Language of document : ECLI:EU:T:2020:603

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża)

16 ta’ Diċembru 2020 (*)

“Kompetizzjoni – Konċentrazzjonijiet – Suq tat-trasport bl-ajru – Deċiżjoni li tiddikjara l-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u mal-Ftehim ŻEE – Impenji – Deċiżjoni li tagħti drittijiet ta’ anterjorità – Żball ta’ liġi – Kunċett ta’ użu xieraq”

Fil-Kawża T‑430/18,

American Airlines, Inc., stabbilita f’Fort Worth, Texas (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn J.‑P. Poitras, solicitor, J. Ruiz Calzado u J. Wileur, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn T. Franchoo, H. Leupold u L. Wildpanner, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Delta Air Lines, Inc., stabbilita f’Wilmington, Delaware (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn M. Demetriou, QC, C. Angeli u I. Giles, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2018) 2788 final tat-30 ta’ April 2018 li tagħti drittijiet ta’ anterjorità lil Delta Air Lines (Każ M.6607 – US Airways/American Airlines),

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża),

komposta minn H. Kanninen, President, M. Jaeger (Relatur), N. Półtorak, O. Porchia u M. Stancu, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 Deċiżjoni li tawtorizza l-amalgamazzjoni u l-impenji

1        Fit-18 ta’ Ġunju 2013, US Airways Group, Inc. (iktar ’il quddiem “US Airways”), u AMR Corporation (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, il-“partijiet fl-amalgamazzjoni”), fejn it-tieni waħda kienet il-kumpannija omm tar-rikorrenti, American Airlines, Inc., innotifikaw lill-Kummissjoni Ewropea l-intenzjoni tagħhom li jingħaqdu.

2        Il-Kummissjoni qieset li din l-operazzjoni kienet tqajjem dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern f’dak li jirrigwarda rotta fuq distanza twila, jiġifieri r-rotta bejn Londra u Philadelphia, fejn l-ajruporti kkonċernati kienu London Heathrow (ir-Renju Unit) u Philadelphia International Airport (l-Istati Uniti).

3        Sabiex jindirizzaw id-dubji serji espressi mill-Kummissjoni dwar l-operazzjoni, il-partijiet fl-amalgamazzjoni pproponew numru ta’ impenji.

4        F’dan ir-rigward, il-partijiet fl-amalgamazzjoni għamlu, fl-10 ta’ Lulju 2013, l-ewwel proposta ta’ impenji (iktar ’il quddiem il-“proposta ta’ impenji tal-10 ta’ Lulju 2013”).

5        Fl-ittra elettronika li magħha ntbagħtet il-proposta ta’ impenji, ir-rappreżentant tal-partijiet fl-amalgamazzjoni indika li din kienet ibbażata fuq impenji reċenti, inklużi dawk fil-Każ COMP/M.6447 – IAG/bmi (iktar ’il quddiem il-“każ IAG/bmi”), li wassal għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2012) 2320 tat-30 ta’ Marzu 2012 (ĠU 2012, C 161, p. 2), u dawk fil-Każ COMP/AT.39595 – A++ (iktar ’il quddiem il-“każ A++”), li wassal għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013) 2836 tat-23 ta’ Mejju 2013 (ĠU 2013, C 201, p. 8).

6        Il-klawżola 1.2.6 tal-impenji tal-każ A++ kienet tistipula kif ġej:

“Is-slots miksuba mill-kompetitur potenzjali fi tmiem il-proċedura għal-liberalizzazzjoni ta’ slots għandhom jintużaw biss sabiex jiġi pprovdut is-servizz propost fl-offerta konformement mal-klawżola 1.3.9, li fir-rigward tiegħu l-kompetitur potenzjali talab is-slots, u ma jistgħux jintużaw fuq rotta oħra.”

7        Fil-klawżola 1.11 tal-proposta ta’ impenji tal-10 ta’ Lulju 2013, kien stipulat dan li ġej:

“Is-slots miksuba mill-kompetitur potenzjali fil-kuntest tal-proċedura għal-liberalizzazzjoni ta’ slots għandhom jintużaw biss sabiex jiġi pprovdut is-servizz bl-ajru kompetittiv propost fl-offerta konformement mal-klawżola 1.24, li fir-rigward tiegħu l-kompetitur potenzjali talab is-slots, u ma jistgħux jintużaw fuq rotta oħra.”

8        Fit-12 ta’ Lulju 2013, il-Kummissjoni ċaħdet il-proposta ta’ impenji tal-10 ta’ Lulju 2013, filwaqt li insistiet b’mod partikolari fuq il-fatt li fl-imsemmija impenji kellhom jiġu inklużi drittijiet ta’ anterjorità.

9        Fl-14 ta’ Lulju 2013, il-partijiet fl-amalgamazzjoni ppreżentaw impenji emendati, mingħajr madankollu ma inkludew fihom drittijiet ta’ anterjorità, billi qiesu li dan ma kienx xieraq f’dan il-każ (iktar ’il quddiem il-“proposta ta’ impenji tal-14 ta’ Lulju 2013”).

10      Fil-klawżola 1.11 tal-proposta ta’ impenji tal-14 ta’ Lulju 2013, kien stipulat dan li ġej:

“Is-slots miksuba mill-kompetitur potenzjali fil-kuntest tal-proċedura għal-liberalizzazzjoni ta’ slots għandhom jintużaw biss sabiex jiġi pprovdut is-servizz bl-ajru kompetittiv konformement mal-klawżola 1.23 u ma jistgħux jintużaw fuq rotta oħra għajr LHR-PHL.”

11      Il-proposta ta’ impenji tal-14 ta’ Lulju 2013 kienet akkumpanjata minn verżjoni li kienet tinkludi rekord tal-emendi (track changes) li kien jirrifletti t-tibdiliet li saru fil-proposta ta’ impenji tal-10 ta’ Lulju 2013.

12      Fil-15 ta’ Lulju 2013, il-Kummissjoni reġgħet ċaħdet l-impenji proposti mill-partijiet fl-amalgamazzjoni u rrikjediet li fl-impenji jiġu inklużi drittijiet ta’ anterjorità “tat-tip bħal dawk” proposti fil-każ IAG/bmi. Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-inklużjoni ta’ drittijiet ta’ anterjorità kienet neċessarja sabiex jiġi eskluż kull dubju serju mqajjem mill-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni.

13      Il-parti rilevanti tal-impenji fil-każ IAG/bmi kienet ifformulata kif ġej:

“1.3 Drittijiet ta’ anterjorità fuq is-slots

1.3.1 Bħala regola ġenerali, is-slots miksuba mill-kompetitur potenzjali mingħand IAG fi tmiem il-proċedura għal-liberalizzazzjoni ta’ slots għandhom jintużaw biss sabiex jiġi pprovdut servizz bl-ajru kompetittiv bejn il-par ta’ bliet ikkonċernat, li fir-rigward tiegħu l-kompetitur potenzjali għamel it-talba tiegħu mingħand IAG fil-kuntest tal-proċedura għal liberalizzazzjoni ta’ slots. Is-slots jistgħu jintużaw fuq par ieħor ta’ bliet biss jekk il-kompetitur potenzjali jkun opera l-par ta’ bliet ikkonċernat li fir-rigward tiegħu dawn is-slots kienu ġew ittrasferiti matul numru ta’ staġuni IATA kompleti konsekuttivi (‘perijodu ta’ użu’).

1.3.2 Il-kompetitur potenzjali huwa meqjus li għandu drittijiet ta’ anterjorità fuq is-slots miksuba meta jkun sar użu xieraq tas-slots għall-par ta’ bliet ikkonċernat matul il-perijodu ta’ użu. F’dan ir-rigward, mal-iskadenza tal-perijodu ta’ użu, il-kompetitur potenzjali għandu d-dritt li juża s-slots miksuba abbażi ta’ dawn l-impenji esklużivament sabiex jopera servizzi fuq kull par ta’ bliet Ewropej ta’ distanza qasira jew fuq il-pari ta’ bliet fuq distanza twila identifikati (‘drittijiet ta’ anterjorità’).

1.3.3 L-anterjorità hija suġġetta għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni fuq parir mill-mandatarju indipendenti […]”

14      Il-klawżola 1.3.5 tal-impenji fil-każ IAG/bmi, dwar l-użu abbużiv, kienet tinsab taħt l-istess punt, intitolat “Drittijiet ta’ anterjorità fuq is-slots”.

15      It-terminu mogħti sabiex jiġu ppreżentati formalment l-impenji ntemm fis-17 ta’ Lulju 2013 u l-partijiet fl-amalgamazzjoni ppreżentaw, fis-16 ta’ Lulju 2013, impenji riveduti li kienu jinkludu b’mod partikolari drittijiet ta’ anterjorità (iktar ’il quddiem il-“proposta ta’ impenji tas-16 ta’ Lulju 2013”). Id-dokument mibgħut lill-Kummissjoni kien jinkludi wkoll verżjoni pparagunata, li tirrifletti l-bidliet li saru fil-proposta ta’ impenji tal-14 ta’ Lulju 2013.

16      Fir-rigward tal-introduzzjoni ta’ drittijiet ta’ anterjorità fl-impenji proposti, l-ittra elettronika mibgħuta flimkien mal-proposta ta’ impenji tas-16 ta’ Lulju 2013 kienet tindika biss li drittijiet ta’ anterjorità kienu ġew inklużi “konformement mat-talba” tal-Kummissjoni.

17      Il-klawżoli 1.9 sa 1.11 tal-proposta ta’ impenji tas-16 ta’ Lulju 2013 ġew inklużi għall-ewwel darba fl-imsemmija proposta. Dawn kienu fformulati kif ġej:

“1.9      Bħala regola ġenerali, is-slots miksuba mill-kompetitur potenzjali fi tmiem il-proċedura għal-liberalizzazzjoni ta’ slots għandhom jintużaw biss sabiex jiġi pprovdut servizz bl-ajru kompetittiv bejn il-par ta’ ajruporti. Is-slots ma jistgħux jintużaw fuq par ieħor ta’ bliet sakemm il-kompetitur potenzjali ma jkunx opera servizz mingħajr waqfa bejn il-par ta’ ajruporti b’mod konformi mal-offerta ppreżentata skont il-klawżola 1.24 matul numru ta’ staġuni IATA kompluti konsekuttivi (‘perijodu ta’ użu’).

1.10      Il-kompetitur potenzjali huwa meqjus li għandu drittijiet ta’ anterjorità fuq is-slots miksuba meta jkun sar użu xieraq tas-slots għall-par ta’ ajruporti matul il-perijodu ta’ użu. F’dan ir-rigward, mal-iskadenza tal-perijodu ta’ użu, il-kompetitur potenzjali għandu d-dritt li juża s-slots miksuba abbażi ta’ dawn l-impenji għal kwalunkwe par ta’ bliet (‘drittijiet ta’ anterjorità’).

1.11      L-anterjorità hija suġġetta għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni, fuq parir mill-mandatarju indipendenti, fi tmiem il-perijodu ta’ użu […]”

18      Fit-18 ta’ Lulju 2013, il-partijiet fl-amalgamazzjoni pprovdew lill-Kummissjoni l-formola RM dwar il-proposta ta’ impenji tas-16 ta’ Lulju 2013 (iktar ’il quddiem il-“formola RM tat-18 ta’ Lulju 2013”).

19      F’formola RM, li l-kontenut tagħha huwa ppreċiżat fl-Anness IV tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 802/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 88), l-impriżi huma mistennija jindikaw l-informazzjoni u d-dokumenti li huma jipprovdu meta jipproponu impenji skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40, iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet”).

20      Wara l-konsultazzjoni tal-atturi fis-suq, il-partijiet fl-amalgamazzjoni reġgħu kkorrispondew mal-Kummissjoni fir-rigward tal-proposta ta’ impenji tas-16 ta’ Lulju 2013 u għamlu xi tibdiliet fiha.

21      B’hekk, fil-25 ta’ Lulju 2013, il-partijiet fl-amalgamazzjoni ppreżentaw lill-Kummissjoni l-impenji finali tagħhom (iktar ’il quddiem l-“impenji finali”) u, fit-30 ta’ Lulju 2013, huma bagħtulha l-formola RM dwar dawn l-impenji (iktar ’il quddiem il-“formola RM tat-30 ta’ Lulju 2013”).

22      Fir-rigward tat-test tal-klawżoli 1.9 sa 1.11 tal-impenji finali, dan baqa’ l-istess bħal dak li jinsab fil-proposta ta’ impenji tas-16 ta’ Lulju 2013, kif riprodott fil-punt 17 iktar ’il fuq.

23      Fir-rigward tal-formola RM tat-30 ta’ Lulju 2013, fil-punt 1.1(i) tat-Taqsima 1 tagħha, hemm indikat dan li ġej:

“L-impenn dwar is-slots huwa essenzjalment ibbażat fuq il-prattika tal-Kummissjoni fl-iktar każijiet reċenti dwar amalgamazzjonijiet ta’ kumpanniji tal-ajru bħall-[każ] IAG/bmi. B’mod partikolari, sabiex il-miżura korrettiva tkun iktar attraenti, l-impenji proposti jinkludu dispożizzjonijiet dwar drittijiet ta’ anterjorità fuq is-slots irrinunzjati mill-[partijiet fl-amalgamazzjoni] ladarba l-kompetitur il-ġdid ikun opera servizz mingħajr waqfa bejn il-par ta’ ajruporti għal sitt staġuni konsekuttivi.”

24      Fit-Taqsima 3, intitolata “Devjazzjoni mit-Testi Mudell”, tal-formola RM tat-30 ta’ Lulju 2013, il-partijiet fl-amalgamazzjoni kienu mistennija jindikaw kull differenza bejn l-impenji proposti u t-testi standard ta’ impenji ppubblikati mid-dipartimenti tal-Kummissjoni, kif irreveduti perijodikament, u jispjegaw ir-raġunijiet għal dawn id-differenzi.

25      F’dan il-każ, fit-Taqsima 3 tal-formola RM tat-30 ta’ Lulju 2013, il-partijiet fl-amalgamazzjoni indikaw dan li ġej:

“L-impenji proposti mill-[partijiet fl-amalgamazzjoni] jiddevjaw mit-testi standard ta’ impenji ppubblikati mid-dipartimenti tal-Kummissjoni sa fejn huwa neċessarju sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti speċifiċi ta’ miżura korrettiva strutturali fil-kuntest partikolari tat-trasport bl-ajru.

Kif indikat fid-diskussjonijiet preċedenti, l-impenji proposti huma bbażati fuq l-impenji aċċettati mill-Kummissjoni f’każijiet oħra ta’ konċentrazzjoni bejn kumpanniji tal-ajru. B’mod partikolari, dawn l-impenji huma, fil-parti l-kbira tagħhom, ibbażati fuq l-impenji proposti fil-[każ] IAG/bmi.

Sabiex tiġi ffaċilitata l-evalwazzjoni tal-impenji proposti, il-[partijiet fl-amalgamazzjoni] jidentifikaw iktar ’il quddiem il-punti li fuqhom l-impenji proposti huma differenti mill-impenji aċċettati fil-[każ] IAG/bmi. Dawn il-punti ma jinkludux il-varjanti lingwistiċi minuri jew il-kjarifiki meħtieġa miċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ, b’mod partikolari fit-taqsima dwar id-definizzjonijiet.”

26      F’dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet ta’ anterjorità, fil-formola RM tat-30 ta’ Lulju 2013 ma ġiet identifikata ebda differenza meta mqabbla mal-impenji aċċettati fil-każ IAG/bmi.

27      Barra minn hekk, is-siltiet mill-formola RM tat-30 ta’ Lulju 2013 riprodotti fil-punt 25 iktar ’il fuq jikkorrispondu għall-formola RM tat-18 ta’ Lulju 2013, bl-unika differenza li, fil-punt 1.1(i) tat-Taqsima 1 tal-formola RM tat-18 ta’ Lulju 2013, kien hemm riferiment għal “tmien” staġuni konsekuttivi minflok “sitta”.

28      Permezz tad-Deċiżjoni C(2013) 5232 final tal-5 ta’ Awwissu 2013 (Każ COMP/M.6607 – US Airways/American Airlines (ĠU 2013, C 279, p. 6), adottata skont l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet, moqri flimkien mal-Artikolu 6(2) tal-istess regolament, il-Kummissjoni ddikjarat l-operazzjoni ta’ amalgamazzjoni kompatibbli mas-suq intern, bil-kundizzjoni li jiġu osservati ċerti kundizzjonijiet u obbligi (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni”).

29      Fil-paragrafu 160 tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, il-kontenut tal-impenji finali relatat mad-drittijiet ta’ anterjorità kien miġbur fil-qosor kif ġej:

“Bħala regola ġenerali, is-slots miksuba mill-kompetitur potenzjali bis-saħħa tal-impenji finali għandhom jintużaw sabiex jiġi pprovdut servizz regolari ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri mingħajr waqfa bejn il-par ta’ ajruporti London Heathrow – Philadelphia International Airport u jistgħu jintużaw għal par ieħor ta’ bliet fil-każ biss li l-kompetitur potenzjali jkun opera dan is-servizz matul il-perijodu ta’ użu (sitt staġuni konsekuttivi IATA). Ladarba jkun għadda l-perijodu ta’ użu, il-kompetitur potenzjali jkollu d-dritt li juża s-slots fuq kwalunkwe par ta’ bliet (‘drittijiet ta’ anterjorità’). Madankollu, l-għoti ta’ drittijiet ta’ anterjorità huwa suġġett għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni, fuq parir mill-mandatarju indipendenti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

30      Fil-paragrafi 176, 178 sa 181, 186 u 197 sa 199 tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, fil-kuntest tal-analiżi tagħha tal-impenji, il-Kummissjoni għamlet il-konstatazzjonijiet li ġejjin:

“(176) Skont il-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni Ewropea, l-impenji għandhom ikunu jistgħu jeliminaw il-problemi ta’ kompetizzjoni kkonstatati u għandhom ikunu jistgħu jiżguraw strutturi ta’ suq kompetittivi. B’mod partikolari, kuntrarjament għal dawk meħuda matul il-proċedura tal-fażi II, l-impenji proposti matul il-fażi I ma humiex intiżi li jimpedixxu ostakolu sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva, iżda pjuttost li jneħħu b’mod ċar id-dubji serji kollha f’dan ir-rigward. Il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tevalwa jekk dawn il-miżuri korrettivi jikkostitwixxux risposta diretta u suffiċjenti li tista’ tneħħi dawn id-dubji.

[…]

(178) Skont l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, l-impenji finali jneħħu d-dubji serji kollha identifikati matul il-proċedura. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-impenji finali meħuda mill-partijiet huma suffiċjenti sabiex jeliminaw id-dubji serji dwar il-kompatibbiltà tal-operazzjoni mas-suq intern.

