Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA
ippreżentati fil‑21 ta’ Marzu 2024 (1)
Kawża C‑793/22
Biohemp Concept SRL
vs
Direcţia pentru Agricultură Judeţeană Alba
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Alba Iulia (il-Qorti tal-Appell ta’ Alba Iulia, ir-Rumanija))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika agrikola komuni — Regolamenti (UE) Nru 1307/2013 u Nru 1308/2013 — Tkabbir tal-qanneb — Kunċett ta’ erja agrikola — Esklużjoni tal-art okkupata minn bini jew installazzjonijiet tal-biedja maħsuba għall-ħtiġijiet tal-produzzjoni agrikola — Projbizzjoni tat-tkabbir tal-qanneb b’sistemi idroponiċi fi spazji magħluqin — Żieda fil-livell tal-kannabidiol (CBD) fil-qanneb — Protezzjoni tas-saħħa pubblika”
1. It-tkabbir tal-qanneb huwa permess fil-qafas tal-Politika Agrikola Komuni (iktar ’il quddiem il-“PAK”) b’limitazzjonijiet maħsuba sabiex jiżguraw li jitħawlu biss varjetajiet li, minħabba l-livell baxx tagħhom ta’ kannabinojdi psikoattivi, ma jkunux adattati għall-manifattura ta’ kannabis u narkotiċi simili oħra.
2. F’dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ miżura adottata mill-awtoritajiet Rumeni li tipprevjeni t-tkabbir tal-qanneb fi spazji magħluqin u adattati għal dan b’sistema idroponika.
I. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
1. Ir-Regolament (UE) 1307/2013 (2)
3. Il-premessa 28 tipprovdi:
“Fir-rigward tal-qanneb, għandhom jinżammu miżuri speċifiċi biex ikun żgurat li prodotti tal-uċuħ tar-raba’ illegali ma jkunux jistgħu jinħbew qalb il-prodotti tal-uċuħ tar-raba’ eliġibbli għall-pagament bażiku, u b’hekk tintlaqat b’mod ħażin is-suq tal-qanneb. Għalhekk, il-pagamenti għandhom ikomplu jingħataw biss għal erjas miżrugħin b’varjetajiet ta’ qanneb li joffru ċerti garanziji fir-rigward tal-kontenut tiegħu ta’ sustanzi psikotropiċi”.
4. L-Artikolu 4 (“Definizzjonijiet u dispożizzjonijiet relatati”) jistipula:
“1. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
[…]
c) ‘attività agrikola’ tfisser:
i) il-produzzjoni, it-trobbija jew it-tkabbir ta’ prodotti agrikoli, inklużi l-ħsad, it-taħlib, it-trobbija tal-annimali u ż-żamma tal-annimali għall-finijiet ta’ biedja,
[…]
d) ‘prodotti agrikoli’ tfisser il-prodotti, bl-eċċezzjoni tal-prodotti tas-sajd, elenkati fl-Anness I għat-Trattati kif ukoll il-qoton;
e) ‘erja agrikola’ tfisser kull erja meħuda minn raba’ li jinħarat, bwar permanenti u mergħat permanenti, jew uċuħ tar-raba’ permanenti;
f) ‘raba’’ tfisser art li hija kkultivata għall-produzzjoni tal-uċuħ tar-raba’ jew erjas disponibbli għall-produzzjoni tal-uċuħ tar-raba’ iżda li hija mistrieħa, inklużi erjas mwarrba skont l-Artikoli 22, 23 u 24 tar-Regolament (KE) Nru 1257/1999, l-Artikolu 39 tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005 u l-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, irrispettivament jekk l-art tinsabx taħt serer jew taħt kopertura fissa jew mobbli;
[…]”.
5. L-Artikolu 32 (“Attivazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament”) jistabbilixxi:
“1. L-appoġġ skont l-iskema ta’ pagament bażiku għandu jingħata lill-bdiewa, permezz ta’ dikjarazzjoni skont l-Artikolu 33(1), mal-attivazzjoni ta’ dritt għall-pagament għal kull ettaru eliġibbli fl-Istat Membru fejn ikun ġie allokat. [...]
2. Għall-finijiet ta’ dan it-Titolu, ‘ettaru eliġibbli’ tfisser:
a) kull żona agrikola tal-impriża, inklużi erjas li ma kinux f’kondizzjoni agrikola tajba fit‑30 ta’ Ġunju 2003 fl-Istati Membri li aderixxew mal-Unjoni fl‑1 ta’ Mejju 2004 li mal-adeżjoni ddeċidew li japplikaw l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja, li tintuża għal attività agrikola jew, fejn l-erja tintuża wkoll għal attivitajiet mhux agrikoli, tintuża b’mod predominanti għal attivitajiet agrikoli; [...]
