Language of document : ECLI:EU:C:2018:582

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

25 ta’ Lulju 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għajnuna mill-Istat – Skema favur sorsi rinnovabbli ta’ enerġija u konsumaturi li jagħmlu użu intensiv mill-enerġija – Deċiżjoni (UE) 2015/1585 – Validità fid-dawl tal-Artikolu 107 TFUE – Ammissibbiltà – Nuqqas ta’ preżentata ta’ rikors għal annullament mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali”

Fil-Kawża C‑135/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Amministrattiva ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Frar 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Marzu 2016, fil-proċedura

Georgsmarienhütte GmbH,

Stahlwerk Bous GmbH,

Schmiedag GmbH,

Harz Guss Zorge GmbH

vs

Bundesrepublik Deutschland,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič, J. L. da Cruz Vilaça (Relatur) A. Rosas u J. Malenovský, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, A. Borg Barthet, D. Šváby, A. Prechal u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Diċembru 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Georgsmarienhütte GmbH, Stahlwerk Bous GmbH, Schmiedag GmbH u Harz Guss Zorge GmbH, minn H. Höfler u H. Fischer, Rechtsanwälte,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u R. Kanitz, bħala aġenti, assistiti minn T. Lübbig, Rechtsanwalt,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn T. Maxian Rusche u K. Herrmann, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta’ Frar 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1585, tal-25 ta’ Novembru 2014, dwar l-iskema ta’ għajnuna SA.33995 (2013/C) (ex 2013/NN) (implimentata mill-Ġermanja għall-appoġġ tal-elettriku rinnovabbli u tal-utenti li jagħmlu użu intensiv mill-enerġija) (ĠU 2015, L 250, p. 122, iktar’ il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, erba’ kumpanniji tal-grupp Georgsmarienhütte, jiġifieri Georgsmarienhütte GmbH, Stahlwerk Bous GmbH, Schmiedag GmbH u Harz Guss Zorge GmbH, u, min-naħa l-oħra, il-Bundesrepublik Deutschland (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja) dwar l-irkupru, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, ta’ għajnuna illegali ddikjarata inkompatibbli mas-suq intern li bbenefikaw minnha dawn il-kumpanniji.

 Id-dritt Ġermaniż

3        Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Gesetz zur Neuregelung des Rechtsrahmens für die Förderung der Stromerzeugung aus erneuerbaren Energien (il-Liġi li Tirrigwarda Leġiżlazzjoni Ġdida tal-Kuntest Legali tal-Promozzjoni tal-Elettriku mill-Enerġiji Rinnovabbli) (BGBl. 2011 I, p. 1634, iktar ’il quddiem, l-“EEG tal-2012”) tipprevedi, essenzjalment, mekkaniżmu ta’ kumpens għall-ispejjeż li jirriżultaw mill-elettriku ġġenerat minn sorsi rinnovabbli ta’ enerġija fuq livell federali. Dan il-mekkaniżmu huwa bbażat, b’mod partikolari, fuq sovrataxxa (iktar ’il quddiem is-“sovrataxxa tal-EEG”), li tirrappreżenta spiża li hija, bħala prinċipju, ittrasferita mill-fornituri tal-elettriku fuq ix-xerrejja u l-konsumaturi finali ta’ elettriku.

4        Bħala eċċezzjoni, fil-kuntest ta’ skema ta’ kumpens speċjali, l-EEG tal-2012 tippermetti, għall-impriżi li jagħmlu użu intensiv mill-elettriku li jikkonsmaw ammonti kbar ta’ enerġija (iktar ’il quddiem l-“EEI”), il-limitu massimu tas-sovrataxxa tal-EEG skont l-Artikoli 40, 41 u 43 tagħha. Dan il-limitu massimu għandu l-għan li jillimita l-ispejjeż tal-enerġija ta’ dawn l-impriżi u li b’dan il-mod jippreserva l-kompetittività internazzjonali tagħhom.

