Language of document : ECLI:EU:C:2016:487

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

30 ta’ Ġunju 2016 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikoli 20 u 21 TFUE – Direttiva 2004/38/KE – Punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) – Regolament (KEE) Nru 1612/68 ‑ Artikolu 12 – Dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni – Żwieġ bejn ċittadin tal-Unjoni u ċittadin ta’ pajjiż terz – Atti ta’ vjolenza konjugali – Divorzju wara t-tluq taċ-ċittadin tal-Unjoni – Żamma tad-dritt ta’ residenza taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li għandu l-kustodja ta’ wliedhom, li huma ċittadini tal-Unjoni”

Fil-Kawża C‑115/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) [qorti tal-appell (l-Ingilterra u Wales) (taqsima ċivili), ir-Renju Unit], permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Frar 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑6 ta’ Marzu 2015, fil-proċedura

Secretary of State for the Home Department

vs

NA,

fil-preżenza ta’:

Aire Centre,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), President tal-Awla, A. Arabadjiev, J.‑C. Bonichot, C. G. Fernlund, u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Frar 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal NA, minn A. Gonzalez, solicitor, B. Asanovic, barrister, kif ukoll minn T. de la Mare, QC,

–        għal Aire Centre, minn T. Buley, barrister, u R. Drabble, QC, maħtura minn L. Barratt, solicitor,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn V. Kaye u M. Holt, bħala aġenti, assistiti minn B. Kennelly u B. Lask, barristers,

–        għall-Gvern Daniż, minn C. Thorning u M. S. Wolff, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u C. Schillemans, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Kellerbauer u M. Wilderspin, kif ukoll minn E. Montaguti u C. Tufvesson, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-14 ta’ April 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 20 u 21 TFUE, tal-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46, kif ukoll ir-rettifiki ĠU 2004, L 229, p. 35, u ĠU 2005, L 197, p. 34), kif ukoll tal-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KKE) [(KEE)] Nru 1612/68, tal‑15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn is-Secretary of State for the Home Department (ministru tal-Intern) u NA, ċittadina Pakistana, dwar id-dritt ta’ residenza tagħha fir-Renju Unit.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2004/38

3        Skont il-premessa 15 tad-Direttiva 2004/38:

“Il-membri tal-familja għandhom ikunu ġuridikament protetti fil-każ ta’ mewt taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni, ta’ divorzju, ta’ annullament taż-żwieġ jew tat-tmiem ta’ l-unjoni reġistrata. Għandhom għalhekk jittieħdu miżuri li jiżguraw li f’ċirkostanzi bħal dawn, bir-rispett dovut għall-ħajja familjari u għad-dinjità umana, u f’ċerti kondizzjonijiet li jostakolaw abbuż, il-membri tal-familja li qed jgħixu diġà fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti jżommu d-dritt tagħhom ta’ residenza esklussivament fuq bażi personali”.

4        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

1.      ‘ċittadin ta’ l-Unjoni’ tfisser kwalunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru;

2.      ‘membru tal-familja’ tfisser:

(a)      ir-raġel jew martu;

[...]

3.      ‘Stat Membru ospitanti’ tfisser l-Istat Membru li jmur fih ċittadin ta’ l-Unjoni sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu u residenza.”

5        L-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva, intitolat “Benefiċjarji”, jipprovdi:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr iċ-ċittadini ta’ l-istess Stat Membru, u għall-membri tal-familja tagħhom kif imfissra fil-punt 2 ta’ l-Artikolu 2 li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom.”

6        L-Artikolu 7(1) u (2) tal-istess direttiva, intitolat “Dritt ta’ residenza ta’ aktar minn tliet xhur”, jaqra kif ġej:

“1.      Iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huma:

(a)      ħaddiema jew nies li jaħdmu għal rashom fl-Istat Membru ospitanti; jew

(b)      għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta' residenza u għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti; jew,

(ċ)      -       miktuba f’istitut privat jew pubbliku, akkreditat jew finanzjat mill-Istat Membru ospitanti skond il-bażi tal-leġislazzjoni jew tal-prattika amministrattiva tiegħu, għall-iskop prinċipali li jiġi segwit kors ta’ studju, inkluż taħriġ professjonali; u

-      għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti u jassiguraw lill-awtorità nazzjonali rilevanti, permezz ta’ dikjarazzjoni jew b’mezzi oħrajn ekwivalenti li jagħżlu huma, li għandhom riżorsi suffiċjenti għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza; jew

(d)      membri tal-familja li qed jakkumpanjaw jew li se jingħaqdu ma’ ċittadin ta’ l-Unjoni li jissoddisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b) jew (ċ).

2.      Id-dritt ta’ residenza previst fil-paragrafu 1 għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru, li jakkumpanjaw jew li jingħaqdu maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti, sakemm dan iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni jissoddisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 (a), (b) jew (ċ).”

7        Skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Żamma tad-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja f’każ ta’ mewt jew tluq miċ-ċittadin ta’ l-Unjoni”:

“1.      Mingħajr preġudizzju għat-tieni sottoparagrafu, il-mewt jew it-tluq taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni mill-Istat Membru ospitanti m’għandux jolqot id-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja tiegħu li m’għandhomx ċittadinanza ta’ Stat Membru.

Qabel jinkiseb id-dritt ta’ residenza permanenti, il-persuni kkonċernati għandhom jilħqu l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a), (b), (ċ) jew (d) ta’ l-Artikolu 7(1).

2.      Mingħajr preġudizzju tat-tieni sottoparagrafu, il-mewt taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni ma jwassalx it-telf tad-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja tiegħu li m’għandhomx ċittadinanza ta’ Stat Membru u li kienu qed jgħixu fl-Istat Membru ospitanti bħala membri tal-familja għal ta’ l-inqas sena qabel il-mewt taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni.

Qabel jinkiseb id-dritt ta’ residenza permanenti, id-dritt ta’ residenza tal-persuni kkonċernati għandu jibqa’ suġġett għall-ħtieġa li jkunu jistgħu juru li huma ħaddiema jew persuni li jaħdmu għal rashom jew li għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu ta’ residenza tagħhom, kif ukoll li għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti, jew li huma parti min-nukleu familjari, diġà kkostitwit fl-Istat Membru ospitanti, ta’ persuna li tissoddisfa dawn il-ħtiġiet. ‘Riżorsi biżżejjed’ huma dawk indikati fl-Artikolu 8(4).

