Language of document : ECLI:EU:T:2021:420

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla Estiża)

7 ta’ Lulju 2021 (*)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea li tikkonsisti f’taħlita ta’ ħsejjes tal-ftuħ ta’ landa ta’ xarba bil-gass – Raġuni assoluta għal rifjut – Assenza ta’ karattru distintiv – Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/1001 – Artikolu 95(1) tar-Regolament 2017/1001”

Fil-Kawża T‑668/19,

Ardagh Metal Beverage Holdings GmbH & Co. KG, stabbilita f’Bonn (il-Ġermanja), irrappreżentata minn S. Abrar, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn M. Fischer, D. Hanf u D. Walicka, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO tal‑24 ta’ Lulju 2019 (Każ R 530/2019‑2), dwar applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ taħlita ta’ ħsejjes prodotti mal-ftuħ ta’ landa ta’ xarba bil-gass bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla Estiża),

komposta minn S. Papasavvas, President, D. Spielmann, U. Öberg (Relatur), O. Spineanu-Matei u R. Norkus, Imħallfin,

Reġistratur: R. Ūkelytė, Amministratriċi,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑1 ta’ Ottubru 2019,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑19 ta’ Diċembru 2019,

wara li rat il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tat‑28 ta’ April u tat‑30 ta’ Ottubru 2020,

wara r-rinviju ta’ din il-kawża quddiem il-Ħames Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali,

wara s-seduta tal‑10 ta’ Frar 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fis‑6 ta’ Ġunju 2018, ir-rikorrenti, Ardagh Metal Beverage Holdings GmbH Co. KG, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea lill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), skont ir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1).

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal ta’ ħoss li jfakkar il-ħoss li huwa prodott mal-ftuħ ta’ landa tax-xorb, segwit minn silenzju ta’ madwar sekonda u minn tfexfix ta’ madwar disa’ sekondi. Ġie prodott fajl awdjo mir-rikorrenti meta ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

3        Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il‑klassijiet 6, 29, 30, 32 u 33, skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, mad-deskrizzjoni li ġejja:

–        klassi 6: “Kontenituri għat-trasport u għall-ippakkjar tal-metall, b’mod partikolari kontenituri tal-metall, kapsuli tal-metall [reċipjenti], tankijiet tal-metall, reċipjenti tal-metall għal prodotti kimiċi, likwidi u gass taħt pressjoni”;

–        klassi 29: “Prodotti tal-ħalib, b’mod partikolari jogurts [xarbiet], ħalib tal-ġewż tal-Indi [xarbiet], xarbiet tal-jogurt, xarbiet magħmula mill-ħalib jew li fihom il-ħalib, xarbiet magħmula mill-jogurt, xarbiet tal-ħalib imxaħħam [jogurt], xarbiet magħmula minn prodotti tal-ħalib, xarbiet magħmula minn prodotti tal-ħalib, xarbiet prodotti bil-jogurt, xarbiet magħmula mill-jogurt; xarbiet magħmula mill-ħalib tal-ġewż tal-Indi, xarbiet magħmula mill-ħalib tal-karawett, xarbiet magħmula mill-ħalib tal-lewż; xarbiet magħmula mis-soja użati bħala sostituti tal-ħalib”;

–        klassi 30: “Kafè, b’mod partikolari xarbiet ippreparati bis-sostituti tal-kafè, xarbiet magħmula mill-kafè, xarbiet prodotti bil-kafè, xarbiet magħmula prinċipalment mill-kafè; te, b’mod partikolari x-xarbiet magħmula mit-te, xarbiet magħmula mit-te bit-togħma tal-frott, xarbiet mhux mediċinali magħmula mit-te; kawkaw, b’mod partikolari x-xarbiet magħmula mill-kawkaw, xarbiet ippreparati mill-kawkaw, xarbiet prinċipalment magħmula mill-kawkaw, xarbiet lesti għall-konsum magħmula mill-kawkaw, xarbiet ippreparati mill-kawkaw u magħmula mill-kawkaw; xarbiet bil-gass [magħmul mill-kafè, mill-kawkaw jew miċ-ċikkulata], xarbiet biċ-ċikkulata, xarbiet magħmula miċ-ċikkulata, xarbiet bit-togħma taċ-ċikkulata, xarbiet b’togħma ta’ ċikkulata, xarbiet magħmula miċ-ċikkulata, xarbiet taċ-ċikkulata magħmula mill-ħalib”;