5        L-EEG tal-2012 tipprevedi, fl-Artikolu 40 tagħha, li s-sovrataxxa tal-EEG għandha tiġi llimitata fuq talba mressqa quddiem il-Bundesamt für Wirtschaft und Ausfuhrkontrolle (l-Uffiċċju Federali għall-Ekonomija u għall-Kontrolli tal-Esportazzjoni, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem il-“BAFA”).

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

6        Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma erba’ kumpanniji li jagħmlu parti mill-grupp Georgsmarienhütte. Dawn huma involuti fil-produzzjoni tal-azzar u tal-ħadid kif ukoll fl-ipproċessar tal-azzar u bbenefikaw, għas-snin 2013 u 2014, minn limitu massimu tas-sovrataxxa EEG mogħti permezz ta’ deċiżjonijiet tal-BAFA.

7        Madankollu, dawn id-deċiżjonijiet ta’ limitu massimu ġew irrevokati b’effett retroattiv, għal parti mill-ammonti kkonċernati, permezz ta’ deċiżjonijiet tal-BAFA tal-25 ta’ Novembru 2014 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ta’ revoka parzjali”). Dan tal-aħħar ċaħad ukoll l-ilmenti mressqa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kontra dawn id-deċiżjonijiet ta’ revoka parzjali.

8        Id-deċiżjonijiet ta’ revoka parzjali ġew adottati b’eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, li permezz tagħha l-Kummissjoni Ewropea ddikjarat li kienet tikkostitwixxi għajnuna illegali mill-Istat, b’mod partikolari, l-iskema ta’ kumpens speċjali favur l-EEI u ordnat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tipproċedi bl-irkupru tal-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern mingħand il-benefiċjarji tagħha.

9        B’mod partikolari, permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kkonstatat li l-għajnuna li tikkonsisti fi tnaqqis tas-sovrataxxa EEG favur l-EEI hija kompatibbli mas-suq intern meta tkun taqa’ taħt waħda mill-erba’ kategoriji msemmija fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-deċiżjoni. Skont l-Artikolu 3(2) tal-imsemmija deċiżjoni, kull għajnuna li ma taqax taħt waħda mill-kategoriji msemmija fl-Artikolu 3(1), hija inkompatibbli mas-suq intern u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, skont l-Artikoli 6 u 7 ta’ din l-istess deċiżjoni, hija għalhekk marbuta li tipproċedi bl-irkupru tal-għajnuna inkompatibbli mingħand il-benefiċjarji, skont il-modalitajiet previsti fl-Anness III tad-deċiżjoni kontenzjuża.

10      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors quddiem il-Verwaltungsgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Amministrattiva ta’ Frankfurt am Main, Il-Ġermanja), dirett b’mod partikolari kontra d-deċiżjonijiet ta’ revoka parzjali.

11      Quddiem din il-qorti, l-imsemmija rikorrenti qajmu dubji fir-rigward tal-klassifikazzjoni mill-Kummissjoni tal-limitu massimu tas-sovrataxxa-EEG bħala “għajnuna mill-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Amministrattiva ta’ Frankfurt am Main) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Id-Deċiżjoni [kontenzjuża] tmur kontra t-Trattat [FUE] sa fejn il-Kummissjoni tikkwalifika l-limitu massimu tas-soprataxxa tal-EEG bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE?”

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

12      Fil-kawża prinċipali, hija, essenzjalment, ikkontestata l-validità tad-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn din ikklassifikat il-limitu massimu tas-sovrataxxa tal-EEG bħala “għajnuna mill-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE.

