Language of document :

Appell ippreżentat fis-7 ta’ Diċembru 2020 minn Gesamtverband Verkehrsgewerbe Niedersachsen eV (GVN) mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fil-5 ta’ Ottubru 2020 fil-Kawża T-583/18, GVN vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-666/20 P)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellant: Gesamtverband Verkehrsgewerbe Niedersachsen eV (GVN) (rappreżentant: C. Antweiler, Rechtsanwalt)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, Land Niedersachsen

Talbiet

tannulla l-punti 1 u 2 tad-dispożittiv tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Ottubru 2020, GVN vs Il-Kummissjoni (T-583/18, EU:T:2020:466);

fil-każ li l-appell jiġi ddikjarat fondat, tilqa’ t-talba magħmula fl-ewwel istanza, li kienet intiża għall-annnullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2018) 4385 final tat-12 ta’ Lulju 2018 li ma tqajjimx oġġezzjonijiet dwar il-miżura adottata mil-Land Niedersachsen skont l-Artikolu 7a tan-Niedersächsisches Nahverkehrsgesetz (il-Liġi dwar it-Trasport Lokali tan-Niedersächsen) [Każ SA.46538 (2017/NN)] 1 .

Aggravji u argumenti prinċipali

L-ewwel nett, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u wettqet irregolarità tal-proċedura, billi bl-ebda mod ma ħadet inkunsiderazzjoni l-argumenti tal-appellanti, li huma rilevanti għad-deċiżjoni, dwar il-kundizzjonijiet li fihom dawn il-Länder Ġermaniżi huma awtorizzati, skont l-Artikolu 64a tal-Personenbeförderungsgesetze (il-Liġi dwar it-Trasport ta’ Persuni, iktar ’il quddiem il-“PBefG”), li jissostitwixxu din l-istess liġi bid-dritt tal-Land.

It-tieni nett, l-appellanti ssostni li hemm diversi ksur tad-dritt tal-Unjoni.

L-ewwel, id-dritt tal-Unjoni nkiser peress li, fil-punt 36 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li bejn il-partijiet huwa paċifiku li l-leġiżlatur Ġermaniż, permezz tal-Artikolu 45a tal-PBefG u permezz tat-tielet sentenza tal-Artikolu 8(4) tal-PBefG, kien eskluda l-kumpens relatat mat-trasport pubbliku ta’ persuni li għandhom abbonamenti għal ċaqliq marbut mat-taħriġ tagħhom mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70 2 . B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma kkomunikatx lill-Kummissjoni la l-Artikolu 45a tal-PBefG u lanqas it-tielet sentenza tal-Artikolu 8(4) tal-PBefG skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 1370/2007.

Minbarra dan, jeżisti ksur tad-dritt tal-Unjoni, peress li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 40 tas-sentenza appellata, aċċettat illegalment li l-leġiżlatur jista’, skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 1370/2007, jeskludi mhux biss regoli dwar kumpens finanzjarju għall-obbligi tas-servizz pubbliku għat-trasport ta’ studenti u ta’ apprendisti mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament, iżda sempliċement jirrestrinġi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-esklużjoni wkoll fis-sens li jista’ jirrevedi tali deċiżjoni, sabiex tali kumpens jerġa’ jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1370/2007. Fil-fatt, ir-reviżjoni meqjusa bħala ammissibbli mill-Qorti Ġenerali tikkostitwixxi actus contrarius għad-deċiżjoni skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 1370/2007; għalhekk hija suġġetta għall-istess kundizzjonijiet formali ta’ effettività li hawnhekk, minħabba nuqqas ta’ komunikazzjoni tar-reviżjoni lill-Kummissjoni, ma humiex issodisfatti.

Fl-aħħar nett, jeżisti ksur tad-dritt tal-Unjoni – jiġifieri tal-Artikolu 107 TFUE u tal-Artikolu 108(3) TFUE – sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, fir-rigward tat-tieni motiv, abbażi tal-Artikolu 7(a) tan-Niedersächsischen Nahverkehrsgesetz (il-Liġi dwar it-Trasport Lokali tal-Land Niedersächsischenm iktar ’il quddiem in-“NNVG“) li l-Land Niedersachsen ma kienx ipprovda għajnuna mill-Istat lill-impriżi, minkejja li l-impriżi muniċipali kollha kienu kisbu r-riżorsi finanzjarji kollha li l-Land Niedersachsen kien jipprovdi lill-awtoritajiet muniċipali. B’kuntrast mal-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, ma huwiex possibbli li ssir distinzjoni bejn l-attività tal-awtoritajiet tat-trasport pubbliku inkwantu awtoritajiet pubbliċi, minn naħa, u l-attività ekonomika tagħhom bħala azzjonisti fl-impriżi ta’ trasport ikkontrollati minnhom, min-naħa l-oħra.

____________

1     ĠU 2018, C 292, p. 1.

2     ĠU 2007. L 315, p. 1.