(179) Fil-każijiet li jikkonċernaw il-kumpanniji tal-ajru, l-impenji dwar il-liberazzjoni ta’ slots huma aċċettabbli għall-Kummissjoni meta jkun ċar biżżejjed li d-dħul effettiv ta’ kompetituri ġodda ser iseħħ, li għandu jelimina kull ostakolu sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva […]

(180) L-impenn dwar is-slots huwa bbażat fuq il-fatt li d-disponibbiltà ta’ slots f’London Heathrow hija l-barriera prinċipali għad-dħul fir-rotta li fir-rigward tagħha ġew identifikati dubji serji. Dan l-impenn huwa għalhekk maħsub sabiex ineħħi (jew tal-inqas inaqqas b’mod sinjifikattiv) din il-barriera u sabiex jippermetti dħul suffiċjenti, fi żmien utli u probabbli, fir-rotta London Heathrow-Philadelphia.

(181) Huwa importanti wkoll li jiġi nnotat li s-slots f’London Heathrow għandhom valur kbir ħafna fihom infushom, li jagħmel l-impenn dwar is-slots attraenti ħafna għall-kandidati għad-dħul fis-suq. Fil-pakkett tal-impenji, l-attraenza intrinsika tas-slots hija msaħħa mill-perspettiva li jinkisbu drittijiet ta’ anterjorità wara sitt staġuni IATA.

[…]

(186) Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq u tal-provi l-oħra disponibbli, b’mod partikolari fid-dawl tal-interess u tal-indikazzjonijiet dwar dħul probabbli u fi żmien utli li ngħataw waqt il-konsultazzjoni mal-atturi tas-suq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-impenn dwar is-slots huwa element prinċipali tad-dħul probabbli u fi żmien utli fuq ir-rotta Londra-Philadelphia. Il-portata tad-dħul fuq din ir-rotta hija biżżejjed sabiex jitneħħew id-dubji serji li ġew identifikati f’dan is-suq (fis-setturi possibbli kollha ta’ passiġġieri).

[…]

(197) Skont l-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet, il-Kummissjoni tista’ torbot id-deċiżjoni tagħha ma’ kundizzjonijiet u ma’ obbligi intiżi li jiġi żgurat li l-impriżi kkonċernati josservaw l-impenji li huma ħadu fil-konfront tal-Kummissjoni sabiex il-konċentrazzjoni ssir kompatibbli mas-suq intern.

(198) […] Meta kundizzjoni ma tkunx issodisfatta, id-deċiżjoni [ta’ awtorizzazzjoni] ma tibqax valida. Meta l-impriżi kkonċernati jonqsu milli jwettqu obbligu, il-Kummissjoni tista’ tirrevoka d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 8(6) tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet […]

(199) […], id-deċiżjoni f’dan il-każ hija suġġetta għall-osservanza sħiħa tar-rekwiżiti stabbiliti fit-Taqsimiet 1, 2, 3 u 4 tal-impenji finali (kundizzjonijiet), filwaqt li t-taqsimiet l-oħra tal-impenji finali jikkostitwixxu obbligi għall-partijiet.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

31      Fil-paragrafu 200 tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, ġie ppreċiżat li l-impenji finali kienu annessi ma’ din id-deċiżjoni u kienu jagħmlu parti integrali minnha.

32      Fl-aħħar nett, fil-paragrafu 201 tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li hija kienet iddeċidiet li tiddikjara l-operazzjoni nnotifikata, kif emendata bl-impenji finali, kompatibbli mas-suq intern, “suġġett għall-osservanza sħiħa tal-kundizzjonijiet u tal-obbligi previsti fl-impenji finali annessi ma’ din id-deċiżjoni”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 L-impenji finali

33      Fl-ewwel paragrafu tal-impenji finali annessi mad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, il-partijiet fl-amalgamazzjoni jfakkru li huma daħlu għall-impenji finali sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddikjara l-amalgamazzjoni kompatibbli mas-suq intern.

34      Fit-tielet paragrafu tal-impenji finali, huwa ppreċiżat dan li ġej:

“Dan it-test għandu jiġi interpretat fid-dawl tad-deċiżjoni [ta’ awtorizzazzjoni], sa fejn l-impenji jikkostitwixxu kundizzjonijiet u obbligi marbuta ma’ din tal-aħħar, fil-kuntest ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari fid-dawl tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet, u b’riferiment għall-Avviż tal-Kummissjoni dwar ir-rimedji aċċettabbli taħt ir-Regolament [dwar il-konċentrazzjonijiet] u taħt ir-Regolament [ta’ Implimentazzjoni].”

35      Fl-impenji finali jingħataw, l-ewwel nett, id-definizzjonijiet ta’ numru ta’ termini b’dan il-mod:

–        it-termini “drittijiet ta’ anterjorità” huma ddefiniti b’riferiment għall-klawżola 1.10;

–        it-termini “użu abbużiv” huma ddefiniti b’riferiment għall-klawżola 1.13;

–        it-termini “perjodu ta’ użu” huma ddefiniti b’riferiment għall-klawżola 1.9, bil-preċiżjoni li dan il-perijodu għandu jkun ta’ sitt staġuni konsekuttivi fis-sens tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasport bl-Ajru (IATA) (iktar ’il quddiem l-“istaġuni IATA”).

36      Għall-kuntrarju, it-termini “użu xieraq” ma humiex iddefiniti fl-impenji finali.

37      Sussegwentement, il-klawżola 1.6 tal-impenji finali hija fformulata kif ġej:

“Bla ħsara għal dawn l-impenji, il-partijiet ma humiex obbligati jonoraw kwalunkwe ftehim intiż li jpoġġi slots għad-dispożizzjoni tal-kompetitur potenzjali jekk:

[…]

(b)      jiġi kkonstatat li l-kompetitur potenzjali jinsab f’sitwazzjoni ta’ użu abbużiv (konformement mal-klawżola 1.13 infra).” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

38      Il-klawżoli 1.9 sa 1.11 tal-impenji finali jistipulaw dan li ġej:

“1.9      Bħala regola ġenerali, is-slots miksuba mill-kompetitur potenzjali fi tmiem il-proċedura għal-liberalizzazzjoni ta’ slots għandhom jintużaw biss sabiex jiġi pprovdut servizz bl-ajru kompetittiv bejn il-par ta’ ajruporti. Is-slots ma jistgħux jintużaw fuq par ieħor ta’ bliet sakemm il-kompetitur potenzjali ma jkunx opera servizz mingħajr waqfa bejn il-par ta’ ajruporti b’mod konformi mal-offerta ppreżentata skont il-klawżola 1.24 matul numru ta’ staġuni IATA kompluti konsekuttivi (‘perijodu ta’ użu’).

1.10      Il-kompetitur potenzjali huwa meqjus li għandu drittijiet ta’ anterjorità fuq is-slots miksuba meta jkun sar użu xieraq tas-slots għall-par ta’ ajruporti matul il-perijodu ta’ użu. F’dan ir-rigward, mal-iskadenza tal-perijodu ta’ użu, il-kompetitur potenzjali għandu d-dritt li juża s-slots miksuba abbażi ta’ dawn l-impenji għal kwalunkwe par ta’ bliet (‘drittijiet ta’ anterjorità’).

1.11      L-anterjorità hija suġġetta għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni, fuq parir mill-mandatarju indipendenti, fi tmiem il-perijodu ta’ użu […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

39      Il-klawżola 1.13 tal-impenji finali tipprovdi dan li ġej:

“Matul il-perijodu ta’ użu, għandu jitqies li jkun seħħ użu abbużiv meta kompetitur potenzjali li jkun kiseb slots irrilaxxati mill-partijiet jiddeċiedi:

[…]

(b)      li jopera numru iżgħar ta’ frekwenzi minn dak li fir-rigward tiegħu impenja ruħu fl-offerta skont il-klawżola 1.24 jew li jwaqqaf l-operat fuq il-par ta’ ajruporti, sakemm din id-deċiżjoni ma tkunx kompatibbli mal-prinċipju ta’ ‘slots użati jew slots mitlufa’ tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament [tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 tat-18 ta’ Jannar 1993 dwar ir-regoli komuni għall-allokazzjoni ta’ slots f’ajruporti tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 2, p. 3)] (jew kwalunkwe sospensjoni tiegħu);

[….]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

40      Il-klawżola 1.14 tal-impenji finali tipprovdi dan li ġej:

“Jekk il-partijiet jew il-kompetitur potenzjali li kiseb slots skont il-proċedura għal-liberalizzazzjoni ta’ slots isiru jafu dwar użu abbużiv mill-kompetitur potenzjali jew jantiċipaw b’mod raġonevoli tali użu abbużiv, huma għandhom immedjatament jinformaw lill-parti l-oħra u lill-mandatarju Indipendenti. Il-kompetitur potenzjali għandu 30 jum minn din in-notifika sabiex itemm l-użu abbużiv reali jew potenzjali. Jekk ma jkunx temm l-użu abbużiv, il-partijiet jistgħu jtemmu l-ftehim dwar il-liberazzjoni ta’ slots u s-slots għandhom jingħataw lura lill-partijiet, bil-kundizzjoni li, bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ din il-klawżola, il-partijiet jibqgħu marbuta mill-impenn li jqiegħdu s-slots għad-dispożizzjoni ta’ kompetitur potenzjali ieħor skont il-klawżola 1.1. Fil-każijiet stipulati fil-klawżola 1.13(a) u (b), il-partijiet għandhom jagħmlu ħilithom sabiex jerġgħu jallokaw is-slots bil-għan li tinżamm il-prijorità storika. Jekk, minkejja l-isforzi tagħhom, il-partijiet ma jkunux f’pożizzjoni li jżommu l-prijorità storika għal dawn is-slots, jew fil-każ ta’ użu abbużiv iddefinit fil-klawżola 1.13(c), (d) jew (e), il-kompetitur potenzjali għandu jikkumpensa b’mod raġonevoli lill-partijiet kif previst fil-ftehim dwar il-liberazzjoni ta’ slots skont il-klawżola 1.15 […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

41      Fil-klawżola 1.24 tal-impenji finali, huwa stipulat dan li ġej:

“1.24 Qabel l-iskadenza tat-terminu għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-allokazzjoni ta’ slots, kull kandidat għandu jippreżenta wkoll l-offerta formali tiegħu għall-allokazzjoni ta’ slots lill-mandatarju indipendenti. L-offerta formali għandha minn tal-inqas tindika:

(a)      il-kundizzjonijiet prinċipali (jiġifieri l-ħinijiet tas-slots, in-numru ta’ frekwenzi u n-numru ta’ staġuni IATA tal-operat (servizz annwali jew staġjonali));

(b)      pjan tad-direzzjoni tan-negozju ddettaljat. Dan il-pjan għandu jkun fih preżentazzjoni ġenerali tal-kumpannija, inkluż l-istorja tagħha, l-istatus legali tagħha, il-lista u d-deskrizzjoni tal-azzjonisti tagħha u l-aħħar żewġ rapporti finanzjarji annwali vverifikati. Il-pjan tad-direzzjoni tan-negozju dettaljat għandu jipprovdi informazzjoni dwar il-proġetti tal-impriża f’termini ta’ aċċess għal kapital, ta’ żvilupp tan-netwerk tagħha, tal-flotta tagħha, eċċ. u informazzjoni kompleta fuq il-pjanijiet tal-impriża dwar il-par ta’ ajruporti. Il-pjan għandu jippreċiża fid-dettall l-operazzjonijiet previsti fuq il-par ta’ ajruporti fuq perijodu li jkopri minn tal-inqas żewġ (2) staġuni IATA konsekuttivi (id-daqs tal-inġenji tal-ajru, il-konfigurazzjoni tal-kabini, il-kapaċità totali u l-kapaċità ta’ kull klassi, in-numru ta’ frekwenzi żgurati, l-istruttura tariffarja, il-provvista ta’ servizzi, il-ħinijiet ippjanati tat-titjiriet) u r-riżultati finanzjarji mistennija (it-traffiku previst, id-dħul, il-profitti, it-tariffa medja għal kull klassi ta’ kabina) […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

42      Fil-klawżola 1.26 tal-impenji finali, huwa stipulat dan li ġej:

“Wara li tirċievi l-offerta jew l-offerti uffiċjali, il-Kummissjoni (fuq parir mill-mandatarju indipendenti) għandha:

(a)      tevalwa jekk kull kandidat huwiex kompetitur eżistenti jew potenzjali vijabbli li għandu l-kapaċità, ir-riżorsi u l-volontà li jopera s-servizzi fuq il-par ta’ ajruporti fuq perijodu twil filwaqt li jirrappreżenta saħħa kompetittiva dinamika u vijabbli;

(b)      tevalwa l-offerti formali ta’ kull kandidat li jissodisfa r-rekwiżiti tal-punt (a) iktar ’il fuq, u tikklassifika dawn il-kandidati skont l-ordni ta’ preferenza.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

43      Fil-klawżola 1.27 tal-impenji finali, huwa stipulat dan li ġej:

“1.27 Meta twettaq l-evalwazzjoni tagħha skont il-klawżola 1.26, il-Kummissjoni għandha tagħti prijorità lill-kandidat li ser jeżerċita l-iktar restrizzjoni kompetittiva globalment effettiva fuq il-par ta’ ajruporti, mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni l-pajjiż fejn il-kandidat għandu liċenzja jew il-post fejn għandu l-istabbiliment prinċipali tiegħu. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni d-dinamiżmu tal-pjan tad-direzzjoni tan-negozju tal-kandidat u għandha b’mod partikolari tagħti prijorità lill-kandidat li jissodisfa wieħed jew iktar mill-kriterji li ġejjin:

(a)      l-ikbar kapaċità (imkejla f’numru ta’ postijiet offruti fuq is-servizzi matul żewġ (2) staġuni IATA konsekuttivi) u/jew l-ikbar numru ta’ servizzi/frekwenzi;

(b)      servizz matul is-sena kollha, servizz staġjonali fis-sajf jew servizz staġjonali fix-xitwa IATA biss; u

(c)      struttura tariffarja u offerti ta’ servizz li jistgħu jeżerċitaw l-iktar restrizzjoni kompetittiva effettiva fuq il-par ta’ ajruporti.

Jekk, fi tmiem l-eżami tal-Kummissjoni, diversi kandidati jitqiesu li huma f’pożizzjoni li jeżerċitaw pressjonijiet kompetittivi li jkunu kollha effettivi fuq il-par ta’ ajruporti, il-Kummissjoni għandha tikklassifika dawn il-kandidati skont il-klassifikazzjoni pprovduta mill-partijiet skont il-klawżola 1.25.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Id-deċiżjoni kkontestata

44      Fid-9 ta’ Ottubru 2014, l-intervenjenti, Delta Air Lines, Inc., ippreżentat offerta formali għall-allokazzjoni ta’ slots skont il-klawżola 1.24 tal-impenji finali. Skont il-fajl tal-applikazzjoni tagħha, hija kellha l-intenzjoni topera frekwenza ta’ kuljum fuq il-par ta’ ajruporti London Heathrow u Philadelphia International Airport matul sitt staġuni IATA konsekuttivi mis-sajf tal-2015.

45      L-intervenjenti kienet l-unika waħda li ppreżentat offerta għall-allokazzjoni ta’ slots taħt l-impenji finali.

46      Permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Novembru 2014, il-Kummissjoni, wara li evalwat il-vijabbiltà tal-intervenjenti u l-offerta formali tagħha skont il-klawżoli 1.21 u 1.26 tal-impenji finali, iddikjarat, l-ewwel, li hija kienet indipendenti mill-partijiet u ma kellhiex rabta magħhom u li hija kienet eżawrixxiet il-portafoll tas-slots tagħha f’London Heathrow fis-sens tal-klawżola 1.21 tal-impenji u, it-tieni, li hija kienet kompetitur potenzjali vijabbli tal-partijiet fuq il-par tal-ajruporti li fir-rigward tiegħu hija kienet talbet slots taħt l-impenji, li kellha l-kapaċità, ir-riżorsi u l-volontà li topera s-servizzi fuq ir-rotta London Heathrow – Philadelphia International Airport fuq perijodu twil u li kienet tirrappreżenta kompetitur b’saħħtu vijabbli.

47      Fis-17 ta’ Diċembru 2014, ir-rikorrenti u l-intervenjenti ppreżentaw lill-Kummissjoni l-ftehim dwar il-liberalizzazzjoni ta’ slots li ż-żewġ kumpanniji kellhom jikkonkludu għall-eżekuzzjoni tal-impenji dwar is-slots mitluba mill-intervenjenti fuq il-par ta’ ajruporti London Heathrow – Philadelphia International Airport. Permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Diċembru 2014, il-Kummissjoni, konformement mar-rapport tal-mandatarju tas-17 ta’ Diċembru 2014, approvat il-ftehim dwar il-liberalizzazzjoni ta’ slots.

48      Id-deċiżjoni dwar il-liberalizzazzjoni ta’ slots tad-19 ta’ Diċembru 2014 tipprovdi li l-intervenjenti hija obbligata tuża s-slots tar-rikorrenti sabiex tipprovdi servizz ta’ titjiriet mingħajr waqfa fuq ir-rotta London Heathrow – Philadelphia International Airport. Barra minn hekk, hija tipprovdi li l-intervenjenti ser titqies li għandha drittijiet ta’ anterjorità meta tkun wettqet użu xieraq ta’ dawn is-slots matul il-perijodu ta’ użu, permezz tal-ftehim tal-Kummissjoni, u li, meta l-Kummissjoni tkun approvat id-drittijiet ta’ anterjorità, l-intervenjenti ser iżżomm is-slots tar-rikorrenti u ser ikollha d-dritt tużahom fuq kwalunkwe par ta’ bliet.

49      L-intervenjenti bdiet topera t-titjira Londra – Philadelphia fil-bidu tal-istaġun tal-ippjanar tal-ħinijiet IATA tas-sajf 2015.

50      Fit-28 ta’ Settembru 2015, ir-rikorrenti bagħtet ittra lill-mandatarju sabiex tindikalu li, peress li l-intervenjenti ma użatx is-slots ta’ korrezzjoni b’mod konformi mal-offerta tagħha, hija ma kinitx għamlet “użu xieraq” tas-slots ta’ korrezzjoni matul l-istaġuni tas-sajf 2015 u tax-xitwa 2015/2016 u li, minħabba f’hekk, dawn l-istaġuni ma kellhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-kisba ta’ drittijiet ta’ anterjorità.

51      Sussegwentement, saru diversi skambji, b’mod partikolari bejn ir-rikorrenti u l-Kummissjoni, li fihom ir-rikorrenti indikat li l-intervenjenti kienet qiegħda tkompli tonqos milli tosserva t-termini tal-offerta tagħha u għalhekk ma setgħetx tippretendi li tikseb drittijiet ta’ anterjorità.

