Language of document :

Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Diċembru 2021 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ċeka

(Kawża C-808/21)

Lingwa tal-kawża: ic-Ċek

Partijiet

Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: P. Ondrůšek u J. Tomkin, bħala aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Ċeka

Talbiet

tiddikjara li, billi ċaħdet liċ-ċittadini tal-Unjoni li ma humiex ċittadini tar-Repubblika Ċeka iżda li huma residenti fir-Repubblika Ċeka d-dritt li jsiru membri ta’ partit politiku jew moviment politiku, ir-Repubblika Ċeka naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 22 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

tikkundanna lir-Repubblika Ċeka għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Skont l-Artikolu 22 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, kull ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi fi Stat Membru li tiegħu ma jkollux iċ-ċittadinanza għandu jkollu d-dritt li jivvota u li joħroġ bħala kandidat għall-elezzjonijiet muniċipali u għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-Istat Membru fejn huwa jirrisjedi, taħt l-istess kundizzjonijiet li japplikaw għall-persuni li jkollhom iċ-ċittadinanza ta’ dak l-Istat.

Fl-opinjoni tal-Kummissjoni, fid-dawl tal-fatt li ċittadini tal-Unjoni li ma humiex ċittadini tar-Repubblika Ċeka iżda li huma residenti fir-Repubblika Ċeka ma għandhomx id-dritt li jsiru membri ta’ partiti politiċi jew ta’ movimenti politiċi, dawk iċ-ċittadini tal-Unjoni ma jistgħux jeżerċitaw id-drittijiet politiċi mogħtija lilhom taħt l-Artikolu 22 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini tar-Repubblika Ċeka.

____________