Language of document : ECLI:EU:C:2022:42

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

20 ta’ Jannar 2022 (1)

[Test rettifikat permezz ta’ digriet tat-2 ta’ Marzu 2022]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra – Direttiva 2003/87/KE – Artikolu 3e – Inklużjoni ta’ attivitajiet tal-avjazzjoni – Direttiva 2008/101/KE – Allokazzjoni u ħruġ mingħajr ħlas ta’ kwoti lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru – Waqfien, minn tali operatur, tal-attivitajiet tiegħu minħabba insolvenza – Deċiżjoni tal-awtorità nazzjonali kompetenti li tirrifjuta li toħroġ kwoti lill-amministratur għall‑insolvenza tal-kumpannija fi stralċ”

Fil-Kawża C‑165/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Berlin (il-Qorti Amministrattiva ta’ Berlin, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Marzu 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑16 ta’ April 2020, fil‑proċedura

ET, li qiegħed jaġixxi bħala amministratur għall-insolvenza ta’ Air Berlin PLC & Co. Luftverkehrs KG (AB KG)

vs

Bundesrepublik Deutschland,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal‑Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tal-Ħames Awla, C. Lycourgos (Relatur), President tar-Raba’ Awla, I. Jarukaitis u M. Ilešič, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Hogan,

Reġistratur: M. Krausenböck, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Ġunju 2021,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal ET, bħala amministratur għall-insolvenza ta’ Air Berlin PLC & Co. Luftverkehrs KG, minn B. Schröder u H. Krüger, Rechtsanwälte,

–        [Kif rettifikat permezz ta’ digriet tat-2 ta’ Marzu 2022] għall-Bundesrepublik Deutschland, minn A. Wendl‑Damerius, bħala aġent, assistit minn G. Buchholz, Rechtsanwalt,

–        għall-Gvern Ġermaniż, inizjalment minn J. Möller, P.‑L. Krüger u S. Heimerl, sussegwentement minn J. Möller u P.‑L. Krüger, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. De Meester, C. Hermes u G. Wils, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tat-23 ta’ Settembru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad‑Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631), kif emendata bir‑Regolament (UE) 2017/2392 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2017 (ĠU 2017, L 350, p. 7) (iktar ’il quddiem id‑“Direttiva 2003/87”), kif ukoll il-validità tal-Artikolu 10(5), tal-Artikolu 29, tal-Artikolu 55(1)(a) u (3) u tal-Artikolu 56 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 389/2013 tat-2 ta’ Mejju 2013 li jistabbilixxi Reġistru tal-Unjoni skont id‑Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Deċiżjonijiet Nri 280/2004/KE u 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) Nri 920/2010 u 1193/2011 (ĠU 2013, L 122, p. 1).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn ET, bħala amministratur għall‑insolvenza ta’ Air Berlin PLC & Co. Luftverkehrs KG (iktar ’il quddiem “Air Berlin”), u l-Bundesrepublik Deutschland (ir-Repubblika Federali tal‑Ġermanja), irrappreżentata mill-Umweltbundesamt (l-Uffiċċju Federali tal‑Ambjent), dwar deċiżjoni li twaqqaf il-ħruġ mingħajr ħlas ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra preċedentement allokati.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2003/87

3        Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/87, intitolat “Il-materja tas-suġġett”:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti għall-emissjoniji tal-gassijiet serra ġewwa l-Komunità […] sabiex tippromwovi t-tnaqqis ta’ l-emissjoni tal-gassijiet serra b’manjiera effettiva rigward spejjez u effiċjenza ekonomika.”

4        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għall-emissjonijiet mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I u għall-gassijiet serra elenkati fl-Annes II.”

5        L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Id-definizzjonijiet”, jiddikjara:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(o)      ‘operatur tal-inġenji tal-ajru’ tfisser il-persuna li topera inġenju tal-ajru fiż-żmien li jwettaq attività marbuta mal-avjazzjoni elenkata fl-Anness I jew, meta dik il-persuna ma tkunx magħrufa jew ma tkunx identifikata mis-sid tal-inġenju tal-ajru, is-sid tal-inġenju tal-ajru;

[…]”

6        L-Artikolu 3c tal-istess direttiva, intitolat “Kwantità totali ta’ kwoti għall‑avjazzjoni”, jipprovdi:

“1.      Għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2012 sal-31 ta’ Diċembru 2012, il-kwantità totali tal-kwoti li għandhom jiġu allokati lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru għandha tkun ekwivalenti għal 97 % tal-emissjonijiet storiċi mill-avjazzjoni.

2.      Għall-perijodu […] li jibda fl-1 ta’ Jannar 2013 […], il-kwantità totali tal-kwoti li għandhom jiġu allokati lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru għandha tkun ekwivalenti għal 95 % tal-emissjonijiet storiċi mill-avjazzjoni mmultiplikati bin-numru ta’ snin f’dak il-perijodu.

[…]

3a.      Kwalunkwe allokazzjoni ta’ kwoti għall-attivitajiet tal-avjazzjoni minn u lejn ajrudromi li jinsabu f’pajjiżi li mhumiex fiż-Żona Ekonomika Ewropea (‘ŻEE’) wara l-31 ta’ Diċembru 2023 għandha tkun soġġetta għar-reviżjoni msemmija fl-Artikolu 28b.

[…]”

7        L-Artikolu 3d tad-Direttiva 2003/87, intitolat “Metodu għall-allokazzjoni ta’ kwoti għall-avjazzjoni permezz ta’ bejgħ bl-irkant”, jipprovdi:

“1.      Fil-perijodu msemmi fl-Artikolu 3c(1), 15 % ta’ kwoti għandhom ikunu rkantati.

2.      Mill-1 ta’ Jannar 2013, 15 % tal-kwoti għandhom ikunu rkantati. […]

[…]”

8        Skont l-Artikolu 3e ta’ din id-direttiva, intitolat “Allokazzjoni u ħruġ ta’ kwoti lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru”:

“1.      Għal kull perijodu msemmi fl-Artikolu 3c, kull operatur tal-inġenji tal-ajru jista’ japplika għal allokazzjoni ta’ kwoti li għandhom jiġu allokati mingħajr ħlas. Applikazzjoni tista’ ssir permezz ta’ preżentazzjoni lill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru amministrattiv ta’ data ivverifikata f’tunnellati-kilometru għall-attivitajiet tal-avjazzjoni elenkati fl-Anness I li twettqu minn dak l-operatur tal-inġenji tal-ajru matul is-sena ta’ monitoraġġ. […] Kwalunkwe applikazzjoni għandha ssir mill-anqas 21 xahar qabel il-bidu tal-perijodu relatat magħha […]

2.      Mill-inqas tmintax‑il xahar qabel il-bidu tal-perijodu relatat mal-applikazzjoni […], l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni l-applikazzjonijiet li jkunu rċevew taħt il-paragrafu 1.

