52(1) tal-Karta jipprevedi:

“Kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-għanijiet ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.”

337    Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li d-drittijiet fundamentali, bħar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, ma jikkostitwixxux prerogattiva assoluta, iżda jistgħu jiġu suġġetti għal restrizzjonijiet, bil-kundizzjoni li dawn jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali li għandhom jintlaħqu mill-miżura inkwistjoni u ma jikkostitwixxux, fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika s-sustanza stess tad-drittijiet hekk iggarantiti (ara s-sentenzi tal-10 ta’ Settembru 2013, G. u R., C‑383/13 PPU, EU:C:2013:533, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-20 ta’ Diċembru 2017, Prequ’Italia, C‑276/16, EU:C:2017:1010, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

338    Minn dan jirriżulta li l-assenza ta’ smigħ tar-rikorrenti, fil-kwalità tagħhom ta’ detenturi ta’ strumenti ta’ fondi proprji ta’ Banco Popular, fil-kuntest tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni, kemm jekk mis-SRB jew mill-Kummissjoni, seta’ jkun iġġustifikat.

339    Jeħtieġ li jitfakkar li, fl-Artikolu 4.2 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB qies li r-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular kienet konformi mal-interess pubbliku sa fejn kienet neċessarja u proporzjonata għall-kisba ta’ żewġ objettivi previsti fl-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 806/2014, jiġifieri li jiġu evitati effetti negattivi sinjifikattivi fuq l-istabbiltà finanzjarja u tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi ta’ Banco Popular. Huwa indika li l-istralċ ta’ Banco Popular skont proċedimenti normali ta’ insolvenza ma kienx jippermetti li jintlaħqu dawn l-għanijiet sal-istess punt. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni approvat b’mod espliċitu r-raġunijiet invokati mis-SRB sabiex jiġġustifika n-neċessità għal miżura ta’ riżoluzzjoni fl-interess pubbliku.

340    F’dan il-każ, il-limitazzjoni tad-dritt tar-rikorrenti għal smigħ tista’ tkun iġġustifikata, minn naħa, mill-għan ta’ stabbiltà tas-swieq finanzjarji u, min-naħa l-oħra, min-neċessità li tiġi żgurata l-effettività tar-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular, li kellha titwettaq malajr.

341    Fl-ewwel lok, hemm lok li jiġi rrilevat li diversi premessi tar-Regolament Nru 806/2014, b’mod partikolari l-premessi 12, 58 u 61, jindikaw li l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji hija waħda mill-għanijiet segwiti mill-mekkaniżmi ta’ riżoluzzjoni implimentati minn dak ir-regolament.

342    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 18(5) tar-Regolament Nru 806/2014, miżura ta’ riżoluzzjoni għandha tiġi ttrattata bħala li hija fl-interess pubbliku jekk tkun neċessarja sabiex jintlaħaq, b’mezzi proporzjonati, ta’ għan ta’ riżoluzzjoni wieħed jew iktar previsti fl-Artikolu 14 tal-istess regolament, meta stralċ tal-entità skont proċedura normali ta’ insolvenza ma jippermettix dan sal-istess punt. Fost l-għanijiet tar-riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 806/2014 hemm, b’mod partikolari, dak li “jiġu evitati effetti avversi sinifikanti fuq l-istabbiltà finanzjarja, b’mod partikolari permezz tal-prevenzjoni tal-kontaġju, inkluż lill-infrastrutturi tas-suq, u billi tinżamm id-dixxiplina tas-suq” kif ukoll li “jiġu protetti l-fondi pubbliċi billi tiġi mminimizzata d-dipendenza fuq l-għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja”.

343    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li s-servizzi finanzjarji għandhom rwol ċentrali fl-ekonomija tal-Unjoni. Il-banek u l-istituzzjonijiet ta’ kreditu huma sors essenzjali ta’ finanzjament għal impriżi attivi fid-diversi swieq. Barra minn hekk, il-banek ħafna drabi jkunu interkonnessi u wħud minnhom jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fuq livell internazzjonali. Huwa għalhekk li l-falliment ta’ bank wieħed jew iktar jirriskja li jkollu effetti fi żmien qasir fuq il-banek l-oħra fl-Istat Membru kkonċernat jew fi Stati Membri oħra. Dan min-naħa tiegħu jirriskja li jipproduċi effetti sekondarji negattivi f’setturi oħra tal-ekonomija (sentenzi tad-19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 50; tal-20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il‑Kummissjoni u BĊE, C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701, punt 72, u tal-25 ta’ Marzu 2021, Balgarska Narodna Banka, C‑501/18, EU:C:2021:249, punt 108).

344    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-għan li tiġi ggarantita l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja filwaqt li tiġi evitata nefqa pubblika eċċessiva u li jiġu mminimizzati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni jikkostitwixxi interess pubbliku ogħla (sentenza tad-19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 69).

345    Barra minn hekk, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) ikkunsidrat, fid-deċiżjoni tagħha tal-1 ta’ April 2004, Camberrow MM5 AD vs Il-Bulgarija (CE:ECHR:2004:0401DEC005035799, punt 6), li f’oqsma ekonomikament sensittivi bħall-istabbiltà tas-sistema bankarja, l-Istati kellhom marġini diskrezzjonali wiesa’ u li, għalhekk, l-impossibbiltà ta’ azzjonist li jipparteċipa fil-proċedura li twassal għall-bejgħ tal-bank ma kinitx sproporzjonata fid-dawl tal-għanijiet leġittimi tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-kredituri u l-preservazzjoni tal-amministrazzjoni xierqa tal-istat ta’ insolvenza tal-bank.

346    Jeħtieġ li tissemma wkoll is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Dowling et (C‑41/15, EU:C:2016:836), mogħtija fl-okkażjoni ta’ talba għal deċiżjoni preliminari li tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikoli 8, 25 u 29 tat-Tieni Direttiva tal-Kunsill 77/91/KEE, tat-13 ta’ Diċembru tal-1976 dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri ta’ kumpanniji fis-sens [tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 54 TFUE], dwar il-formazzjoni ta’ kumpanniji pubbliċi ta’ responsabbilità limitata u ż-żamma u t-tibdil tal-kapital tagħhom, bil-għan li jagħmlu dawn is-salvagwardji ekwivalenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 8). Dik il-kawża kienet tikkonċerna miżura eċċezzjonali mill-awtoritajiet nazzjonali intiża sabiex jiġi evitat, permezz ta’ żieda fil-kapital, il-falliment ta’ kumpannija li, skont il-qorti tar-rinviju, kienet thedded l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li t-Tieni Direttiva 77/91 tagħti lill-azzjonisti u lill-kredituri ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, fir-rigward tal-kapital azzjonarju tagħha, ma tkoprix tali miżura nazzjonali adottata f’sitwazzjoni ta’ tfixkil gravi tal-ekonomija u tas-sistema finanzjarja ta’ Stat Membru u li tkun intiża li tilqa’ għal theddida sistematika għall-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni, li tirriżulta min-natura insuffiċjenti tal-fondi proprja tal-kumpannija kkonċernata (sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Dowling et, C‑41/15, EU:C:2016:836, punt 50). Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li għaldaqstant id-dispożizzjonijiet tat-Tieni Direttiva 77/91 ma jipprekludux miżura eċċezzjonali li tikkonċerna l-kapital azzjonarju ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, li l-awtoritajiet nazzjonali jkunu adottaw, f’sitwazzjoni ta’ tfixkil serju tal-ekonomija u tas-sistema finanzjarja ta’ Stat Membru, mingħajr l-approvazzjoni tal-laqgħa ġenerali ta’ din il-kumpannija u bil-għan li jiġi evitat riskju sistematiku u li tiġi żgurata l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni (ara s-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Dowling et, C‑41/15, EU:C:2016:836, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

347    Dawn il-kunsiderazzjonijiet għandhom japplikaw, b’analoġija, għas-sitwazzjoni ta’ detenturi ta’ strumenti ta’ fondi proprji preċedenti ta’ bank li ġie suġġett għal proċedura ta’ riżoluzzjoni skont ir-Regolament Nru 806/2014.