[…]
3. Għall-finijiet tal-punt (a) tal-paragrafu 2:
a) fejn erja agrikola ta’ impriża tintuża wkoll għal attivitajiet mhux agrikoli, dik iż-żona għandha titqies li għandha tintuża b’mod predominanti għal attivitajiet agrikoli bil-kondizzjoni li dawk l-attivitajiet agrikoli jkunu jistgħu jiġu eżerċitati mingħajr ma jkunu mfixklin b’mod sinifikanti mill-intensità, in-natura, it-tul ta’ żmien u l-waqt tal-attivitajiet mhux agrikoli;
b) l-Istati Membri jistgħu jfasslu lista ta’ erjas li jintużaw b’mod predominanti għall-attivitajiet mhux agrikoli.
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kriterji għall-implimentazzjoni ta’ dan il-paragrafu fit-territorju tagħhom.
4. L-erjas għandhom jitqiesu bħala ettari eliġibbli biss jekk ikunu konformi mad-definizzjoni ta’ ettaru eliġibbli tul is-sena kalendarja kollha, ħlief fil-każ ta’ force majeure jew ċirkostanzi eċċezzjonali.
[…]
L-erjas użati għall-produzzjoni tal-qanneb għandhom ikunu biss ettari eliġibbli jekk il-varjetajiet użati jkollhom kontenut ta’ tetraidrokannabinol ta’ mhux aktar minn 0.2 %”.
2. Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 (3)
6. Skont l-Artikolu 1 (“Kamp ta’ applikazzjoni”):
“1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq għall-prodotti agrikoli, li tfisser il-prodotti kollha elenkati fl-Anness I għat-Trattati bl-eċċezzjoni tal-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura kif definit fl-atti leġislattivi tal-Unjoni dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura.
2. Il-prodotti agrikoli kif iddefiniti fil-paragrafu 1 għandhom jinqasmu fis-setturi li ġejjin kif elenkati fil-partijiet rispettivi tal-Anness I:
[…]
h) kittien u qanneb, Parti VIII;
[…]”.
7. Fil-parti VIII tal-Anness I (“Lista ta’ prodotti msemmija fl-Artikolu 1(2)”), hemm “Qanneb veru (Cannabis sativa L.)” bil-kodiċi NM 5302.
8. L-Artikolu 189 (“Importazzjoni ta’ qanneb”) jistabbilixxi:
“1. Il-prodotti li ġejjin jistgħu jiġu importati fl-Unjoni, biss jekk jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:
a) qanneb veru, mhux maħdum, tal-Kodiċi NM 5302 10 00 li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 32(6) u fl-Artikolu 35(3) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013;
b) żrieragħ ta’ varjetajiet tal-qanneb, tal-Kodiċi NM ex 1207 99 20 għaż-żriegħ akkumpanjat bi prova li l-livell ta’ tetraidrokannabinol tal-varjetà kkonċernata mhuwiex ogħla minn dak iffissat skont l-Artikolu 32(6) u fl-Artikolu 35(3) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013;
c) żrieragħ tal-qanneb li mhumiex għaż-żriegħ, li jaqgħtu taħt il-kodiċi NM 1207 99 91 u importati biss minn importaturi awtorizzati mill-Istat Membru biex jiġi żgurat li dawn iż-żrieragħ ma jkunux maħsubin għaż-żriegħ.
2. Dan l-Artikolu għandu japplika mingħajr preġudizzju għal regoli aktar restrittivi adottati mill-Istati Membri f’konformità mat-TFUE u mal-obbligi skont il-Ftehim tad-WTO dwar l-Agrikoltura”.
B. Id-dritt Rumen
1. Il-Liġi 18/1991 dwar il-proprjetà immobbli (4)
9. L-Artikolu 2(a) tagħha jindika:
“Skont l-użu tagħhom, l-artijiet huma:
a) artijiet għal użu agrikolu:
– artijiet agrikoli produttivi – artijiet li jinħartu, il-vinji, il-ġonna b’siġar tal-frott, il-mixtliet ta’ dwieli ta’ siġar tal-frott, pjantaġġuni ta’ ħops u ta’ siġar taċ-ċawsli, bwar, mergħat, serer, serer fotovoltajċi, nebbieta u strutturi oħra simili;
– l-artijiet b’veġetazzjoni forestali, jekk dawn ma jifformawx parti minn żvilupp forestali, mergħat bis-siġar;
– l-artijiet okkupati minn bini, installazzjonijiet agro-żootekniċi, impjanti tal-akwakultura u ta’ titjib tal-artijiet, it-toroq tekniċi u ta’ użu agrikolu, il-pjattaformi u postijiet ta’ ħażna li jissodisfaw il-bżonnijiet tal-produzzjoni agrikola;
– l-artijiet mhux produttivi li jistgħu jiġu organizzati u użati għall-produzzjoni agrikola”.
