Language of document : ECLI:EU:C:2014:308

KONKLUŻJONIJIET WATHELET — KAWŻA C‑242/13

COMMERZ NEDERLAND

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WATHELET

ippreżentati fit-8 ta’ Mejju 2014 (1)

Kawża C‑242/13

Commerz Nederland NV

vs

Havenbedrijf Rotterdam NV

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi)]

“Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Għajnuna mogħtija minn impriża pubblika fil-forma ta’ garanzija lil bank — Deċiżjoni meħuda mid-direttur tal-impriża pubblika — Ksur tad-dispożizzjonijiet tal-istatut tal-impriża pubblika”





I –    Introduzzjoni

1.        Din il-kawża tikkonċerna, sabiex eventwalment jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikoli 107 TFUE u 108 TFUE, l-imputabbiltà lill-Istat ta’ garanziji mogħtija lil bank minn impriża pubblika bi ksur tar-regoli interni li jirregolawha. F’din il-kawża, dawn il-garanziji ngħataw minn W. Scholten, amministratur waħdieni ta’ Havenbedrijf Rotterdam NV (iktar ’il quddiem “HbR”), l-impriża portwarja ta’ Rotterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi), favur kumpanniji li jappartjenu għall-grupp Olandiż RDM (iktar ’il quddiem il-“grupp RDM”). Ġie stabbilit li, bl-għoti ta’ dawn il-garanziji, W. Scholten aġixxa b’mod arbitrarju, żamm deliberatament is-sigriet tal-għoti ta’ dawn il-garanziji u kiser l-istatuti tal-impriża pubblika meta ma talabx minn qabel l-approvazzjoni tal-kunsill ta’ sorveljanza ta’ din tal-aħħar.

2.        Sa hawnhekk, “nihil sub sole novum” (2), iżda għall-kuntrarju huwa sorprendenti li l-Istat Membru kkonċernat qiegħed jiddefendi l-idea li l-miżuri kkonċernati huma imputabbli lilu u jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tat-Trattat FUE filwaqt li l-benefiċjarju tal-garanziji, li b’mod evidenti ħafna jixtieq jitħallas, iqis li l-garanziji ma humiex għajnuna mill-Istat għaliex ingħataw ultra vires.

3.        Garanzija li b’mod simili ħafna tgħaqqad, bl-eċċezzjoni ta’ min isellef, l-istess sieħba kienet is-suġġett tas-sentenza Residex Capital IV (3). Kif tinnota l-Avukat Ġenerali Kokott, fil-punt 2 tal-konklużjonijiet tagħha fil-kawża msemmija (4), din il-garanzija ngħatat “f’ċirkustanzi misterjużi” mill-korp tal-komun ta’ Rotterdam (iktar ’il quddiem il-“Komun”) u l-predeċessur ta’ HbR, Gemeentelijk Havenbedrijf Rotterdam (Impriża portwarja komunali ta’ Rotterdam, iktar ’il quddiem “GHR”), favur kumpannija li tappartjeni wkoll għall-grupp Olandiż RDM. Peress li l-kwistjoni ta’ imputabbiltà ma tqajmitx f’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ttrattat biss il-kwistjoni dwar jekk it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 108(3) TFUE jobbligax lil qorti nazzjonali tqis bħala nulla garanzija komunali li ma ġietx innotifikata lill-Kummissjoni Ewropea u li ma ġietx approvata minn din tal-aħħar.

II – Il-kuntest ġuridiku

4.        It-tilwima fil-kawża prinċipali tqajjem domandi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 107 TFUE u 108 TFUE kif ukoll tal-punti 50 sa 58 tas-sentenza fil-kawża Franza vs Il-Kummissjoni (5) dwar il-kwistjoni tal-imputazzjoni lill-Istat ta’ miżura ta’ għajnuna fis-sens ta’ dawn l-artikoli.

5.        Fil-qosor, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’din is-sentenza, li l-imputabbiltà ta’ miżura ta’ għajnuna lill-Istat ma tistax tiġi dedotta “mis-sempliċi fatt li l-miżura inkwistjoni ttieħdet minn impriża pubblika” (punt 51), minħabba li din tal-aħħar “tista’ taġixxi xi ftit jew wisq b’indipendenza, skont il-livell ta’ awtonomija permess lilha mill-Istat” (punt 52). Il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet ukoll li s-“sempliċi fatt li impriża pubblika [tkun] ġiet ikkostitwita fil-forma ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju rregolata mid-dritt ġenerali jitqies — f’dak li jikkonċerna l-awtonomija li din il-forma ġuridika tista’ tagħtiha — bħala suffiċjenti sabiex jiġi eskluż li miżura ta’ għajnuna meħuda minn tali kumpannija tkun imputabbli lill-Istat” (punt 57).

6.        Fil-punt 52 tal-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, sabiex tiġi imputata miżura ta’ għajnuna lill-Istat, kien “għadu neċessarju li jiġi eżaminat jekk l-awtoritajiet pubbliċi kellhomx jitqiesu bħala involuti, b’xi mod jew ieħor, fl-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri”.

7.        Madankollu hija qieset fl-imsemmija sentenza Franza vs Il-Kummissjoni (EU:C:2002:294) li “ma jistax ikun meħtieġ li jintwera, fuq il-bażi ta’ istruzzjoni preċiża, li l-awtoritajiet pubbliċi ħeġġew b’mod konkret lill-impriża pubblika sabiex tieħu l-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni” (punt 53), minħabba li tali prova tkun “diffiċli ħafna” għal parti terza (punt 54). Għal din ir-raġuni, hija ammettiet li “l-imputabbiltà lill-Istat ta’ miżura ta’ għajnuna meħuda minn impriża pubblika [setgħet] tiġi dedotta minn sett ta’ indizji li jirriżultaw miċ-ċirkustanzi tal-każ u mill-kuntest li fih ittieħdet dik il-miżura” (punt 55).

8.        F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li hija kienet “diġà ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-korp inkwistjoni ma setax jieħu d-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma jqis ir-rekwiżiti tal-awtoritajiet pubbliċi [...] jew li, minbarra l-elementi ta’ natura organika li jorbtu lill-impriżi pubbliċi tal-Istat, dawn, li permezz tagħhom kienet ingħatat l-għajnuna, kellhom iqisu d-direttivi maħruġa [mill-Istat]” (sentenza Franza vs Il-Kummissjoni, EU:C:2002:294, punt 55).

9.        Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “indizji oħra, jekk ikun il-każ, jistgħu jkunu rilevanti sabiex tintlaħaq il-konklużjoni li miżura ta’ għajnuna meħuda minn impriża pubblika għandha tiġi imputata lill-Istat, bħalma huma, b’mod partikolari, l-integrazzjoni tagħha fl-istrutturi tal-amministrazzjoni pubblika, in-natura tal-attivitajiet tagħha u l-eżerċizzju ta’ dawn fis-suq f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni mal-operaturi privati, l-istatus ġuridiku tal-impriża, li taqa’ taħt id-dritt pubbliku jew id-dritt ġenerali tal-kumpanniji, l-intensità tas-superviżjoni eżerċitata mill-awtoritajiet pubbliċi fuq il-ġestjoni tal-impriża jew kwalunkwe indizju ieħor li jindika, f’każ konkret, involviment tal-awtoritajiet pubbliċi jew l-improbabbiltà ta’ assenza ta’ involviment fl-adozzjoni ta’ miżura, b’kunsiderazzjoni wkoll tal-ambitu tagħha, tal-kontenut tagħha jew tal-kundizzjonijiet li tinvolvi” (sentenza Franza vs Il-Kummissjoni, EU:C:2002:294, punt 56).

III – It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10.      Il-port ta’ Rotterdam huwa ġestit minn HbR, kumpannija b’responsabbiltà limitata li l-kapital azzjonarju tagħha jappartjeni għall-Komun (madwar 70 %) u għall-Istat Olandiż (madwar 30 %). Fi żmien il-fatti, il-Komun kien l-uniku azzjonarju ta’ HbR, bl-Istat Olandiż jakkwista l-ishma tiegħu fl-2006.

11.      Fil-passat, il-port ta’ Rotterdam kien ġestit minn Havenbedrijf der Gemeente Rotterdam (impriża portwarja tal-Komun ta’ Rotterdam), servizz muniċipali mingħajr personalità ġuridika stabbilit fl-1932 u li sar GHR matul is-snin 80. Fl-1 ta’ Jannar 2004, GHR ġiet issostitwita minn HbR.