348    Minn dan li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-proċedura ta’ riżoluzzjoni, stabbilita bir-Regolament Nru 806/2014 u deskritta fl-Artikolu 18 tagħha għandha għan ta’ interess ġenerali fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, jiġifieri l-għan li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji, fatt li jista’ jiġġustifika limitazzjoni għad-dritt għal smigħ.

349    F’dan il-każ, hemm lok li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jikkontestawx li l-proċedura ta’ riżoluzzjoni ta’ Banco Popular kienet konformi mal-għan li tiġi żgurata l-istabbiltà finanzjarja msemmija fl-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 806/2014.

350    F’dan ir-rigward, fl-Artikolu 4.4.2 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB spjega li kien ikkonkluda li s-sitwazzjoni ta’ Banco Popular kienet qegħda twassal għal riskju dejjem ikbar ta’ effetti negattivi sinjifikattivi fuq l-istabbiltà finanzjarja fi Spanja, filwaqt li bbaża ruħu fuq diversi elementi. Fost dawn l-elementi kien hemm, fl-ewwel lok, id-daqs u l-importanza ta’ Banco Popular, li kienet tikkostitwixxi l-kumpannija omm tas-sitt grupp bankarju ta’ Spanja, b’ammont totali ta’ assi ta’ EUR 147 biljun, u li ġiet indikata fl-2017 mill-Bank ta’ Spanja bħala istituzzjoni ta’ importanza sistematika. Is-SRB irrileva b’mod partikolari li Banco Popular kien wieħed mill-atturi prinċipali tas-suq fi Spanja, b’sehem sinjifikattiv mis-suq fis-segment tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) u li kellu sehem relattivament għoli mis-suq tad-depożiti (kważi 6 %) u għadd kbir ta’ klijenti konsumaturi (madwar 1.4 miljun) madwar Spanja. Fit-tieni lok, is-SRB ħa inkunsiderazzjoni n-natura tal-operat ta’ Banco Popular, li kien imsejjes fuq attivitajiet bankarji kummerċjali u kien jiffoka prinċipalment fuq l-offerta tal-finanzjament, il-ġestjoni tat-tfaddil u s-servizzi lill-individwi, lill-familji u lill-impriżi (b’mod partikolari l-SMEs). Skont is-SRB, ix-xebh tal-mudell kummerċjali ta’ Banco Popular ma’ dak ta’ banek kummerċjali Spanjoli oħra jista’ jikkontribwixxi għall-potenzjal ta’ kontaġju indirett għal dawn il-banek, li jista’ jitqies li qiegħed jaffaċċja l-istess diffikultajiet.

351    Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi rrilevat li t-tieni għan segwit mill-iskema ta’ riżoluzzjoni, jiġifieri li tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi ta’ Banco Popular, huwa wkoll parti mill-għan ta’ interess ġenerali li tiġi protetta l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji.

352    Skont il-punt 35 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/59/UE, il-funzjonijiet kritiċi ta’ istituzzjoni huma ddefiniti bħala “attivitajiet, servizzi jew operazzjonijiet li t-twaqqif tagħhom fi Stat Membru wieħed jew aktar, iwassal għal tħarbit tas-servizzi li huma essenzjali għall-ekonomija reali jew għal tħarbit tal-istabbiltà finanzjarja minħabba d-daqs, is-sehem tas-suq, l-interkonnettività esterna u interna, il-kumplessità jew l-attivitajiet transfruntieri ta’ istituzzjoni jew grupp, fir-rigward, b’mod partikolari, tas-sostitwibbiltà ta’ dawk l-attivitajiet, servizzi jew operazzjonijiet”.

353    F’dan ir-rigward, l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/778 tat-2 ta’ Frar 2016 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward taċ-ċirkustanzi u l-kondizzjonijiet li taħthom il-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet straordinarji ex-post jista’ jkun parzjalment jew kompletament differit, u l-kriterji għad-determinazzjoni tal-attivitajiet, is-servizzi u l-operazzjonijiet fir-rigward ta’ funzjonijiet kritiċi, u għad-determinazzjoni tal-linji ta’ negozju u servizzi assoċjati fir-rigward tal-linji tan-negozju ewlenin (ĠU 2006, L 131, 41.2016, p. 41), jipprevedi l-kriterji għad-determinazzjoni tal-funzjonijiet kritiċi. Din hija funzjoni li titwettaq minn istituzzjoni għal partijiet terzi li ma humiex affiljati mal-istituzzjoni jew mal-grupp u li t-tfixkil f’daqqa tagħhom x’aktarx ikollu impatt materjali negattiv fuq dawk il-partijiet terzi, li tkun kontaġġjuża jew iddgħajjef il-fiduċja ġenerali tal-parteċipanti fis-suq, minħabba l-importanza sistemika tal-funzjoni għal partijiet terzi u l-importanza sistemika tal-istituzzjoni jew grupp fl-eżerċizzju ta’ dik il-funzjoni.

354    B’hekk, l-għan li tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi tal-entità kkonċernata minn miżura ta’ riżoluzzjoni, prevista fl-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament Nru 806/2014, huwa li tiġi evitata interruzzjoni ta’ dawn il-funzjonijiet li tista’ tikkawża perturbazzjonijiet, mhux biss fis-suq ikkonċernat, iżda wkoll għall-istabbiltà finanzjarja ġenerali tal-Unjoni.

355    Għalhekk, miżura ta’ riżoluzzjoni, peress li għandha l-għan li tippreserva jew treġġa’ lura l-pożizzjoni finanzjarja ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, b’mod partikolari billi tikkostitwixxi alternattiva għall-istralċ tagħha, għandha titqies bħala li tissodisfa effettivament għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-25 ta’ Marzu 2021, Balgarska Narodna Banka, C‑501/18, EU:C:2021:249, punt 108).

356    F’dan ir-rigward, fl-Artikolu 4.2 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB indika li r-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular kienet neċessarja u proporzjonata għall-kisba b’mod partikolari tal-għan intiż li tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi ta’ Banco Popular. Fl-Artikolu 4.4 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB identifika tliet funzjonijiet kritiċi ta’ Banco Popular, fis-sens tal-Artikolu 6 tar-Regolament Delegat 2016/778, jiġifieri l-ġbir ta’ depożiti minn unitajiet domestiċi u korporazzjonijiet mhux finanzjarji, is-self lill-SMEs u s-servizzi ta’ ħlas bi flus kontanti.

357    Ir-rikorrenti ma jqajmu l-ebda argument intiż li jikkontesta dawn l-evalwazzjonijiet.

358    Minn dan li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-proċedura ta’ riżoluzzjoni ta’ Banco Popular, kienet issegwi għan ta’ interess ġenerali, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, jiġifieri l-għan li tiġi ggarantita l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji, fatt li jista’ jiġġustifika limitazzjoni għad-dritt għal smigħ.

359    Fit-tieni lok, l-interess ġenerali tal-Unjoni, b’mod partikolari li jintlaħqu l-objettivi tal-preservazzjoni tal-istabbiltà tas-swieq finanzjarji u l-iżgurar tal-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi ta’ Banco Popular, jirrikjedi li ladarba jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014, miżura ta’ riżoluzzjoni għandha tiġi adottata kemm jista’ jkun malajr.