–        klassi 32: “Birra, b’mod partikolari xarbiet magħmula mill-birra; ilma minerali [xarbiet], b’mod partikolari ilma [xarbiet], ilma minerali arrikkit [xarbiet], ilma bil-gass bil-vitamini miżjuda [xarbiet], xarbiet magħmula bl-ilma li fihom l-estratti tat-te; ilma bil-gass, b’mod partikolari ilma minerali [xarbiet], toniks [xarbiet mhux mediċinali]; xarbiet mingħajr alkoħol, b’mod partikolari xarbiet isotoniċi, xarbiet mingħajr alkoħol, xarbiet mingħajr alkoħol, xarbiet bil-gass mingħajr alkoħol, kola [xarbiet mingħajr alkoħol], xarbiet bil-gass iffriżati mingħajr alkoħol, kola [xarbiet mingħajr alkoħol], xarbiet mhux alkoħoliċi li fihom il-meraq tal-ħaxix, xarbiet bil-gass aromatizzati, xarbiet mingħajr alkoħol tal-aloe vera; xarbiet mingħajr alkoħol, xarbiet mingħajr alkoħol bit-togħma tal-birra, xarbiet mingħajr alkoħol bit-togħma tat-te, xarbiet mingħajr alkoħol b’togħma ta’ te; xarbiet tal-kola mingħajr alkoħol, xarbiet mingħajr alkoħol b’togħma ta’ kafè, xarbiet mingħajr alkoħol bit-togħma tal-kafè, xarbiet mingħajr alkoħol mhux karbonizzati, xarbiet bil-gass aromatizzati mhux alkoħoliċi, xarbiet arrikkiti b’mod nutrittiv, xarbiet mingħajr alkoħol bil-vitamini miżjuda, xarbiet mingħajr alkoħol magħmula mill-frott bit-togħma tat-tè, xarbiet mhux alkoħoliċi mingħajr malt għal użu mhux mediku; xarbiet tal-frott, b’mod partikolari sorbets [xarbiet], xarbiet bit-togħma tal-frott, xarbiet tal-frott, xarbiet magħmula mill-meraq tal-għanbaqar affumikat, xarbiet mhux alkoħoliċi magħmula minn frott iffriżat, xarbiet magħmula mill-frott; meraq tal-frott, b’mod partikolari meraq tal-ħaxix [xarbiet], meraq tat-tadam [xarbiet], meraq tal-ħaxix [xarbiet], xarbiet mingħajr alkoħol li fihom meraq tal-frott, xarbiet komposti essenzjalment minn meraq tal-frott, ġulepp [xarbiet mingħajr alkoħol], xarbiet magħmula minn taħlita ta’ meraq tal-frott u tal-ħxejjex; xarbiet magħmula mill-ġewż u mis-soja; xarbiet isotoniċi għal użu mhux mediku; xarbiet li fihom il-vitamini (mhux għal użu mediku); xarbiet magħmula minn ross ismar, minbarra sostituti tal-ħalib”;

–        klassi 33: “Xarbiet alkoħoliċi [ħlief birer], b’mod partikolari xarbiet distillati, spirti, xarbiet magħmula mill-inbid u mill-meraq tal-frott, xarbiet li fihom l-inbid [spritzers], cocktails tal-frott alkoħoliċi, xarbiet magħmula mir-rum, xarbiet b’kontenut baxx ta’ alkoħol, xarbiet alkoħoliċi tal-frott, xarbiet alkoħoliċi magħmula mill-kafè, xarbiet alkoħoliċi magħmula mit-te, xarbiet bil-gass alkoħoliċi minbarra birer”.

4        Fit‑2 ta’ Lulju 2018, l-eżaminatur informa lir-rikorrenti li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma setgħetx tiġi rreġistrata. Huwa indika, b’mod partikolari, li din it-trade mark, li kienet ikkostitwita minn ħoss li jirriproduċi l-ftuħ ta’ landa tax-xorb, segwita minn pawża u mbagħad minn tfexfix twil, ma tistax tiġi pperċepita bħala indikatur tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti.

5        Permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Jannar 2019, l-eżaminatur ċaħad l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, billi kkunsidra li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma kellhiex karattru distintiv, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001.

6        Permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Lulju 2019 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad l-appell tar-rikorrenti kontra d-deċiżjoni tal-eżaminatur. Qabel kollox, hija kkonstatat li l-pubbliku rilevanti kien kompost, għall-prodotti inklużi fil-klassijiet 29, 30, 32 u 33, mill-pubbliku ġenerali li għandu livell medju ta’ attenzjoni u, għall-prodotti inklużi fil-klassi 6, prinċipalment minn professjonisti li għandhom livell għoli ta’ attenzjoni. Sussegwentement, wara li fakkar li l-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade marks tal-ħsejjes ma kinux differenti minn dawk applikabbli għal kategoriji oħra ta’ trade marks, il-Bord tal-Appell indika li l-pubbliku ġenerali ma kienx neċessarjament imdorri jikkunsidra ħoss bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-imballaġġ ta’ xarbiet mhux miftuħa u ta’ xarbiet ippakkjati. Huwa żied li, sabiex ikun jista’ jiġi rreġistrat bħala trade mark, ħoss kellu jkollu ċerta reżonanza jew kapaċità li jiġi rrikonoxxut, b’tali mod li jkun jista’ jindika lill-konsumaturi l-oriġini kummerċjali tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni. Fl-aħħar nett, il-Bord tal-Appell qies li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet tikkonsisti f’ħoss inerenti fl-użu tal-prodotti inkwistjoni, b’tali mod li l-pubbliku rilevanti jipperċepixxi l-imsemmija trade mark bħala element funzjonali u indikazzjoni tal-kwalitajiet tal-prodotti inkwistjoni u mhux bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tagħhom. Minn dan, huwa kkonkluda li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma kellhiex karattru distintiv.

 It-talbiet tal-partijiet

7        Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż, inklużi dawk tal-appell.

8        L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq is-suġġett tat-tilwima

9        Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward tal-portata tat-tilwima, ir-rikorrenti ma tikkontestax li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma għandhiex karattru distintiv fir-rigward tal-prodotti li jaqgħu fil-klassi 6 u li għalhekk hija ma tikkontestax id-deċiżjoni kkontestata għall-prodotti li jaqgħu f’din il-klassi.

 Fuq il-mertu

10      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem, essenzjalment, sitt motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 72(2) u tal-Artikolu 95(1) tar-Regolament 2017/1001, sa fejn il-Bord tal-Appell wettaq żbalji ta’ evalwazzjoni. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 72(2) tar-Regolament 2017/1001, sa fejn il-Bord tal-Appell kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu. It-tielet motiv huwa bbażat, essenzjalment, fuq żball ta’ liġi, sa fejn il-Bord tal-Appell applika kriterju żbaljat sabiex jevalwa l-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 72(2) u tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001, sa fejn il-Bord tal-Appell ikkonkluda b’mod żbaljat li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma kellhiex karattru distintiv. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 72(2) u tal-Artikolu 95(1) tar-Regolament 2017/1001, sa fejn il-Bord tal-Appell wettaq evalwazzjoni żbaljata ta’ ċerti fatti. Is-sitt motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 72(2) tar-Regolament 2017/1001, sa fejn il-Bord tal-Appell kiser id-dritt għal smigħ tar-rikorrenti.

