Language of document : ECLI:EU:F:2013:194

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

11 ta’ Diċembru 2013

Kawża F‑15/10

Carlos Andres et

vs

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)

“Servizz pubbliku — Persunal tal-BĊE — Riforma tal-iskema ta’ previdenza — Iffriżar tal-pjan ta’ pensjoni — Implementazzjoni tal-iskema ta’ pensjonijiet — Konsultazzjoni tal-Kumitat ta’ Sorveljanza — Konsultazzjoni tal-Kumitat tal-Persunal — Konsultazzjoni tal-Kunsill Ġenerali — Konsultazzjoni tal-Kunsill Regolatorju — Evalwazzjoni triennali tal-pjan ta’ pensjoni — Ksur tal-kundizzjonijiet tal-impjieg — Żball manifest ta’ evalwazzjoni — Prinċipju ta’ proporzjonalità — Drittijiet miksuba — Prinċipju ta’ ċertezza legali u ta’ prevedibbiltà — Dmir ta’ informazzjoni”

Suġġett:      Rikors ippreżentat bis-saħħa tal-Artikolu 36.2 tal-Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, anness mat-Trattat UE u mat-Trattat FUE, li permezz tiegħu C. Andres u 168 rikorrent ieħor jitolbu essenzjalment, minn naħa, l-annullament tar-rendikont ta’ remunerazzjoni tagħhom tax-xahar ta’ Ġunju 2009 sa fejn dan ir-rendikont jikkostitwixxi l-ewwel implementazzjoni, fir-rigward tagħhom, tar-riforma tal-iskema ta’ previdenza tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) deċiża fl‑4 ta’ Mejju 2009 kif ukoll l-annullament tar-rendikonti ta’ remunerazzjoni sussegwenti kollha u tar-rendikonti ta’ pensjoni futuri kollha u, min-naħa l-oħra, il-kundanna tal-BĊE għall-ħlas tad-differenza bejn ir-remunerazzjoni jew il-pensjoni li kienu jirċievu bis-saħħa tal-iskema ta’ previdenza preċedenti u r-remunerazzjoni jew il-pensjoni li jirriżultaw mill-iskema ta’ previdenza l-ġdida kif ukoll għall-ħlas għad-danni għad-dannu li huma jqisu li sofrew minħabba t-tnaqqis tas-setgħa ta’ akkwist tagħhom.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. C. Andres u l-168 rikorrent ieħor li isimhom jinsabu fl-anness għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom u huma kkundannati jbatu l-ispejjeż esposti mill-Bank Ċentrali Ewropew.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew — Rappreżentanza — Kumitat ta’ Sorveljanza tal-pjan ta’ pensjoni — Konsultazzjoni obbligatorja — Portata — Riforma tal-iskema ta’ previdenza — Inklużjoni — Limiti

(Kundizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, Anness III, Artikolu 2.2)

2.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew — Rappreżentanza — Kumitat ta’ Sorveljanza tal-pjan ta’ pensjoni — Konsultazzjoni obbligatorja — Portata — Obbligu li tiġi pprovduta l-informazzjoni rilevanti kollha lill-Kumitat — Limiti — Dokumenti preparatorji interni u minuti tal-laqgħat tal-korpi ta’ deċiżjoni — Esklużjoni

(Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikolu 10.4; Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikolu 23.1)

3.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew — Rappreżentanza — Kumitat tal-Persunal — Konsultazzjoni obbligatorja — Portata — Raġuni

(Kundizzjonijiet tal-Impjieg tal-Persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikoli 48 u 49)

4.      Bank Ċentrali Ewropew — Bord Eżekuttiv — Laqgħat — Konvokazzjoni — Obbligu tal-President tal-Bank li jsejjaħ laqgħa sabiex tiġi diskussa ittra tal-Kumitat tal-Persunal tal-Bank — Assenza

(Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikolu 6; Regoli tal-Proċedura tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikolu 4)

5.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew — Pensjonijiet — Finanzjament tal-iskema tal-pensjoni — Obbligu tal-Kunsill Regolatorju li jtaffi d-defiċit strutturali tal-pjan ta’ pensjoni billi jħallas kontribuzzjonijiet supplimentari mill-attivi ġenerali tal-Bank — Assenza

(Kundizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, Anness III, Artikoli 5.1, 6.3 u 6.6)