52      Fit-30 ta’ April 2018, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2018) 2788 final, li tagħti drittijiet ta’ anterjorità lil Delta Air Lines (Każ M.6607 US Airways/American Airlines), li permezz tagħha hija kkonstatat li l-intervenjenti kienet għamlet użu xieraq tas-slots matul il-perijodu ta’ użu u approvat l-għoti ta’ drittijiet ta’ anterjorità lil din tal-aħħar skont il-klawżola 1.10 tal-impenji finali (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

53      Id-deċiżjoni kkontestata kienet tindika lil US Airways, lil AMR Corporation u lill-intervenjenti bħala destinatarji. Hija ġiet innotifikata lil AMR Corporation permezz tal-avukati tagħha fi Brussell (il-Belġju).

54      Wara li kkonstatat, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-intervenjenti u r-rikorrenti kienu jsostnu interpretazzjonijiet diverġenti fir-rigward tal-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti għall-għoti ta’ drittijiet ta’ anterjorità, il-Kummissjoni eżaminat il-formulazzjoni, l-għan u l-kuntest tal-impenji finali.

55      F’dan ir-rigward, id-deċiżjoni kkontestata wettqet eżami f’żewġ stadji. Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni stabbilixxiet l-elementi li kienu wassluha sabiex tikkunsidra li t-termini “użu xieraq” kellhom jiġu interpretati bħala li jikkorrispondu għall-assenza ta’ “użu abbużiv”. Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ressqet l-argumenti li, fil-fehma tagħha, kienu jipprekludu interpretazzjoni fis-sens li “użu xieraq” kellu jinftiehem bħala “użu konformi mal-offerta”.

56      B’hekk, wara li kkonstatat, l-ewwel nett, li t-termini “użu xieraq” ma kinux iddefiniti fl-impenji finali, id-deċiżjoni kkontestata ppreċiżat li dawn it-termini kellhom jiġu interpretati “fid-dawl tal-għan u tal-kuntest tal-impenji [finali]”.

57      Fir-rigward tal-għan tal-impenji finali, il-Kummissjoni kkunsidrat li dawn kienu intiżi li jneħħu d-dubji serji dwar il-kompatibbiltà tal-amalgamazzjoni mas-suq intern u li l-klawżola 1.9 ta’ dawn l-impenji kellha l-għan li tistabbilixxi mill-ġdid il-kompetizzjoni fuq ir-rotta kkonċernata billi tistabbilixxi servizz bl-ajru kompetittiv.

58      Fir-rigward tal-kuntest tal-impenji finali, il-Kummissjoni fakkret li d-drittijiet ta’ anterjorità kienu intiżi li jinkoraġġixxu lil kompetitur potenzjali sabiex jopera r-rotta kkonċernata. Issa, sabiex ikun inċentivat jikkompeti, il-kompetitur potenzjali kellu bżonn kriterji ċari u verifikabbli, li jeskludu kull kunsiderazzjoni arbitrarja.

59      Peress li, fil-lingwaġġ ordinarju, użu abbużiv jista’ jiġi assimilat ma’ użu mhux xieraq u li fl-impenji finali t-termini “użu abbużiv” kienu ddefiniti filwaqt li t-termini “użu xieraq” ma kinux iddefiniti, il-Kummissjoni kkonkludiet li, sabiex il-kompetitur potenzjali ġdid jingħata indikazzjonijiet ċari u verifikabbli, it-termini “użu xieraq” kellhom jiġu interpretati bħala l-assenza ta’ “użu abbużiv” fis-sens tal-klawżola 1.13 tal-impenji finali.

60      Sussegwentement, il-Kummissjoni rrifjutat, fid-deċiżjoni kkontestata, it-teżi li t-termini “użu xieraq” għandhom jiġu interpretati bħala li jirreferu għal “użu konformi mal-offerta”.

61      F’dan ir-rigward, skont id-deċiżjoni kkontestata, l-ewwel, l-assimilazzjoni ta’ “użu xieraq” ma’ “użu konformi mal-offerta” timplika rekwiżit li huwa kważi impossibbli li jiġi ssodisfatt.

62      It-tieni, l-argument li “kanċellazzjonijiet għal raġunijiet operattivi straordinarji” biss huma kompatibbli ma’ “użu konformi mal-offerta” ma jistax jintlaqa’. Minn naħa, tali kriterju huwa vag wisq sabiex jiżgura ċ-ċertezza legali għall-kompetitur potenzjali ġdid. Min-naħa l-oħra, tali kriterju ma jsibx sostenn fit-test tal-impenji finali.

63      It-tielet, l-interpretazzjoni tal-“użu xieraq” fis-sens li jfisser “użu konformi mal-offerta” tagħmel l-impenji finali ħafna inqas attraenti għal kompetitur ġdid.

64      Ir-raba’, peress li livell ta’ użu ta’ slots ta’ 80 % huwa r-regola de facto fis-settur tal-avjazzjoni, ma jkunx raġonevoli li mill-kompetitur potenzjali ġdid tintalab rata ta’ użu ta’ 100 %.

65      Il-ħames, mill-formola RM jirriżulta li l-impenji finali, fir-rigward tad-drittijiet ta’ anterjorità, kienu simili ħafna, ħlief għal xi “kjarifiki u varjanti lingwistiċi minuri”, għal dawk sottoskritti fil-każ IAG/bmi. Issa, f’dawn l-impenji tal-aħħar, l-“użu konformi mal-offerta” ma kienx kundizzjoni sabiex jinkisbu d-drittijiet ta’ anterjorità. Għaldaqstant, l-espressjoni “b’mod konformi mal-offerta” fl-impenji finali tikkostitwixxi sempliċi “varjant lingwistiku minuri” meta mqabbla mal-impenji fil-każ IAG/bmi.

66      Is-sitta, ikun kuntrarju għall-istruttura tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni jekk it-termini “użu xieraq” tal-klawżola 1.10 tal-impenji finali jiġu interpretati fid-dawl tal-klawżola 1.9 tal-imsemmija impenji, peress li din tal-aħħar hija intiża li tidentifika l-għan tal-impenn, jiġifieri li jiġi pprovdut servizz bl-ajru kompetittiv fuq ir-rotta, filwaqt li d-drittijiet ta’ anterjorità huma ddefiniti fil-klawżola 1.10.

67      Wara dan l-eżami, il-Kummissjoni kkonkludiet, fid-deċiżjoni kkontestata, li t-termini “użu xieraq” ma jistgħux jinftiehmu fis-sens ta’ “użu konformi mal-offerta”, iżda għandhom jiġu interpretati bħala li jfissru l-“assenza ta’ użu abbużiv” tas-slots fis-sens tal-klawżola 1.13 tal-impenji finali.

68      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni eżaminat, fid-deċiżjoni kkontestata, jekk l-intervenjenti kinitx għamlet użu abbużiv tas-slots fis-sens tal-klawżola 1.13 tal-impenji finali sabiex tiddetermina jekk kellhomx jingħatawlha drittijiet ta’ anterjorità.

69      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkonstatat li l-intervenjenti ma kinitx użat is-slots b’mod sħiħ minħabba r-restituzzjoni ta’ ċerti slots lill-koordinatur qabel l-iskadenza tat-terminu għar-restituzzjoni u minħabba l-kanċellazzjonijiet ta’ ċerti titjiriet. Madankollu, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-użu tas-slots, minkejja li ma kinux intużaw b’mod sħiħ, kien konformi mal-prinċipju ta’ “slots użati jew slots mitlufa”, kif irregolat fl-Artikolu 10(2) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 tat-18 ta’ Jannar 1993 dwar ir-regoli komuni għall-allokazzjoni ta’ slots f’ajruporti tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 2, p. 3, iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar is-slots”), sa fejn is-slots mogħtija lura qabel l-iskadenza tat-terminu għar-restituzzjoni ma kellhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-applikazzjoni tal-imsemmi prinċipju u sa fejn l-użu tas-slots kien dejjem iktar mil-limitu minimu ta’ 80 %. Filwaqt li kkonstatat li l-intervenjenti ma kinitx għamlet użu abbużiv mis-slots skont il-klawżola 1.13 tal-impenji finali, il-Kummissjoni minn dan ikkonkludiet li, konformement mar-rakkomandazzjoni bil-miktub tal-mandatarju, l-intervenjenti kienet għamlet użu xieraq tas-slots matul il-perijodu ta’ użu u approvat l-għoti ta’ drittijiet ta’ anterjorità lill-intervenjenti, skont il-klawżola 1.10 tal-impenji finali.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

70      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Lulju 2018, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

71      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni u lill intervenjenti għall-ispejjeż.

–        tieħu kull deċiżjoni oħra xierqa fiċ-ċirkustanzi tal-kawża.

72      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

73      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Ottubru 2018, l-intervenjenti talbet tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

74      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Awla tat-8 ta’ Jannar 2019, l-intervenjenti ġiet awtorizzata tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

75      Fil-21 ta’ Marzu 2019, l-intervenjenti ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali nota ta’ intervent, li fiha talbet li r-rikors jiġi miċħud.

76      Ir-rikorrenti ħadet pożizzjoni dwar in-nota ta’ intervent fit-30 ta’ April 2019. Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, indikat, fil-25 ta’ April 2019, li ma kellhiex osservazzjonijiet fuq l-imsemmija nota.

77      Fuq proposta tal-Ewwel Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tibgħat il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

78      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla Estiża), fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura skont l-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, talbet lill-Kummissjoni tipproduċi numru ta’ dokumenti u għamlet numru ta’ mistoqsijiet lill-partijiet prinċipali.

79      Fl-14 ta’ Frar 2020, il-Kummissjoni pproduċiet id-dokumenti mitluba u l-partijiet prinċipali wieġbu għall-mistoqsijiet magħmula.

80      Fit-13 ta’ Marzu 2020, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar it-tweġibiet tal-Kummissjoni għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali u dwar id-dokumenti prodotti minn din tal-aħħar.

81      Fil-11 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni ħadet pożizzjoni dwar it-tweġibiet tar-rikorrenti għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali u dwar l-osservazzjonijiet kollha tar-rikorrenti, jiġifieri dawk dwar id-dokumenti pprovduti u dawk dwar it-tweġibiet tal-Kummissjoni għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali.

82      F’dawn iċ-ċirkustanzi u sabiex jiġi osservat il-prinċipju ta’ kontradittorju, il-parti tal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Mejju 2020 dwar l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti dwar it-tweġibiet tal-Kummissjoni għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali, jiġifieri l-punti 22 sa 26, ma ttiħditx inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ din is-sentenza.

83      Peress li l-partijiet ma talbux li tinżamm seduta, il-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla Estiża) iddeċidiet, skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura, li taqta’ l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura.

 Id-dritt

84      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Kummissjoni fl-interpretazzjoni tat-termini “użu xieraq”.

85      Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-elementi kollha rilevanti għall-għoti ta’ drittijiet ta’ anterjorità.

 Fuq l-ewwel motiv

86      L-ewwel motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet. Permezz tal-ewwel parti, ir-rikorrenti ssostni li t-termini “użu xieraq” li jinsabu fil-klawżola 1.10 tal-impenji finali għandhom jinftiehmu bħala li jirreferu għal “użu konformi mal-offerta”. Permezz tat-tieni parti, ir-rikorrenti tfittex li turi li t-termini “użu xieraq” ma jfissrux l-assenza ta’ “użu abbużiv”, peress li dan l-aħħar kunċett għandu għan differenti.

87      Peress li ż-żewġ partijiet tal-ewwel motiv jirrigwardaw il-kriterji li għandhom jintużaw għall-evalwazzjoni tal-kunċett ta’ “użu xieraq”, dawn għandhom jiġu eżaminati flimkien.

88      Skont id-deċiżjoni kkontestata, it-termini “użu xieraq” li jinsabu fil-klawżola 1.10 tal-impenji finali għandhom jiġu interpretati bħala li jfissru l-assenza ta’ “użu abbużiv” fis-sens tal-klawżola 1.13 tal-imsemmija impenji u mhux bħala li jirreferu għal użu “konformi mal-offerta” min-naħa tal-intervenjenti. Peress li l-fatt li l-intervenjenti ma użatx is-slots b’mod sħiħ meta mqabbel mal-offerta tagħha ma jikkostitwixxix “użu abbużiv”, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-intervenjenti kienet għamlet “użu xieraq” u rrikonoxxitilha d-drittijiet ta’ anterjorità fuq is-slots, jiġifieri l-possibbiltà għal din tal-aħħar li tuża s-slots għal rotta differenti minn Londra-Philadelphia wara l-perijodu ta’ użu.

89      Sabiex waslet għall-interpretazzjoni esposta fil-punt 88 iktar ’il fuq, l-ewwel nett, il-Kummissjoni rrilevat, fil-punt 51 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kunċett ta’ użu xieraq ma kienx iddefinit mill-impenji finali u li r-rikorrenti kif ukoll l-intervenjenti ma kinux qegħdin jaqblu dwar id-definizzjoni ta’ dan il-kunċett li kellha tiġi adottata. Sussegwentement, fil-punt 52 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li, fin-nuqqas ta’ definizzjoni ċara, l-imsemmi kunċett kellu jiġi interpretat mill-formulazzjoni, mill-kuntest u mill-għan tad-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-impenji.

90      Ir-rikorrenti, filwaqt li tikkritika l-portata tan-nuqqas ta’ użu b’mod sħiħ tas-slots mill-intervenjenti, ma tikkontestax li l-użu tagħha tas-slots ma jikkostitwixxix “użu abbużiv” fis-sens tal-klawżola 1.13 tal-impenji finali.

91      Għall-kuntrarju, ir-rikorrenti tikkontesta l-interpretazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni tat-termini “użu xieraq” li jinsabu fil-klawżola 1.10 tal-impenji finali.

92      Fil-fatt, skont l-interpretazzjoni tar-rikorrenti, it-termini “użu xieraq” għandhom jinftiehmu bħala li jirreferu, bħala prinċipju, għal użu “konformi mal-offerta”, li jimplika li l-Kummissjoni għandha ċertu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tiddetermina jekk l-użu, anki jekk ma jkunx kompletament konformi mal-offerta, jistax xorta waħda jiġi kklassifikat bħala “użu xieraq”, b’mod partikolari fid-dawl tal-għan tal-impenji.

93      Skont ir-rikorrenti, li kieku t-termini “użu xieraq” ġew interpretati b’dan il-mod, kien ikun evidenti li l-intervenjenti ma kinitx għamlet tali “użu xieraq”, b’tali mod li hija ma kinitx tikseb drittijiet ta’ anterjorità.

94      L-ewwel motiv għalhekk jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “użu xieraq” li jinsab fil-klawżola 1.10 tal-impenji finali.

 Fuq l-interpretazzjoni letterali tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni

95      Skont il-punt 56 tad-deċiżjoni kkontestata, fil-lingwaġġ ordinarju, l-“użu abbużiv” (“misuse”) jista’ jiġi ddefinit bħala “il-fatt li xi ħaġa tintuża b’mod mhux adegwat jew b’mod li ma kienx previst” u l-“użu xieraq” bħala użu “adegwat jew f’loku f’sitwazzjoni jew f’każ partikolari”. Minn dan jirriżulta li “użu xieraq” huwa l-kuntrarju ta’ “użu abbużiv”. Għaldaqstant, skont interpretazzjoni letterali tal-kunċetti użati fl-impenji finali, l-“użu xieraq” tas-slots għandu jinftiehem bħala l-assenza ta’ “użu abbużiv” ta’ dawn is-slots.

96      Skont il-punt 63 tad-deċiżjoni kkontestata, il-frażi “konformi mal-offerta” li tinsab fil-klawżola 1.9 tal-impenji finali hija biss “varjant lingwistiku minuri” li ma jistax ikun determinanti għall-interpretazzjoni tat-termini “użu xieraq”.

97      Ir-rikorrenti tikkontesta din l-interpretazzjoni.

98      Ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni bil-fatt li l-interpretazzjoni tagħha ma tosservax il-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti. Din l-interpretazzjoni ċċaħħad minn kull effett utli l-frażi “konformi mal-offerta” li tinsab fit-tieni sentenza tal-klawżola 1.9 tal-impenji finali u li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tat-termini “użu xieraq” li jinsabu fil-klawżola 1.10 tal-imsemmija impenji. Bl-istess mod, l-ekwivalenza bejn l-“użu xieraq” u l-assenza ta’ “użu abbużiv”, kif ikkonstatata fid-deċiżjoni kkontestata, tmur kontra l-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni.

99      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, li l-impenji finali jinkludu parti ddedikata għad-definizzjonijiet. Issa, it-termini “użu xieraq” li jinsabu fil-klawżola 1.10 tal-impenji finali ma humiex iddefiniti fl-imsemmija parti.

100    Mis-sens tagħhom, it-termini “użu xieraq” ma humiex kompletament operattivi fihom infushom, iżda jeħtieġu kuntest ta’ referenza li fir-rigward tiegħu jista’ jiġi ddeterminat dak li jikkostitwixxi, f’dan il-każ, użu li jista’ jiġi kklassifikat bħala “xieraq” jew, jekk ikun il-każ, użu li ma jistax jiġi kklassifikat bħala “xieraq”.

101    Għalhekk, l-approċċ adottat fid-deċiżjoni kkontestata jikkonsisti fl-assimilazzjoni tal-“użu xieraq” mal-assenza ta’ “użu abbużiv”, kif iddefinit fil-klawżola 1.13 tal-impenji finali, sabiex b’hekk jintuża kuntest ta’ referenza għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kisba ta’ drittijiet ta’ anterjorità.

102    Għall-kuntrarju, skont l-interpretazzjoni tar-rikorrenti, li hija bbażata essenzjalment fuq il-frażi “konformi mal-offerta” li tinsab fil-klawżola 1.9 tal-impenji finali, it-termini “użu xieraq” għandhom jiġu interpretati bħala li jirreferu, bħala prinċipju, għal użu “konformi mal-offerta”. Il-kuntest ta’ referenza huwa għalhekk ikkostitwit mill-użu “konformi mal-offerta”, li jimplika li l-Kummissjoni għandha ċertu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tiddetermina jekk l-użu, anki jekk ma huwiex kompletament konformi mal-offerta, jistax xorta waħda jiġi kklassifikat bħala “użu xieraq”, b’mod partikolari fid-dawl tal-għan tal-impenji, jiġifieri li tiġi prodotta kompetizzjoni massima fuq ir-rotta kkonċernata għall-benefiċċju tal-konsumaturi.

103    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-lingwa oriġinali tal-impenji finali hija l-Ingliż u li l-kunċett ta’ “misuse”, użat fil-klawżola 1.13 tal-imsemmija impenji, għandu sens pjuttost wiesa’ u ma għandux neċessarjament konnotazzjoni negattiva. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat, fil-punt 56 tad-deċiżjoni kkontestata, li, fil-lingwaġġ ordinarju, it-terminu Ingliż “misuse” jista’ jiġi ddefinit bħala “il-fatt li xi ħaġa tintuża b’mod mhux adegwat jew b’mod li ma kienx previst”.