3.      Mill-inqas ħmistax‑il xahar qabel il-bidu ta’ kull perijodu msemmi fl-Artikolu 3c(2) […], il-Kummissjoni għandha tikkalkula u taddotta deċiżjoni li tistabbilixxi:

(a)      il-kwantità totali tal-kwoti li għandha tiġi allokata għal dak il-perijodu skond l-Artikolu 3c;

(b)      in-numru ta’ kwoti li jrid jiġi rkantat f’dak il-perijodu skond l-Artikolu 3d;

(ċ)      in-numru ta’ kwoti fir-riżerva speċjali għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru f’dak il-perijodu skond l-Artikolu 3f(1);

(d)      in-numru ta’ kwoti li għandhom jiġu allokati mingħajr ħlas f’dak il-perijodu billi jitnaqqsu n-numru ta’ kwoti msemmija fil-punti (b) u (c) mill-kwantità totali ta’ kwoti deċiżi taħt il-punt (a); u

(e)      il-punt ta’ referenza li għandu jintuża sabiex jiġu allokati kwoti mingħajr ħlas lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru li l-applikazzjonijiet tagħhom kienu ppreżentati lill-Kummissjoni skond il-paragrafu 2.

[…]

4.      Fi żmien tliet xhur mid-data minn meta l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni skond il-paragrafu 3, kull Stat Membru amministrattiv għandu jikkalkula u jippubblika:

(a)      l-allokazzjoni totali tal-kwoti għall-perijodu lil kull operatur tal-inġenji tal-ajru li l-applikazzjoni tiegħu kien ippreżentaha lill-Kummissjoni skond il-paragrafu 2, ikkalkulata permezz tal-multiplikazzjoni tad-data tat-tunnellati-kilometru inkluża fl-applikazzjoni mal-punt ta’ referenza msemmija fil-paragrafu 3(e); u

(b)      l-allokazzjoni tal-kwoti għal kull operatur tal-inġenji tal-ajru għal kull sena, li għandha tiġi determinata permezz tad-diviżjoni tal-allokazzjoni totali tiegħu tal-kwoti għal dak il-perijodu ikkalkulata taħt il-punt (a) bin-numru ta’ snin matul il-perijodu li fiha dak l-operatur tal-inġenji tal-ajru qed iwettaq attività tal-avjazzjoni elenkata fl-Anness I.

5.      Sat-28 ta’ Frar 2012 u sat-28 ta’ Frar ta’ kull sena sussegwenti, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru amministrattiv għandha toħroġ għal kull operatur tal-inġenji tal-ajru n-numru ta’ kwoti allokati għal dak l-operatur tal-inġenji tal-ajru għal dik is-sena taħt dan l-Artikolu jew l-Artikolu 3f.”

9        L-Artikolu 3f tal-imsemmija direttiva, intitolat “Riżerva speċjali għal ċerti operaturi tal-inġenji tal-ajru”, jipprovdi:

“1.      F’kull perijodu msemmi fl-Artikolu 3c(2), 3 % tal-kwantità totali tal-kwoti li jridu jiġu allokati għandhom jitwarrbu f’riżerva speċjali għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru:

(a)      li jibdew iwettqu attività ta’ avjazzjoni li taqa’ taħt l-Anness I wara s-sena ta’ monitoraġġ li għaliha kienet ppreżentata d-data f’tunnellati-kilometru taħt l-Artikolu 3e(1) rigward perijodu msemmi fl-Artikolu 3c(2); jew

(b)      li d-data f’tunnellati-kilometru tagħhom tiżdied b’medja ta’ iktar minn 18 % kull sena bejn is-sena ta’ monitoraġġ li għaliha ġiet ippreżentata d-data f’tunnellati-kilometru taħt l-Artikolu 3e(1) fir-rigward ta’ perijodu msemmi fl-Artikolu 3c(2) u t-tieni sena kalendarja ta’ dak il-perijodu;

u li l-attività tagħhom taħt il-punt (a), jew attività addizzjonali taħt il-punt (b), m’hijiex fl-intier tagħha jew parzjalment kontinwazzjoni ta’ attività tal-avjazzjoni li qabel kienet imwettqa minn operatur ieħor tal-inġenji tal-ajru.

2.      Operatur tal-inġenji tal-ajru li huwa eliġibbli taħt il-paragrafu 1 jista’ japplika għal allokazzjoni bla ħlas tal-kwoti mir-riżerva speċjali billi jagħmel applikazzjoni lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru amministrattiv tiegħu. Kwalunkwe applikazzjoni għandha ssir sat-30 ta’ Ġunju fit-tielet sena tal-perijodu msemmi fl-Artikolu 3c(2) li tirreferi għalih.

[…]”

10      L-Artikolu 12 tal-istess direttiva, intitolat “It-trasferiment, iċ-ċediment u l‑kanċellazzjoni tal-kwoti”, jipprovdi, fil-paragrafu 2a tiegħu:

“L-Istati Membri amministrattivi għandhom jiżguraw li, sat-30 ta’ April ta’ kull sena, kull operatur tal-inġenji tal-ajru jċedi numru ta’ kwoti ugwali għall-emissjonijiet totali matul is-sena kalendarja preċedenti minn attivitajiet tal-avjazzjoni elenkati fl-Anness I li għalihom l-operatur huwa l-operatur tal-inġenji tal-ajru […]. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kwoti ċeduti skond dan il-paragafu huma sussegewentement imħassra.”

11      Skont l-Artikolu 28a tad-Direttiva 2003/87, intitolat “Derogi applikabbli minn qabel l-implimentazzjoni tal-miżura globali bbażata fuq is-suq tal‑[Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO)]”:

“1.      B’deroga mill-Artikol[u] 12(2a) […], l-Istati Membri għandhom iqisu r-rekwiżiti stabbiliti f’dawk id-dispożizzjonijiet li huma sodisfatti u ma għandhomx jieħdu azzjoni kontra operaturi tal-inġenji tal-ajru fir-rigward ta’:

(a)      l-emissjonijiet kollha minn titjiriet minn u lejn l-ajrudromi li jinsabu f’pajjiżi li mhumiex fiż-ŻEE f’kull sena kalendarja mill-1 ta’ Jannar 2013 sal-31 ta’ Diċembru 2023, soġġett għar-reviżjoni msemmija fl-Artikolu 28b;

(b)      l-emissjonijiet kollha minn titjiriet bejn ajrudromu li jinsab f’reġjun ultraperiferiku fit-tifsira tal-Artikolu 349 [TFUE] u ajrudromu li jinsab f’reġjun ieħor taż-ŻEE f’kull sena kalendarja mill-31 ta’ Jannar 2013 sal-31 ta’ Diċembru 2023, soġġett għar-reviżjoni msemmija fl-Artikolu 28b.

[…]

2.      B’deroga mill-Artikoli 3e u 3f, operaturi tal-inġenji tal-ajru li jibbenefikaw mid-derogi previsti fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jinħarġilhom, kull sena, għadd ta’ kwoti mingħajr ħlas imnaqqsa proporzjonalment skont it-tnaqqis tal-obbligu ta’ restituzzjoni tal-kwoti previst f’dawk il-punti.

