Language of document : ECLI:EU:F:2016:77

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (It-Tielet Awla)

12 ta’ April 2016

Kawża F-135/15

Laurent Beiner

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Kompetizzjoni – Kundizzjonijiet għall-ammissjoni – Esperjenza professjonali – Deċiżjoni tal-Bord tal-Ġħażla li ma tammettix lir-rikorrent għall-kompetizzjoni – Żball manifest ta’ evalwazzjoni”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEFA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li bih Laurent Beiner talab, essenzjalment, l-annullament tad-deċiżjoni li ma jiġix ammess għall-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AST/130/14 (AST 3) organizzat għar-reklutaġġ ta’ assistenti fil-grad AST 3 fit-taqsima tal-bini.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud bħala, parzjalment, manifestament inammissibbli u, parzjalment, manifestament infondat. Laurent Beiner għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali – Att li jikkawża preġudizzju – Deċiżjoni adottata wara eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni preċedenti – Deċiżjoni adottata minn Bord tal-Għażla wara eżami mill-ġdid tal-fajl ta’ kandidat li jiġix ammess għall-kompetizzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90(2) u 91(1))

2.      Uffiċjali – Kompetizzjoni – Kompetizzjoni bbażata fuq kwalifiki u eżamijiet – Kundizzjonijiet għall-ammissjoni – Iffissar mill-avviż ta’ kompetizzjoni – Evalwazzjoni, mill-Bord tal-Għażla, tal-esperjenza professjonali tal-kandidati – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III, Artikoli 2 u 5)

1.      Meta kandidat li l-applikazzjoni tiegħu sabiex jiġi ammess għal kompetizzjoni tkun ġiet miċħuda jitlob l-eżami mill-ġdid ta’ din id-deċiżjoni fuq il-bażi ta’ dispożizzjoni preċiża li torbot lill-amministrazzjoni, hija d-deċiżjoni meħuda mill-Bord tal-Għażla wara eżami mill-ġdid li tikkostitwixxi l-att li jikkawża preġudizzju fis-sens tal-Artikolu 90(2), jew, jekk ikun il-każ, tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

Rikors ikun manifestament inammissibbli sa fejn ikun indirizzat kontra d-deċiżjoni inizjali.

(ara l-punti 21 u 33)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenzi tal-24 ta’ Settembru 2009, Brown vs Il-Kummissjoni, F-37/05, EU:F:2009:121, punt 28, u tal-4 ta’ Frar 2010, Wiame vs Il-Kummissjoni, F-15/08, EU:F:2010:7, punt 20

2.      Il-Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni għandu r-responsabbiltà li jevalwa, każ b’każ, jekk l-esperjenza professjonali ddikjarata minn kull kandidat tikkorrispondix għal-livell meħtieġ mill-avviż ta’ kompetizzjoni. Il-Bord tal-Għażla għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa, fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal dwar il-proċeduri tal-kompetizzjonijiet, f’dak li jikkonċerna kemm in-natura u t-tul tal-esperjenzi professjonali preċedenti tal-kandidati kif ukoll ir-rabta iktar jew inqas mill-qrib li dawn jistgħu jkollhom mal-ħtiġijiet tal-pożizzjoni li għandha timtela. B’hekk, fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jillimita ruħu li jivverifika li l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa ma kienx ivvizzjat minn żball manifest. Fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, il-qorti tal-Unjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni li huwa l-kandidat għal kompetizzjoni li għandu jipprovdi lill-Bord tal-Għażla bl-informazzjoni u bid-dokumenti kollha li huwa jqis utli għall-eżami tal-kandidatura tiegħu sabiex jippermetti lill-Bord tal-Għażla jivverifika jekk huwa jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-avviż ta’ kompetizzjoni, u dan a fortiori jekk huwa jkunx ġie mistieden jagħmel dan b’mod espress u formali. Il-Bord tal-Għażla, meta jiddeċiedi dwar l-ammissjoni jew l-esklużjoni tal-kandidati fil-kompetizzjoni, huwa għalhekk awtorizzat jillimita l-eżami tiegħu biss għall-atti tal-kandidatura u għad-dokumenti annessi magħhom.

Barra minn hekk, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa rrikonoxxuta lill-Bord tal-Għażla, sabiex jiġi stabbilit li huwa jkun wettaq żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti b’mod li jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni meħuda jippreżupponi li l-provi, li għandhom jitressqu mir-rikorrent, għandhom ikunu suffiċjenti sabiex iċaħħdu lill-evalwazzjonijiet magħmula mill-amministrazzjoni mill-plawżibbiltà tagħhom.

(ara l-punti 35 sa 38)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza tat-12 ta’ Lulju 1989, Belardinelli et vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, 225/87, EU:C:1989:309, punti 13 u 14

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 1996, AIUFFASS u AKT vs Il-Kummissjoni, T-380/94, EU:T:1996:195, punt 59 ; tat-13 ta’ Marzu 2002, Martínez Alarcón vs Il-Kummissjoni, T-357/00, T-361/00, T-363/00 u T-364/00, EU:T:2002:66, punt 76; tal-25 ta’ Marzu 2004, Petrich vs Il-Kummissjoni, T‑145/02, EU:T:2004:91, punt 37, u tat-12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il‑Kummissjoni, T-289/03, EU:T:2008:29, punt 221

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku; sentenzi tal-25 ta’ Novembru 2008, Iordanova vs Il-Kummissjoni, F-53/07, EU:F:2008:148, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-24 ta’ April 2013, Demeneix vs Il-Kummissjoni, F-96/12, EU:F:2013:52, punti 42 sa 45 u l-ġurisprudenza ċċitata