2. Il-Liġi 339/2005 (5)
10. Skont l-Artikolu 12:
“(1) It-tkabbir tal-pjanti li jkun fihom sustanzi suġġetti għall-iskema stabbilita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali huwa permess biss jekk dawn jiġu pproċessati għal finijiet tekniċi, sabiex jinkisbu zkuk, fibri, żrieragħ u żjut maħsuba għal użi mediċi u xjentifiċi u biss bl-awtorizzazzjoni tal-Ministeru għall-Agrikoltura, għall-Forestrija u għall-Iżvilupp Rurali, maħruġa permezz tad-Direttorati Provinċjali tal-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali jew il-Muniċipalità ta’ Bukarest, fuq il-bażi ta’ stimi annwali stabbiliti skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 42(1)(e) ta’ din il-Liġi u fir-regolamenti ta’ implimentazzjoni.
[…]
(4) Il-bdiewa awtorizzati jkabbru l-kannabis u l-peprin jistgħu jiżirgħu l-art tagħhom biss b’żerriegħa minn varjetajiet irreġistrati fil-katalgu uffiċjali ta’ varjetajiet u ibridi ta’ pjanti tat-tkabbir fir-Rumanija jew fil-katalgi tal-Komunitajiet Ewropej, li jkunu ġew prodotti minn stabbilimenti awtorizzati mill-Ministeru għall-Agrikoltura, għall-Forestrija u għall-Iżvilupp Rurali, permezz tal-awtoritajiet territorjali ta’ kontroll u ċertifikazzjoni taż-żerriegħa”.
3. Ir-Regolament ta’ implimentazzjoni tal-Liġi 339/2005 (6)
11. L-Artikolu 4(5)(b) jindika:
“Għall-għoti tal-awtorizzazzjoni għat-tkabbir ta’ pjanti li fihom sustanzi narkotiċi u psikotropiċi sabiex jintużaw fl-industrija jew fl-ikel, fil-qasam xjentifiku jew tekniku jew sabiex jinkisbu żrieragħ, il-bdiewa għandhom jissottomettu applikazzjoni lid-Direttorati Provinċjali tal-Agrikoltura jew lill-Muniċipalità ta’ Bukarest […]. L-applikazzjoni għandha tkun akkumpanjata mid-dokumenti li ġejjin, oriġinali u kopja, skont l-iskop tal-awtorizzazzjoni:
[…]
b) titolu tal-proprjetà, atti jew ċertifikati tal-pussess jew dokumenti oħra li jagħtu prova tal-użu legali tal-erja tal-art agrikola;
[…]”.
II. Il-fatti, it-tilwima u d-domandi preliminari
12. Fl‑14 ta’ Jannar 2021, Biohemp Concept SRL (iktar ’il quddiem “Biohemp”) talbet lid-Direttorat Provinċjali tal-Agrikoltura ta’ Alba (iktar ’il quddiem l-“awtorità provinċjali”) għal awtorizzazzjoni sabiex tkabbar il-qanneb (Cannabis sativa L.) fuq erja ta’ 0.54 ettaru.
13. Fis‑27 ta’ Jannar 2021, l-awtorità provinċjali tat awtorizzazzjoni biss għall-erja ta’ 0.50 ettaru. Għall-kuntrarju, hija ċaħditha għall-erja li kien fadal ta’ 0.04 ettaru, minħabba li ma kinitx art agrikola, iżda pjuttost bini għal użu agrikolu li ma kienx jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 4(5)(b) tar-Regolament ta’ implimentazzjoni tal-Liġi 339/2005.
14. Biohemp ressqet oġġezzjoni kontra r-riżoluzzjoni tas‑27 ta’ Jannar 2021, li ġiet miċħuda mill-awtorità provinċjali fis‑17 ta’ Frar 2021.
15. Fit‑13 ta’ April 2021, Biohemp ippreżentat rikors quddiem it-Tribunalul Alba (il-Qorti ta’ Alba, ir-Rumanija), fejn talbet awtorizzazzjoni għall-erja kollha ta’ 0.54 ettaru.
16. Il-qorti tal-ewwel istanza ċaħdet ir-rikors ta’ Biohemp billi bbażat ruħha, essenzjalment, fuq argumenti relatati mal-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali (7).
17. Biohemp ippreżentat appell quddiem il-Curtea de Apel Alba Iulia (il-Qorti tal-Appell ta’ Alba Iulia, ir-Rumanija) li fih tenfasizza, bħala punti rilevanti, li fl-ispazju protett ta’ 400 m2 għandha l-intenzjoni li tkabbar, permezz ta’ sistema idroponika, il-qanneb b’kontenut awtorizzat ta’ tetraidrokannabinol (8) sa 0.2 %.