Dawn il-membri tal-familja għandhom iżommu d-dritt ta’ residenza esklussivament b’titlu personali.

3.      It-tluq taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni mill-Istat Membru ospitanti jew il-mewt tiegħu m’għandux iwassal għal telf tad-dritt ta’ residenza tat-tfal tiegħu jew tal-ġenitur li għandu l-kustodja preżenti tat-tfal, irrispettivament miċ-ċittadinanza, jekk it-tfal jgħixu fl-Istat Membru ospitanti u huma miktuba f’istituzzjoni edukattiv, għal skop ta’ studju, sat-tlestija ta’ l-istudji tagħhom.”

8        L-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Żamma tad-dritt ta’ residenza mill-membri ta’ familja f’każ ta’ divorzju, ta’ annullament ta’ żwieġ, jew ta’ tmiem ta’ unjoni reġistrata”, jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għat-tieni sottoparagrafu, id-divorzju, l-annullament taż-żwieġ taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni jew it-tmiem ta’ l-unjoni reġistrata, kif imfissra fil-punt 2(b) ta’ l-Artikolu 2 ma jfissirx telf tad-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li m’għandhomx ċittadinanza ta’ Stat Membru fejn:

(a)      qabel il-bidu tal-proċeduri ta’ divorzju jew ta’ annullament jew it-tmiem ta’ l-unjoni reġistrata msemmija fil-punt 2(b) ta’ l-Artikolu 2, iż-żwieġ jew l-unjoni reġistrata damu minn ta’ l-inqas tliet snin, inkluż sena fl-Istat Membru ospitanti; jew

(b)      ir-raġel/mara jew is-sieħeb/sieħba li m’għandhomx iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru u li għandhom il-kustodja tat-tfal taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni skond ftehim bejn il-miżżewġin jew bejn is-sieħeb/sieħba kif imfissra fil-punt 2(b) ta’ l-Artikolu 2, jew b’deċiżjoni ġudizjarja; jew

(ċ)      dan hu ġustifikat minn ċirkostanzi b’mod partikolari diffiċli, bħall-fatt li tkun vittma ta’ vjolenza domestika matul iż-żwieġ jew l-unjoni reġistrata; jew

(d)      ir-raġel/mara jew is-sieħeb/sieħba li m’għandhomx iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru u li għandhom id-dritt ta’ aċċess għal tifel/tifla minorenni skond ftehim bejn il-miżżewġin jew bejn is-sieħeb/sieħba kif imfissra fil-punt 2(b) ta’ l-Artikolu 2, jew b’deċiżjoni ġudizzjarja, b’kondizzjoni li l-Qorti ddeċidiet li dan l-aċċess għandu jkun fl-Istat Membru ospitanti, u għal tul ta’ żmien meqjus bħala neċessarju.

Qabel jinkiseb id-dritt ta’ residenza permanenti, id-dritt ta’ residenza tal-persuni kkonċernati għandu jibqa’ s-suġġett tal-ħtieġa li huma jkunu jistgħu juru li huma ħaddiema jew li huma persuni li jaħdmu għal rashom jew li għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali fl-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu ta’ residenza tagħhom u li għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti, jew li huma membri min-nukleu familjari, diġà kkostitwit fl-Istat Membru ospitanti, ta’ persuna li tissoddisfa dawn il-ħtiġiet. ‘Riżorsi biżżejjed’ huma dawk indikati fl-Artikolu 8(4).

Dawn il-membri tal-familja għandhom iżommu d-dritt ta’ residenza esklussivament b’titlu personali.”

9        L-Artikolu 14(2) tal-imsemmija direttiva, intitolat “Żamma tad-dritt ta’ residenza”, jipprovdi:

“Ċittadini ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom għandhom id-dritt ta’ residenza kif previst fl-Artikoli 7, 12 u 13 sakemm jaderixxu mal-kondizzjonijiet stabbiliti fihom.

[...]”

 Ir-Regolament Nru 1612/68

10      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68:

“It-tfal ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li hu jew kien impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għandhom ikunu ammessi għall-korsijiet edukattivi ġenerali, ta’ apprendistat u ta’ taħriġ professjonali ta’ dak l-Istat taħt l-istess kondizzjonijiet bħal ċittadini ta’ dak l-Istat, jekk dawn it-tfal ikunu qegħdin jgħixu fit-territorju tiegħu”.

 Id-dritt nazzjonali

11      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva Nru 2004/38 ġie traspost fid-dritt nazzjonali bl-Artikolu 10 tal-Immigration (European Economic Area) Regulations 2006 [regolament tal-2006 dwar l-immigrazzjoni fiż-Żona Ekonomika Ewropea, iktar ’il quddiem ir-“regolament tal-2006”].

12      B’mod partikolari, skont l-Artikolu 10(5) tar-regolament tal-2006, biex iżżomm id-dritt ta’ residenza f’każ ta’ divorzju, il-persuna kkonċernata għandha tissodisfa ċerti kundizzjonijiet, inkluż li ma tibqax membru tal-familja jew ta’ persuna eliġibbli jew ta’ ċittadin taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) li jkollu dritt ta’ residenza permanenti, fid-data tad-divorzju.

13      Skont ir-regolament tal-2006, “persuna eliġibbli” tfisser ċittadin taż-ŻEE li huwa residenti fir-Renju Unit bħala persuna li qiegħda tfittex impjieg, persuna impjegata, persuna li taħdem għal rasha, persuna ekonomikament awtonoma jew student.

14      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li, fid-dritt nazzjonali, id-dritt idderivat ta’ residenza tal-ġenitur ta’ wild li jaqa’ taħt l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 jingħata permezz tal-Artikolu 15 A tar-regolament tal-2006 li essenzjalment jipprovdi:

“(1)      Persuna (iktar ’il quddiem ‘P’) li ma hijiex persuna eżenti u li tissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafi (2), (3), (4), (4 A) jew (5) ta’ dan ir-regolament għandha d-dritt tirrisjedi fir-Renju Unit sakemm P tissodisfa l-kundizzjonijiet rilevanti.