[…]

Fir-rigward tal-attività fil-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2017 sal-31 ta’ Diċembru 2023 l-Istati Membri għandhom, qabel l-1 ta’ Settembru 2018, jippubblikaw l-għadd ta’ kwoti tal-avjazzjoni allokati lil kull operatur tal-inġenji tal-ajru.

[…]”

12      L-Artikolu 28b ta’ din id-direttiva, intitolat “Ir-rappurtar u r-reviżjoni mill‑Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ miżura globali tal-ICAO bbażata fuq is-suq”, jipprovdi:

“1.      Qabel l-1 ta’ Jannar 2019 u regolarment wara, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress fin-negozjati tal-ICAO biex tiġi implimentata l-miżura globali bbażata fuq is-suq li għandha tiġi applikata għall-emissjonijiet mill-2021 […]

[…]

2.      Fi żmien 12‑il xahar mill-adozzjoni mill-ICAO tal-istrumenti rilevanti, u qabel ma l-miżura globali bbażata fuq is-suq issir operazzjonali, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li fih għandha tikkunsidra modi biex dawk l-istrumenti jiġu implimentati fil-liġi tal-Unjoni permezz ta’ reviżjoni ta’ din id-Direttiva. […]

[…]”

13      L-Anness I tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kategoriji ta’ Attivitajiet li Għalihom Tapplika din id-Direttiva”, jinkludi intestatura “L-avjazzjoni”, li tkopri, b’ċerti eċċezzjonijiet, it-“[t]itjiriet li jitilqu minn jew li jaslu f’ajrudrom li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru li għalih japplika t-Trattat”.

 Id-Direttiva 2008/101/KE

14      Fi kliem il-premessa 20 tad-Direttiva 2008/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE sabiex tinkludi l-attivitajiet tal-avjazzjoni fl-iskema għall-iskambju ta’ kwoti tal‑emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità (ĠU 2009, L 8, p. 3):

“Sabiex jiġu evitati distorsjonijiet fil-kompetizzjoni, għandha tiġi speċifikata metodoloġija ta’ allokazzjoni armonizzata biex tiġi ddeterminata l-kwantità totali ta’ kwoti li għandhom jinħarġu u biex jitqassmu kwoti lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru. Proporzjon tal-kwoti ser jiġi allokat bl-irkant skond ir-regoli li ser jiġu żviluppati mill-Kummissjoni. Għandha tiġi merfugħa riżerva speċjali ta’ kwoti biex tiżgura aċċess għas-suq għall-operaturi ġodda tal-inġenji tal-ajru u biex tassisti lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru jżiedu malajr in-numru ta’ tunellati-kilometri li jwettqu. L-operaturi tal-inġenji tal-ajru li jieqfu mill-operat għandhom jibqgħu jiġu allokati kwoti sa tmiem il-perijodu li għalih kienu diġà ġew allokati l-kwoti bla ħlas.”

 Ir-Regolament Nru 389/2013

15      L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 389/2013, intitolat “Stat ta’ kont”, jipprovdi:

“1.      Il-kontijiet għandhom ikunu f’wieħed mill-istati li ġejjin: miftuħ, blokkat, eskluż jew magħluq.

[…]

5.      Hekk kif tasal notifika, mingħand l-awtorità kompetenti, li t-titjiriet ta’ operatur ta’ inġenji tal-ajru ma għadhomx inklużi fl-iskema tal-Unjoni skont l-Anness I tad-Direttiva [2003/87], l-amministratur nazzjonali għandu jaqleb l-istatus tal-kont korrispondenti miżmum mill-operatur tal-inġenji tal-ajru għal eskluż, wara li jkun ta avviż minn qabel lill-opertatur tal-inġenji tal-ajru kkonċernat, u sakemm tasal notifika mingħand l-awtorità kompetenti li t-titjiriet tal-operatur tal-inġenji tal-arju ġew inklużi mill-ġdid fl-iskema tal-Unjoni.

[…]”

16      Fi kliem l-Artikolu 29 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Għeluq ta’ kontijiet ta’ depożitu ta’ operatur”:

“Kontijiet ta’ depożitu ta’ operaturi ta’ inġenji tal-ajru għandhom jingħalqu biss mill-amministratur nazzjonali jekk tingħatalu struzzjoni mill-awtorità kompetenti biex jagħmel hekk minħabba li l-awtorità kompetenti tkun skopriet li l-operatur ta’ inġenji tal-ajru jkun għamel fużjoni ma’ operatur ieħor ta’ inġenji tal-ajru jew li l-operatur ta’ inġenji tal-ajru jkun waqqaf l-operazzjonijiet kollha tiegħu koperti mill-Anness I tad-Direttiva [2003/87], jew permezz ta’ notifika mid-detentur ta’ kont jew permezz ta’ evidenza oħra.”

17      L-Artikolu 55 tar-Regolament, intitolat “Tibdiliet għat-tabelli ta’ allokazzjonijiet nazzjonali għall-avjazzjoni”, jipprovdi:

“1.      L-amministratur nazzjonali għandu jagħmel tibdiliet fit-tabella ta’ allokazzjonijiet nazzjonali għall-avjazzjoni […] fejn:

(a)      operatur ta’ inġenji tal-ajru jkun waqqaf l-operati kollha tiegħu koperti mill-Anness I tad-Direttiva [2003/87];

[…]

3.      Il-Kummissjoni għandha tagħti istruzzjoni lill-amministratur ċentrali biex jagħmel it-tibdiliet korrispondenti fit-tabella ta’ allokazzjonijiet nazzjonali għall-avjazzjoni […] jekk iqis li t-tibdil għat-tabella ta’ allokazzjonijiet nazzjonali għall-avjazzjoni jkun skont id-Direttiva [2003/87] […]

[…]”

18      L-Artikolu 56 tal-istess regolament, intitolat “Allokazzjoni b’xejn ta’ kwoti tal‑avjazzjoni”, jipprovdi:

“1.      L-amministratur nazzjonali għandu jindika għal kull operatur ta’ inġenji tal-ajru u għal kull sena jekk l-operatur ta’ inġenji tal-ajru għandux jirċievi jew le allokazzjoni għal dik is-sena fit-tabella ta’ allokazzjonijiet nazzjonali għall-avjazzjoni.