18. Biohemp tiddikjara, fuq l-istess linja, li t-tkabbir tal-qanneb fi spazji protetti jipproduċi pjanti b’kontenut ta’ kannabidiol (9) minn 12 sa 14 %, filwaqt li l-qanneb imkabbar f’għelieqi miftuħa (fuq art agrikola) ikollu kontenut taċ-CBD sa 1 %. Il-kumpanniji li jwettqu l-ipproċessar tal-qanneb jippreferu jixtru, b’mod partikolari, qanneb imkabbar fi spazji protetti, minħabba l-konċentrazzjoni ferm ogħla taċ-CBD.
19. Abbażi ta’ din l-informazzjoni, l-appell ippreżentat huwa bbażat fuq raġunijiet kemm ta’ dritt nazzjonali (10) kif ukoll ta’ dritt tal-Unjoni. Rigward dan tal-aħħar, minbarra l-ġurisprudenza ċċitata fih (11), Biohemp tindika li l-ebda regola tal-Unjoni ma teħtieġ li l-qanneb jitkabbar biss f’għelieqi miftuħa u għalhekk huwa permess li dan jiġi prodott fi spazji protetti, jiġifieri, f’serer bi klima kkontrollata, f’serer u simili. Billi tillimita l-kultivazzjoni tal-qanneb għal għelieqi miftuħa, l-awtorità provinċjali tiċħad ir-rikonoxximent lil industrija diġà aċċettata mill-Kummissjoni Ewropea u, għalhekk, tirrifjuta l-aċċess tal-bdiewa Rumeni għas-suq intern, bi ksur tat-TFUE.
20. L-awtorità provinċjali topponi t-talba ta’ Biohemp, billi ssostni wkoll argumenti bbażati kemm fuq id-dritt nazzjonali (12) kif ukoll fuq id-dritt tal-Unjoni. Dwar dawn tal-aħħar, fil-qosor, hija tipprovdi li:
– Il-qanneb b’kontenut ta’ THC ta’ inqas minn 0.2 %, imkabbar fir-Rumanija u ssorveljat mill-Ministeru għall-Agrikoltura u għall-Iżvilupp Rurali, huwa prodott imkabbar fl-għelieqi, li jirrispetta t-teknoloġija tat-tkabbir skont il-letteratura xjentifika, f’dawk il-postijiet li fihom il-ħtiġijiet tal-pjanta fir-rigward tal-klima u tal-art huma ggarantiti.
– Mill-proċedura A tat-teħid ta’ kampjuni sabiex jiġi ddeterminat il-kontenut ta’ THC, kif stabbilit fl-Anness III, punti 2.1 (“Kampjuni”) u 2.2 (“Teħid ta’ kampjuni”) tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 639/2014 (13), isegwi li t-tkabbir tal-qanneb isir fl-għalqa.
21. F’dan il-kuntest, il-Curtea de Apel Alba Iulia (il-Qorti tal-Appell ta’ Alba Iulia) għamlet id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“Ir-Regolamenti (UE) Nru 1307/2013 […] u (UE) Nru 1308/2013 […], kif ukoll l-Artikoli 35, 36 u 38 TFUE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali sa fejn din tipprojbixxi t-tkabbir tal-qanneb (Cannabis sativa) f’sistemi idroponiċi fi spazji magħluqin adattati għal dan?”
III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
22. It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑29 ta’ Diċembru 2022.
23. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvern Rumen u mill-Kummissjoni Ewropea (14). It-tnejn li huma, kif ukoll Biohemp, dehru fis-seduta li nżammet fil‑25 ta’ Jannar 2024.
IV. Evalwazzjoni
A. Ammissibbiltà
24. Il-Gvern Rumen isostni li d-domanda preliminari hija inammissibbli fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikoli 35 TFUE u 36 TFUE. Sabiex isostni l-oġġezzjoni tiegħu, huwa jiċċita l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar is-sitwazzjonijiet purament interni (15) u l-assenza, fid-deċiżjoni tar-rinviju, ta’ spjegazzjonijiet dwar ir-rabta taż-żewġ artikoli mal-kawża.
25. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-regola ġenerali hija li d-dispożizzjonijiet tat-TFUE fil-qasam tal-libertajiet fundamentali ma humiex applikabbli, bħala prinċipju, għal sitwazzjoni li fiha l-elementi kollha jkunu limitati għal Stat Membru wieħed (16). Madankollu, din ir-regola ġenerali għandha erba’ eċċezzjonijiet li fihom, anki fil-każ ta’ sitwazzjoni interna, tista’ tintalab l-interpretazzjoni tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni. Il-profili ta’ dawn l-eċċezzjonijiet huma stabbiliti fis-sentenza Ullens de Schooten (17), u ma huwiex meħtieġ li jiġu riprodotti issa.