6.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew — Pensjonijiet — Finanzjament tal-iskema tal-pensjoni — Modalitajiet ta’ żamma tal-bilanċ attwarjali tal-iskema ta’ previdenza tal-Bank — Iffissar — Setgħa diskrezzjonali tal-Kunsill Regolatorju — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti — Riforma tal-iskema ta’ previdenza li tagħti lok għal konsegwenzi differenti fir-rigward ta’ kontribuzzjonijiet għall-membri tal-persunal u għall-Bank — Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità — Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Anness XII; Kundizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, Anness III(a), Artikolu 23)

7.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew — Natura tar-rabta ta’ impjieg — Kuntrattwali u mhux skont ir-Regolamenti tal-Persunal — Modifika tal-kundizzjonijiet tal-impjieg fir-rigward tal-pjan ta’ pensjoni tal-Bank mill-Kunsill Regolatorju — Obbligu li jinkiseb il-ftehim minn qabel tal-membri tal-persunal ikkonċernati — Assenza

(Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikolu 36.1; Kundizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikoli 9(a) u 10(a), u Anness III; Direttiva tal-Kunsill 91/533, Artikolu 2(2)(j)(i))

8.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew — Pensjonijiet — Sostituzzjoni tal-pjan ta’ pensjoni bi skema tal-pensjoni — Tneħħija tad-dritt għall-pensjoni antiċipata mingħajr tnaqqis mill-età ta’ 60 sena — Applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet il-ġodda għall-membri tal-persunal li għadhom ma laħqux din l-età fid-data tad-dħul fis-seħħ tar-riforma — Ksur tal-prinċipju taż-żamma tad-drittijiet miskuba — Assenza — Eżistenza ta’ dritt għaż-żamma tal-fatturi l-qodma ta’ konverżjoni ta’ pensjoni — Assenza

(Kundizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, Anness III, Artikolu 11.1 u 11.5)

9.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew — Pensjonijiet — Sostituzzjoni tal-pjan ta’ pensjoni l-qadim tal-Bank bi skema ta’ previdenza — Introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet inqas favorevoli — Ammissibbiltà — Kundizzjoni — Implementazzjoni ta’ perijodu tranżitorju ta’ tul suffiċjenti

(Kundizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, Anness III, Artikolu 6.3)

1.      Peress li l-kompiti tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-Bank Ċentrali Ewropew jikkonċernaw biss il-funzjonament tal-pjan ta’ pensjoni u mhux it-tfassil tiegħu, l-imsemmi kumitat jista’ biss joħroġ opinjonijiet b’rabta ma’ aspetti li jmissu l-funzjonament ġenerali tal-pjan ta’ pensjoni u ma għandu ebda kompetenza biex joħroġ opinjonijiet dwar l-emendi kkunsidrati mill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward tal-iskema ta’ previdenza b’mod ġenerali. Għalhekk, ma jkunx hemm ksur tal-kompetenzi tal-Kumitat ta’ Sorveljanza jekk il-konsultazzjoni tiegħu tkun limitata għall-parti tar-riforma li tikkonċerna ffriżar tal-pjan ta’ pensjoni.

F’dan ir-rigward, jekk il-Bank Ċentrali Ewropew għandu dmir ta’ premura meta jadotta att ta’ portata ġenerali fir-rigward tal-membri tal-persunal tiegħu, dan id-dmir madankollu ma jistax iġiegħel lill-amministrazzjoni tmur kontra l-portata tad-dispożizzjonijiet applikabbli. B’hekk, għalkemm huwa minnu li la l-ex Anness III tal-Kundizzjonijiet tal-impjieg u lanqas il-mandat tal-Kumitat ta’ Sorveljanza ma jipprojbixxu espressament il-konsultazzjoni tal-imsemmi kumitat dwar l-emendi kkunsidrati fil-kuntest tar-riforma tal-iskema ta’ previdenza, xorta jibqa’ l-fatt, minn naħa, li dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprevedux l-obbligu li tali konsultazzjoni titwettaq u, min-naħa l-oħra, li l-Kumitat ta’ Sorveljanza għandu biss id-dritt li joħroġ opinjonijiet dwar kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-funzjonament ġenerali tal-pjan ta’ pensjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bank ma jistax jiġi akkużat talli ma ħax inkunsiderazzjoni l-interess tal-persunal billi ddeċieda li ma jikkonsultax il-Kumitat ta’ Sorveljanza fuq l-istabbiliment tal-iskema ta’ pensjonijiet.

