Language of document : ECLI:EU:C:2016:458

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WATHELET

ippreżentati fis-16 ta’ Ġunju 2016 (1)

Kawża C‑428/15

Child and Family Agency

vs

J. D.

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court (qorti suprema, l-Irlanda)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Artikolu 15 – Trasferiment tal-kawża lil qorti oħra – Kamp ta’ applikazzjoni – Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni – Qorti f’pożizzjoni aħjar – L-aħjar interess tal-minuri”





I –    Introduzzjoni

1.        It-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn iċ-Child and Family Agency (aġenzija għat-tfal u l-familja, l-Irlanda, iktar ’il quddiem l-“aġenzija”) u J. D., fir-rigward tal-futur li għandu jiġi rriżervat lit-tieni wild ta’ din tal-aħħar, il-minuri ta’ età żgħira R.

2.        Din it-talba tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (2).

3.        Din id-dispożizzjoni tawtorizza lill-qorti li għandha ġurisdizzjoni dwar il-mertu tal-kwistjoni (iktar ’il quddiem l-“imħallef li normalment għandu ġurisdizzjoni” jew il-“qorti li normalment għandha ġurisdizzjoni”) sabiex tibgħat il-kawża quddiem qorti ta’ Stat Membru ieħor li “tkun f’posizzjoni aħjar biex [tisma’] l-każ”, fejn dan “huwa fl-aħjar interessi ghall-minuri”. Permezz tad-diversi domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tispeċifika dawn iż-żewġ kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni partikolari.

II – Il-kuntest ġuridiku

4.        Skont il-premessa 5 tar-Regolament Nru 2201/2003: “Sabiex l-ugwaljanza għal[l-]minuri kollha tkun assigurata, dan ir-Regolament ikopri d-deċizjonijiet kollha dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri, inkluzi l-miżuri ta’ protezzjoni għall-minuri, indipendentement minn xi konnessjoni ma’ xi proċedura matrimonjali”.

5.        Barra minn hekk, fil-premessi 12 u 13 tar-Regolament Nru 2201/2003, huwa speċifikat dan li ġej:

“(12) Ir-raġunijiet ta’ l-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri stabbiliti fir-Regolament preżenti huma fformati fi ħdan l-aqwa interessi għall-minuri, u partikolarment dwar il-kriterju ta’ l-qrubija. Dan ifisser li l-ġurisdizzjoni għandha toqgħod l-ewwelnett mal-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ l-minuri, ħlief għal ċerti każijiet fejn hemm tibdil fir-residenza ta’ l-minuri jew skont ftehim bejn dawk il-ġenituri li huma d-detenturi tar-responsabilità.

(13)      Fl-interess ta’ l-minuri, dan ir-Regolament jippermetti, permezz ta’ eċċezzjoni u taħt ċerti kondizzjonijiet, li l-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni tista’ tittrasferixxi każ għal qorti oħra ta’ Stat Membru jekk din il-qorti hija f’posizzjoni aħjar biex tisma’ l-każ. Madankollu, f’dan il-każ it-tieni qorti m’għandiex titħalla tittrasferixxi l-każ għal qorti terza”.

6.        Fl-aħħar nett, il-premessa 33 tar-Regolament Nru 2201/2003 tiddikjara:

“Dan ir-Regolament jirrikonoxxi d-drittijiet fondamentali u josserva l-prinċipji ta’ l-Karta tad-Drittijiet Fondamentali ta’ l-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, ifittex li jassigura r-rispett għad-drittijiet fondamentali ta’ l-minuri kif stabbiliti fl-Artikolu 24 ta’ l-Karta tat-Drittijiet Fondamentali ta’ l-Unjoni Ewropea”.

7.        Il-ġurisdizzjoni ġenerali fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri hija rregolata mill-Artikolu 8 tal-istess regolament. Skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu:

“Il-qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri dwar minuri li huma abitwalment residenti f’dak l-Istat Membru fiż-żmien li l-qorti tkun ħadet il-pussess”.

8.        L-Artikolu 12(3)(a) u (b) tar-Regolament Nru 2201/2003 jipprovdi għal proroga tal-ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri favur il-qorti li għandha ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi fuq it-talba għad-divorzju, għas-separazzjoni legali jew għall-annullament taż-żwieġ tal-konjuġi meta:

“(a)      il-minuri għandhom konnessjoni sostanzjali ma[l]-Istat Membru [ta’ din il-qorti], u partikolarment bis-saħħa ta’ l-fatt li bejn wieħed minn dawk il-ġenituri li huma d-detenturi tar-responsabilità huwa/hija abitwalment residenti f’dak l-Istat Membru jew li l-minuri huma ċittadini ta’ dak l-Istat Membru;

u

(b)      il-ġurisdizzjoni [tagħha] ġiet espressament aċċettata jew xort’oħra f’mod inekwivokabbli mill-partijiet kollha fil-proċedimenti fil-ħin li l-qorti ħadet il-pussess u dan fl-ahjar interess għall-minuri”.

9.        Barra minn hekk, hija prevista deroga mill-ġurisdizzjoni ġenerali tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 2201/2003 fl-Artikolu 15 tiegħu. L-imsemmi artikolu, intitolat “It-Trasferiment għal qorti li tinstab f’post [f’pożizzjoni] aħjar sabiex jinstema’ l-każ” jipprovdi dan li ġej:

“1.      B’mod ta’ eċċezzjoni, il-qrati ta’ xi Stat Membru li għandhom il-ġurisdizzjoni dwar is-sostanza [il-mertu] ta’ l-kwistjoni jistgħu, jekk jikkunsidraw li qorti ta’ Stat Membru ieħor, li magħha l-minuri għandu konnessjoni partikolari, u fejn dan huwa fl-aħjar interessi ghall-minuri, tkun f’posizzjoni aħjar biex jisimgħu l-każ, jew parti speċifika minnu:

(a)      twaqqaf l-każ jew parti minnu fil-kwistjoni u tistieden lill-partijiet biex jippreżentaw talba quddiem il-qorti ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor skond il-paragrafu 4; jew

(b)      titlob qorti ta’ Stat Membru ieħor biex tassumi l-ġurisdizzjoni skont il-paragrafu 5.

2.      Il-Paragrafu 1 għandu japplika:

(a)      malli ssir l-applikazzjoni minn parti waħda; jew

(b)      fuq mozzjoni proprja ta’ l-qorti: jew

(ċ)      mal-applikazzjoni minn xi qorti ta’ Stat Membru ieħor li miegħu l-minuri għandu konnessjoni partikolari, skont il-paragrafu 3.

Trasferiment magħmul fuq mozzjoni ta’ l-qorti proprja jew b’applikazzjoni minn xi qorti ta’ Stat Membru ieħor għandu jiġi aċċettat mill-inqas minn wieħed mill-partijiet.

3.      Il-minuri għanhom ikunu kkunsidrati li għandhom konnessjoni partikolari ma xi Stat Membru kif imsemmi fil-paragrafu 1, jekk dak l-Istat Membru;

(a)      ikun sar ir-residenza abitwali ta’ l-minuri wara li l-qorti msemmija fil paragrafu 1 tkun ħadet il-pussess; jew

(b)      hija r-residenza abitwali ta’ qabel ta’ l-minuri; jew

(ċ)      huwa l-post taċ-ċittadinanza ta’ l-minuri; jew

(d)      huwa r-residenza abitwali tad-detentur tar-responsabilità bejn il-ġenituri; jew

(e)      huwa l-post fejn tinstab proprjetà ta’ l-minuri u l-każ jikkonċerna miżuri għall-protezzjoni ta’ l-minuri dwar l-amministrazzjoni, il-konservazzjoni jew ħelsien ta’ din il-proprjetà.

4.      Il-qrati tal-Istat Membru li għandu l-ġurisdizzjoni dwar is-sostanza tal-kwistjoni għandhom jiffissaw żmien limitat b’liema l-qrati ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor għandhom jieħdu l-pussess skont il-paragrafu 1.

Jekk il-qrati ma jkunux ħadu pussess f’dak iż-żmien, il-qorti li kellha l-pussess għandha tkompli teżerċita l-ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 8 sa 14.