11      Għandhom jiġu eżaminati, fl-ewwel lok, it-tielet u r-raba’ motiv, li jirrigwardaw, essenzjalment, l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, fit-tieni lok, l-ewwel u l-ħames motiv, sa fejn dawn jirrigwardaw, essenzjalment, l-iżbalji ta’ evalwazzjoni allegati, fit-tielet lok, it-tieni motiv, sa fejn dan jikkonċerna ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u, fir-raba’ lok, is-sitt motiv, li jirrigwarda l-ksur tad-dritt għal smigħ.

 Fuq l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni

12      Essenzjalment, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell, fil-kuntest tal-analiżi tal-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, applika kriterji mhux “koperti” mill-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001. Il-Bord tal-Appell telaq mill-premessa li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kellha tkun differenti b’mod sinjifikattiv min-norma jew mill-użanzi tas-settur sabiex tissodisfa l-funzjoni tagħha ta’ indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti inkwistjoni. Issa, dan il-kriterju, stabbilit fir-rigward tat-trade marks tridimensjonali, ma jistax jiġi applikat f’dan il-każ.

13      Skont ir-rikorrenti, il-ħoss riprodott mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni huwa inabitwali għall-prodotti inklużi fil-klassijiet 29, 30, 32 u 33 li ma fihomx gass karboniku, b’tali mod li huwa msaħħaħ il-karattru distintiv diġà eżistenti tal-imsemmija trade mark. L-istess japplika għall-prodotti inklużi fil-klassijiet 29, 30, 32 u 33 li fihom gass karboniku, peress li d-diversi elementi ta’ ħoss li jifformaw it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni huma distinti mill-ħoss prodott waqt il-ftuħ ta’ laned ta’ xarbiet bil-gass abitwali fis-suq, b’mod li l-pubbliku rilevanti jipperċepihom bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-imsemmija prodotti.

14      Fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali, minkejja li r-rikorrenti ssostni li s-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2016, Globo Comunicação e Participações vs EUIPO (Trade mark awdjo) (T‑408/15, EU:T:2016:468), ma tistax tiġi trasposta għal dan il-każ, peress li l-prodotti u s-servizzi kkonċernati huma differenti, hija ssostni li fiha l-Qorti Ġenerali ppreċiżat li livell minimu ta’ karattru distintiv kien suffiċjenti sabiex tiġi eskluża r-raġuni assoluta għal rifjut ta’ reġistrazzjoni ta’ trade mark fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001, inklużi t-trade marks tal-ħsejjes.

15      L-EUIPO jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

16      Skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001, trade marks li ma humiex ta’ karattru distintiv ma jistgħux jiġu rreġistrati.

17      Il-karattru distintiv ta’ trade mark, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 2017/1001, ifisser li din it-trade mark tippermetti li l-prodott jew is-servizz li għalih issir l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jiġi identifikat bħala li ġej minn impriża partikolari u li b’hekk issir distinzjoni bejn dan il-prodott jew dan is-servizz u dawk ta’ impriżi oħra (ara s-sentenzi tal‑21 ta’ Jannar 2010, Audi vs UASI, C‑398/08 P, EU:C:2010:29, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑20 ta’ Ottubru 2011, Freixenet vs UASI, C‑344/10 P u C‑345/10 P, EU:C:2011:680, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

18      Is-sinjali li ma humiex ta’ karattru distintiv imsemmija fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001 jitqiesu li ma jistgħux jeżerċitaw il-funzjoni essenzjali tat-trade mark, jiġifieri dik li tikkonsisti f’li tiġi identifikata l-oriġini tal-prodott jew tas-servizz, sabiex b’hekk jippermettu lill-konsumatur li jakkwista l-prodott jew is-servizz kopert mit-trade mark li, f’akkwist sussegwenti, jagħmel l-istess għażla jekk l-esperjenza tkun pożittiva jew jagħmel għażla oħra jekk din tkun negattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2004, SAT.1 vs UASI, C‑329/02 P, EU:C:2004:532, punt 23).

19      Il-karattru distintiv ta’ trade mark għandu jiġi evalwat, minn naħa, fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-perċezzjoni li l-pubbliku kkonċernat għandu tagħha (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2004, Henkel, C‑218/01, EU:C:2004:88, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju, mistenni li jkun normalment informat u raġonevolment attent u avżat, jista’ jvarja skont il-kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi inkwistjoni (sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2007, Bang & Olufsen vs UASI (Forma ta’ loudspeaker), T‑460/05, EU:T:2007:304, punt 32).

20      F’dan il-każ, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija s-sinjal ta’ ħoss li jikkorrispondi għas-suċċessjoni tal-ħoss tal-ftuħ ta’ landa, ta’ silenzju ta’ madwar sekonda u tal-ħoss ta’ tfexfix ta’ bżieżaq ta’ madwar disa’ sekondi.

21      Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li l-partijiet ma jikkontestawx id-definizzjoni tal-pubbliku rilevanti, fil-punt 10 tad-deċiżjoni kkontestata, li jgħid li l-prodotti inklużi fil-klassijiet 29, 30, 32 u 33 huma indirizzati lill-pubbliku ġenerali li għandu livell medju ta’ attenzjoni.