[...]

(3)      P tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu jekk:

(a)      P hija l-wild ta’ ċittadin taż-ŻEE (iktar ’il quddiem il-“ġenitur li huwa ċittadin taż-ŻEE”);

(b)      P kienet residenti fir-Renju Unit meta l-ġenitur li huwa ċittadin taż-ŻEE kien residenti fir-Renju Unit bħala ħaddiem; u

(c)      P qegħda tistudja fir-Renju Unit u kienet diġà qegħda tistudja meta l-ġenitur li huwa ċittadin taż-ŻEE kien jinsab fir-Renju Unit.

(4)      P tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu jekk:

(a)      P għandha l-kustodja ta’ persuna li tissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 3 (iktar ’il quddiem il-“persuna rilevanti”); u

(b)      il-persuna rilevanti ma tkunx tista’ tkompli tistudja fir-Renju Unit li kieku P kellha titlaq mill-pajjiż.

[...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15      NA hija ċittadina Pakistana li, f’Settembru 2003, iżżewġet lil KA, ċittadin Ġermaniż u, f’Marzu 2004, il-koppja marret tgħix fir-Renju Unit.

16      Sussegwentement, ir-relazzjoni tal-miżżewġin marret għall-agħar. NA saret vittma ta’ diversi atti ta’ vjolenza domestika.

17      KA telaq mid-dar matrimonjali f’Ottubru 2006 u, f’Diċembru 2006, telaq għalkollox mir-Renju Unit.

18      Meta kien jirrisjedi fir-Renju Unit, KA ħadem kemm bħala impjegat kif ukoll għal rasu.

19      Il-miżżewġin kellhom żewġt ibniet, MA u IA. Dawn twieldu fir-Renju Unit fl-14 ta’ Novembru 2005 u fit-3 ta’ Frar 2007, rispettivament, u għandhom ċittadinanza Ġermaniża.

20      KA allega li kien iddivorzja lil NA permezz ta’ talaq ippronunzjat f’Karachi (il-Pakistan) fit-13 ta’ Marzu 2007. F’Settembru 2008, NA bdiet proċedura ta’ divorzju fir-Renju Unit. Id-divorzju sar definittiv fl-4 ta’ Awwissu 2009. NA kisbet il-kustodja esklużiva taż-żewġt itfal.

21      Minn Jannar 2009 u Settembru 2010 rispettivament, MA u IA rċevew edukazzjoni fir-Renju Unit.

22      Permezz ta’ deċiżjoni adottata fil-kuntest tal-eżami ta’ talba mressqa minn NA sabiex tikseb permess ta’ residenza permanenti fir-Renju Unit, il-ministru tal-Intern, bħala l-awtorità kompetenti fi kwistjonijiet ta’ residenza, iddeċieda li NA ma kinitx tibbenefika minn dritt ta’ residenza fir-Renju Unit.

23      Ir-rikors ippreżentat minn NA kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud.

24      NA ressqet talba quddiem l-Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber) [qorti superjuri (awla tal-immigrazzjoni u tal-ażil), ir-Renju Unit], li eżaminat it-tliet bażijiet legali mressqa minn NA insostenn tat-talba tagħha għal dritt ta’ residenza fir-Renju Unit.

25      L-ewwel nett, din il-qorti ddeċidiet li NA ma setgħetx titlob iż-żamma tad-dritt ta’ residenza tagħha fir-Renju Unit skont l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38, peress li, fid-data tad-divorzju, KA ma kienx jeżerċita iktar, f’dan l-Istat Membru, id-drittijiet tiegħu bbażati fuq it-Trattati, liema kundizzjoni toħroġ mill-imsemmija dispożizzjoni kif ukoll mis-sentenza tat-13 ta’ Frar 1985, Diatta (267/83, EU:C:1985:67).

26      Billi qieset li tali kundizzjoni ma hijiex, madankollu, prevista bħala bażi għaż-żamma tad-dritt ta’ residenza tiegħu skont l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38, NA appellat fuq dan il-punt minn dik id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

27      It-tieni nett, l-Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber) [qorti superjuri (awla tal-immigrazzjoni u tal-ażil)] iddeċidiet li NA kellha, madankollu, dritt ta’ residenza fir-Renju Unit fuq il-bażi tad-dritt tal-Unjoni, minn naħa, skont l-Artikolu 20 TFUE, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano (C‑34/09, EU:C:2011:124) u, min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68.

28      Il-ministru tal-Intern ppreżenta appell mis-sentenza tal-Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber) [qorti superjuri (awla tal-immigrazzjoni u tal-ażil)] fuq dan il-punt quddiem il-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, filwaqt li rrikonoxxa l-eżistenza tad-drittijiet li għandhom MA u IA skont l-Artikoli 20 u 21 TFUE bħala ċittadini tal-Unjoni, abbażi tas-sentenza tal-10 ta’ Ottubru 2013, Alokpa u Moudoulou (C‑86/12, EU:C:2013:645), il-ministru tal-Intern isostni li jkun hemm ksur ta’ dawn id-drittijiet biss jekk MA u IA jħossuhom “fl-obbligu, fil-fatt, li jitilqu mit-territorju tal-Unjoni kkunsidrat fl-intier tiegħu”, liema kundizzjoni ma teżistix f’dan il-każ, peress li dawn it-tfal għandhom id-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ta’ ċittadinanza tagħhom, jiġifieri r-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Fir-rigward tad-dritt ta’ residenza bbażat fuq l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, skont il-ministru tal-Intern, din id-dispożizzjoni teżiġi li l-ġenitur li huwa ċittadin tal-Unjoni għandu jkun fl-Istat Membru ospitanti fid-data li fiha l-wild ikun beda l-edukazzjoni tiegħu, liema kundizzjoni lanqas ma teżisti f’dan il-każ.