(ara l-punti 141, 143, 146, 147)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 15 ta’ Diċembru 2010, Saracco vs BĊE, F‑66/09, punt 106; 29 ta’ Settembru 2011, Angé Serrano vs Il‑Parlament, F‑9/07, punt 89

2.      L-obbligu ta’ konsultazzjoni li għandu l-Bank Ċentrali Ewropew fil-kuntest ta’ riforma tal-iskema ta’ previdenza tiegħu jimplika li huwa għandu jipprovdi lill-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-pjan ta’ pensjoni l-informazzjoni rilevanti matul il-proċedura ta’ konsultazzjoni, fejn l-għan huwa li l-imsemmi kumitat ikun jista’ jipparteċipa fil-proċess ta’ konsultazzjoni bl-iktar mod komplet u effettiv possibbli. Biex jagħmel dan, l-informazzjoni rilevanti ġdida kollha għandha tiġi pprovduta lilu mill-Bank sal-aħħar mument tal-imsemmi proċess.

Minn dan l-obbligu huma esklużi d-dokumenti preparatorji interni li għalihom, bħala prinċipju l-Bank għandu d-dritt li jirrifjuta l-aċċess lil korpi li ma humiex il-korpi ta’ deċiżjoni tiegħu. L-istess jgħodd għad-dokumenti preparatorji tal-laqgħat miżmuma mill-Kunsill Regolatorju, il-Bord Eżekuttiv u l-Kunsill Ġenerali, kif ukoll il-preżentazzjonijiet bil-projector magħmula f’dawn il-laqgħat. Barra minn hekk, fir-rigward tal-minuti tal-laqgħat miżmuma mill-Kunsill Regolatorju, il-Bord Eżekuttiv u l-Kunsill Ġenerali, konformement mal-Artikolu 10.4 tal-Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew u mal-Artikolu 23.1 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank, il-laqgħat tal-korpi ta’ deċiżjoni tal-Bank huma kunfidenzjali sakemm il-Kunsill Regolatorju jawtorizza lill-President tal-Bank biex jippubblika r-riżultat tad-dibattiti tagħhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bank ma għandux l-obbligu li jikkomunikahom b’inizjattiva tiegħu stess lill-Kumitat ta’ Sorveljanza.

(ara l-punti 153, 154, 157, 164 u 220)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 10 ta’ Settembru 2009, Akavan Erityisalojen Keskusliitto AEK et, C‑44/08, punt 53

3.      Il-konsultazzjoni tal-Kumitat tal-Persunal tinkludi biss id-dritt ta’ smigħ. Anki jekk il-konsultazzjoni minn qabel tal-imsemmi kumitat tikkostitwixxi element essenzjali tad-djalogu soċjali, inkwantu tippermetti lill-kumitat li jipparteċipa effettivament, f’ċerti materji li jolqtu l-interessi tal-persunal, fil-proċess deċiżjonali, xorta jibqa’ l-fatt li din hija forma ta’ parteċipazzjoni modesta għal teħid ta’ deċiżjoni sa fejn hija ma tinvolvix l-obbligu għall-amministrazzjoni li tagħti segwitu għall-osservazzjonijiet ifformulati mill-Kumitat tal-Persunal fil-kuntest tal-konsultazzjoni tiegħu. B’hekk, sakemm ma jkollhiex l-intenzjoni li tippreġudika l-effettività tal-obbligu ta’ konsultazzjoni tal-imsemmi kumitat, l-amministrazzjoni għandha tosserva dan l-obbligu strettament meta l-konsultazzjoni tal-Kumitat tal-Persunal tkun tali li tista’ teżerċita influwenza fuq il-kontenut tal-att li għandu jiġi adottat.