12.      L-amministrazzjoni ta’ HbR hija fdata lil kunsill ta’ amministrazzjoni b’superviżjoni minn kunsill ta’ sorveljanza. Fl-1992, W. Scholten inħatar amministratur waħdieni ta’ GHR/HbR. Fi żmien l-għoti tal-garanziji inkwistjoni, il-membru tal-kunsill tal-Komun responsabbli għall-port kien president tal-kunsill ta’ sorveljanza.

13.      Il-grupp RDM kien sett ta’ kumpanniji li jappartjenu għal J. van den Nieuwenhuyzen. Dan il-grupp kien attiv fil-produzzjoni u l-kunsinna ta’ materjal militari. Dan kien falla u l-attivitajiet tiegħu ma reġgħux inbdew minn impriża oħra. Il-grupp RDM ma kien marbut bl-ebda mod ma’ HbR.

14.      Fit-28 ta’ Diċembru 2002, RDM Holding NV (iktar ’il quddiem “RDM Holding”) impenjat ruħha b’kuntratt fil-konfront ta’ GHR (iktar ’il quddiem il-“kuntratt dwar is-sottomarini”) li ma tqiegħed għad-dispożizzjoni tat-Tajwan ebda informazzjoni jew materjal li jkunu ta’ interess għall-kostruzzjoni jew l-użu ta’ sottomarini. Inkambju, GHR impenjat ruħha li tkun garanti ma’ kredituri ta’ RDM Holding u/jew ta’ sussidjarji tagħha għal kull ammont ta’ iktar minn EUR 100 000 000, u dan għal perjodu li ma kellux jaqbeż it-tliet snin.

15.      GHR u RDM Holding kienu impenjati wkoll li ma jgħarrfux lil partijiet terzi dwar l-eżistenza u l-kontenut tal-kuntratt dwar is-sottomarini.

16.      Fil-preambolu ta’ dan il-kuntratt, GHR u RDM Holding indikaw, l-ewwel nett, li RDM Holding, b’kooperazzjoni mal-awtoritajiet Amerikani, kienet eżaminat il-possibbiltà li tittrasferixxi lejn it-Tajwan teknoloġija dwar il-kostruzzjoni ta’ sottomarini permezz ta’ kumpanniji oħra tal-grupp RDM, it-tieni nett, li GHR kienet informata bin-negozjati dwar dan bejn l-avukati ta’ RDM Holding u tal-Istat Olandiż, it-tielet nett, li r-Repubblika Popolari taċ-Ċina kienet indikat li jekk RDM Holding tikkunsinna din it-teknoloġija lejn it-Tajwan, hija kienet ser timponi sanzjonijiet fuq il-Pajjiżi l-Baxxi, inkluż it-trasferiment tat-trasporti marittimi tagħha lejn port differenti minn Rotterdam, ir-raba’ nett, li GHR riedet tagħmel kollox sabiex tevita din l-eventwalità u, il-ħames nett, li RDM Holding kienet lesta li tirrinunzja għat-trasferiment lejn it-Tajwan ta’ din it-teknoloġija għall-kundizzjonijiet stipulati fil-kuntratt.

17.      Permezz ta’ kuntratt bid-data tal-5 ta’ Novembru 2003, Commerz Nederland NV (iktar ’il quddiem “Commerz”) qiegħdet għad-dispożizzjoni ta’ RDM Vehicles BV (iktar ’il quddiem “RDM Vehicles”) faċilità ta’ kreditu ta’ EUR 25 miljun (iktar ’il quddiem il-“kreditu Vehicles”) maħsuba għall-finanzjament tal-manifattura ta’ vettura blindata. Fl-istess ġurnata, W. Scholten iffirma garanzija li permezz tagħha GHR daħlet bħala garanti fil-konfront ta’ Commerz tal-osservanza minn RDM Vehicles tal-obbligi imposti fuqha skont il-kreditu Vehicles.

18.      Wara li HbR issuċċediet lil GHR fl-1 ta’ Jannar 2004, W. Scholten ta, fl-4 ta’ Ġunju 2004, l-istess garanzija għall-benefiċċju ta’ Commerz għall-kreditu Vehicles, din id-darba f’isem HbR, u Commerz irrinunzjat għad-drittijiet li kisbet mill-garanzija mogħtija fir-rigward ta’ GHR. Din il-garanzija ġiet approvata mill-kunsill ta’ sorveljanza ta’ HbR fit-22 ta’ Ġunju 2004.

19.      L-istudju tal-avukati Spigthoff ta lil Commerz opinjonijiet ġuridiċi bid-dati, rispettivament, tal-10 ta’ Novembru 2003 u tal-4 ta’ Ġunju 2004, li skonthom il-garanziji ffirmati f’isem GHR u HbR għall-kreditu Vehicles kienu jikkostitwixxu “obbligi validi, vinkolanti u li jistgħu jiġu eżegwiti” mill-garanti. B’sentenza tas-17 ta’ April 2013, il-Gerechtshof te ’s-Gravenhage (il-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li dawn l-opinjonijiet ġuridiċi kienu stabbiliti b’mod ħażin intenzjonalment.

20.      Permezz ta’ kuntratti tas-27 ta’ Frar 2004, Commerz qiegħdet għad-dispożizzjoni ta’ RDM Finance I BV (iktar ’il quddiem “RDM I”) u għad-dispożizzjoni ta’ RDM Finance II BV (iktar ’il quddiem “RDM II”) faċilitajiet ta’ kreditu ta’ EUR 7.2 miljun u EUR 6.4 miljun rispettivament (iktar ’il quddiem, rispettivament, il-“kreditu RDM I” u l-“kreditu RDM II”). Dawn il-krediti kienu maħsuba għall-finanzjament ta’ ordnijiet ta’ materjal militari mingħand RDM Technology BV.

21.      Fit-2 ta’ Marzu 2004, W. Scholten iffirma garanziji li permezz tagħhom HbR ġiet ikkostitwita bħala garanti fil-konfront ta’ Commerz tal-osservanza tal-obbligi ta’ RDM I u ta’ RDM II skont dawn il-krediti. Fit-3 ta’ Marzu 2004, Spigthoff ta lil Commerz opinjoni ġuridika simili għal dawk imsemmija fil-punt 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

22.      B’sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2010 (6), ir-Rechtbank Rotterdam iddeċidiet li W. Scholten kien aċċetta donazzjonijiet minn J. van den Nieuwenhuyzen, proprjetarju u direttur ġenerali tal-grupp RDM, li permezz tagħhom dan tal-aħħar xtaq jikseb trattament favorevoli għall-impriża tiegħu minn W. Scholten. B’din l-istess sentenza, ir-Rechtbank Rotterdam iddeċidiet li W. Scholten kien stabbilixxa deliberatament ċertifikati b’dikjarazzjonijiet foloz li permezz tagħhom sostna li l-approvazzjoni tal-garanziji mill-kunsill ta’ sorveljanza ma kinitx neċessarja u li W. Scholten kien deliberatament naqas milli jsemmi l-garanziji inkwistjoni fil-kontijiet ta’ HbR għas-snin 2002 u 2003. Fl-aħħar nett, ir-Rechtbank Rotterdam iddeċidiet li W. Scholten żamm deliberatament il-garanziji mogħtija sigrieti, għaliex kien jaf li l-kunsill ta’ sorveljanza ma kienx se jagħti l-approvazzjoni tiegħu li kieku ġie informat. Ir-Rechtbank Rotterdam ikkundannat lil W. Scholten għal tnax‑il xahar ta’ priġunerija għal korruzzjoni passiva, falsifikazzjoni ta’ dokumenti u ingann ta’ HbR.

23.      B’ittra tal-20 ta’ Awwissu 2004, Commerz irtirat il-kreditu Vehicles u talbet il-pagament tal-bilanċ dovut. Wara li ma sar ebda pagament, Commerz talbet lil HbR tħallasha, skont il-garanzija mogħtija, l-ammont ta’ EUR 19 843 541.80, u l-ammont ta’ dejn anċillari. HbR ma laqgħatx din it-talba.

24.      B’ittri tad-29 ta’ April 2004, Commerz irtirat il-krediti RDM I u RDM II u talbet ir-rimbors tal-bilanċ dovut. Fl-assenza ta’ pagament, Commerz stiednet lil HbR tħallasha, skont il-garanziji mogħtija, l-ammont ta’ EUR 4 869.00 u EUR 14 538.24 rispettivament, u d-dejn anċillari. HbR lanqas ma laqgħat din it-talba.