29      It-tielet u l-aħħar nett, billi l-Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber) [qorti superjuri (awla tal-immigrazzjoni u tal-ażil)] qieset li, minn naħa, ir-rifjut ta’ dritt ta’ residenza fir-Renju Unit lil NA kien iġiegħel lil uliedha, MA u IA, jitilqu minn dan l-Istat Membru magħha peress li hija kellha l-kustodja esklużiva tagħhom u, min-naħa l-oħra, miżura ta’ tneħħija ta’ dawn it-tfal tikser id-drittijiet tagħhom taħt l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, hija laqgħet l-appell ippreżentat minn NA abbażi ta’ din id-dispożizzjoni. Il-ministru tal-Intern ma ppreżentax appell minn din il-parti tad-deċiżjoni.

30      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) [qorti tal-appell (l-Ingilterra u Wales) (taqsima ċivili), ir-Renju Unit] iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Għandu ċittadin ta’ [Stat] terz li huwa ex konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni jkun kapaċi li juri li l-konjuġi preċedenti tiegħu kien jeżerċita drittijiet taħt it-Trattati fl-Istat Membru ospitanti fil-mument tad-divorzju tagħhom sabiex iżomm dritt ta’ residenza taħt l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38?

2)      Ċittadin tal-UE għandu dritt taħt il-liġi tal-UE li jirrisjedi fi Stat Membru ospitanti taħt l-Artikoli 20 u 21 TFUE f’ċirkustanzi fejn l-uniku Stat fi ħdan l-UE li fih iċ-ċittadin huwa intitolat jirrisjedi huwa l-Istat tan-nazzjonalità tiegħu, iżda fejn saret konstatazzjoni ta’ fatt minn qorti kompetenti li t-tneħħija taċ-ċittadin mill-Istat Membru ospitanti għall-Istat tan-nazzjonalità tiegħu tikser id-drittijiet tiegħu taħt l-Artikolu 8 tal-[Konvenzjoni għall-protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali] u taħt l-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea?

3)      Jekk iċ-ċittadin tal-Unjoni fid-domanda 2 iktar ’il fuq huwa wild, il-ġenitur li għandu l-kura [kustodja] esklużiva ta’ dan il-wild, għandu dritt idderivat ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti jekk il-wild ikollu jakkumpanja l-ġenitur meta sseħħ it-tneħħija tal-ġenitur mill-Istat Membru ospitanti?

4)      Wild għandu dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 (issa l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011/UE) jekk il-ġenitur tal-wild li jkun ċittadin tal-Unjoni, li kien impjegat fl-Istat Membru ospitanti, ma baqax jirrisjedi fl-Istat Membru ospitanti qabel ma l-wild beda jistudja f’dak l-Istat?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

31      Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju qegħda essenzjalment tistaqsi jekk il-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 għandux jiġi interpretat fis-sens li ċittadin ta’ pajjiż terz, li huwa ddivorzjat minn ċittadin tal-Unjoni li tiegħu kien vittma ta’ atti ta’ vjolenza domestika matul iż-żwieġ, jista’ jibbenefika miż-żamma tad-dritt ta’ residenza tiegħu fl-Istat Membru ospitanti, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, meta l-konjuġi ċittadin tal-Unjoni kien telaq minn dan l-Istat Membru qabel id-divorzju.

32      Skont il-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38, id-divorzju ma jwassalx għat-telf tad-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni li ma għandhomx iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru fejn “dan hu ġustifikat minn ċirkostanzi b’mod partikolari diffiċli, bħall-fatt li tkun vittma ta’ vjolenza domestika matul iż-żwieġ jew l-unjoni reġistrata”.

33      Għandhom jiġu eżaminati liema huma l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u, b’mod partikolari, jekk meta, bħal fil-kawża prinċipali, ċittadin ta’ Stat terz kien, matul iż-żwieġ tiegħu, vittma ta’ atti ta’ vjolenza domestika mwettqa minn ċittadin tal-Unjoni li minnu huwa ddivorzjat, dan tal-aħħar għandux jirrisjedi fl-Istat Membru ospitanti, skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/38, sad-data tad-divorzju, sabiex l-imsemmi ċittadin ikun jista’ jinvoka l-punt ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) ta’ din id-direttiva.

34      F’dan ir-rigward, fir-rigward il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, meta l-konjuġi, ċittadin tal-Unjoni, jitlaq mill-Istat Membru ospitanti, sabiex jistabbilixxi ruħu fi Stat Membru ieħor jew fi Stat terz, qabel il-bidu tal-proċeduri ġudizzjarji ta’ divorzju, id-dritt ta’ residenza dderivat tal-konjuġi ċittadin ta’ Stat terz, abbażi tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2004/38, jintemm meta l-konjuġi ċittadin tal-Unjoni jitlaq u, għalhekk, ma jistax jinżamm iktar abbażi tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Lulju 2015, Singh et, C‑218/14, EU:C:2015:476, punt 62).

35      Fil-fatt, f’tali ċirkustanzi, it-tluq tal-konjuġi li huwa ċittadin tal-Unjoni diġà wassal għat-telf tad-dritt ta’ residenza tal-konjuġi li huwa ċittadin ta’ Stat terz li jibqa’ fl-Istat Membru ospitanti. Issa, talba sussegwenti għal divorzju ma jistax ikollha l-effett li tnissel dan id-dritt mill-ġdid, peress li l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/38 jirreferi biss għaż-“żamma” ta’ dritt ta’ residenza eżistenti (ara s-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Singh et, C‑218/14, EU:C:2015:476, punt 67).

36      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/38, iċ-ċittadin tal-Unjoni li jkun il-konjuġi ta’ ċittadin ta’ Stat terz għandu jirrisjedi fl-Istat Membru ospitanti sad-data li fiha jinbdew il-proċeduri ġudizzjarji ta’ divorzju, sabiex dan iċ-ċittadin ta’ Stat terz ikun jista’ jinvoka ż-żamma tad-dritt ta’ residenza tiegħu f’dan l-Istat Membru, abbażi tal-Artikolu 13(2) ta’ din id-direttiva (sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Singh et, C‑218/14, EU:C:2015:476, punt 66).

37      Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw ukoll fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, għall-interpretazzjoni tal-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38.

38      Fil-fatt, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li din id-dispożizzjoni tagħmel parti mill-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38, b’mod li l-imsemmija dispożizzjoni ma għandhiex tingħata interpretazzjoni awtonoma, iżda għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) innifsu.

