Language of document :

Rikors ippreżentat fil-25 ta' Lulju 2011 - Turbo Compressor Manufacturer vs Il-Kunsill

(Kawża T-404/11)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Turbo Compressor Manufacturer (Teheran, Iran) (rappreżentanti: K. Kleinschmidt, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/299/PESK, tat-23 ta' Mejju 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, sa fejn dan l-att jirrigwarda r-rikorrenti;

tordna l-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura skont l-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, kif ukoll li l-konvenut jissottometti d-dokumenti kollha relatati mad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn jikkonċernaw lir-rikorrenti;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-motivi li ġejjin.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet iggarantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

Id-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti, iggarantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar 'il quddiem il-"Karta tad-Drittijiet Fundamentali") ġew miksura. Fl-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, id-dritt tal-libertà tal-intrapriża huwa rrikonoxxut kif ukoll l-Artikolu 17 jiggarantixxi d-dritt għal proprjetà fl-Unjoni Ewropea u li wieħed jiddisponi liberament. L-Artikolu 20 u l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jiggarantixxu lir-rikorrenti trattament ugwali kif ukoll nondiskriminazzjoni.

Permezz tad-deċiżjoni kkontestata r-rikorrenti hija eskluża milli tipparteċipa f'kummerċ fl-Unjoni Ewropea. Għalhekk, l-eżistenza ekonomika tar-rikorrenti qegħda f'riskju. Ir-rikorrenti tiddipendi fuq il-provvisti mis-settur ekonomiku tal-Unjoni Ewropea.

Ma hemmx interess pubbliku fir-restrizzjoni tal-libertà tar-rikorrenti milli tipparteċipa f'kummerċ, tad-dritt ta' proprjetà, tad-dritt għal trattament ugwali u ta' nondiskriminazzjoni tagħha. B'mod partikolari, ma kienx hemm fatti li jiġġustifikaw b'mod suffiċjenti d-deċiżjoni tal-konvenut u l-impatt konsegwenti fuq id-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti. Ir-rikorrenti ma kinitx partikolarment involuta fil-proliferazzjoni ta' attivitajiet nukleari sensittivi u / jew l-iżvilupp ta' sistemi ta' kunsinna ta' armi nukleari.

Barra minn hekk hemm ukoll żball. Il-kumpanija SATAK imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata ma hijiex l-istess bħar-rikorrenti. Din hija kumpannija terza li hija barranija għar-rikorrenti. Ir-rikorrenti tispjega li hija kienet tinsab fid-deċiżjoni kkontestata, fil-lista fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, biss minħabba f'konfużjoni ma' kumpannija oħra li tikkontrolla lil "SATAK" jew kumpannija oħra simili.

It-tieni motiv ibbażat fuq evalwazzjoni manifestament żbaljata tal-fatti li fuqhom id-deċiżjoni kkontestata kienet ibbażata

Ir-rikorrenti ma hijiex involuta fil-proliferazzjoni ta' attivitajiet nukleari sensittivi, il-kummerċ u / jew l-iżvilupp ta' sistemi ta' kunsinna ta' armi nukleari jew sistema oħra ta' armi.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità

Il-konvenut ma osservax il-prinċipju ta' proporzjonalità fid-deċiżjoni tiegħu. Ir-rikorrenti tista' biss tassumi, fuq il-bażi ta' tfittxijiet li saru fuq l-internet tal-kliem prinċipali "SATAK" u "programm nukleari tal-Iran", li l-kunsinna identifikata fil-punt 31 tal-Anness IB tad-Deċiżjoni 2011/299/PESK tinvolvi sitt tipi Sovjetiċi ta' missili tal-ajru cruise KH-55(SM), li l-Iran allegatament kiseb mill-Ukraina fl-2001 jew fl-2002.

Ir-rikorrenti ma kellha l-ebda kummerċ mal-intrapriża pubblika tal-Ukraina UkrSpetzExport, u lanqas ma timporta tipi Sovjetiċi ta' missili tal-ajru cruise KH-55(SM) jew armi oħra jew sistemi ta' kunsinna ta' armi.

Ir-rikorrenti ma hijiex il-kumpannija "SATAK" imsemmija fil-punt 31 tal-Anness 1B tad-deċiżjoni kkontestata.

4.    Ir-raba' motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

Id-dikjarazzjoni ta' raġunijiet stabbilita fil-punt 31 tal-Anness 1B tad-deċiżjoni kkontestata hija inkomprensibbli għar-rikorrenti u raġunijiet verifikabbli ma ġewx ikkomunikati lir-rikorrenti mill-konvenut, bir-riżultat li d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti u ta' protezzjoni ġuridika effettiva ġew miksura.

____________