360    F’dan ir-rigward, diversi premessi tar-Regolament Nru 806/2014 jimplikaw li, meta miżura ta’ riżoluzzjoni ssir neċessarja, din għandha tiġi adottata malajr. Dawn huma, b’mod partikolari, il-premessi 26, 31, 53 u, b’mod partikolari, il-premessa 56 ta’ dak ir-regolament, li tipprevedi li, sabiex jiġu limitati l-perturbazzjonijiet imġarrba mis-swieq finanzjarji u l-ekonomija, il-proċedura ta’ riżoluzzjoni għandha titwettaq f’perijodu ta’ żmien qasir.

361    Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li r-Regolament Nru 806/2014 għandu l-għan li jistabbilixxi, f’konformità mal-premessa 8 tiegħu, mekkaniżmi ta’ riżoluzzjoni iktar effikaċi, li għandhom jikkostitwixxu għodda essenzjali sabiex jiġu evitati l-konsegwenzi dannużi tal-fallimenti tal-banek fil-passat, u li tali għan jippreżumi teħid ta’ deċiżjoni rapida, kif juru t-termini qosra previsti fl-Artikolu 18 tal-imsemmi regolament, sabiex l-istabbiltà finanzjarja ma titpoġġiex f’periklu (sentenza tas-6 ta’ Mejju 2021, ABLV Bank et vs BĊE, C‑551/19 P u C‑552/19 P, EU:C:2021:369, punt 55).

362    Għalhekk, l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014 jindika b’mod partikolari li, meta l-BĊE jqis li entità tinsab f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, huwa għandu jikkomunika l-evalwazzjoni tiegħu lill-Kummissjoni u lis-SRB mingħajr dewmien. Skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-istess artikolu, meta s-SRB nnifsu jwettaq evalwazzjoni, din għandha tiġi kkkomunikata lill-BĊE mingħajr dewmien. Jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan ir-regolament ikunu ssodisfatti, is-SRB għandu jadotta skema ta’ riżoluzzjoni, li, skont l-Artikolu 18(7) tar-Regolament Nru 806/2014, għandha tiġi trażmessa lill-Kummissjoni immedjatament wara l-adozzjoni tagħha. Il-Kummissjoni mbagħad għandha terminu ta’ erbgħa u għoxrin siegħa sabiex tapprova skema ta’ riżoluzzjoni jew tqajjem oġġezzjonijiet.

363    Minn dan jirriżulta li, ladarba l-entità tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-adozzjoni ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni, jiġifieri, fl-ewwel lok, li tkun entità f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, fit-tieni lok, li ma teżisti l-ebda perspettiva raġonevoli li miżuri privati jew prudenzjali oħra jipprekludu l-falliment tagħha fi żmien raġonevoli u, fit-tielet lok, li r-riżoluzzjoni tagħha hija meħtieġa sabiex jinkiseb wieħed jew iktar mill-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 806/2014, l-Artikolu 18 tal-istess regolament jipprovdi li deċiżjoni għandha tiġi adottata f’perijodu ta’ żmien qasir ħafna.

364    B’hekk, f’dan il-każ, mill-mument li l-BĊE kkonstata li Banco Popular kien f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ u s-SRB ikkunsidra li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014 kienu ssodisfatti, il-mekkaniżmu tar-riżoluzzjoni kellu jiġi adottat mill-iktar fis possibbli.

365    Dan it-teħid rapidu ta’ deċiżjonijiet kien iġġustifikat min-neċessità li tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi ta’ Banco Popular u sabiex jiġu evitati l-effetti negattivi sinjifikattivi tas-sitwazzjoni ta’ Banco Popular fis-swieq finanzjarji, b’mod partikolari billi jiġu evitati riskji ta’ kontaġju. F’dan il-każ, minħabba li l-falliment ta’ Banco Popular seħħ f’jum il-ġimgħa, kien neċessarju li tintemm il-proċedura u li tiġi adottata d-deċiżjoni qabel il-ftuħ tas-swieq filgħodu tas-7 ta’ Ġunju 2017.

366    Kif enfasizzat mill-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona fil-punt 80 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-Kawżi magħquda ABLV Bank et vs BĊE (C‑551/19 P u C‑552/19 P, EU:C:2021:16), il-ħeffa li biha għandhom jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom dawn l-istituzzjonijiet u aġenziji tal-Unjoni hija neċessarja sabiex jiġi evitat l-impatt negattiv tar-riżoluzzjoni tal-istituzzjoni bankarja fuq is-swieq finanzjarji u din il-ħeffa, barra minn hekk, tobbligahom de facto jkunu “ppreparaw” id-deċiżjoni qabel ma jniedu l-proċedura sabiex japprofittaw mill-għeluq tas-swieq tat-titoli.

367    Għalhekk, il-ħeffa tat-teħid tad-deċiżjonijiet tikkostitwixxi kundizzjoni tal-effettività tagħha.

368    Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-urġenza li titlob azzjoni immedjata mill-awtorità kompetenti kienet tiġġustifika limitazzjoni tad-dritt għal smigħ tal-persuni kkonċernati minn miżuri adottati fil-qasam tar-responsabbiltà ambjentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2010, ERG et, C‑379/08 u C‑380/08, EU:C:2010:127, punt 67) u fil-qasam tal-agrikoltura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2006, Dokter et, C‑28/05, EU:C:2006:408, punt 76).

369    Barra minn hekk, fil-qasam tal-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-komunikazzjoni tar-raġunijiet li fuqhom kienet ibbażata l-inklużjoni inizjali tal-isem ta’ persuna jew ta’ entità fil-lista ta’ persuni suġġetti għal miżuri restrittivi, qabel din l-inklużjoni, hija ta’ natura li tipperikola l-effettività tal-miżuri għall-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi imposti mid-dritt tal-Unjoni. Sabiex jintlaħaq l-għan segwit mir-Regolament applikabbli, tali miżuri għandhom, min-natura tagħhom stess, jibbenefikaw minn effett ta’ sorpriża u japplikaw b’effett immedjat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punti 338 sa 340; tal-21 ta’ Diċembru 2011, Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, C‑27/09 P, EU:C:2011:853, punt 61, u tat-12 ta’ Frar 2020, Amisi Kumba vs Il‑Kunsill, T‑163/18, EU:T:2020:57, punt 51).

370    Għal raġunijiet li jqisu wkoll l-għan segwit mid-dritt tal-Unjoni u l-effettività tal-miżuri previsti minnu, l-awtoritajiet tal-Unjoni lanqas ma kienu meħtieġa jipproċedu bis-smigħ tar-rikorrenti qabel l-inklużjoni inizjali tal-ismijiet tagħhom fil-lista ta’ persuni suġġetti għal miżuri restrittivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 341, u tal-25 ta’ April 2013, Gbagbo vs Il‑Kunsill, T‑119/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:216, punt 103).

371    Dan jgħodd iktar u iktar fil-każijiet, bħal fil-każ preżenti, fejn il-limitazzjoni fuq id-dritt għal smigħ ma tikkonċernax l-entità koperta mill-proċedura ta’ riżoluzzjoni, jiġifieri Banco Popular, iżda r-rikorrenti fil-kapaċità tagħhom ta’ detenturi ta’ strumenti ta’ fondi proprji ta’ Banco Popular.