2.      Mill-1 ta’ Frar 2013, l-amministratur ċentrali għandu jiżgura li r-Reġistru tal-Unjoni jittrasferixxi kwoti tal-avjazzjoni awtomatikament mill-Kont ta’ Allokazzjonijiet għall-Avjazzjoni tal-UE skont it-tabella ta’ allokazzjonijiet nazzjonali rilevanti, lill-kont ta’ detentur ta’ operatur rilevanti miftuħ jew ibblukkat […]

[…]”

 Id-dritt Ġermaniż

19      L-Artikolu 2, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, tat-Treibhausgas-Emissionshandelsgesetz (il-Liġi dwar l-Iskambju ta’ Kwoti ta’ Emissjonijiet ta’ Gassijiet Serra) tal-21 ta’ Lulju 2011 (BGBl. 2011 I, p. 1475), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem it-“TEHG”), jipprovdi, fil-paragrafu 6 tiegħu:

“Fir-rigward ta’ attivitajiet tal-avjazzjoni, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-att jestendi għall-emissjonijiet kollha minn inġenji tal-ajru li jirriżultaw minn konsum ta’ fjuwil. […] Dan l-att japplika biss għal attivitajiet tal-avjazzjoni mwettqa:

1.      minn operaturi ta’ inġenji tal-ajru li jkollhom liċenzja Ġermaniża sabiex joperaw […] matul il-validità; jew

2.      minn operaturi ta’ inġenji tal-ajru li jkunu ġew allokati l-Ġermanja bħala l-Istat Membru amministrattiv […] u li ma jkollhomx liċenzja valida sabiex joperaw maħruġa minn Stat ieħor [taż-ŻEE].

[…]”

20      L-Artikolu 9 tat-TEHG, intitolat “Allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet bla ħlas lil operaturi ta’ installazzjonijiet”, jipprovdi, fil-paragrafu 6 tiegħu:

“Id-deċiżjoni ta’ allokazzjoni għandha tkun irtirata jekk, bħala riżultat ta’ att legali tal-Unjoni Ewropea, ikollha tiġi emendata retrospettivament. […]”

21      Fi kliem l-Artikolu 11 tat-TEHG, intitolat “Allokazzjoni ġenerali ta’ kwoti bla ħlas lil operaturi ta’ inġenji tal-ajru”:

“(1)      L-operatur ta’ inġenji tal-ajru għandu jkun allokat għadd ta’ kwoti għall-avjazzjoni bla ħlas għal perijodu ta’ skambju li jkun jikkorrispondi mal-prodott tal-prestazzjoni tat-trasport fis-sena bażi […] u mal-punt ta’ riferiment li jinħadem skont […] [id]-Direttiva 2003/87.

[…]

(6)      L-awtorità kompetenti għandha talloka kwoti bla ħlas fi żmien tliet xhur mid-data tal-pubblikazzjoni, mill-Kummissjoni […], tal-punt ta’ riferiment skont l-Artikolu 3e(3) tad-Direttiva 2003/87. […]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

22      Permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Diċembru 2011, id-Deutsche Emissionshandelsstelle (l-Awtorità Ġermaniża għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet, iktar ’il quddiem id-“DEHSt”) allokat, skont l-Artikolu 11 tat-TEHG, lil Air Berlin total ta’ 28 759 739 kwota ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra mingħajr ħlas (iktar ’il quddiem il-“kwoti tal-avjazzjoni”), li minnhom 3 360 363 ġew allokati għas-sena 2012 u 3 174 922 kull sena għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2013 sal-31 ta’ Diċembru 2020.

23      Permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Jannar 2015, id-DEHSt ipproċediet bl-irtirar ta’ 9 980 071 kwota tal-avjazzjoni, minħabba l-introduzzjoni, permezz ta’ att tal-Unjoni, ta’ eżenzjoni temporanja, għas-snin mill‑2013 sal‑2016, tal-obbligu ta’ skambju ta’ kwoti għal ċerti titjiriet internazzjonali. Dan l-irtirar sar definittiv u n-numru ta’ kwoti tal-avjazzjoni allokati lil Air Berlin għas-snin kollha mill-2012 sal-2020 għalhekk naqas għal 18 779 668 unità.

24      Fil-15 ta’ Awwissu 2017, Air Berlin talbet sabiex jinfetħu proċeduri ta’ insolvenza fir-rigward tagħha. Fl-istess jum, l-Amtsgericht Charlottenburg (il-Qorti Distrettwali ta’ Charlottenburg, il-Ġermanja) fetħet il-proċedura provviżorja ta’ insolvenza mingħajr astensjoni u ħatret lir-rikorrent fil-kawża prinċipali bħala amministratur provviżorju tal-beni.

25      Fit-28 ta’ Ottubru 2017, Air Berlin waqqfet uffiċjalment l-attivitajiet tal-avjazzjoni tagħha.

26      Permezz ta’ digriet tal-1 ta’ Novembru 2017, l-Amtsgericht Charlottenburg (il‑Qorti Distrettwali ta’ Charlottenburg) fetħet il-proċedura ta’ insolvenza prinċipali u ħatret lir-rikorrent fil-kawża prinċipali bħala amministratur tal-beni. Sussegwentement, permezz ta’ deċiżjoni tat-16 ta’ Jannar 2018, dik il-qorti temmet, fuq talba ta’ Air Berlin, il-proċedura ta’ insolvenza mingħajr astensjoni u ħatret lir-rikorrent fil-kawża prinċipali bħala amministratur għall-insolvenza.

27      Permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Frar 2018 indirizzata lir-rikorrent fil-kawża prinċipali, id-DEHSt ipproċediet bl-irtirar parzjali ġdid ta’ kwoti tal-avjazzjoni, billi evalwat mill-ġdid in-numru ta’ dawn il-kwoti allokati lil Air Berlin għas-snin kollha mill-2013 sal-2020 għal 12 159 960 unità.

28      Id-DEHSt ibbażat din id-deċiżjoni, minn naħa, fuq l-estensjoni għas-snin 2017 sal-2020 tal-eżenzjoni mill-obbligu ta’ skambju ta’ kwoti għal ċerti titjiriet internazzjonali u, min-naħa l-oħra, fuq il-fatt li, qabel tmiem is-sena 2017, Air Berlin kienet temmet l-attivitajiet tal-avjazzjoni tagħha. Fid-dawl ta’ dan il-fatt tal-aħħar, id-DEHSt indikat li ma hemmx lok li jinħarġu kwoti tal-avjazzjoni għas-snin 2018 sal-2020. Għal din l-istess raġuni, hija ddeċidiet li tqiegħed il-kont ta’ depożitu tal-operatur tal-inġenji tal-ajru ta’ Air Berlin fl-istat ta’ “kont eskluż”, fis-sens tal-Artikolu 10(5) tar-Regolament Nru 389/2013.

29      Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ressaq ilment kontra din id-deċiżjoni sa fejn din kienet ibbażata fuq il-waqfien tal-attivitajiet ta’ Air Berlin. Huwa invoka, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u r-raba’ sentenza tal-premessa 20 tad-Direttiva 2008/101.

