Language of document :

Rikors ippreżentat fis-17 ta' Awwissu 2010 - ATC et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-333/10)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Partijiet

Rikorrenti: Animal Trading Company (ATC) BV (Loon op Zand, il-Pajjiżi l-Baxxi), Avicentra NV (Malle, il-Belġju), Borgstein birds and Zoofood Trading VOF (Wamel, il-Pajjiżi l-Baxxi), Bird Trading Company Van der Stappen BV (Dongen, il-Pajjiżi l-Baxxi), New Little Bird's srl (Anagni, l-Italja), Vogelhuis Kloeg (Zevenbergen, il-Pajjiżi l-Baxxi) u Pistone Giovanni (Westerlo, il-Belġju) (rappreżentanti: M. Osse u J. Houdijk, avukati)

Konvenuti: Il-Kummissjoni Ewropea u l-Unjoni Ewropea, irrappreżentati mill-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tordna lill-Unjoni Ewropea u/jew lill-Kummissjoni Ewropea tħallas kumpens għad-dannu li ġie subit mir-rikorrenti minħabba l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2005/760/KE 1, u/jew l-estensjoni tagħha permezz tad-Deċiżjoni 2005/862/KE 2, u/jew id-Deċiżjoni 2006/79/KE 3, u/jew id-Deċiżjoni 2006/405/KE 4, u/jew id-Deċiżjoni 2006/522/KE 5, u/jew id-Deċiżjoni 2007/21/KE 6, u/jew id-Deċiżjoni 2007/183/KE 7, u/jew l-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 318/2007 8;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Unjoni Ewropea, għall-ispejjeż tal-proċeduri u għall-ispejjeż extraġudizzjarji.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti jitolbu kumpens għad-dannu li ġie subit minnhom minħabba, l-ewwel nett, il-projbizzjoni tal-importazzjoni ta' għasafar maqbuda fis-selvaġġ, li daħlet fis-seħħ f'Ottubru 2005, it-tieni nett, l-estensjoni ta' din il-projbizzjoni, it-tielet nett, ir-restrizzjonijet li ilhom fis-seħħ mill-1 ta' Lulju 2007 fuq l-importazzjoni ta' għasafar u li, de facto, jissoktaw bil-projbizzjoni tal-importazzjoni ta' għasafar maqbuda fis-selvaġġ.

Fir-rigward tal-ewwel parti tar-rikors għad-danni tagħhom, li tikkonċerna l-adozzjoni tad-Direttiva 2005/570/KE, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.

L-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kellha biss setgħa diskrezzjonali limitata fl-eżerċizzju tal-poteri tagħha taħt l-Artikolu 18 tad-Direttiva 91/496 9 u li l-Kummissjoni eċċediet dawn il-poteri billi pprojbixxiet l-importazzjoni minn pajjiżi li fihom ma kienx hemm infezzjonijiet tal-influwenza tat-tjur jew fejn ma kienx hemm riskju konkret ta' kontaminazzjoni.

It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li anki jekk il-Kummissjoni jkollha marġni diskrezzjonali iktar wiesa' fl-eżerċizzju tal-poteri tagħha, il-Kummissjoni xorta wettqet ksur suffiċjentement serju. F'dan i-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni marret lil hinn mill-poteri tagħha, kisret il-prinċipju ta' proporzjonalità, kisret id-dritt ta' proprjetà u l-libertà li tiġi eżerċitata attività ekonomika, u kisret il-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi.

Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li huma sofrew minn dannu reali u ċert u li kien hemm rabta kawżali bejn dan id-dannu u l-azzjonijiet illegali tal-Kummissjoni.

It-tielet nett, ir-rikorrenti jsostnu li d-dannu li huma sofrew mhuwiex normali u huwa partikolari peress li jmur lil hinn mir-riskji assoċjati mal-attivitajiet fis-settur ikkonċernat. Fil-fehma tar-rikorrenti, l-introduzzjoni ta' projbizzjoni totali fuq l-importazzjoni ta' għasafar selvaġġi ma kinitx prevedibbli u poġġiet lill-persuni kkonċernati f'pożizzjoni partikolarment żvantaġġuża. Ir-rikorrenti jitolbu li l-Kummissjoni tinsab responsabbli anki jekk jitqies li hija aġixxiet b'mod korrett.

Fit-tieni parti tar-rikors għad-danni tagħhom, ir-rikorrenti jitolbu kumpens għad-dannu subit minħabba l-estensjonijiet tal-projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta' għasafar selvaġġi minn pajjiżi terzi. F'dan ir-rigward, huma jinvokaw l-istess tliet motivi li huma invokaw fl-ewwel parti tar-rikors għad-danni tagħhom.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jitolbu kumpens għad-dannu li ġie subit minnhom minħaba r-Regolament (KE) Nru 318/2007, li jipprovdi li l-importazzjoni ta' għasafar hija limitata għal għasafar li trabbew fil-magħluq u li joriġinaw f'numru żgħir minn pajjiżi terzi. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti jonvokaw tliet motivi.