25.      Wara r-rifjut ta’ HbR li tosserva l-obbligi li ġejjin mill-garanziji, Commerz ippreżentat rikors kontra HbR quddiem ir-Rechtbank Rotterdam, b’talba għall-pagament tal-ammont dovut, skont il-garanzija pprovduta minn HbR, għall-kreditu Vehicles. Din il-qorti ċaħdet din it-talba u qieset li din il-garanzija kienet tikkostitwixxi miżura ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE li kellha tkun innotifikata lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 108(3) TFUE, li ma kienx sar, u li, konsegwentement, din il-garanzija kienet nulla fuq il-bażi tal-Artikolu 3:40(2), tal-Kodiċi Ċivili Olandiż.

26.      Commerz ippreżenta appell minn din is-sentenza quddiem il-Gerechtshof te ’s-Gravenhage bl-istess talba għall-kundanna ta’ HbR għall-pagament tal-ammonti dovuti skont il-garanziji pprovduti minn HbR għall-krediti RDM I u RDM II. Il-Gerechtshof te ’s-Gravenhage kkonfermat is-sentenza tar-Rechtbank Rotterdam u ċaħdet it-talbiet ta’ Commerz.

27.      Skont il-Gerechtshof te ’s-Gravenhage, l-eżami tal-fatti fir-rigward tal-kriterji stabbiliti fis-sentenza Franza vs Il-Kummissjoni (EU:C:2002:294) iwassal għall-konklużjoni li l-għoti tal-garanziji inkwistjoni għandu jiġi imputat lill-Pajjiżi l-Baxxi.

28.      Sabiex waslet għal din il-konklużjoni, il-Gerechtshof te ’s-Gravenhage bbażat ruħha fuq iċ-ċirkustanzi li, l-ewwel nett, il-Komun kellu l-ishma kollha ta’ HbR, it-tieni nett, il-membri tat-tmexxija u tal-kunsill ta’ sorveljanza kienu nnominati mill-assemblea ġenerali tal-azzjonisti u għalhekk mill-Komun, it-tielet nett, il-membru tal-kunsill responsabbli għall-port kien jippresjedi l-kunsill ta’ sorveljanza, ir-raba’ nett, l-istatuti ta’ HbR kienu jeħtieġu l-approvazzjoni tal-kunsill ta’ sorveljanza għall-għoti ta’ garanziji bħal dawk f’dan il-każ u, il-ħames nett, l-iskop mogħti lil HbR mill-istatuti tagħha ma kienx komparabbli ma’ dak ta’ sempliċi impriża kummerċjali, fid-dawl tal-importanza mogħtija lill-interess ġenerali fil-ġestjoni ta’ port bħal dak ta’ Rotterdam.

29.      Commerz ikkontestat din is-sentenza quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden li għandha dubju dwar il-kwistjoni tal-imputabbiltà lill-Istat Olandiż tal-garanziji inkwistjoni.

30.      Il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li anki jekk W. Scholten aġixxa b’mod totalment arbitrarju, qabeż il-limiti tas-setgħa tiegħu ta’ amministratur waħdieni ta’ HbR — billi żamm deliberatament sigrieta l-eżistenza tal-kuntratt dwar is-sottomarini kif ukoll il-garanziji u billi ma talabx l-approvazzjoni tal-kunsill ta’ sorveljanza qabel l-għoti tal-garanziji inkwistjoni —, il-garanziji mogħtija bi ksur tal-istatuti ta’ HbR ma jonqsux milli jorbtu lil din il-kumpannija skont id-dritt privat Olandiż.

31.      F’dan il-kuntest fattwali, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar jekk, sabiex tasalx jew le għall-konklużjoni li l-garanziji inkwistjoni għandhom jiġu imputati lill-Istat Olandiż, għandux jiġi adottat approċċ reali u fattwali jew għall-kuntrarju approċċ ġuridiku. Il-qorti tar-rinviju tqis li, jekk jiġi segwit l-ewwel approċċ, ikollu jitqies li l-Istat lanqas biss ma kien informat bl-eżistenza tal-garanziji u kien wisq inqas approva l-għoti tagħhom. Għall-kuntrarju, jekk wieħed isegwi t-tieni approċċ, ikun biżżejjed, skont il-qorti tar-rinviju, li jintwera li l-Istat jiddetermina bħala regola ġenerali l-proċess deċiżjonali li għandu jiġi segwit fi ħdan l-impriża pubblika fl-adozzjoni ta’ miżuri, bħall-għoti ta’ garanziji jew minn tal-inqas jeżerċita influwenza qawwija u predominanti fuq dan il-proċess.

32.      Filwaqt li tqis li din hija kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Hoge Raad der Nederlanden iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-imputabbiltà lill-awtoritajiet pubbliċi — meħtieġa sabiex għajnuna tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikoli 107 [TFUE] u 108 TFUE — ta’ garanzija mogħtija minn impriża pubblika hija neċessarjament eskluża f’sitwazzjoni fejn din il-garanzija ngħatat, bħal f’dan il-każ, mill-amministratur (waħdieni) tal-impriża pubblika, li, ċertament kien awtorizzat jagħmel dan skont id-dritt ċivili, iżda li aġixxa b’mod arbitrarju, deliberatament żamm l-għoti tal-garanzija sigriet u injora l-istatuti tal-impriża pubblika billi ma talabx l-approvazzjoni tal-Kunsill ta’ Sorveljanza, u fejn, barra minn hekk, hemm lok li wieħed jippreżumi li l-entità pubblika inkwistjoni (f’dan il-każ il-Komun [ta’ Rotterdam]) ma riditxx li l-garanzija tingħata?

2)      Jekk iċ-ċirkustanzi msemmija hawn fuq ma jeskludux neċessarjament l-imputabbiltà lill-awtoritajiet pubbliċi, allura dawn huma irrilevanti sabiex tingħata risposta għad-domanda dwar jekk l-għoti tal-garanzija jistax jiġi imputat lill-awtoritajiet pubbliċi, jew il-qorti għanda għaldaqstant twettaq evalwazzjoni fid-dawl tal-indizji l-oħra li huma favur jew kontra l-imputabbiltà lill-awtoritajiet pubbliċi?”

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

33.      It-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet lill-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ April 2013. Commerz, HbR, il-Gvern Olandiż kif ukoll il-Kummissjoni ressqu osservazzjonijiet bil-miktub.

34.      F’konformità mal-Artikolu 61(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, fl-20 ta’ Jannar 2014 il-Qorti tal-Ġustizzja indirizzat lill-partijiet diversi mistoqsijiet għal tweġiba fis-seduta, iżda minkejja r-rilevanza u l-importanza tagħhom — sabiex tingħata risposta ġusta u utli lill-qorti tar-rinviju — il-Gvern Olandiż iddeċieda li ma jipparteċipax fis-seduta tat-13 ta’ Marzu 2014.

35.      Din il-kollaborazzjoni bit-tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, fi proċess b’aspetti multipli “sorprendenti”, kienet tkun prezzjuża. Jiddispjaċini li l-Gvern Olandiż ma tahiex lill-Qorti tal-Ġustizzja. Fis-seduta għalhekk dehru biss Commerz, HbR u l-Kummissjoni.

V –    Analiżi

36.      Bid-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-għoti ultra vires tal-garanziji inkwistjoni, u b’mod partikolari l-fatt li W. Scholten tahom bi ksur tal-istatuti tal-impriża tiegħu u mingħajr ma informa lill-kunsill ta’ sorveljanza ta’ din l-impriża dwarhom jeskludix l-imputazzjoni ta’ dawn il-garanziji lill-Istat Olandiż u, fil-każ kuntrarju, jekk iċ-ċirkustanzi li fihom ingħataw il-garanziji jistgħux jitqiesu fid-deċiżjoni dwar l-imputazzjoni tagħhom lill-Istat.

A –    L-argumenti ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

37.      Il-pożizzjoni ta’ Commerz hija li l-garanziji inkwistjoni, għalkemm jorbtu lil HbR fid-dritt privat, ma humiex imputabbli lill-Istat. Huwa jinvoka, bħala bażi għall-argument tiegħu, l-interpretazzjoni tal-punti 50 sa 58 tas-sentenza Franza vs Il-Kummissjoni (EU:C:2002:294) li ġiet proposta fil-Hoge Raad der Nederland mill-Avukat Ġenerali Keus fil-konklużjonijiet tiegħu tas-7 ta’ Diċembru 2012.