30      B’deċiżjoni tad-19 ta’ Ġunju 2018, id-DEHSt ċaħdet dan l-ilment. Fil-fehma tagħha, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ma jistax jinvoka b’mod utli l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, peress li mill-Artikolu 10(5) tar-Regolament Nru 389/2013 jirriżulta li l-kwoti tal-avjazzjoni ma jistgħux jinħarġu iktar meta l-operatur tal-inġenji tal-ajru inkwistjoni ma jwettaqx titjiriet suġġetti għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Ma hemmx lok li tittieħed inkunsiderazzjoni r-raba’ sentenza tal-premessa 20 tad-Direttiva 2008/101, peress li l-kontenut ta’ din is-sentenza ma huwiex rifless fid-dispożizzjonijiet sostantivi tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

31      Fit-23 ta’ Lulju 2018, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali talab l-għajnuna legali sabiex iressaq azzjoni. Permezz ta’ digriet tas-16 ta’ Diċembru 2019, l-Oberverwaltungsgericht Berlin‑Brandenburg (il-Qorti Amministrattiva Superjuri ta’ Berlin‑Brandenburg, il-Ġermanja) tat tali għajnuna, billi kkunsidrat li jista’ jirriżulta mid-Direttiva 2008/101 li l-waqfien tal-attivitajiet tal-avjazzjoni ma jiġġustifikax l-irtirar ta’ kwoti tal-avjazzjoni.

32      Fit-2 ta’ Jannar 2020, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta, quddiem il-Verwaltungsgericht Berlin (il-Qorti Amministrattiva ta’ Berlin, il-Ġermanja), azzjoni kontra d-deċiżjoni tat-28 ta’ Frar 2018. Huwa josserva li t-TEHG ma kinitx tipprevedi l-possibbiltà li jiġu rtirati kwoti tal-avjazzjoni f’każ ta’ waqfien tal-attivitajiet tal-avjazzjoni. Mir-raba’ sentenza tal-premessa 20 tad-Direttiva 2008/101 jirriżulta mingħajr ambigwità li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried li l-kwoti tal-avjazzjoni allokati jibqgħu jingħataw f’tali każ.

33      Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jesponi li, xi xhur qabel il-waqfien tal-attivitajiet tal-avjazzjoni tagħha, Air Berlin biegħet il-maġġoranza tal-kwoti tal-avjazzjoni li kienu ġew allokati lilha għas-sena 2017. Hija għamlet dan billi qieset, abbażi ta’ aspettattivi leġittimi, li l-kwoti tal-avjazzjoni allokati għas-snin mill‑2018 sal-2020 kienu ser ikomplu jingħatawlha u li għalhekk hija kienet f’pożizzjoni li tissodisfa, għas-sena 2018, l-obbligi tagħha ta’ ċediment ta’ kwoti għall-emissjonijiet li jirriżultaw mit-titjiriet tagħha mwettqa matul is-sena 2017.

34      Id-dritt ta’ operatur tal-inġenji tal-ajru għaż-żamma tal-kwoti tal-avjazzjoni li ġew allokati lilu ma huwa suġġett għal ebda kundizzjoni partikolari u lanqas ma jiddependi mill-punt dwar jekk, wara t-tmiem tal-attivitajiet ta’ dan l-operatur, dawn jitkomplewx, fis-sens tal-Artikolu 3f(1) tad-Direttiva 2003/87, minn operaturi oħra. Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali madankollu jippreċiża li, wara l-waqfien tal-attivitajiet ta’ Air Berlin, is-slots tal-ħin tagħha nbiegħu lil kumpanniji tal-ajru oħra.

35      Skont il-konvenuta fil-kawża prinċipali, id-deċiżjoni inizjali ta’ allokazzjoni kienet ibbażata fuq il-preżunzjoni li Air Berlin kienet teżerċita, matul il-perijodu kollu tal-iskambju tal-kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ skambju”) inkwistjoni, attivitajiet tal-avjazzjoni suġġetti għall-obbligu ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Issa, sa mill-waqfien tal-attivitajiet tagħha, Air Berlin ma baqgħetx suġġetta għall-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (iktar ’il quddiem l-“ISKE”) prevista mid-Direttiva 2003/87, b’tali mod li, skont l-Artikolu 10(5) tar-Regolament Nru 389/2013, il-kont tagħha ta’ depożitu tal-operatur tal-inġenji tal-ajru ġie eskluż minn din l-iskema. Barra minn hekk, mal-iskadenza, fl-1 ta’ Frar 2018, tal-liċenzja sabiex topera tagħha, Air Berlin lanqas ma kellha l-istatus ta’ operatur ta’ inġenji tal-ajru, fis-sens tal-Artikolu 2(6) tat-TEHG.

36      Fir-rigward tar-raba’ sentenza tal-premessa 20 tad-Direttiva 2008/101, il-konvenuta fil-kawża prinċipali ssostni li din is-sentenza tikkontradixxi l-ISKE u għalhekk ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni. Hija tqis, barra minn hekk, li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ma jista’ jinvoka ebda aspettattivi leġittimi ta’ Air Berlin, peress li din il-kumpannija ma setgħetx raġonevolment tassumi li hija kienet ser tkompli tirċievi kwoti tal-avjazzjoni wara t-tmiem tal-attivitajiet tagħha.

37      Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-legalità tal-irtirar tal-kwoti tal-avjazzjoni għas-snin 2018 sal-2020 tiddependi ħafna mill-effetti legali tal-waqfien, minn Air Berlin, tal-attivitajiet tal-avjazzjoni tagħha. F’dan ir-rigward, hija tistaqsi b’mod partikolari dwar il-portata tar-raba’ sentenza tal-premessa 20 tad-Direttiva 2008/101. Fl-assenza ta’ dispożizzjoni materjali li tikkorrobora din is-sentenza, il-kwistjoni dwar jekk il-kwoti tal-ajru għandhomx jinżammu jew jiġu rtirati f’każ ta’ waqfien tal-attivitajiet għandha tiġi kkjarifikata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

38      Għandu jiġi interpretat ukoll il-kunċett ta’ “kontinwazzjoni” minn operaturi oħra, tal-attivitajiet tal-avjazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 3f(1) tad-Direttiva 2003/87, u għandu jiġi speċifikat jekk iż-żamma tal-kwoti tal-ajru tiddependix minn tali kontinwazzjoni.

39      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi l-irtirar ta’ kwoti tal-avjazzjoni f’każ ta’ waqfien tal-attivitajiet tal-avjazzjoni, ikun għad hemm lok, minn naħa, li tiġi eżaminata l-validità tal-Artikoli 10, 29, 55 u 56 tar-Regolament Nru 389/2013, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu, fil-każ ta’ waqfien ta’ dawn l-attivitajiet, l-esklużjoni jew l-għeluq tal-kont ta’ depożitu tal-operatur tal-inġenji tal-ajru, u, min-naħa l-oħra, li jiġi ddeterminat jekk il-perijodu ta’ skambju inkwistjoni skadiex, għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru, fil-31 ta’ Diċembru 2020 jew jiskadi biss, fid-dawl tal-Artikoli 28a u 28b tad-Direttiva 2003/87, fil-31 ta’ Diċembru 2023. F’dan ir-rigward tal-aħħar, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li dan il-perijodu skada fil-31 ta’ Diċembru 2020, għandu jiġi ppreċiżat ukoll jekk il-kwoti tal-avjazzjoni relatati mal-imsemmi perijodu jistgħux dejjem jinħarġu wara l-31 ta’ Diċembru 2020, b’eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja mogħtija wara din id-data.