26. Sabiex tiġi ffaċilitata l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-każ ta’ sitwazzjoni purament interna, il-Qorti tal-Ġustizzja titlob li d-deċiżjoni tar-rinviju turi l-elementi speċifiċi li jippermettu li tiġi stabbilita r-rabta bejn is-suġġett jew iċ-ċirkustanzi ta’ tilwima li fiha l-elementi kollha tagħha huma limitati għall-intern tal-Istat Membru u r-regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-interpretazzjoni tagħhom hija mitluba.
27. Għalhekk, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tindika b’liema mod, minkejja n-natura purament interna tagħha, it-tilwima tippreżenta element ta’ rabta mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-libertajiet fundamentali, li tagħmel neċessarju, sabiex tiġi solvuta, l-interpretazzjoni preliminari mitluba (18).
28. F’din il-kawża, fit-teorija, jistgħu jkunu affettwati l-libertà ta’ stabbiliment (il-leġiżlazzjoni Rumena tipprojbixxi l-eżerċizzju tal-attività ekonomika indipendenti ta’ bidwi tal-qanneb fi spazji magħluqa) u l-moviment liberu tal-merkanzija (Biohemp ma tkunx tista’ tipproduċi, f’dawk l-ispazji, qanneb għall-esportazzjoni lejn Stati Membri oħra fejn hemm domanda għal dan il-prodott).
29. Madankollu, id-digriet tar-rinviju ma jinkludi ebda raġunament rispettiv dwar il-ħtieġa ta’ interpretazzjoni tal-Artikoli 35 TFUE u 36 TFUE (u lanqas tal-Artikolu 49 TFUE, dwar il-libertà ta’ stabbiliment). Il-qorti tar-rinviju tillimita ruħha li ssemmi biss li Biohemp ssostni li kkonkludiet kuntratti ta’ bejgħ tal-qanneb tagħha ma’ kumpanniji tal-ipproċessar li jinsabu fi Stati Membri oħra.
30. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tipprovdi lill-qorti tar-rinviju interpretazzjoni tal-Artikoli 35 TFUE u 36 TFUE li tkun utli għas-soluzzjoni tat-tilwima (19) u d-domanda preliminari tirriżulta inammissibbli fir-rigward tagħhom.
31. Il-Gvern Rumen jinvoka wkoll l-istess inammissibbiltà fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 38 TFUE, iżda l-oġġezzjoni tiegħu ma tistax tiġi milqugħa.
32. L-Artikolu 38 TFUE huwa l-ewwel waħda mid-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju li jirregolaw il-PAK, li l-għanijiet tiegħu huma stipulati fl-Artikolu 39 TFUE. Iż-żewġ artikoli huma, kuntrarjament għal dawk imsemmija hawn fuq, rilevanti għal dan ir-rinviju, peress li jikkostitwixxu l-qafas ta’ referenza li fih għandhom jiġu interpretati r-Regolamenti Nru 1307/2013 u Nru 1308/2013, li huma s-suġġett tad-domanda tal-qorti tar-rinviju. Għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli tal-PAK, huwa irrilevanti li din hija sitwazzjoni purament interna.
33. Waqt is-seduta, Biohemp iddikjarat li kienet talbet awtorizzazzjoni għat-tkabbir tal-qanneb fuq erja ta’ 0.54 ettaru (20), iżda rrikonoxxiet li ma kinitx talbet il-pagament dirett previst fir-Regolament Nru 1307/2013.
34. Fil-preżenza ta’ din l-ammissjoni, għandu jiġi eżaminat jekk is-soluzzjoni tat-tilwima teħtieġx li l-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta, kif tixtieq il-qorti tar-rinviju, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1307/2013, li jistabbilixxi pagamenti diretti lill-bdiewa abbażi tal-iskemi ta’ appoġġ inklużi fil-qafas tal-PAK.
35. Bħala prinċipju, hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk id-domandi li tagħmel humiex neċessarji sabiex tiġi solvuta t-tilwima (21). Il-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, tista’ tiddikjarahom inammissibbli jekk tqis li huma ipotetiċi jew irrilevanti għal dan il-għan (22).
36. Il-leġiżlazzjoni Rumena teħtieġ awtorizzazzjoni sabiex jitħawwel il-qanneb minħabba li dan il-prodott fih, fi gradi li jvarjaw, sustanzi narkotiċi, li jistgħu jwasslu għall-produzzjoni ta’ drogi. Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1307/2013 ikunu japplikaw għall-awtorizzazzjoni jekk, simultanjament jew sussegwentement, Biohemp titlob il-pagament dirett għall-operat tagħha.