5.      Il-qrati ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor jistgħu’, fejn minħabba għall-cirkustanzi speċifiċi ta’ l-każ, dan ikun fl-aħjar interess għall-minuri, jaċċettaw il-ġurisdizzjoni fi żmien sitt ġimgħat mill-pussess tagħhom skont il-paragrafu 1(a) jew 1(b). F’dan il-każ, il-qorti li ħadet il-pussess l-ewwel għandha tirrinunzja għall-ġurisdizzjoni; Inkella, il-qorti li ħadet il-pussess l-ewwel għandha tkompli teżerċita l-ġurisdizzjoni skont l-Artikoli 8 sa 14.

6.      Il-qrati għandhom jikkoperaw għar-raġunijiet ta’ dan l-Artikolu, direttament jew permezz tal-awtoritajiet ċentrali maħtura skont l-Artikolu 53.”

III – Il-fatti tal-kawża prinċipali

10.      J. D., li hija ċittadina tar-Renju Unit, twieldet fil-15 ta’ Novembru 1977. Hija waslet l-Irlanda fid-29 ta’ Settembru 2014, u kienet tqila bit-tieni wild tagħha.

11.      It-tifel il-kbir tagħha, S., kien tqiegħed f’istitut fir-Renju Unit matul is-sena 2010 wara li nstab li J. D. kienet issofri bi problemi tal-personalità (“aġir asoċjali”), min-naħa waħda, u kienet wettqet xi vjolenza fiżika fuq dan it-tifel, min-naħa l-oħra.

12.      Meta kienet għadha tirrisjedi fir-Renju Unit, J. D. kienet suġġetta għal eżami ta’ qabel it-twelid organizzat mill-awtoritajiet għall-protezzjoni tal-minuri tal-post ta’ residenza tagħha qabel it-twelid tat-tieni wild tagħha, R., u dan minħabba l-passat mediku u tal-familja tagħha. Minn dan l-eżami rriżulta b’mod partikolari li J. D. kienet uriet imħabba lejn l-ewwel wild tagħha, tant li hija kienet qed tistenna t-twelid tat-tieni wild b’mod pożittiv u li hija kienet għamlet l-arranġamenti minn qabel għal dan it-twelid. Hija kienet uriet ir-rieda li taħdem mal-ħaddiema soċjali u kienet uriet il-kapaċità tagħha li żżomm dar fit-tul. Madankollu, l-awtoritajiet kompetenti dehrilhom li dan it-tieni wild kellu jitqiegħed ma’ familja tar-rispett, sakemm tinbeda proċedura ta’ adozzjoni minn terza persuna.

13.      J. D. għaldaqstant itterminat il-kirja tagħha u biegħet l-oġġetti tagħha fir-Renju Unit sabiex tistabbilixxi ruħha fl-Irlanda. It-tieni wild tagħha, R., twieled f’dan it-tieni Stat Membru xahar wara, fil-25 ta’ Ottubru 2014. It-tnejn li huma baqgħu jirrisjedu hemmhekk minn dakinhar.

14.      Ftit wara t-twelid ta’ R., l-aġenzija talbet lid-District Court (qorti tad-distrett, l-Irlanda) li kellha ġurisdizzjoni sabiex tordna li dan il-wild ikun is-suġġett ta’ miżura ta’ tqegħid. Din it-talba ġiet madankollu miċħuda minħabba li l-provi bbażati fuq għajdut provenjenti mir-Renju Unit li fuqhom ibbażat ruħha l-aġenzija kienu inammissibbli.

15.      Adita b’appell mill-aġenzija, is-Circuit Court (qorti taċ-ċirkwit, l-Irlanda) li kellha ġurisdizzjoni ordnat it-tqegħid provviżorju ta’ R. ma’ familja tar-rispett. Din il-miżura ġiet imġedda regolarment fil-frattemp. J. D. madankollu kisbet il-benefiċċju tad-dritt ta’ aċċess regolari għal binha, li hija għamlet użu minnu.

16.      Barra minn hekk, l-aġenzija talbet lill-High Court (qorti għolja, l-Irlanda) li l-kawża fuq il-mertu tintbagħat lill-High Court of Justice (England & Wales) [qorti għolja tal-ġustizzja (l-Ingilterra u Wales), ir-Renju Unit], u dan skont l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003. Din it-talba kienet sostnuta mill-kuratur ad litem ta’ R. (iktar ’il quddiem il-“kuratur”).

17.      Permezz ta’ sentenza tas-26 ta’ Marzu 2015, il-High Court (qorti għolja) awtorizzat lill-aġenzija sabiex titlob lill-High Court of Justice (England & Wales) [qorti għolja tal-ġustizzja (l-Ingilterra u Wales)] biex teżerċita l-ġurisdizzjoni tagħha fir-rigward tal-kawża inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, skont it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-High Court (qorti għolja) ma ddeċidietx li tirtira lil R. mill-familja tar-rispett tiegħu.

18.      J. D. talbet li tkun awtorizzata tappella minn din is-sentenza direttament quddiem is-Supreme Court (qorti suprema, l-Irlanda), li laqgħet it-talba tagħha wara li semgħet lill-partijiet.

19.      Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, is-Supreme Court (qorti suprema) tirrikonoxxi li l-kawża taqa’ esklużivament taħt il-ġurisdizzjoni tal-awtoritajiet għall-protezzjoni tal-minuri u tal-qrati Irlandiżi u għandha diversi dubji dwar il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003.

20.      Hija tistaqsi, l-ewwel nett, jekk din id-dispożizzjoni tapplikax għal kawża li taqa’ taħt id-dritt pubbliku, bħalma hija l-kawża prinċipali, minkejja l-fatt li ebda proċedura li tikkonċerna lil R. ma hija pendenti fir-Renju Unit u li r-rikonoxximent tal-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ dan l-Istat Membru għalhekk jkun jimplika, sussegwentement, li l-awtoritajiet għall-protezzjoni tal-minuri tal-imsemmi Stat Membru jaċċettaw huma stess li jisimgħu l-każ ta’ R.

21.      It-tieni nett, is-Supreme Court (qorti suprema) tistaqsi kif għandu jiġi interpretat il-kunċett tal-“aħjar interessi għall-minuri” stabbilit fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003. Hija tal-fehma li dan għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-għan li jikkonsisti f’li tiġi stabbilita malajr il-qorti li għandha ġurisdizzjoni biex tieħu konjizzjoni ta’ kawża li taqa’ taħt dan ir-regolament. Minn dan hija tiddeduċi li l-implementazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma teżiġix li l-qorti li normalment għandha ġurisdizzjoni, meta tikkontempla li tittrasferixxi din il-kawża lil qorti ta’ Stat Membru ieħor li jidhrilha li tkun f’pożizzjoni aħjar biex tismagħha, twettaq “eżami komplet tal-mertu” tal-aħjar interess tal-minuri. Minn dan hija tikkonkludi li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni għandha pjuttost tagħmel evalwazzjoni sommarja ta’ din il-kwistjoni, fid-dawl tal-“prinċipju li huwa fl-aħjar interess tal-minuri li evalwazzjoni tas-sitwazzjoni ssir mill-qorti li tkun fl-aħjar pożizzjoni biex tagħmel dan”, filwaqt li l-qorti tal-Istat Membru l-ieħor ikollha l-kompitu li tagħmel analiżi iktar approfondita.

22.      Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ tali evalwazzjoni sommarja. F’dan ir-rigward, hija tikkunsidra li ma għandux jiġi nkoraġġut l-istabbiliment fl-Irlanda ta’ ċittadini tar-Renju Unit li jixtiequ jneħħu lit-tfal tagħhom minn taħt l-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tal-protezzjoni tal-minuri u, b’mod iktar wiesa’, li ma għandhomx jinħolqu jew jiġu ttollerati sitwazzjonijiet ta’ “forum shopping”. Madankollu, hija tistaqsi sa fejn tali kunsiderazzjonijiet jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-implementazzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003.

23.      Kien f’dan il-kuntest li s-Supreme Court (qorti suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja sitt domandi preliminari.

IV – It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

24.      Permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Lulju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Awwissu 2015, is-Supreme Court (qorti suprema) għalhekk għamlet id-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru°2201/2003 għandu japplika fil-każ ta’ rikors fil-qasam tal-protezzjoni tal-minuri ibbażat fuq id-dritt pubbliku, ippreżentat minn awtorità lokali ta’ Stat Membru, meta, jekk qorti ta’ Stat Membru ieħor tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni, ikun hemm bżonn li istituzzjoni oħra tibda proċeduri separati abbażi ta’ leġiżlazzjoni differenti u possibbilment jekk mhux probbabbilment, skont ċirkustanzi fattwali differenti?