13      Il-Kummissjoni, filwaqt li tibbaża ruħha fuq is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 1994, TWD Textilwerke Deggendorf (C-188/92, EU:C:1994:90), issostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli minħabba li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma ppreżentawx rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni kontenzjuża quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

14      Għandu jitfakkar li, fil-punt 17 ta’ din is-sentenza, mogħtija f’kawża li tippreżenta xebh mal-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet essenzjalment, li, b’mod partikolari minħabba kunsiderazzjonijiet relatati maċ-ċertezza legali, hija eskluża l-possibbiltà, għall-benefiċjarju ta’ għajnuna mill-Istat, li huwa s-suġġett ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni indirizzata direttament lill-Istat Membru li taħtu jaqa’ dan il-benefiċjarju, li seta’ mingħajr dubju jikkontesta din id-deċiżjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 263 TFUE u li ħalla jgħaddi t-terminu imperattiv previst fis-sitt paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni, sabiex jikkontesta l-legalità tal-imsemmija deċiżjoni quddiem il-qrati nazzjonali fil-każ ta’ rikors ippreżentat kontra l-miżuri nazzjonali ta’ implimentazzjoni ta’ din l-istess deċiżjoni (ara, wkoll, is-sentenzi tal-15 ta’ Frar 2001, Nachi Europe, C-239/99, EU:C:2001:101, punt 30, u tal-5 ta’ Marzu 2015, Banco Privado Português u Massa Insolvente do Banco Privado Português, C-667/13, EU:C:2015:151, punt 28).

15      Il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari kkunsidrat li, f’tali każ, l-adozzjoni tas-soluzzjoni kuntrarja twassal sabiex tirrikonoxxi lill-benefiċjarju tal-għajnuna l-fakultà li jevita n-natura definittiva li, skont il-prinċipju ta’ ċertezza legali, għandha tgawdi minnha deċiżjoni wara l-iskadenza tat-termini għall-preżentata ta’ rikors (sentenzi tal-15 ta’ Frar 2001, Nachi Europe, C-239/99, EU:C:2001:101, punt 30, u tal-5 ta’ Marzu 2015, Banco Privado Português u Massa Insolvente do Banco Privado Português, C-667/13, EU:C:2015:151, punt 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

16      Madankollu, l-esklużjoni mfakkra fil-punt 14 ta’ din is-sentenza hija ġġustifikata wkoll fil-każ li l-benefiċjarju tal-għajnuna jinvoka, quddiem qorti nazzjonali, l-invalidità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni qabel l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra din id-deċiżjoni, previst fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

17      Għalhekk, il-possibbiltà għal parti f’kawża li tinvoka, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat quddiem qorti nazzjonali, l-invalidità ta’ dispożizzjonijiet li jinsabu f’att tal-Unjoni, li jikkostitwixxi l-bażi ta’ deċiżjoni nazzjonali meħuda fil-konfront tagħha, tippreżupponi, jew li hija tkun ippreżentat ukoll, abbażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, rikors għal annullament kontra dan l-att tal-Unjoni fit-termini stabbiliti, jew li ma tkunx ippreżentatu minħabba li ma kellhiex, mingħajr ebda dubju, id-dritt li tippreżenta tali rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Ġunju 2010, E u F, C-550/09, EU:C:2010:382, punti 46 u 48; tas-17 ta’ Frar 2011, Bolton Alimentari, C-494/09, EU:C:2011:87, punti 22 u 23, kif ukoll tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C-72/15, EU:C:2017:236, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

18      Għaldaqstant, ġaladarba parti f’kawża li tixtieq tikkontesta att tal-Unjoni jkollha mingħajr ebda dubju locus standi taħt ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, hija obbligata li tagħmel użu mir-rimedju legali previst minn din id-dispożizzjoni bil-preżentazzjoni ta’ rikors quddiem il-Qorti Ġenerali.

19      Fil-fatt, kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punti 40 sa 44 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-rikors għal annullament, li jinkludi l-possibbiltà li jiġi ppreżentat appell kontra d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, jipprovdi qafas proċedurali partikolarment xieraq għall-eżami fil-fond u kontradittorju ta’ kwistjonijiet kemm fattwali kif ukoll legali, b’mod partikolari f’oqsma tekniċi u kumplessi bħal dak tal-għajnuna mill-Istat, kif jirriżulta mit-tielet premessa tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 88/591/KEFA, KEE, Euratom tal-24 ta’ Ottubru 1988 li tistabbilixxi l-Qorti ta’ Prim Istanza tal-Komunitajiet Ewropej, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 181).