38.      Skont dan l-Avukat Ġenerali, l-imputazzjoni ta’ miżura ta’ għajnuna lill-Istat tassumi involviment reali u fattwali tal-awtoritajiet statali fil-miżuri kkonċernati. Minn din is-sentenza jirriżulta li l-imputabbiltà lill-Istat ta’ miżura meħuda minn impriża pubblika teħtieġ li l-Istat ikun involut, “fil-każ konkret”, “fl-adozzjoni ta’ din il-miżura” u li huwa jkun effettivament eżerċita kontroll fuq din tal-aħħar (punt 52). Sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fil-punti 55 sa 57 tal-imsemmija sentenza, li l-imputabbiltà lill-Istat ta’ miżura meħuda minn impriża pubblika setgħet tiġi dedotta minn “sett ta’ indizji” li jirriżultaw miċ-ċirkustanzi tal-każ u mill-kuntest li fih ittieħdet din il-miżura, l-Avukat Ġenerali Keus sostna li, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ddefinixxiet livell ta’ prova u l-mod kif din il-prova setgħet tiġi prodotta, hija ma kinitx biddlet is-suġġett tal-prova, jiġifieri l-involviment konkret tal-awtoritajiet pubbliċi fil-miżura inkwistjoni.

39.      Commerz tqis li l-qrati Olandiżi ma jistgħux jibbażaw ruħhom, kif għamlet il-Gerechtshof te ’s-Gravenhage, fuq sett ta’ indizji meħuda mill-kuntest ġenerali li fih ingħataw il-garanziji, filwaqt li jinjoraw b’dan il-mod iċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ. Peress li W. Scholten aġixxa b’mod awtonomu, arbitrarju u sigriet, kontra r-rieda tal-Komun u mingħajr ma kkunsidra r-rekwiżiti imposti minn dan tal-aħħar, Commerz tqis li l-Komun ma kienx involut fl-għoti tal-garanziji kontenzjużi. Konsegwentement, huwa jqis li l-garanziji la jistgħu jkunu imputati lill-Komun u lanqas lill-Istat u, f’dan ir-rigward, ma jikkostitwixxux miżuri ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikoli 107 TFUE u 108 TFUE u li għalhekk dawn ma kellhomx jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni.

40.      HbR u l-Gvern Olandiż ma jaqblux ma’ din l-interpretazzjoni tas-sentenza Franza vs Il-Kummissjoni (EU:C:2002:294).

41.      HbR tqis li l-imputabbiltà ta’ miżura ta’ għajnuna lill-Istat għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi u mhux fuq ir-rieda preżunta tal-Istat. Għalhekk, skont HbR, għandu jiġi ddeterminat jekk l-Istat kienx jew kellux ikun involut u mhux jekk riedx jew kienx irid li jkun.

42.      HbR tenfasizza li, peress li huwa marbut mill-garanziji inkwistjoni, minkejja l-għoti ultra vires tagħhom, il-Komun kien involut fl-għoti tagħhom għaliex dan l-għoti ma setax iseħħ mingħajr l-intervent tiegħu, irrispettivament minn jekk riedx jew le li jsir dan l-għoti. Għal dawn ir-raġunijiet, HbR tqis li l-garanziji inkwistjoni huma imputabbli lill-Istat u, konsegwentement, jikkostitwixxu miżuri ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikoli 107 TFUE u 108 TFUE li kellhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni.

43.      Skont il-Gvern Olandiż, il-fatt li l-garanziji kienu ngħataw ultra vires ma jipprekludix l-imputazzjoni tagħhom lill-Istat. F’dan ir-rigward, huwa jaqbel mal-pożizzjoni tal-Gerechtshof te ’s-Gravenhage kif mogħtija fil-qosor fil-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet, fis-sens li l-imputazzjoni tal-garanziji inkwistjoni lill-Istat Olandiż hija bbażata fuq il-pożizzjoni predominanti li għandu l-Komun fil-kumpannija.

44.      HbR u l-Gvern Olandiż iqisu wkoll li l-effettività tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat tista’ tkun affettwata b’mod inaċċettabbli jekk l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli tiġi eskluża għar-raġuni li amministratur statutorju ta’ impriża pubblika jkun eċċeda, fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ miżura, ir-regoli tal-istatut ta’ din l-impriża. Fil-fatt, fil-prattika, ma jkunx dejjem possibbli li jiġi vverifikat jekk il-miżura inkwistjoni ttiħditx kontra r-rieda tal-impriża pubblika jew le u Stat Membru jkun jista’ għalhekk jistaħba wara l-“iżbalji” ta’ amministratur sabiex jevita li l-miżura tkun tista’ tiġi imputata lilu.

45.      Il-Kummissjoni topponi wkoll għall-interpretazzjoni tas-sentenza Franza vs Il-Kummissjoni (EU:C:2002:294) proposta minn Commerz u mill-Avukat Ġenerali Keus. Fuq il-bażi tal-punti 55 u 56 ta’ din is-sentenza, hija tqis li, sabiex miżura ta’ għajnuna tiġi imputata lill-Istat, ikun biżżejjed li dan tal-aħħar jiddetermina b’mod effettiv il-proċess deċiżjonali segwit fi ħdan l-impriża pubblika jew li jeżerċita b’mod effettiv influwenza qawwija u predominanti fuq dan il-proċess.

46.      Il-Kummissjoni tqis għalhekk li ma huwiex neċessarju li tiġi pprovata istruzzjoni preċiża sabiex jiġi konkluż li kien hemm involviment konkret tal-Istat fl-adozzjoni tal-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni. Hija tfakkar li, li kieku dan kien il-każ, il-kundizzjoni ta’ imputabbiltà ma tkunx issodisfatta ħlief b’mod eċċezzjonali ħafna fil-każ ta’ miżura ta’ għajnuna mogħtija minn impriża pubblika.

47.      Il-Kummissjoni tikkonkludi li hija r-responsabbiltà tal-qorti nazzjonali li tevalwa l-indizji indikati fil-punti 55 sa 57 tas-sentenza Franza vs Il-Kummissjoni (EU:C:2002:294) u taqbel mal-analiżi magħmula mill-Gerechtshof te ’s-Gravenhage li jiena tajt fil-qosor fil-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

48.      Fir-rigward taċ-ċirkustanzi partikolari tal-għoti tal-garanziji li huma s-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, il-Kummissjoni tqis li dawn ma għandhom ebda impatt fuq l-imputabbiltà tal-garanziji lill-Komun peress li, minn naħa, huwa l-Komun stess li ħoloq is-sitwazzjoni li fiha l-garanziji inkwistjoni ngħataw minn HbR u, min-naħa l-oħra, l-għoti tagħhom ma jagħmilx parti mill-attivitajiet kummerċjali normali ta’ HbR, iżda iktar jidher iddettat mill-kunsiderazzjonijiet ta’ interess ġenerali evokati fil-preambolu tal-kuntratt dwar is-sottomarini.

B –    Evalwazzjoni

1.      F’dan il-każ huma involuti miżuri ta’ għajnuna jew deċiżjonijiet essenzjalment kummerċjali?

49.      Qabel ma ngħaddi għall-eżami ta’ dawn l-argumenti, inqis li huwa neċessarju li nivverifika jekk il-garanziji inkwistjoni jikkostitwixxux miżuri ta’ għajnuna. Fil-fatt, huwa biss meta garanzija ġġib vantaġġ għal impriża li din il-garanzija tista’ tikkostitwixxi għajnuna (7).

50.      L-Avukat Ġenerali Kokott, fil-punt 17 tal-konklużjonijiet tagħha fil-kawża Residex Capital IV (C‑275/10, EU:C:2011:354), kienet ikkonkludiet li kien hemm għajnuna għall-benefiċċju ta’ RDM Aerospace NV li, infakkar, kienet tagħmel parti mill-istess grupp tal-impriżi benefiċjarji tal-garanziji f’din il-kawża, għaliex “[s]kont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, mingħajr din il-garanzija”, l-impriża “ma kinitx tkun tista’ tikseb dan is-self”.

51.      Għalkemm il-qorti tar-rinviju ma tindirizzax dan il-punt f’din il-kawża, hemm kull possibbiltà sabiex wieħed jaħseb li l-garanziji inkwistjoni f’din il-kawża ġabu vantaġġ għall-impriżi tal-grupp RDM li mingħajrhom ma kinux ikunu jistgħu jakkwistaw il-krediti Vehicles, RDM I u RDM II.