104    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li l-assimilazzjoni bejn l-“użu xieraq” u l-assenza ta’ “użu abbużiv” (misuse), magħmula fid-deċiżjoni kkontestata, ma hijiex konċiljabbli mal-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati.

105    Fir-rigward tal-interpretazzjoni sostnuta mir-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li argument fis-sens li “użu xieraq” għandu jinftiehem bħala użu li huwa 100 % “konformi mal-offerta” ma huwiex konċiljabbli mat-tifsira tat-termini “użu xieraq”. Fil-fatt, it-terminu “xieraq” jimplika użu li jibqa’ f’livell inqas minn użu tas-slots b’mod “konformi mal-offerta” sa 100 %, filwaqt li jkun ogħla minn ċertu livell minimu.

106    Issa, sa fejn ir-rikorrenti ssostni li t-termini “użu xieraq” għandhom jiġu interpretati bħala li jirreferu, bħala prinċipju, għal użu “konformi mal-offerta”, filwaqt li tirriżerva lill-Kummissjoni ċertu marġni ta’ diskrezzjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk użu f’livell inqas minn “użu konformi mal-offerta” jistax ikun xieraq, għandu jiġi konkluż li l-interpretazzjoni tar-rikorrenti hija konċiljabbli mat-termini “użu xieraq”.

107    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li kemm l-interpretazzjoni adottata fid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll dik difiża mir-rikorrenti huma konċiljabbli mal-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, b’tali mod li s-sempliċi interpretazzjoni letterali tal-imsemmija dispożizzjonijiet ma hijiex konklużiva.

108    F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni setgħetx tikkunsidra, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-“użu xieraq” li jinsab fil-klawżola 1.10 tal-impenji finali kellu jinftiehem bħala li jfisser l-assenza ta’ “użu abbużiv”, huwa meħtieġ, l-ewwel nett, li jiġu ċċarati l-prinċipji rilevanti għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-espressjoni “użu xieraq” sabiex, sussegwentement, jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni applikatx l-imsemmija prinċipji mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi.

 Fuq il-prinċipji ta’ interpretazzjoni tal-espressjoni “konformi mal-offerta”

109    L-ewwel, bħala regola ġenerali u kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni biss it-termini tagħha iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li hija tagħmel parti minnha (ara s-sentenza tas-7 ta’ Mejju 2019, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, T‑239/17, EU:T:2019:289, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata), għalkemm il-formulazzjoni ċara u preċiża tistabbilixxi l-limitu għall-interpretazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2010, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit, C‑582/08, EU:C:2010:429, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, il-qrati tal-Unjoni jużaw b’mod regolari l-interpretazzjoni sistematika.

110    Peress li l-impenji finali jagħmlu, skont il-paragrafu 200 tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, parti integrali minn din tal-aħħar, il-prinċipji mfakkra fil-punt 109 iktar ’il fuq japplikaw għall-interpretazzjoni tal-imsemmija impenji, fatt li huwa barra minn hekk irrikonoxxut mill-partijiet.

111    It-tieni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli speċifiċi ta’ interpretazzjoni speċifikati fit-tielet paragrafu tal-impenji finali.

112    Għalhekk, l-impenji finali għandhom jiġu interpretati fid-dawl tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, fil-kuntest ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari fid-dawl tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet, u b’riferiment għall-Avviż tal-Kummissjoni dwar ir-rimedji aċċettabbli taħt ir-Regolament [dwar il-konċentrazzjonijiet] u r-Regolament [ta’ Implimentazzjoni] (ĠU 2008, C 267, p. 1, iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar ir-rimedji aċċettabbli”).

113    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, għandu jitfakkar li din ġiet adottata skont l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet, moqri flimkien mal-Artikolu 6(2) tal-imsemmi regolament, jiġifieri fl-istadju tal-investigazzjoni preliminari, jiġifieri matul il-fażi I.

114    Skont il-ġurisprudenza, l-impenji proposti matul il-fażi I għandhom jippermettu lill-Kummissjoni tikkunsidra li l-operazzjoni nnotifikata ma għadhiex tqajjem dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern fl-istadju tal-investigazzjoni preliminari. B’hekk, dawn l-impenji jippermettu li jiġi evitat li tinfetaħ fażi ta’ investigazzjoni fil-fond (ara s-sentenza tat-13 ta’ Mejju 2015, Niki Luftfahrt vs Il-Kummissjoni, T‑162/10, EU:T:2015:283, punt 290 u l-ġurisprudenza ċċitata).

115    L-Artikolu 8(2) tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet fil-fatt jippermetti lill-Kummissjoni torbot deċiżjoni li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern, skont il-kriterju ddefinit fl-Artikolu 2(2) tal-imsemmi regolament, ma’ kundizzjonijiet u ma’ oneri intiżi li jiġi żgurat li l-impriżi kkonċernati josservaw l-impenji li jkunu ħadu fir-rigward tagħha sabiex il-konċentrazzjoni tkun kompatibbli mas-suq intern (ara s-sentenza tat-13 ta’ Mejju 2015, Niki Luftfahrt vs Il-Kummissjoni, T‑162/10, EU:T:2015:283, punt 291 u l-ġurisprudenza ċċitata).

116    Fid-dawl kemm tal-importanza tal-interessi finanzjarji u tal-interessi industrijali jew kummerċjali inerenti għal dan it-tip ta’ operazzjonijiet kif ukoll tas-setgħat li għandha l-Kummissjoni f’dan il-qasam, huwa fl-interess tal-impriżi kkonċernati li jiffaċilitaw ix-xogħol tal-amministrazzjoni. Dawn l-istess raġunijiet jobbligaw ukoll lill-Kummissjoni tuża l-ikbar diliġenza fl-eżerċizzju tal-missjoni tagħha ta’ kontroll ta’ konċentrazzjonijiet (ara s-sentenza tat-13 ta’ Mejju 2015, Niki Luftfahrt vs Il-Kummissjoni, T‑162/10, EU:T:2015:283, punt 292 u l-ġurisprudenza ċċitata).

117    Għandu jiġi rrilevat ukoll li, fil-kuntest tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li taċċetta biss impenji ta’ natura li jagħmlu l-operazzjoni nnotifikata kompatibbli mas-suq intern (ara s-sentenza tat-13 ta’ Mejju 2015, Niki Luftfahrt vs Il-Kummissjoni, T‑162/10, EU:T:2015:283, punt 293 u l-ġurisprudenza ċċitata).

118    F’dan ir-rigward, għandu jitqies li impenji proposti minn waħda mill-partijiet fil-konċentrazzjoni jissodisfaw dan il-kriterju biss meta l-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni li tikkonkludi, b’ċertezza, li ser ikun possibbli li dawn l-impenji jiġi implimentati u li r-rimedji li jirriżultaw minnhom ser ikunu suffiċjentement vijabbli u dejjiema sabiex il-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti jew l-ostakoli għal kompetizzjoni effettiva, li l-impenji jkollhom l-għan li jipprekludu, ma jkunux jistgħu jseħħu f’futur relattivament qrib (ara s-sentenza tat-13 ta’ Mejju 2015, Niki Luftfahrt vs Il-Kummissjoni, T‑162/10, EU:T:2015:283, punt 294 u l-ġurisprudenza ċċitata).

119    Il-Kummissjoni għandha marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni sabiex tevalwa l-ħtieġa li jinkisbu impenji sabiex jitneħħew id-dubji serji mqajma minn konċentrazzjoni (ara s-sentenza tat-13 ta’ Mejju 2015, Niki Luftfahrt vs Il-Kummissjoni, T‑162/10, EU:T:2015:283, punt 295 u l-ġurisprudenza ċċitata).

120    L-impenji meħuda matul il-fażi I għandhom l-għan li jneħħu d-dubji serji kollha dwar jekk il-konċentrazzjoni hijiex ser tostakola b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva fis-suq intern jew f’parti sostanzjali minnu, b’mod partikolari minħabba l-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti. Għaldaqstant, l-impenji meħuda matul il-fażi I għandhom ikunu, fid-dawl tal-portata u tal-kontenut tagħhom, ta’ natura li jippermettu lill-Kummissjoni tadotta deċiżjoni ta’ approvazzjoni mingħajr ma tiftaħ il-fażi II, fejn il-Kummissjoni setgħet tqis, mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, li l-imsemmija impenji kienu jikkostitwixxu risposta diretta u suffiċjenti ta’ natura li tneħħi b’mod ċar id-dubji serji kollha (ara s-sentenza tat-13 ta’ Mejju 2015, Niki Luftfahrt vs Il-Kummissjoni, T‑162/10, EU:T:2015:283, punt 297 u l-ġurisprudenza ċċitata).

121    Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-argument tar-rikorrenti li l-formola RM ma hijiex rilevanti għall-interpretazzjoni tat-termini tal-impenji finali, għandu jitfakkar li l-imsemmija impenji jipprevedu, fit-tielet paragrafu tagħhom, li huma għandhom jiġu interpretati, b’mod partikolari, fid-dawl tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet.

122    Issa, mill-Artikolu 23(1)(ċ) tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet jirriżulta li l-Kummissjoni hija awtorizzata tistabbilixxi, b’mod partikolari, il-proċedura u t-termini għall-preżentazzjoni u għall-eżekuzzjoni tal-impenji meħuda skont l-Artikolu 6(2) tal-imsemmi regolament. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, li l-Artikolu 20(1a) tiegħu jipprovdi li l-impriżi kkonċernati, meta jipproponu impenji msemmija fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet, għandhom jipprovdu fl-istess ħin oriġinal tal-informazzjoni u tad-dokumenti meħtieġa fil-formola RM dwar il-miżuri korrettivi li tinsab fl-Anness IV tiegħu.

123    B’hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, peress li l-eżistenza tal-formola RM tirriżulta mir-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet, it-termini tal-impenji finali għandhom, skont it-tielet paragrafu tagħhom, jiġu interpretati fid-dawl tal-imsemmija formola u ta’ dak li l-partijiet fl-amalgamazzjoni jindikaw fiha.

124    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-“kuntest ġenerali tad-dritt tal-Unjoni”, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, ir-Regolament dwar is-slots.

125    Fir-raba’ lok, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm għandhom l-għan li jwarrbu d-dubji serji dwar il-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni mas-suq intern, l-impenji huma rilevanti wkoll għat-terzi li jassumu l-attivitajiet tal-partijiet fil-konċentrazzjoni. Fil-fatt, il-kundizzjonijiet għat-tkomplija ta’ tali attivitajiet huma ddeterminati fil-parti l-kbira tagħhom mill-impenji.

 Fuq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni fid-dawl tal-indikazzjonijiet tal-formola RM

126    Skont il-punt 63 tad-deċiżjoni kkontestata, mill-formola RM ipprovduta mill-partijiet fl-amalgamazzjoni jirriżulta li l-impenji finali, fir-rigward tad-drittijiet ta’ anterjorità, huma simili ħafna, ħlief għal xi “kjarifiki u varjanti lingwistiċi minuri”, għal dawk sottoskritti fil-każ IAG/bmi. Issa, għalkemm jirreferu għal “użu xieraq”, l-impenji fil-każ IAG/bmi ma jirrikjedux li s-slots jintużaw matul il-perijodu ta’ użu b’mod “konformi mal-offerta”. Għaldaqstant, il-formulazzjoni ta’ “mod konformi mal-offerta” fl-impenji finali ma twassal għal ebda emenda fir-rekwiżiti dovuti għall-anterjorità f’din il-kawża u tikkostitwixxi sempliċi “varjazzjoni lingwistika minuri” meta mqabbla mal-impenji fil-każ IAG/bmi.

127    Ir-rikorrenti tikkontesta din il-konklużjoni filwaqt li tinvoka serje ta’ argumenti.

128    Sabiex tiġi eżaminata l-fondatezza tal-konklużjoni li waslet għaliha l-Kummissjoni fil-punt 63 tad-deċiżjoni kkontestata, għandhom, preliminarjament, jitfakkru l-obbligi rispettivi ta’ din tal-aħħar u tal-impriżi li jinnotifikaw konċentrazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-impenji.

129    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mid-dispożizzjonijiet tal-introduzzjoni tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni jirriżulta li l-formola RM “tispeċifika l-informazzjoni u d-dokumenti li għandhom jiġu sottomessi mill-impriżi kkonċernati fl-istess ħin li joffru l-impenji skond l-Artikolu 6(2)” tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet, u li, “[j]ekk [l-impriżi kkonċernati jqisu] li kwalunkwe informazzjoni partikolari mitluba minn din il-Formola tista’ ma tkunx meħtieġa għall-valutazzjoni tal-Kummissjoni, [huma jistgħu jitolbu] lill-Kummissjoni […] twarrab ċerti rekwiżiti, filwaqt li [jagħtu] raġunijiet adegwati għaliex dik l-informazzjoni ma tkunx rilevanti”.

130    Fil-paragrafu 7 tiegħu, l-Avviż dwar ir-rimedji aċċettabbli jipprevedi dan li ġej:

“Il-Kummissjoni trid tivvaluta jekk ir-rimedji proposti, ladarba jiġu implimentati, jeliminawx it-tħassib dwar il-kompetizzjoni identifikat. Il-partijiet biss għandhom l-informazzjoni kollha rilevanti meħtieġa għal valutazzjoni bħal din, b’mod partikolari dwar il-fattibbiltà tal-impenji proposti u l-vijabbiltà u l-kompetittività tal-assi li ġie propost li jinbiegħu. Għalhekk hija r-responsabbiltà tal-partijiet li jipprovdu dik l-informazzjoni kollha disponibbli li tkun meħtieġa għall-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-proposta għar-rimedji. Għal dan il-għan, ir-[Regolament ta’ Implimentazzjoni] jobbliga lill-partijiet li qed jippreżentaw in-notifika biex, flimkien mal-impenji, jipprovdu informazzjoni dettaljata dwar il-kontenut tal-impenji offruti, il-kondizzjonijiet għall-implimentazzjoni tagħhom u juru l-idoneità tagħhom biex ineħħu kwalunkwe impediment sinifikanti għal kompetizzjoni effettiva, kif ġie stabbilit fl-anness għar-[Regolament ta’ Implimentazzjoni] (il-‘Formola RM’) […]”

131    Barra minn hekk, fil-paragrafu 79 tal-Avviż dwar ir-rimedji aċċettabbli, huwa ppreċiżat dan li ġej:

“Sabiex tiġi ffurmata l-bażi ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 6(2) [tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet], il-proposti għall-impenji jridu jilħqu r-rekwiżiti li ġejjin:

(a)      għandhom jispeċifikaw b’mod sħiħ l-impenji sostantivi u li jimplimentaw li daħlu għalihom il-partijiet;

[…]”

132    Barra minn hekk, il-paragrafu 82 tal-Avviż dwar ir-rimedji aċċettabbli jipprovdi kif ġej:

“Minħabba limiti ta’ żmien fil-fażi I, huwa partikolarment importanti li l-partijiet jissottomettu fi żmien xieraq lill-Kummissjoni l-informazzjoni meħtieġa fir-[Regolament ta’ Implimentazzjoni] sabiex tivvaluta b’mod xieraq il-kontenut u l-prattiċità tal-impenji u l-idoneità tagħhom biex iżommu l-kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni fuq bażi permanenti […]”

133    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tirrileva, mingħajr ma ġiet kontradetta fuq dan il-punt mir-rikorrenti, li, fid-dawl tal-volum kbir ta’ fatti u ta’ data li hija għandha teżamina fil-kuntest ta’ proċeduri skont ir-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet u fid-dawl tal-ħtieġa ta’ ħeffa li jitolbu dawn il-proċeduri, b’mod partikolari fil-każ ta’ approvazzjoni fi tmiem il-fażi I b’miżuri korrettivi, l-informazzjoni pprovduta mill-impriżi fil-formoli RM hija ta’ importanza kbira sabiex tkun tista’ tevalwa b’mod xieraq il-kontenut, l-għan, il-vijabbiltà u l-effettività tal-impenji proposti fit-termini limitati li għandha għad-dispożizzjoni tagħha. Il-formola RM hija intiża li tiżgura ċ-ċarezza tal-impenji proposti u li tevita li dawn ikun fihom “żwiemel ta’ Troy”. Barra minn hekk, il-formola RM tiddeskrivi l-komprensjoni li l-impriża stess għandha tal-impenji li hija tipproponi.

134    F’dan il-każ, għandu jitfakkar li huwa paċifiku li l-impenji finali huma differenti testwalment mill-impenji fil-każ IAG/bmi.

135    Fil-fatt, kif jirriżulta minn paragun bejn il-klawżola 1.9 tal-impenji finali u l-klawżola 1.3.1 tal-impenji fil-każ IAG/bmi, l-espressjoni “servizz mingħajr waqfa bejn il-par ta’ ajruporti b’mod konformi mal-offerta ppreżentata skont il-klawżola 1.24” iddaħħlet fl-impenji finali minflok l-espressjoni “l-par ta’ bliet ikkonċernat li fir-rigward tiegħu dawn is-slots kienu ġew ittrasferiti” adottata fl-impenji fil-każ IAG/bmi.

136    Bl-istess mod, b’differenza mill-impenji finali, l-impenji fil-każ IAG/bmi kienu jinkludu taqsima, li kienet intitolata “Għoti ta’ drittijiet ta’ anterjorità tas-slots”, dwar il-perijodu ta’ użu, l-għoti ta’ drittijiet ta’ anterjorità u l-“użu abbużiv”.

137    Barra minn hekk, huwa paċifiku, kif imfakkar fil-punti 23 sa 27 iktar ’il fuq, li l-partijiet fl-amalgamazzjoni indikaw, kemm fil-formola RM tat-18 ta’ Lulju 2013 kif ukoll f’dik tat-30 ta’ Lulju 2013, li l-impenji tagħhom kienu essenzjalment ibbażati fuq l-impenji fil-każ IAG/bmi. Barra minn hekk, fit-taqsima tal-formola RM dwar id-devjazzjonijiet mit-testi standard, huwa ppreċiżat li l-punti li fihom l-impenji finali kienu jiddevjaw mill-impenji fil-każ IAG/bmi, bl-eċċezzjoni ta’ “varjanti lingwistiċi minuri jew il-kjarifiki meħtieġa miċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ”, kienu identifikati sabiex “tiġi ffaċilitata l-evalwazzjoni tal-impenji”. Fil-parti tal-formola RM dwar il-bidliet, il-partijiet fl-amalgamazzjoni ma indikaw ebda differenza fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet ta’ anterjorità meta mqabbla mal-impenji fil-każ IAG/bmi.