Għalhekk, id-dritt tal-Kumitat tal-Persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew li jiġi kkonsultat ma jimplikax l-assigurazzjoni li jinfluwenza l-proċess deċiżjonali, peress li l-Bank ma għandux l-obbligu li jsegwi l-fehmiet espressi mill-korp ikkonsultat. F’dan ir-rigward, ir-risposta għall-kwistjoni dwar jekk il-proċedura ta’ konsultazzjoni naqsitx jew le minn effettività għaldaqstant ma tiddependix min-numru jew mill-kontenut tal-emendi miġjuba mill-Bank, fuq it-talba tal-Kumitat tal-Persunal, għall-proposta ta’ riforma inizjali tiegħu, iżda mill-possibbiltajiet reali li ġew offerti lill-imsemmi kumitat sabiex jesprimi ruħu utilment fuq il-proposti tal-Bank u li jeżamina soluzzjonijiet oħra kkunsidrati.

(ara l-punti 191, 192)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 20 ta’ Novembru 2003, Cerafogli u Poloni vs BĊE, T‑63/02, punt 23, u l-ġurisprudenza ċċitata

4.      Il-President tal-Bank Ċentrali Ewropew ma għandu ebda obbligu li jieħu miżuri, inkluża s-sejħa ta’ laqgħa tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank, sabiex ittra mill-Kumitat tal-Persunal titressaq quddiem il-membri tal-Bord Eżekuttiv u quddiem il-membri tal-Kunsill Regolatorju. Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li, konformement mal-Artikolu 6 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank, il-President ta’ dan tal-aħħar jista’ jsejjaħ laqgħat tal-Bord Eżekuttiv meta huwa jqis li dan huwa neċessarju u li l-Artikolu 4 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bord Eżekuttiv jipprevedi l-possibbiltà għall-Bord Eżekuttiv li jieħu deċiżjonijiet permezz ta’ telekonferenza, xorta jibqa’ l-fatt li huwa l-President li għandu jevalwa n-neċessità li jsejjaħ tali laqgħa tal-Bord Eżekuttiv jew li jorganizza telekonferenza.

(ara l-punt 241)

5.      Konformement mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, l-adozzjoni tal-miżuri li l-Bank Ċentrali Ewropew iqis li huma xierqa sabiex itaffi d-defiċit strutturali tal-pjan ta’ pensjoni tiegħu taqa’ taħt ir-responsabbiltà tiegħu.

Madankollu, għalkemm huwa minnu li l-Artikolu 6.3 tal-ex Anness III tal-Kundizzjonijiet tal-impjieg tal-Bank jipprevedi li dan tal-aħħar għandu jħallas mill-attivi ġenerali tiegħu l-kontribuzzjonijiet supplimentari li l-Kunsill Regolatorju, fuq parir attwarjali, iqis xieraq, meta l-imsemmi kunsill iqis li ma huwiex xieraq li fil-futur jibqa’ fis-seħħ l-obbligu għall-Bank li jħallas kontribuzzjonijiet supplimentari għall-pjan, il-Bank ma għandux l-obbligu li jwettaq tali ħlas. Bl-istess mod, ma jistax jiġi validament sostnut li l-Bank Ċentrali Ewropew missu stabbilixxa mill-ġdid l-ekwilibriju finanzjarju tal-pjan permezz taż-żieda fil-kontribuzzjonijiet regolari tiegħu, bis-saħħa tal-Artikolu 6.6 tal-ex Anness III tal-Kundizzjonijiet tal-impjieg. Fil-fatt, mill-kliem innifsu ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li tali deċiżjoni taqa’ taħt id-diskrezzjoni sħiħa tal-Kunsill Regolatorju.

Barra minn hekk, il-Kunsill Regolatorju fi kwalunkwe mument għandu d-dritt li jtemm il-kontribuzzjonijiet tal-Bank u l-pjan ta’ pensjoni nnifsu, konformement mal-Artikolu 5.1 u mal-Artikolu 6.6 tal-ex Anness III tal-Kundizzjonijiet tal-impjieg. A fortiori huwa għandu wkoll id-dritt li jieħu deċiżjonijiet wisq inqas drastiċi, bħar-rifjut li jħallas kontribuzzjonijiet supplimentari jew kontribuzzjonijiet regolari inkrementati.