2)      Jekk jirriżulta li dan huwa l-każ, il-qorti sa fejn għandha tevalwa l-impatt li x’aktarx ikollha talba bbażata fuq l-Artikolu 15, jekk hija tintlaqa’, fuq id-dritt tal-moviment liberu tal-persuni kkonċernati?

3)      Fil-każ li ‘fl-aħjar interessi’ għall-minuri inkwistjoni fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (KE) Nru°2201/2003 tirrigwarda biss id-deċiżjoni dwar il-forum, liema huma l-elementi li qorti tista’ tieħu inkunsiderazzjoni meta tirreferi għal din l-espressjoni u li hija għadha ma eżaminatx meta kienet qiegħda tara jekk qorti oħra kinitx tinsab ‘f’pożizzjoni aħjar’ biex tisma’ l-każ?

4)      Tista’ qorti, għall-finijiet tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament (KE) Nru°2201/2003, tieħu inkunsiderazzjoni l-liġi sostanzjali, ir-regoli proċedurali jew il-prassi tal-qrati tal-Istat Membru rilevanti?

5)      Sa fejn qorti nazzjonali, meta tikkunsidra l-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru°2201/2003, għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, inkluż ix-xewqa ta’ omm li taħrab mis-servizzi soċjali tal-Istat ta’ oriġini tagħha billi tmur, sabiex twelled it-tifel tagħha, f’pajjiż ieħor li fil-fehma tagħha s-sistema ta’ servizzi soċjali hija iktar favorevoli?

6)      Eżattament liema huma l-punti li qorti nazzjonali għandha teżamina sabiex tistabbilixxi liema qorti tinsab f’pożizzjoni aħjar biex tiddeċiedi l-każ?”

25.      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju talbet li l-kawża tibbenefika mill-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

26.      Waqt il-laqgħa amministrattiva tagħha tal-14 ta’ Awwissu 2015, ir-Raba’ Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, wara li nstema’ l-avukat ġenerali, li ma tilqax din it-talba, wara li kkunsidrat li ċ-ċirkustanzi esposti insostenn tagħha ma kinux jistabbilixxu l-urġenza meħtieġa biex tiġi ġġustifikata l-applikazzjoni tal-imsemmija proċedura.

27.      Madankollu, hija ddeċidiet li tagħti prijorità lil din il-kawża, skont l-Artikolu 53(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

28.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet mill-aġenzija, minn J. D., mill-kuratur, mill-Gvern Irlandiż, mill-Gvern Ċek u mill-Gvern Slovakk kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Barra minn hekk, ħlief għall-Gvern Ċek u għall-Gvern Slovakk, huma kollha ttrattaw oralment waqt is-seduta li nżammet fit-12 ta’ Mejju 2016.

V –    Analiżi

29.      L-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju hija differenti mill-ħames domandi l-oħrajn. Fil-fatt, din id-domanda tirrigwarda, b’xi mod, “prerekwiżit” għall-applikazzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003. Min-naħa l-oħra, id-domandi ta’ wara jinvolvu li jiġu speċifikati l-kundizzjonijiet għall-implementazzjoni ta’ din l-istess dispożizzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003 u jistgħu jiġu eżaminati flimkien.

A –    Fuq l-ewwel domanda preliminari

30.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003 jistax japplika għal rikors fil-qasam tal-protezzjoni tal-minuri bbażat fuq id-dritt pubbliku meta dan jiġi ppreżentat mill-awtorità lokali ta’ Stat Membru wieħed filwaqt li tkun istituzzjoni ta’ Stat Membru ieħor li jkollha tibda proċeduri separati, skont leġiżlazzjoni differenti u possibbilment, jekk mhux probabbilment, fid-dawl ta’ ċirkustanzi fattwali differenti, jekk il-qorti ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni.

31.      Fil-fehma tiegħi, din id-domanda teħtieġ l-eżami ta’ tliet problemi differenti. L-ewwel waħda tikkonċerna l-effett eventwali tal-klassifikazzjoni tal-proċedura fid-dritt nazzjonali bħala waħda ċivili jew pubblika. It-tieni waħda tirrigwarda l-possibbiltà li jiġi applikat l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003 filwaqt li ebda proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja ma tkun pendenti fl-Istat Membru li fih tal-qorti li lilha jkun maħsub li tiġi ttrasferita l-kawża. It-tielet waħda hija dik tat-tressiq ta’ kawża quddiem il-qorti tal-Istat Membru l-ieħor. Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tirrispondi għall-ewwel problema mqajma permezz tal-ewwel domanda preliminari, it-tnejn l-oħra huma ġodda.

1.      Fuq l-effett tal-klassifikazzjoni tal-proċedura bħala waħda ċivili jew pubblika

32.      Skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament huwa limitat għall-“kwistjonijiet ċivili”.

33.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li dan il-kunċett għandu jkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni awtonoma (3) u li l-applikazzjoni uniformi meħtieġa tar-Regolament Nru 2201/2003 teżiġi li d-deċiżjonijiet kollha fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha (4).

34.      Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-kunċett ta’ “kwistjonijiet ċivili” li jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li jista’ jinkludi miżuri li, mill-perspettiva tad-dritt ta’ Stat Membru, jaqgħu taħt id-dritt pubbliku (5).

35.      B’mod iktar konkret, il-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant iddeċidiet, filwaqt li bbażat ruħha fuq l-Artikolu 1(2)(d) tar-Regolament Nru 2201/2003 (6) u l-premessa 5 tiegħu, li d-deċiżjonijiet ta’ teħid taħt kura ta’ minuri “naturalment, [j]aq[għu] fil-kuntest ta’ azzjoni pubblika li l-għan tagħha huwa li tissodisfa l-bżonnijiet ta’ protezzjoni u ta’ assistenza tal-minuri” (7). Hija speċifikat ukoll li “kemm il-mod kif hija organizzata l-ġudikatura ta’ l-Istati Membri kif ukoll l-attribuzzjoni ta’ kompetenza lil awtoritajiet amministrattivi ma jkollhomx effett fuq il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament u fuq l-interpretazzjoni tal-kunċetti ta’ materji ċivili” (8).

36.      Bħala konklużjoni, għalkemm ir-responsabbiltà tal-ġenituri prevista mir-Regolament Nru 2201/2003 għalhekk tikkonċerna, formalment, il-“kwistjonijiet ċivili”, il-klassifikazzjoni adottata mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali hija irrilevanti (9).

2.      Fuq il-ħtieġa ta’ proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja pendenti fit-tieni Stat Membru

37.      Skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri hija, bħala prinċipju, dik tal-post li fih jirrisjedi abitwalment il-minuri fil-mument meta l-qorti tiġi adita. L-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003 jippermetti deroga minn din ir-regola ta’ ġurisdizzjoni ġenerali.

38.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti. L-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2201/2003 ma tistax tidderoga minn dawn il-prinċipji (10).

39.      Għal dak li jikkonċerna l-formulazzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003, għandu jiġi kkonstatat li dan ma jimponix espressament li proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja tkun diġà nbdiet fi Stat Membru differenti minn dak tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni abbażi tal-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament biex din tal-aħħar tkun tista’ tapplika l-Artikolu 15.

40.      Għall-kuntrarju, skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, jekk il-qorti li għandha ġurisdizzjoni biex tisma’ l-mertu jidhrilha li qorti ta’ Stat Membru ieħor li miegħu l-minuri għandu konnessjoni partikolari hija f’pożizzjoni aħjar biex tisma’ l-każ u li dan ikun fl-aħjar interessi tal-minuri, hija tista’ jew titlob lill-qorti ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor biex tassumi l-ġurisdizzjoni, jew tissospendi l-proċedura u “tistieden lill-partijiet biex jippreżentaw talba quddiem il-qorti ta’ dak l-Istat Membru” (11).

41.      Jekk id-dispożizzjoni tipprevedi li l-partijiet huma mistiedna “jippreżentaw talba” quddiem il-qorti ta’ Stat Membru ieħor, dan ifisser li ebda talba simili ma hija, a priori, pendenti quddiem din l-qorti l-oħra.

