Language of document : ECLI:EU:C:2013:105

Kawża C‑617/10

Åklagaren

vs

Hans Åkerberg Fransson

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Haparanda tingsrätt)

“Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Kamp ta’ applikazzjoni — Artikolu 51 — Implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni — Trażżin ta’ aġir li jikkawża ħsara fir-rigward ta’ riżors proprju tal-Unjoni — Artikolu 50 — Prinċipju ta’ ne bis in idem — Sistema nazzjonali li timplika żewġ proċeduri separati, amministrattivi u kriminali, sabiex jiġi ssanzjonat l-istess aġir imputabbli — Kompatibbiltà”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-26 ta’ Frar 2013

1.        Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Limiti — Talba għal interpretazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippreżenta element ta’ rabta mad-dritt tal-Unjoni — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

Artikolu 267 TFUE; Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 51(1))

2.        Drittijiet fundamentali — Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Kamp ta’ applikazzjoni — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippreżenta element ta’ rabta mad-dritt tal-Unjoni — Leġiżlazzjoni li tisssanzjona l-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni — Azzjoni tal-Istat Membru li ma hijiex interament iddeterminata minn dan id-dritt — Applikabbiltà tal-karta kif ukoll ta’ standards nazzjonali tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali

Artikolu 325 TFUE; Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 51(1); Direttiva tal-Kunsill 77/388, Artikoli 2 u 22, u 2006/112, Artikoli 2, 250(1) u 273)

3.        Drittijiet fundamentali — Prinċipju ta’ ne bis in idem — Kumulu ta’ sanzjonijiet kriminali u amministrattivi għall-istess aġir illegali — Evażjoni fiskali — Ksur tal-imsemmi prinċipju — Assenza

(Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; Artikolu 50)

4.        Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Limiti — Domandi ġenerali jew ipotetiċi — Domanda ta’ natura astratta u purament ipotetika fid-dawl tas-suġġett tal-kawża prinċipali — Inammissibbiltà

(Artikolu 267 TFUE)

5.        Drittijiet fundamentali — Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem — Relazzjoni bejn il-konvenzjoni u regola tad-dritt nazzjonali — Relazzjoni li ma tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni

(Artikolu 6(3) TUE; Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 52(3))

6.        Dritt tal-Unjoni Ewropea — Supremazija — Prassi ġudizzjarja li tirristrinġi l-obbligu li titħalla inapplikata dispożizzjoni li tikser il-karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Inammissibbiltà

(Artikolu 267 TFUE; Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea)

1.        Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea, fir-rigward tal-azzjoni tal-Istati Membri, huwa definit fl-Artikolu 51(1) ta’ din tal-aħħar, li jistabbilixxi li d-dispożizzjonijiet tal-Karta japplikaw għall-Istati Membri biss meta dawn ikunu qegħdin jimplementaw id-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, id-drittijiet fundamentali żgurati fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni għandhom japplikaw fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux lil hinn minn tali sitwazzjonijiet.

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tevalwa, fid-dawl tal-Karta, leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tifformax parti mill-qafas tad-dritt tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, ġaladarba tali leġiżlazzjoni nazzjonali tidħol fil-kamp tal-applikazzjoni ta’ dan id-dritt, il-Qorti tal-Ġustizzja, adita b’domanda preliminari, għandha tipprovdi l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni meħtieġa għall-evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali tal-konformità ta’ din il-leġiżlazzjoni mad-drittijiet fundamentali, li hija tiżgura r-rispett lejhom.

(ara l-punti 17 u 19)

2.        Meta qorti ta’ Stat Membru tintalab tistħarreġ il-konformità mad-drittijiet fundamentali ta’ dispożizzjoni jew ta’ miżura nazzjonali li, f’sitwazzjoni li fiha l-azzjoni tal-Istati Membri ma hijiex iddeterminata interament mid-dritt tal-Unjoni, timplementa dan id-dritt fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali jibqgħu fid-dritt li japplikaw standards nazzjonali ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ġaladarba din l-applikazzjoni ma tippreġudikax il-livell ta’ protezzjoni previst mill-Karta, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas is-supremazija, l-unità u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni. Għal dan l-għan, meta l-qrati nazzjonali jkunu qegħdin jinterpretaw dispożizzjonijiet tal-Karta, huma għandhom il-possibbiltà u, fejn xieraq, huma obbligati, li jressqu talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE.