39      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għad-determinazzjoni tal-portata ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-istess ħin kliemha, il-kuntest tagħha u l-għanijiet tagħha (sentenza tal-10 ta’ Ottubru 2013, Spedition Welter, C‑306/12, EU:C:2013:650, punt 17).

40      Qabel kollox, mill-kliem użat kemm fit-titolu, kif ukoll fil-kliem tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38, jirriżulta li ż-żamma tad-dritt ta’ residenza li minnu jibbenefikaw il-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma għandhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, hija prevista b’mod partikolari f’każ ta’ divorzju u li, konsegwentement, meta l-kundizzjonijiet imsemmijin f’din id-dispożizzjoni jkunu ssodisfatti, tali divorzju ma jwassalx għat-telf ta’ tali dritt ta’ residenza.

41      Sussegwentement, fir-rigward tal-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni, l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 jikkostitwixxi deroga mill-prinċipju li mhux iċ-ċittadini kollha ta’ Stati terzi jisiltu drittijiet ta’ dħul u ta’ residenza fi Stat Membru mid-Direttiva 2004/38, iżda biss dawk li huma “membr[i] tal-familja” fis-sens tal-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva, ta’ ċittadin tal-Unjoni li jkun eżerċita d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu billi jistabbilixxi ruħu fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru li għandu n-nazzjonalità tiegħu, liema prinċipju ġie stabbilit mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Singh et, C‑218/14, EU:C:2015:476, punt 51).

42      Fil-fatt, l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 ikopri l-każijiet eċċezzjonali fejn id-divorzju ma jwassalx għat-telf tad-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini kkonċernati ta’ Stati terzi taħt id-Direttiva 2004/38, minkejja li wara d-divorzju tagħhom, l-imsemmija ċittadini ma jissodisfawx iktar il-kundizzjonijiet indikati fl-Artikolu 7(2) ta’ din id-direttiva u, b’mod partikolari, il-kundizzjoni ta’ “membru tal-familja” ta’ ċittadin tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) ta’ din id-direttiva.

43      Għandu jingħad ukoll li l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2004/38, li jkopri speċifikament iż-żamma tad-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja fil-każ ta’ mewt jew ta’ tluq taċ-ċittadin tal-Unjoni, minn naħa, jipprevedi biss iż-żamma tad-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja tiegħu li ma għandhomx ċittadinanza ta’ Stat Membru f’każ ta’ mewt taċ-ċittadin tal-Unjoni, u mhux f’każ ta’ tluq tiegħu mill-Istat Membru ospitanti.

44      Min-naħa l-oħra, għandu għalhekk jiġi kkonstatat li, meta ġiet adottata din id-direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma stabilixxiex protezzjoni speċifika f’każ ta’ tluq taċ-ċittadin tal-Unjoni mill-Istat Membru ospitanti, b’mod partikolari minħabba ċirkustanzi partikolarment diffiċli tal-membri tal-familja tiegħu li ma għandhomx ċittadinanza ta’ Stat Membru, li hija analoga għal dik prevista fil-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38.

45      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-finalità tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38, din id-dispożizzjoni tissodisfa l-għan stabbilit fil-premessa 15 tal-imsemmija direttiva, li tingħata protezzjoni legali lill-membri tal-familja fil-każ ta’ divorzju, ta’ annullament taż-żwieġ jew ta’ tmiem is-sħubija rreġistrata, billi jittieħdu miżuri f’dan ir-rigward sabiex jiġi żgurat li, f’tali ċirkustanzi, il-membri tal-familja li jirrisjedu diġà fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti jżommu d-dritt ta’ residenza tagħhom fuq bażi individwali.

46      F’dan ir-rigward, mix-xogħol preparatorju tad-Direttiva 2004/38 u, b’mod partikolari, mill-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri [COM/2001/0257 (finali)], jirriżulta li, skont id-dritt tal-Unjoni li kienet fis-seħħ qabel id-Direttiva 2004/38, il-konjuġi ddivorzjat setà jiġi mċaħħad mid-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti.

47      F’dan il-kuntest, din il-proposta għal direttiva tispeċifika li d-dispożizzjoni prevista, li saret l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38, għandha l-għan li toffri ċerta protezzjoni liċ-ċittadini ta’ Stati terzi li d-dritt ta’ residenza tagħhom huwa marbut mar-rabta familjali rrappreżentata miż-żwieġ u li, minħabba dan il-fatt, jistgħu jiġu rrikattati b’theddida ta’ divorzju, u li tali protezzjoni hija meħtieġa biss f’każ ta’ sentenza finali ta’ divorzju, filwaqt li f’każ ta’ separazzjoni de facto, bl-ebda mod ma huwa affettwat id-dritt ta’ residenza tal-konjuġi ċittadin ta’ Stat terz.

48      Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta mill-kliem, mill-kuntest u mill-għan tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 li l-implementazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, inkluż id-dritt ibbażat fuq il-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38, hija suġġetta għad-divorzju tal-partijiet ikkonċernati.

49      Minn dan jirriżulta wkoll li interpretazzjoni tal-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 fis-sens li ċittadin ta’ Stat terz ikun iġġustifikat jinvoka d-dritt taħt din id-dispożizzjoni meta l-konjuġi tiegħu, li huwa ċittadin tal-Unjoni, kien residenti fl-Istat Membru ospitanti, skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/38, mhux sal-bidu tal-proċeduri ġudizzjarji ta’ divorzju, iżda, l-iktar tard, sad-data meta twettqu l-atti ta’ vjolenza domestika, tmur kontra l-interpretazzjoni letterali, sistemika u teleoloġika tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38.

50      Għalhekk, meta, bħal fil-kawża prinċipali, ċittadin ta’ Stat terz kien vittma matul iż-żwieġ tiegħu ta’ atti ta’ vjolenza domestika mwettqa minn ċittadin tal-Unjoni li minnu huwa ddivorzjat, dan tal-aħħar għandu jkun residenti fl-Istat Membru ospitanti, skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/38, sad-data tal-bidu tal-proċeduri ġudizzjarji ta’ divorzju, sabiex l-imsemmi ċittadin ikun jista’ jinvoka l-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) ta’ din id-direttiva.

