Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-17 ta’ Settembru 2014 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Hoge Raad der Nederlanden - il-Pajjiżi l-Baxxi) – Commerz Nederland NV vs Havenbedrijf Rotterdam NV

(Kawża C-242/13) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Għajnuna mill-Istat – Artikolu 107(1) TFUE – Kunċett ta’ “għajnuna” – Garanziji mogħtija minn impriża pubblika lil bank sabiex jagħti kreditu lil persuni li qegħdin jissellfu – Garanziji mogħtija deliberatament mid-direttur ta’ din l-impriża pubblika bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-istatut tagħha – Preżunzjoni ta’ oppożizzjoni mill-entità pubblika proprjetarja tal-imsemmija impriża – Imputabbiltà tal-garanziji lill-Istat)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Hoge Raad der Nederlanden

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Commerz Nederland NV

Konvenuta: Havenbedrijf Rotterdam NV

Dispożittiv

L-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-garanziji mogħtija minn impriża pubblika humiex jew le imputabbli lill-awtorità pubblika li għandha l-kontroll tagħha, huma rilevanti, flimkien mal-indizji kollha li jirriżultaw miċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali u mill-kuntest li fih seħħew, iċ-ċirkustanzi li, minn naħa, l-amministratur waħdieni tal-imsemmija impriża li ta dawn il-garanziji aġixxa b’mod arbitrarju, deliberatament żamm sigriet l-għoti tagħhom u kiser l-istatuti tal-impriża tiegħu, u, min-naħa l-oħra, l-imsemmija awtorità pubblika kienet topponi għall-għoti ta’ dawn il-garanziji li kieku kienet ġiet informata dwarhom. Dawn iċ-ċirkustanzi ma humiex madankollu, fihom innifishom, ta’ natura li jeskludu, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tali imputabbiltà.

____________

1 ĠU C 207, 20.07.2013.