Għalhekk, is-sanzjonijiet fiskali u l-azzjonijiet kriminali għall-frodi fiskali minħabba l-ineżattezza tal-informazzjoni pprovduta fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud jikkostitwixxu implementazzjoni tal-Artikoli 2, 250(1) u 273 tad-Direttiva 2006/112, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (preċedentement l-Artikoli 2 u 22 tas-Sitt Direttiva) u tal-Artikolu 325 TFUE u, għalhekk, tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Il-fatt li l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jservu bħala l-bażi għall-imsemmija sanzjonijiet fiskali u azzjonijiet kriminali ma ġewx adottati sabiex tiġi trasposta d-Direttiva 2006/112 ma jistax ikun ta’ natura li jikkontesta dik il-konklużjoni, peress li l-applikazzjoni tagħhom, iktar minn xejn, tissanzjona ksur tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva li hija intiża sabiex timplementa l-obbligu impost mit-Trattat fuq l-Istati Membri li jissanzjonaw b’mod effettiv l-aġir li jikkawża ħsara lill-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

(ara l-punti 27-30)

3.        Il-prinċipju ta’ ne bis in idem sanċit fl-Artikolu 50 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea ma jipprekludix lil Stat Membru milli jimponi suċċessivament, għall-istess fatti ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi dikjarattivi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud, sanzjoni fiskali u sanzjoni kriminali sakemm l-ewwel sanzjoni ma tkunx ta’ natura kriminali, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

Fil-fatt, sabiex jiġi żgurat il-ġbir tad-dħul kollu provenjenti mit-taxxa fuq il-valur miżjud u, b’hekk, il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom il-libertà li jagħżlu s-sanzjonijiet applikabbli. B’hekk dawn tal-aħħar jistgħu jkunu fil-forma ta’ sanzjonijiet amministrattivi, ta’ sanzjonijiet kriminali jew ta’ konglomerazzjoni tat-tnejn. Huwa biss meta s-sanzjoni fiskali tkun ta’ natura kriminali fis-sens tal-Artikolu 50 tal-Karta u meta din tkun saret definittiva li l-imsemmija dispożizzjoni tipprekludi t-teħid ta’ azzjonijiet kriminali kontra l-istess persuna għall-istess fatti.

Għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura kriminali tas-sanzjonijiet fiskali, jeżistu tliet kriterji li huma rilevanti. L-ewwel kriterju huwa dak dwar il-klassifikazzjoni legali tal-ksur fid-dritt nazzjonali, it-tieni huwa dak dwar in-natura stess tal-ksur u t-tielet wieħed huwa dwar in-natura u l-grad ta’ severità tas-sanzjoni li l-persuna kkonċernata tista’ ġġarrab.

(ara l-punti 34, 35, 37 u d-dispożittiv 1)

4.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 40-42)

5.        Id-dritt tal-Unjoni ma jirregolax ir-relazzjoni bejn il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri u lanqas ma jiddetermina l-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-qorti nazzjonali f’każ ta’ kunflitt bejn id-drittijiet żgurati minn din il-konvenzjoni u regola ta’ dritt nazzjonali.

Fil-fatt, għalkemm, kif jikkonferma l-Artikolu 6(3) TUE, id-drittijiet fundamentali rikonoxxuti mill-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem jiffurmaw parti mid-dritt tal-Unjoni bħala prinċipji ġenerali u għalkemm l-Artikolu 52(3) tal-Karta tal-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jimponi li d-drittijiet inklużi f’din tal-aħħar, li jikkorrispondu għad-drittijiet żgurati mill-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, għandhom jingħataw l-istess sens u l-istess portata mogħtija lilhom mill-istess konvenzjoni, din tal-aħħar ma tikkostitwixxix, sa fejn l-Unjoni ma adixxietx għaliha, strument formalment integrat fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

(ara l-punt 44, dispożittiv 2)

6.        Id-dritt tal-Unjoni jipprekludi prassi ġudizzjarja li tissuġġetta l-obbligu, tal-qorti nazzjonali, li ma tapplikax kull dispożizzjoni li tilledi xi dritt fundamentali żgurat mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għall-kundizzjoni li l-imsemmija leżjoni tkun tirriżulta b’mod ċar mit-test ta’ dik il-Karta jew mill-ġurisprudenza marbuta magħha, peress li din tirrifjuta lill-qorti nazzjonali s-setgħa li tevalwa b’mod sħiħ, u fejn ikun xieraq, bil-kooperazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kompatibbiltà tal-imsemmija dispożizzjoni ma’ dik l-istess Karta.

Fil-fatt, tali prassi għandha l-effett li tnaqqas l-effettività tad-dritt tal-Unjoni minħabba l-fatt li tirrifjuta lill-qorti kompetenti mill-applikazzjoni ta’ dan id-dritt is-setgħa li tagħmel, fil-mument stess ta’ din l-applikazzjoni, dak kollu li huwa neċessarju sabiex twarrab id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali li eventwalment jifformaw ostakolu għall-effettività sħiħa ta’ dawn ir-regoli tal-Unjoni hija inkompatibbli mar-rekwiżiti inerenti għan-natura stess tad-dritt tal-Unjoni.

(ara l-punti 46, 48 u d-dispożittiv 3)