372    Għandu jiġi rrilevat ukoll li, fid-deċiżjoni tagħha tal-1 ta’ April 2004, Camberrow MM5 AD vs Il-Bulgarija (CE:ECHR:2004:0401DEC005035799), il-Qorti EDB ikkonstatat li l-bejgħ tal-bank fallut bħala impriża operattiva sar sabiex tinkiseb l-adempjenza rapida u iktar ċerta tal-kredituri tagħha, li kienu ilhom jistennew snin sabiex jirċievu d-dejn dovut lilhom, u t-tlestija rapida tal-proċedura ta’ falliment. Għalhekk, il-ħtieġa għas-sempliċità u l-ħeffa fil-proċedura li wasslet għall-bejgħ tal-bank kienet ta’ importanza kbira. Kieku l-liġi kienet ipprovdiet li l-qorti tal-falliment kienet meħtieġa tikkonsulta mal-azzjonisti u l-kredituri kollha tal-bank, dan kien jikkawża tnaqqis sinjifikattiv fil-ħeffa tal-proċedura u, konsegwentement, iktar dewmien fil-ħlas ta’ ammonti dovuti lill-kredituri u fit-tlestija tal-proċedura tal-falliment.

373    Fis-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2005, Capital Bank AD vs Il‑Bulgarija (CE:ECHR:2005:1124JUD004942999, punt 136), il-Qorti EDB ddeċidiet li, f’qasam ekonomikament sensittiv bħall-istabbiltà tas-sistema bankarja u f’ċerti sitwazzjonijiet, jista’ jkun hemm ħtieġa imperattiva li tittieħed azzjoni bl-ikbar diliġenza u mingħajr avviż minn qabel, sabiex tiġi evitata ħsara irreparabbli lill-bank, id-depożitanti tiegħu u kredituri oħra, jew lis-sistema bankarja u finanzjarja kollha kemm hi.

374    Barra minn hekk, il-fatt li l-iskema ta’ riżoluzzjoni tista’ twassal għal interferenza fid-dritt għall-proprjetà tar-rikorrenti ma jistax jiġġustifika obbligu li jingħataw dritt li jinstemgħu qabel l-adozzjoni tal-imsemmija skema.

375    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali diġà enfasizzat, fil-punt 282 tas-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2018, K. Chrysostomides & Co. et vs Il‑Kunsill et (T‑680/13, EU:T:2018:486), li l-proċeduri applikabbli għandhom joffru opportunità xierqa lill-persuna kkonċernata sabiex tressaq il-każ tagħha quddiem l-awtoritajiet kompetenti. Sabiex tiġi żgurata l-osservanza ta’ dan ir-rekwiżit, li jikkostitwixxi rekwiżit inerenti għall-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, hemm lok li l-proċeduri applikabbli jiġu kkunsidrati mill-perspettiva ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 368 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal-25 ta’ April 2013, Gbagbo vs Il-Kunsill, T‑119/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:216, punt 119, u l-Qorti EDB, tal-20 ta’ Lulju 2004, Bäck vs Il‑Finlandja, CE:ECHR:2004:0720JUD003759897, punt 56). Għalhekk, l-imsemmi rekwiżit ma jistax jiġi interpretat fis-sens li l-persuna interessata għandha, fiċ-ċirkustanzi kollha, tkun tista’ ssostni l-opinjoni tagħha quddiem l-awtoritajiet kompetenti qabel l-adozzjoni tal-miżuri li jippreġudikaw id-dritt tagħha għall-proprjetà (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, tad‑19 ta’ Settembru 2006, Maupas et vs Franza, CE:ECHR:2006:0919JUD001384402, punti 20 u 21).

376    Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li dan kien, b’mod partikolari, il-każ fejn, bħal fil-każ ineżami, il-miżuri inkwistjoni ma kinux jikkostitwixxu sanzjoni u ġew adottati fil-kuntest ta’ urġenza partikolari. F’dan l-aħħar rigward, il-Qorti Ġenerali rrilevat li dan kien każ ta’ prevenzjoni ta’ riskju imminenti ta’ kollass tal-banek milquta sabiex tiġi salvagwardjata l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja ta’ Stat Membru u, b’hekk, jiġi evitat kontaġju fi Stati Membri oħrajn fiż-żona tal-euro. Issa, l-implimentazzjoni ta’ proċedura ta’ konsultazzjoni minn qabel, fil-kuntest fejn eluf ta’ depożitanti u azzjonisti tal-banek milquta setgħu effettivament sostnew l-opinjoni tagħhom qabel l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet dannużi, kienet inevitabbilment iddewwem l-applikazzjoni tal-miżuri intiżi għall-prevenzjoni ta’ tali kollass. Il-kisba tal-għan li tiġi ppreservata l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja ta’ dak l-Istat Membru u b’hekk jiġi evitat il-kontaġju fi Stati Membri oħra taż-żona tal-euro kienet tkun esposta għal riskji sinjifikattivi (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2018, K. Chrysostomides & Co. et vs Il‑Kunsill et, T‑680/13, UE:T:2018:486, punt 282 u l-ġurisprudenza ċċitata).

377    Din l-evalwazzjoni ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja, li qieset li l-Qorti Ġenerali kienet ġustament ibbażat ir-raġunament tagħha fuq is-sentenza tal-Qorti EDB tal-21 ta’ Lulju 2016, Mamatas et vs Il‑Greċja (CE:ECHR:2016:0721JUD006306614), li turi li r-rekwiżit li kwalunkwe restrizzjoni tad-drittijiet għall-proprjetà għandha tkun prevista mil-liġi ma jistax jiġi interpretat b’tali mod li l-persuni kkonċernati kellhom jiġu kkonsultati qabel l-adozzjoni ta’ din il-liġi, b’mod partikolari, fejn tali konsultazzjoni minn qabel bħal din inevitabbilment iddewwem l-applikazzjoni ta’ miżuri intiżi li jipprevjenu l-kollass tal-banek ikkonċernati (sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kunsill et vs K. Chrysostomides & Co. et, C‑597/18 P, C‑598/18 P, C‑603/18 P u C‑604/18 P, EU:C:2020:1028, punt 159).

378    Barra minn hekk, hemm lok li jiġi kkunsidrat li n-neċessità li tittieħed azzjoni minnufih mingħajr ma jiġu infurmati l-azzjonisti u l-kredituri ta’ entità dwar l-imminenza ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni li tikkonċernaha hija maħsuba sabiex jiġi evitat li s-sitwazzjoni ta’ dik l-entità tmur għall-agħar u dan jaffettwa b’mod negattiv l-effettività tal-miżura ta’ riżoluzzjoni. Fil-fatt, li l-azzjonisti jew id-detenturi ta’ obbligi tal-bank jiġu informati li dan tal-aħħar jista’ jkun suġġett għal proċedura ta’ riżoluzzjoni, u għalhekk li kien ikkunsidrat li huwa f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, dan jista’ jinċentivahom sabiex ibigħu t-titoli tagħhom fuq is-swieq u wkoll iwassal għall-irtirar fuq skala kbira tad-depożiti, fatt li jkollu l-konsegwenza li jaggrava s-sitwazzjoni finanzjarja tal-bank u li jirrendi iktar diffiċli, jekk mhux impossibbli, l-adozzjoni ta’ soluzzjoni li tista’ tipprekludi l-istralċ tiegħu.

379    F’dan ir-rigward, kif dan jirriżulta mill-premessa 116 tar-Regolament Nru 806/2014, iċċitata fil-punt 187 iktar ’il fuq, il-komunikazzjoni ta’ kull informazzjoni fir-rigward ta’ deċiżjoni qabel ma tittieħed, kemm dwar jekk il-kundizzjonijiet għal riżoluzzjoni humiex ssodisfatti, dwar l-użu ta’ għodda speċifika jew dwar kwalunkwe miżura adottata matul il-proċedura, jista’ jkollha konsegwenzi fuq l-interessi pubbliċi u privati kkonċernati mill-azzjoni.

380    Jeħtieġ li jiġi rrilevat li, fir-rikors, ir-rikorrenti jammettu li s-sempliċi suġġeriment li s-SRB ikun qiegħed jikkunsidra jekk għandux japplika s-setgħat tiegħu fir-rigward ta’ entità partikolari jikkostitwixxi avveniment sinjifikattiv għas-suq, li jwassal lill-investituri, lill-kredituri u lid-depożitanti jieħdu miżuri protettivi sabiex jevitaw it-telf.