138    B’hekk, jew iż-żieda “konformi mal-offerta” li tinsab fil-klawżola 1.9 tal-impenji finali hija biss “varjant lingwistiku minuri” mingħajr rabta mad-drittijiet ta’ anterjorità, jew dawn it-termini huma intiżi li jintroduċu emenda sostanzjali meta mqabbla mal-impenji fil-każ IAG/bmi sa fejn jirrigwardaw id-drittijiet ta’ anterjorità. Issa, f’dan l-aħħar każ, il-partijiet fl-amalgamazzjoni kien imisshom identifikaw din l-emenda fil-formola RM.

139    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-konklużjoni tal-Kummissjoni li d-differenza bejn it-test tal-impenji finali u dak tal-impenji fil-każ IAG/bmi tikkostitwixxi biss “varjant lingwistiku minuri” tidher li ma hijiex żbaljata.

140    Peress li huwa stabbilit li t-test tal-impenji finali huwa differenti minn dak tal-impenji fil-każ IAG/bmi, hija r-rikorrenti li għandha turi li, minkejja l-indikazzjonijiet li jinsabu fil-formola RM, il-frażi “konformi mal-offerta” ma tikkostitwixxix sempliċi “varjant lingwistiku minuri”.

141    F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti tqajjem serje ta’ argumenti intiżi li jikkontestaw il-konklużjoni tal-Kummissjoni li tinsab fil-punt 63 tad-deċiżjoni kkontestata u li juru r-rilevanza tal-frażi “konformi mal-offerta” għall-interpretazzjoni tal-espressjoni “użu xieraq” li tinsab fil-klawżola 1.10 tal-impenji finali u, għalhekk, għall-għoti ta’ drittijiet ta’ anterjorità.

142    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li mill-paragrafu 7 tal-Avviż dwar ir-rimedji aċċettabbli, imfakkar fil-punt 113 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-obbligu li l-Kummissjoni tiġi informata permezz ta’ spjegazzjonijiet mogħtija fil-formola RM huwa bbażat fuq il-fatt li l-partijiet fl-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni jkollhom ħafna drabi esklużivament informazzjoni li tkun indispensabbli sabiex jiġu evalwati l-impenji u li għalhekk għandha tissemma fil-formola RM. Madankollu, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet ta’ anterjorità, il-partijiet fl-amalgamazzjoni ma kellhomx tali informazzjoni esklużiva u l-Kummissjoni kienet fl-istess pożizzjoni bħalhom sabiex tevalwa t-tifsira tal-frażi “konformi mal-offerta”.

143    Dan l-argument ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, peress li l-formola RM tipprevedi, fit-Taqsima 3 tagħha, l-obbligu għall-partijiet fl-amalgamazzjoni li jindikaw id-devjazzjonijiet mit-testi standard, il-partijiet għandhom jissodisfaw din il-kundizzjoni, irrispettivament mill-motivi li jiġġustifikaw l-eżistenza ta’ din ir-regola.

144    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma tistax issostni b’mod utli li l-Kummissjoni, minflok ma bbażat ruħha fuq dak li kien jirriżulta mill-indikazzjonijiet mogħtija mill-partijiet fl-amalgamazzjoni fil-formola RM, kien imissha evalwat it-tifsira tal-frażi “konformi mal-offerta” filwaqt li tinjora dak li l-partijiet fl-amalgamazzjoni kienu indikaw fil-formola RM.

145    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li ma kienx neċessarju li, fil-formola RM, tiġi indikata d-differenza bejn l-impenji proposti u l-impenji fil-każ IAG/bmi, sa fejn la l-partijiet fl-amalgamazzjoni u lanqas il-Kummissjoni ma kienu qiesu, f’dak iż-żmien, li l-inklużjoni tat-termini “konformi mal-offerta” kienet importanti, peress li din l-inklużjoni kienet sempliċement teżiġi mingħand il-kompetitur ħaġa waħda evidenti, jiġifieri li josserva l-wegħdiet tiegħu.

146    Dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

147    Fil-fatt, sa fejn, konformement mal-prinċipju ta’ “slots użati jew slots mitlufa”, kif irregolat fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar is-slots, limitu minimu ta’ 80 % ta’ użu huwa suffiċjenti, ma jistax jitqies li huwa evidenti li l-kompetitur huwa mistenni jopera, bħala prinċipju, is-servizz bl-ajru li huwa s-suġġett tal-offerta tiegħu f’livell ta’ 100 % sabiex ikun jista’ jikseb drittijiet ta’ anterjorità.

148    Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti juri li l-partijiet fl-amalgamazzjoni kienu diġà jaħsbu, fiż-żmien tan-negozjati tal-impenji mal-Kummissjoni, li l-frażi “konformi mal-offerta” kienet tobbliga lill-kompetitur jipprovdi servizz bl-ajru b’mod konformi mal-offerta tiegħu sabiex ikun jista’ jikseb drittijiet ta’ anterjorità.

149    Madankollu, sa fejn l-obbligu ta’ użu “konformi mal-offerta” ma jirriżultax mit-test tal-impenji fil-każ IAG/bmi, il-partijiet fl-amalgamazzjoni kienu mistennija jidentifikaw, fil-formola RM, id-differenza fit-test tal-impenji proposti bħala bidla sostanzjali, sabiex b’hekk jiġbdu l-attenzjoni tal-Kummissjoni għal din l-emenda.

150    Peress li l-partijiet fl-amalgamazzjoni naqsu milli jressqu dan l-element għall-attenzjoni tal-Kummissjoni, bi ksur tal-obbligi li jirriżultaw mill-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka dan insostenn tal-interpretazzjoni tagħha tal-impenji finali.

151    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li ma kienx neċessarju li tissemma, fil-formola RM, il-frażi “konformi mal-offerta” li tinsab fil-klawżola 1.9 tal-impenji finali, minħabba l-fatt li s-sinjifikat tagħha huwa evidenti u minħabba li ma għandha xejn li huwa ambigwu jew ekwivoku.

152    Dan l-argument ma jistax jirnexxi.

153    Qabel kollox, peress li t-Taqsima 3 tal-formola RM tobbliga lill-partijiet jindikaw kull devjazzjoni mit-testi standard, il-fatt li differenza ta’ test tikkonsisti fiż-żieda ta’ espressjoni mhux ambigwa jew mhux ekwivoka huwa irrilevanti.

154    Barra minn hekk, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, ir-rilevanza ta’ dawn it-termini għall-għoti ta’ drittijiet ta’ anterjorità bl-ebda mod ma hija stabbilita.

155    Fil-fatt, skont l-istruttura tad-dispożizzjonijiet tal-impenji fil-każ IAG/bmi kkonċernati li tirriżulta mill-mod kif huma organizzati, il-kundizzjonijiet dwar il-kisba tad-drittijiet ta’ anterjorità huma rregolati mill-klawżola 1.3.2 tagħhom, li tikkorrispondi għall-klawżola 1.10 tal-impenji finali, filwaqt li l-klawżola 1.3.1 tagħhom, li tikkorrispondi għall-klawżola 1.9 ta’ dawn tal-aħħar, għandha l-għan li tispeċifika s-“servizz bl-ajru kompetittiv” li jista’ jiġi operat matul il-perijodu ta’ użu.

156    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma kinitx meħtieġa tikkunsidra li ż-żieda tat-termini “konformi mal-offerta” fil-klawżola 1.9 tal-impenji finali kellha tkun rilevanti għall-għoti ta’ drittijiet ta’ anterjorità.

157    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li mill-formola RM, mimlija mill-partijiet fl-amalgamazzjoni, jirriżulta li d-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet ta’ anterjorità tal-impenji finali għandhom l-istess tifsira bħal dawk tal-impenji fil-każ IAG/bmi, bl-eċċezzjoni ta’ “varjanti lingwistiċi minuri”.

158    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kien imissha fehmet id-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet ta’ anterjorità f’sens ieħor huwa infondat.

159    Fir-raba’ lok, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-iskambji bejn il-partijiet fl-amalgamazzjoni u l-Kummissjoni matul il-perijodu li fih din tal-aħħar eżiġiet li l-imsemmija partijiet jinkludu “drittijiet ta’ anterjorità” fl-impenji tagħhom, il-Kummissjoni tindika, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, li hija “għandha x’tifhem” li, bejn it-18 u l-25 ta’ Lulju 2013, kienet inżammet diskussjoni “bejn il-partijiet dwar ċerti diverġenzi bejn [il-proposta ta’ impenji] tas-16 ta’ Lulju 2013 u l-impenji fil-‘każ IAG/bmi’”.

160    Madankollu, ir-rikorrenti fl-ebda mument, la matul il-fażi bil-miktub tal-proċedura, la bi tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali, u lanqas bi tweġiba għall-indikazzjonijiet tal-Kummissjoni mfakkra fil-punt 159 iktar ’il fuq, ma sostniet li l-partijiet fl-amalgamazzjoni kienu informaw espliċitament lill-Kummissjoni, matul in-negozjati dwar l-impenji, dwar il-mod kif kienu qegħdin jifhmu l-impenji, jiġifieri li l-kompetitur kien obbligat jipprovdi servizz bl-ajru b’mod konformi mal-offerta tiegħu sabiex ikun jista’ jikseb drittijiet ta’ anterjorità.

161    Issa, sa fejn, kif imfakkar fil-punt 140 iktar ’il fuq, hija r-rikorrenti li għandha turi li l-partijiet fl-amalgamazzjoni kienu ġibdu l-attenzjoni tal-Kummissjoni għad-differenza fit-test eżistenti bejn l-impenji finali u d-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet ta’ anterjorità tal-impenji fil-każ IAG/bmi, u sa fejn ir-rikorrenti ma tressaq l-ebda element utli dwar l-iskambji bejn il-partijiet fl-amalgamazzjoni u l-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 159 iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li l-partijiet fl-amalgamazzjoni ma kinux ressqu din id-differenza, fit-test tal-impenji, għall-għarfien tal-Kummissjoni matul dawn l-iskambji.

162    Fil-ħames lok, ir-rikorrenti ssostni li mill-oriġini tal-impenji finali jirriżulta li l-frażi “konformi mal-offerta” ġejja mill-impenji fil-każ A++, li jikkostitwixxu “l-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku” tal-impenji dwar is-slots tal-kumpanniji tal-ajru. Barra minn hekk, f’diversi aspetti, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq dawn l-impenji fil-kuntest tan-negozjati li wasslu għall-impenji finali. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ssostni li l-partijiet fl-amalgamazzjoni ma kinux mistennija jindikaw din iż-żieda meta mqabbla mal-każ IAG/bmi.

163    Dan l-argument ma jistax jirnexxi, sa fejn huwa infondat fil-fatt.

164    L-ewwel, il-formulazzjoni riprodotta tal-impenji fil-każ A++ ma tikkostitwixxix l-“l-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku”, tal-inqas fir-rigward tad-drittijiet ta’ anterjorità.

165    Fil-fatt, huwa paċifiku li l-impenji fil-każ A++ ma kinux jipprovdu għall-għoti ta’ drittijiet ta’ anterjorità. Il-klawżola 1.2.6 tal-imsemmija impenji għalhekk ma kinitx tikkonċerna l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ drittijiet ta’ anterjorità.

166    Barra minn hekk, huwa għal din ir-raġuni li l-partijiet fl-amalgamazzjoni kienu mistennija jintroduċu fl-impenji tagħhom, fuq talba espliċita tal-Kummissjoni, dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet ta’ anterjorità tat-tip bħal dawk li jidhru fl-impenji fil-każ IAG/bmi.

167    Barra minn hekk, il-fatt, imfakkar mir-rikorrenti, li, għal ċerti elementi tal-impenji finali, il-Kummissjoni talbet lill-partijiet fl-amalgamazzjoni sabiex jispiraw ruħhom mill-impenji fil-każ A++ huwa irrilevanti. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet fil-każ A++ li għalihom tirreferi r-rikorrenti ma humiex relatati mad-drittijiet ta’ anterjorità.

168    It-tieni, l-affermazzjonijiet tar-rikorrenti dwar l-oriġini tal-impenji finali huma ineżatti.

169    Il-partijiet fl-amalgamazzjoni ssottomettew lill-Kummissjoni, fl-10, fl‑14, fis-16 u fil-25 ta’ Lulju 2013, verżjonijiet differenti tal-impenji fformulati minnhom sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tevalwa dawn l-impenji.

170    Huwa minnu li l-frażi “b’mod konformi mal-offerta” iddaħħlet fil-proposta ta’ impenji tal-14 ta’ Lulju 2013, kif, barra minn hekk, rifless fil-verżjoni pparagunata stabbilita mir-rikorrenti u msemmija fil-punt 11 iktar ’il fuq.

171    Madankollu, ma teżistix rabta ta’ kontinwità bejn id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-proposta ta’ impenji tal-14 ta’ Lulju 2013 u l-klawżola 1.9 tal-impenji finali.

172    Fil-fatt, il-klawżoli 1.9 sa 1.11 tal-impenji finali ma humiex emenda tal-klawżoli preċedenti korrispondenti, iżda jikkostitwixxu test ġdid, inkluż f’daqqa fl-impenji tas-16 ta’ Lulju 2013, kif jirriżulta mill-verżjoni pparagunata bejn il-proposta ta’ impenji tal-14 ta’ Lulju 2013 u l-proposta ta’ impenji tas-16 ta’ Lulju 2013, ipprovduta mir-rikorrenti bħala Anness A 7 tar-rikors tagħha.

173    Barra minn hekk, dan huwa kkorroborat mir-rikorrenti stess, li tirrikonoxxi, fil-punt 127 tar-rikors, li l-partijiet fl-amalgamazzjoni ħadu l-impenji fil-każ IAG/bmi bħala test bażiku għall-formulazzjoni tal-proposta ta’ impenji tas-16 ta’ Lulju 2013, b’tali mod li ma jistax jiġi sostnut li teżisti xi kontinwità bejn il-klawżola 1.11 tal-proposta ta’ impenji tal-14 ta’ Lulju 2013 u l-klawżola 1.9 tal-impenji finali.

174    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat ukoll li, kif tfakkar fil-punt 12 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni talbet espliċitament, f’żewġ okkażjonijiet, li jiġu inklużi drittijiet ta’ anterjorità fl-impenji, filwaqt li ppreċiżat, fl-ittra elettronika tagħha tat-13 ta’ Lulju 2013, li kellhom jiġu introdotti drittijiet ta’ anterjorità “tat-tip bħal dawk” proposti fil-każ IAG/bmi.

175    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, b’reazzjoni għal din it-talba, il-partijiet fl-amalgamazzjoni speċifikaw li drittijiet ta’ anterjorità kienu ġew inklużi “konformement mat-talba” tal-Kummissjoni, kif jirriżulta mill-ittra elettronika li magħha ntbagħtet il-proposta ta’ impenji tas-16 ta’ Lulju 2013, li tinkludi għall-ewwel darba dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet ta’ anterjorità, identiċi għal dawk li jinsabu fl-impenji finali.

176    Barra minn hekk, il-partijiet fl-amalgamazzjoni kkonfermaw, fil-formoli RM tat-18 u tat-30 ta’ Lulju 2013, li kienu qegħdin jikkonformaw ruħhom mal-impenji fil-każ IAG/bmi, mingħajr ma għamlu l-iċken riferiment għal diverġenza f’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet ta’ anterjorità.

177    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq l-oriġini tal-impenji finali u fuq l-allegata natura ta’ “l-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku” tal-impenji fil-każ A++ ma jistgħux jintlaqgħu.

178    Fis-sitt lok, ir-rikorrenti ssostni li d-differenza fit-test bejn l-impenji tagħha u dawk fil-każ IAG/bmi, u b’mod partikolari l-frażi “b’mod konformi mal-offerta”, hija dovuta għall-fatt li, kuntrarjament għall-każ IAG/bmi, il-każ ineżami kien jikkonċerna biss konnessjoni bl-ajru waħda.

179    Sa fejn l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti għandhom jinftiehmu fis-sens li l-bidliet fil-formulazzjoni għandhom jiġu interpretati bħala “kjarifiki meħtieġa miċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ”, konformement mal-indikazzjonijiet li jinsabu fil-formola RM, dan l-argument lanqas ma jista’ jintlaqa’.

180    Minn naħa, dan l-argument huwa kontradett mir-rikorrenti stess. Fil-fatt, hija tafferma, fil-paragrafu 3 tat-tweġibiet bil-miktub tagħha tal-14 ta’ Frar 2020 għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali, li l-partijiet fl-amalgamazzjoni ma kkunsidrawx li l-frażi “konformi mal-offerta” kienet taqa’ taħt il-kunċett ta’ “kjarifiki meħtieġa miċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ”.

181    Min-naħa l-oħra u fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li n-numru ta’ konnessjonijiet bl-ajru huwa kompletament irrilevanti fir-rigward tal-kwistjoni dwar f’liema livell għandhom jintużaw is-slots sabiex ikun hemm “użu xieraq” għall-finijiet tal-għoti ta’ drittijiet ta’ anterjorità.

182    Għandhom jiġu eżaminati wkoll, fis-seba’ lok, xi affermazzjonijiet oħra tar-rikorrenti. Fil-fatt, hija ssostni li l-Kummissjoni kien imissha ntebħet bil-bidla li saret fit-test tal-impenji finali meta mqabbla mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-impenji fil-każ IAG/bmi u “kien imissha evalwat il-formulazzjoni u l-implikazzjonijiet eventwali tagħha”. Barra minn hekk, fit-tweġibiet tagħha għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali, hija tqis li l-Kummissjoni pparagunat “b’mod metikoluż” it-test tad-dispożizzjonijiet rilevanti u kienet, dak iż-żmien, fehmet u approvat il-fatt li kienu ġew riprodotti “elementi tekniċi” tal-impenji fil-każ A++.

183    Issa, ir-rikorrenti tafferma, fl-istess ħin, li, “[f]ir-realtà, ħadd ma kellu raġunijiet għalfejn jeżamina l-formulazzjoni speċifika li hija inkwistjoni hawnhekk” u li “ma kienx neċessarju, la għall-partijiet [fl-amalgamazzjoni] u lanqas għall-Kummissjoni, li jeżaminaw il-formulazzjoni” inkwistjoni.

184    Fi kwalunkwe każ, l-argumenti tar-rikorrenti ma jistgħux jintlaqgħu.

185    Sa fejn ir-rikorrenti għandha tinftiehem fis-sens li hija tafferma li l-Kummissjoni kienet konxja mill-bidla fil-formulazzjoni dovuta għall-inklużjoni tal-frażi “konformi mal-offerta”, l-argument huwa irrilevanti.

186    Fil-fatt, il-Kummissjoni tidher li tirrikonoxxi li hija kienet ikkonstatat il-bidliet fit-test tal-impenji. Madankollu, minn dan iżda ma jirriżultax li l-Kummissjoni kien imissha kkonkludiet li dawn il-bidliet kienu sostanzjali għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “użu xieraq” li jinsab fil-klawżola 1.10 tal-impenji finali u ma kinux sempliċi “varjant lingwistiku minuri”.