20      Madankollu għandu jiġi speċifikat li tali konstatazzjoni hija bla ħsara għar-rwol li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu fl-arkitettura ġudizzjarja tal-Unjoni.

21      Fil-fatt, il-proċedura tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 267 TFUE, tistabbilixxi kooperazzjoni diretta bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali li fil-kuntest tagħha dawn tal-aħħar jipparteċipaw mill-qrib fl-applikazzjoni tajba u fl-interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll fil-protezzjoni tad-drittijiet mogħtija minn dan l-ordinament ġuridiku lill-individwi (Opinjoni 1/09, tat-8 ta’ Marzu 2011, EU:C:2011:123, punt 84).

22      Minn dan isegwi li l-ħtieġa li persuna fiżika jew ġuridika, sabiex tikkontesta l-legalità ta’ att tal-Unjoni, tippreżenta rikors għal annullament fuq il-bażi tal-Artikolu 263 TFUE meta hija jkollha mingħajr ebda dubju locus standi fis-sens tar-raba’ paragrafu ta’ dan l-artikolu, hija bla ħsara għall-possibbiltà mogħtija lill-imsemmija persuna li tikkontesta l-legalità tal-atti nazzjonali ta’ implimentazzjoni ta’ dan l-att quddiem il-qrati nazzjonali kompetenti.

23      Barra minn hekk, ġie deċiż li l-benefiċjarju ta’ għajnuna mill-Istat li jkun ippreżenta, fit-terminu stabbilit fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara din l-għajnuna bħala inkompatibbli mas-suq intern ma jistax jitqies bħala li jrid jevita n-natura definittiva attribwita lil din id-deċiżjoni peress li jikkontesta wkoll il-validità tagħha quddiem il-qorti tar-rinviju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2015, Banco Privado Português u Massa Insolvente do Banco Privado Português, C-667/13, EU:C:2015:151, punt 29).

24      Għandu jitfakkar ukoll li, meta s-soluzzjoni tal-kawża pendenti quddiem il-qorti nazzjonali tiddependi fuq il-validità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, mill-obbligu ta’ kooperazzjoni leali jirriżulta li l-qorti nazzjonali għandha, sabiex tevita li tieħu deċiżjoni li tmur kontra dik tal-Kummissjoni, tissospendi l-proċedura sakemm il-qrati tal-Unjoni jagħtu deċiżjoni definittiva dwar ir-rikors għal annullament, dment li ma tikkunsidrax li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, ikun iġġustifikat li ssir domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-validità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni (sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2000, Masterfoods u HB, C-344/98, EU:C:2000:689, punt 57).

25      Għandu jiġi indikat ukoll li, għar-raġunijiet imsemmija fil-punt 19 ta’ din is-sentenza, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja jista’ jiġġustifika, fil-każ ta’ kawża simultanja mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, u l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar validità, li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel użu, jekk hija tqis li huwa xieraq, mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 54 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea sabiex tissospendi l-proċedura quddiemha favur dik ippreżentata quddiem il-Qorti Ġenerali.

26      Fil-kawża prinċipali, għandha għalhekk tiġi eżaminata, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 14 sa 19 ta’ din is-sentenza, il-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kellhomx, mingħajr ebda dubju, locus standi għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża quddiem il-Qorti Ġenerali, fuq il-bażi tal-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2017, A et, C-158/14, EU:C:2017:202, punti 66 u 67 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), u dan indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk l-imsemmija rikorrenti ppreżentawx l-azzjoni tagħhom quddiem il-qrati nazzjonali qabel l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors quddiem il-Qorti Ġenerali.