40      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Berlin (il-Qorti Amministrattiva ta’ Berlin) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal‑Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Id-Direttiva 2003/87 u d-Direttiva 2008/101, fid-dawl tal-premessa 20 tad-Direttiva 2008/101, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-annullament tal-allokazzjoni bla ħlas ta’ kwoti għall-avjazzjoni lil operatur tal-ajruplani għas-snin 2018 sa 2020 meta l-kwoti għas-snin 2013 sa 2020 kienu diġà ġew allokati u l-operatur tal-ajruplani waqqaf l-attivitajiet tiegħu fl-2017 minħabba insolvenza?

L-Artikolu 3f(1) tad-Direttiva 2003/87 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-annullament tad-deċiżjoni ta’ allokazzjoni wara l-waqfien tal-attivitajiet tal-avjazzjoni minħabba insolvenza jiddependi fuq jekk it-trasportaturi bl-ajru oħra jibqgħux iwettqu attivitajiet tal-avjazzjoni? L-Artikolu 3f(1) tad-Direttiva 2003/87 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-attivitajiet tal-avjazzjoni jitkomplew jekk id-drittijiet ta’ nżul fl-hekk imsejħa ajruporti kkoordinati (slots) ikunu ġew parzjalment mibjugħa (għall-attivitajiet fuq medda qasira u medja tal-linja tal-ajru insolventi) lil tliet operaturi oħra tat-trasport bl-ajru?

2)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10(5), tal-Artikolu 29, tal-Artikolu 55(1)(a) u (3) kif ukoll tal-Artikolu 56 tar-Regolament (UE) Nru 389/2013 huma kompatibbli mad-Direttivi 2003/87 u 2008/101 u validi, sa fejn dawn jipprekludu li l-allokazzjoni bla ħlas ta’ kwoti għall-avjazzjoni, li għadhom ma nħarġux, jinħarġu fil-każ li l-operatur tal-ajruplani jwaqqaf l-attivitajiet tiegħu minħabba insolvenza?

3)      Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda:

Id-Direttivi 2003/87 u 2008/101 għandhom jiġu interpretati fis-sens li huwa obbligatorju, skont id-dritt tal-Unjoni, li tiġi annullata d-deċiżjoni relatata mal-allokazzjoni bla ħlas ta’ kwoti għall-avjazzjoni?

4)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda u ta’ risposta fin-negattiv għat-tielet domanda:

L-Artikoli 3c(3a), 28a(1) u (2) u 28b(2) tad-Direttiva 2003/87 […] għandhom jiġu interpretati fis-sens li t-tielet perijodu ta’ skambju għall-operaturi tal-ajruplani ma jintemmx fl-aħħar tal-2020 iżda biss fl-2023?

5)      Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għar-raba’ domanda:

Talbiet għal allokazzjoni addizzjonali ta’ kwoti ta’ emissjoni [tal-avjazzjoni] bla ħlas għall-operaturi tal-ajruplani għat-tielet perijodu ta’ skambju jistgħu jintlaqgħu wara t-tmiem tat-tielet perjodu ta’ skambju permezz ta’ [kwoti tal-avjazzjoni] mir-raba’ perijodu ta’ skambju, fil-każ li l-eżistenza ta’ din it-talba għall-allokazzjoni tkun biss stabbilita minn qorti wara l-iskadenza tat-tielet perijodu ta’ skambju, jew it-talbiet ta’ allokazzjoni li jkunu għadhom ma ntlaqgħux jiskadu mat-tmiem tat-tielet perijodu ta’ skambju?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel u t-tielet domanda

41      L-ewwel u t-tielet domanda, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, jirrigwardaw il‑punt dwar kif għandha tiġi applikata l-iskema tal-għoti ta’ kwoti tal-avjazzjoni fil-każ ta’ waqfien, mill-operatur tal-inġenji tal-ajru ikkonċernat, tal-attivitajiet tal‑avjazzjoni tiegħu.

42      Din l-iskema tinsab fl-Artikoli 3e u 3f tad-Direttiva 2003/87, li jaqgħu taħt il-Kapitolu II tagħha, intitolat “Avjazzjoni” u mdaħħla f’din id-direttiva bid-Direttiva 2008/101.

43      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tal-ewwel u tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 3e u 3f tad-Direttiva 2003/87 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li n-numru ta’ kwoti tal-avjazzjoni allokati lil operatur tal-inġenji tal-ajru għandu, fil-każ ta’ waqfien tal-attivitajiet tal-avjazzjoni ta’ dan l-operatur matul il-perijodu ta’ skambju inkwistjoni, jitnaqqas proporzjonalment għall-parti ta’ dan il-perijodu li matulu dawn l-attivitajiet ma jitwettqux iktar.

44      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li l-Artikolu 3e(1) sa (3) tad-Direttiva 2003/87 jippermetti lil kull operatur tal-inġenji tal-ajru jitlob l-allokazzjoni ta’ kwoti tal-avjazzjoni, b’tali talba għandha titressaq mill-inqas wieħed u għoxrin xahar qabel il-bidu ta’ perijodu ta’ skambju ġdid. Huma l-Istati Membri li għandhom jippreżentaw, mill-inqas tmintax‑il xahar qabel il-bidu ta’ dan il-perijodu, it-talbiet li jirċievu lill-Kummissjoni, li għandha tadotta, mill-inqas ħmistax‑il xahar qabel il-bidu tal-imsemmi perijodu, deċiżjoni li tindika, b’mod partikolari, in-numru ta’ kwoti tal-avjazzjoni disponibbli u l-punt ta’ riferiment li għandu jintuża għall-allokazzjoni tagħhom.

45      L-Artikolu 3e(4) ta’ din id-direttiva jipprovdi li, fi żmien tliet xhur mill-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, kull Stat Membru għandu jikkalkola u jippubblika, minn naħa, it-total tal-kwoti tal-avjazzjoni allokati għall-perijodu inkwistjoni lil kull operatur tal-inġenji tal-ajru kkonċernat u, min-naħa l-oħra, “l-allokazzjoni tal-kwoti għal kull operatur tal-inġenji tal-ajru għal kull sena, li għandha tiġi determinata permezz tad-diviżjoni tal-allokazzjoni totali tiegħu tal-kwoti għal dak il-perijodu […] bin-numru ta’ snin matul il-perijodu li fiha dak l-operatur tal-inġenji tal-ajru qed iwettaq attività tal-avjazzjoni elenkata fl-Anness I”.

46      B’hekk, mill-Artikolu 3e(4) tad-Direttiva 2003/87 jirriżulta li l-kwantità totali ta’ kwoti tal-avjazzjoni allokati lil operatur tal-inġenji tal-ajru għal perijodu ta’ skambji partikolari hija kkalkolata ex ante u li, f’din l-okkażjoni, in-numru ta’ kwoti tal-avjazzjoni allokati fis-sena huwa wkoll stabbilit, billi din il-kwantità totali tiġi diviża bin-numru ta’ snin f’dan il-perijodu li għalihom dan l-operatur iwettaq attivitajiet tal-avjazzjoni msemmija fl-Anness I ta’ din id-direttiva, peress li huma biss dawn l-attivitajiet li huma suġġetti għall-ISKE.

