Language of document :

Rikors ippreżentat fit-22 ta' Ottubru 2010 - RTI u Elettronica Industriale vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-506/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Reti Televisive Italiane SpA (RTI) u Elettronica Industriale SpA (Lissonne, l-Italja) (rappreżentanti: J.-F. Bellis u S. Bariatti, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni kkontestata

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta' dawn il-proċeduri.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti qed jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010) 4976 finali, tal-20 ta' Lulju 2010, li tbiddel l-applikazzjoni tal-impenji marbutin mad-Deċiżjoni C(2003) 1082 finali, tat-2 ta' April 2003, li tiddikjara kompatibbli mas-suq komuni u mal-Ftehimm ŻEE l-konċentrazzjoni li permezz tagħha News Corporation Limited ("Newscorp") akkwistat il-kontroll totali tal-kumpanniji Telepiù Spa u Stream Spa, bil-kundizzjoni li Newscorp tissodisfa l-impenji b'mod sħiħ (Każ Nru COMP/M.2876 - Newscorp/Telepiù)1.

Ir-rikorrenti jsostnu tliet motivi insostenn tal-pretensjonijiet tagħhom.

Fl-ewwl lok, jargumentaw li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni meta ddeċidiet li, wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tat-2 ta' April 2003, (id-"Deċiżjoni ta' Approvazzjoni"), il-kundizzjonijiet fis-suq Taljan tat-televiżjoni bi ħlas (pay-TV) inbidlu b'tali mod li setgħu jiġu rriveduti l-impenji annessi mad-Deċiżjoni ta' Approvazzjoni u, b'riżultat ta' dan, applikat ħażin l-Avviż dwar ir-rimedji u l-Artikolu 8(2) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet2. Ir-rikorrenti jsostnu li hemm provi ċari li juru li ċ-ċirkustanzi tas-suq li abbażi tagħhom ġew aċċettati l-impenji fl-2003 la nbidlu b'mod sinjifikattiv u lanqas fuq bażi permanenti. B'mod partikolari, Sky Italia, il-kumpannija sussidjarja ta' Newscorp, għad għandha pożizzjoni assolutament dominanti fis-suq Taljan tal-pay-TV.

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żball ta' liġi, żball manifest ta' evalwazzjoni u ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità meta laqgħet it-talba ppreżentata minn Sky Italia biex jiġu rriveduti l-impenji u aċċettat l-impenji l-ġodda proposti minn Newscorp, billi assumiet li l-impossibbiltà għal Sky Italia li tipparteċipa fil-proċedura ta' għażla għal kapaċità ta' televiżjoni diġitali terrestri li kellha titwettaq fix-xhur li ġejjin fl-Italja kienet tipprekludi lil Sky Italia milli topera fis-settur ta' televiżjoni bla ħlas. Fil-fatt, Sky Italia diġà hija attiva fis-settur Taljan tat-televiżjoni bla ħlas u għandha aċċess għal kapaċità ta' trażmissjoni diġitali terrestri anki jekk ma tiħux sehem fil-proċedura ta' għażla.

Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni u żball ta' liġi meta adottat id-deċiżjoni kkontestata u meta laqgħet it-talba għal reviżjoni tal-impenji ppreżentata minn Sky Italia minkejja l-fatt li, b'riżultat tal-investigazzjoni tas-suq imwettqa matul il-proċedura amministrattiva, il-maġġoranza tal-partijiet - inklużi l-Awtorità tal-Kompetizzjoni Taljana u l-Awtorità tal-Komunikazzjonijiet Taljana - esprimew tħassib serju dwar l-impatt tar-revizjoni proposta fuq is-suq Taljan tal-pay-TV.

____________

1 - ĠU 2004 L 110, p. 73.

2 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, tal-20 ta' Jannar 2004, dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet), ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40