52.      Madankollu għandha tiġi eżaminata wkoll il-kwistjoni dwar jekk, bl-għoti ta’ dawn il-garanziji, HbR aġixxietx għal raġunijiet essenzjalment kummerċjali, bħalma kien jagħmel investitur privat, b’tali mod li l-vantaġġ miksub mill-impriżi tal-grupp RDM jirrappreżenta għalhekk il-kontroparti ta’ vantaġġi reċiproċi li huma taw lil HbR (8).

53.      Huwa biss fil-każ ta’ risposta negattiva għal din il-kwistjoni li jkun meħtieġ li jiġi eżaminat il-punt dwar jekk il-garanziji mogħtija minn HbR jimmobilizzawx riżorsi pubbliċi u jekk humiex imputabbli lill-Istat. Bħalma qal l-Avukat Ġenerali Jacobs fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Franza vs Il-Kummissjoni (C‑482/99, EU:C:2001:685), “id-deċiżjonijiet kummerċjali li tieħu birrerija pubblika fl-assenza ta’ kwalunkwe indħil mill-awtoritajiet pubbliċi għandhom jitqiesu bħala li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat”.

54.      L-istess prinċipju ġie ddikjarat fil-paġna 250 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Slynn fil-kawża Kwekerij van der Kooy et vs Il-Kummissjoni (67/85, 68/85 u 70/85, EU:C:1987:177) li, fir-rigward tal-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni f’dik il-kawża, jiġifieri l-iffissar ta’ tariffa preferenzjali, qajjem il-kwistjoni dwar “jekk l-iffissar ta’ din it-tariffa preferenzjali, anki jekk taħt l-influwenza tal-Istat u li tikkawża telf għal dan l-Istat, kienx meħtieġ minħabba kunsiderazzjonijiet kummerċjali li jeskludi li dan jikkostitwixxi ‘għajnuna’”.

55.      Il-Kummissjoni tqis li, f’dan il-każ, l-għoti ta’ garanziji jikkostitwixxi miżura ddettata minn rekwiżiti imperattivi ta’ interess ġenerali u mhux minn kunsiderazzjonijiet kummerċjali. Il-konklużjoni tagħha hija bbażata fuq l-indizji indikati mill-Gerechtshof te ’s-Gravenhage sabiex tissostanzja l-konklużjoni tagħha li HbR hija taħt il-kontroll effettiv tal-Istat Olandiż (9) kif ukoll fuq l-għanijiet ta’ interess ġenerali li jispiraw l-azzjoni ta’ HbR, b’mod partikolari fir-rigward tal-kontribut għall-iżvilupp urban, l-iżvilupp ta’ portijiet urbani u t-titjib tan-nisġa urbana tal-belt u tar-reġjun ta’ Rotterdam.

56.      Għalkemm dawn l-indizji jikkorrispondu għar-realtà, inqis li jistgħu jiġu invokati biss fir-rigward tal-imputabbiltà tal-garanziji lill-Istat — bħalma fil-fatt għamlet il-Gerechtshof te ’s-Gravenhage — u mhux bħalma tagħmel il-Kummissjoni sabiex taqta’ l-kwistjoni dwar jekk fil-każ konkret tal-garanziji inkwistjoni l-għoti tagħhom kienx iddettat jew le minn kunsiderazzjonijiet ta’ natura kummerċjali.

57.      Bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, jiena nxaqleb lejn risposta affermattiva.

58.      Bħalma semmejt fil-punti 14 sa 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-preambolu tal-kuntratt dwar is-sottomarini jiżvela li l-grupp RDM eżamina, b’kooperazzjoni mal-awtoritajiet Amerikani, il-possibbiltà li jittrasferixxi teknoloġija tas-sottomarini lejn it-Tajwan. Il-punt A tal-preambolu jsemmi n-negozjati bejn l-avukati ta’ RDM Holding u tal-Istat Olandiż f’dan ir-rigward.

59.      Il-punt B tal-preambolu jirreferi għat-theddida ddikjarata mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina li timponi sanzjonijiet fuq il-Pajjiżi l-Baxxi, inkluż id-devjazzjoni tat-trasporti marittimi tagħha lejn port ieħor minbarra dak ta’ Rotterdam fil-każ ta’ trasferiment lejn it-Tajwan ta’ teknoloġija dwar is-sottomarini kif ukoll għar-rieda ta’ GHR li tagħmel minn kollox sabiex tevita din l-eventwalità.

60.      Huwa veru li l-validità u l-awtentiċità ta’ dan il-kuntratt ġew ikkontestati. Bħalma Commerz informat lill-Qorti tal-Ġustizzja matul is-seduta, ir-Rechtbank Rotterdam ikkundannat lil W. Scholten għal korruzzjoni passiva fil-forma ta’ riċeviment ta’ donazzjonijiet magħmula minn J. van den Nieuwenhuyzen. Madankollu, l-istess Rechtbank Rotterdam iddeċidiet li l-falsifikazzjoni ma ġietx ipprovata b’mod legali u persważiv (“niet wettig en overtuigend”), u l-ministeru pubbliku ressaq appell kontra din il-parti tas-sentenza. Matul is-seduta, HbR indikat li dan l-appell kien għadu pendenti quddiem il-qrati Olandiżi.

61.      Huwa għal din ir-raġuni li l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet mistoqsija dwar dan is-suġġett (10), bil-ħsieb li, lil hinn minn Commerz u HbR, il-Gvern Olandiż kien bla dubju f’pożizzjoni tajba li jiddeċiedi dwar il-kredibbiltà tal-allegazzjonijiet fattwali ttrattati fil-preambolu tal-kuntratt dwar is-sottomarini. Bħalma indikajt, il-Gvern Olandiż ma pparteċipax fis-seduta, parteċipazzjoni li kienet tippermettilu jikkontesta li l-garanziji inkwistjoni kienu ngħataw għar-raġunijiet kummerċjali evokati fil-preambolu tal-kuntratt dwar is-sottomarini. Dan isaħħaħ l-idea li l-għoti ta’ garanziji kien essenzjalment iddettat minn kunsiderazzjonijiet ta’ natura kummerċjali.

62.      F’dawn il-kundizzjonijiet, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju tal-awtentiċità ta’ dan il-kuntratt (ikkontestata minn HbR) u għal sproporzjon eventwali bejn il-garanziji mogħtija u r-riskju kummerċjali li jirriżulta minn devjazzjoni eventwali tat-trasporti li ġejjin mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina jew minn indizji fattwali oħra li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha l-qorti tar-rinviju, inqis li, bl-għoti, għalkemm ultra vires, tal-garanziji inkwistjoni, W. Scholten segwa fl-interess ta’ GHR/HbR għan kummerċjali, jiġifieri li jevita l-konsegwenzi ta’ embargo mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina fuq il-port ta’ Rotterdam, li kien jeħtieġ li, bħala korrispettiv għall-garanziji, jinkiseb l-impenn tal-grupp RDM li ma jittrasferix teknoloġija fil-qasam tas-sottomarini lejn it-Tajwan.

2.      Jekk il-garanziji inkwistjoni huma kklassifikati bħala vantaġġi jew miżuri ta’ għajnuna, huma hekk fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE?

63.      Jekk il-vantaġġi li joffru l-garanziji inkwistjoni ma jsegwux għan essenzjalment kummerċjali, dawn jistgħu jitqiesu li huma għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE biss jekk “jingħataw direttament jew indirettament, permezz ta’ riżorsi tal-Istat” u jekk ikunu “attribwibbli [imputabbli] lill-Istat” (11).

a)      Riżorsi tal-Istat

64.      Ma huwiex ikkontestat li jekk il-garanziji jiġu attivati, ikun hemm mobilizzazzjoni tar-riżorsi pubbliċi peress li HbR, impriża miżmuma fi żmien il-fatti 100 % mill-Komun, ser ikollha, fuq dawn il-bażijiet, tonora fil-konfront ta’ Commerz l-impenji finanzjarji meħuda mill-impriżi tal-grupp RDM fir-rigward ta’ dan tal-aħħar.

b)      Imputabbiltà lill-Istat

65.      Il-kwistjoni tal-imputabbiltà ma titqajjimx meta l-miżura tal-Istat tingħata minn korp tal-Istat, irrispettivament mill-pożizzjoni ta’ dan il-korp fl-organizzazzjoni tal-Istat, kemm jekk jappartjeni għall-amministrazzjoni ċentrali kif ukoll għal entità ddeċentralizzata jew iddevoluta tal-Istat. Dan kien il-każ fil-kawża li wasslet għas-sentenza Residex Capital IV (EU:C:2011:814), li kienet tikkonċerna l-istess entitajiet — GHR u l-grupp RDM —, l-istess tip ta’ garanzija mogħtija mill-istess persuna (W. Scholten), bl-istess mod ultra vires u li fiha l-kwistjoni ta’ imputabbiltà lanqas biss tqajmet, għaliex il-garanziji kienu ngħataw minn servizz amministrattiv tal-Komun.