47      Sussegwentement, huwa ppreċiżat, fl-Artikolu 3e(5) tal-imsemmija direttiva, li dan in-numru annwali ta’ kwoti tal-avjazzjoni jinħareġ lill-“operatur tal-inġenji tal-ajru” ikkonċernat sa mhux iktar tard mit-28 ta’ Frar ta’ kull sena tal-imsemmi perijodu.

48      Minn dawn l-elementi jirriżulta li l-iskema tal-għoti ta’ kwoti tal-avjazzjoni tippreżupponi t-twettiq, mill-benefiċjarju ta’ dan l-għoti, tal-attivitajiet tal-avjazzjoni msemmija fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87 u li dawn il-kwoti jinħarġu f’partijiet annwali sakemm il-benefiċjarju jkun, ukoll fil-mument ta’ din il-kunsinna effettiva tal-imsemmija kwoti, “operatur tal-inġenji tal-ajru”, liema kunċett huwa ddefinit, fl-Artikolu 3(o) ta’ din id-direttiva, bħala li jirreferi għall-“persuna li topera inġenju tal-ajru fiż-żmien li jwettaq attività marbuta mal-avjazzjoni elenkata fl-Anness I”.

49      Fid-dawl ta’ dawn il-modalitajiet tal-iskema tal-għoti ta’ kwoti tal-avjazzjoni u, b’mod partikolari, tar-rabta espressament stabbilita mil-leġiżlatur tal-Unjoni bejn, minn naħa, l-allokazzjoni u l-ħruġ ta’ dawn il-kwoti, u, min-naħa l-oħra, it-twettiq ta’ attivitajiet tal-avjazzjoni suġġetti għall-ISKE, għandu jiġi kkunsidrat li t-twettiq ta’ tali attivitajiet matul il-perijodu kollu ta’ skambju inkwistjoni ma jikkostitwixxix sempliċi preżunzjoni li abbażi tagħha jitwettaq il-kalkolu ex ante tal-kwoti tal-avjazzjoni, iżda kundizzjoni materjali għall-ħruġ effettiv tal-partijiet annwali ta’ dawn il-kwoti sat-tmiem ta’ dan il-perijodu.

50      Għaldaqstant, meta operatur tal-inġenji tal-ajru jtemm l-attivitajiet tiegħu matul perijodu ta’ skambju u b’hekk jitlef il-kwalità tiegħu ta’ operatur tal-inġenji tal-ajru, fis-sens tad-Direttiva 2003/87, u, konsegwentement, jiġi mċaħħad mill-kwoti tal-avjazzjoni allokati għas-snin li issa saru mingħajr attività tal-avjazzjoni, l-amministratur għall-insolvenza ta’ dan l-ex operatur tal-inġenji tal-ajru ma jistax utilment jinvoka ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

51      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li dan il-prinċipju jestendi għal kull individwu li awtorità amministrattiva tkun ħolqitlu aspettattivi fuq il-bażi ta’ assigurazzjonijiet speċifiċi li din tkun tatu (sentenza tal-15 ta’ April 2021, Administration de l’Enregistrement, des Domaines et de la TVA, C‑846/19, EU:C:2021:277, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 81 tal-konklużjonijiet tiegħu, fil-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma hemm ebda indikazzjoni li assigurazzjonijiet preċiżi fis-sens ta’ ħruġ ta’ kwoti tal-avjazzjoni sal-aħħar tal-perijodu ta’ skambju kienu, fi kwalunkwe mument ta’ dan il-perijodu, ingħataw lil Air Berlin jew, ladarba din saret insolventi, lir-rikorrent fil-kawża prinċipali. B’mod partikolari, kif ġie espost fil-punti 48 u 49 ta’ din is-sentenza, l-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ avjazzjoni għal perijodu ta’ skambju ma tistax tinftiehem bħala li tiggarantixxi, f’kull ċirkustanza, l-għoti ta’ dawn il-kwoti sa tmiem dan il-perijodu.

52      Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata mir-raba’ sentenza tal-premessa 20 tad-Direttiva 2008/101.

53      Ċertament, moqrija waħidha, din is-sentenza, li tinsab fil-preambolu tal-att li bih il-leġiżlatur tal-Unjoni inkluda l-attivitajiet tal-avjazzjoni fl-ISKE, u li fi kliemha “[l]-operaturi tal-inġenji tal-ajru li jieqfu mill-operat għandhom jibqgħu jiġu allokati kwoti sa tmiem il-perijodu li għalih kienu diġà ġew allokati l-kwoti bla ħlas”, tagħti lil wieħed x’jifhem li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried li l-partijiet annwali tal-kwoti tal-avjazzjoni allokati għal perijodu ta’ skambji jingħataw sal-aħħar ta’ dan il-perijodu, u dan anki meta jkun hemm waqfien tal-attivitajiet tal-avjazzjoni.

54      Madankollu, u mingħajr ma huwa neċessarju għall-Qorti tal-Ġustizzja li teżamina ċ-ċirkustanzi li wasslu sabiex l-imsemmija sentenza tiddaħħal fil-preambolu tad-Direttiva 2008/101, għandu jiġi kkonstatat li dan il-preambolu huwa kontradett mill-Artikolu 3e(4) u (5) tad-Direttiva 2003/87, li l-formulazzjoni tiegħu tenfasizza r-rabta indispensabbli bejn, minn naħa, l-allokazzjoni u l-ħruġ tal-kwoti tal-avjazzjoni, u, min-naħa l-oħra, l-eżerċizzju effettiv tal-attivitajiet tal-avjazzjoni msemmija fl-Anness I ta’ din id-direttiva.

55      Għalhekk, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li l‑preambolu ta’ att tal-Unjoni ma għandux valur ġuridiku vinkolanti u ma jistax jiġi invokat la sabiex issir deroga mid‑dispożizzjonijiet stess tal‑att ikkonċernat u lanqas sabiex dawn id‑dispożizzjonijiet jiġu interpretati f’sens li manifestament imur kontra l‑formulazzjoni tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta’ Ġunju 2014, Karen Millen Fashions, C‑345/13, EU:C:2014:2013, punt 31, u tal-25 ta’ Novembru 2020, Istituto nazionale della previdenza sociale (Benefiċċji tal-familja għar-residenti għal żmien twil), C‑303/19, EU:C:2020:958, punt 26), għandha tiġi miċħuda l-possibbiltà, għall-amministratur għall-insolvenza ta’ ex operatur tal-inġenji tal-ajru, li jinvoka r-raba’ sentenza tal-premessa 20 tad-Direttiva 2008/101 sabiex jitlob, għall-benefiċċju tal-attiv tal-kumpannija fi stralċ, l-għoti tal-kwoti tal-avjazzjoni għas-snin mingħajr attività tal-avjazzjoni.