51      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li l-punt (ċ) tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li ċittadin ta’ Stat terz, li huwa ddivorzjat minn ċittadin tal-Unjoni li tiegħu kien vittma ta’ atti ta’ vjolenza domestika matul iż-żwieġ, ma jistax jibbenefika miż-żamma tad-dritt ta’ residenza tiegħu fl-Istat Membru ospitanti, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, meta qabel il-bidu tal-proċeduri ġudizzjarji ta’ divorzju l-konjuġi li huwa ċittadin tal-Unjoni jkun telaq minn dan l-Istat Membru.

 Fuq ir-raba’ domanda

52      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 għandux jiġi interpretat fis-sens li wild u l-ġenitur li huwa ċittadin ta’ Stat terz u li għandu l-kustodja esklużiva tiegħu jibbenefikaw minn dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-ġenitur l-ieħor huwa ċittadin tal-Unjoni u ħadem f’dan l-Istat Membru, iżda ma baqax jirrisjedi hemmhekk qabel ma l-wild beda l-edukazzjoni tiegħu f’dan l-Istat Membru.

53      Skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, it-tfal ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li huwa jew kien impjegat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għandhom ikunu ammessi għall-korsijiet ta’ edukazzjoni ġenerali, ta’ taħriġ u ta’ formazzjoni professjonali taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta’ dan l-Istat Membru tal-aħħar, jekk dawn it-tfal ikunu residenti fit-territorju ta’ dan l-Istat.

54      Id-dritt ta’ aċċess għall-edukazzjoni fl-Istat Membru ospitanti għat-tfal ta’ ħaddiema migranti, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, jiddependi mill-istabbiliment minn qabel tal-wild ikkonċernat fl-Istat Membru ospitanti, b’mod li l-ulied li stabbilixxew ruħhom fl-imsemmi Stat Membru fil-kwalità tagħhom ta’ membri tal-familja ta’ ħaddiem migrant, l-istess bħall-ulied ta’ ħaddiem migrant li ilhom jirrisjedu minn meta twieldu fl-Istat Membru li fih missierhom jew ommhom huma jew kienu impjegati, jistgħu jinvokaw tali dritt f’dan l-Istat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Frar 2010, Teixeira, C‑480/08, EU:C:2010:83, punt 45).

55      L-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 huwa intiż b’mod partikolari biex jiżgura li t-tfal ta’ ħaddiem li huwa ċittadin ta’ Stat Membru jkunu jistgħu, anki jekk huwa ma jkunx għadu jeżerċita attività bħala impjegat fl-Istat Membru ospitanti, isegwu u, jekk ikun il-każ, jispiċċaw l‑edukazzjoni tagħhom f’dan l-Istat tal-aħħar (sentenza tat-23 ta’ Frar 2010, Teixeira, C‑480/08, EU:C:2010:83, punt 51).

56      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-kliem innifru tal‑imsemmi Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, dan id-dritt ma huwiex limitat għat-tfal tal‑ħaddiema migranti attivi, iżda japplika wkoll għat-tfal tal-ex ħaddiema migranti. Għaldaqstant, minn dan jirriżulta li d-dritt tat-tfal għall-ugwaljanza fit-trattament f’dak li jirrigwarda l-aċċess għall-edukazzjoni ma jiddependix mill-fatt li missierhom jew ommhom żammew il-kwalità ta’ ħaddiem migranti fl-Istat Membru ospitanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Frar 2010, Teixeira, C‑480/08, EU:C:2010:83, punt 50).

57      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dritt li l-ulied igawdu taħt l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 ma huwiex suġġett għad-dritt ta’ residenza tal-ġenituri tagħhom fl-Istat Membru ospitanti, peress li din id-dispożizzjoni teżiġi biss li l-wild ikun għex mal-ġenituri tiegħu jew ma’ wieħed minnhom fi Stat Membru matul il-perijodu li fih mill-inqas wieħed mill-ġenituri tiegħu kien residenti f’dan l-Istat bħala ħaddiem (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Frar 2010, Ibrahim u Secretary of State for the Home Department, C‑310/08, EU:C:2010:80, punt 40).

58      F’dan ir-rigward, il-fatt li jiġi rrikonoxxut li l-ulied ta’ persuni li kienu ħaddiema migranti jistgħu jsegwu l-istudji tagħhom fl-Istat Membru ospitanti filwaqt li l-ġenituri tagħhom ma jkunux għadhom residenti hemmhekk huwa ekwivalenti għar-rikonoxximent, fir-rigward tagħhom, ta’ dritt ta’ residenza indipendenti minn dak mogħti lill-ġenituri tagħhom, u tali dritt huwa bbażat fuq l-imsemmi Artikolu 12 (sentenza tat-23 ta’ Frar 2010, Ibrahim u Secretary of State for the Home Department, C‑310/08, EU:C:2010:80, punt 41).

59      Għalhekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex wild ikun jista’ jibbenefika mid-dritt previst minn din id-dispożizzjoni, l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 ma jeħtieġx li ġenitur, ex ħaddiem migrant, ikun għadu residenti fl-Istat Membru ospitanti fid-data li fiha l-wild ikun beda l-edukazzjoni jew l-istudji tiegħu, u lanqas li dan il-ġenitur jibqa’ preżenti fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru matul l-edukazzjoni jew l-istudji tiegħu.

60      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li KA, il-konjuġi tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, kien residenti fir-Renju Unit bħala ħaddiem impjegat kif ukoll għal rasu mid-data li fiha l-koppja waslet f’dan l-Istat Membru sad-data tat-tluq ta’ KA mir-Renju Unit, jiġifieri tul il-perijodu minn Marzu 2004 sa Diċembru 2006.

61      Jirriżulta wkoll mid-deċiżjoni tar-rinviju li MA u IA, it-tfal bniet tal-koppja, twieldu fir-Renju Unit u jirrisjedu f’dan l-Istat Membru sa mit-twelid tagħhom.

62      Għalhekk, bħala ulied ta’ ex ħaddiem migrant, li huma residenti minn twelidhom fl-Istat Membru li fih missierhom kien impjegat, MA u IA jissodisfaw il-kundizzjonijiet biex jinvokaw l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68.