22      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-Bord tal-Appell uża kriterji żbaljati meta wettaq l-analiżi tal-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti inklużi fil-klassijiet 29, 30, 32 u 33, għandu jiġi kkonstatat li dan, fil-punt 17 tad-deċiżjoni kkontestata, indika li, meta l-ħoss li għalih saret l-applikazzjoni jirriproduċi ħoss inerenti għall-prodotti jew għall-użu tagħhom, l-imsemmija trade mark għandha, sabiex ikollha l-karattru distintiv meħtieġ, tkun differenti b’mod sinjifikattiv min-norma jew mill-użanzi tas-settur, bl-istess mod bħal trade mark tridimensjonali li tirriproduċi l-aspett estern ta’ prodott jew tal-imballaġġ tiegħu.

23      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-karattru distintiv huma l-istess għall-kategoriji kollha ta’ trade marks, peress li l-Artikolu 7(1) tar-Regolament 2017/1001 ma jagħmilx distinzjoni bejn dawn il-kategoriji differenti. Għalhekk, il-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade marks tal-ħsejjes ma humiex differenti minn dawk li japplikaw għall-kategoriji l-oħra ta’ trade marks (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2016, Globo Comunicação e Participações vs EUIPO (Trade mark awdjo), T‑408/15, EU:T:2016:468, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li huwa neċessarju li s-sinjal ta’ ħoss li għalih saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jkollu ċerta reżonanza li tippermetti lill-konsumatur ikkonċernat li jipperċepih u li jqisu bħala trade mark u mhux bħala element ta’ natura funzjonali jew bħala indikatur mingħajr karatteristika intrinsika tiegħu stess. Għaldaqstant, l-imsemmi konsumatur għandu jqis li s-sinjal ta’ ħoss għandu possibbiltà ta’ identifikazzjoni, fis-sens li dan ikun identifikabbli bħala trade mark (sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2016, Globo Comunicação e Participações vs EUIPO (Trade mark awdjo), T‑408/15, EU:T:2016:468, punt 45).

25      Għalkemm il-pubbliku huwa mdorri jipperċepixxi trade marks verbali jew figurattivi bħala sinjali li jidentifikaw l-oriġini kummerċjali tal-prodotti jew tas-servizzi, dan ma japplikax neċessarjament bl-istess mod meta s-sinjal ikun ikkostitwit biss minn element ta’ ħoss. Fil-fatt, il-konsumatur tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni għandu jkun jista’, biss permezz tal-perċezzjoni tat-trade mark, mingħajr ma din tkun ikkombinata ma’ elementi oħra bħal, inter alia, elementi verbali jew figurattivi, jew saħansitra trade mark oħra, jara rabta ma’ din l-oriġini kummerċjali.

26      F’dan ir-rigward, l-EUIPO enfasizza, ġustament, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, li l-użanzi f’settur ekonomiku ma kinux statiċi, iżda setgħu jinbidlu maż-żmien, f’ċerti ċirkustanzi, anki b’mod dinamiku ħafna. B’hekk, huwa magħruf li l-operaturi preżenti fis-suq tas-settur tal-ikel, ikkaratterizzat minn kompetizzjoni qawwija, jiffaċċjaw il-ħtieġa ta’ imballaġġ għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tagħhom, u huma inċentivati ħafna sabiex jagħmlu l-prodotti tagħhom identifikabbli sabiex jiġbdu l-attenzjoni tal-konsumaturi, inkluż permezz ta’ trade marks tal-ħsejjes u permezz ta’ sforzi ta’ marketing u ta’ reklamar.

27      Jekk ir-reżonanza u l-kapaċità meħtieġa sabiex tinħoloq ċerta forma ta’ attenzjoni mill-pubbliku rilevanti u sabiex tiġi koperta l-funzjoni ta’ identifikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tat-trade mark ta’ ħoss ġew miċħuda għas-sekwenza ta’ noti li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni fil-kawża msemmija fil-punt 24 iktar ’il fuq, dan kien iġġustifikat mis-“sempliċità eċċessiva” u mill-“banalità” tal-imsemmija sekwenza. Issa, f’dan il-każ, sabiex jirrifjuta r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, il-Bord tal-Appell ma bbażax ruħu fuq il-kriterji u l-motivi tar-rifjut ta’ reġistrazzjoni stabbiliti mill-Qorti Ġenerali f’kawża preċedenti li tirrigwarda trade mark ta’ ħoss.

28      Mill-banda l-oħra, kif indikat fil-punt 22 iktar ’il fuq, bħala kriterju ta’ evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade mark ta’ ħoss inkwistjoni, il-Bord tal-Appell applika dak stabbilit mill-ġurisprudenza dwar it-trade marks tridimensjonali kkostitwiti mid-dehra tal-prodott stess jew mill-imballaġġ tiegħu.

29      Skont il-ġurisprudenza dwar it-trade marks tridimensjonali kkostitwiti mid-dehra tal-prodott stess jew mill-imballaġġ tiegħu, iktar ma l-forma li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala trade mark tkun tixbah il-forma li hija l-iktar probabbli li tittieħed mill-prodott inkwistjoni, huwa iktar probabbli li l-imsemmija forma ma għandhiex karattru distintiv, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija biss trade mark li, b’mod sinjifikattiv, tmur lil hinn min-norma jew mill-użanzi tas-settur u, minħabba f’hekk, tkun kapaċi tissodisfa l-funzjoni essenzjali tal-oriġini tagħha, li ma għandhiex karattru distintiv fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni (sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2004, Mag Instrument vs UASI, C‑136/02 P, EU:C:2004:592, punt 31).

30      Issa, għandu jiġi rrilevat li din il-ġurisprudenza ġiet żviluppata fid-dawl tas-sitwazzjoni partikolari li fiha trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni tikkonsisti fil-forma tal-prodott stess jew tal-imballaġġ tiegħu, filwaqt li teżisti norma jew użanzi tas-settur li jikkonċernaw din il-forma. F’dan il-każ, il-konsumatur ikkonċernat li huwa mdorri jara forma waħda jew iktar li jikkorrispondu għan-norma jew għall-użanzi tas-settur ma jipperċepixxix it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti koperti mill-applikazzjoni għal trade mark jekk il-forma li tikkostitwixxi l-imsemmija trade mark tkun identika jew simili għall-forma jew għall-forom abitwali.