(ara l-punti 268, 269, 271 u 272)

6.      Il-bilanċ attwarjali tal-iskema ta’ pensjonijiet tal-uffiċjali tal-Unjoni, li tiegħu l-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal jiddefinixxi l-modalitajiet, jassumi t-teħid inkunsiderazzjoni, fit-tul, tal-iżviluppi ekonomiċi u ta’ elementi varjabbli finanzjarji u jirrikjedi t-twettiq ta’ kalkoli statistiċi kumplessi. Huwa għalhekk li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jistabbilixxi l-modalitajiet tal-bilanċ attwarjali tal-imsemmija skema ta’ previdenza. L-istess għandu japplika għad-dispożittiv regolatorju stabbilit mill-Kunsill Regolatorju tal-Bank Ċentrali Ewropew, fejn dan tal-aħħar għandu wkoll setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jiggarantixxi l-bilanċ attwarjali tal-iskema ta’ previdenza applikabbli għall-membri tal-persunal tal-Bank. Madankollu, fir-rigward tal-qasam fejn il-leġiżlatur għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa, l-istħarriġ ta’ proporzjonalità huwa limitat għall-eżami tas-sempliċi natura manifestament mhux xierqa tal-miżura inkwistjoni fir-rigward tal-għan li l-istituzzjoni kompetenti hija inkarigata li ssegwi.

F’dan ir-rigward, is-sempliċi fatt li l-konsegwenzi tar-riforma huma differenti fejn jidħlu kontribuzzjonijiet għall-membri tal-persunal u għall-Bank, fil-kapaċità tiegħu bħala persuna li timpjega, ma jippermettix, waħdu, li jiġi stabbilit ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li l-ex Anness III tal-Kundizzjonijiet tal-impjieg bl-ebda mod ma imponew fuq il-Bank li jħallas awtomatikament kontribuzzjonijiet supplimentari bil-għan li jiġi kkanċellat defiċit eventwali tal-pjan ta’ pensjoni, fejn tali ħlas huwa barra minn hekk suġġett għall-kunsens tal-Kunsill Regolatorju, li qies li għandu jiġi ffriżat il-pjan u li għandu jiġi ssostitwit bl-iskema tal-pensjoni.

(ara l-punti 315 sa 318 u 321)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 11 ta’ Lulju 2007, Wils vs Il‑Parlament, F‑105/05, punti 70, 72 u 73

7.      Għalkemm ir-relazzjonijiet tax-xogħol bejn il-Bank u l-persunal tiegħu huma ta’ natura kuntrattwali, mill-Artikolu 9(a) tal-imsemmija Kundizzjonijiet tal‑impjieg jirriżulta wkoll li dawn ir-relazzjonijiet huma rregolati minn kuntratti tax-xogħol konklużi b’konformità mal-imsemmija Kundizzjonijiet tal-impjieg. Għalhekk il-kliem tal-imsemmija Kundizzjonijiet tal-impjieg, u tal-ex Anness III tagħhom dwar l-iskema ta’ previdenza tal-Bank, jagħmlu parti mill-kuntratti tax-xogħol tal-persunal. F’dan ir-rigward, il-Kundizzjonijiet tal-impjieg ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala ftehimiet kollettivi fis-sens tal-Artikolu 2(2)(j)(i) tad-Direttiva 91/533, dwar l-obbligazzjoni ta’ min iħaddem li jgħarraf lill-ħaddiema bil-kundizzjonijiet applikabbli għall-kuntratt jew għar-relazzjoni tal-impjieg, peress li huma ġew adottati unilateralment mill-Kunsill Regolatorju waħdu fl-eżerċizzju tas-setgħa regolatorja ddevoluta lilu mill-Artikolu 36.1 tal-Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew u ma kinux suġġetti għal negozjati bejn il-membri tal-persunal u l-istituzzjoni.