L-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu li r-Regolament (KE) Nru 318/2007 ma għandux bażi legali definita. Huma jsostnu li d-Direttivi 91/496/KEE u 92/65/KEE 10 ma għandhomx bażi legali għall-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 318/2007 mill-Kummissjoni.

It-tieni nett, ir-rikorrenti jallegaw li kien hemm ksur tal-prinċipji ta' trattament ugwali u ta' proporzjonalità, flimkien ma' ksur tad-dritt għal negozju u d-dritt ta' proprjetà.

Ir-rikorrenti jkomplu jsostnu li huma sofrew dannu reali u ċert u li kien hemm rabta kawżali bejn dan id-dannu u l-azzjonijiet illegali tal-Kummissjoni.

It-tielet nett, fil-każ li jitqies li l-Kummissjoni aġixxiet b'mod korrett, ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali tistabbilixxi li l-Kummissjoni hija responsabbli għad-dannu subit minħabba r-Regolament (KE) Nru 318/2007.

____________

1 - Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/760/KE, tas-27 ta' Ottubru 2005, dwar ċerti miżuri ta' protezzjoni fir-rigward ta' suspett ta' influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja f'ċerti pajjiżi terzi għall-importazzjoni ta' għasafar maqbudin (ĠU 2006, L 349M, p. 519).

2 - Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/862/KE, tat-30 ta' Novembru 2005, li temenda d-Deċiżjonijet 2005/759/KE u 2005/760/KE dwar il-miżuri għall-ġlieda kontra l-influwenza tat-tjur f'għasafar oħra għajr it-tjur ta' l-irziezet (ĠU 2006, L 349M, p. 641).

3 - Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/79/KE, tal-31 ta' Jannar 2006, li temenda d-Deċiżjonijiet 2005/759/KE u 2005/760/KE f'dak li għandu x'jaqsam mal-estensjoni tal-perjodu ta' applikazzjoni tagħhom (ĠU 2007, L 118M, p. 138).

4 - Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/405/KE, tas-7 ta' Ġunju 2006, li temenda d-Deċiżjonijiet 2005/710/KE, 2005/734/KE, 2005/758/KE, 2005/759/KE, 2005/760/KE, 2006/247KE u 2006/265/KE rigward ċerti miżuri ta' protezzjoni li għandhom x'jaqsmu mal-influenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja (ĠU 2007, L 118M, p. 858).

5 - Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/522/KE, tal-25 ta' Lulju 2006, li temenda d-Deċiżjonijiet 2005/759/KE u 2005/760/KE rigward ċerti miżuri ta' ħarsien relatati mal-influwenza tat-tjur li għandha patoġeniċità għolja u l-movimenti ta' ċerti għasafar ħajjin fil-Komunità (ĠU 2007, L 118M, p. 1006).

6 - Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/21/KE, tat-22 ta' Diċembru 2006 li temenda d-Deċiżjoni 2005/760/KE rigward il-miżuri ta' ħarsien li għandhom x'jaqsmu mal-influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja u l-importazzjonijiet ta' għasafar għajr it-tjur fil-Komunità (ĠU L 219M,, p. 30).

7 - Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/183/KE, tat-23 ta' Marzu 2007, li temenda d-Deċiżjoni 2005/760/KE li għandha x'taqsam ma' ċerti miżuri protettivi fir-rigward ta' influwenza tat-tjur ta' patoġeniċità għolja f'ċerti pajjiżi terzi għall-importazzjoni ta' għasafar maqbudin (ĠU 2007, L 219M, p. 380).

8 - Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 318/2007, tat-23 ta' Marzu 2007, li tistipula l-kondizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali għall-importazzjoni ta' ċerti għasafar fil-Komunità u l-kondizzjonijiet ta' kwarantina tagħhom (ĠU 2008, L 56M, p. 165).

9 - Direttiva tal-Kunsill 91/496/KEE, tal-15 ta' Lulju 1991, li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni ta' kontrolli veterinarji fuq annimali li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi u li temenda d-Direttivi 89/662/KEE, 90/425/KEE u 90/675/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 12, p. 58).

10 - Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE, tat-13 ta' Lulju 1992, li tistabbilixxi l-ħtiġijiet dwar saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ ta', u l-importazzjoni fil-Komunità ta' annimali, semen, ova u embrijuni mhux suġġetti għal ħtiġijiet ta' saħħa tal-annimali meħtieġa f'regoli speċifiċi tal-Komunità li hemm referenza għalihom fl-Anness A (1) ta' Direttiva 90/425/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 13, p. 154).