42.      Din l-interpretazzjoni, li skontha ma huwiex meħtieġ li proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja tkun diġà pendenti fit-tieni Stat Membru biex jintuża l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003, tidher barra minn hekk li hija konformi mal-għanijiet imfittxija mir-regolament imsemmi.

43.      Fil-fatt, skont il-premessa 12 tiegħu, ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni li jistabbilixxi r-Regolament Nru 2201/2003 huma maħsuba skont l-aħjar interess tal-minuri u, b’mod partikolari, skont il-kriterju tal-qrubija (12). Minn dan isegwi li dan ir-regolament jitlaq mill-kunċett li l-aħjar interess tal-minuri għandu jipprevali (13).

44.      Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-regola ta’ proroga tal-ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 12(3) tar-Regolament Nru 2201/2003 – li tikkostitwixxi wkoll deroga mir-regola ta’ ġurisdizzjoni ġenerali – tista’ tiġi applikata mingħajr ma jkun meħtieġ li l-proċedura fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri tkun marbuta ma’ proċedura oħra diġà pendenti quddiem il-qorti li favur tagħha jkun mixtieq li ssir proroga tal-ġurisdizzjoni (14). Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-interpretazzjoni kuntrarja ċċaħħad id-dispożizzjoni mill-effett utli tagħha (15). Barra minn hekk, din tmur kontra l-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 2201/2003, peress li jkollha bħala konsegwenza li teskludi l-possibbiltà li din il-proroga tintuża f’diversi sitwazzjonijiet, minkejja li tista’ tkun fl-aħjar interess tal-minuri kkonċernat (16).

45.      Jidhirli li l-istess konstatazzjoni tista’ ssir fir-rigward tad-deroga mill-ġurisdizzjoni stabbilita fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003. Fil-każ speċifiku previst minn din id-dispożizzjoni, dan jirrigwarda l-għoti tal-ġurisdizzjoni lil qorti li tkun f’pożizzjoni aħjar biex isservi l-aħjar interess tal-minuri u dan iktar u iktar peress li l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003 jispeċifika espressament li l-eċċezzjoni tista’ tintuża biss jekk hija tkun isservi dan l-interess.

46.      Kemm il-formulazzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003 kif ukoll l-għanijiet imfittxija minn dan ir-regolament jwasslu għaldaqstant biex tiġi adottata interpretazzjoni fis-sens li dan l-artikolu jista’ jiġi applikat minkejja li ebda proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja ma tkun attwalment pendenti fl-Istat Membru li lilu l-qorti li normalment għandha ġurisdizzjoni tipprevedi li tittrasferixxi l-kawża.

3.      Fuq it-tressiq ta’ kawża quddiem il-qorti tal-Istat Membru l-ieħor

47.      Skont l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003 li jiena nipproponi, ma huwiex meħtieġ li jkun hemm proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja diġà pendenti fl-Istat Membru li lilu l-qorti li normalment għandha ġurisdizzjoni tipprevedi li tittrasferixxi l-kawża. L-ewwel domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju twassalni, madankollu, biex nispeċifika l-mod li bih il-qorti tal-Istat Membru l-ieħor tista’ tasal biex tieħu konjizzjoni tal-proċess.

48.      Fil-fatt, skont il-qorti tar-rinviju, “jekk qorti ta’ Stat Membru ieħor tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni, ikun hemm bżonn li istituzzjoni oħra tibda proċeduri separati abbażi ta’ leġiżlazzjoni differenti u possibbilment jekk mhux probbabbilment, skont ċirkustanzi fattwali differenti”.

49.      Prima facie, id-domanda fiha kuntradizzjoni: kif qorti tista’ tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni jekk huwa meħtieġ li, sussegwentement, jiġu ppreżentati proċeduri separati għal dan il-għan?

50.      L-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003 jikkostitwixxi eċċezzjoni għas-sistema ta’ ġurisdizzjoni ġenerali prevista minn dan ir-regolament. Għaldaqstant, huwa għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv (17).

51.      Issa, kif diġà indikajt, jekk il-qorti li għandha ġurisdizzjoni fuq il-mertu jidhrilha li qorti ta’ Stat Membru ieħor li miegħu l-minuri għandu konnessjoni partikolari qiegħda f’pożizzjoni aħjar biex tisma’ l-każ u li dan iservi l-aħjar interess tal-minuri, l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 221/2003 jipprevedi biss żewġ possibbiltajiet.

52.      Skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, il-qorti li normalment għandha ġurisdizzjoni tista’ “twaqqaf l-każ jew parti minnu fil-kwistjoni u tistieden lill-partijiet biex jippreżentaw talba quddiem il-qorti ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor [f’terminu li hija għandha tiffissa]” (18) jew “titlob qorti ta’ Stat Membru ieħor biex tassumi l-ġurisdizzjoni” (19).

53.      L-Artikolu 15(4) tar-Regolament Nru 2201/2003 jimponi huwa wkoll li “l-qrati ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor għandhom jieħdu l-pussess skond il-paragrafu 1” (20) u l-Artikolu 15(5) jispeċifika wkoll li “[...]l-qrati ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor jistgħu’, fejn minħabba għall-cirkustanzi speċifiċi ta’ l-każ, dan ikun fl-aħjar interess għall-minuri, jaċċettaw il-ġurisdizzjoni fi żmien sitt ġimgħat mill-pussess tagħhom skond il-paragrafu 1(a) jew 1(b)” (21). Dawn iż-żewġ possibbiltajiet għalhekk huma biss it-tressiq ta’ talba mill-partijiet fil-kawża pendenti quddiem il-qorti li għandha ġurisdizzjoni fuq il-mertu jew l-istedina magħmula minn din tal-aħħar, lill-qorti l-oħra, biex tassumi l-ġurisdizzjoni.

54.      Issa, skont il-qorti tar-rinviju, il-qorti tal-Istat Membru l-ieħor tista’ tittratta l-każ li għalih il-qorti tal-ewwel Stat Membru titlobha tassumi l-ġurisdizzjoni tagħha skont l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003 biss jekk l-awtorità lokali tar-Renju Unit tippreżenta quddiemha proċeduri separati bbażati fuq il-leġiżlazzjoni tat-tieni Stat Membru (22).

55.      Il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Istat Membru l-ieħor tkun għaldaqstant suġġetta għat-tressiq ta’ talba oħra, minn istituzzjoni ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor, li ma tkunx parti fil-proċedura pendenti quddiem l-ewwel qorti.

56.      Għandu jiġi kkonstatat li dan il-każ ma huwiex espressament previst mill-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003. Konsegwentement, peress li dan l-artikolu għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv, ma jidhirlix li jista’ jintuża f’tali sitwazzjoni.

57.      Nispeċifika wkoll li l-Artikolu 55 tar-Regolament Nru 2201/2003, intitolat “Koperazzjoni dwar każijiet speċifiċi dwar ir-responsabbilità tal-ġenituri” ma jidhirx li jista’ jibdel din l-analiżi. Fil-fatt, għalkemm din id-dispożizzjoni ssemmi l-Artikolu 15 tar-regolament, dan isir biss biex “jiffaċilitaw il-komunikazzjonijiet bejn il-qrati” (23).

4.      Konklużjoni intermedja

58.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tkun li l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003 jista’ jiġi applikat fil-każ ta’ rikors fil-qasam tal-protezzjoni tal-minuri kklassifikat taħt id-dritt pubbliku skont id-dritt nazzjonali, u dan minkejja li ebda proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja ma tkun diġà pendenti fl-Istat Membru li lilu l-qorti li għandha ġurisdizzjoni biex tisma’ l-mertu tipprevedi li tittrasferixxi l-kawża. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni ma tapplikax jekk il-ġurisdizzjoni tal-qorti li lilha jkun previst li tiġi ttrasferita l-kawża tkun suġġetta għall-preżentata ta’ proċeduri minn rikorrent li ma huwiex parti fil-proċedura pendenti quddiem il-qorti li normalment għandha ġurisdizzjoni.

B –    Fuq it-tieni sas-sitt domandi preliminari

59.      Permezz tat-tieni sas-sitt domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tikseb preċiżazzjonijiet fuq il-kundizzjonijiet għall-implementazzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003. Kif indikajt qabel, jien ser nirrispondi b’mod globali. Madankollu għandhom jiġu speċifikati, mill-ewwel, il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003 u l-portata tagħhom.