B’hekk, ġaladarba l-kuntratti tax-xogħol huma konklużi b’konformità mal-Kundizzjonijiet tal-impjieg, skont l-imsemmi Artikolu 9(a), isegwi li, billi kkontraffirmaw l-ittra ta’ impjieg prevista fl-Artikolu 10(a) tal-Kundizzjonijiet tal-impjieg, il-membri tal-persunal jaderixxu mal-kundizzjonijiet tal-impjieg mingħajr ma jkunu jistgħu jinnegozjaw ebda mill-elementi b’mod individwali. Il-qbil ta’ intenzjonijiet għalhekk jirriżulta li huwa parzjalment limitat għall-aċċettazzjoni tad-drittijiet u tal-obbligi previsti mill-Kundizzjonijiet tal-impjieg. Dawn il-kuntratti tax-xogħol huma b’mod kunsiderevoli skont ir-Regolamenti tal-Persunal u, diġà fl-istadju tal-konklużjoni tagħhom, l-awtonomija tal-intenzjoni tal-membri tal-persunal futuri hija żgħira ħafna. Ċertament, il-kuntratti jistgħu jinkludu elementi oħra aċċettati mill-membru tal-persunal ikkonċernat fi tmiem ta’ diskussjonijiet li jikkonċernaw, pereżempju, il-karatteristiċi essenzjali tal-kompiti fdati lilu. Madankollu, l-eżistenza ta’ elementi bħal dawn ma tipprekludix, fiha nnifisha, lill-korpi ta’ tmexxija tal-Bank, milli jeżerċitaw is-setgħa diskrezzjonali li għandhom sabiex jimplementaw il-miżuri li jimplikaw l-obbligi ta’ interess ġenerali li jirriżultaw mill-missjoni partikolari fdata lill-Bank. Dawn il-korpi jistgħu għaldaqstant jiġu mġiegħla, sabiex jissodisfaw tali rekwiżiti tas-servizz, u, b’mod partikolari, sabiex jippermettulu jadatta ruħu għal bżonnijiet ġodda, jieħu deċiżjonijiet jew miżuri unilaterali li jistgħu jbiddlu, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratti tax-xogħol. Minn dan jirriżulta li, fl-eżerċizzju ta’ din is-setgħa, il-korpi tat-tmexxija tal-Bank ma jinsabu bl-ebda mod f’sitwazzjoni li hija distinta minn dik tal-korpi ta’ tmexxija tal-organi u istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni fir-relazzjonijiet tagħhom mal-membri tal-persunal tagħhom.

Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet tal-Kundizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, kif ukoll dawk tal-ex Anness III dwar il-pjan ta’ pensjoni, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala kundizzjonijiet intanġibbli tar-relazzjoni ta’ xogħol bejn il-Bank u l-persunal tagħha, b’tali mod li l-Bank Ċentrali Ewropew huwa legalment inkapaċi li jemendahom mingħajr il-kunsens tal-persunal tiegħu, u li, billi aġixxa b’dan il-mod, il-Bank kiser il-kundizzjonijiet fundamentali tal-kuntratt ta’ xogħol tagħhom.

(ara l-punti 373 sa 375 u 377 sa 380)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 14 ta’ Ottubru 2004, Pflugradt vs BĊE, C‑409/02 P, punti 34 sa 37, 49 u 53

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 18 ta’ Ottubru 2001, X vs BĊE, T‑333/99, punt 61

8.      Uffiċjal jista’ jinvoka dritt miksub biss jekk il-fatt li jiġġenera d-dritt tiegħu jirriżulta taħt il-qafas tar-Regolamenti tal-Persunal li jippreċedi l-emenda li saret lil dawn ir-regolamenti u li jikkontesta permezz tar-rikors tiegħu.

Fir-rigward ta’ riforma tal-Kundizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew li tinkludi l-emenda tal-ex Anness III tal-imsemmija kundizzjonijiet biex jiġi ffriżat il-pjan ta’ pensjoni tal-Bank u s-sostituzzjoni tal-imsemmi pjan permezz ta’ skema ta’ previdenza ġdida, jiġifieri l-iskema tal-pensjonijiet, fir-rigward tad-dritt miksub ta’ membru tal-imsemmi persunal li jirtira mill-età ta’ 60 sena mingħajr tnaqqis tal-benefiċċji skont l-Artikoli 11.1 u 11.5 tal-imsemmi ex Anness III, minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li huwa l-fatt li membru jilħaq l-età ta’ 60 sena li jikkostitwixxi l-fatt li jiġġenera d-dritt u li jippermettilu jitlob il-likwidazzjoni immedjata tad-drittijiet tiegħu għall-pensjoni u l-ħlas tal-benefiċċji mingħajr ma jbati minn ebda tnaqqis tagħhom. Konsegwentement, membru tal-persunal tal-Bank li ma laħaqx din l-età fid-data tad-dħul fis-seħħ tar-riforma f’din id-data għandu biss dritt fi proċess li jinkiseb u ma għandu ebda dritt miksub fil-mument tal-likwidazzjoni tad-dritt għall-pensjoni tiegħu mingħajr tnaqqis tal-benefiċċji.

