Language of document : ECLI:EU:F:2016:169

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA
(L-Ewwel Awla)

21 ta’ Lulju 2016

Kawża F‑136/15

HD

vs

Il‑Parlament Ewropew

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Remunerazzjoni – Allowances tal-familja – Allowance tal-edukazzjoni – Kundizzjonijiet għall-għoti – Artikolu 67(2) tar-Regolamenti tal-Persunal – Tnaqqis ta’ allowance tal-istess natura li rċeviet barra minn hekk – Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal – Irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a, li bih HD jitlob l-annullament tad-Deċiżjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Novembru 2014, li tirregolarizza s-sitwazzjoni tiegħu dwar il-benefiċċju tal-allowance tal-edukazzjoni, u tat-8 ta’ Diċembru 2014 li tirkupra l-ammonti li rċieva indebitament fuq din il-bażi, u, sa fejn hemm bżonn, l-annullament tad-Deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2015 li tiċħad l-ilmenti tiegħu.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali – Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel – Konkordanza bejn l-ilment u r-rikors – Motivi li ma jidhrux fl-ilment – Inammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(2))

2.      Uffiċjali – Irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament – Kundizzjonijiet – Irregolarità evidenti tal-ħlas – Kriterji

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 85)

1.      Ir-regola ta’ konkordanza bejn l-ilment fis-sens tal-Artikolu 91(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, u rikors sussegwenti tirrikjedi, taħt piena ta’ inammissibbiltà, li lment imqajjem quddiem il-qorti tal-Unjoni jkun diġà tqajjem fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża, sabiex l-Awtorità tal-Ħatra tkun f’pożizzjoni li tkun taf il-kritiki li l-parti kkonċernata tkun qed tagħmel kontra d-deċiżjoni kkontestata.

(ara l-punt 39)

Referenza lil:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenza tas-7 ta’ Lulju 2004, Schmitt vs AER, T‑175/03, EU:T:2004:214, point 42

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2013 Il‑Kummissjoni vs Moschonaki, T‑476/11 P, EU:T:2013:557, point 71

2.      Skont l-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal, sabiex somma li ngħatat indebitament tiġi rkuprata, huwa neċessarju li tiġi prodotta prova li l-benefiċjarju kien jaf li ma kien hemm l-ebda raġuni dovuta għall-pagament jew li l-fatt tal-ħlas żejjed kien tant evidenti li l-benefiċjarju ma setax ma jindunax bih.

L-espressjoni “tali [tant] evidenti”, li tikkaratterizza l-irregolarità tal-ħlas u li tidher fl-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal, ma tfissirx li l-uffiċjal li jibbenefika mill-pagamenti mhux dovuti huwa meħlus minn kull obbligu ta’ riflessjoni jew kontroll, iżda tfisser li dan l-irkupru huwa dovut minħabba li dan huwa żball li ma jaħrabx lil uffiċjal li huwa normalment diliġenti u li huwa mistenni li jkun jaf ir-regoli li jirregolaw is-salarju tiegħu.

L-Artikolu 85 tar-Regolamenti għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jirrigwardax il-kwistjoni jekk l-iżball kien evidenti jew le għall-amministrazzjoni, iżda jekk huwa kien għall-persuna kkonċernata. Fil-fatt, is-sitwazzjoni tal-amministrazzjoni inkarigata sabiex tiżgura l-ħlas ta’ eluf ta’ salarji u ta’ allowances diversi ma tistax titqabbel ma’ dik tal-uffiċjal, li għandu interess personali li jivverifika l-ħlasijiet li jitħallsu lilu kull xahar. Għaldaqstant, il-fatt li l-amministrazzjoni naqset milli tissuspendi l-ħlas tal-allowances tal-edukazzjoni ma tistax tbiddel il-konklużjoni li tgħid li l-uffiċjal ikkonċernat kien jaf jew seta’ kien jaf fuq din l-omissjoni u dan tal-aħħar ma setax jinvoka l-bona fide bil-għan li jkun liberat mill-obbligu li jħallas lura allowance rċevuta indebitament.

(ara l-punti 50 u 56 sa 58)

Referenza lil:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenzi tal-10 ta’ Frar 1994, White vs Il‑Kummissjoni, T‑107/92, EU:T:1994:17, punti 32, 33, 38 u 50; tas-27 ta’ Frar 1996, Galtieri vs Il‑Parlament, T‑235/94, EU:T:1996:22, punt 49 ; tas-17 ta’ Jannar 2001, Krauss vs Il‑Kummissjoni, T‑14/99, EU:T:2001:10, punti 36 sa 38, u tal-5 ta’ Novembru 2002, Ronsse vs Il‑Kummissjoni, T‑205/01, EU:T:2002:269, punti 45 u 46

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenza tas-27 ta’ Jannar 2016, DF vs Il‑Kummissjoni, T‑782/14 P, EU:T:2016:29, punti 25 u 26

(ċ) It-Tribunal għas-Servizz pubbliku: sentenza tad-9 ta’ Settembru 2008, Ritto vs Il‑Kummissjoni, F‑18/08, EU:F:2008:110, punt 40