1.      Fuq il-kundizzjonijiet imposti mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 (it-tielet domanda preliminari)

60.      Formalment, l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003 jistabbilixxi tliet kundizzjonijiet biex il-qorti li għandha ġurisdizzjoni biex tisma’ l-każ tittrasferixxi l-kawża lil qorti oħra. Il-minuri jrid ikollu konnessjoni partikolari mal-Istat Membru l-ieħor, il-qorti ta’ dak l-Istat l-ieħor trid tkun f’pożizzjoni aħjar biex tisma’ l-każ u dan irid iservi l-aħjar interess tal-minuri.

61.      L-ewwel kundizzjoni hija speċifikata fid-dettall fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 2201/2003. Ftit li xejn hemm diskussjoni f’dan ir-rigward. Minn naħa waħda, il-lista mniżżla f’din id-dispożizzjoni hija imperattiva. Ma fiha ebda kelma li tissuġġerixxi li din hija lista illustrativa bħall-avverbju “b’mod partikolari” jew l-espressjoni “pereżempju”. Min-naħa l-oħra, hija tistabbilixxi waħda mill-kundizzjonijiet għall-eċċezzjoni awtorizzata mill-paragrafu 1 tal-Artikolu 15. Għal dan il-għan, hija tista’ tiġi interpretata biss b’mod restrittiv (24).

62.      Il-lista tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandha, konsegwentement, tinftiehem bħala lista eżawrjenti ta’ sitwazzjonijiet li fihom il-konnessjoni partikolari meħtieġa mill-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu hija preżunta li ġiet ipprovata (25).

63.      L-interpretazzjoni taż-żewġ kundizzjonijiet l-oħra – il-qorti fl-aħjar pożizzjoni u l-aħjar interess tal-minuri – hija iktar problematika peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea ma ddefinixxihomx u lanqas ma pprovda elementi għall-evalwazzjoni.

64.      L-ewwel nett, għandu jiġi stabbilit jekk dawn humiex żewġ kundizzjonijiet kumulattivi li għandhom ikunu s-suġġett ta’ evalwazzjoni separata jew jekk dawn iż-żewġ kundizzjonijiet jistgħux jiġu eżaminati b’mod konġunt mill-qrati nazzjonali.

65.      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni tikkunsidra li dawn ma jistgħux jiġu mifruda u li l-kriterju ta’ “l-aħjar interess” jolqot sempliċement is-setgħa ta’ diskrezzjoni mogħtija lill-qorti mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 (26). Taħt dan l-aspett, id-determinazzjoni tal-qorti li tkun fl-aħjar pożizzjoni tista’ ssir biss meta jiġi osservat l-aħjar interess tal-minuri. Għaldaqsant, dawn iż-żewġ kriterji jifformaw parti mill-istess proċess wieħed ta’ evalwazzjoni.

66.      Jiena naqbel ma’ din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 li jidhirli li hija konformi mal-għanijiet li dan ir-regolament ifittex li jilħaq.

67.      Ċertament, l-użu tal-konġunzjoni “u” tissuġġerixxi distinzjoni bejn iż-żewġ kundizzjonijiet. Madankollu jidhirli li l-preċiżazzjoni dwar l-aħjar interess tal-minuri ma tikkostitwixxix kundizzjoni indipendenti, iżda ripetizzjoni tal-għan ġenerali li jiggwida r-regoli ta’ ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri. Kif diġà fakkart, dawn tal-aħħar huma maħsuba skont l-aħjar interess tal-minuri u, b’mod partikolari, skont il-kriterju tal-qrubija (27).

68.      Dan il-qari flimkien taż-żewġ kriterji tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 huwa konformi mal-intenzjonijiet tal-leġiżlatur kif speċifikati fil-premessi 12 u 13 tal-imsemmi regolament. Fil-fatt, skont il-premessa 12, “[i]r-raġunijiet ta’ l-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri stabbiliti fir-Regolament preżenti huma fformati fi ħdan l-aqwa interessi għall-minuri, u partikolarment dwar il-kriterju ta’ l-qrubija”. Madankollu, il-premessa 13 tispeċifika li “[f]l-interess ta’ l-minuri, dan ir-Regolament jippermetti, permezz ta’ eċċezzjoni u taħt ċerti kondizzjonijiet, li l-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni tista’ tittrasferixxi każ għal qorti oħra ta’ Stat Membru jekk din il-qorti hija f’posizzjoni aħjar biex tisma’ l-każ” (28).

69.      Din l-analiżi hija iktar imsaħħa bil-premessa 33 tar-Regolament Nru 2201/2003. Fil-fatt, skont din il-premessa, ir-Regolament jirrikonoxxi d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Għal dan il-għan, “ifittex li jassigura r-rispett għad-drittijiet fondamentali ta’ l-minuri kif stabbiliti fl-Artikolu 24 ta’ l-Karta tat-Drittijiet Fondamentali ta’ l-Unjoni Ewropea”. Issa, skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, “[f]l-azzjonijiet kollha relatati mat-tfal, kemm jekk jittieħdu minn awtoritajiet pubbliċi jew minn istituzzjonijiet privati, l-aħjar interess tat-tfal għandu jkun kunsiderazzjoni primarja”.

70.      Minn dawn il-premessi jirriżulta ċar li l-eċċezzjoni għall-ġurisdizzjoni ġenerali tista’ tiġi eżerċitata biss favur qorti li tkun f’pożizzjoni aħjar fir-rigward tal-interess tal-minuri u li, taħt dan l-aspett, l-aħjar interess tal-minuri ma jikkostitwixxix kundizzjoni għall-eċċezzjoni li għandha tiġi analizzata separatament, iżda l-kriterju ġenerali li għandu jiggwida kull deċiżjoni dwar il-ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, kemm jekk bħala prinċipju kif ukoll bħala eċċezzjoni. Fil-fatt, l-interess tal-minuri jidher bħala fattur ta’ evalwazzjoni ġenerali fil-premessa 12 u jitfakkar fil-premessa 13 bħala introduzzjoni għall-eċċezzjoni. Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li “l-ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri għandha tiġi ddeterminata, qabel kollox, skont l-aqwa interessi tal-wild” (29).

71.      Fil-kuntest tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, il-leġiżlatur tal-Unjoni għażel bħala ċirkustanza li tista’ tidderoga mill-kriterju tal-qrubija l-“konnessjoni partikolari” li minuri jista’ jkollu ma’ Stat Membru ieħor. Madankollu ċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 15(3) ma jimplikawx neċessarjament li l-qorti tal-Istat Membru l-ieħor hija f’pożizzjoni aħjar biex tisma’ l-kawża. Din hija r-raġuni li minħabba fiha l-qorti li normalment għandha ġurisdizzjoni għandha tevalwa, fid-dawl tal-interess tal-minuri, tali opportunità (30).

72.      Nikkunsidra, konsegwentement, li dak li jimponi l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, huwa li jiġi vverifikat li l-qorti li lilha l-qorti li normalment għandha ġurisdizzjoni tipprevedi li tittrasferixxi l-kawża hija f’pożizzjoni aħjar minnha biex tagħti deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri li sservi iktar l-aħjar interess tal-minuri. Barra minn hekk, huwa fid-dawl ta’ dan l-uniku kriterju li l-qorti li lilha l-kawża tkun ġiet ittrasferita għandha taċċetta jew le li teżerċita l-ġurisdizzjoni tagħha abbażi tal-Artikolu 15(5) tar-Regolament Nru 2201/2003. Għaldaqstant, il-kwistjoni ma hijiex dik li wieħed ikun jaf jekk is-soluzzjoni mogħtija lill-kwistjoni tkunx iktar favorevoli għall-interess tal-minuri iżda jekk it-trasferiment tal-ġurisdizzjoni sservix dan l-interess tal-minuri.

73.      Fi kliem ieħor, l-aħjar interess tal-minuri huwa l-kundizzjoni u l-bażi għad-deċiżjonijiet tal-qorti li normalment għandha ġurisdizzjoni biex tittrasferixxi l-kawża lil qorti oħra [Artikolu 15(1)] u tal-qorti destinatarja ta’ dak it-trasferiment biex taċċettaha [Artikolu 15(5)] (31).