63      Għaldaqstant, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-wild ta’ ex ħaddiem migrant, li huwa residenti sa minn twelidu fl-Istat Membru ospitanti, jibbenefika mid-dritt, minn naħa, li jibda jew li jkompli l-istudji tiegħu f’dan l-Istat Membru, abbażi tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 u, min-naħa l-oħra, konsegwentement, minn dritt ta’ residenza bbażat fuq l-istess dispożizzjoni. Il-fatt li l-ġenitur, ex ħaddiem migrant, huwa jew ma huwiex residenti iktar fl-imsemmi Stat Membru fid-data li fiha dan il-wild jibda l-edukazzjoni tiegħu ma għandu ebda effett f’dan ir-rigward.

64      Fl-aħħar nett, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt ta’ aċċess għall-edukazzjoni jimplika dritt ta’ residenza tal-wild ta’ ħaddiem migrant jew ta’ ex ħaddiem migrant, meta dan il-wild jixtieq isegwi l-istudji tiegħu fl-Istat Membru ospitanti, kif ukoll dritt ta’ residenza korrispondenti favur il-ġenitur li jkollu effettivament il-kustodja ta’ dan il-wild (sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2013, Hadj Ahmed, C‑45/12, EU:C:2013:390, punt 46).

65      Fil-fatt, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn it-tfal igawdu, taħt l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, mid-dritt li jkomplu l-edukazzjoni tagħhom fl-Istat Membru ospitanti, filwaqt li l-ġenitur li għandu l-kustodja tagħhom jipperikola li jitlef id-dritt ta’ residenza tiegħu, il-fatt li dan il-ġenitur jiġi mċaħħad mill-possibbiltà li jibqa’ jirrisjedi f’dan l-Istat Membru ospitanti matul l-edukazzjoni tat-tfal tiegħu jista’ jwassal sabiex dawn it-tfal jiġu mċaħħda minn dritt li l-leġiżlatur tal-Unjoni rrikonoxxa fir-rigward tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2002, Baumbast u R, C‑413/99, EU:C:2002:493, punt 71).

66      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li NA kisbet il-kustodja esklużiva ta’ wliedha.

67      Konsegwentement, bħala ġenitur li tiżgura effettivament il-kustodja ta’ MA u ta’ IA, NA tibbenefika wkoll mid-dritt ta’ residenza taħt l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68.

68      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 għandu jiġi interpretat fis-sens li wild u l-ġenitur li huwa ċittadin ta’ Stat terz u li għandu l-kustodja esklużiva tiegħu jibbenefikaw minn dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-ġenitur l-ieħor huwa ċittadin tal-Unjoni u ħadem f’dan l-Istat Membru, iżda ma baqax jirrisjedi hemmhekk qabel ma l-wild beda l-edukazzjoni tiegħu f’dan l-Istat Membru.

 Fuq it-tieni u t-tielet domandi

69      Permezz tat-tieni u t-tielet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 20 u/jew 21 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jagħtu dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti kemm lil ċittadin tal-Unjoni li huwa minuri, li huwa residenti minn twelidu f’dan l-Istat Membru li ma huwiex ċittadin tiegħu, kif ukoll lill-ġenitur, ċittadin ta’ Stat terz, li għandu l-kustodja esklużiva tal-imsemmi minuri, meta l-partijiet interessati kkonċernati jibbenefikaw minn dritt ta’ residenza fl-imsemmi Stat Membru taħt id-dritt nazzjonali jew id-dritt internazzjonali.

70      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 20 TFUE jagħti lil kull persuna li għandha ċ-cittadinanza ta’ Stat Membru l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, li huwa intiż sabiex ikun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri (ara s-sentenzi tal-20 ta’ Settembru 2001, Grzelczyk, C‑184/99, EU:C:2001:458, punt 31, u tat-8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano, C‑34/09, EU:C:2011:124, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71      Fuq dan il-bażi, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 20 TFUE jipprekludi miżuri nazzjonali li għandhom l-effett li jċaħħdu liċ-ċittadini tal-Unjoni mit-tgawdija effettiva tas-sustanza tad-drittijiet mogħtija mill-istatus tagħhom bħala ċittadini tal-Unjoni (sentenza tat-8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano, C‑34/09, EU:C:2011:124, punt 42).

72      Il-kriterju dwar iċ-ċaħda tas-sustanza tad-drittijiet mogħtija mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni għandu natura partikolari ħafna peress li jkopri sitwazzjonijiet li fihom, minkejja l-fatt li d-dritt sekondarju dwar id-dritt ta’ residenza ta’ ċittadini ta’ Stati terzi ma huwiex applikabbli, dritt ta’ residenza ma jistax, eċċezzjonalment, jiġi mċaħħad lil ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja ta’ ċittadin ta’ Stat Membru, peress li altrimenti jkun hemm ksur tal-effett utli taċ-ċittadinanza tal-Unjoni li jgawdi minnha dan tal-aħħar, jekk, bħala konsegwenza ta’ tali rifjut, dan iċ-ċittadin ikun fil-fatt obbligat jitlaq mit-territorju tal-Unjoni fl-intier tiegħu, u b’hekk jiġi mċaħħad mit-tgawdija effettiva tas-sustanza tad-drittijiet mogħtija minn dan l-istatus (ara s-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2011, Dereci et, C‑256/11, EU:C:2011:734, punti 66 u 67).

73      Fir-rigward tas-sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-ewwel nett jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li kemm ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kif ukoll it-tfal bniet tagħha jibbenefikaw minn dritt ta’ residenza fir-Renju Unit taħt l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, kif ġie kkonstatat fil-punt 68 ta’ din is-sentenza.

74      Madankollu, l-ewwel kundizzjoni meħtieġa għall-għoti ta’ dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti taħt l-Artikolu 20 TFUE, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano (C‑34/09, EU:C:2011:124), jiġifieri li l-parti interessata ma tibbenefikax minn dritt ta’ residenza f’dan l-Istat Membru taħt id-dritt sekondarju tal-Unjoni, f’dan il-każ, ma hijiex issodisfatta.

75      Fir-rigward tal-Artikolu 21 TFUE, għandu jitfakkar li, skont din id-dispożizzjoni, id-dritt ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri huwa mogħti lil kull ċittadin tal-Unjoni “salvi l-limitazzjonijiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati u d-dispożizzjonijiet meħuda sabiex dan jitwettaq”.