187    Għall-istess raġunijiet, l-argument fis-sens li l-Kummissjoni kienet fehmet u approvat il-fatt li kienu ġew riprodotti “elementi tekniċi” tal-impenji fil-każ A++ ma jistax jipprevali.

188    Fil-fatt, meta kklassifikat il-frażi “konformi mal-offerta” bħala “varjant lingwistiku minuri”, il-Kummissjoni qieset preċiżament din iż-żieda bħala element “tekniku” u mhux sostanzjali.

189    Jekk l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti jinftiehmu fis-sens li l-Kummissjoni, li kieku kienet wettqet l-eżami tagħha bid-diliġenza meħtieġa, kienet mhux biss tinduna bil-bidla fit-test, iżda kienet tifhem ukoll din il-bidla bħala rilevanti u sostanzjali għall-għoti ta’ drittijiet ta’ anterjorità, għandu jiġi kkonstatat li tali argument ma huwiex fondat.

190    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tirreferi għall-obbligi rispettivi tal-Kummissjoni u tal-impriżi li jinnotifikaw konċentrazzjoni, kif esposti fil-punti 129 sa 133 iktar ’il fuq.

191    Huwa minnu li, kif tfakkar fil-punt 116 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni hija obbligata “tuża l-ikbar diliġenza fl-eżerċizzju tal-missjoni tagħha ta’ kontroll ta’ konċentrazzjonijiet”.

192    Madankollu, dan l-obbligu ma għandux l-għan li jeżonera lill-impriżi li jinnotifikaw konċentrazzjoni mill-obbligu tagħhom li jipprovdu, fil-formola RM, informazzjoni preċiża u korretta.

193    Fil-fatt, impriża li tkun ipprovdiet informazzjoni fil-formola RM ma tistax issostni, bħala prinċipju, li l-Kummissjoni għandha tinjora l-imsemmija informazzjoni u għandha teżamina b’iktar attenzjoni t-test tal-impenji proposti.

194    Issa, l-argument tar-rikorrenti jimplika preċiżament li l-Kummissjoni kien imissha fehmet il-frażi “konformi mal-offerta” bħala rilevanti għall-għoti ta’ drittijiet ta’ anterjorità, u dan minkejja l-fatt li l-informazzjoni pprovduta mill-partijiet fl-amalgamazzjoni fil-formola RM kellha sens differenti.

195    Madankollu, f’dan il-każ, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra, mingħajr ma twettaq żball, il-frażi “konformi mal-offerta” li tinsab fil-klawżola 1.9 tal-impenji finali bħala irrilevanti għall-għoti ta’ drittijiet ta’ anterjorità.

196    Fil-fatt, fid-dawl tal-oriġini tal-impenji, imfakkra fil-punti 169 sa 175 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma kinitx meħtieġa tikkunsidra li d-differenza bejn it-test tal-proposti ta’ impenji tal-14 ta’ Lulju 2013 u dak tal-proposti ta’ impenji tas-16 ta’ Lulju 2013 kienet ta’ natura sostanzjali.

197    Dan jgħodd iktar u iktar sa fejn, skont l-istruttura tad-dispożizzjonijiet tal-impenji fil-każ IAG/bmi kkonċernati li tirriżulta mill-mod li bih huma organizzati, il-kundizzjonijiet li jirregolaw il-kisba ta’ drittijiet ta’ anterjorità huma rregolati f’dawn l-impenji mill-klawżola li tikkorrispondi għall-klawżola 1.10 tal-impenji finali.

198    B’hekk, sa fejn ir-rikorrenti emendat, permezz tal-frażi “konformi mal-offerta”, il-klawżola 1.9 tal-impenji finali, il-Kummissjoni kellha inqas raġunijiet għalfejn tassumi li din il-bidla fit-test setgħet tkun xi ħaġa oħra għajr “varjant lingwistiku minuri” fis-sens tal-formola RM.

199    Barra minn hekk, li kieku l-partijiet fl-amalgamazzjoni kellhom l-intenzjoni li jagħtu sens differenti lid-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet ta’ anterjorità li jinsabu fl-impenji finali meta mqabbla ma’ dawk li jinsabu fl-impenji fil-każ IAG/bmi, huma setgħu u kellhom jinformaw lill-Kummissjoni b’dan permezz ta’ indikazzjoni ċara fil-formola RM.

200    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti ma rnexxilhiex tinvalida l-konklużjoni misluta fil-punt 63 tad-deċiżjoni kkontestata. Minn dan isegwi li l-formulazzjoni “konformi mal-offerta” li tinsab fil-klawżola 1.9 tal-impenji finali tikkostitwixxi sempliċi “varjant lingwistiku minuri” meta mqabbla mal-impenji fil-każ IAG/bmi, li jistabbilixxu li l-għoti ta’ drittijiet ta’ anterjorità ma huwiex suġġett għar-rekwiżit li s-servizz bl-ajru jkun operat matul il-perijodu ta’ użu b’mod konformi mal-offerta.

 Fuq l-interpretazzjoni sistematika tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni

201    Skont il-punt 57 tad-deċiżjoni kkontestata, il-fatt li l-impenji finali jinkludu definizzjoni tal-“użu abbużiv”, iżda mhux tal-“użu xieraq”, għandu t-tendenza li jindika l-eżistenza ta’ ekwivalenza bejn “użu xieraq” u “assenza ta’ użu abbużiv”. Għalhekk, sitwazzjoni li ma tikkorrispondix għal “użu abbużiv” tas-slots tista’ titqies li taqa’ taħt “użu xieraq”.

202    Il-punt 64 tad-deċiżjoni kkontestata jindika li d-drittijiet ta’ anterjorità huma rregolati mill-klawżola 1.10 tal-impenji finali, filwaqt li l-klawżola 1.9 tirrigwarda l-għan tal-impenn fuq is-slots. Għalhekk, ikun kuntrarju għall-istruttura tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni li l-għoti ta’ drittijiet ta’ anterjorità jkun suġġett għal kundizzjonijiet ibbażati fuq il-klawżola 1.9 tal-impenji finali.

203    Ir-rikorrenti tikkontesta din l-interpretazzjoni permezz ta’ serje ta’ argumenti.

204    Fl-ewwel lok, għall-finijiet tal-eżami tal-interpretazzjoni tal-Kummissjoni adottata fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel, li, fir-rigward tal-assimilazzjoni tal-“użu xieraq” mal-assenza ta’ “użu abbużiv” fis-sens tal-klawżola 1.13 tal-impenji finali, kif imwettqa fid-deċiżjoni kkontestata, huwa kkonstatat, fil-punt 100 iktar ’il fuq, li t-termini “użu xieraq” ma humiex kompletament operattivi fihom infushom, iżda jeħtieġu kuntest ta’ referenza li fir-rigward tiegħu jkun jista’ jiġi ddeterminat dak li jikkonsisti, f’dan il-każ, użu li jista’ jiġi kklassifikat bħala “xieraq”.

205    F’dawn iċ-ċirkustanzi, xejn ma jipprekludi, b’mod ġenerali, li wieħed jibbaża ruħu fuq dispożizzjonijiet oħra tal-impenji finali sabiex jagħti tifsira preċiża lill-kunċett ta’ “użu xieraq”.

206    It-tieni, l-assimilazzjoni tal-“użu xieraq” mal-assenza ta’ “użu abbużiv” fis-sens tal-klawżola 1.13 tal-impenji finali hija ġġustifikata minn diversi aspetti.

207    L-ewwel nett, il-kunċett ta’ “użu abbużiv” għandu tifsira li tista’ tinftiehem bħala “użu b’mod mhux adegwat jew b’mod li ma kienx previst”, kif ġie kkonstatat fil-punt 103 iktar ’il fuq, b’tali mod li tkun f’lokha assimilazzjoni tal-“użu xieraq” mal-assenza ta’ “użu abbużiv”.

208    Sussegwentement, ir-rikorrenti tikkritika lill-intervenjenti li ma użats is-slots b’mod sħiħ. Issa, il-klawżola 1.13(b) tal-impenji finali tirregola preċiżament il-każ ta’ nuqqas ta’ użu b’mod sħiħ tas-slots billi tikklassifikah bħala “użu abbużiv”.

209    Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li, fl-impenji fil-każ IAG/bmi, li l-partijiet fl-amalgamazzjoni kellhom jieħdu, fuq talba espliċita mill-Kummissjoni, bħala mudell għad-drittijiet ta’ anterjorità fl-impenji finali, id-dispożizzjonijiet dwar l-“użu abbużiv” jidhru fi ħdan it-taqsima intitolata “Għoti ta’ drittijiet ta’ anterjorità fuq is-slots”. Għaldaqstant, għandu jiġi deċiż li, skont il-mod kif huma strutturati dawn l-impenji, id-dispożizzjonijiet dwar l-“użu abbużiv” huma rilevanti għall-għoti ta’ drittijiet ta’ anterjorità.

210    Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, it-titoli tat-taqsima fit-testi ġuridiċi għandhom tifsira fir-rigward tal-interpretazzjoni sistematika tad-dispożizzjonijiet.

211    Issa, kif ġie kkonstatat fil-punt 200 iktar ’il fuq, il-partijiet fl-amalgamazzjoni kienu mistennija jintroduċu drittijiet ta’ anterjorità “tat-tip bħal dawk” proposti fil-każ IAG/bmi u l-Kummissjoni setgħet ġustament tikkunsidra li d-differenza bejn it-test tal-klawżola 1.3.1 ta’ dawn l-impenji u dak tal-klawżola 1.9 tal-impenji finali kienet tikkostitwixxi biss “varjant lingwistiku minuri” li ma jirriflettix rieda tal-partijiet fl-amalgamazzjoni li jagħtu tifsira differenti lid-drittijiet ta’ anterjorità previsti mill-impenji finali.

212    Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li d-dispożizzjonijiet dwar l-“użu abbużiv” jistgħu jkunu rilevanti f’dan il-każ għall-għoti ta’ drittijiet ta’ anterjorità.

213    Fit-tieni lok, kif diġà ssemma fil-punt 197 iktar ’il fuq, skont l-istruttura tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-impenji fil-każ IAG/bmi, il-kundizzjonijiet li jirregolaw il-kisba ta’ drittijiet ta’ anterjorità huma stipulati fil-klawżola 1.3.2 tagħhom, li tikkorrispondi għall-klawżola 1.10 tal-impenji finali, filwaqt li l-klawżola 1.3.1 tagħhom, li tikkorrispondi għall-klawżola 1.9 tal-impenji finali, għandha l-għan li tispeċifika s-“servizz bl-ajru kompetittiv” li jista’ jitwettaq matul il-perijodu ta’ użu.

214    Din l-istess struttura hija riprodotta fl-impenji finali, kif jirriżulta b’mod ċar mid-definizzjonijiet tat-termini li jinsabu fihom.

215    L-istruttura tad-dispożizzjonijiet testwali inkwistjoni ssir iktar ċara meta l-klawżoli dwar l-ispeċifikazzjoni tas-“servizz bl-ajru kompetittiv” tal-impenji fil-każijiet A++ u IAG/bmi jitqabblu mal-klawżola 1.9 tal-impenji finali.

216    Fil-fatt, mill-klawżola 1.2.6 tal-impenji fil-każ A++, li, barra minn hekk, ma jipprevedux possibbiltà ta’ kisba ta’ drittijiet ta’ anterjorità, jirriżulta li l-kompetitur huwa mistenni juża s-slots biss sabiex “jipprovdi s-servizzi proposti fl-offerta” u ma jistax jużahom sabiex iservi rotta oħra. F’dan ir-rigward, ir-riferiment għall-offerta jservi sabiex jiġi ppreċiżat l-użu legali tas-slots fuq ir-rotot ta’ ajruporti kkonċernati.

217    Fir-rigward tal-klawżola 1.3.1 tal-impenji fil-każ IAG/bmi dwar is-“servizz bl-ajru kompetittiv”, din tispeċifika, bħall-klawżola 1.2.6 tal-impenji fil-każ A++, l-użu legali tas-slots. Issa, minflok ma jsir riferiment, f’dan ir-rigward, għall-offerta tal-kompetitur, il-kunċett ta’ użu legali huwa speċifikat fl-ewwel sentenza, jiġifieri l-provvista ta’ servizz bejn il-par ta’ ajruporti kkonċernat. Madankollu, peress li, fil-każ IAG/bmi, il-kompetitur għandu l-possibbiltà li jikseb drittijiet ta’ anterjorità, li timplika preċiżament il-possibbiltà li s-slots jintużaw fuq kwalunkwe rotta ta’ ajruporti, kien utli li jiġi ċċarat, fit-tieni sentenza tal-klawżola 1.3.2, li l-projbizzjoni tal-użu tas-slots fuq par ieħor ta’ ajruporti ma tapplikax b’mod assolut, iżda biss matul il-perijodu ta’ użu u sakemm il-kompetitur ikun kiseb drittijiet ta’ anterjorità.

218    B’hekk, fil-kuntest tal-impenji fil-każ IAG/bmi, it-tieni sentenza tal-klawżola 1.3.1 tagħhom għandha tinftiehem bħala sempliċi kjarifika.

219    Il-klawżola 1.9 tal-impenji finali ssegwi, bħala prinċipju, il-mudell tal-klawżola 1.3.1 tal-impenji fil-każ IAG/bmi. Fil-fatt, fl-ewwel sentenza tal-klawżola 1.9 tal-impenji finali, l-użu legali tas-slots huwa speċifikat, permezz tal-indikazzjoni li, “bħala regola ġenerali”, il-kompetitur jista’ juża s-slots biss sabiex iservi l-konnessjoni bejn il-par ta’ bliet ikkonċernat. Fit-tieni sentenza tagħha, huwa ppreċiżat li din il-projbizzjoni ma tapplikax jekk il-kompetitur ikun opera dan is-servizz matul il-perijodu ta’ użu.

220    F’dawn iċ-ċirkustanzi, jirriżulta li ż-żieda tal-frażi “konformi mal-offerta”, sa fejn din il-frażi għandha tinftiehem bħala definizzjoni “de facto” tal-anterjorità, kif issostni r-rikorrenti, titbiegħed testwalment b’mod sinjifikattiv mill-mod kif huma strutturati d-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-impenji fil-każ IAG/bmi, li l-partijiet fl-amalgamazzjoni kienu mistennija jieħdu bħala mudell.

221    Fil-fatt, it-tieni sentenza tal-klawżola 1.3.1 tal-impenji fil-każ IAG/bmi hija intiża sempliċement li tiċċara l-fatt li l-projbizzjoni li jintużaw is-slots għal par ieħor ta’ bliet ma tapplikax fil-każ ta’ kisba ta’ drittijiet ta’ anterjorità. B’hekk, din is-sentenza ma tistabbilixxix rekwiżiti kwalitattivi li jikkundizzjonaw l-użu tas-slots għal rotot oħra.

222    Barra minn hekk, fl-impenji fil-każ A++, ir-riferiment għall-offerta tal-kompetitur iservi sempliċement sabiex jiġi ċċarat il-fatt li s-slots jistgħu jintużaw biss fuq ir-rotta stipulata fl-imsemmija offerta, mingħajr ma jimponi rekwiżiti fir-rigward tal-użu tas-slots.

223    Għalkemm minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-partijiet fl-amalgamazzjoni, billi għaqdu flimkien id-dispożizzjonijiet riprodotti fl-impenji fil-każ IAG/bmi u parti minn sentenza misluta mill-impenji fil-każ A++, tbiegħdu mill-impenji fil-każ IAG/bmi li madankollu huma kienu mistennija jieħdu bħala mudell, għandu jiġi osservat li l-interpretazzjoni li l-klawżola 1.9 tal-impenji finali tinkludi d-definizzjoni “de facto” tad-drittijiet ta’ anterjorità ma hijiex konċiljabbli, minn diversi aspetti, mal-istruttura tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni.

224    L-ewwel, kif jirriżulta mill-klawżoli 1.9 u 1.10 tal-impenji finali u kif huwa, barra minn hekk, ikkorroborat mill-parti “definizzjonijiet” tal-imsemmija impenji, l-ewwel klawżola hija intiża li tispeċifika l-użu tas-slots li jista’ jitwettaq matul il-perijodu ta’ użu filwaqt li t-tieni waħda tispeċifika l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex jinkisbu drittijiet ta’ anterjorità.

225    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ikun kuntrarju għall-istruttura tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni li t-tieni sentenza tal-klawżola 1.9 tal-impenji finali tiġi kkunsidrata bħala li hija d-definizzjoni “de facto” tal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ drittijiet ta’ anterjorità.

226    It-tieni, jekk tiġi segwita t-teżi li l-klawżola 1.9 tal-impenji finali tinkludi definizzjoni “de facto” tal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ drittijiet ta’ anterjorità, mhux biss ikunu jeżistu żewġ definizzjonijiet ta’ dan il-kunċett, iżda dan iwassal għal kundizzjonijiet kontradittorji għall-għoti ta’ drittijiet ta’ anterjorità.

227    Fil-fatt, minn naħa, mit-tieni sentenza tal-klawżola 1.9 tal-impenji finali jirriżulta li l-kompetitur għandu jkun opera s-servizz bl-ajru b’mod “konformi mal-offerta” matul il-perijodu ta’ użu u, min-naħa l-oħra, mill-klawżola 1.10 tal-impenji finali jirriżulta li l-kompetitur għandu jkun għamel “użu xieraq” tas-slots matul il-perijodu ta’ użu.

228    F’dan ir-rigward, l-argument tar-rikorrenti intiż li jelimina din il-kontradizzjoni ma jistax jirnexxi.

229    Skont ir-rikorrenti, sabiex “jiġi evitat kunflitt bejn il-klawżola 1.9 u l-klawżola 1.10” tal-impenji finali, għandu jiġi eżaminat, sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ “użu xieraq”, jekk is-slots ġewx operati b’mod “konformi mal-offerta”.

230    Madankollu, l-argument tar-rikorrenti jimplika li, qabel kollox, il-frażi “konformi mal-offerta” li tinsab fil-klawżola 1.9 tal-impenji finali tiġi stabbilita bħala kundizzjoni għall-għoti ta’ drittijiet ta’ anterjorità, u b’hekk tinħoloq kontradizzjoni mal-klawżola 1.10 tal-imsemmija impenji, sabiex, sussegwentement, tiġi eliminata din il-kontradizzjoni billi l-“użu xieraq” jiġi assimilat mal-użu “konformi mal-offerta”.

231    Issa, tali approċċ interpretattiv mhux biss huwa ta’ natura artifiċjali, iżda jmur ukoll kontra l-fatt li mill-klawżola 1.10 tal-impenji finali jirriżulta espliċitament li din il-klawżola tinkludi d-definizzjoni tad-drittijiet ta’ anterjorità, li tistipula l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dawn id-drittijiet.