74.      Biex nikkonkludi, inżid ngħid li analiżi separata jew konġunta tat-tieni u tat-tielet kundizzjonijiet imposti mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 jidhirli li ma għandha ebda effett konkret peress li t-tliet kundizzjonijiet ta’ din id-dispożizzjoni iridu, fi kwalunkwe każ, ikunu kollha ssodisfatti.

75.      Issa, peress li l-problema mqajma tikkonċerna biss il-ġurisdizzjoni u mhux il-mertu, ma narax kif qorti tkun tista’ tiddeċiedi li qorti oħra hija f’pożizzjoni aħjar biex tiddeċiedi kawża dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri mingħajr ma dan ikun fl-aħjar interess tal-minuri. Bl-istess mod, ma narax li trasferiment tal-ġurisdizzjoni jista’ jkun fl-interess tal-minuri minkejja li l-qorti li lilha tiġi ttrasferita l-kawża ma tkunx f’pożizzjoni aħjar biex tiddeċiedi dik il-kawża. L-eżami tal-kundizzjonijiet tal-qorti li “tkun f’posizzjoni aħjar biex [tisma’] l-każ” u tal-“aħjar interessi għall-minuri” jidhirli, neċessarjament, li jinvolvi ż-żewġ kundizzjonijiet.

2.      Fuq l-elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-qorti li tkun fl-aħjar pożizzjoni biex tisma’ l-każ

a)      Osservazzjonijiet dwar il-limiti imposti fuq il-Qorti tal-Ġustizzja (is-sitt domanda preliminari)

76.      Preliminarjament infakkar li, skont l-Artikolu 13(2) TUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha taġixxi fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha mit-Trattati. Fil-kuntest tal-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk għandha ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi fuq il-validità u l-interpretazzjoni tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet.

77.      Filwaqt li nirrispondi f’dan ir-rigward għas-sitt domanda preliminari, nikkunsidra konsegwentement li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-kompitu li għandha telenka lista ta’ punti preċiżi li qorti nazzjonali għandha teżamina sabiex tistabbilixxi l-qorti li tkun fl-aħjar pożizzjoni biex tiddeċiedi meta l-leġiżlatur tal-Unjoni stess ma deherlux opportun li jagħmel dan (32).

78.      Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-kompitu li tagħti lill-qorti nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni utli għas-soluzzjoni tal-kawża li jkollha quddiemha.

b)      Dwar il-ħtieġa li jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dritt sostantiv, ir-regoli proċedurali jew il-prassi tal-qrati tal-Istat Membru li eventwalment ikollhom ġurisdizzjoni (ir-raba’ domanda preliminari)

79.      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-qorti li tipprevedi li tapplika l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt sostantiv, ir-regoli proċedurali jew il-prassi tal-qorti tal-Istat Membru l-ieħor li eventwalment ikollha ġurisdizzjoni.

80.      L-Irlanda ssostni li l-qorti ma għandhiex tagħmel tali evalwazzjoni komparattiva tar-regoli proċedura, tar-regoli ta’ dritt sostantiv jew tal-ġurisprudenza relattiva għal dawn ir-regoli (33). Il-Kummissjoni hija inqas kategorika. Hija ssostni li l-qorti ma għandhiex “sistematikament” tagħmel analiżi tar-regoli proċedurali, tal-kunflitti tal-liġijiet u tad-drittijiet sostantivi applikabbli (34).

81.      Jidhirli li l-esklużjoni tal-analiżi tad-dritt sostantiv mill-applikazzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003 hija konformi mal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka li fuqu huwa bbażat dan ir-regolament kollu.

82.      Fil-fatt, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tispeċifika, hija din il-fiduċja reċiproka li ppermettiet li tiġi stabbilita sistema obbligatorja ta’ ġurisdizzjoni li l-qrati kollha li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003 huma marbuta li josservaw (35).

83.      Din il-fiduċja hija tali li saħansitra ppermettiet l-implementazzjoni ta’ sistema speċifika sabiex tiġi ffaċilitata l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet dwar dritt ta’ aċċess li jitqies li huwa essenzjali biex jiġi protett id-dritt fundamentali tal-minuri, stabbilit fl-Artikolu 24(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jkollu relazzjonijiet u kuntatti diretti maż-żewġ ġenituri tiegħu.

84.      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “[d]in is-sistema tibbaża fuq il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-fatt li l-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali rispettivi tagħhom huma kapaċi jagħtu protezzjoni ekwivalenti u effettiva tad-drittijiet fundamentali, rikonoxxuti fil-livell tal-Unjoni, b’mod partikolari, fil-Karta [tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea] (sentenza Aguirre Zarraga, C–491/10 PPU, EU:C:2010:828, punt 70), u teskludi kull forma ta’ reviżjoni tas-sentenza mogħtija mill-qorti tal-Istat ta’ oriġini” (36).

85.      Għaldaqstant huwa biss il-forum l-iktar xieraq biex jissodisfa l-interess tal-minuri li għandha tevalwa l-qorti li inizjalment ikollha ġurisdizzjoni (37). Biex tagħmel dan, hija trid iżżomm f’moħħha li “l-ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri għandha tiġi ddeterminata, qabel kollox, skont l-aqwa interessi tal-wild” (38).

86.      Għaldaqstant, din ma hijiex kwistjoni li jiġi stabbilit il-post fejn tinstab l-aħjar soluzzjoni fir-rigward tal-mertu, iżda li tiġi identifikata l-qorti li tkun fl-aħjar pożizzjoni biex tiddeċiedi dwar din is-soluzzjoni. Għal dan il-għan, jista’ jkun li jirriżulta li huwa utli li jsir eżami tar-regoli proċedurali li jirregolaw l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni tal-qorti l-oħra jew il-prassi segwita. Fil-fatt, huma, mid-definizzjoni tagħhom, dawn ir-regoli li “jirregolaw” l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni.

87.      Peress li l-kuntest ġenerali tal-analiżi jinsab ddefinit aħjar, ser ngħaddi issa biex nipprova nidentifika ċerti elementi konkreti li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari fost ir-regoli proċedurali, biex jiġi stabbilit liema qorti hija fl-aħjar pożizzjoni biex tisma’ l-kawża.

c)      Fuq l-elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni (it-tieni, it-tielet u l-ħames domandi preliminari)

88.      Kif diġà rrepetejt diversi drabi, ġie kkonfermat f’ġurisprudenza stabbilita li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003 huma maħsuba skont il-kriterju tal-qrubija, bil-għan li jiġi ggarantit li l-qorti lokali li hija l-iktar marbuta mill-qrib mal-minuri tiddeċiedi fl-aħjar interess ta’ dan tal-aħħar (39).

89.      Kif diġà indikajt fil-punt 70 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jirriżulta ċar mill-premessi 12 u 13 tal-imsemmi regolament li l-aħjar interess tal-minuri jikkostitwixxi l-kriterju ġenerali li għandu jiggwida kull deċiżjoni dwar il-ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, kemm jekk bħala prinċipju kif ukoll bħala eċċezzjoni.

90.      Biex tkun tixtieq tapplika l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, il-qorti li normalment għandha ġurisdizzjoni għandha għalhekk issib elementi li jistgħu jmorru kontra l-preżunzjoni qawwija favur l-Istat ta’ residenza abitwali tal-minuri. Dan l-eżami jrid isir abbażi ta’ analiżi in concreto (40), fis-sens li l-qorti għandha tanalizza r-raġuni għaliex, b’mod konkret, dawn l-elementi jipprevalu fuq il-ġurisdizzjoni tagħha.

91.      Fl-aħħar mill-aħħar, il-qorti li normalment għandha ġurisdizzjoni għandha tiżgura li d-deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri tittieħed mill-qorti li għandha l-iktar rabtiet mill-qrib mal-elementi tal-każ ineżami.

92.      Sabiex tiġi ddeterminata din il-qorti, jien naqbel mal-opinjoni mogħtija mill-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fir-rigward tad-determinazzjoni tar-residenza abitwali ta’ minuri, li skontha “[d]an l-eżami [...] għandu jiġi kondott mill-perspettiva tal-wild u fl-ebda każ mill-perspettiva tal-ġenituri, tkun xi tkun il-leġittimità tat-talba tagħhom dwar dak il-wild” (41).