37. Għall-kuntrarju, jekk l-impriża li titlob awtorizzazzjoni għal tkabbir ma titlobx il-pagament dirett previst fir-Regolament Nru 1307/2013, jista’ jiġi argumentat li dan ir-regolament ma jkunx applikabbli u l-interpretazzjoni tiegħu ma tkun ta’ l-ebda utilità sabiex tiġi solvuta t-tilwima. Bħala prinċipju, għalhekk, ir-rinviju għad-deċiżjoni preliminari jkun inammissibbli fir-rigward tal-interpretazzjoni ta’ dan ir-regolament.
38. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tevita din id-dikjarazzjoni ta’ inammissibbiltà u tipprovdi lill-qorti tar-rinviju interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1307/2013, jekk tqis li teżisti rabta neċessarja bejn it-talba għal awtorizzazzjoni għat-tkabbir tal-qanneb u l-iskema sostantiva tal-imsemmi regolament.
39. Sabiex tintlaħaq din is-soluzzjoni, kif ser nispjega iktar tard, il-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-pagament dirett għall-produzzjoni tal-qanneb għandhom jitqiesu applikabbli għall-awtorizzazzjoni tat-tkabbir, anki jekk il-produttur ma jitlobx dan il-pagament, peress li hija pjanta b’varjetajiet xierqa għall-produzzjoni ta’ drogi, li t-tkabbir tagħha ma jistax isir b’mod liberu u mingħajr il-kontrolli tal-Amministrazzjoni.
40. Nammetti li ma huwiex faċli li din ir-rabta tiġi aċċettata, iżda, fil-fehma tiegħi, ma hemm l-ebda possibbiltà oħra sabiex id-domanda preliminari tiġi ddikjarata ammissibbli fir-rigward tal-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1307/2013. Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tasal għall-istess deċiżjoni, jiena ser nitkellem dwar dan ir-regolament.
41. Fi kwalunkwe każ, peress li l-qorti tar-rinviju titlob l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1308/2013, li l-Artikoli 1(2)(h) u 189(2) tiegħu jittrattaw speċifikament it-tkabbir tal-qanneb, ir-rinviju huwa ammissibbli fir-rigward ta’ dan ir-regolament.
B. Eżami tal-mertu
42. Il-qanneb (Cannabis sativa L.) huwa speċi tal-familja cannabaceae. Dawn il-ħxejjex għandhom kontenut għoli ta’ diversi tipi ta’ fitokannabinojdi, ikkonċentrati f’likwidu viskuż tal-pjanta li jiġi prodott fi strutturi glandulari magħrufa bħala trikomi.
43. Mill-informazzjoni riċevuta (23) jiġi dedott li l-iktar żewġ fitokannabinojdi importanti fil-qanneb huma t-THC (il-komponent psikoattiv primarju tal-pjanta, li għandu n-natura ta’ narkotiku) u ċ-CBD (li la huwa kkunsidrat psikoattiv u lanqas narkotiku). Jidher li ċ-CBD inaqqas ukoll l-effetti psikoattivi tat-THC.
44. Il-qari flimkien tal-Artikolu 38(3) TFUE u tal-Anness I tiegħu jiżvela li l-qanneb huwa suġġett għall-PAK.
45. Skont l-Artikolu 1(2)(h) tar-Regolament Nru 1308/2013, il-qanneb huwa kopert mill-organizzazzjoni komuni tas-swieq (iktar ’il quddiem l-“OKS”) għall-prodotti agrikoli. Skont il-Parti VIII tal-Anness I ta’ dan ir-regolament, is-settur tal-qanneb maħsub għall-produzzjoni ta’ fibri jinkludi “qanneb veru (Cannabis sativa L.), nej jew ipproċessat imma mhux bin-newl; stoppa u skart ta’ qanneb vera (inklużi skart tal-ħjut u stokk igarnettjat)”.
46. Fil-qafas tal-PAK, huwa permess biss it-tkabbir tal-qanneb li ma huwiex adattat għall-produzzjoni ta’ narkotiċi, b’perċentwal baxx ta’ THC (24). Il-qanneb industrijali għandu użi legali differenti li jikkontribwixxu għall-kisba tal-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew (25).
47. Il-bdiewa li jkabbru l-qanneb huma eliġibbli għal pagamenti diretti skont l-erja (pagament bażiku jew pagament uniku skont l-erja) (26) taħt il-PAK, sakemm jissodisfaw: a) il-kundizzjonijiet standard ta’ eliġibbiltà għall-pagamenti diretti stabbiliti fir-Regolament Nru 1307/2013; u b) r-rekwiżiti addizzjonali speċifiċi sabiex jiġi żgurat li l-ebda tkabbir illeċitu tal-qanneb ma jirċievi appoġġ mill-PAK:
– Fir-rigward tal-kundizzjonijiet standard, il-punt li fir-rigward tiegħu hemm nuqqas ta’ qbil f’din it-tilwima huwa jekk “spazju magħluq adattat” għat-tkabbir idroponiku jistax jiġi kklassifikat bħala “erja agrikola”.