31      Din il-ġurisprudenza ma tistabbilixxix kriterji ġodda ta’ evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ trade mark, iżda sempliċement tippreċiża li, fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, il-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti tista’ tiġi influwenzata min-natura tas-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Fil-fatt, il-perċezzjoni tal-konsumatur medju ma hijiex neċessarjament l-istess fil-każ ta’ trade mark tridimensjonali, ikkostitwita mid-dehra tal-prodott stess jew mill-imballaġġ tiegħu, bħal fil-każ ta’ trade mark verbali, figurattiva, jew ta’ ħoss, li tikkonsisti f’sinjal indipendenti mill-aspett estern jew mill-forma tal-prodotti li hija tirrappreżenta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, EUIPO vs Wajos, C‑783/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:1073, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Din hija r-raġuni għalfejn il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 29 iktar ’il fuq ma tistax, bħala prinċipju, tiġi applikata għat-trade marks tal-ħsejjes.

33      F’dan il-każ, peress li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma tirriproduċi la l-forma tal-prodotti inkwistjoni u lanqas dik tal-imballaġġ tagħhom, il-Bord tal-Appell żbalja meta qies li l-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 29 iktar ’il fuq kienet tapplika b’analoġija, u applika l-kriterju li jikkonsisti fid-determinazzjoni ta’ jekk it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kinitx differenti “b’mod sinjifikattiv” min-norma jew mill-użanzi tas-settur.

34      Madankollu, dan l-iżball ta’ liġi fir-rigward tal-kriterju legali applikabbli sabiex jiġi evalwat il-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma huwiex ta’ natura li jivvizzja r-raġunament espost fid-deċiżjoni kkontestata, peress li jidher ċar, mill-qari tal-motivi kollha tal-imsemmija deċiżjoni, li l-Bord tal-Appell ma bbażax ruħu esklużivament fuq il-ġurisprudenza żviluppata fir-rigward tat-trade marks tridimensjonali.

35      Skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ inkwistjoni, żball ma setax ikollu influwenza determinanti fir-rigward tar-riżultat, l-argument ibbażat fuq tali żball dwar l-evalwazzjoni tal-fatti huwa ineffettiv u għalhekk ma jistax ikun suffiċjenti sabiex jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2017, VM vs EUIPO – DAT Vermögensmanagement (Vermögensmanufaktur), T‑374/15, EU:T:2017:589, punt 143 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, għalkemm il-Bord tal-Appell, b’mod żbaljat, applika l-kriterju tan-norma u tal-użanzi tas-settur fir-rigward tad-dehra tal-prodotti koperti u tal-imballaġġ tagħhom, għandu jiġi ddeterminat jekk dan l-iżball ta’ liġi kellux effett fuq is-sens tad-deċiżjoni kkontestata, peress li din tal-aħħar tibbaża ruħha wkoll fuq raġuni oħra.

36      Fil-fatt, il-Bord tal-Appell, fil-punti 12 sa 16, 21 u 22 tad-deċiżjoni kkontestata, fakkar ukoll is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2016, Globo Comunicação e Participações vs EUIPO (Trade mark awdjo) (T‑408/15, EU:T:2016:468), u applikaha għal dan il-każ. B’hekk, huwa indika li, sabiex ikun jista’ jiġi rreġistrat bħala trade mark, ħoss kellu jkollu ċerta reżonanza jew ċerta kapaċità li jiġi rrikonoxxut, li jippermetti lill-konsumaturi mmirati li jikkunsidrawh “bħala indikazzjoni tal-oriġini u mhux sempliċement bħala element funzjonali jew indikazzjoni li ma għandhiex messaġġ”. Huwa essenzjalment żied li l-eżaminatur kien ġustament espona li l-ħoss li jikkostitwixxi t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kellu relazzjoni diretta mal-prodotti koperti, u kien inerenti għall-użu ta’ dawn il-prodotti. Minn dan, huwa kkonkluda li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija pperċepita mill-pubbliku rilevanti bħala element funzjonali tal-prodotti inkwistjoni, peress li l-ħoss tat-tfexfix kien indikazzjoni tal-kwalitajiet tal-imsemmija prodotti u mhux indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tagħhom, b’tali mod li l-imsemmija trade mark ma għandhiex karattru distintiv.

37      Fit-tielet lok, għalhekk, għandu jiġi ddeterminat jekk hijiex fondata r-raġuni l-oħra, ibbażata fuq il-perċezzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni mill-pubbliku rilevanti bħala element funzjonali, li hija raġuni ta’ natura li tiġġustifika l-assenza ta’ karattru distintiv tal-imsemmija trade mark.

38      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Bord tal-Appell fil-punt 18 tad-deċiżjoni kkontestata, il-prodotti inkwistjoni ma humiex ix-“xarbiet kollha li jista’ jkun fihom il-gass karboniku”. Dan jgħodd ukoll, b’mod partikolari, għall-kategorija tax-“xarbiet mingħajr alkoħol mhux karbonizzati”, inkluża fil-klassi 32, li ma tinkludi l-ebda xarba bil-gass.

39      Issa, f’dan il-każ, dan l-iżball ma jistax jivvizzja b’illegalità l-konklużjoni tal-Bord tal-Appell dwar l-assenza ta’ karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti kollha inklużi fil-klassijiet 29, 30, 32 u 33.

