Language of document :

Rikors ippreżentat fis-16 ta' Ġunju 2010 - Spanja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-263/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrent: Ir-Renju ta' Spanja (rappreżentant: N. Díaz Abad, abogado del Estado)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrent

tannulla, abbażi tar-raġunijiet esposti fit-Taqsima I tal-motivi ta' dan l-att, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tat-8 ta' April 2010, li tinterrompi t-terminu perentorju għall-ħlas fir-rigward tat-talba għal ħlas interim magħmula minn Spanja fis-17 ta' Diċembru 2009;

tiddikjara li l-Kummissjoni Ewropea kienet obbligata tħallas l-interessi minħabba d-dewmien fil-ħlas effettiv tat-talbiet interim indebitament sospiżi;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors huwa intiż kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinterrompi t-terminu perentorju għal ħlas fir-rigward tat-talba għal ħlas interim magħmula minn Spanja fi-10 ta' Diċembru 2009. Din it-talba għal ħlas interim, li tammonta għal EUR 2 717 227.26 tikkorrispondi għall-Programm Operattiv ta' Intervent Komunitarju tal-Fond Soċjali Ewropew li jaqa' taħt l-għan ta' kompetitività reġjonali u impjieg tal-Comunidad Autónoma de Baleares (CCI 2007ES052PO005).

Insostenn tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-motivi li ġejjin:

ksur tal-Artikolu 91(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 1, tal-11 ta' Lulju 2006, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni, sa fejn il-Kummissjoni, mingħajr ma pprovdiet rapport ta' korp ta' verifika nazzjonali jew Komunitarju li juri li hemm nuqqas sinjifikattiv fil-funzjonament tas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll u mingħajr ma kien jeżisti dan in-nuqqas, interrompiet, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, it-terminu perentorju għall-ħlas fir-rigward ta' ċerti talbiet għall-ħlasijiet imressqa minn Spanja.

Ksur tal-istrateġiji ta' kontroll adottati mill-Kummissjoni minħabba li l-Kummissjoni interrompiet it-terminu perentorju għall-ħlas tal-imsemmija ħlasijiet interim peress li kkunsidrat li n-nuqqas ta' verifiki tas-sistemi jikkostitwixxi dewmien sinjifikattiv fl-eżekuzzjoni tal-istrateġiji, filwaqt li l-imsemmija strateġija tagħti lir-Renju ta' Spanja sat-30 ta' Ġunju 2010 sabiex jippreżenta l-imsemmija verifiki.

Ksur tal-prinċipju ta' ċertezza legali, sa fejn il-Kummissjoni ssostni li r-Renju ta' Spanja naqas milli jippreżenta l-verifiki tas-sistema iktar kmieni mill-iskeda miftiehma mal-Kummissjoni nnifisha, minkejja li din l-eżiġenza ma kinitx prevedibbli għall-awtoritajiet Spanjoli.

Ksur tal-prinċipju ta' protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, sa fejn l-awtoritajiet nazzjonali aġixxew fid-dawl ta' skedi ta' verifika li l-Kummissjoni kienet approvat fl-istrateġiji, skeda li kienet qed tiġi osservata, mingħajr ma kien hemm xi indikazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni li hija kienet tissuspetta li kien hemm xi nuqqas fis-sistema ta' ġestjoni u kontroll.

Ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità, sa fejn il-miżura adottata mill-Kummissjoni hija sproporzjonata u tmur kontra ġestjoni finanzjarja effikaċi u sa fejn jeżistu strumenti ġuridiċi oħra li huma inqas onerużi sabiex jintlaħaq l-istess għan.

Fl-aħħar nett, ir-Renju ta' Spanja jitlob il-ħlas ta' interessi moratorji skont l-Artikolu 87(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 1083/2006, l-Artikolu 83 tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 1605/2002 2 u l-Artikolu 106(5) tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 2342/2002 3.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006, tal-11 ta' Lulju 2006, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999.

2 - Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1605/25, tal-25 ta' Gunju 2002, rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli ghall-bagit generali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Volum 4, p. 74).

3 - Regolament tal-Kummissjoni (KE, EURATOM) Nru 2342/2002, tat-23 ta' Diċembru 2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolamenti Finanzjaru li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Volum 4, p. 145).