– F’dak li jirrigwarda r-rekwiżiti addizzjonali speċifiċi, id-dibattitu jiffoka fuq il-livell ta’ THC u CBD tal-qanneb imkabbar fi spazju magħluq b’sistema idroponika.
48. Qabel nindirizza kull wieħed minn dawn iż-żewġ elementi, irrid nosserva li l-Istati Membri ma jistgħux jimponu restrizzjonijiet addizzjonali fuq it-tkabbir tal-qanneb abbażi tal-Artikolu 189(2) tar-Regolament Nru 1308/2013.
49. Din id-dispożizzjoni tawtorizza lill-Istati Membri biss li jintroduċu “dispożizzjonijiet iktar restrittivi” minn dawk stabbiliti (fl-Artikolu 189(1) stess) għall-importazzjonijiet tal-qanneb minn pajjiżi terzi. Din il-possibbiltà ma tippermettix li r-regolamenti interni għall-produzzjoni tal-qanneb isiru iktar ħorox bi ksur ta’ dawk stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni.
50. Din id-dikjarazzjoni hija kkorroborata mis-sentenza Hammarsten (27), dwar il-projbizzjoni Svediża tat-tkabbir u tal-pussess tal-qanneb industrijali kopert minn OKS fis-settur. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-projbizzjoni nazzjonali kienet taffettwa direttament lil din l-OKS u kienet iċaħħad lill-bdiewa stabbiliti fl-Isvezja minn kwalunkwe possibbiltà li japplikaw għall-appoġġ previst mid-dritt tal-Unjoni.
51. Is-sentenza Hammarsten u l-Artikolu 189(1) tar-Regolament Nru 1308/2013 juru li teżisti ċerta rabta bejn l-awtorizzazzjoni għat-tħawwil tal-qanneb u l-possibbiltà li jinkisbu l-pagamenti diretti tal-PAK previsti għal dan it-tkabbir fir-Regolament Nru 1307/2013.
52. Fil-fatt, l-Artikolu 189(1) tar-Regolament Nru 1308/2013 jippermetti biss l-importazzjoni fl-Unjoni ta’ qanneb li ma huwiex maħdum jekk ikunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 32(6) u mill-Artikolu 35(3) tar-Regolament Nru 1307/2013.
53. Dawn il-kundizzjonijiet (li, bħala prinċipju, huma meħtieġa sabiex jinkisbu pagamenti diretti għall-erjas imħawlin b’dan il-prodott) għandhom jinftiehmu li japplikaw ukoll għall-produzzjoni domestika tal-qanneb fl-Unjoni. Fi kliem ieħor, dawn l-artikoli jistabbilixxu l-limiti sabiex ikun hemm tkabbir “legali” tal-qanneb fl-Istati Membri, irrispettivament minn jekk il-produttur jitlobx pagament dirett għall-erja kkultivata jew le.
1. Kunċett ta’ erja agrikola
54. Skont l-Artikolu 32(1) tar-Regolament Nru 1307/2013, “l-appoġġ skont l-iskema ta’ pagament bażiku għandu jingħata lill-bdiewa [...] mal-attivazzjoni ta’ dritt għall-pagament għal kull ettaru eliġibbli [...]”.
55. Skont l-Artikolu 32(2)(a) ta’ dan l-istess regolament, il-kunċett ta’ “ettaru eliġibbli” jinkludi “kull żona agrikola tal-impriża […] li tintuża għal attività agrikola jew, fejn l-erja tintuża wkoll għal attivitajiet mhux agrikoli, tintuża b’mod predominanti għal attivitajiet agrikoli”.
56. Il-kunċett ta’ “art agrikola”, kif iddefinit fl-Artikolu 4(1)(e) tar-Regolament Nru 1307/2013, jinkludi “kull erja meħuda minn raba’ li jinħarat, bwar permanenti u mergħat permanenti, jew uċuħ tar-raba’ permanenti”.
57. It-terminu “Raba’” huwa ddefinit fl-Artikolu 4(1)(f) tar-Regolament Nru 1307/2013 bħala “art li hija kkultivata għall-produzzjoni tal-uċuħ tar-raba’ jew erjas disponibbli għall-produzzjoni tal-uċuħ tar-raba’ iżda li hija mistrieħa [...] irrispettivament jekk l-art tinsabx taħt serer jew taħt kopertura fissa jew mobbli”.
58. Skont l-Artikolu 4(1)(c) tar-Regolament Nru 1307/2013, “attività agrikola” tkopri “l-produzzjoni, it-trobbija jew it-tkabbir ta’ prodotti agrikoli, inklużi l-ħsad […]”, fejn “prodotti agrikoli” tfisser “il-prodotti [...] elenkati fl-Anness I għat-Trattati [...]”, fosthom il-qanneb.