40      Fil-fatt, minn naħa, il-ħoss magħmul waqt il-ftuħ ta’ landa ser jitqies, fid-dawl tat-tip ta’ prodotti inkwistjoni, bħala element purament tekniku u funzjonali, peress li l-ftuħ ta’ landa jew ta’ flixkun huwa intrinsiku għal soluzzjoni teknika partikolari fil-kuntest tal-manipulazzjoni tax-xarbiet sabiex dawn jiġu kkonsmati, indipendentement mill-fatt ta’jekk tali prodotti jkunx fihom gass karboniku jew le.

41      Issa, peress li element huwa pperċepit mill-pubbliku rilevanti bħala li jissodisfa qabelxejn rwol tekniku u funzjonali, dan ma jiġix ipperċepit bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti kkonċernati (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2013, FunFactory vs UASI (Vibratur), T‑137/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:26, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Min-naħa l-oħra, il-ħoss tat-tfexfix tal-bżieżaq ser jiġi pperċepit immedjatament mill-pubbliku rilevanti bħala li jirreferi għax-xarbiet.

43      Barra minn hekk, l-elementi ta’ ħoss u s-silenzju ta’ madwar sekonda li jikkostitwixxu t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, meħuda flimkien, ma għandhom l-ebda karatteristika intrinsika li tippermetti li jiġi kkunsidrat li, lil hinn mill-perċezzjoni tagħhom bħala indikazzjoni ta’ funzjonalità u bħala li jirreferu għall-prodotti inkwistjoni għall-pubbliku rilevanti, dawn jistgħu wkoll jiġu pperċepiti minn dan il-pubbliku bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali.

44      Huwa minnu li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha żewġ karatteristiċi, jiġifieri l-fatt li s-silenzju jdum madwar sekonda u li l-ħoss tat-tfexfix tal-bżieżaq idum madwar disgħa.

45      Madankollu, tali varjazzjonijiet żgħar, meta mqabbla mal-ħsejjes klassiċi li jagħmlu x-xarbiet meta jinfetħu, ma jistgħux f’dan il-każ ikunu suffiċjenti sabiex tiġi miċħuda l-oġġezzjoni bbażata fuq l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001, peress li dawn ikunu pperċepiti mill-pubbliku rilevanti, kif imsemmi fil-punti 19 u 21 iktar ’il fuq, biss bħala varjant tal-ħsejjes normalment magħmula mix-xarbiet fil-mument tal-ftuħ tal-kontenitur tagħhom, u għalhekk ma jagħtux il-possibbiltà lit-trade mark ta’ ħoss li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni li tiġi identifikata b’tali mod li tkun identifikabbli bħala tali.

46      B’hekk, kif ġustament isostni l-EUIPO, is-silenzju wara l-ħoss tal-ftuħ ta’ landa u t-tul tal-ħoss tat-tfexfix, ta’ madwar disa’ sekondi, ma humiex biżżejjed reżonanti sabiex jiddistingwu ruħhom minn ħsejjes komparabbli fil-qasam tax-xarbiet. Is-sempliċi fatt li tfexfix għal żmien qasir immedjatament wara l-ftuħ ta’ landa huwa iktar komuni fil-qasam tax-xarbiet minn silenzju ta’ madwar sekonda segwit b’tfexfix twil ma huwiex biżżejjed sabiex il-pubbliku rilevanti jattribwixxi lil dawn il-ħsejjes xi tifsira li tippermettilu jidentifika l-oriġini kummerċjali tal-prodotti inkwistjoni.

47      Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, it-teħid flimkien tal-elementi ta’ ħoss u tal-element silenzjuż għalhekk ma huwiex inabitwali fl-istruttura tiegħu, peress li l-ħsejjes tal-ftuħ ta’ landa, silenzju u tfexfix jikkorrispondu għal elementi prevedibbli u normali fis-suq tax-xarbiet.

48      Għaldaqstant, din il-kombinazzjoni ma tippermettix lill-pubbliku rilevanti jidentifika l-imsemmija prodotti bħala li joriġinaw minn dawk ta’ impriża partikolari u jiddistingwihom minn dawk ta’ impriża oħra.

49      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Bord tal-Appell ġustament ikkonkluda li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma kellhiex karattru distintiv għall-prodotti kollha inklużi fil-klassijiet 29, 30, 32 u 33.

50      Għaldaqstant, it-tielet u r-raba’ motiv, ibbażati fuq evalwazzjoni żbaljata tal-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-allegati żbalji ta’ evalwazzjoni

51      Skont ir-rikorrenti, il-Bord tal-Appell ikkunsidra b’mod żbaljat li l-prodotti kkonċernati kollha kienu xarbiet li seta’ jkun fihom gass karboniku, tal-inqas fir-rigward tal-kategoriji tax-xarbiet mingħajr alkoħol mhux karbonizzati u tal-ilma minerali. Huwa kkunsidra wkoll b’mod żbaljat li ma kienx abitwali fis-swieq rilevanti tax-xarbiet u tal-imballaġġ tax-xarbiet li tiġi indikata l-oriġini kummerċjali ta’ prodott biss bl-għajnuna ta’ ħsejjes, peress li jistgħu jiġu immaġinati diversi metodi ta’ distribuzzjoni li jużaw ħoss. B’hekk, fl-evalwazzjoni tiegħu, huwa introduċa, minflok fatt magħruf, konstatazzjoni personali żbaljata.

52      Għalkemm l-EUIPO jirrikonoxxi l-iżball tal-Bord tal-Appell f’dak li jirrigwarda l-kategorija ta’ “xarbiet mingħajr alkoħol mhux karbonizzati” inkluża fil-klassi 32, huwa jsostni li dan ma jiġġustifikax l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u jikkontesta l-argumenti l-oħra tar-rikorrenti.