66.      Jekk il-miżura ta’ għajnuna tittieħed minn entità li ma tkunx korp tal-Istat fis-sens tal-punt preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod ċar ħafna, fil-punt 51 tas-sentenza Franza vs Il-Kummissjoni (EU:C:2002:294), li l-imputabbiltà ta’ miżura ta’ għajnuna lill-Istat ma setgħetx tiġi dedotta awtomatikament “mis-sempliċi fatt li l-miżura inkwistjoni ttieħdet minn impriża pubblika”.

67.      Dan huwa fil-fatt il-każ f’din il-kawża peress li, għalkemm fil-bidu l-garanziji għall-kreditu Vehicles ingħataw minn GHR, servizz muniċipali amministrattiv, dawn il-garanziji waqqfu milli jkunu effettivi fl-4 ta’ Ġunju 2004. Hija HbR, kumpannija b’responsabbiltà limitata bl-ishma kollha miżmuma mill-Komun li ssuċċediet lil GHR fl-1 ta’ Jannar 2004, li, fl-istess 4 ta’ Ġunju 2004, tat l-istess garanziji għall-benefiċċju ta’ Commerz. Il-garanziji relatati mal-krediti RDM I u RDM II ingħataw mill-bidu minn HbR, impriża pubblika.

68.      F’dan il-każ, għandu jiġi eżaminat jekk il-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni humiex xorta waħda imputabbli lill-Istat sa fejn dawn kienu ngħataw b’mod li “l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jitqiesu bħala li kienu involuti, b’xi mod jew ieħor, fl-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri” (12).

69.      Tali involviment tal-Istat ikun stabbilit meta l-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni jingħataw minn entità li għandha s-setgħa teżerċita prerogattivi ta’ awtorità pubblika jew minn entità li taġixxi taħt il-kontroll effettiv tal-Istat.

70.      Fir-rigward tal-kriterju tal-eżerċizzju tal-prerogattivi ta’ awtorità pubblika, il-Kummissjoni saħqet matul is-seduta li HbR ma kinitx kumpannija privata ordinarja. Skont il-Kummissjoni, l-istatuti tagħha jinkarigawha tinforza l-pożizzjoni tal-kumpless portwarju u industrijali ta’ Rotterdam, tippromwovi s-sigurtà tan-navigazzjoni, tiżgura l-ordni u s-sigurtà nawtiċi u marittimi kif ukoll taġixxi bħala awtorità portwarja. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni sostniet li l-garanziji inkwistjoni setgħu jiġu imputati lill-Istat Olandiż.

71.      Jiena ma naqbilx ma’ din il-pożizzjoni tal-Kummissjoni. Fil-fehma tiegħi, miżura ta’ għajnuna mogħtija minn entità li għandha s-setgħa teżerċita prerogattivi ta’ awtorità pubblika ma tistax tiġi imputata lill-Istat, ħlief sa fejn, f’każ partikolari, din il-miżura tkun ittieħdet fl-eżerċizzju ta’ dawn il-prerogattivi. F’din il-kawża, la l-għoti ta’ garanziji nnifsu u lanqas ir-raġuni li għaliha ngħataw il-garanziji ma jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-prerogattivi ta’ awtorità pubblika ta’ HbR.

72.      Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk il-garanziji inkwistjoni jistgħux jiġu imputati lill-Istat Olandiż fuq il-bażi tal-kontroll effettiv li dan tal-aħħar jeżerċita fuq HbR.

73.      Bħalma ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 52 fis-sentenza tagħha Franza vs Il-Kummissjoni (EU:C:2002:294) “anki jekk l-Istat ikun f’pożizzjoni li jikkontrolla impriża pubblika u jeżerċita influwenza dominanti fuq l-operazzjonijiet tagħha, l-eżerċizju effettiv ta’ dan il-kontroll f’każ konkret ma jistax jiġi preżunt b’mod awtomatiku. Impriża pubblika tista’ taġixxi xi ftit jew wisq b’indipendenza, skont il-livell ta’ awtonomija permess lilha mill-Istat”.

74.      Qabel ma neżamina jekk in-natura ultra vires tal-għoti tal-garanziji inkwistjoni tipprekludix l-imputazzjoni tagħhom lill-Istat u filwaqt li nfakkar li jiena qiegħed nargumenta billi nassumi li d-deċiżjoni tal-għoti ma ġietx essenzjalment iddeterminata minn kunsiderazzjonijiet kummerċjali, naħseb — bħall-Gerechtshof te ’s-Gravenhage —, li indizji suffiċjenti, fis-sens tas-sentenza Franza vs Il-Kummissjoni (EU:C:2002:294), ġew ippreżentati hawnhekk sabiex din id-deċiżjoni tiġi imputata lill-Istat, punt dan li barra minn hekk la qiegħed jiġi kkontestat minn HbR u lanqas mill-Gvern Olandiż.

75.      L-imputazzjoni ta’ miżura ta’ għajnuna lill-Istat fuq il-bażi ta’ kontroll effettiv ma teħtieġx il-prova, “fuq il-bażi ta’ istruzzjoni preċiża, li l-awtoritajiet pubbliċi ħeġġew b’mod konkret lill-impriża pubblika sabiex tieħu l-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni” (13). Bħalma kkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 54 tas-sentenza tagħha Franza vs Il-Kummissjoni (EU:C:2002:294), tali prova tirriskja li tkun “diffiċli ħafna għal parti terza, preċiżament minħabba r-relazzjonijiet privileġġjati eżistenti bejn l-Istat u impriża pubblika”.

76.      F’din il-kawża, HbR u l-Gvern Olandiż jammettu li HbR tinsab taħt il-kontroll effettiv tal-Gvern Olandiż. Madankollu, fid-dawl tal-fatt li l-Gvern Olandiż ma pparteċipax fis-seduta u għalhekk ma weġibx għall-mistoqsijiet li jikkonċernaw espressament dan il-punt, huwa utli li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali kontroll indipendentement minn din is-sempliċi affermazzjoni tal-Gvern Olandiż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu.

77.      Bħalma indikat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 56 tas-sentenza tagħha Franza vs Il-Kummissjoni (EU:C:2002:294), għandha titqies serje ta’ indizji bħalma huma l-“integrazzjoni [tal-entità li ħadet il-miżura inkwistjoni] fl-istrutturi tal-amministrazzjoni pubblika, in-natura tal-attivitajiet tagħha u l-eżerċizju ta’ dawn fis-suq f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni mal-operaturi privati, l-istatut ġuridiku tal-impriża, li taqa’ taħt id-dritt pubbliku jew id-dritt ġenerali tal-kumpanniji, l-intensità tas-superviżjoni eżerċitata mill-awtoritajiet pubbliċi fuq il-ġestjoni tal-impriża jew kwalunkwe indizju ieħor li jindika, f’każ konkret, involviment tal-awtoritajiet pubbliċi jew l-improbabbiltà ta’ assenza ta’ involviment fl-adozzjoni ta’ miżura, b’kunsiderazzjoni wkoll tal-ambitu tagħha, tal-kontenut tagħha jew tal-kundizzjonijiet li tinvolvi”.

78.      Qabelxejn nirreferi għal elementi ta’ natura organika. Il-predeċessuri ġuridiċi ta’ HbR kienu jagħmlu parti mill-amministrazzjoni tal-Komun u diġà kienu taw garanziji tal-istess tip (jekk mhux l-istess!) lil kumpannija tal-istess grupp RDM (14). Fi żmien il-fatti, il-Komun kellu l-ishma kollha ta’ HbR. Il-membri tat-tmexxija u tal-kunsill ta’ sorveljanza kienu ġew innominati mill-assemblea ġenerali tal-azzjonisti u għalhekk mill-Komun. Il-membru tal-kunsill responsabbli għall-port kien jippresjedi l-kunsill ta’ sorveljanza. L-istatuti ta’ HbR kienu jippermettu, għalkemm dan bl-approvazzjoni tal-kunsill ta’ sorveljanza, l-għoti ta’ garanziji bħal dawk f’dan il-każ. Dawn l-indizji juru li HbR kellha marġni ta’ indipendenza limitata fir-rigward tal-Komun bħala azzjonist waħdieni.