381    Għaldaqstant hemm lok li jiġi kkunsidrat li s-smigħ tar-rikorrenti, qabel l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni jew qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kien iwassal għal tnaqqis sostanzjali fil-ħeffa tal-proċedura u, konsegwentement, kien jipperikola kemm il-kisba tal-għanijiet tal-miżura kif ukoll l-effettività tagħha.

382    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni u s-SRB eżaminaw il-ħtieġa potenzjali għal miżura ta’ riżoluzzjoni għal diversi ġimgħat qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li kienet tagħti lill-Kummissjoni żmien suffiċjenti sabiex tisma’ lir-rikorrenti.

383    Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, qabel is-6 ta’ Ġunju 2017, id-data li fiha l-BĊE kkonstata li Banco Popular kien f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, u qabel id-deċiżjoni tas-SRB li jimplimenta l-proċedura ta’ riżoluzzjoni, ir-riżoluzzjoni Popular ta’ Banco Popular kienet tikkostitwixxi biss potenzjal. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jispjegawx sa minn meta l-Kummissjoni kellha tikkonsulta d-detenturi tal-istrumenti ta’ fondi proprji ta’ Banco Popular u għandu jitqies li l-identità tagħhom tista’ tinbidel, peress li l-istrumenti ta’ fondi proprji huma negozjabbli fuq is-swieq.

384    Jirriżulta, minn naħa, li smigħ minn qabel tar-rikorrenti, li jinfurmahom bl-eżistenza ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni potenzjali, kien iwassal għal riskju li huma jadottaw aġir fis-suq li jiggrava s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Banco Popular. Tali smigħ għalhekk kien seta’ jdgħajjef l-effettività tal-miżura ta’ riżoluzzjoni prevista.

385    Min-naħa l-oħra, minħabba l-urġenza tal-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, ma kienx ikun possibbli li r-rikorrenti jiġu kkonsultati minn qabel, kif kienu jkunu wkoll l-azzjonisti l-oħra jew id-detenturi tal-istrumenti ta’ fondi proprji ta’ Banco Popular, mhux biss minħabba d-diffikultajiet assoċjati mal-identifikazzjoni tagħhom, iżda wkoll minħabba l-impossibbiltà li l-osservazzjonijiet tagħhom jiġu analizzati b’mod effettiv qabel l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni jew tad-deċiżjoni kkontestata.

386    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li s-smigħ tar-rikorrenti qabel l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni jew tad-deċiżjoni kkontestata, kien jikkomprometti l-għanijiet ta’ protezzjoni tal-istabbiltà tas-swieq finanzjarji u ta’ kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi tal-entità, kif ukoll ir-rekwiżiti ta’ ħeffa u ta’ effiċjenza tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni.

387    Għaldaqstant, l-assenza ta’ smigħ tar-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni ta’ Banco Popular tikkostitwixxi limitazzjoni għad-dritt għal smigħ li kienet iġġustifikata u neċessarja sabiex jintlaħaq għan ta’ interess ġenerali u tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta.

388    Għaldaqstant, is-sitt motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għall-proprjetà

389    Ir-rikorrenti jsostnu li l-iskema ta’ riżoluzzjoni approvata bid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni kisret id-dritt għall-proprjetà tagħhom sanċit fl-Artikolu 17(1) tal-Karta. Huma jsostnu li l-iskema ta’ riżoluzzjoni approvata bid-deċiżjoni kkontestata esproprjatilhom l-istrumenti ta’ fondi proprji tagħhom. L-iżvalutazzjoni tal-istrumenti ta’ fondi proprji deċiżi fl-iskema ta’ riżoluzzjoni kienet tikkostitwixxi esproprjazzjoni illegali, li ma kinitx tosserva r-rekwiżiti tal-Artikolu 17(1) tal-Karta, sa fejn ma tosservax il-kundizzjonijiet “previsti mil-liġi” u ma tipprovdix għal kumpens ġust.

390    L-Artikolu 17(1) tal-Karta jipprevedi:

“Kull persuna għandha d-dritt li tgawdi mill-proprjetà tal-beni tagħha li tkun akkwistat legalment, li tużahom, li tiddisponi minnhom u li tħallihom bħala wirt. L-ebda persuna ma tista’ tiġi mċaħħda mill-proprjetà tagħha, ħlief fl-interess pubbliku u fil-każijiet u skond il-kondizzjonijiet previsti mil-liġi, bi ħlas ta’ kumpens xieraq fi żmien utli għal dak li tkun tilfet. L-użu tal-proprjetà jista’ jiġi rregolat bil-liġi sa fejn ikun meħtieġ għall-interess pubbliku.”

391    Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt għall-proprjetà ggarantit mill-Artikolu 17(1) tal-Karta ma huwiex prerogattiva assoluta u l-eżerċizzju tiegħu jista’ jkun suġġett għal restrizzjonijiet iġġustifikati minn għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti mill-Unjoni. Konsegwentement, kif jirriżulta mill-Artikolu 52(1) tal-Karta, l-eżerċizzju tad-dritt għall-proprjetà jista’ jkun suġġett għal restrizzjonijiet, bil-kundizzjoni li dawn ir-restrizzjonijiet effettivament jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti u ma jikkostitwixxux, fid-dawl tal-għan segwit, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika s-sustanza stess tad-dritt hekk iggarantit (ara s-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs IlKummissjoni u BĊE, C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701, punti 69 u 70 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2020, Adusbef et, C‑686/18, EU:C:2020:567, punt 85, u tat-23 ta’ Mejju 2019, Steinhoff et vs BĊE, T‑107/17, EU:T:2019:353, punt 100).

392    Minn dan jirriżulta li d-dritt għall-proprjetà ma huwiex dritt assolut, iżda li, skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, iċċitat fil-punt 336 iktar ’il fuq, jista’ jkun suġġett għal limitazzjonijiet jekk dawn ikunu previsti mit-testi applikabbli, meħtieġa għall-kisba tal-għan ġenerali u proporzjonali għal dak l-għan.

393    Għandu jitfakkar li, fl-Artikolu 6 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB iddeċieda, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 806/2014, li jiżvaluta u jikkonverti l-istrumenti ta’ fondi proprji ta’ Banco Popular skont it-termini stabbiliti fil-punt 73 iktar ’il fuq.

394    Barra minn hekk, mill-premessa 61 tar-Regolament Nru 806/2014 jirriżulta, minn naħa, li r-restrizzjonijiet għad-drittijiet tal-azzjonisti u l-kredituri għandhom ikunu konformi mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta u, min-naħa l-oħra, mill-premessa 62 tal-istess regolament li l-ksur tad-drittijiet għall-proprjetà ma għandux ikun sproporzjonat.

395    Skont l-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament Nru 806/2014 dwar il-prinċipji ġenerali li jirregolaw ir-riżoluzzjoni, l-azzjonisti tal-istituzzjoni suġġetti għal proċedura ta’ riżoluzzjoni huma l-ewwel li jġarrbu t-telf.

396    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tal-azzjonisti ta’ banek, li, skont ir-regoli ġenerali applikabbli għall-istatus tal-azzjonisti ta’ kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata, dawn tal-aħħar jassumu totalment ir-riskju tal-investimenti tagħhom (sentenza tad-19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 73).