27      F’dan ir-rigward, mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, jirriżulta li persuna fiżika jew ġuridika tista’ tippreżenta azzjoni kontra deċiżjoni indirizzata lil persuna oħra biss jekk l-imsemmija deċiżjoni tirrigwardaha direttament u individwalment.

28      F’dan il-każ, l-Artikolu 10 tad-deċiżjoni kontenzjuża jipprevedi espressament li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija d-destinatarja tal-imsemmija deċiżjoni.

29      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li l-Artikoli 6 u 7 tad-deċiżjoni kontenzjuża jordnaw lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tirkupra l-għajnuna inkompatibbli mogħtija, b’tali mod li l-awtoritajiet Ġermaniżi kienu obbligati, bl-ebda marġni ta’ diskrezzjoni, li jipproċedu bl-irkupru ta’ din l-għajnuna skont il-modalitajiet stabbiliti fl-Anness III tad-deċiżjoni kontenzjuża.

30      Għaldaqstant, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għandhom jiġu kkunsidrati bħala direttament ikkonċernati minn din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Ottubru 2000, L-Italja u Sardegna Lines vs Il-Kummissjoni, C-15/98 u C-105/99, EU:C:2000:570, punt 36; tas-17 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Koninklijke FrieslandCampina, C-519/07 P, EU:C:2009:556, punti 48 u 49, kif ukoll tas-27 ta’ Frar 2014, Stichting Woonlinie et vs Il-Kummissjoni, C-133/12 P, EU:C:2014:105, punti 60 u 61).

31      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li l-persuni li ma humiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni jistgħu jippretendu li huma individwalment ikkonċernati biss jekk din id-deċiżjoni tolqothom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom meta mqabla ma’ kull persuna oħra u, minħabba dan, tindividwalizzahom b’mod simili għal dak tad-destinatarju (sentenzi tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, EU:C:1963:17, p. 223, u tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑298/00 P, EU:C:2004:240, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

32      B’mod partikolari, ġie deċiż li, meta l-att ikkontestat jaffettwa grupp ta’ persuni li kienu identifikati jew setgħu jiġu identifikati fil-mument meta ttieħed dan l-att, abbażi ta’kriterji speċifiki għall-membri ta’ dan il-grupp, dawn il-persuni jkunu kkonċernati individwalment minn dan l-att sa fejn jagħmlu parti minn grupp limitat ta’ operaturi ekonomiċi (sentenza tas-17 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Koninklijke FrieslandCampina, C-519/07 P, EU:C:2009:556, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Għalhekk, il-benefiċjarji effettivi ta’ għajnuna individwali mogħtija abbażi ta’ skema ta’ għajnuna li l-Kummissjoni ordnat l-irkupru tagħha huma, minħabba f’hekk, individwalment ikkonċernati fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Fil-fatt, l-obbligu ta’ rkupru impost permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar skema ta’ għajnuna jindividwalizza suffiċjentement il-benefiċjarji kollha tal-iskema inkwistjoni peress li huma esposti, mill-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, għar-riskju li l-benefiċċji li huma rċevew jiġu rkuprati, u jinsabu għalhekk milquta fis-sitwazzjoni legali tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il-Kummissjoni, C-71/09 P, C-73/09 P u C-76/09 P, EU:C:2011:368, punti 53 u 56, kif ukoll tal-21 ta’ Diċembru 2011, A2A vs Il-Kummissjoni, C-320/09 P, mhux ippubblikata, EU:C:2011:858, punti 58 u 59).

34      Huwa paċifiku li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali bbenefikaw minn deċiżjonijiet individwali mogħtija mill-BAFA li ppermettulhom jiksbu limitu massimu tas-sovrataxxa EEG.

35      Issa, dan il-limitu massimu ġie speċifikament ikklassifikat, mill-Kummissjoni, bħala “għajnuna inkompatibbli mas-suq intern” u l-irkupru tagħha ġie ordnat skont il-modalitajiet previsti fid-deċiżjoni kontenzjuża.