232    It-tielet, mill-eżami dwar ir-rilevanza tal-indikazzjonijiet li jinsabu fil-formola RM jirriżulta li l-frażi “konformi mal-offerta” hija biss “varjant lingwistiku minuri”.

233    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-approċċ tar-rikorrenti li jikkonsisti fl-istabbiliment tal-frażi “konformi mal-offerta” bħala kundizzjoni sostanzjali għall-għoti ta’ drittijiet ta’ anterjorità, li tissostitwixxi fil-prattika l-kundizzjoni stabbilita espliċitament fil-klawżola 1.10 tal-impenji finali, ma jistax jiġi sostnut.

234    B’hekk, jirriżulta li d-diffikultà ta’ interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “użu xieraq” li jinsab fil-klawżola 1.10 tal-impenji finali tirriżulta mill-fatt li l-partijiet fl-amalgamazzjoni inkludew it-termini “konformi mal-offerta” fil-klawżola 1.9 tal-imsemmija impenji. Fil-fatt, minflok ma użaw dispożizzjonijiet tat-tip bħal dawk tal-impenji fil-każ IAG/bmi, kif talbet espliċitament il-Kummissjoni, il-partijiet fl-amalgamazzjoni għażlu li jamalgamaw id-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-impenji ma’ elementi meħuda mill-impenji fil-każ A++, filwaqt li żiedu l-espressjoni “konformi mal-offerta” fil-klawżola 1.9 tal-impenji finali.

235    Fit-tielet lok, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma rnexxilhiex tressaq argumenti dwar l-istruttura tad-dispożizzjonijiet rilevanti li jinsabu fl-impenji finali li jistgħu jikkontestaw l-assimilazzjoni tal-“użu xieraq” mal-assenza ta’ “użu abbużiv” fis-sens tal-klawżola 1.13 tal-imsemmija impenji.

236    Ir-rikorrenti ssostni f’dan il-kuntest, l-ewwel, li d-dispożizzjonijiet dwar l-“użu abbużiv” previsti fil-klawżoli 1.13 u 1.14 tal-impenji finali għandhom l-għan speċifiku tagħhom, li jimplika li t-termini “użu abbużiv” li jinsabu fil-klawżola 1.13 tal-impenji finali ma jistgħux jintużaw sabiex tiġi ddeterminata t-tifsira tat-termini “użu xieraq” li jinsabu fil-klawżola 1.10 tal-imsemmija impenji.

237    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tirrileva li l-impenji dwar is-slots aċċettati mill-Kummissjoni fil-passat kienu jinkludu klawżoli dwar “użu abbużiv” anki meta ma kinux jipprevedu drittijiet ta’ anterjorità, bħal pereżempju l-impenji fil-każ A++.

238    F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti ssostni, barra minn hekk, li l-għan tal-klawżoli dwar “użu abbużiv” huwa li jiġu protetti l-integrità tal-impenn fuq is-slots u l-kumpannija tal-ajru li tqiegħed għad-dispożizzjoni s-slots.

239    Dawn l-argumenti huma irrilevanti. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, kif ġustament tagħmel il-Kummissjoni, li l-fatt li d-dispożizzjonijiet dwar l-“użu abbużiv” għandhom għan speċifiku tagħhom ma jeskludix li l-klawżola 1.13 tal-impenji finali dwar l-“użu abbużiv” jista’ jkollha rilevanza wkoll sabiex jiġi ddeterminat dak li jikkostitwixxi “użu xieraq”.

240    It-tieni, ir-rikorrenti ssostni li l-eżami tal-“użu abbużiv” iseħħ, kif jirriżulta mill-klawżoli 1.13 u 1.14 tal-impenji finali, b’mod kontinwu matul il-perijodu ta’ użu tas-slots, jiġifieri matul sitt staġuni IATA, filwaqt li l-eżami tal-“użu xieraq” iseħħ, kif jirriżulta mill-klawżola 1.11 tal-impenji finali, fi tmiem il-perijodu ta’ użu.

241    Minn dan ir-rikorrenti tiddeduċi li huwa “assurd u artifiċjali” li jiġi eżaminat fi tmiem il-perijodu ta’ użu jekk kienx hemm “użu abbużiv”. Fil-fatt, ir-regoli stipulati fil-klawżola 1.14 tal-impenji finali jipprevedu li, fil-każ ta’ “użu abbużiv” tas-slots mill-kompetitur, għandu jiġi tterminat il-ftehim dwar il-liberalizzazzjoni ta’ slots, b’tali mod li “kompetitur f’sitwazzjoni ta’ abbuż ma jistax jilħaq it-tmiem tal-perijodu ta’ użu u jippretendi l-għoti ta’ drittijiet ta’ anterjorità”.

242    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-fatt li l-eżami tal-“użu abbużiv” isir b’mod kontinwu matul il-perijodu ta’ użu ma jimplikax, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, li eżami ulterjuri, fil-kuntest tal-eżami ta’ “użu xieraq”, ma jagħmilx sens. Fil-fatt, dejjem jista’ jkun il-każ li l-proċedura prevista fil-klawżola 1.14 tal-impenji finali ma tkunx ġiet segwita, li l-kompetitur ikun temm, fit-terminu stabbilit, l-“użu abbużiv” jew li l-partijiet ma jsostnux id-dritt tagħhom li jxolju l-ftehim dwar il-liberalizzazzjoni ta’ slots minħabba abbuż min-naħa tal-kompetitur.

243    It-tielet, ir-rikorrenti ssostni li l-ekwivalenza bejn l-“użu xieraq” u l-assenza ta’ “użu abbużiv” tirrendi bla effett il-proċedura prevista fil-klawżola 1.11 tal-impenji finali, li tipprevedi li l-Kummissjoni, fuq parir mill-mandatarju, tapprova, jekk ikun il-każ, id-drittijiet ta’ anterjorità. Fil-fatt, sa fejn kompetitur josserva l-prinċipju ta’ “slots użati jew slots mitlufa” skont ir-Regolament dwar is-slots u barra minn hekk juża s-slots mingħajr “użu abbużiv”, dan tal-aħħar jingħata mill-ġdid ipso jure s-slots matul l-istaġun li jmiss ta’ ppjanar tal-iskeda skont l-Artikolu 8(2) tal-imsemmi regolament. Li kieku dan kien suffiċjenti sabiex tinkiseb l-anterjorità, l-impenji kienu jipprevedu li l-kompetitur għandu jitqies li għandu drittijiet ta’ anterjorità bil-kundizzjoni li jkun għadu jibbenefika mis-slots skont ir-Regolament dwar is-slots fi tmiem il-perijodu ta’ użu.

244    Issa, f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirrileva, fil-punt 83 tar-risposta, mingħajr ma hija kontradetta mir-rikorrenti, li din tal-aħħar tillimita b’mod żbaljat il-portata tad-dispożizzjonijiet dwar l-“użu abbużiv” li jinsabu fil-klawżola 1.13 tal-impenji finali għall-prinċipju ta’ “slots użati jew slots mitlufa”. Fil-fatt, mit-termini stess tal-klawżola 1.13 tal-impenji finali jirriżulta li s-sempliċi osservanza ta’ din ir-regola tal-aħħar ma hijiex biżżejjed sabiex tiġi kkonstatata l-assenza ta’ “użu abbużiv”.

245    Ir-raba’, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq allegata “sistema koerenti” ma jistax jipprevali.

246    F’dan ir-rigward, skont ir-rikorrenti, mill-klawżoli 1.1, 1.9, 1.10, 1.24, 1.26 u 1.27 tal-impenji finali jirriżulta li dawn jifformaw sistema koerenti li fiha slots jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-kompetituri sabiex joperaw frekwenza ta’ kuljum fuq il-par ta’ ajruporti inkwistjoni, fil-limitu ta’ seba’ frekwenzi fil-ġimgħa. Il-kompetituri għandhom jippreċiżaw, skont il-“kundizzjonijiet prinċipali” tal-offerta formali tagħhom, in-numru ta’ frekwenzi u, għalhekk, is-slots li huma jixtiequ jiksbu. L-offerti formali jiġu evalwati u, jekk ikun il-każ, ikklassifikati skont l-effettività tar-restrizzjoni kompetittiva li tiġi eżerċitata. F’dan ir-rigward, in-numru ta’ frekwenzi mitluba jikkostitwixxi kriterju ta’ evalwazzjoni. Ladarba s-slots jiġu allokati abbażi tal-offerta formali, il-kompetitur ikun mistenni jopera dawn is-slots b’mod konformi mal-offerta matul sitt staġuni konsekuttivi qabel ma jkun jista’ jiġi awtorizzat juża s-slots fuq par ieħor ta’ bliet skont l-evalwazzjoni intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kompetitur potenzjali għamilx “użu xieraq” tas-slots.

247    Għandu jiġi rrilevat li l-argument tar-rikorrenti huwa b’mod partikolari li tislet konklużjonijiet mid-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-offerta tal-kompetitur il-ġdid u l-evalwazzjoni ta’ din l-offerta għall-interpretazzjoni tat-termini “użu xieraq” li jinsabu fil-klawżola 1.10 tal-impenji finali dwar l-għoti ta’ drittijiet ta’ anterjorità.

248    Issa, kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-offerta tal-kompetitur il-ġdid u l-evalwazzjoni ta’ din l-offerta huma rilevanti għall-għoti ta’ slots korrettivi lill-kompetitur il-ġdid, iżda ma għandhomx, fuq il-livell sistematiku, il-funzjoni li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti mill-kompetitur il-ġdid għall-għoti ta’ drittijiet ta’ anterjorità. Għal din l-istess raġuni, ir-rikorrenti ma tistax tibbaża argument fuq l-evalwazzjoni tal-offerta tal-intervenjenti mill-Kummissjoni u mill-mandatarju indipendenti.

249    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, skont interpretazzjoni sistematika tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, il-kunċett ta’ “użu xieraq” li jinsab fil-klawżola 1.10 tal-impenji finali jista’ jinftiehem bħala l-assenza ta’ “użu abbużiv” fis-sens tal-klawżola 1.13 tal-imsemmija impenji. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma rnexxilhiex turi li l-interpretazzjoni sistematika adottata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata kienet kuntrarja għall-istruttura ġenerali tad-dispożizzjonijiet tal-impenji finali.

 Fuq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għan u l-kuntest tagħhom

250    Skont il-punti 54 sa 57 tad-deċiżjoni kkontestata, l-għoti ta’ drittijiet ta’ anterjorità huwa intiż li jinkoraġġixxi lil kompetitur potenzjali sabiex jopera r-rotta Londra-Philadelphia. Għal dan il-għan, huwa importanti li l-kriterji għall-għoti ta’ drittijiet ta’ anterjorità jkunu ċari u verifikabbli u jiżguraw iċ-ċertezza legali tal-kompetitur. Issa, hija biss l-interpretazzjoni fis-sens li l-“użu xieraq” għandu jinftiehem bħala l-assenza ta’ “użu abbużiv” fis-sens tal-klawżola 1.13 tal-impenji finali li tiżgura ċ-ċertezza legali neċessarja.

251    Ir-rikorrenti tikkontesta din l-interpretazzjoni permezz ta’ serje ta’ argumenti.

252    Ir-rikorrenti tikkritika b’mod partikolari l-interpretazzjoni li ġiet adottata fid-deċiżjoni kkontestata u li tinjora l-għan u l-kuntest tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni.

253    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-għan tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni li fir-rigward tiegħu għandu jiġi interpretat il-kunċett ta’ “użu xieraq”, ir-rikorrenti ssostni li l-għan tal-impenji finali huwa li jiġi żgurat li s-slots korrettivi jintużaw matul is-sitt staġuni tal-perijodu ta’ użu, b’mod li jipproduċu restrizzjoni kompetittiva massima u, għaldaqstant, il-massimu ta’ vantaġġi possibbli għall-konsumatur, billi jiġi riprodott b’mod partikolari, sa fejn huwa possibbli, is-servizz ta’ kuljum li qabel kienet topera US Airways. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti ssostni li l-għan tal-impenji finali huwa l-eliminazzjoni ta’ kull dubju serju mqajjem mill-amalgamazzjoni. B’hekk, l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni hija żbaljata, sa fejn tagħti wisq importanza lill-għan intiż li jirrendi s-slots iktar attraenti.

254    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-impenji jikkostitwixxu parti integrali mid-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni u għandhom jiġu interpretati fid-dawl ta’ din tal-aħħar, kif ġie kkonstatat fil-punt 112 iktar ’il fuq.

255    Kif jirriżulta b’mod partikolari mill-ewwel paragrafu tal-impenji finali, il-partijiet fl-amalgamazzjoni daħlu għal dawn l-impenji sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tikkonstata li huma jeliminaw id-dubji serji tagħha u sabiex b’hekk tiddikjara l-amalgamazzjoni kompatibbli mas-suq intern.

256    Fil-fatt, kif tirrikonoxxi r-rikorrenti fil-punt 14 tar-rikors, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-inklużjoni tad-drittijiet ta’ anterjorità kienet neċessarja sabiex jiġi eskluż kull dubju serju kkawżat mill-operazzjoni ta’ amalgamazzjoni.

257    F’dan ir-rigward, mill-paragrafu 179 tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni jirriżulta li l-impenji dwar is-slots kienu aċċettabbli għall-Kummissjoni biss sa fejn kien ċar biżżejjed li kompetitur ġdid kien effettivament ser jieħu s-slots.

258    B’hekk, l-għan iddikjarat tal-għoti ta’ drittijiet ta’ anterjorità kien, kif jirriżulta mill-punt 1.1 tal-formola RM tat-30 ta’ Lulju 2013 u kif huwa kkonfermat mill-paragrafu 181 tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, li l-offerta tas-slots issir iktar attraenti.

259    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni kkonkludiet, fil-punt 186 tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, li, b’mod partikolari fir-rigward tal-“indikazzjonijiet li jikkonċernaw dħul probabbli u fi żmien utli”, l-impenn dwar is-slots kien “element ewlieni tad-daħla probabbli u fi żmien utli fuq ir-rotta Londra-Philadelphia”.

260    Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 118 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni għandha tkun f’pożizzjoni li tikkonkludi, b’ċertezza, li ser ikun possibbli li l-impenji jiġu implimentati.

261    Minn dan jirriżulta li, kif ġie kkonstatat fil-punt 55 tad-deċiżjoni kkontestata, l-inklużjoni tad-drittijiet ta’ anterjorità fl-impenji finali kienet intiża li tinkoraġġixxi lil kompetitur jieħu s-slots, sabiex b’hekk tagħmel biżżejjed probabbli l-implimentazzjoni effettiva tal-impenji.

262    Għall-kuntrarju, l-argument tar-rikorrenti dwar il-“pressjoni kompetittiva massima”, li timplika b’mod partikolari li jiġi riprodott sa fejn huwa possibbli s-servizz ta’ kuljum li qabel kienet topera US Airways, ma jistax jintlaqa’.

263    Fil-fatt, l-ewwel, l-argument ibbażat fuq ir-restrizzjoni kompetittiva massima ma għandux bażi fid-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, kif jirriżulta mill-eżami mwettaq iktar ’il fuq. Jekk ir-rikorrenti tibbaża ruħha f’dan ir-rigward fuq il-paragrafi 180 u 186 tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li t-test stess ta’ dawn il-paragrafi ma jikkorroborax l-argument tagħha.

264    It-tieni, l-argument ibbażat fuq il-pressjoni kompetittiva massima lanqas ma huwa sostnut mid-dispożizzjonijiet tal-klawżoli 1.24 sa 1.27 tal-impenji finali dwar l-offerta tal-kompetitur potenzjali ġdid u dwar il-proċedura ta’ selezzjoni, li minnhom jirriżulta, skont ir-rikorrenti, li l-operatur li għandu jintgħażel huwa dak li jeżerċita l-iktar restrizzjoni kompetittiva effettiva.

265    Issa, f’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, fil-punt 248 iktar ’il fuq, ġie kkonstatat li d-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-offerta tal-kompetitur il-ġdid u l-evalwazzjoni ta’ din l-offerta huma rilevanti għall-għoti ta’ slots korrettivi lill-kompetitur il-ġdid, iżda ma humiex intiżi li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti mill-kompetitur il-ġdid għall-għoti ta’ drittijiet ta’ anterjorità.

266    It-tielet, in-natura stess tad-drittijiet ta’ anterjorità ma hijiex konċiljabbli mal-argument tar-rikorrenti li l-kunċett ta’ “użu xieraq” għandu jiġi interpretat b’mod li tiġi żgurata “pressjoni kompetittiva massima”.

267    Fil-fatt, l-għoti ta’ drittijiet ta’ anterjorità jimplika għall-kompetitur il-possibbiltà li juża s-slots fuq kwalunkwe rotta ta’ ajruporti wara perijodu ta’ użu ta’ sitt staġuni IATA. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-inklużjoni ta’ drittijiet ta’ anterjorità fl-impenji finali ma tistax issegwi l-għan li tinħoloq pressjoni kompetittiva massima fuq ir-rotta Londra-Philadelphia.

268    Ir-raba’, u fi kwalunkwe każ, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni għandha, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 119 u 120 iktar ’il fuq, setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tevalwa jekk l-impenji jikkostitwixxux reazzjoni diretta u suffiċjenti ta’ natura li tneħħi b’mod ċar kull dubju serju.

269    B’hekk, peress li l-Kummissjoni, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha fl-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, qieset li l-inklużjoni tal-possibbiltà li jinkisbu drittijiet ta’ anterjorità kienet neċessarja sabiex tagħmel is-slots iktar attraenti bil-għan li d-dħul ta’ kompetitur ikun suffiċjentement probabbli u sabiex l-impenji jkunu jistgħu jneħħu d-dubji tagħha dwar il-kompatibbiltà tal-amalgamazzjoni mas-suq intern, ir-rikorrenti ma tistax tissostitwixxi din l-evalwazzjoni bl-evalwazzjoni tagħha stess fis-sens li l-għoti tas-slots kellu l-għan li jiggarantixxi li tiġi eżerċitata restrizzjoni kompetittiva massima mill-kompetitur potenzjali fuq ir-rotta Londra-Philadelphia.

270    Dan jgħodd iktar u iktar sa fejn ir-rikorrenti ma tikkritikax lill-Kummissjoni li wettqet, fl-evalwazzjoni tagħha li wasslet għad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, żball manifest ta’ evalwazzjoni.

271    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-possibbiltà li jingħataw drittijiet ta’ anterjorità kellha l-għan li tirrendi s-slots iktar attraenti.

272    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tikkontesta l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni, mogħtija fil-punt 57 tad-deċiżjoni kkontestata, fis-sens li, sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali neċessarja, huwa meħtieġ li t-termini “użu xieraq” jiġu interpretati bħala li jirreferu għall-assenza ta’ “użu abbużiv” fis-sens tal-klawżola 1.13 tal-impenji finali.