53      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li mill-punti 39 sa 50 iktar ’il fuq jirriżulta li, f’dan il-każ, dan l-iżball tal-Bord tal-Appell ma kellux influwenza determinanti, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 35 iktar ’il fuq, peress li dan ġustament ikkonkluda li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma kellhiex karattru distintiv għall-prodotti kollha inklużi fil-klassijiet 29, 30, 32 u 33, kemm jekk dawn fihom gass karboniku jew le.

54      L-argument tar-rikorrenti bbażat fuq dan l-iżball tal-Bord tal-Appell huwa għalhekk ineffettiv u għaldaqstant ma huwiex ta’ natura li jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

55      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-affermazzjoni, imsemmija fil-punt 14 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li għadu ma huwiex abitwali fis-swieq inkwistjoni tax-xarbiet u tal-imballaġġ tax-xarbiet li jiġi indikat l-oriġini kummerċjali ta’ prodott biss bl-għajnuna ta’ ħsejjes, għandu jiġi rrilevat li l-Bord tal-Appell ma sostniex li dan kien fatt magħruf. Mill-banda l-oħra, fil-punt 15 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa ġġustifika tali teħid ta’ pożizzjoni billi indika li l-prodotti inkwistjoni kienu ġeneralment siekta, tal-inqas sakemm jiġu kkonsmati. Issa, skont il-Bord tal-Appell, jekk il-ħoss isir biss waqt il-konsum tal-prodott inkwistjoni, jiġifieri wara l-akkwist tiegħu, huwa ma jistax jgħin lill-pubbliku rilevanti sabiex jorjenta ruħu fl-għażla tiegħu ta’ xiri.

56      Madankollu, tali konstatazzjoni ma tistax tiġi aċċettata. Fil-fatt, il-parti l-kbira tal-prodotti huma siekta fihom infushom, u jipproduċu ħoss biss fil-mument tal-konsum tagħhom. Għaldaqstant, dan l-argument ma jistax isostni l-affermazzjoni tal-Bord tal-Appell stabbilita fil-punt 14 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, is-sempliċi fatt li ħoss jista’ jsir biss waqt il-konsum ta’ prodott ma jfissirx li l-użu ta’ ħsejjes sabiex tiġi indikata l-oriġini kummerċjali ta’ prodott f’suq partikolari għadu inabitwali.

57      Madankollu, u fi kwalunkwe każ, irrispettivament minn jekk għadux inabitwali li tiġi indikata l-oriġini kummerċjali tal-prodotti, b’mod partikolari fis-swieq inkwistjoni tax-xarbiet u tal-imballaġġ tax-xarbiet, biss bl-għajnuna ta’ ħsejjes, żball eventwali tal-Bord tal-Appell f’dan ir-rigward ma kellux influwenza determinanti fuq id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata.

58      Fil-fatt, kif indikat fil-punt 49 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali kkonfermat il-konklużjoni tal-Bord tal-Appell li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma kellhiex karattru distintiv għall-prodotti kollha inklużi fil-klassijiet 29, 30, 32 u 33. L-argument tar-rikorrenti bbażat fuq żball eventwali tal-Bord tal-Appell fir-rigward tal-użu abitwali tal-ħsejjes fis-swieq inkwistjoni għalhekk ma huwiex ta’ natura li jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

59      Għaldaqstant, l-ewwel u l-ħames motiv, ibbażati, essenzjalment, fuq żbalji ta’ evalwazzjoni, għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

60      Ir-rikorrenti tqis, essenzjalment, li l-Bord tal-Appell naqas milli jeżamina l-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fir-rigward tal-prodotti inkwistjoni li ma fihomx gass karboniku. Hija żżid li l-affermazzjoni tal-Bord tal-Appell li għadu inabitwali li tiġi indikata l-oriġini kummerċjali tal-prodotti fis-swieq tax-xorb u tal-imballaġġ tagħhom biss permezz ta’ ħsejjes ma hijiex suffiċjentement sostnuta, b’mod partikolari minħabba l-fatt li hija ppreżentat pubblikazzjonijiet li jirrigwardaw ix-xogħol attwali tal-inġiniera tal-ħoss għal akkumpanjament akustiku ta’ prodotti tal-ikel imqiegħda fis-suq.

61      L-EUIPO, għalkemm jirrikonoxxi l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-prodotti inkwistjoni li ma jkunx fihom gass karboniku, madankollu jqis li dan ma huwiex ta’ natura li jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

62      Għandu jitfakkar li, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 94(1) tar-Regolament 2017/1001, id-deċiżjonijiet tal-EUIPO għandhom ikunu motivati.

63      L-obbligu ta’ motivazzjoni hekk stabbilit għandu l-istess portata bħal dak li jirriżulta mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, kif interpretat minn ġurisprudenza stabbilita, li tgħid li l-motivazzjoni għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-awtur tal-att, b’mod li jippermetti, minn naħa, lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda sabiex ikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, lill-qorti tal-Unjoni Ewropea teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tad-deċiżjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑10 ta’ Mejju 2012, Rubinstein u L’Oréal vs UASI, C‑100/11 P, EU:C:2012:285, punt 111, u tas‑6 ta’ Settembru 2012, Storck vs UASI, C‑96/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2012:537, punt 86).

64      F’dan il-każ, għandu jiġi rrikonoxxut li l-Bord tal-Appell telaq mill-premessa żbaljata li l-prodotti kollha inkwistjoni inklużi fil-klassijiet 29, 30, 32 u 33 kienu xarbiet li jista’ jkun fihom gass karboniku, b’tali mod li d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludix motivazzjoni espliċita speċifikament iddedikata għall-assenza ta’ karattru distintiv tat-trade mark ta’ ħoss li għaliha saret l-applikazzjoni għal dawk tal-imsemmija prodotti li ma jistax ikun fihom gass karboniku, bħal, b’mod partikolari, ix-“xarbiet mingħajr alkoħol mhux karbonizzati”, li barra minn hekk ma huwiex ikkontestat mill-EUIPO.