36      Għaldaqstant, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma humiex biss ikkonċernati mid-deċiżjoni kontenzjuża minħabba li huma EEI fis-settur tal-enerġija msemmi fl-iskema ta’ għajnuna eżaminata fl-imsemmija deċiżjoni. Huma kkonċernati b’mod individwali fil-kwalità tagħhom ta’ benefiċjarji effettivi tal-għajnuna mogħtija taħt din l-iskema u li l-Kummissjoni ordnat l-irkupru tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Ottubru 2000, L-Italja u Sardegna Lines vs Il-Kummissjoni, C-15/98 u C-105/99, EU:C:2000:570, punt 34, u tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-298/00 P, EU:C:2004:240, punt 39).

37      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali setgħu mingħajr ebda dubju jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

38      Huwa ċertament paċifiku li kull waħda mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet ippreżentat rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2013) 4424 finali, tat-18 ta’ Diċembru 2013, li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) TFUE, dwar miżuri implimentati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-appoġġ tal-elettriku rinnovabbli u tal-utenti li jagħmlu użu intensiv mill-enerġija (Għajnuna mill-Istat SA. 33995 (2013/C) (ex 2013/NN)).

39      Peress li fil-frattemp il-proċedura ta’ investigazzjoni formali ġiet konkluża bl-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali madankollu, permezz ta’ digrieti tad-9 ta’ Ġunju 2015, Stahlwerk Bous vs Il-Kummissjoni (T-172/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:402), tad-9 ta’ Ġunju 2015, Georgsmarienhütte vs Il-Kummissjoni (T-176/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:414), tad-9 ta’ Ġunju 2015, Harz Guss Zorge vs Il-Kummissjoni (T-177/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:395), u tad-9 ta’ Ġunju 2015, Schmiedag vs Il-Kummissjoni (T‑183/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:396), ikkonkludiet li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikorsi ppreżentati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, minħabba li dawn kienu tilfu l-iskop tagħhom.

40      Barra minn hekk, dawn ir-rikorsi kienu jinkludu talbiet għall-adattament tat-talbiet, li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu introduċew matul il-proċedura, intiżi sabiex l-imsemmija rikorsi jkollhom ukoll l-iskop tal-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. Madankollu, il-Qorti Ġenerali, fid-digrieti ċċitati fil-punt preċedenti, ċaħdet dawn it-talbiet bħala inammissibbli minħabba li d-deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx emendat jew issostitwixxiet id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali msemmija fil-punt 38 ta’ din is-sentenza u li hija lanqas ma kellha l-istess skop.

41      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti Ġenerali ħadet ħsieb tispeċifika, b’mod identiku fil-punti 23 u 24 tad-digrieti msemmija fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, li ċ-ċaħda tat-talbiet għall-adattament intiżi għall-kisba tal-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża kienet bla ħsara għall-possibbiltà tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li jippreżentaw rikors kontra l-imsemmija deċiżjoni.

42      Madankollu, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma ppreżentawx rikors ġdid quddiem il-Qorti Ġenerali.

43      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li, sa fejn ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kellhom, mingħajr ebda dubju d-dritt li jippreżentaw rikors għal annullament, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kontra d-deċiżjoni kontenzjuża, iżda ma eżerċitawx dan id-dritt, huma ma jistgħux jinvokaw l-invalidità ta’ din id-deċiżjoni insostenn tar-rikorsi tagħhom ippreżentati quddiem il-qorti tar-rinviju kontra miżuri nazzjonali ta’ implimentazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni.

44      F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li l-validità tad-deċiżjoni kontenzjuża ma ġietx validament ikkontestata quddiem il-qorti tar-rinviju, din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli.

 Fuq l-ispejjeż

45      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Amministrattiva ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Frar 2016, hija inammissibbli.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.