397    Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, li, peress li l-azzjonisti huma responsabbli għad-djun tal-bank sal-ammont tal-kapital azzjonarju ta’ dan tal-aħħar, il-fatt li l-punti 40 sa 46 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni, mill-1 ta’ Awwissu 2013, tar-regoli dwar l-għajnuna mill-istat għal miżuri ta’ appoġġ favur il-banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja (“Komunikazzjoni dwar il-Banek”) (ĠU 2013, C 216, p. 1) jirrikjedu li, sabiex jiġi rrimedjat in-nuqqas ta’ kapital ta’ bank, qabel l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat, dawn l-azzjonisti għandhom jikkontribwixxu sabiex jiġi assorbit it-telf subit minn dan il-bank bl-istess mod bħal fl-assenza ta’ tali għajnuna mill-Istat, ma jistax jitqies li jaffettwa d-dritt tagħhom għall-proprjetà (sentenza tad-19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 74).

398    Hemm lok li jiġi kkunsidrat, b’analoġija, li d-deċiżjoni, fl-iskema ta’ riżoluzzjoni, ta’ żvalutazzjoni u ta’ konverżjoni tal-istrumenti ta’ fondi proprji ta’ Banco Popular li kienu miżmuma mir-rikorrenti hija l-konsegwenza tal-fatt li l-azzjonisti ta’ entità għandhom iġorru r-riskji inerenti fl-investimenti tagħhom u tal-fatt li, minħabba li l-entità hija suġġetta għal miżura ta’ riżoluzzjoni minħabba l-falliment tagħha, huma għandhom iġorru l-konsegwenzi ekonomiċi.

399    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li miżura li tikkonsisti fi tnaqqis fil-valur nominali tal-azzjonijiet ta’ bank Ċiprijott kienet proporzjonata mal-għan intiż minn dik il-miżura. Qabelxejn, hija rrilevat li din il-miżura kienet maħsuba sabiex tikkontribwixxi għar-rikapitalizzazzjoni tal-bank, u li kienet adatta għall-għan li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja Ċiprijotta u taż-żona tal-euro fl-intier tagħha. Sussegwentement, hija kkonstatat li din il-miżura ma kinitx taqbeż il-limiti ta’ dak li kien xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq dan il-għan, peress li alternattivi inqas restrittivi ma kinux fattibbli jew ma kinux jippermettu l-kisba tar-riżultati mistennija. Finalment, qieset li, fid-dawl tal-importanza tal-għan intiż, il-miżura ma kinitx toħloq inkonvenjenzi sproporzjonati. F’dan ir-rigward, hija fakkret li l-azzjonisti tal-banek jassumu bis-sħiħ ir-riskju tal-investimenti tagħhom (sentenza tat-13 ta’ Lulju 2018, K. Chrysostomides & Co. et vs Il‑Kunsill et, T‑680/13, EU:T:2018:486, punt 330).

400    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li ma jistax jiġi kkunsidrat li t-tnaqqis fil-valur nominali tal-azzjonijiet ta’ dan il-bank kien jikkostitwixxi intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika s-sustanza nnifisha tad-dritt għall-proprjetà tal-azzjonisti (sentenza tat-13 ta’ Lulju 2018, K. Chrysostomides & Co. et vs Il‑Kunsill et, T‑680/13, EU:T:2018:486, punt 331).

401    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 343 iktar ’il fuq jirriżulta li s-servizzi finanzjarji għandhom rwol ċentrali fl-ekonomija tal-Unjoni u li l-falliment ta’ bank sistemiku wieħed jew iktar jista’ jinfirex malajr għal banek oħra fl-Istat Membru kkonċernat, jew fi Stati Membri oħra.

402    Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fid-dawl tal-għan li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema bankarja fiż-żona euro, u fid-dawl tar-riskju imminenti ta’ telf finanzjarju li għalih id-depożitanti mal-banek ikkonċernati kienu jkunu esposti fil-każ ta’ falliment ta’ dawn tal-aħħar, ċerti restrizzjonijiet fuq id-dritt għall-proprjetà jistgħu jiġu ġġustifikati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il‑Kummissjoni u BĊE, C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701, punt 74).

403    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, għalkemm hemm interess pubbliku ċar li tiġi żgurata, fl-Unjoni kollha, protezzjoni qawwija u konsistenti ta’ investituri, dan l-interess ma jistax jitqies li jipprevali fiċ-ċirkustanzi kollha, fuq l-interess pubbliku li jikkonsisti f’li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja (sentenzi tad-19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 91, u tat-8 ta’ Novembru 2016, Dowling et, C‑41/15, EU:C:2016:836, punt 54).

404    Issa, hemm lok li jiġi rrilevat li, fl-Artikolu 4.2 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB ikkunsidra li r-riżoluzzjoni kienet neċessarja u proporzjonata għall-għanijiet previsti fl-Artikolu 14(2)(a) u (b) tar-Regolament Nru 806/2014, jiġifieri li tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi u li jiġu evitati effetti negattivi sinjifikattivi fuq l-istabbiltà finanzjarja, b’mod partikolari billi jiġi evitat il-kontaġju, inkluż għall-infrastrutturi tas-suq, u tinżamm id-dixxiplina tas-suq. Huwa indika li l-istralċ ta’ Banco Popular skont proċedimenti normali ta’ insolvenza ma kienx jippermetti li jintlaħqu dawn l-għanijiet sal-istess punt. Fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni approvat b’mod espliċitu r-raġunijiet mogħtija mis-SRB sabiex jiġġustifika l-miżura ta’ riżoluzzjoni fl-interess pubbliku.

405    Għalhekk, l-iskema ta’ riżoluzzjoni, sa fejn kienet intiża li tippreserva jew tistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Banco Popular u b’mod partikolari sa fejn kienet tikkostitwixxi alternattiva għall-istralċ tagħha, kienet tilħaq l-għan ta’ interess ġenerali fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, jiġifieri li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji.

406    Ir-rikorrenti jindikaw li ma jpoġġux f’dubju l-kompatibbiltà tal-mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni kif previst fir-Regolament Nru 806/2014 mal-Karta u li jammettu li r-riżoluzzjoni ta’ bank li qiegħed ifalli, skont id-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-regolament, li għandha l-għan li tipproteġi l-istabbiltà tas-sistema bankarja, tfittex legalment interess pubbliku.

407    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni ta’ żvalutazzjoni u ta’ konverżjoni tal-istrumenti kapitali ta’ Banco Popular miżmuma minnhom tmur kontra r-rekwiżiti tal-Artikolu 17(1) tal-Karta sa fejn ma tosservax il-kundizzjonijiet previsti mil-liġi. L-iskema ta’ riżoluzzjoni u d-deċiżjoni kkontestata ma tosservax il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u lanqas id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 806/2014 għar-raġunijiet imsemmija fil-motivi l-oħra tagħhom.

408    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li mill-analiżi tal-motivi l-oħra jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 806/2014, u l-ebda ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt.

409    Barra minn hekk, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li, fil-motivi l-oħra tagħhom, ir-rikorrenti ma jikkontestawx li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014 li jiġġustifikaw l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni kienu ssodisfatti. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma jqajmux argumenti speċifiċi maħsuba sabiex jiġi stabbilit li l-iżvalutazzjoni u l-konverżjoni tal-istrumenti ta’ fondi proprji deċiżi mis-SRB, li hija l-miżura li tista’ tinċidi fuq id-dritt tagħhom għall-proprjetà, ma tikkonformax mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 806/2014 u għalhekk ma kellhiex tiġi approvata mill-Kummissjoni.

410    Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti ma qajmu l-ebda argument li jqajjem dubji, minn naħa, dwar il-fatt li d-deċiżjoni tas-SRB ta’ żvalutazzjoni u ta’ konverżjoni tal-istrumenti ta’ fondi proprji ta’ Banco Popular kienet konformi mal-kundizzjonijiet previsti fir-Regolament Nru 806/2014 u, min-naħa l-oħra, il-fatt li din id-deċiżjoni kienet meħtieġa għat-twettiq ta’ għan ġenerali li jista’ jiġġustifika restrizzjoni fuq id-dritt għall-proprjetà.