93.      Huwa b’dan il-mod li, biex nieħu l-eżempju mogħti mill-qorti tar-rinviju fil-ħames domanda preliminari tagħha, ix-xewqa ta’ omm li tevita s-servizzi soċjali tal-Istat ta’ oriġini tagħha u tmur fi Stat Membru ieħor li hija tqis li għandu l-iktar sistema ta’ servizzi soċjali favorevoli ma jidhirlix li hija, minnha nfisha, rilevanti biex tiġi ddeterminata l-qorti li tkun fl-aħjar pożizzjoni biex tisma’ l-kawża. Fi kliem ieħor, dan l-element jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni biss jekk jista’ jkollu effett fuq il-kapaċità tal-qorti li tisma’ l-kawża fl-interess tal-minuri.

94.      Bl-istess loġika, riflessjoni dwar il-moviment liberu tal-persuni kkonċernati tagħmel sens biss jekk din jista’ jkollha effett fuq id-determinazzjoni tal-kapaċità ta’ qorti biex tisma’ l-kawża fl-aħjar interess tal-minuri.

95.      Min-naħa l-oħra, elementi bħal-lingwa tal-kawża, id-disponibbiltà tal-provi rilevanti li jirrigwardaw, pereżempju, il-kapaċità ta’ edukazzjoni u ta’ manteniment tal-ġenitur jew tal-ġenituri, il-possibbiltà li jitħarrku x-xhieda utli u l-probabbiltà li dawn jidhru, id-disponibbiltà ta’ rapporti mediċi u soċjali u l-possibbiltà li dawn jiġu aġġornati jekk ikun il-każ, u saħansitra t-terminu li fih tingħata d-deċiżjoni (42), jistgħu jkollhom effett dirett fuq il-kapaċità tal-qorti li tevalwa l-kawża fl-interess tal-minuri. Għaldaqstant, dawn jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni.

96.      Il-lokalizzazzjoni ta’ dawn l-elementi jew ta’ wħud minnhom fit-territorju ta’ Stat Membru differenti minn dak tal-qorti li normalment għandha ġurisdizzjoni ma għandhiex tnaqqas mill-importanza tal-ambjent li fih jiżviluppa l-minuri – jiġifieri dak tar-residenza abitwali tiegħu – u mill-effett li jista’ jkollu fuq il-benesseri fiżiku u morali tiegħu ċ-ċaqliq relatat ma’ trasferiment tal-kawża lil qorti li tinsab fi Stat Membru ieħor.

97.      F’dan ir-rigward, jidhirli li ċerti dokumenti utli għall-evalwazzjoni tal-kawża jistgħu, pereżempju, jinkisbu faċilment billi jsir sempliċement użu mill-obbligu ta’ kooperazzjoni msemmi fl-Artikolu 15(5) tar-Regolament Nru 2201/2003.

3.      Konklużjoni intermedja

98.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jidhirli għaldaqstant li l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 jimponi fuq il-qorti li normalment għandha ġurisdizzjoni li tivverifika li l-qorti li lilha tipprevedi li tittrasferixxi l-kawża hija f’pożizzjoni aħjar minnha biex tagħti deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri li sservi iktar l-aħjar interess tal-minuri.

99.      Għal dan il-għan, hija għandha tiżgura li d-deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri tittieħed mill-qorti li għandha l-iktar rabtiet mill-qrib mal-elementi tal-każ ineżami. L-eżami għandu jitwettaq mill-perspettiva tal-minuri, sabiex jiġi protett l-interess tiegħu u mingħajr ma l-qorti li normalment għandha ġurisdizzjoni tagħmel analiżi komparattiva tad-dritt sostantiv li jiġi applikat mill-qrati tal-Istat Membru l-ieħor. Min-naħa l-oħra, analiżi tar-regoli proċedurali applikabbli jew tal-prassi ġeneralment segwita mill-qrati ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor tista’ tkun utli. Elementi bħal-lingwa tal-kawża, id-disponibbiltà tal-provi rilevanti, il-possibbiltà li jitħarrku x-xhieda utli u l-probabbiltà li dawn jidhru, id-disponibbiltà ta’ rapporti mediċi u soċjali u l-possibbiltà li dawn jiġu aġġornati, jekk ikun il-każ, kif ukoll it-terminu li fih tingħata d-deċiżjoni jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni.

100. Il-lokalizzazzjoni ta’ dawn l-elementi jew ta’ wħud minnhom fit-territorju ta’ Stat Membru differenti minn dak tal-qorti li normalment għandha ġurisdizzjoni ma għandhiex tnaqqas mill-importanza tal-ambjent li fih jiżviluppa l-minuri u tal-effett li jista’ jkollu fuq il-benesseri fiżiku u morali tiegħu ċ-ċaqliq relatat ma’ trasferiment tal-kawża lil qorti li tinsab fi Stat Membru ieħor.

VI – Konklużjoni

101. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mis-Supreme Court (qorti suprema, l-Irlanda) bil-mod kif ġej:

1)      L-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000, jista’ jiġi applikat fil-każ ta’ rikors fil-qasam tal-protezzjoni tal-minuri kklassifikat taħt id-dritt pubbliku skont id-dritt nazzjonali, u dan minkejja li ebda proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja ma tkun diġà pendenti fl-Istat Membru li lilu l-qorti li għandha ġurisdizzjoni biex tisma’ l-mertu tipprevedi li tittrasferixxi l-kawża. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni ma tapplikax jekk il-ġurisdizzjoni tal-qorti li lilha jkun previst li tiġi ttrasferita l-kawża tkun suġġetta għall-preżentata ta’ proċeduri minn rikorrent li ma huwiex parti fil-proċedura pendenti quddiem il-qorti li normalment għandha ġurisdizzjoni.

2)      L-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 jimponi fuq il-qorti li għandha ġurisdizzjoni biex tisma’ l-mertu li tivverifika li l-qorti li lilha tipprevedi li tittrasferixxi l-kawża hija f’pożizzjoni aħjar minnha biex tagħti deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri li sservi iktar l-aħjar interess tal-minuri.

Għal dan il-għan, hija għandha tiżgura li d-deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri tittieħed mill-qorti li għandha l-iktar rabtiet mill-qrib mal-elementi tal-każ ineżami. L-eżami għandu jsir mill-perspettiva tal-minuri, sabiex jiġi protett l-interess tiegħu u mingħajr ma l-qorti li normalment għandha ġurisdizzjoni biex tisma’ l-merti tagħmel analiżi komparattiva tad-dritt sostantiv li jiġi applikat mill-qrati tal-Istat Membru l-ieħor. Min-naħa l-oħra, l-analiżi tar-regoli proċedurali applikabbli jew tal-prassi ġeneralment segwita mill-qrati ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor tista’ tkun utli. Elementi bħal-lingwa tal-kawża, id-disponibbiltà tal-provi rilevanti, il-possibbiltà li jitħarrku x-xhieda utli u l-probabbiltà li dawn jidhru, id-disponibbiltà ta’ rapporti mediċi u soċjali u l-possibbiltà li dawn jiġu aġġornati, jekk ikun il-każ, kif ukoll it-terminu li fih tingħata d-deċiżjoni, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni.

Il-lokalizzazzjoni ta’ dawn l-elementi jew ta’ wħud minnhom fit-territorju ta’ Stat Membru differenti minn dak tal-qorti li normalment għandha ġurisdizzjoni ma għandhiex tnaqqas mill-importanza tal-ambjent li fih jiżviluppa l-minuri u mill-effett li jista’ jkollu fuq il-benesseri fiżiku u morali tiegħu ċ-ċaqliq relatat ma’ trasferiment tal-kawża lil qorti li tinsab fi Stat Membru ieħor.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2–      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243.


3–      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2007, C (C‑435/06, EU:C:2007:714, punt 46).


4–      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2007, C (C‑435/06, EU:C:2007:714, punti 47 u 48).


5–      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Novembru 2007, C (C‑435/06, EU:C:2007:714, punt 51), u tat-2 ta’ April 2009, A (C‑523/07, EU:C:2009:225, punt 27). Fir-rigward tal-leġiżlazzjoni Irlandiża, ara s-sentenza tas-26 ta’ April 2012, Health Service Executive (C‑92/12 PPU, EU:C:2012:255 , punt 60).