65      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, minkejja l-assenza ta’ motivazzjoni dwar dan il-punt speċifiku, id-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjentement motivata kollha kemm hi, b’tali mod li r-rikorrenti setgħet tifhem il-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda fir-rigward tagħha u li l-qorti tal-Unjoni tkun f’pożizzjoni li teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tal-imsemmija deċiżjoni, konformement mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 63 iktar ’il fuq.

66      Il-fatt li l-Bord tal-Appell ma kkummentax espressament fuq l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq ix-xogħol attwali tal-inġiniera tal-ħoss ma jfissirx li huwa ma ssodisfax l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu.

67      Fil-fatt, l-obbligu ta’ motivazzjoni li għandu l-EUIPO ma jikkostitwixxix obbligu li tingħata tweġiba għall-argumenti kollha u għall-provi kollha prodotti għall-evalwazzjoni tiegħu (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2008, Reber vs UASI – Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli (Mozart), T‑304/06, EU:T:2008:268, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata). Huwa suffiċjenti għall-EUIPO li jesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li għandhom importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Jannar 2007, Technische Glaswerke Ilmenau vs Il‑Kummissjoni, C‑404/04 P, mhux ippubblikata, EU:C:2007:6, punt 30, u tad‑9 ta’ Diċembru 2010, Tresplain Investments vs UASI – Hoo Hing (Golden Elephant Brand), T‑303/08, EU:T:2010:505, punt 46).

68      Għaldaqstant, il-motiv tar-rikorrenti bbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ

69      Ir-rikorrenti ssostni li hija ma setgħetx tippreżenta osservazzjonijiet dwar l-obbligu ta’ disponibbiltà msemmi mill-Bord tal-Appell fil-punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata, b’tali mod li d-dritt tagħha għal smigħ inkiser.

70      L-EUIPO jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

71      Għandu jitfakkar li mit-tieni sentenza tal-Artikolu 94(1) tar-Regolament 2017/1001 jirriżulta li l-EUIPO jista’ jibbaża d-deċiżjoni tiegħu biss fuq punti ta’ fatt jew ta’ liġi li fuqhom il-partijiet setgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi, fil-kuntest tad-dritt tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea, il-prinċipju ġenerali ta’ protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża. Bis-saħħa ta’ dan il-prinċipju, id-destinatarji tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi li jaffettwaw l-interessi tagħhom b’mod sostanzjali għandu jkollhom l-opportunità li jressqu l-opinjoni tagħhom b’mod effettiv (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2013, Eurocool Logistik vs UASI – Lenger (EUROCOOL), T‑599/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:399, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72      Id-dritt għal smigħ jestendi għall-punti kollha ta’ fatt jew ta’ liġi li jikkostitwixxu l-bażi tal-att deċiżjonali, iżda mhux għall-pożizzjoni finali li l-amministrazzjoni jkollha l-intenzjoni tadotta (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2009, Jurado Hermanos vs UASI (JURADO), T‑410/07, EU:T:2009:153, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73      F’dan il-każ, mill-elementi tal-proċess tal-EUIPO, b’mod partikolari min-nota tar-rikorrenti li tesponi l-motivi tal-appell tagħha kontra d-deċiżjoni tal-eżaminatur, jirriżulta li l-preċiżazzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell, li tgħid li jeżisti obbligu ta’ disponibbiltà tal-ħsejjes li jikkomponu t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, hija parti mill-iskambji bejn il-partijiet matul il-proċedura amministrattiva quddiem il-Bord tal-Appell. Kif isostni ġustament l-EUIPO, il-Bord tal-Appell ma jqajjem l-ebda element ġdid u sempliċement iwieġeb għall-att tal-appell tar-rikorrenti u, b’mod iktar partikolari, għall-argument ibbażat, essenzjalment, fuq il-fatt li l-operaturi ekonomiċi l-oħra ma humiex preklużi, bir-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, milli jużaw is-sinjali tagħhom għall-finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ diversi likwidi b’skattatur ta’ ragħwa.

74      Din il-preċiżazzjoni tal-Bord tal-Appell ma kinitx, fiha nnifisha, ta’ natura li tobbligaha toffri l-possibbiltà lir-rikorrenti li ssostni l-opinjoni tagħha f’dan ir-rigward.

75      Minn dan isegwi li l-motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, ir-rikors fl-intier tiegħu għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

76      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Madankollu, skont l-Artikolu 135(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li, għal raġunijiet ta’ ekwità, il-parti li titlef għandha tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, biss frazzjoni mill-ispejjeż tal-parti l-oħra, jew saħansitra li ma għandhiex tiġi kkundannata f’dan ir-rigward.

77      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 190(2) tar-Regoli tal-Proċedura, l‑ispejjeż indispensabbli sostnuti għall-finijiet tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell għandhom jitqiesu bħala spejjeż li jistgħu jinġabru.

78      F’dan il-każ, fid-dawl tad-diversi żbalji li vvizzjaw id-deċiżjoni kkontestata, u minkejja li din ma hijiex annullata, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha sostnuti quddiem il-Qorti Ġenerali. Ir-rikorrenti għandha tbati wkoll l-ispejjeż indispensabbli sostnuti għall-finijiet tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu sostnuti quddiem il-Qorti Ġenerali.

3)      Ardagh Metal Beverage Holdings GmbH & Co. KG għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha sostnuti quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll l-ispejjeż indispensabbli sostnuti għall-finijiet tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO.

Papasavvas

Spielmann

Öberg

Spineanu-Matei

 

Norkus

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑7 ta’ Lulju 2021.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.