76      B’mod partikolari, tali limitazzjonijiet u kundizzjonijiet huma dawk previsti fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/38 u, b’mod partikolari, dik li jkollhom biżżejjed riżorsi biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza, u assigurazzjoni tal-mard komprensiva, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) ta’ din id-direttiva.

77      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-espressjoni “għandhom” biżżejjed riżorsi, f’din id-dispożizzjoni, għandha tiġi interpretata fis-sens li huwa biżżejjed li ċ-ċittadini tal-Unjoni jiddisponu minn tali riżorsi, mingħajr ma tipprovdi l-iċken rekwiżit fir-rigward tas-sors tagħhom, peress li dawn tal-aħħar jistgħu jiġu pprovduti, b’mod partikolari, miċ-ċittadin ta’ Stat terz (sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Singh et, C 218/14, EU:C:2015:476, punt 74).

78      Konsegwentement, sakemm jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti minn din id-direttiva u, b’mod partikolari, l-Artikolu 7(1) tagħha, jew huma stess, jew permezz ta’ ommhom, liema fatt hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, bħala ċittadini Ġermaniżi, MA u IA jistgħu jibbenefikaw minn dritt ta’ residenza fir-Renju, taħt l-Artikolu 21 TFUE u d-Direttiva 2004/38.

79      Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta l-Artikolu 21 TFUE u d-Direttiva 2004/38 jagħtu dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti liċ-ċittadin minuri ta’ età żgħira ta’ Stat Membru ieħor li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1)(b) ta’ din id-direttiva, dawn l-istess dispożizzjonijiet jippermettu lill-ġenitur li għandu effettivament il-kustodja ta’ dan iċ-ċittadin li jirrisjedi miegħu fl-Istat Membru ospitanti (ara, is-sentenza tal-10 ta’ Ottubru 2013, Alokpa u Moudoulou, C‑86/12, EU:C:2013:645, punt 29).

80      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li r-rifjut li ġenitur, ċittadin ta’ Stat Membru jew ta’ Stat terz, li għandu effettivament il-kustodja ta’ ċittadin tal-Unjoni li huwa minuri, li lilu l-Artikolu 21 TFUE u d-Direttiva 2004/38 jagħtu dritt ta’ residenza, jitħalla jirrisjedi ma’ dan iċ-ċittadin fl-Istat Membru ospitanti jċaħħad minn kull effett utli d-dritt ta’ residenza ta’ dan tal-aħħar, peress li t-tgawdija tad-dritt ta’ residenza minn wild ta’ età żgħira timplika neċessarjament li dan il-wild ikollu d-dritt li jkun akkumpanjat mill-persuna li tiżgura effettivament il-kustodja tiegħu u, għalhekk, li din il-persuna tkun f’pożizzjoni li tirrisjedi miegħu fl-Istat Membru ospitanti matul din ir-residenza (ara, sentenzi tad‑19 ta’ Ottubru 2004, Zhu u Chen, C‑200/02, EU:C:2004:639, punt 45, kif ukoll tal-10 ta’ Ottubru 2013, Alokpa u Moudoulou, C‑86/12,EU:C:2013:645, punt 28).

81      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni u għat-tielet domanda hija kif ġej:

–        L-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li la jagħti dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti lil ċittadin tal-Unjoni li huwa minuri, li huwa residenti minn twelidu f’dan l-Istat Membru li ma huwiex ċittadin tiegħu, u lanqas lill-ġenitur, ċittadin ta’ Stat terz, li għandu l-kustodja esklużiva tal-imsemmi minuri, meta dawn jibbenefikaw minn dritt ta’ residenza f’dan l-Istat Membru taħt dispożizzjoni tad-dritt idderivat tal-Unjoni.

–        L-Artikolu 21 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jagħti lill-imsemmi ċittadin tal-Unjoni li huwa minuri dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti, sakemm jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/38, liema fatt hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika. Jekk dan ikun il-każ, din l-istess dispożizzjoni tippermetti lill-ġenitur li għandu effettivament il-kustodja ta’ dan iċ-ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi miegħu fl-Istat Membru ospitanti.

 Fuq l-ispejjeż

82      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-punt ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad‑29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, għandu jiġi interpretat fis-sens li ċittadin ta’ Stat terz, li huwa ddivorzjat minn ċittadin tal-Unjoni li tiegħu kien vittma ta’ atti ta’ vjolenza domestika matul iż-żwieġ, ma jistax jibbenefika miż-żamma tad-dritt ta’ residenza tiegħu fl-Istat Membru ospitanti, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, meta qabel il-bidu tal-proċeduri ġudizzjarji ta’ divorzju l-konjuġi ċittadin tal-Unjoni jkun telaq minn dan l-Istat Membru.

2)      L-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal‑15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità, għandu jiġi interpretat fis-sens li wild u l-ġenitur li huwa ċittadin ta’ Stat terz u li għandu l-kustodja esklużiva tiegħu jibbenefikaw minn dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-ġenitur l-ieħor huwa ċittadin tal-Unjoni u ħadem f’dan l-Istat Membru, iżda ma baqax jirrisjedi hemmhekk qabel ma l-wild beda l-edukazzjoni tiegħu f’dan l-Istat Membru.

3)      L-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li la jagħti dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti lil ċittadin tal-Unjoni li huwa minuri, li huwa residenti minn twelidu f’dan l-Istat Membru li ma huwiex ċittadin tiegħu, u lanqas lill-ġenitur, ċittadin ta’ Stat terz, li għandu l-kustodja esklużiva tal-imsemmi minuri, meta dawn jibbenefikaw minn dritt ta’ residenza f’dan l-Istat Membru taħt dispożizzjoni tad-dritt idderivat tal-Unjoni.

L-Artikolu 21 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jagħti lill-imsemmi ċittadin tal-Unjoni li huwa minuri dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti, sakemm jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/38, liema fatt hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika. Jekk dan ikun il-każ, din l-istess dispożizzjoni tippermetti lill-ġenitur li għandu effettivament il-kustodja ta’ dan iċ-ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi miegħu fl-Istat Membru ospitanti.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.