411    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-iskema ta’ riżoluzzjoni u d-deċiżjoni kkontestata jiksru l-Artikolu 17(1) tal-Karta billi ma għandhomx l-intenzjoni li jagħtuhom kumpens.

412    Hemm lok li jiġi rrilevat li l-Artikolu 15(1)(g), tar-Regolament Nru 806/2014 jistabbilixxi l-prinċipju li l-ebda kreditur ma għandu jġarrab telf ikbar milli kien iġarrab li kieku l-entità suġġetta għal proċedura ta’ riżoluzzjoni tkun ġiet stralċjata skont proċedura normali ta’ insolvenza.

413    Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-azzjonisti u l-kredituri kinux jibbenefikaw minn trattament aħjar kieku l-entità kkonċernata kienet ġiet suġġetta għal proċedura normali ta’ insolvenza, l-Artikolu 20(16) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprovdi li valutazzjoni titwettaq wara r-riżoluzzjoni. Skont l-Artikolu 20(17) tar-Regolament Nru 806/2014, din il-valutazzjoni tistabbilixxi jekk hemmx differenza bejn it-trattament li kienu jibbenefikaw minnu l-azzjonisti u l-kredituri kienu jibbenefikaw kieku l-istituzzjoni kienet suġġetta għal proċedura normali ta’ insolvenza fiż-żmien meta ttieħdet id-deċiżjoni dwar il-miżura ta’ riżoluzzjoni u t-trattament attwali li kienu suġġetti għalih bħala parti mir-riżoluzzjoni.

414    Jekk, bħala riżultat ta’ tali valutazzjoni, jiġi stabbilit li l-azzjonisti jew il-kredituri sofrew telf ikbar fil-kuntest tar-riżoluzzjoni milli kienu jġarrbu fi stralċ skont proċedura normali ta’ insolvenza, l-Artikolu 76(1), ir-Regolament Nru 806/2014 jipprovdi li s-SRB jista’ jirrikorri għas-SRF sabiex jikkumpensahom.

415    Minn dan isegwi li r-Regolament Nru 806/2014 jistabbilixxi mekkaniżmu intiż li jiggarantixxi lill-azzjonisti jew lill-kredituri tal-entità suġġetta għal riżoluzzjoni kumpens ġust skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 17(1) tal-Karta.

416    Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li jidhru li jsostnu r-rikorrenti, il-fatt li huma ma kisbu l-ebda kumpens fid-data tal-iskema ta’ riżoluzzjoni ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit ksur tad-dritt għall-proprjetà tagħhom, peress li l-Artikolu 17(1), tal-Karta ma jipprevedix il-ħlas ta’ kumpens flimkien mar-restrizzjoni tad-dritt għall-proprjetà, iżda l-ħlas fil-ħin.

417    Barra minn hekk, fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti sabiex jikkontestaw il-valutazzjoni 3 mqajma fir-replika, fir-rigward tan-nuqqas ta’ indipendenza ta’ Deloitte u l-ksur tad-dritt tagħhom ta’ aċċess għall-fajl, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dawn huma ineffettivi. Fil-fatt, dawn l-argumenti jikkonċernaw il-valutazzjoni 3 li saret wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u proċedura separata, u għalhekk ma jistgħux ipoġġu f’dubju l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

418    Fit-tielet lok, fir-replika, ir-rikorrenti jsostnu li l-kumpens determinat abbażi tad-differenza fit-trattament tal-kredituri fil-kuntest ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni u fil-kuntest ta’ proċedura normali ta’ insolvenza ma jikkostitwixxix kumpens ġust fis-sens tal-Artikolu 17(1) tal-Karta. Huma jsostnu li, kieku l-Kummissjoni kienet irrispettat id-dritt tal-Unjoni, id-deċiżjoni kkontestata ma kinitx tiġi adottata jew l-iskema ta’ riżoluzzjoni kienet tkun differenti u, għalhekk, il-ħlas ta’ kumpens abbażi tal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 806/2014 ma jikkostitwixxix kumpens ġust. Il-kumpens attwali tar-rikorrenti għandu jiġi ddeterminat fuq il-bażi tax-xenarju kontrofattwali korrett, li jkun in-nuqqas ta’ riżoluzzjoni segwita minn soluzzjoni privata jew, sussidjarjament, riżoluzzjoni bbażata fuq valutazzjoni korretta ta’ Banco Popular.

419    Għandu jitfakkar li l-prinċipju, imsemmi fl-Artikolu 15(1)(g) tar-Regolament Nru 806/2014, li l-ebda kreditur ma jista’ jiġi ttrattat iktar ħażin, huwa maħsub sabiex jiżgura li, jekk il-ksur tad-drittijiet għall-proprjetà tar-rikorrenti li jirriżulta mill-iskema ta’ riżoluzzjoni jkun ikbar minn dak li kienu jġarrbu kieku Banco Popular ġiet stralċjata skont proċedura normali ta’ insolvenza, huma setgħu jibbenefikaw minn kumpens.

420    F’dan il-każ, madankollu, fl-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB ikkonstata li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014 kienu ssodisfatti, jiġifieri li Banco Popular kien f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, li l-ebda miżura oħra prudenzjali jew tas-settur privat ma setgħet tipprevjeni l-falliment tagħha minħabba ż-żmien meħtieġ u li l-miżura ta’ riżoluzzjoni kienet meħtieġa fl-interess pubbliku. Jeħtieġ li jitfakkar li r-rikorrenti ma jikkontestawx li dawn il-kundizzjonijiet kienu ssodisfatti f’dan il-każ.

421    Minn dan isegwi li, f’każ li l-iskema ta’ riżoluzzjoni ma kinitx ġiet adottata, l-alternattiva kienet tikkonsisti fl-istralċ ta’ Banco Popular skont proċedura normali ta’ insolvenza, fatt li ġie ammess mir-rikorrenti waqt is-seduta.

422    Barra minn hekk, mill-analiżi tat-tielet motiv jidher li x-xenarju kontrofattwali invokat mir-rikorrenti u li jinsab fir-rapport tal-esperti supplimentari tagħhom, li jikkonsisti fin-nuqqas ta’ riżoluzzjoni minn Banco Popular segwita minn soluzzjoni privata, ma huwiex rilevanti.

423    Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, il-valur tal-investiment tagħhom ma għandux jiġi kkalkulat fid-dawl tas-sitwazzjoni qabel l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, iżda jikkorrispondi għall-każ li fih ma tkunx ġiet addottata l-iskema ta’ riżoluzzjoni, fatt li jikkorrispondi għal sitwazzjoni ta’ stralċ ta’ Banco Popular skont proċedura normali ta’ insolvenza.

424    F’dan ir-rigward, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-telf tal-azzjonisti ta’ banek f’diffikultajiet għandu, fi kwalunkwe każ, l-istess portata, irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk il-kawża tiegħu tkunx ibbażata fuq dikjarazzjoni ta’ falliment minħabba l-assenza ta’ għoti ta’ għajnuna mill-Istat jew fuq proċedura għall-għoti ta’ tali għajnuna suġġetta għall-kundizzjoni minn qabel ta’ qsim tal-oneri (sentenza tad-19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 75).

425    Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-punt 46 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek jipprevedi li “irid jinżamm il-prinċipju li l-ebda kreditur ma jmur għall-agħar” u li “il-kredituri subordinarji [subordinati] m’għandhomx jirċievu inqas f’termini ekonomiċi minn dak li l-istrument tagħhom kien ikun jiswa li kieku l-ebda għajnuna mill-Istat ma kellha tingħata” (sentenza tad-19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 77).