56      Għandu jingħad ukoll li l-ħruġ, lill-amministratur għall-insolvenza ta’ ex operatur tal-inġenji tal-ajru, ta’ kwoti tal-avjazzjoni għas-snin li matulhom ma titwettaq ebda attività tal-avjazzjoni msemmija fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87 huwa inkompatibbli mhux biss mal-formulazzjoni tal-Artikolu 3e ta’ din id-direttiva, iżda wkoll mal-għan u mal-istruttura ġenerali tal-ISKE.

57      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ISKE, kif stabbilita mid-Direttiva 2003/87, għandha bħala għan finali l-protezzjoni tal-ambjent u hija bbażata fuq loġika ekonomika, li tħeġġeġ lil kull parteċipant għall-emissjoni ta’ kwantità ta’ gassijiet serra li tkun inqas mill-kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra li ġew inizjalment mogħtija lilu, sabiex iċedi l-bqija tagħhom lil parteċipant ieħor li pproduċa kwantità ta’ emissjonijiet ogħla mill-kwoti allokati (sentenza tas-3 ta’ Diċembru 2020, Ingredion Germany, C‑320/19, EU:C:2020:983, punti 38 u 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). Bħala effett tal-emendi introdotti bid-Direttiva 2008/101, dan l-iskop u din il-loġika tal-ISKE ġew estiżi għas-settur tal-avjazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et, C‑366/10, EU:C:2011:864, punti 138 sa 140).

58      L-istruttura ġenerali tad-Direttiva 2003/87 hija bbażata għalhekk fuq kontabbiltà stretta tal-kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra maħruġa, miżmuma, ittrasferiti u annullati (sentenza tad-8 ta’ Marzu 2017, ArcelorMittal Rodange u Schifflange, C‑321/15, EU:C:2017:179, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, din id-direttiva teżiġi b’mod partikolari, fl-Artikolu 12(2a) tagħha, li kull operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jċedi, kull sena, “numru ta’ kwoti ugwali għall-emissjonijiet totali matul is-sena kalendarja preċedenti minn attivitajiet tal-avjazzjoni elenkati fl-Anness I li għalihom l-operatur huwa l-operatur tal-inġenji tal-ajru”.

59      Kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 95 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-ħruġ ta’ kwoti tal-avjazzjoni lill-amministratur għall-insolvenza ta’ ex operatur tal-inġenji tal-ajru għas-snin li matulhom dan tal-aħħar ma wettaqx iktar attivitajiet tal-avjazzjoni huwa estranju kemm għal dan l-iskop kif ukoll għal din l-istruttura ġenerali tal-ISKE u joħloq biss vantaġġ imprevist għall-kredituri ta’ dan l-ex operatur tal-inġenji tal-ajru.

60      Fl-aħħar nett, sa fejn id-domanda tal-qorti tar-rinviju tirrigwarda wkoll l-Artikolu 3f tad-Direttiva 2003/87, għandu jiġi rrilevat li dan l-artikolu jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, il-ħolqien ta’ riżerva speċjali għall-allokazzjoni ta’ kwoti tal-avjazzjoni fil-każ ta’ twettiq ta’ attivitajiet tal-avjazzjoni ġodda jew addizzjonali, bil-kundizzjoni li dawn l-attivitajiet ma jkunux jaqgħu fl-ambitu tat-tkomplija ta’ attività tal-avjazzjoni eżerċitata qabel minn operatur ieħor tal-inġenji tal-ajru.

61      B’hekk jirriżulta li din id-dispożizzjoni ma tirrigwardax il-każ fejn operatur tal-inġenji tal-ajru jieqaf mill-attivitajiet tiegħu, iżda dik fejn tali operatur iwettaq attivitajiet tal-avjazzjoni ġodda jew addizzjonali. Ir-riżerva speċjali prevista mill-imsemmija dispożizzjoni la tista’ għalhekk tikkonċerna lil Air Berlin u lanqas lir-rikorrent fil-kawża prinċipali.

62      Barra minn hekk, anki jekk jitqies li l-attivitajiet tal-avjazzjoni ta’ Air Berlin tkomplew minn operaturi oħra, mill-kliem stess tal-imsemmi Artikolu 3f(1) jirriżulta li tali attivitajiet ġodda jew addizzjonali mwettqa minn dawn l-operaturi fil-kuntest tat-tkomplija ta’ attivitajiet tal-avjazzjoni mwettqa qabel minn Air Berlin huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

63      Minn dan isegwi li l-Artikolu 3f tad-Direttiva 2003/87 huwa irrilevanti sabiex tingħata risposta għall-ewwel u għat-tielet domanda.

64      Fir-rigward tal-punt dwar jekk l-operaturi li setgħu komplew l-attivitajiet tal-avjazzjoni ta’ Air Berlin jistgħux, indipendentement mill-Artikolu 3f ta’ din id-direttiva, jinvokaw dritt għat-trasferiment, fuq il-kontijiet tagħhom ta’ depożitu tal-operatur tal-inġenji tal-ajru, tal-kwoti inizjalment allokati lil Air Berlin u sussegwentement irtirati minħabba l-waqfien tal-attivitajiet tal-avjazzjoni tagħha, għandu jiġi rrilevat li ebda element fid-deċiżjoni tar-rinviju jew fl-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jindika li tali dritt huwa invokat fil-kawża prinċipali. Konsegwentement, il-kwistjoni ta’ tali trasferiment ma tistax tiġi eżaminata fl-ambitu ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

65      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel u għat‑tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 3e tad-Direttiva 2003/87 għandu jiġi interpretat fis-sens li n-numru ta’ kwoti tal-avjazzjoni allokati lil operatur tal‑inġenji tal-ajru għandu, fil-każ ta’ waqfien tal-attivitajiet tal-avjazzjoni ta’ dan l-operatur matul il-perijodu ta’ skambju inkwistjoni, jitnaqqas proporzjonalment għall-parti ta’ dan il-perijodu li matulu dawn l-attivitajiet ma jitwettqux iktar.

 Fuq it-tieni, ir-raba’ u l-ħames domanda

66      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel u għat-tielet domanda, ma hemmx lok li jiġu eżaminati t-tieni, ir-raba’ u l-ħames domanda.

 Dwar l-ispejjeż

67      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 3e tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE, kif emendata bir-Regolament (UE) 2017/2392 talParlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2017, għandu jiġi interpretat fis-sens li n-numru ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra allokati mingħajr ħlas lil operatur tal-inġenji tal-ajru għandu, fil-każ ta’ waqfien tal-attivitajiet tal-avjazzjoni ta’ dan l-operatur matul il-perijodu ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra inkwistjoni, jitnaqqas proporzjonalment għall-parti ta’ dan il-perijodu li matulu dawn l-attivitajiet ma jitwettqux iktar.

Firem


1      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż