Language of document : ECLI:EU:C:2019:402

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

14 ta’ Mejju 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Direttiva 2003/88/KE – Artikoli 3 u 5 – Mistrieħ ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa – Artikolu 6 – Ħin massimu ta’ xogħol ta’ kull ġimgħa – Direttiva 89/391/KEE – Sigurtà u saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol – Obbligu li tiġi stabbilita sistema li tkejjel it-tul ta’ ħin tax-xogħol ta’ kuljum maħdum minn kull ħaddiem”

Fil-Kawża C‑55/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Jannar 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Jannar 2018, fil-proċedura

Federación de Servicios de Comisiones Obreras (CCOO)

vs

Deutsche Bank SAE,

fil-preżenza ta’:

Federación Estatal de Servicios de la Unión General de Trabajadores (FES-UGT),

Confederación General del Trabajo (CGT),

Confederación Solidaridad de Trabajadores Vacos (ELA),

Confederación Interindil Galega (CIG),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev, E. Regan (Relatur), T. von Danwitz, F. Biltgen, K. Jürimäe u C. Lypegos, Presidenti ta’ Awla, J. Malenovský, E. Levits, L. Bay LarLarsen, M. Safjan, D. Šváby, C. Vajda u P. G. Xuereb, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: Reġistratur: L. Carrasco Marco, amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Novembru 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Federación de Servicios de Comisiones Obreras (CCOO), minn A. García López, abogado,

–        għal Deutsche Bank SAE, minn J. M. Aniés Escudé, abogado,

–        għall-Federación Estatal de Servicios de la Unión General de Trabajadores (FES-UGT), minn J. F. Pinilla Porlan u B. García Rodríguez, abogados,

–        għall-Gvern Spanjol, minn S. Jiménez García, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn Z. Lavery, bħala aġent, assistita minn R. Hill, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn N. Ruiz García u M. Van Beek, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-31 ta’ Jannar 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tal-Artikoli 3, 5, 6, 16 u 22 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381), u tal-Artikolu 4(1), tal-Artikolu 11(3) u tal-Artikolu 16(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 349).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Federación de Servicios de Comisiones Obreras (CCOO) u Deutsche Bank SAE dwar l-assenza, fi ħdan din tal-aħħar, ta’ sistema ta’ reġistrazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ kuljum li jsir mill-ħaddiema impjegati minnha.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 89/391

3        L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 89/391 jipprovdi:

“Stati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li min iħaddem, il-ħaddiema u r-rappreżentanti tal-ħaddiema ikunu soġġetti għad disposizzjonijiet legali meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva.”

4        Skont l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva:

“Fi ħdan il-kuntest tar-responsabbilitajiet tiegħu, min iħaddem għandu jieħu l-miżuri meħtieġa għas-sigurtà u l-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema, inkluż il-prevenzjoni tar-riskji ikkaġunati mix-xogħol u l-għoti ta’ informazzjoni u taħriġ, kif ukoll ta’ l-għoti ta’ l-organizzazzjoni u mezzi meħtieġa.

[…]”

5        L-Artikolu 11(3) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li:

“Rappreżentanti tal-ħaddiema b’responsabbilità speċifika għas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema għandhom ikollhom id-dritt li jitolbu lil min iħaddem sabiex jieħu miżuri xierqa u jgħaddulu proposti għal dak il-għan sabiex inaqqsu l-perikoli għal ħaddiema u/jew ineħħu sorsi ta’ perikolu.”

6        L-Artikolu 16(3) tal-istess direttiva jipprovdi:

“Id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandhom jgħoddu fit-totalità tagħhom għaż-żoni kollha koperti mid-Direttivi individwali, mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijiet aktar stretti u/jew speċifiċi li hemm f’dawn id-Direttivi individwali.”

 Id-Direttiva 2003/88

7        Skont il-premessi 3 u 4 tad-Direttiva 2003/88:

“(3)      Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva [89/391] jibqgħu applikabbli għal kollox għall-oqsma koperti b’din id-Direttiva bla ħsara għad-disposizzjonijiet aktar stretti u/jew speċifiċi li jinsabu hawnhekk.

(4)      It-titjib tas-sigurtà, l-iġene u s-saħħa tal-ħaddiema fil-post tax-xogħol huwa għan li m’għandux ikun subordinat sempliċement għal raġunijiet ekonomiċi.”

8        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/88, intitolat “Għan u skop”, jipprovdi:

“[…]

2.      Din id-Direttiva tapplika għal:

(a)      il-perjodi minimi ta’ serħan ta’ kull jum, serħan ta’ kull ġimgħa u leave annwali, għal waqfien u ħin tax-xogħol massimu ta’ kull ġimgħa; u

(b)      ċerti aspetti tax-xogħol bil-lejl, ix-xogħol bix-shift u t-tendenzi tax-xogħol.

[…]

4.      Id-disposizzjonijiet tad-Direttiva [89/391] għandhom ikunu applikabbli bis-sħiħ għall-materji kollha li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 2, mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijiet aktar iebsa u/jew speċifiċi li jinstabu f’din id-Direttiva.”

9        L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/88, intitolat “Serħan ta’ kull jum”, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal perijodu minimu ta’ serħan kull jum ta’ 11 il-siegħa konsekuttivi f’perjodu ta’ 24-siegħa.”

10      L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, intitolat “Perjodu ta’ serħan ta’ kull jum”, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li, f’kull perijodu ta’ sebat ijiem kull ħaddiem ikun intitolat għal perijodu minimu mingħajr interruzzjoni ta’ serħan kull perijodu ta’ 24 il-siegħa flimkien ma 11-il siegħa serħan ta’ kull jum kif li hemm referenza għalih fl-Artikolu 3.

Jekk objettivi, l-organizzazzjoni tal-kondizzjonijiet tekniċi jew tax-xogħol hekk jiġġustifikaw, perjodu minimu ta’ serħan ta’ 24 siegħa jista’ jkun applikat.”

11      L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Ħin massimu ta’ xogħol matul ġimgħa”, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li, skont il-ħtieġa tal-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema:

(a)      il-perjodu tal-ħin tax-xogħol ta’ kull ġimgħa jkun limitat permezz ta’ liġijiet, regolamenti jew disposizzjonijiet amministrattivi jew bi ftehim kollettiv jew bi ftehim bejn iż-żewġ naħat ta’ l-industrija;

(b)      il-medja tal-ħin tax-xogħol għal kull perijodu ta’ sebat ijiem, inkluża s-sahra, ma tkunx teċċedi it-48 siegħa.”

12      L-Artikolu 16 tad-Direttiva 2003/88 jispeċifika l-perijodi massimi ta’ referenza għall-applikazzjoni tal-Artikoli 5 u 6 tagħha.

13      L-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva, intitolat “Derogi”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“F’dak li jirrigwardja l-prinċipji ġenerali tal-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema, l-Istati Membri jistgħu jagħtu deroga mill-Artikoli 3 sa 6, 8 u 16 meta, minħabba l-karatteristiċi speċifiċi ta’ l-attività kkonċernata, it-tul tal-ħin tax-xogħol ma jkunx imkejjel u/jew predeterminat jew jista’ jkun determinat mill-ħaddiema nfushom, u partikolarment fil-każ ta’:

(a)      eżekuttivi amministraturi jew persuni oħrajn b’poteri awtonomi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet;

(b)      ħaddiema parti mill-familja; jew

(ċ)      ħaddiema li juffiċċjaw f’ċerimonji reliġjużi fi knejjes u f’komunitajiet reliġjużi.”

14      L-Artikolu 19 tal-imsemmija direttiva jikkonċerna l-limitazzjonijiet għad-derogi previsti minn din id-direttiva għall-perijodi ta’ referenza.

15      Skont l-Artikolu 22(1) tal-istess direttiva:

“Stat Membru għandu jkollu l-għażla li ma japplikax l-Artikolu 6, waqt li jirrispetta l-prinċipji ġenerali tal-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa ta’ ħaddiema, u basta li hu jieħu l-miżuri meħtieġa ħalli jassigura li:

(a)      li min jimpjega ma jkunx jeħtieġ li ħaddiem jaħdem aktar minn 48 siegħa matul perjodu ta’ sebat ijiem, ikkalkolati bħala medja għall-perjodu ta’ referenza li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 16(b), sakemm ma jkunx l-ewwel akkwista l-ftehim tal-ħaddiem ħalli jwettaq xogħol bħal dak;

[…]

(ċ)      min jimpjega iżomm rekords aġġornati tal-ħaddiema kollha li jwettqu xogħol bħal dak;

(d)      li r-rekords jitqiegħdu għad-disposizzjoni ta’ l-awtoritajiet kompetenti, li jistgħu, għal raġunijiet konnessi mas-sigurtà u/jew is-saħħa tal-ħaddiema, jipprojbixxu jew jirristrinġu l-possibbiltà li jkunu misbuqa s-sigħat massimi ta’ xogħol matul ġimgħa;

[…]”

 Id-dritt Spanjol

16      L-Estatuto de los Trabajadores (l-Istatut tal-Ħaddiema), fil-verżjoni tagħhom li tirriżulta mir-Real Decreto legislativo 2/2015, por el que se AEBA el texto refundido de la Ley del Estatuto de los Trabajadores (id-Digriet Leġiżlattiv Irjali 2/2015, li approva t-test irriformulat tal-Istatut tal-Ħaddiema), tat-23 ta’ Ottubru 2015 (BOE Nru 255, tal-24 ta’ Ottubru 2015, p. 100224) (iktar ’il quddiem l-“Istatut tal-Ħaddiema”), jipprovdu, fl-Artikolu 34 tagħhom, intitolat “Ħin tax-xogħol”:

“1.      It-tul tal-ħin tax-xogħol huwa dak stabbilit fil-ftehimiet kollettivi jew fil-kuntratti individwali.

It-tul massimu tal-ħin tax-xogħol normali huwa ta’ 40 siegħa fil-ġimgħa ta’ xogħol effettiv ikkalkolati fuq medja fis-sena.

[…]

3.      Għandhom jgħaddu mill-inqas tnax-il siegħa bejn it-tmiem ta’ perijodu tax-xogħol u l-bidu tal-perijodu segwenti.

In-numru ta’ sigħat normali ta’ xogħol effettivi ma jistax jaqbeż id-disa’ sigħat kuljum, sakemm ftehim kollettiv jew, fin-nuqqas ta’ dan, ftehim konkluż bejn l-impriża u r-rappreżentanti tal-ħaddiema ma jkunx jipprevedi tqassim ieħor tal-ħin tax-xogħol ta’ kuljum, il-mistrieħ bejn il-perijodi ta’ xogħol xorta waħda għandu jiġi osservat.

[…]”

17      L-Artikolu 35 tal-Istatut tal-Ħaddiema, intitolat “Sahra”, jipprovdi:

“1.      Is-sigħat ta’ xogħol maħduma lil hinn mit-tul massimu tal-ħin tax-xogħol normali stabbilit f’konformità mal-artikolu preċedenti jikkostitwixxu sahra. […]

2.      L-ammont ta’ sahra ma jistax jaqbeż it-80 siegħa fis-sena. […]

4.      It-twettiq ta’ sahra huwa volontarju, ħlief jekk ikun ġie stabbilit mod ieħor fi ftehim kollettiv jew f’kuntratt individwali ta’ impjieg, fil-limiti previsti fil-paragrafu 2.

5.      Għall-finijiet tal-kalkolu tas-sahra, il-ħin tax-xogħol ta’ kull ħaddiem jiġi rreġistrat minn ġurnata għal oħra u jingħadd fil-mument iffissat għall-pagament tar-remunerazzjoni, fejn il-ħaddiem jingħata kopja tal-prospett fir-rendikont tal-ħlas korrispondenti.”

18      Ir-Real Decreto 1561/1995, sobre jornadas especiales de trabajo (id-Digriet Irjali 1561/1995, dwar il-Ħinijiet Speċjali tax-Xogħol), tal-21 ta’ Settembru 1995 (BOE Nru 230, tas-26 ta’ Settembru 1995, p. 28606), jipprovdi, fit-tielet dispożizzjoni addizzjonali tiegħu, intitolata “Kompetenzi tar-rappreżentanti tal-ħaddiema fil-qasam tal-ħin tax-xogħol”:

“Bla ħsara għall-kompetenzi rrikonoxxuti lir-rappreżentanti tal-ħaddiema fil-qasam tal-ħin tax-xogħol fl-Istatut tal-Ħaddiema u f’dan id-Digriet Irjali, dawn ir-rappreżentanti għandhom id-dritt:

[…]

(b)      li jiġu informati kull xahar mill-persuna li timpjega dwar is-sahra magħmula mill-ħaddiema, irrispettivament mill-forma ta’ kumpens adottata; għal dan l-għan huma għandhom jirċievu kopja tal-prospett imsemmi fl-Artikolu 35(5) tal-Istatut tal-Ħaddiema.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

19      Fis-26 ta’ Lulju 2017, iċ-CCOO, sindakat ta’ ħaddiema li jagħmel parti minn organizzazzjoni sindakali rappreżentata, fil-livell nazzjonali, fi Spanja, adixxa lill-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali, Spanja) b’azzjoni kollettiva kontra Deutsche Bank, bil-ħsieb li jikseb sentenza li tistabbilixxi l-obbligu għal dan tal-aħħar, skont l-Artikolu 35(5) tal-Istatut tal-Ħaddiema u t-tielet dispożizzjoni addizzjonali tad-Digriet Irjali 1561/1995, li jistabbilixxi sistema għar-reġistrazzjoni tal-ħinijiet tax-xogħol ta’ kuljum imwettqa mill-persunal tiegħu, li tagħmilha possibbli li tiġi vverifikata l-osservanza, minn naħa, tas-sigħat ta’ xogħol previsti u, min-naħa l-oħra, tal-obbligu li tintbagħat lir-rappreżentanti sindakali l-informazzjoni dwar is-sahra maħduma kull xahar.

20      Skont iċ-CCOO, l-obbligu li tiġi stabbilita tali sistema ta’ reġistrazzjoni jirriżulta mill-Artikoli 34 u 35 tal-Istatut tal-Ħaddiema, kif interpretati fid-dawl tal-Artikolu 31(2) tal-Karta, tal-Artikoli 3, 5, 6 u 22 tad-Direttiva 2003/88, u tal-Konvenzjoni Nru 1 dwar il-Ħin tax-Xogħol (Industrija) u tal-Konvenzjoni Nru 30 dwar il-Ħin tax-Xogħol (Kummerċ u Uffiċċji), adottati mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, f’Washington fit-28 ta’ Novembru 1919 u f’Genève fit-28 ta’ Ġunju 1930, rispettivament.

21      Mill-banda l-oħra, Deutsche Bank isostni li mis-sentenzi Nru 246/2017, tat-23 ta’ Marzu 2017 (Ġabra 81/2016) u Nru 338/2017, tal-20 ta’ April 2017 (Ġabra 116/2016), tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) jirriżulta li d-dritt Spanjol ma jipprevedix tali obbligu ta’ applikazzjoni ġenerali.

22      L-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali) tikkonstata li, minkejja r-regoli numerużi dwar il-ħin tax-xogħol, li jirriżultaw minn għadd ta’ ftehimiet kollettivi nazzjonali settorjali u ftehimiet kollettivi tal-impriżi, applikabbli għal Deutsche Bank, dan ma stabbilixxiex sistema ta’ reġistrazzjoni tal-ħin maħdum mill-persunal tiegħu li tippermetti li tiġi vverifikata l-osservanza tal-ħin tax-xogħol miftiehem u li tiġi kkalkolata kwalunkwe sahra maħduma. B’mod partikolari, Deutsche Bank juża applikazzjoni informatika (assenzi kalendarji) li tippermetti r-reġistrazzjoni esklużiva tal-assenzi għal jum sħiħ, bħall-vaganzi jew leave ieħor, mingħajr kejl, mill-banda l-oħra, tat-tul tal-ħin tax-xogħol ta’ kull ħaddiem u n-numru ta’ sigħat ta’ sahra maħduma.

23      L-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali) tirrileva wkoll li Deutsche Bank ma kkonformax ruħu mat-talba tal-Inspección de Trabajo y Seguridad Social de las provincias de Madrid y Navarra (l-Ispettorat tax-Xogħol u tas-Sigurtà Soċjali tal-provinċji ta’ Madrid u Navarra, Spanja) (iktar ’il quddiem l-“Ispettorat tax-Xogħol”) sabiex tiġi stabbilita sistema ta’ reġistrazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ kuljum, u li dan tal-aħħar sussegwentement għamel rapport ta’ ksur bi proposta ta’ sanzjoni. Madankollu, din il-proposta ta’ sanzjoni ġiet eskluża wara s-sentenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tat-23 ta’ Marzu 2017, imsemmija fil-punt 21 ta’ din is-sentenza.

24      L-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali) tispeċifika li mill-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), iċċitata fl-imsemmi punt 21, jirriżulta li l-Artikolu 35(5) tal-Istatut tal-Ħaddiema jimponi biss, sakemm ma jkunx hemm ftehim kuntrarju, iż-żamma ta’ reġistru ta’ sahra maħduma mill-ħaddiema u l-komunikazzjoni, fl-aħħar ta’ kull xahar, lill-ħaddiema u lir-rappreżentanti tagħhom tan-numru ta’ sigħat ta’ sahra maħduma.

25      Skont l-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali), din il-ġurisprudenza hija bbażata fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin. L-ewwel nett, l-obbligu li jinżamm reġistru huwa previst fl-Artikolu 35 tal-Istatut tal-Ħaddiema, li jikkonċerna s-sahra, u mhux fl-Artikolu 34 ta’ dan l-istatut, li jirrigwarda l-ħin tax-xogħol “normali”, iddefinit bħala ħin tax-xogħol li ma jaqbiżx il-ħin tax-xogħol massimu. It-tieni nett, kull darba li l-leġiżlatur Spanjol ried jimponi r-reġistrazzjoni tal-ħin tax-xogħol imwettaq, huwa ppreveda dan b’mod speċifiku, bħal fil-każ tal-ħaddiema part-time u tal-ħaddiema mobbli, ħaddiema li jagħmlu parti mill-flotta merkantili jew ħaddiema ferrovjarji. It-tielet nett, l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2003/88 jimponi, bħad-dritt Spanjol, l-obbligu li jinżamm reġistru tal-ħin tax-xogħol imwettaq f’każijiet partikolari, u mhux dak li jinżamm reġistru tal-ħin tax-xogħol “normali”. Ir-raba’ nett, l-istabbiliment ta’ reġistru tal-ħin tax-xogħol imwettaq minn kull ħaddiem jinvolvi l-ipproċessar ta’ data personali bir-riskju ta’ interferenza bla bżonn mill-impriża fil-ħajja privata tal-ħaddiema. Il-ħames nett, l-assenza taż-żamma ta’ reġistru bħal dan ma hijiex ikklassifikata bħala ksur ċar u manifest fir-regoli nazzjonali dwar il-ksur u s-sanzjonijiet fil-qasam soċjali. Is-sitt nett, il-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) ma tippreġudikax id-drittijiet tal-ħaddiema sa fejn l-Artikolu 217(6) tal-Ley de Enjuiciamiento Civil 1/2000 (il-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili 1/2000), tas-7 ta’ Jannar 2000, (BOE Nru°7, tat-8 ta’ Jannar 2000, p. 575) ma jippermettix, ċertament, preżunzjoni ta’ sahra mwettqa fl-assenza tar-reġistrazzjoni tal-ħin tax-xogħol “normali”, iżda jkun xorta waħda sfavorevoli għall-persuna li timpjega li tkun naqset milli tagħmel tali reġistrazzjoni meta l-ħaddiem iġib prova b’mezzi oħra li huwa jkun wettaq tali sahra.

26      L-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali) għandha dubji dwar il-konformità mad-dritt tal-Unjoni tal-interpretazzjoni, magħmula mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), tal-Artikolu 35(5) tal-Istatut tal-Ħaddiema. Il-qorti tar-rinviju tirrileva, qabelxejn, li stħarriġ tas-sena 2016 dwar ix-xogħol fi Spanja rrileva li 53.7 % tas-sahra mwettqa ma ġietx irreġistrata. Barra minn hekk, minn żewġ rapporti tad-Dirección General de Empleo de Empleo de Empleo y Seguridad Social (id-Direttorat Ġenerali għall-Impjieg tal-Ministeru tal-Impjiegi u tas-Sigurtà Soċjali, Spanja), tad-31 ta’ Lulju 2014 u tal-1 ta’ Marzu 2016, jirriżulta li huwa meħtieġ, sabiex jiġi ddeterminat jekk twettqitx sahra, li jkun magħruf in-numru eżatt ta’ sigħat maħduma b’mod normali. Dan jispjega għaliex l-Ispettorat tax-Xogħol talab lil Deutsche Bank jistabbilixxi sistema għar-reġistrazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ kull ħaddiem, minħabba li sistema bħal din hija meqjusa bħala l-uniku mod sabiex jiġi vverifikat il-qbiż li jista’ jkun hemm tal-limiti massimi previsti matul il-perijodu ta’ referenza. L-interpretazzjoni tad-dritt Spanjol mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) iċċaħħad, fil-prattika, minn naħa, lill-ħaddiema minn mezz ta’ prova essenzjali sabiex juru li l-ħin tax-xogħol tagħhom qabeż il-ħinijiet massimi tax-xogħol u, min-naħa l-oħra, lir-rappreżentanti tagħhom mill-mezzi meħtieġa sabiex jivverifikaw l-osservanza tar-regoli applikabbli f’dan il-qasam, b’mod li l-istħarriġ tal-osservanza tal-ħin tax-xogħol u tal-perijodi ta’ mistrieħ ikun jiddependi mir-rieda tajba tal-persuna li timpjega.

27      Skont il-qorti tar-rinviju, f’sitwazzjoni bħal din, id-dritt nazzjonali Spanjol ma huwiex f’pożizzjoni li jiżgura l-osservanza effettiva tal-obbligi previsti fid-Direttiva 2003/88 fir-rigward tal-perijodi minimi ta’ mistrieħ u l-ħin tax-xogħol massimu ta’ kull ġimgħa u, fir-rigward tad-drittijiet tar-rappreżentanti tal-ħaddiema, tal-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva 89/391.

28      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali, Spanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      Ir-Renju ta’ Spanja għandu jitqies li, permezz tal-Artikoli 34 u 35 tal-Istatut tal-Ħaddiema kif interpretati mill-ġurisprudenza [Spanjola], adotta l-miżuri neċessarji sabiex tiġi ggarantita l-effettività tal-limitazzjoni tal-ħin tax-xogħol u ta’ mistrieħ ta’ darba fil-ġimgħa u ta’ kuljum, prevista fl-Artikoli 3, 5 u 6 tad-Direttiva [2003/88], fir-rigward ta’ ħaddiema full-time li ma aċċettawx espressament, b’mod individwali jew kollettivament, li jaħdmu sigħat addizzjonali u li ma humiex ħaddiema mobbli, parti mill-flotta merkantili jew ħaddiema ferrovjarji?

(2)      L-Artikolu 31(2) tal-[Karta] u l-Artikoli 3, 5, 6, 16 u 22 tad-Direttiva [2003/88], moqrija flimkien mal-Artikolu 4(1), l-Artikolu 11(3) u l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva [89/391], għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-Artikoli 34 u 35 tal-Istatut tal-Ħaddiema, li minnha ma jistax jiġi dedott, kif tenfasizza ġurisprudenza [Spanjola] stabbilita, li l-impriż[i] huma obbligati jistabbilixxu sistema ta’ reġistrazzjoni tal-ħin tax-xogħol effettiv ta’ kuljum maħdum mill-ħaddiema full-time li ma aċċettawx espressament, b’mod individwali jew kollettivament, li jaħdmu sigħat addizzjonali u li ma humiex ħaddiema mobbli, parti mill-flotta merkantili jew ħaddiema ferrovjarji?

(3)      Għandu jitqies li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkluża fl-Artikoli 34 u 35 tal-Istatut tal-Ħaddiema, li minnha ma jistax jiġi dedott, kif tenfasizza ġurisprudenza [Spanjola] stabbilita, li l-impriż[i] huma obbligati jistabbilixxu sistema ta’ reġistrazzjoni tal-ħin tax-xogħol effettiv ta’ kuljum maħdum mill-ħaddiema full-time li ma aċċettawx espressament, b’mod individwali jew kollettivament, li jaħdmu sigħat addizzjonali u li ma humiex ħaddiema mobbli, parti mill-flotta merkantili jew ħaddiema ferrovjarji, tippermetti li jiġi ggarantit, fir-rigward ta’ ħaddiema ordinarji, l-obbligu, impost fuq l-Istati Membri fl-Artikolu 31(2) tal-[Karta] u fl-Artikoli 3, 54, 6, 16 u 22 tad-Direttiva [2003/88], moqrija flimkien mal-Artikolu 4(1), l-Artikolu 11(3) u l-Artikolu 16(3) tad-[Direttiva 89/391], li jillimitaw il-perijodu ta’ ħin tax-xogħol tal-ħaddiema kollha inġenerali?”

 Fuq id-domandi preliminari

29      Bid-domandi tagħha, li għandhom jitqiesu flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 3, 5, 6, 16 u 22 tad-Direttiva 2003/88, moqrija flimkien mal-Artikolu 4(1), l-Artikolu 11(3) u l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 89/391, kif ukoll l-Artikolu 31(2) tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati bħala li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, skont l-interpretazzjoni mogħtija lilha mill-ġurisprudenza nazzjonali, ma timponix fuq il-persuni li jimpjegaw l-obbligu li jistabbilixxu sistema li tippermetti l-kejl tal-ħin tax-xogħol ta’ kuljum imwettaq minn kull ħaddiem.

30      B’mod preliminari, għandu jitfakkar li d-dritt ta’ kull ħaddiem għal limitazzjoni tal-ħin massimu tax-xogħol u għal perijodi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa jikkostitwixxi mhux biss regola tad-dritt soċjali tal-Unjoni ta’ importanza partikolari, iżda huwa wkoll espressament stipulat fl-Artikolu 31(2) tal-Karta, li huwa rrikonoxxut mill-Artikolu 6(1) TUE bħala li għandu l-istess saħħa legali bħat-Trattati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et, C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punt 100, u tas-6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften, C‑684/16, EU:C:2018:874, punt 20).

31      Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/88, b’mod partikolari l-Artikoli 3, 5 u 6 tagħha, jispeċifikaw dan id-dritt fundamentali u għalhekk għandhom jiġu interpretati fid-dawl tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2014, A, C‑112/13, EU:C:2014:2195, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-6 ta’ Novembru 2018, Bauer u Willmeroth, C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:871, punt 85).

32      B’mod partikolari, sabiex jiġi żgurat ir-rispett tal-imsemmi dritt fundamentali, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/88 ma jistgħux jiġu interpretati b’mod restrittiv għad-detriment tad-drittijiet li l-ħaddiem jislet minnha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-6 ta’ Novembru 2018, Bauer u Willmeroth, C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:871, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa xieraq, sabiex tingħata risposta għad-domandi magħmula, li din id-direttiva tal-aħħar tiġi interpretata filwaqt li titqies l-importanza tad-dritt fundamentali ta’ kull ħaddiem għal limitazzjoni tal-ħin massimu tax-xogħol u għal perijodi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa.

34      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ċċarat mill-bidu li t-tieni u t-tielet domanda jirreferu, b’mod partikolari, għall-Artikolu 22 tad-Direttiva 2003/88, li l-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi li, fejn l-Istati Membri jagħmlu użu mill-possibbiltà li ma japplikawx l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, dwar il-ħin tax-xogħol massimu ta’ kull ġimgħa, huma għandhom, b’mod partikolari, jiżguraw, permezz tal-miżuri meħtieġa meħuda għal dan il-għan, li l-persuna li timpjega żżomm reġistri aġġornati tal-ħaddiema kollha kkonċernati u li dawn ir-reġistri jkunu disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti.

35      Madankollu, kif jirriżulta mit-trattazzjonijiet fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Renju ta’ Spanja ma użax din il-possibbiltà. Għalhekk, l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2003/88 ma huwiex applikabbli fil-kawża prinċipali u, konsegwentement, ma hemmx lok li jiġi interpretat f’dan il-każ.

36      Ladarba saret din il-preċiżazzjoni, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2003/88 għandha l-għan li tistabbilixxi rekwiżiti minimi intiżi sabiex itejbu l-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol tal-ħaddiema permezz ta’ armonizzazzjoni tar-regoli nazzjonali dwar, b’mod partikolari, it-tul tal-ħin tax-xogħol (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-26 ta’ Ġunju 2001, BECTU, C-173/99, EU:C:2001:356, punt 37; tal-10 ta’ Settembru 2015, Federación de Servicios Privados del sindicato Comisiones obreras, C-266/14, EU:C:2015:578, punt 23, u tal-20 ta’ Novembru 2018, Sindicatul Familia Constanţa et, C-147/17, EU:C:2018:926, punt 39).

37      Din l-armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol hija intiża sabiex tiggarantixxi protezzjoni aħjar tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema, billi tiżgura li dawn jibbenefikaw minn perijodi minimi ta’ mistrieħ – b’mod partikolari ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa – kif ukoll minn perijodi ta’ pawża xierqa, u billi tipprovdi limitu massimu għall-ħin tax-xogħol fil-ġimgħa (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et, C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punt 76; tal-25 ta’ Novembru 2010, Fuß, C‑429/09, EU:C:2010:717, point 43, u tal-10 ta’ Settembru 2015, Federación de Servicios Privados del sindicato Comisiones obreras, C‑266/14, EU:C:2015:578, punt 23).

38      B’hekk, l-Istati Membri huma marbuta, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 3 u 5 tad-Direttiva 2003/88, li jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex il-ħaddiema kollha jibbenefikaw minn perijodu minimu ta’ mistrieħ ta’ ħdax-il siegħa konsekuttiva għal kull perijodu ta’ erbgħa u għoxrin siegħa u, għal kull perijodu ta’ sebat ijiem, minn perijodu minimu ta’ mistrieħ mhux interrott ta’ erbgħa u għoxrin siegħa, minbarra l-ħdax-il siegħa ta’ mistrieħ ta’ kuljum previsti mill-imsemmi Artikolu 3 (sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C‑484/04, EU:C:2006:526, punt 37).

39      Barra minn hekk, l-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88 jirrikjedi li l-Istati Membri jipprovdu limitu massimu ta’ 48 siegħa għall-ħin tax-xogħol medju fil-ġimgħa, limitu massimu li fir-rigward tiegħu huwa speċifikat espressament li jinkludi s-sahra, u li, apparti mis-suppożizzjoni mhux rilevanti għal dan il-każ, imsemmija fl-Artikolu 22(1) ta’ din id-direttiva, ma tistax issir deroga minnu, anki jekk bil-kunsens tal-ħaddiem ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2010, Fuß, C-429/09, EU:C:2010:717, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tad-Direttiva 2003/88, jeħtieġ għalhekk li l-Istati Membri jiżguraw l-osservanza ta’ dawn il-perijodi minimi ta’ mistrieħ u jipprekludu li jinqabeż il-ħin tax-xogħol massimu ta’ kull ġimgħa (sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2010, Fuß, C-243/09, EU:C:2010:609, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Ċertament, l-Artikoli 3 u 5 u kif ukoll l-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88 ma jiddeterminawx il-modalitajiet konkreti li permezz tagħhom l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-implimentazzjoni tad-drittijiet li dawn jipprevedu. Kif jirriżulta mill-kliem tagħhom stess, dawn id-dispożizzjonijiet jafdaw lill-Istati Membri l-kompitu li jadottaw dawn il-modalitajiet, billi jieħdu l-“miżuri meħtieġa” għal dan il-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2001, BECTU, C-173/99, EU:C:2001:356, punt 55).

42      Għalkemm l-Istati Membri għandhom għalhekk marġni ta’ diskrezzjoni għal dan il-għan, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, fid-dawl tal-għan essenzjali mfittex mid-Direttiva 2003/88, li huwa dak li tiġi ggarantita protezzjoni effettiva tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol tal-ħaddiema kif ukoll protezzjoni ikbar tas-sigurtà u tas-saħħa tagħhom, dawn huma marbuta li jiggarantixxu li l-effett utli ta’ dawn id-drittijiet jiġi żgurat b’mod sħiħ, billi jippermettu li dawn il-ħaddiema jibbenefikaw b’mod effettiv mill-perijodi minimi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa u mil-limitu massimu tal-ħin tax-xogħol medju fil-ġimgħa previsti minn din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ Diċembru 2005, Dellas et, C‑14/04, EU:C:2005:728, punt 53; tas-7 ta’ Settembru 2006, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C-484/04, EU:C:2006:526, punti 39 u 40, u tal-14 ta’ Ottubru 2010, Fuß, C‑243/09, EU:C:2010:609, punt 64).

43      Minn dan isegwi li l-modalitajiet iddefiniti mill-Istati Membri sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tad-Direttiva 2003/88 ma għandhomx ikunu jistgħu jċaħħdu lid-drittijiet stipulati fl-Artikolu 31(2) tal-Karta u fl-Artikoli 3 u 5 u kif ukoll fl-Artikolu 6(b) ta’ din id-direttiva mis-sustanza tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C-484/04, EU:C:2006:526, punt 44).

44      F’dan ir-rigward, wieħed għandu jfakkar li l-ħaddiem għandu jitqies bħala l-parti l-iktar dgħajfa fir-relazzjoni tax-xogħol, b’tali mod li huwa neċessarju li l-persuna li timpjega tiġi prekluża milli jkollha l-possibbiltà li timponi fuqu restrizzjoni fuq id-drittijiet tiegħu (sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et, C-397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punt 82; tal-25 ta’ Novembru 2010, Fuß, C‑429/09, EU:C:2010:717, punt 80, u tas-6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wisenschaften, C‑684/16, EU:C:2018:874, punt 41).

45      Bl-istess mod, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni ta’ dgħufija, ħaddiem jista’ jiġi skoraġġut milli jinvoka espliċitament id-drittijiet tiegħu fir-rigward tal-persuna li timpjegah, b’mod partikolari meta t-talba għal dawn tista’ tesponih għal miżuri meħuda minn din tal-aħħar ta’ natura li jaffettwaw ir-relazzjoni tax-xogħol għad-detriment ta’ dan il-ħaddiem (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Novembru 2010, Fuß, C‑429/09, EU:C:2010:717, punt 81, u tas-6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften, C‑684/16, EU:C:2018:874, punt 41).

46      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet ġenerali li huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk, u sa liema punt, l-istabbiliment ta’ sistema għall-kejl tat-tul tal-ħin tax-xogħol ta’ kuljum imwettaq minn kull ħaddiem huwiex meħtieġ sabiex tiġi żgurata l-osservanza effettiva tal-ħin tax-xogħol massimu ta’ kull ġimgħa u tal-perijodi minimi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa.

47      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, kif jindika l-Avukat Ġenerali fil-punti 57 u 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, fl-assenza ta’ sistema bħal din, ma huwiex possibbli li jiġi ddeterminat b’mod oġġettiv u affidabbli la n-numru ta’ sigħat hekk maħduma mill-ħaddiem u d-distribuzzjoni tagħhom fuq tul ta’ żmien u lanqas in-numru ta’ sigħat maħduma lil hinn mis-sigħat normali tax-xogħol, bħala sahra.

48      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher eċċessivament diffiċli, jekk mhux impossibbli fil-prattika, li l-ħaddiema jinforzaw id-drittijiet mogħtija lilhom mill-Artikolu 31(2) tal-Karta u mid-Direttiva 2003/88, bil-ħsieb tat-tgawdija effettiva tal-limitazzjoni tal-ħin tax-xogħol fil-ġimgħa u tal-perijodi minimi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa previsti minn din id-direttiva.

49      Fil-fatt, id-determinazzjoni oġġettiva u affidabbli tan-numru ta’ sigħat ta’ ħidma ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa hija essenzjali sabiex jiġi stabbilit, minn naħa, jekk il-ħin massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa kif iddefinit fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/88 u inkluż fih, skont din id-dispożizzjoni, is-sahra ġiex osservat matul il-perijodu ta’ referenza msemmi fl-Artikolu 16(b) jew l-Artikolu 19 ta’ din id-direttiva u, min-naħa l-oħra, jekk il-perijodi minimi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa, iddefiniti fl-Artikoli 3 u 5 tal-imsemmija direttiva, rispettivament, ġewx osservati matul kull perijodu ta’ 24 siegħa fir-rigward tal-mistrieħ ta’ kuljum jew matul il-perijodu ta’ referenza msemmi fl-Artikolu 16(a) tal-istess direttiva fir-rigward tal-mistrieħ ta’ kull ġimgħa.

50      Fid-dawl tal-fatt li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 40 u 41 ta’ din is-sentenza, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw l-osservanza tal-perijodi minimi ta’ mistrieħ u sabiex jipprekludu kwalunkwe qbiż tal-ħin tax-xogħol massimu ta’ kull ġimgħa sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tad-Direttiva 2003/88, leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprovdix għall-obbligu li jintuża strument li jippermetti determinazzjoni oġġettiva u affidabbli tan-numru ta’ sigħat tax-xogħol ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa ma tkunx tista’ tiggarantixxi, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, l-effett utli tad-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 31(2) tal-Karta u minn din id-direttiva, sa fejn din iċċaħħad kemm lill-persuni li jimpjegaw u kif ukoll lill-ħaddiema mill-possibbiltà li jivverifikaw jekk dawn id-drittijiet humiex qed jiġu rrispettati u tista’ għalhekk timmina l-għan tal-imsemmija direttiva li tiżgura protezzjoni aħjar tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema.

51      F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti li l-ħin massimu ta’ xogħol ta’ kull ġimgħa miżmum, f’dan il-każ, mid-dritt Spanjol huwa, kif isostni l-gvern Spanjol, iktar favorevoli għall-ħaddiem minn dak previst fl-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88. Fil-fatt, kif barra minn hekk enfasizza dan l-istess gvern, xorta waħda jibqa’ l-fatt li d-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati fil-qasam jipparteċipaw fit-traspożizzjoni fid-dritt intern tal-imsemmija direttiva, li tagħha l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-osservanza billi jadottaw il-modalitajiet meħtieġa għal dan il-għan. Minbarra dan, fl-assenza ta’ sistema għall-kejl tat-tul tal-ħin tax-xogħol ta’ kuljum imwettaq, jibqa’ diffiċli, jekk mhux impossibbli fil-prattika, li ħaddiem jiżgura l-osservanza effettiva tal-ħin tax-xogħol massimu ta’ kull ġimgħa, irrispettivament mit-tul ta’ dan il-ħin.

52      Din id-diffikultà ma hija bl-ebda mod mitigata mill-obbligu għall-persuni li jimpjegaw, fi Spanja, li jistabbilixxu, skont l-Artikolu 35 tal-Istatut tal-Ħaddiema, sistema ta’ reġistrazzjoni tas-sahra maħduma mill-impjegati li jkunu taw il-kunsens tagħhom f’dan ir-rigward. Fil-fatt, il-klassifikazzjoni ta’ sigħat bħala “saħra” timplika li t-tul tal-ħin tax-xogħol ta’ kull ħaddiem ikkonċernat ikun magħruf, u għalhekk imkejjel minn qabel. Għalhekk, l-obbligu li jiġu rreġistrati biss is-sigħat ta’ sahra maħduma ma jipprovdix lill-ħaddiema mezz effettiv li jiżgura, minn naħa waħda, li l-ħin massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa stipulat mid-Direttiva 2003/88, li jinkludi s-sahra, ma jinqabiżx u, min-naħa l-oħra, li l-perijodi ta’ mistrieħ minimi ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa previsti minn din id-direttiva jiġu osservati fiċ-ċirkustanzi kollha. Fi kwalunkwe każ, dan l-obbligu ma jagħmilhiex possibbli li tiġi rrimedjata l-assenza ta’ sistema li, fil-każ ta’ ħaddiema li ma jkunux qablu li jaħdmu sigħat ta’ sahra, tista’ tiggarantixxi l-osservanza effettiva tar-regoli dwar, b’mod partikolari, il-ħin tax-xogħol massimu ta’ kull ġimgħa.

53      Ċertament, jirriżulta, f’dan il-każ, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, li, kif Deutsche Bank u l-Gvern Spanjol isostnu, meta ma jkunx hemm sistema li tippermetti l-kejl tat-tul tal-ħin tax-xogħol, ħaddiem jista’, skont ir-regoli proċedurali Spanjoli, juża mezzi oħra ta’ prova, bħal, b’mod partikolari, depożizzjonijiet, il-produzzjoni ta’ posta elettronika jew il-konsultazzjoni ta’ telefons ċellulari jew ta’ kompjuters, sabiex jipprovdi l-indikazzjoni ta’ ksur ta’ dawn id-drittijiet u b’hekk jinverti l-oneru tal-prova.

54      Madankollu, għall-kuntrarju ta’ sistema li tkejjel it-tul ta’ ħin tax-xogħol ta’ kuljum maħdum, tali mezzi ta’ prova ma jippermettux stabbiliment oġġettiv u affidabbli tan-numru tas-sigħat ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa maħduma mill-ħaddiem.

55      B’mod partikolari, għandu jiġi enfasizzat li, fid-dawl tas-sitwazzjoni ta’ dgħufija tal-ħaddiem fir-relazzjoni tax-xogħol, il-prova permezz tax-xhieda ma tistax titqies, waħidha, bħala mezz effettiv ta’ prova li jista’ jiggarantixxi rispett effettiv tad-drittijiet inkwistjoni, peress li jista’ jkun li l-ħaddiema ma jkunux komdi jixhdu kontra l-persuna li timpjegahom minħabba l-biża’ li din tal-aħħar tieħu miżuri ta’ natura li jaffettwaw ir-relazzjoni tax-xogħol għad-detriment tagħhom.

56      Mill-banda l-oħra, sistema li tista’ tkejjel it-tul tal-ħin tax-xogħol ta’ kuljum tal-ħaddiema tagħtihom mezz partikolarment effettiv sabiex jiksbu b’mod faċli data oġġettiva u affidabbli dwar il-ħin effettiv tax-xogħol maħdum minnhom u hija, b’hekk, ta’ natura li tiffaċilita kemm il-prova minn dawn il-ħaddiema ta’ ksur tad-drittijiet mogħtija lilhom mill-Artikoli 3 u 5 u mill-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88, li jispeċifikaw id-dritt fundamentali stipulat fl-Artikolu 31(2) tal-Karta, kif ukoll il-kontroll mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tar-rispett effettiv ta’ dawn id-drittijiet.

57      Lanqas ma jista’ jitqies li d-diffikultajiet li jirriżultaw mill-assenza ta’ sistema li tkejjel it-tul tal-ħin tax-xogħol ta’ kuljum maħdum minn kull ħaddiem jistgħu jingħelbu permezz tas-setgħat ta’ investigazzjoni u ta’ sanzjoni mogħtija mil-leġiżlazzjoni nazzjonali lill-korpi ta’ kontroll, bħal pereżempju l-ispezzjoni tax-xogħol. Fil-fatt, fl-assenza ta’ tali sistema, dawn l-awtoritajiet huma, huma stess, imċaħħda minn mezz effettiv sabiex jiksbu l-aċċess għal data oġġettiva u affidabbli dwar it-tul tal-ħin tax-xogħol maħdum mill-ħaddiema f’kull impriża, li jirriżulta neċessarju sabiex jeżerċitaw il-ħidma ta’ kontroll tagħhom u, fejn applikabbli, jimponu sanzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Worten, C‑342/12, EU:C:2013:355, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      Minn dan isegwi li, fl-assenza ta’ sistema li tippermetti l-kejl tal-ħin tax-xogħol ta’ kuljum maħdum minn kull ħaddiem, ma hemm l-ebda garanzija, kif jidher ukoll mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, imsemmija fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, li r-rispett effettiv tad-dritt għal limitazzjoni tat-tul massimu tal-ħin tax-xogħol u għal perijodi minimi ta’ mistrieħ, mogħtija mid-Direttiva 2003/88, jiġi żgurat b’mod sħiħ għall-ħaddiema, sa fejn tali rispett ikun tħalla fid-diskrezzjoni tal-persuna li timpjega.

59      Minkejja li huwa veru li r-responsabbiltà tal-persuna li timpjega fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet mogħtija mid-Direttiva 2003/88 ma tistax tkun mingħajr limiti, xorta waħda jibqa’ l-fatt li leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru li, skont l-interpretazzjoni mogħtija mill-ġurisprudenza nazzjonali, ma tirrikjedix li l-persuna li timpjega tkejjel it-tul tal-ħin tax-xogħol maħdum, tista’ ċċaħħad lid-drittijiet stipulati fl-Artikoli 3 u 5 u fl-Artikolu 6(b) ta’ din id-direttiva mis-sustanza tagħhom, billi ma tiżgurax lill-ħaddiema r-rispett effettiv tad-dritt għal limitazzjoni tal-ħin massimu tax-xogħol u għal perijodi minimi ta’ mistrieħ, u ma hijiex għalhekk konformi mal-għan imfittex mill-imsemmija direttiva, li tqis dawn ir-rekwiżiti minimi bħala indispensabbli għall-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, Il-Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit, C‑484/04, EU:C:2006:526, punti 43 u 44).

60      Konsegwentement, sabiex jiġi żgurat l-effett utli tad-drittijiet previsti mid-Direttiva 2003/88 u tad-dritt fundamentali stipulat fl-Artikolu 31(2) tal-Karta, l-Istati Membri għandhom jimponu fuq il-persuni li jimpjegaw l-obbligu li jistabbilixxu sistema oġġettiva, affidabbli u aċċessibbli li tippermetti l-kejl tat-tul tal-ħin tax-xogħol ta’ kuljum maħdum minn kull ħaddiem.

61      Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-għan tad-Direttiva 89/391. Kif jidher mill-Artikolu 1(2) u (4) tad-Direttiva 2003/88 u mill-premessa 3 tagħha u mill-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 89/391, din id-direttiva tal-aħħar hija applikabbli bis-sħiħ fil-qasam tal-perijodi minimi ta’ mistrieħ ta’ kuljum, ta’ mistrieħ fil-ġimgħa u tal-ħin massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa, mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet iktar vinkolanti u/jew speċifiċi li jinsabu fid-Direttiva 2003/88.

62      F’dan ir-rigward, l-istabbiliment ta’ sistema oġġettiva affidabbli u aċċessibbli li tippermetti l-kejl tat-tul tal-ħin tax-xogħol ta’ kuljum maħdum minn kull ħaddiem huwa parti mill-obbligu ġenerali, tal-Istati Membri u tal-persuni li jimpjegaw, previst fl-Artikolu 4(1) u fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 89/391, li jistabbilixxu organizzazzjoni u l-mezzi meħtieġa għall-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema. Barra minn hekk, sistema bħal din hija meħtieġa sabiex tippermetti lir-rappreżentanti tal-ħaddiema, b’funzjoni speċifika li jipproteġu s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema, jeżerċitaw id-dritt tagħhom, previst fl-Artikolu 11(3) ta’ din id-direttiva, li jitolbu lill-persuna li timpjega tieħu miżuri xierqa u li jissottomettulha proposti.

63      Minkejja dan, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, huma l-Istati Membri, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-marġni ta’ diskrezzjoni għad-dispożizzjoni tagħhom f’dak ir-rigward, li għandhom jiddefinixxu, kif l-Avukat Ġenerali indika fil-punti 85 sa 88 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-modalitajiet konkreti ta’ implimentazzjoni ta’ tali sistema, b’mod partikolari l-forma li tali sistema għandu jkollha, u dan filwaqt li jitqiesu, fejn applikabbli, il-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull settur ta’ attività kkonċernat, jew tal-ispeċifiċitajiet ta’ ċerti impriżi, b’mod partikolari d-daqs tagħhom, u dan mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2003/88, li jippermetti lill-Istati Membri, fl-osservanza tal-prinċipji ġenerali ta’ protezzjoni tas-sigurtà u ta’ saħħa tal-ħaddiema, jidderogaw, b’mod partikolari, mill-Artikoli 3 sa 6 ta’ din id-direttiva, fejn it-tul tal-ħin tax-xogħol, minħabba l-karatteristiċi partikolari tal-attività mwettqa, ma jkunx imkejjel u/jew predeterminat jew jista’ jiġi ddeterminat mill-ħaddiema nnifishom.

64      Il-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq ma jistgħux jiġu mminati mill-fatt li ċerti dispożizzjonijiet speċifiċi tad-dritt tal-Unjoni relatati mas-settur tat-trasport, bħal, b’mod partikolari, l-Artikolu 9(b) tad-Direttiva 2002/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2002 dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 224), u l-klawżola 12 tal-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 2014/112/UE tal-19 ta’ Diċembru 2014 li timplimenta l-Ftehim Ewropew dwar ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol fit-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni konklużi mill-Unjoni tan-Navigazzjoni Interna (EBU), l-Organizzazzjoni Ewropea tal-Kaptani (ESO) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) (ĠU 2014, L 367, p. 86), jipprovdu b’mod espliċitu għall-obbligu li jiġi rreġistrat il-ħin tax-xogħol tal-ħaddiema koperti minn dawn id-dispożizzjonijiet.

65      Fil-fatt, jekk l-eżistenza ta’ ħtieġa partikolari għall-protezzjoni setgħet wasslet lil-leġiżlatur tal-Unjoni jipprovdi b’mod espliċitu għal tali obbligu fir-rigward ta’ ċerti kategoriji ta’ ħaddiema, obbligu simili, li jikkonsisti fl-istabbiliment ta’ sistema oġġettiva, affidabbli u aċċessibbli li tippermetti l-kejl tat-tul tal-ħin tax-xogħol ta’ kuljum maħdum, huwa applikabbli b’mod iktar ġenerali għall-ħaddiema kollha, sabiex jiġi żgurat l-effett utli tad-Direttiva 2003/88 u sabiex titqies l-importanza tad-dritt fundamentali stipulat fl-Artikolu 31(2) tal-Karta, invokata fil-punt 30 ta’ din is-sentenza.

66      Barra minn hekk, fir-rigward tal-ispejjeż, enfasizzati mill-Gvern Spanjol u mill-Gvern tar-Renju Unit, li l-istabbiliment ta’ tali sistema jista’ jimplika għall-persuni li jimpjegaw, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-premessa 4 tad-Direttiva 2003/88, il-protezzjoni effettiva tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema ma tistax tiġi ssubordinata għal kunsiderazzjonijiet purament ekonomiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Ġunju 2001, BECTU, C‑173/99, EU:C:2001:356, punt 59, u tad-9 ta’ Settembru 2003, Jaeger, C‑151/02, EU:C:2003:437, punti 66 u 67).

67      Barra minn hekk, kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punt 84 tal-konklużjonijiet tiegħu, la Deutsche Bank u lanqas il-Gvern Spanjol ma identifikaw b’mod preċiż u konkret, f’dan il-każ, l-ostakoli prattiċi li jistgħu jimpedixxu lill-persuni li jimpjegaw milli jistabbilixxu, bi spiża raġonevoli, sistema li tippermetti l-kejl tal-ħin tax-xogħol ta’ kuljum maħdum minn kull ħaddiem.

68      Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu tal-Istati Membri, li jirriżulta minn direttiva, li jilħqu r-riżultat previst minnha u d-dmir tagħhom, skont l-Artikolu 4(3) TUE, li jieħdu l-miżuri kollha, ġenerali jew partikolari, adatti sabiex jiżguraw it-twettiq ta’ dan l-obbligu huma imposti fuq l-awtoritajiet kollha tal-Istati Membri, inklużi, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, l-awtoritajiet ġudizzjarji (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta’ April 2016, DI, C‑441/14, EU:C:2016:278, punt 30, u tat-13 ta’ Diċembru 2018, Hein, C‑385/17, EU:C:2018:1018, punt 49).

69      Minn dan isegwi li, meta japplikaw id-dritt nazzjonali, il-qrati nazzjonali mitluba jinterpretawh għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli kollha ta’ dan id-dritt u japplikaw il-metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnu sabiex dan jiġi interpretat, sa fejn possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan tad-direttiva inkwistjoni sabiex jintlaħaq ir-riżultat stabbilit minnha u b’hekk ikunu konformi mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE (sentenza tad-19 ta’ April 2016, DI, C‑441/14, EU:C:2016:278, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70      Ir-rekwiżit ta’ interpretazzjoni konformi jinkludi l-obbligu, għall-qrati nazzjonali, li jibdlu, fejn xieraq, ġurisprudenza stabbilita jekk din tkun ibbażata fuq interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li tkun inkompatibbli mal-għanijiet ta’ direttiva (sentenzi tad-19 ta’ April 2016, ID, C‑441/14, EU:C:2016:278, punt 33; tas-17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 72, u tal-11 ta’ Settembru 2018, IR, C‑68/17, EU:C:2018:696, punt 64).

71      Fid-dawl tal-premess, għad-domandi mressqa għandha tingħata r-risposta li l-Artikoli 3, 5 u 6 tad-Direttiva 2003/88, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 31(2) tal-Karta u tal-Artikolu 4(1), tal-Artikolu 11(3) u tal-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 89/391, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, skont l-interpretazzjoni mogħtija lilha mill-ġurisprudenza nazzjonali, ma timponix fuq il-persuni li jimpjegaw l-obbligu li jistabbilixxu sistema li tippermetti l-kejl tat-tul tal-ħin tax-xogħol ta’ kuljum maħdum minn kull ħaddiem.

 Fuq l-ispejjeż

72      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikoli 3, 5 u 6 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, moqrija fi-dawl tal-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 4(1), tal-Artikolu 11(3) u tal-Artikolu 16(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, skont l-interpretazzjoni mogħtija lilha mill-ġurisprudenza nazzjonali, ma timponix fuq il-persuni li jimpjegaw l-obbligu li jistabbilixxu sistema li tippermetti l-kejl tat-tul tal-ħin tax-xogħol ta’ kuljum maħdum minn kull ħaddiem.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.