79.      Minħabba dawn ir-rabtiet stretti bejn HbR u l-Komun, ikun diffiċli li wieħed jaħseb dwar “l-improbabbiltà ta’ assenza ta’ involviment” (15) min-naħa tal-Istat fl-adozzjoni tal-garanziji inkwistjoni, speċjalment fid-dawl tal-fatt li f’dan il-każ huma involuti garanziji mogħtija favur grupp attiv fil-qasam tal-armi mingħajr ma nsemmu l-kumplikazzjonijiet diplomatiċi u politiċi evokati fil-preambolu tal-kuntratt dwar is-sottomarini li setgħu ddettaw dan l-għoti.

80.      Għad trid tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk in-natura ultra vires tal-għoti tal-garanziji inkwistjoni tipprekludix l-imputazzjoni tagħhom lill-Istat.

3.      In-natura ultra vires tal-għoti ta’ garanziji tipprekludi l-imputazzjoni tagħhom lill-Istat?

81.      Qabelxejn jirriżulta b’mod ċar mit-talba għal deċiżjoni preliminari li, minkejja n-natura ultra vires tagħhom, il-garanziji inkwistjoni jorbtu lil HbR. Għalhekk tqum il-kwistjoni dwar jekk il-fatt li W. Scholten tahom ultra vires jipprekludix l-imputazzjoni tagħhom lill-Istat Olandiż.

82.      Insostenn tal-pożizzjoni tiegħu fis-sens li l-imputazzjoni ma hijiex possibbli, Commerz tikkwota l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Keus ippreżentati quddiem il-qorti tar-rinviju fejn huwa jqis li fis-sentenza Franza vs Il-Kummissjoni (EU:C:2002:294), il-Qorti tal-Ġustizzja jidher li kellha f’moħħha involviment reali u fattwali tal-Istat fl-adozzjoni tal-miżuri kkonċernati. Fuq il-bażi ta’ din l-interpretazzjoni tal-imsemmija sentenza, Commerz issostni li involviment reali u fattwali simili tal-Istat fl-għoti tal-garanziji inkwistjoni huwa impossibbli meta jingħataw ultra vires. Fi kliem ieħor, f’din il-kawża, kif wieħed jista’ jgħid li, “il-korp inkwistjoni ma setax jieħu [l-miżura] kkontestata mingħajr ma jqis ir-rekwiżiti tal-awtoritajiet pubbliċi” (16), meta huwa stabbilit li dawn tal-aħħar lanqas biss kienu jafu bl-għoti tal-garanziji inkwistjoni?

83.      Għalkemm jiena nqis, bħalma jagħmel l-Avukat Ġenerali Keus, li l-involviment tal-Istat għandu jkun konkret, jiġifieri għandu jikkonċerna l-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni (17) u mhux l-attivitajiet inġenerali tal-impriża pubblika, jiena ma naħsibx li din il-konstatazzjoni hija utli sabiex titwieġeb il-kwistjoni ta’ imputabbiltà tal-miżuri meħuda minn amministratur ta’ impriża pubblika mingħajr l-osservanza tar-regoli statutorji ta’ din tal-aħħar.

84.      Fil-fatt, bħalma qal l-Avukat Ġenerali Keus, l-indizji mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 55 sa 57 tas-sentenza tagħha Franza vs Il-Kummissjoni (EU:C:2002:294) jikkonċernaw iktar il-limitu tal-prova tal-eżistenza tal-kontroll effettiv, jiġifieri l-identifikazzjoni tal-indizji li minnhom jista’ jiġi dedott l-involviment tal-Istat, milli s-suġġett innifsu tal-prova, jiġifieri l-involviment tal-Istat fl-adozzjoni tal-miżuri inkwistjoni. Dan jirriżulta b’mod ċar mill-punt 53 ta’ din is-sentenza, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma kienx meħtieġ li jintwera “fuq il-bażi ta’ istruzzjoni preċiża, li l-awtoritajiet pubbliċi ħeġġew b’mod konkret l-impriża pubblika sabiex tiegħu l-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni”.

85.      Fl-aħħar nett jista’ jkun utli li nirreferu għall-prinċipji tad-dritt internazzjonali pubbliku dwar l-imputazzjoni ta’ atti illeċiti b’mod internazzjonali lill-Istat, u b’mod iktar preċiż għall-Artikolu 7 tal-artikoli tal-International Law Commission dwar ir-responsabbiltà tal-Istat għal att illeċitu b’mod internazzjonali (iktar ’il quddiem l-“artikoli dwar ir-responsabbiltà tal-Istat”) (18), li huwa intitolat “Excess of authority or contravention of instructions” (Eċċess ta’ awtorità jew ksur ta’ struzzjonijiet).

86.      Dan l-artikolu jiddisponi li “l-imġiba ta’ korp tal-Istat jew ta’ persuna jew entità li għandha s-setgħa teżerċita prerogattivi ta’ awtorità pubblika titqies bħala att tal-Istat skont id-dritt internazzjonali jekk dan il-korp, din il-persuna jew din l-entità jaġixxu f’din il-funzjoni, anki jekk jeċċedu l-kompetenza tagħhom jew jiksru l-istruzzjonijiet tagħhom” (19).

87.      Din ir-regola hija stabbilita sew fil-ġurisprudenza internazzjonali (20) u hija rrikonoxxuta mill-International Law Commission fil-kummentarju tagħha dwar l-artikoli dwar ir-responsabbiltà tal-Istat (21).

88.      F’din il-kawża, u anki jekk wieħed ma jqisx il-fatt li fit-22 ta’ Ġunju 2004, il-kunsill ta’ sorveljanza ta’ HbR approva ex post facto l-garanzija mogħtija għall-kreditu Vehicles, huwa ċar li W. Scholten aġixxa fil-kapaċità tiegħu ta’ amministratur waħdieni ta’ HbR u li la l-istatuti u lanqas l-għan statutorju ta’ HbR ma jipprojbixxu l-għoti ta’ garanziji bħal dawk inkwistjoni u li fir-rigward tagħhom Commerz seta’ jemmen mingħajr dubju li kien hemm impenn minn HbR bħala tali. Dan japplika iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li Commerz irċeviet opinjonijiet ġuridiċi li kkonfermawlu l-validità tal-garanziji mogħtija (22).

89.      Huwa minnu li l-Gerechtshof te ’s-Gravenhage ddeċidiet li dawn l-opinjonijiet ġuridiċi kienu stabbiliti b’mod ħażin intenzjonalment. Anki jekk wieħed jassumi fuq din il-bażi li Commerz kienet jew segħat kienet informata bl-invalidità tal-garanziji mogħtija fir-rigward tal-istatuti interni ta’ GHR/HbR, dan ma għandu jkollu ebda impatt fuq l-imputabbiltà tal-garanziji lill-Istat.

90.      Fl-aħħar nett, bħal HbR u l-Gvern Olandiż, jiena nqis li l-effettività tar-regoli fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat tista’ tiġi affettwata jekk l-applikazzjoni tagħhom tkun tista’ tiġi evitata għas-sempliċi raġuni li l-amministratur statutorju ta’ impriża pubblika, fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ miżura ta’ għajnuna, ma rrispettax l-istatuti ta’ din l-impriża jew ikun instab ħati, bħal f’dan il-każ, ta’ korruzzjoni.

91.      Fil-fatt, l-imputazzjoni lill-Istat ta’ miżura ta’ għajnuna għandha natura purament oġġettiva, fejn il-kunċett suġġettiv ta’ nuqqas min-naħa tal-korpi jew tal-aġenti tiegħu jew ir-raġunijiet tagħhom ma għandhom ebda rwol. Li kieku kien mod ieħor, l-effikaċja u l-uniformità ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-għajnuna mill-Istat kienu jiddgħajfu b’mod kunsiderevoli.

92.      Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi preliminari hija li garanziji bħal dawk inkwistjoni jkunu imputabbli lill-Istat meta jikkostitwixxu miżuri ta’ għajnuna u jkunu ngħataw mill-amministratur waħdieni ta’ impriża pubblika, anki jekk dan l-amministratur, meta aġixxa f’din il-funzjoni, eċċeda l-kompetenza tiegħu jew kiser l-istatuti ta’ din l-impriża.

93.      Lil hinn minn din il-konklużjoni bbażata fuq indizji sempliċi riprodotti fis-sentenza Franza vs Il-Kummissjoni (EU:C:2002:294), nixtieq inżid ukoll li jiena għandi dubji kbar li HbR, il-Komun u l-Gvern Olandiż ma kellhomx l-iċken ħjiel tal-eżistenza tal-garanziji mogħtija minn W. Scholten favur grupp industrijali attiv fil-produzzjoni u l-kunsinna ta’ materjal militari.