Barra minn hekk, peress li teżisti distinzjoni ċara bejn l-iffissar tad-dritt għall-pensjoni u l-ħlas tal-benefiċċji li jirriżultaw minnu, id-drittijiet miksuba f’termini ta’ ffissar ta’ pensjoni ma jinkisrux meta tibdiliet li seħħew fl-ammonti effettivament imħallsa jirriżultaw minn interazzjoni tal-fatturi ta’ konverżjoni, fejn dawn il-bidliet ma jippreġudikawx id-dritt għall-pensjoni nnifsu. Fil-fatt, il-fatturi ta’ konverżjoni ta’ pensjoni ma jagħmlux parti mid-drittijiet għall-pensjoni nnifishom, iżda jikkostitwixxu strument li jiżgura li l-benefiċċji ta’ pensjoni jiġu kkalkolati mit-tabelli ta’ mortalità aġġornati. Issa, peress li l-fatturi ta’ konverżjoni huma bbażati, b’mod partikolari, fuq tabelli ta’ mortalità, aġġornament regolari huwa imperattiv sabiex jiġu riflessi l-previżjonijiet fil-qasam tal-aspettattivi ta’ għajxien. Konsegwentement, membru tal-persunal tal-Bank ma jistax jibbenefika minn dritt miksub għaż-żamma tal-fatturi ta’ konverżjoni ta’ pensjoni applikati hekk kif kienu fis-seħħ qabel id-dħul fis-seħħ tar-riforma, u lanqas mil-likwidazzjoni, meta jasal il-mument, tad-drittijiet tiegħu għall-pensjoni għall-perijodi mwettqa fil-kuntest tal-pjan iffriżat, b’mod partikolari skont l-imsemmija fatturi.

(ara l-punti 385 sa 387, 389 u 390)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 11 ta’ Marzu 1982, Grogan vs Il‑Kummissjoni, 127/80, punti 14 u 15

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 29 ta’ Novembru 2006, Campoli vs Il‑Kummissjoni, T‑135/05, punti 78 u 80; 11 ta’ Lulju 2007, Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni, T‑58/05, punt 58, u l-ġurisprudenza ċċitata

9.      Fil-kuntest ta’ riforma tal-iskema tal-pensjoni tal-uffiċjali tal-Unjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu l-libertà li fi kwalunkwe mument jemenda r-Regolamenti tal-Persunal skont kif iqis li huwa konformi mal-interess tas-servizz u li jadotta, għall-futur, dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal li huma inqas favorevoli għall-uffiċjali kkonċernati, bil-kundizzjoni li jiffissa perijodu tranżitorju ta’ tul suffiċjenti biex jevita li l-modalitajiet ta’ likwidazzjoni tal-pensjonijiet hekk kif isiru applikabbli fl-età tal-irtirar jiġu emendati b’mod mhux mistenni. L-obbligu ta’ previżjoni ta’ perijodu ta’ tranżizzjoni xieraq japplika wkoll fil-każ fejn tiġi introdotta skema ta’ previdenza inqas favorevoli.

Riforma tal-iskema ta’ previdenza tal-membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew li tipprevedi li l-membri tal-persunal li bdew jaqdu l-funzjonijiet tagħhom qabel id-dħul fis-seħħ tal-emendi kif ukoll l-ex membri tal-persunal jibqgħu koperti mill-pjan il-qadim ta’ pensjoni għas-servizzi tagħhom mogħtija fil-kuntest tal-pjan qabel id-dħul fis-seħħ tar-riforma hija konformi ma’ dan l-obbligu. Bl-istess mod, konformement mal-Artikolu 6.3 tal-Anness III il-ġdid tal-Kundizzjonijiet tal-impjieg, il-Bank għandu l-obbligu li jiffinanzja kull defiċit eventwali marbut mal-passiv passat u futur li jikkorrispondi mas-servizzi mogħtija mill-membri fil-kuntest tal-pjan il-qadim ta’ pensjoni. Għaldaqstant ġie stabbilit perijodu ta’ tranżizzjoni li għandu jittawwal fiż-żmien sal-mument meta l-aħħar benefiċċju dovut taħt il-pjan il-qadim ikun tħallas u li matulu l-Bank jiggarantixxi l-ħlas tal-benefiċċji dovuti.

(ara l-punti 391 sa 394)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 17 ta’ Lulju 2008, Campoli vs Il‑Kummissjoni, C‑71/07 P, punt 74

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: Campoli vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 85 u 105