Language of document : ECLI:EU:F:2009:25

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

12 ta’ Marzu 2009

Kawża F-4/08

Johannes Hambura

vs

Il-Parlament Ewropew

“Servizz pubbliku – Persunal temporanju – Reklutaġġ – Proċedura ta’ għażla – Nuqqas ta’ ammissjoni – Avviż ta’ reklutaġġ PE/95/S – Nuqqas ta’ użu tal-applikazzjoni li tinsab f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea – Ammissibbiltà – Proċedura amministrattiva li għandha ssir qabel”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu J. Hambura jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament, tal-5 ta’ Diċembru 2007, li tiċħad il-kandidatura tiegħu bħala membru tal-persunal temporanju fl-impjieg bħala tabib li kien is-suġġett tal-avviż ta’ reklutaġġ PE/95/S (ĠU C 244 A, tat-18 ta’ Ottubru 2007, p. 5).

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. S. Hambura huwa kkundannat għall-ispejjeż kollha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Kompetizzjoni – Kundizzjonijiet għall-ammissjoni – Iffissar mill-avviż ta’ kompetizzjoni – Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III)

2.      Proċedura – Rikors promotur – Rekwiżiti proċedurali – Espożizzjoni dettaljata tal-motivi u tal-argumenti invokati quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21, u Anness I, Artikolu 7(3); Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 35(1)(e))

1.      Minkejja s-setgħa diskrezzjonali tiegħu, il-Bord tal-Għażla huwa marbut mit-test u, b’mod partikolari, mill-kundizzjonijiet ta’ ammissjoni stabbiliti permezz tal-avviż ta’ kompetizzjoni. Bħala prinċipju, l-istess jgħodd għall-amministrazzjoni li, b’dan il-mod, hija marbuta tosserva l-kundizzjonijiet ta’ ammissioni tal-kompetizzjonijiet, taħt piena li tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

(ara l-punt 46)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: 25 ta’ Marzu 2004, Petrich vs Il-Kummissjoni, T‑145/02, ĠabraSP p. I‑A‑101 u II‑447, punt 34;

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 11 ta’ Lulju 2006, Tas vs Il-Kummissjoni, F‑12/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑79 u II‑A‑1‑285, punt 43

2.      Skont l-Artikolu 35(1)(e) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, ir-rikors għandu jinkludi l-espożizzjoni tal-motivi u l-argumenti ta’ fatt u ta’ dritt invokati. Dawn l-elementi għandhom ikunu ċari u preċiżi biżżejjed sabiex jippermettu lill-parti konvenuta tħejji d-difiża tagħha u lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiddeċiedi fuq ir-rikors, fejn xieraq mingħajr informazzjoni oħra. Sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, jeħtieġ, sabiex rikors ikun ammissibbli, li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt, li fuqhom ikun ibbażat dan ir-rikors, jirriżultaw b’mod koerenti u li jinftiehem mit-test tar-rikors innifsu. Dan huwa iktar u iktar minnu peress li, skont l-Artikolu 7(3) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-fażi bil-miktub tal-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tinvolvi, bħala prinċipju, skambju wieħed ta’ risposti, ħlief jekk it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiddeċiedi mod ieħor. Dan il-fatt partikolari tal-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jispjega għalfejn, b’mod differenti minn dak li huwa previst quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza jew il-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-espożizzjoni tal-motivi u tal-argumenti fir-rikors ma tistax tkun sommarja. Tali flessibiltà għandha l-effett, fil-prattika, li ċċaħħad mill-biċċa l-kbira tal-utilità tagħha r-regola speċjali u posterjuri stabbilita fl-anness tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

(ara l-punti 49 u 50)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 28 ta’ April 1993, De Hoe vs Il-Kummissjoni, T‑85/92, Ġabra p. II‑523, punt 20; 21 ta’ Mejju 1999, Asia Motor Franza et vs Il‑Kummissjoni, T‑154/98, Ġabra p. II‑1703, punt 42; 15 ta’ Ġunju 1999, Ismeri Europa vs Il-Qorti tal-Awdituri, T‑277/97, Ġabra p. II‑1825, punt 29;

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 26 ta’ Ġunju 2008, Nijs vs Il-Qorti tal-Awdituri, F‑1/08, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000, punt 25, li hija s-suġġett ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, Kawża T‑376/08 P