273    Issa, skont ir-rikorrenti, l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “użu xieraq” bħala li jkopri użu “konformi mal-offerta” tiżgura ċertezza legali ikbar għall-kompetitur, peress li jkun huwa stess li jiddefinixxi l-kundizzjonijiet tal-offerta tiegħu. Il-fatt li l-kompetitur jitbiegħed mill-offerta tiegħu jista’ jkun, ċertament, sors ta’ inċertezza, iżda huwa stess ikun responsabbli għaliha.

274    F’dan ir-rigward, l-ewwel, għandha tiġi enfasizzata l-importanza taċ-ċertezza legali għall-kompetitur.

275    Għandu jitfakkar li mill-punt 125 iktar ’il fuq jirriżulta li t-test tal-impenji finali huwa wkoll rilevanti għat-terzi li jassumu l-attivitajiet tal-partijiet fil-konċentrazzjoni, sa fejn il-kundizzjonijiet għat-tkomplija ta’ tali attivitajiet huma ddeterminati fil-parti l-kbira tagħhom mill-impenji li, għalhekk, għandhom importanza għall-għażliet kummerċjali tagħhom u jistgħu joħolqu fihom aspettattivi leġittimi.

276    It-tieni, għandu jitfakkar li, skont l-interpretazzjoni sostnuta mir-rikorrenti, il-kunċett ta’ “użu xieraq” jimplika setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni sabiex tiddetermina jekk użu tas-slots li ma huwiex kompletament “konformi mal-offerta” jistax madankollu jitqies bħala “użu xieraq”.

277    Issa, bħala prinċipju, l-eżistenza stess ta’ tali setgħa diskrezzjonali favur il-Kummissjoni sabiex tiddeċiedi dwar id-drittijiet ta’ anterjorità għandha bħala konsegwenza li tirrendi l-għoti ta’ dawn id-drittijiet inqas prevedibbli għall-kompetitur milli kieku d-dispożizzjonijiet dwar l-“użu abbużiv” kienu applikabbli. Dan japplika iktar u iktar f’dan il-każ, sa fejn l-impenji finali ma jinkludux elementi ċari u preċiżi li fir-rigward tagħhom għandha tiġi eżerċitata din is-setgħa diskrezzjonali, bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-“użu abbużiv”, li, skont ir-rikorrenti, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni.

278    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni fis-sens li l-kunċett ta’ “użu xieraq” għandu jinftiehem bħala l-assenza ta’ “użu abbużiv” fis-sens tal-klawżola 1.13 tal-impenji finali hija konformi mal-għan tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni.

279    Fir-rigward, fit-tielet lok, ta’ interpretazzjoni fid-dawl tal-kuntest tal-impenji finali, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel, li fil-punt 124 iktar ’il fuq ġie deċiż li l-imsemmija impenji kellhom jiġu interpretati billi jittieħed inkunsiderazzjoni r-Regolament dwar is-slots.

280    F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li l-użu tas-slots mill-intervenjenti matul il-perijodu ta’ użu kien josserva r-rekwiżiti imposti fl-Artikolu 10(2) u (3) tar-Regolament dwar is-slots sabiex jinżammu s-slots.

281    Huwa minnu li l-fatt li l-użu tas-slots kien konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10(2) u (3) tar-Regolament dwar is-slots ma jimplikax neċessarjament li dan għandu jiġi kkunsidrat bħala “użu xieraq” fis-sens tal-klawżola 1.10 tal-impenji finali. Fil-fatt, kif tirrileva r-rikorrenti, l-għan imfittex mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10(2) u (3) tar-Regolament dwar is-slots għandu għan proprju li ma jistax jiġi konfuż mal-għan imfittex mill-għoti ta’ drittijiet ta’ anterjorità.

282    Issa, l-interpretazzjoni difiża mir-rikorrenti titbiegħed mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam.

283    B’hekk, sa fejn id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10(2) u (3) tar-Regolament dwar is-slots jikkostitwixxu qafas regolatorju ta’ referenza fl-Unjoni, seta’ jkun mistenni li, li kieku l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ drittijiet ta’ anterjorità kienu qegħdin jitbiegħdu minn dan il-qafas, dan kien jirriżulta b’mod ċar mit-test tal-impenji finali. Issa, kif jirriżulta mill-eżami mwettaq iktar ’il fuq, dan ma huwiex il-każ hawnhekk. Fil-fatt, l-interpretazzjoni sostnuta mir-rikorrenti hija essenzjalment ibbażata fuq il-frażi “konformi mal-offerta” li tinsab fil-klawżola 1.9 tal-impenji finali, li tikkostitwixxi biss, kif ġie kkonstatat fil-punt 200 iktar ’il fuq, “varjant lingwistiku minuri”.

284    It-tieni, ir-rikorrenti tenfasizza l-portata tal-użu limitat tas-slots mill-intervenjenti, li, fil-fehma tagħha, hija mingħajr preċedent, sabiex issostni li huwa inkonċepibbli li din tal-aħħar tista’, fid-dawl ta’ dan il-livell baxx b’mod mhux iġġustifikat ta’ użu, tippretendi l-għoti ta’ drittijiet ta’ anterjorità.

285    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li, skont il-kalkoli tagħha u jekk l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni kienet dik tajba, l-intervenjenti setgħet tuża s-slots biss sa 65 % u xorta waħda tkun tista’ tippretendi li tingħata drittijiet ta’ anterjorità, sitwazzjoni din li tikkomprometti l-għanijiet tal-impenji finali, u b’hekk turi li l-interpretazzjoni adottata mill-Kummissjoni hija żbaljata.

286    F’dan ir-rigward, mit-tabelli pprovduti mir-rikorrenti fil-punt 42 tar-rikors jirriżulta li l-użu b’mod limitat matul il-perijodu ta’ użu huwa, b’mod partikolari, dovut għall-fatt li l-intervenjenti tat lura 389 slot lill-koordinatur qabel l-iskadenza tat-terminu għar-restituzzjoni, filwaqt li 81 slot biss ma ntużawx minħabba kanċellazzjonijiet tat-titjiriet.

287    Barra minn hekk, minn dawn it-tabelli jirriżulta li l-użu tas-slots mill-intervenjenti, minbarra s-slots mogħtija lura, kien jammonta, matul il-perijodu ta’ użu, għal livell li jvarja bejn 92 % u 100 %.

288    Minn dan isegwi li l-portata tal-użu limitat ikkritikat mir-rikorrenti tirriżulta, b’mod partikolari, mill-fatt li l-intervenjenti użat il-possibbiltà, irrikonoxxuta fl-Artikolu 10(3) tar-Regolament dwar is-slots, li tagħti lura s-slots lill-koordinatur qabel l-iskadenza tat-terminu għar-restituzzjoni, li kellu bħala effett li s-slots mogħtija lura ma kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tar-rata ta’ użu ta’ 80 %, skont ir-regola stabbilita fl-Artikolu 10(2) tal-imsemmi regolament.

289    Issa, il-kwistjoni dwar jekk ir-riferiment, li jinsab fil-klawżola 1.13 tal-impenji finali, għall-prinċipju ta’ “slots użati jew slots mitlufa” tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar is-slots għandux jiġi interpretat fis-sens li jirreferi wkoll, b’mod impliċitu, għall-Artikolu 10(3) tal-imsemmi regolament, ma tqumx f’dan il-każ.

290    Fil-fatt, ir-rikorrenti ma tikkontestax, quddiem il-Qorti Ġenerali, id-deċiżjoni kkontestata sa fejn tapplika l-Artikolu 10(3) tar-Regolament dwar is-slots sabiex tikkonkludi, fil-punt 83 tagħha, li s-slots mogħtija lura ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ “slots użati jew slots mitlufa” u tal-limitu minimu ta’ 80 % li jirriżulta mill-Artikolu 10(2) tal-istess regolament. Ir-rikorrenti rrikonoxxiet espliċitament, fil-punt 7 tar-replika, li l-intervenjenti ma kinitx wettqet “użu abbużiv” fis-sens tal-klawżola 1.13 tal-impenji finali.

291    Fi kwalunkwe każ, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li anki użu tas-slots b’rata ta’ 65 % biss kien jippermetti li l-intervenjenti tingħata drittijiet ta’ anterjorità huwa ipotetiku. Fil-fatt, mit-tabelli pprovduti mir-rikorrenti jirriżulta li r-rata ta’ użu tas-slots mill-intervenjenti, anki jekk jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm is-slots mogħtija lura kif ukoll is-slots mhux użati minħabba kanċellazzjonijiet ta’ titjiriet, kienet tvarja bejn 76.4 % u 81 % matul is-sitt staġuni IATA. Issa, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jingħad, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, li l-għanijiet tal-impenji finali kienu kompromessi.

292    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-interpretazzjoni adottata fid-deċiżjoni kkontestata, fis-sens li l-kunċett ta’ “użu xieraq” għandu jinftiehem bħala l-assenza ta’ “użu abbużiv” fis-sens tal-klawżola 1.13 tal-impenji finali, hija sostnuta mill-għan tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni u mill-kuntest tagħhom.

 Il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali

293    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-interpretazzjoni adottata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, fis-sens li l-kunċett ta’ “użu xieraq” li jinsab fil-klawżola 1.9 tal-impenji finali għandu jiġi interpretat bħala li jirreferi għall-assenza ta’ “użu abbużiv” (misuse) fis-sens tal-klawżola 1.13 tal-imsemmija impenji, ma hijiex ivvizzjata bi żball u hija sostnuta kemm mill-interpretazzjoni letterali u sistematika tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni kif ukoll mill-interpretazzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-formola RM kif ukoll l-għan tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni u l-kuntest tagħhom.

294    Sa fejn ir-rikorrenti ma tikkontestax il-konklużjoni misluta fil-punti 77, 86 u 90 tad-deċiżjoni kkontestata, fis-sens li l-użu tas-slots mill-intervenjenti ma jikkostitwixxix “użu abbużiv” fis-sens tal-klawżola 1.13 tal-impenji finali, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta tat drittijiet ta’ anterjorità lill-intervenjenti, b’tali mod li r-rikors għandu jiġi miċħud.

295    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti tar-rikorrenti li ma ġewx ittrattati fil-kuntest tal-eżami mwettaq iktar ’il fuq u li jikkontestaw ir-raġunament magħmul mill-Kummissjoni fil-punti 58 sa 65 tad-deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħhom din tal-aħħar tirrifjuta l-interpretazzjoni difiża mir-rikorrenti, huma diretti kontra motivi superfluwi tal-imsemmija deċiżjoni u għalhekk huma ineffettivi. Għaldaqstant, ma hemmx lok li tiġi eżaminata l-fondatezza tagħhom.

296    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li hemm lok li l-ewwel motiv jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv

297    Permezz tat-tieni motiv tagħha, maqsum f’erba’ partijiet, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-elementi kollha rilevanti għall-għoti tad-drittijiet ta’ anterjorità. F’dan ir-rigward, hija tikkritika lill-Kummissjoni li naqset milli tevalwa l-profittabbiltà tas-servizzi pprovduti mill-intervenjenti meta mqabbla mal-valur tas-slots mogħtija (l-ewwel parti), l-effett tal-fatt li l-intervenjenti ma kinitx talbet li tikkonkludi ftehim speċjali dwar is-sehem (it-tieni parti), il-livell ta’ nuqqas ta’ użu tas-slots mill-intervenjenti fir-rigward ta’ każijiet oħra fl-Unjoni li jirrigwardaw impenji ppreżentati minn kumpanniji tal-ajru (it-tielet parti) u ż-żieda fl-effiċjenza murija mir-rikorrenti (ir-raba’ parti).

298    Il-Kummissjoni tqis li t-tieni motiv huwa ineffettiv.

299    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mill-punt 148 tar-rikors jirriżulta li r-rikorrenti “tinvoka dan il-motiv b’mod supplimentari u/jew sussidjarju insostenn tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari jekk il-Qorti Ġenerali tqis li huwa neċessarju li jittieħed inkunsiderazzjoni l-aġir partikolari tal-[intervenjenti] sabiex jiġi evalwat l-‘użu xieraq’, inklużi l-kundizzjonijiet li [din tal-aħħar] għandha tissodisfa sabiex il-Kummissjoni tagħtiha drittijiet ta’ anterjorità”.

300    Barra minn hekk, mill-punt 7 tar-replika jirriżulta li r-rikorrenti tirrikonoxxi espliċitament li l-intervenjenti ma għamlitx “użu abbużiv” tas-slots fis-sens tal-klawżola 1.13 tal-impenji finali, u “tikkonferma li r-rikors tagħha għandu jiġi miċħud jekk il-Qorti Ġenerali tqis li l-Kummissjoni kellha raġun tikkunsidra li l-unika analiżi li kienet meħtieġa sabiex jiġu approvati d-drittijiet ta’ anterjorità kienet tikkonsisti fil-verifika ta’ jekk [l-intervenjenti kinitx] wettqet ‘użu abbużiv’ fis-sens tal-klawżola 1.13 tal-impenji [finali]”.

301    Għalhekk, sa fejn, skont l-eżami mwettaq fil-kuntest tal-ewwel motiv, il-kunċett ta’ “użu xieraq” għandu jiġi interpretat bħala li jirreferi għall-assenza ta’ “użu abbużiv” fis-sens tal-klawżola 1.13 tal-impenji finali, ma huwiex neċessarju li tiġi eżaminata l-fondatezza tal-elementi invokati insostenn tat-tieni motiv.

302    Barra minn hekk, l-evalwazzjoni tad-diversi elementi invokati mir-rikorrenti fil-kuntest tat-tieni motiv tagħha, jiġifieri l-profittabbiltà tas-servizzi pprovduti mill-intervenjenti meta mqabbla mal-valur tas-slots mogħtija, l-effett tal-fatt li l-intervenjenti ma kinitx talbet li tikkonkludi ftehim speċjali dwar is-sehem, il-livell ta’ nuqqas ta’ użu tas-slots mill-intervenjenti fir-rigward ta’ każijiet oħra fl-Unjoni li jirrigwardaw impenji ppreżentati minn kumpanniji tal-ajru u, fl-aħħar nett, iż-żieda fl-effiċjenza murija mir-rikorrenti, hija irrilevanti għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ “użu abbużiv” fis-sens tal-klawżola 1.13 tal-impenji finali.

303    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud.

 C – Fuq it-tielet kap tat-talbiet tar-rikorrenti

304    Fir-rikors, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tieħu “kull deċiżjoni oħra xierqa fiċ-ċirkustanzi tal-kawża”.

305    Barra minn hekk, ir-rikorrenti titlob li l-Kummissjoni tiġi mistiedna tipproduċi diversi dokumenti.

306    Sussegwentement, ir-rikorrenti rtirat parti mit-talba tagħha għall-produzzjoni ta’ dokumenti filwaqt li żammet dik dwar l-offerta formali tal-intervenjenti tad-9 ta’ Ottubru 2014, dwar is-slots korrettivi, dwar ir-rapport tal-mandatarju tat-23 ta’ Ottubru 2014 li jevalwa l-offerta formali tal-intervenjenti dwar is-slots korrettivi, dwar il-verżjoni kunfidenzjali tad-deċiżjoni ta’ allokazzjoni ta’ slots u dwar il-verżjonijiet kunfidenzjali tar-rapporti ta’ konformità tat-tmiem tal-istaġun tal-mandatarju għas-sitt staġuni li jikkorrispondu għall-perijodu ta’ użu, inkluż i-rapport tal-mandatarju dwar l-anterjorità.

307    Fin-nota ta’ intervent, l-intervenjenti pproduċiet il-pjan tad-direzzjoni tan-negozju li jagħmel parti mill-offerta tagħha. Sa fejn ir-rikorrenti, fl-osservazzjonijiet tagħha fuq din in-nota, ma ttennix it-talba tagħha għall-produzzjoni tal-offerta kollha, iżda tikkonstata li l-intervenjenti “ipprovdiet l-offerta u l-pjan tad-direzzjoni tan-negozju”, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti rrinunzjat għat-talba għall-produzzjoni tal-offerta tal-intervenjenti.

308    Permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali talbet lill-Kummissjoni tipproduċi d-dokumenti li kienu għadhom mitluba mir-rikorrenti, bl-eċċezzjoni tal-“verżjonijiet kunfidenzjali tar-rapporti ta’ konformità tat-tmiem tal-istaġun tal-mandatarju għas-sitt staġuni li jikkorrispondu għall-perijodu ta’ użu”.

309    Fil-fatt, fir-rigward ta’ dawn id-dokumenti tal-aħħar, għandu jitfakkar li hija l-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa l-utilità ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u ta’ miżuri istruttorji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2015, Deutsche Börse vs Il-Kummissjoni, T‑175/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:148, punt 417 u l-ġurisprudenza ċċitata).

310    Issa, sa fejn mill-eżami mwettaq jirriżulta li għandu jiġi evalwat, għall-finijiet tal-għoti ta’ drittijiet ta’ anterjorità, jekk l-użu tas-slots mill-intervenjenti jikkostitwixxix “użu abbużiv” fis-sens tal-klawżola 1.13 tal-impenji finali u sa fejn huwa paċifiku bejn il-partijiet li dan ma huwiex il-każ, il-produzzjoni “tar-rapporti ta’ konformità tat-tmiem tal-istaġun tal-mandatarju” ma hijiex utli għas-soluzzjoni tat-tilwima.

311    Għalhekk, sa fejn jirrigwarda l-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ordnati mill-Qorti Ġenerali, it-tielet kap tat-talbiet għandu jiġi miċħud.

312    Jekk, għall-kuntrarju, jiġi interpretat bħala talba intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tagħti ordnijiet lill-Kummissjoni, it-tielet kap tat-talbiet ikollu jiġi ddikjarat inammissibbli. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ma huwiex il-kompitu tal-qorti tal-Unjoni li tagħti ordnijiet lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew li tieħu posthom fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità li hija teżerċita. Hija l-istituzzjoni kkonċernata li għandha, skont l-Artikolu 266 TFUE, tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiġi eżegwita sentenza mogħtija fil-kuntest ta’ rikors għal annullament (ara s-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2017, Icap et vs Il‑Kummissjoni, T‑180/15, EU:T:2017:795, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

313    Minn dan kollu li ngħad qabel jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

314    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li l-intervenjent għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

315    Peress li r-rikorrenti tilfet u peress li l-intervenjenti ma għamlitx talbiet relatati mal-ispejjeż, hemm lok li r-rikorrenti tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni, filwaqt li l-intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      American Airlines, Inc. hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

3)      Delta Air Lines, Inc. għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Kanninen

Jaeger

Półtorak

Porchia

 

Stancu

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Diċembru 2020.

Firem

Werrej



*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.