94.      Il-qafas fattwali ta’ din il-kawża huwa fil-fatt partikolari ħafna. Jiena ninnota dwar dan:

–        l-argument sorprendenti ħafna ta’ gvern li għalih il-miżura inkwistjoni ma hijiex iġġustifikata minn kunsiderazzjonijiet essenzjalment kummerċjali u tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u li għalhekk hija imputabbli lilu (anki jekk dan l-argument jippermetti li ma jonorax il-garanziji);

–        l-allegazzjonijiet fattwali riprodotti fil-preambolu tal-kuntratt dwar is-sottomarini li jirreferu għal tentattiv ta’ kunsinna ta’ teknoloġija ta’ sottomarini lejn it-Tajwan, għat-theddida mir-Repubblika Federali taċ-Ċina li timponi sanzjonijiet fuq il-Pajjiżi l-Baxxi, inkluż id-devjazzjoni tat-trasporti marittimi tagħha lejn port ieħor minbarra Rotterdam, għall-kooperazzjoni tal-grupp RDM mal-awtoritajiet Amerikani sabiex jittrasferixxu l-kunsinna tat-teknoloġija ta’ sottomarini lejn it-Tajwan permezz ta’ kumpanniji mhux Olandiżi tal-grupp RDM, kif ukoll għan-negozjati bejn dan il-grupp u l-Gvern Olandiż dwar din il-kunsinna;

–        il-kisba minn Commerz ta’ opinjonijiet ġuridiċi li jiċċertifikaw il-legalità tal-garanziji inkwistjoni iżda li l-qrati Olandiżi qiesu bħala li kienu stabbiliti b’mod ħażin intenzjonalment, u

–        l-approvazzjoni ex post facto tal-garanzija marbuta mal-kreditu Vehicles mill-kunsill ta’ sorveljanza ta’ HbR.

95.      Dawn iċ-ċirkustanzi huma eċċezzjonalment strambi. L-Avukat Ġenerali Kokott ikklassifikathom bħala “misterjużi” (23).

VI – Konklużjoni

96.      Għalhekk jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Hoge Raad der Nederlanden bil-mod li ġej:

Garanziji bħal dawk inkwistjoni ikunu imputabbli lill-Istat meta jikkostitwixxu miżuri ta’ għajnuna u jkunu ngħataw mill-amministratur waħdieni ta’ impriża pubblika, anki jekk dan l-amministratur, meta aġixxa f’din il-funzjoni, eċċeda l-kompetenza tiegħu jew kiser l-istatuti ta’ din l-impriża.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Liber Ecclesiastes, Kapitolu 1, vers 10.


3 – C‑275/10, EU:C:2011:814.


4 – C‑275/10, EU:C:2011:354.


5 – C‑482/99, EU:C:2002:294.


6 – ECLI:NL:RBROT:2010:BO0530.


7 – Ara l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji (ĠU 2008 C 155, p. 10, punt 3.1.)


8 – Din il-kwistjoni ma ġietx diskussa fil-kawża Residex Capital IV (EU:C:2011:814), bħalma lanqas ma kienet diskussa barra minn hekk dik tal-imputabbiltà lill-Istat tal-garanziji mogħtija għall-benefiċċju ta’ RDM Aerospace NV, li waslet sabiex dawn il-garanziji jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat.


9 – Ara l-punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


10 – Il-Qorti tal-Ġustizzja staqsiet b’mod partikolari jekk “mill-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ HbR jirriżultax, minn naħa, li l-għan statutorju tagħha jinkludi b’mod partikolari t-tisħiħ ‘tal-kumpless industrijali ta’ Rotterdam’ kif ukoll ‘l-iżvilupp, il-kostruzzjoni, il-ġestjoni u l-operat tal-port u taż-żona industrijali ta’ Rotterdam, fis-sens l-iktar wiesa’ tat-terminu’. Min-naħa l-oħra, mill-punt 17 tal-imsemmija osservazzjonijiet jirriżulta li fil-proċedura prinċipali ġiet sostnut li l-għoti tal-garanziji kien iġġustifikat kemm mill-għan li jiġu żgurati l-impjiegi fl-industrija importanti tal-manifattura tal-port kif ukoll mill-kuntratt tat-28 ta’ Diċembru 2002 dwar l-astensjoni, mill-grupp RDM, li jikkunsinna teknoloġija għal sottomarini lejn it-Tajwan, li huwa msemmi wkoll fil-punti 3.3 (II) u 3.4 tat-talba għal deċiżjoni preliminari. Commerz, HbR u l-Gvern Olandiż huma mitluba jippreċiżaw, matul is-seduta, jekk jeżistux, għar-raġunijiet imsemmija jew għal ċirkustanzi oħra, indizji li skonthom l-għoti tal-garanziji kontenzjużi kien fl-interess ta’ HbR u/jew tal-[Komun] u/jew tal-Istat Olandiż? B’mod partikolari, huma mitluba jikkummentaw dwar l-eżatteza taċ-ċirkustanzi evokati fil-kunsiderazzjonijiet A sa C tal-imsemmi kuntratt”.


11 – Sentenzi Franza vs Il-Kummissjoni (EU:C:2002:294, punt 24) kif ukoll Association Vent De Colère et (C‑262/12, EU:C:2013:851, punt 17).


12 – Sentenza Franza vs Il-Kummissjoni (EU:C:2002:294, punt 52).


13 – Sentenza Franza vs Il-Kummissjoni (EU:C:2002:294, punt 53).


14 – Dawn il-garanziji kienu s-suġġett ta’ sentenza, jiġifieri tas-sentenza Residex Capital IV (EU:C:2011:814).


15 – Sentenza Franza vs Il-Kummissjoni (EU:C:2002:294, punt 56).


16 – Sentenza Franza vs Il-Kummissjoni (EU:C:2002:294, punt 55).


17 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Association Vent De Colère et (EU:C:2013:851, punt 17).


18 – UNGA A/CN.4/L.602/Rev.1. L-artikoli dwar ir-responsabbiltà tal-Istat kienu rrakkomandati għall-adozzjoni lill-Istati mill-Assemblea Ġenerali tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, ara, UNGA A/RES/56/83; UNGA A/RES/59/35 u UNGA A/RES/62/61.


19 – Enfasi magħmula minni.


20 – Ara Nazzjonijiet Uniti, Maal Case, Recueil des sentences arbitrales, Col. X (1903), p. 732 u 733; La Masica Case (Great Britain, Honduras) tas-7 ta’ Diċembru 1916, Recueil des sentences arbitrales, Vol. XI (1916), p. 560; Thomas H. Youmans (USA) vs United Mexican States tat-23 ta’ Novembru 1926, Recueil des sentences arbitrales, Vol. IV (1926), p. 116; Francisco Mallén (United Mexican States) vs USA tas-27 ta’ April 1927, Recueil des sentences arbitrales, Vol. IV (1927), p. 177; Charles S. Stephens and Bowman Stephens (USA) vs United Mexican States tas-17 ta’ Lulju 1927, Recueil des sentences arbitrales, Vol. IV (1927), p. 267 u 268; William T. Way (USA) vs United Mexican States tat-18 ta’ Ottubru 1928, Recueil des sentences arbitrales, Vol. IV (1928), p. 400 u 401, kif ukoll Estate of Jean-Baptiste Caire vs United Mexican States tas-7 ta’ Ġunju 1929, Recueil des sentences arbitrales, Vol. V (1929), p. 531. Dan il-prinċipju jagħmel parti wkoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (ara s-sentenza tal-QEDB Ilaşcu et vs Il-Moldova u Ir-Russja tat-8 ta’ Lulju 2004, Recueil des arrêts et décisions 2004-VII, p. 90 u 106), tal-Inter-American Court of Human Rights [ara s-sentenza tal-IACHR Velásquez-Rodríguez vs Il-Ħonduras tad-29 ta’ Lulju 1988, Serje C, Nru 4 (1989), punti 169 sa 172] u tat-Tribunal tal-ilmenti Stati Uniti-Iran [ara Petrolane, Inc. vs Ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran (1991) 27 Iran-U.S.C.T.R. 64, p. 92].


21 – Punti 4 sa 6 tal-kummentarju dwar l-Artikolu 7 tal-artikoli dwar ir-responsabbiltà tal-Istat.


22 – Ara l-punti 19 u 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


23 – Konklużjonijiet Residex Capital IV (EU:C:2011:354, punt 2).