426    Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, minn dan il-punt jirriżulta li l-miżuri ta’ qsim ta’ oneri li għalihom huwa suġġett l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat favur bank b’nuqqas ta’ kapital ma jistax iwassal għal preġudizzju li l-kredituri subordinati ma kinux iġarrbu fuq id-dritt għall-proprjetà fil-kuntest ta’ proċedura ta’ falliment sussegwenti għall-assenza ta’ għoti ta’ tali għajnuna. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi validament sostnut li l-miżuri ta’ qsim tal-piżijiet, bħal dawk previsti mill-Komunikazzjoni dwar il-banek, jikkostitwixxu ndħil fid-dritt għall-proprjetà tal-azzjonisti u tal-kredituri subordinati (sentenza tad-19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punti 78 u 79).

427    Barra minn hekk, fir-rigward ta’ titolu, l-ammont ta’ kumpens dovut għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-valur veru tas-suq ta’ dan it-titolu fil-mument tal-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni kontenzjuża, u mhux fid-dawl tal-valur nominali tiegħu jew tal-ammont li d-detentur tiegħu ttama li jipperċepixxi fil-mument tal-akkwist tiegħu (ara s-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2018, K. Chrysostomides & Co. et vs Il‑Kunsill et, T‑680/13, EU:T:2018:486, punt 314 u l-ġurisprudenza ċċitata).

428    Għandu għalhekk jiġi kkunsidrat, b’analoġija, li l-applikazzjoni fil-każ preżenti tal-prinċipju li l-ebda kreditur ma jista’ jiġi ttrattat b’mod iktar ħażin, kif previst fl-Artikolu 15(1)(g) tar-Regolament Nru 806/2014, tiggarantixxi lir-rikorrenti kumpens ġust skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 17(1), tal-Karta.

429    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, fl-ewwel lok, Banco Popular kien f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ u li ma kienx hemm miżuri alternattivi li jistgħu jipprekludu din is-sitwazzjoni, fit-tieni lok, li, fin-nuqqas ta’ riżoluzzjoni, Banco Popular kien ikun suġġetta għal proċedura normali ta’ insolvenza u, fit-tielet lok, li l-azzjonisti ta’ Banco Popular kellhom jassumu r-riskju tal-investimenti tagħhom u li r-Regolament Nru 806/2014 jipprevedi l-ħlas possibbli ta’ kumpens skont il-prinċipju li l-ebda kreditur ma għandu jkun ittrattat iktar ħażin. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi konkluż li d-deċiżjoni li titwettaq żvalutazzjoni jew li jiġu kkonvertiti l-istrumenti ta’ fondi proprji ta’ Banco Popular fl-iskema ta’ riżoluzzjoni ma tikkostitwixxix intervent sporporzjonat u intollerabbli li jikser is-sustanza stess tad-dritt għall-proprjetà tar-rikorrenti, iżda għandha titqies bħala restrizzjoni għad-dritt għall-proprjetà tagħhom iġġustifikat u proporzjonat, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17(1) u l-Artikolu 52(1) tal-Karta.

430    Barra minn hekk, ta’ min jinnota li r-rikorrenti jsostnu li t-trattament fil-kuntest ta’ proċedura normali ta’ insolvenza huwa l-kriterju t-tajjeb għad-determinazzjoni tal-kumpens meta r-riżoluzzjoni ta’ bank tkun twettqet legalment. Huma jsostnu li, f’dan il-każ, peress li l-iskema ta’ riżoluzzjoni ma kinitx konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 806/2014, il-kumpens dovut lilhom għandu jkun ibbażat fuq is-sitwazzjoni li fiha kienu jkunu mingħajr l-atti illegali.

431    Hemm lok li jiġi kkonstatat li tali argument ma huwiex maħsub sabiex jistabbilixxi ksur tad-dritt għall-proprjetà, iżda fil-fatt jikkostitwixxi talba għal kumpens għad-dannu mġarrab b’riżultat tal-illegalità mwettqa minn istituzzjoni tal-Unjoni, li jistgħu jingħataw fil-kuntest ta’ talba għal kumpens.

432    Għaldaqstant, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-talbiet għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura

433    Fir-rikors, ir-rikorrenti jressqu talbiet għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura intiżi sabiex il-Qorti Ġenerali tordna lill-Kummissjoni, lis-SRB u lill-BĊE li jipproduċu ċerti dokumenti.

434    Hemm lok li jiġi rrilevat li, permezz tad-digriet ta’ miżuri istruttorji tagħha, tal-21 ta’ Mejju 2021, skont l-Artikoli 91(b), 92(3) u 103 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali ordnat lill-Kummissjoni u lis-SRB jipproduċu ċerti dokumenti ċċitati fil-punt 93 iktar ’il fuq. B’digriet tas-16 ta’ Ġunju 2021, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li d-dokumenti prodotti mill-Kummissjoni u mis-SRB fil-verżjoni kunfidenzjali tagħhom ma kinux rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima. Għall-kuntrarju, l-ittra ta’ Banco Popular lill-BĊE tas-6 ta’ Ġunju 2017, mingħajr l-anness tagħha, ġiet ikkomunikata lill-partijiet l-oħra.

435    Fir-rigward tat-talbiet għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew istruttorji mressqa minn parti f’kawża, hemm lok li jitfakkar li l-Qorti Ġenerali hija l-unika qorti li tista’ tara n‑neċessità eventwali li tikkompleta l-elementi ta’ informazzjoni li hija jkollha fil-kawżi quddiemha (ara s-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2017, Mamoli Robinetteria vs Il-Kummissjoni, C‑619/13 P, EU:C:2017:50, punt 117 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tat-12 ta’ Novembru 2020, Fleig vs SEAE, C‑446/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:918, punt 53).

436    F’dan il-każ, hemm lok li jiġi rrilevat li l-elementi inklużi fil-proċess kif ukoll l-ispjegazzjonijiet mogħtija matul is-seduta huma suffiċjenti sabiex jippermettu lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi, wara li din tal-aħħar tkun tista’ tiddeċiedi b’mod utli fuq il-bażi tal-konklużjonijiet, ir-raġunijiet u l-argumenti żviluppati matul il-kawża u fid-dawl tad-dokumenti ppreżentati mill-partijiet.

437    Minn dan isegwi li t-talbiet tar-rikorrenti għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura għandhom jiġu miċħuda.

438    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tat-talba tar-rikorrenti, imressqa alternattivament, sabiex jiġi annullat l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq l-ispejjeż

439    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk tkun saret talba f’dan is-sens. Peress li r-rikorrenti tilfu, għandhom jiġu kkundannati għall-ispejjeż tagħhom kif ukoll għal dawk sostnuti mis-SRB u minn Banco Santander b’mod konformi mat-talbiet ta’ dawn tal-aħħar.

440    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Skont l-Artikolu 1(2)(f) tar-Regoli tal-Proċedura, it-terminu “istituzzjonijiet” jindika l-istituzzjonijiet tal-Unjoni previsti fl-Artikolu 13(1) TUE kif ukoll il-korpi jew l-organi maħluqa mit-Trattati jew minn att adottat b’eżekuzzjoni tagħhom u li jistgħu jidhru quddiem il-Qorti Ġenerali. Skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 806/2014, is-SRB huwa aġenzija tal-Unjoni. Għaldaqstant is-SRB għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Algebis (UK) Ltd u Anchorage Capital Group LLC għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea u minn Banco Santander, SA.

3)      Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) għandu jħallas l-ispejjeż tiegħu.

Van der Woude

Jaeger

Kreuschitz

De Baere

 

      Steinfatt

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑1 ta’ Ġunju 2022.

Firem


Werrej



*      Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol