Language of document :

Rikors ippreżentat fl-10 ta' Frar 2012 - Planet vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-59/12)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Planet A.E. public limited consultancy company (Ateni, il-Greċja) (rappreżentant: V. Christianos, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara li l-ħlas tardiv mill-Kummissjoni tal-aħħar pagament tal-fondi pagabbli lir-rikorrenti fir-rigward ta' kuntratt ta' ħidma "Collaboration Environment for Strategic Innovation (Laboranova)", li jammonta għal EUR 20 665.17, jikkostitwixxi ksur tal-obbligi kuntrattwali tagħha u tordna lill-Kummissjoni tħallas lir-rikorrenti s-somma ta' EUR 20 665.17, fir-rigward tal-ispejjeż inkorsi mir-rikorrenti fir-raba' perijodu ta' riferiment ta' ħidma Laboranova, bl-interessi mit-12 ta' Ottubru 2011;

tiddikjara li r-rikorrenti ma hijiex obbligata li tirrimborsa lill-Kummissjoni l-pagament akkont li jammonta għal EUR 39 657.30 għall-perijodu P4 tal-ħidma Laboranova;

tordna lill-Kummissjoni sabiex tħallas lir-rikorrenti s-somma ta' EUR 30 000.00, bħala kumpens għad-dannu lir-reputazzjoni professjonali tar-rikorrenti li ġie kkawżat mill-ksur mill-Kummissjoni tas-sigriet professjonali, b'interessi kumpensatorji li jiddekorru mis-6 ta' Ottubru 2011 sal-għoti tas-sentenza f'din il-kawża u bl-interessi moratorji mill-għoti tas-sentenza f'dawn il-proċeduri sal-ħlas sħiħ; u

tordna lill-Kummissjoni sabiex tħallas l-ispejjeż tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' din il-kawża, ir-rikorrenti jgħaqqad żewġ rikorsi.

L-ewwel nett, rikors fir-rigward tar-responsabbiltà tal-Kummissjoni taħt il-kuntratt Nru 035262 għall-implementazzjoni tal-ħidma " Collaboration Environment for Strategic Innovation (Laboranova)", skont l-Artikolu 272 tat-TFUE. B'mod partikolari, ir-rikorrenti ssostni li, għalkemm hija wettqet bis-sħiħ u kif xieraq l-obbligi kuntrattwali tagħha, il-Kummissjoni, mingħajr ebda ġustifikazzjoni u kontra t-termini tal-imsemmi kuntratt u l-prinċipju ta' bona fide, irrifjutat li tħallas l-ispejjeż tar-rikorrenti għall-perijodu Ρ4 u ssospendiet il-ħlas lir-rikorrenti. Konsegwentement, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni hija obbligata li tħallasha s-somma ta' EUR 20 665.17 bl-interessi mit-12 ta' Ottubru 2011, kif stipulat fil-klawżola II 28(7) tal-Anness II tal-kuntratt, u li l-Kummissjoni ma hijiex intitolata li tipprova tirkupra mingħand Planet, ħlas lura tal-ħlas akkont għall-perijodu Ρ4, li jammonta għal EUR 39 657.30.

It-tieni nett, azzjoni fir-rigward tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Kummissjoni, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE. B'mod partikolari, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni, peress li għarrfet lill-koordinatur tal-ħidma bl-eżistenza ta' verifika finanzjarja fir-rigward tar-rikorrenti, pależament kisret ir-regoli fir-rigward tal-protezzjoni tas-segretezza professjonali, u konsegwentement ikkawżat dannu lir-reputazzjoni professjonali tar-rikorrenti. Għaldaqstant, ir-rikorrenti titlob kumpens għad-dannu morali subit bl-interessi (interessi kumpensatorji għall-perijodu li jiddekorri mid-data tal-komunikazzjoni illegali sal-għoti tas-sentenza f'din il-kawża u sal-ħlas sħiħ tal-kumpens dovut); espressament mingħajr preġudizzju għall-kumpens tad-dannu materjali kkawżat mill-aġir illegali tal-Kummissjoni imsemmi iktar 'il fuq.

____________