6–      Skont l-Artikolu 1(2)(d) tar-Regolament Nru 2201/2003, it-tqegħid tal-minuri ma’ familja tar-rispett jew f’istitut jifforma parti mill-kwistjonijiet li jirrigwardaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri.


7–      Sentenza tat-2 ta’ April 2009, A (C‑523/07, EU:C:2009:225, punt 26).


8–      Sentenza tas-27 ta’ Novembru 2007, C (C‑435/06, EU:C:2007:714, punt 45).


9–      Ara, b’mod partikolari, Dutta, A., u Schulz, A., “First Cornerstones of the EU Rules on Cross-border Child Cases: the Jurisprudence of the Court of Justice of the European Union on the Brussels IIA Regulation from C to Health Service Executive”, Journal of Private International Law, 2014, p. 1 sa 40, speċjalment. p. 5 sa 7; Gallant, E., “Règlement (CE) n° 2201/2003 du 27 novembre 2003 relatif à la compétence, la reconnaissance et l’exécution des décisions en matière matrimoniale et en matière de responsabilité parentale abrogeant le règlement n° 1347/2000”, f’Torck, S., Cadiet, L., u Jeuland, E., (ed.), Droit processuel civil de l’Union européenne, LexisNexis, 2011, p. 59 sa 98, b’mod speċjali Nru 177.


10–      Għal eżempju ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003, ara, inter alia, is-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, L (C‑656/13, EU:C:2014:2364).


11 – Enfasi miżjuda minni.


12–      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ April 2009, A (C‑523/07, EU:C:2009:225, punt 35); tat-23 ta’ Diċembru 2009, Detiček (C‑403/09 PPU, EU:C:2009:810, punt 35); tat-22 ta’ Diċembru 2010, Mercredi (C‑497/10 PPU, EU:C:2010:829, punt 46); tal-1 ta’ Ottubru 2014, E. (C‑436/13, EU:C:2014:2246, punt 44), kif ukoll tat-12 ta’ Novembru 2014, L (C‑656/13, EU:C:2014:2364, punt 48). Ara wkoll, is-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2010, Purrucker (C‑256/09, EU:C:2010:437, punt 91).


13–      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, L (C‑656/13, EU:C:2014:2364, punt 48).


14–      Sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, L (C‑656/13, EU:C:2014:2364, punt 45).


15–      Sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, L (C‑656/13, EU:C:2014:2364, punt 46).


16–      Sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, L (C‑656/13, EU:C:2014:2364, punt 48).


17–      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Diċembru 2009, Detiček (C‑403/09 PPU, EU:C:2009:810, punt 38).


18–      Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003.


19 – Artikolu 15(1)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003.


20 – Enfasi miżjuda minni.


21 – Enfasi miżjuda minni.


22–      Punt 17 tat-talba għal deċiżjoni preliminari.


23 – Enfasi miżjuda minni.


24–      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Diċembru 2009, Detiček (C‑403/09 PPU, EU:C:2009:810, punt 38).


25–      Id-duttrina kkonsultata tidher li hija unanima f’dan ir-rigward. Ara, b’mod partikolari, Franck, St., “La responsabilité parentale en droit international privé. Entrée en vigueur du règlement Bruxelles II bis et du Code de droit international privé”, Revue trimestrielle de droit familial, 2005, p. 700; Gallant, E., “Règlement (CE) n° 2201/2003 du 27 novembre 2003 relatif à la compétence, la reconnaissance et l’exécution des décisions en matière matrimoniale et en matière de responsabilité parentale abrogeant le le règlement n° 1347/2000”, f’Torck, St., Cadiet, L., u Jeuland, E., (ed.), Droit processuel civil de l’Union européenne, LexisNexis, 2011, p. 59 sa 98, b’mod speċjali Nru 177; Ancel, B. u Muir Watt, H., “L’intérêt supérieur de l’enfant dans le concert des juridictions : le Règlement Bruxelles II bis”, Revue critique de droit international privé, 2005, p. 569 et seq, b’mod speċjali Nru 29.


26 – Ara l-punt 33 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni.


27–      Ara l-punt 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet u l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12.


28 – Enfasi miżjuda minni.


29–      Sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2014, E. (C‑436/13, EU:C:2014:2246, punt 45). Enfasi miżjuda minni.


30–      Ara, f’dan is-sens, Dutta, A., u Schulz, A., “First Cornerstones of the EU Rules on Cross-border Child Cases : the Jurisprudence of the Court of Justice of the European Union on the Brussels II A Regulation from C to Health Service Executive”, Journal of Private International Law, 2014, p. 1 sa 40, b’mod speċjali p. 8; Gallant, E., “Règlement (CE) n° 2201/2003 du 27 novembre 2003 relatif à la compétence, la reconnaissance et l’exécution des décisions en matière matrimoniale et en matière de responsabilité parentale abrogeant le règlement n° 1347/2000”, f’Torck, St., Cadiet, L., u Jeuland, E., (ed.), Droit processuel civil de l’Union européenne, LexisNexis, 2011, p. 59 sa 98, b’mod speċjali Nru 217.


31–      Ara, f’dan is-sens, Ancel, B. u Muir Watt, H., “L’intérêt supérieur de l’enfant dans le concert des juridictions: le Règlement Bruxelles II bis”, Revue critique de droit international privé, 2005, p. 569 et seq, b’mod speċjali Nru 29.


32–      Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawżi magħquda Sturgeon et (C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:416, punt 94).


33–      Ara l-punt 46 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Irlanda.


34 – Ara l-punt 28 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni.


35–      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2010, Purrucker (C‑256/09, EU:C:2010:437, punt 72).


36–      Sentenza tad-9 ta’ Settembru 2015, Bohez (C‑4/14, EU:C:2015:563, punt 58).


37–      Ara, f’dan is-sens, Henricot, C., “Le mécanisme de renvoi dans l’article 15 du règlement Bruxelles II bis”, Revue trimestrielle de droit familial, 2008, p. 526 sa 533, b’mod speċjali p. 529, kif ukoll Ancel, B. u Muir Watt, H., “L’intérêt supérieur de l’enfant dans le concert des juridictions: le Règlement Bruxelles II bis”, Revue critique de droit international privé, 2005, p. 569 et seq, b’mod speċjali Nru 28.


38–      Sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2014, E. (C‑436/13, EU:C:2014:2246, punt 45). Enfasi miżjuda minni.


39–      Ara l-punti 43 u 67 ta’ dawn il-konklużjonijiet u l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12.


40–      Ara, f’dan is-sens, Henricot, C., “Le mécanisme de renvoi dans l’article 15 du règlement Bruxelles II bis”, Revue trimestrielle de droit familial, 2008, p. 526 sa 533, b’mod speċjali p 530.


41–      Opinjoni tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón ippreżentata fil-kawża Mercredi (C‑497/10 PPU, EU:C:2010:738, punt 93).


42–      Ċerti awturi esprimew id-dubji tagħhom fir-rigward tar-rilevanza ta’ dan il-kriterju fid-dawl tan-natura “riskjuża” tat-tbassir li jista’ jingħata fuq l-osservanza tat-terminu raġonevoli mill-qorti tal-Istat Membru l-ieħor (ara, f’dan is-sens, Wautelet, P., “Règlement (CE) n° 2201/2003 relatif à la compétence, la reconnaissance et l’exécution des décisions en matière matrimoniale et en matière de responsabilité parentale abrogeant le règlement (CE) n° 1347/2000 (dit “Bruxelles II bis”)”, fi Droit judiciaire européen et international, La jurisprudence du code judiciaire commentée, Vol. 5. La Charte, 2012, p. 363 sa 482, b’mod speċjali p. 424). L-importanza ta’ deċiżjoni malajr fit-tilwim li jinvolvi t-tfal jidhirli, madankollu, li tipprevali fuq id-diffikultà ta’ tali evalwazzjoni tat-terminu. Fil-fatt, kif jirrilevaw bħala introduzzjoni A. Dutta u A. Schultz, “it is a commonplace that in child matters the time factor plays an important role: cross border child dispute are a race against the clock […]” (Dutta, A., u Schulz, A., “First Cornerstones of the EU Rules on Cross-border Child Cases: the Jurisprudence of the Court of Justice of the European Union on the Brussels IIA Regulation from C to Health Service Executive”, Journal of Private International Law, 2014, p. 1 sa 40, b’mod speċjali p. 2).