59. Il-klassifikazzjoni bħala “raba’” u, għalhekk, dik bħala “erja agrikola”, fis-sens tad-dispożizzjonijiet imsemmija, tiddependi mill-użu effettiv (anki bi ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-klassifikazzjoni tagħhom) (28) ta’ dawn l-artijiet (29).
60. L-erjas eliġibbli għall-pagament tal-appoġġ għandhom ikunu agrikoli, jiffurmaw parti mill-impriża tal-bidwi u jintużaw għal finijiet agrikoli, jew, fil-każ ta’ użi differenti fl-istess ħin, jintużaw primarjament għal tali finijiet (30).
61. Fil-fehma tiegħi, id-dispożizzjonijiet li għadni kif semmejt tar-Regolament Nru 1307/2013 u Nru 1308/2013, kif ukoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ erja agrikola, jippermettu li jiġi argumentat li t-tkabbir tal-qanneb fi “spazju magħluq adattat” b’sistema idroponika, jaqa’ taħt dan il-kunċett.
62. Spazju magħluq u adattat għat-tkabbir tal-qanneb huwa biċċa art, li fuqha hemm struttura, li hija ddedikata għal attività agrikola, bħat-tkabbir tal-qanneb. Ir-“raba’”, kif għadni kif spjegajt, hija dik iddedikata għall-produzzjoni ta’ uċuħ tar-raba’, “irrispettivament jekk l-art tinsabx taħt serer jew taħt kopertura fissa jew mobbli” (31).
63. L-istess bħal serra jew kwalunkwe struttura simili oħra (li ma tikkonsistix, fis-sens strett tal-kelma, f’bini skont it-tifsira normali), spazju magħluq u adattat għat-tkabbir tal-qanneb jinkludi kopertura fissa li titqiegħed fuq l-art, li ma tipprekludix il-klassifikazzjoni tiegħu bħala erja agrikola. Ix-xebh bejn serra u maħżen adattat għat-tkabbir tal-qanneb b’sistema idroponika huwa ċar. Illum il-ġurnata, is-serer ma humiex biss mibnija bi struttura sempliċi ta’ fildiferru u plastik, iżda jużaw ukoll materjali oħra u strutturi iktar sodi, pereżempju, tal-polikarbonat jew tal-ħġieġ.
64. Dak li huwa rilevanti, kif tgħid il-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq, huwa li l-erja (anki jekk bl-istruttura fissa fuqha) tkun użata għall-produzzjoni agrikola, tal-qanneb f’dan il-każ.
65. Il-Kummissjoni toġġezzjona għal dan ir-raġunament, billi targumenta li t-tkabbir tal-qanneb jista’ jibbenefika biss mill-iskema ta’ pagament bażiku lill-bdiewa jekk isir f’għelieqi miftuħa, u mhux meta jsir fi struttura magħluqa b’sistema idroponika.
66. Fl-opinjoni tal-Kummissjoni, l-Artikolu 4(1)(e) u (f) tar-Regolament Nru 1307/2013 jeżiġi, sabiex wieħed ikun jista’ jitkellem dwar raba’ u erja agrikola, l-interazzjoni bejn il-ħamrija u l-għerq tal-pjanta (32). L-istess rekwiżit japplika għall-iskema ta’ appoġġ akkoppjat volontarju (33) u ma jkunx osservat fil-każ ta’ tkabbir tal-qanneb fi spazju magħluq b’sistema idroponika.
67. Jien ma naqbilx mal-argument tal-Kummissjoni. Il-kontenut letterali tal-Artikolu 4(1)(e) u (f) tar-Regolament Nru 1307/2013 ma jippermettix li jiġi dedott li jistgħu jitqiesu bħala raba’ biss dawk l-erjas agrikoli li fihom l-għerq tal-pjanta jinteraġixxi mal-ħamrija. Din l-idea tikkorrispondi għal kunċett tal-agrikoltura li l-progress teknoloġiku mar lil hinn minnu.
68. Ilu s-snin li l-ħamrija ma baqgħetx tkun element essenzjali għall-produzzjoni agrikola (34). Taħt kundizzjonijiet naturali, il-ħamrija ċertament taġixxi bħala riżerva ta’ minerali u nutrijenti għall-pjanti, iżda, meta n-nutrijenti jiġu maħlula fl-ilma, l-għeruq tal-pjanti jistgħu jassorbuhom direttament u l-ħamrija ma tibqax strettament meħtieġa sabiex il-pjanta tikber. Fi kliem ieħor, l-“interazzjoni tal-għeruq mal-ħamrija” ma hijiex essenzjali sabiex l-pjanta tiżviluppa u jkun hemm produzzjoni agrikola.
69. L-idroponika hija sistema ta’ tkabbir fejn soluzzjoni komposta minn nutrijenti maħlula fl-ilma tiġi fornuta lill-għeruq. Din fiha l-elementi kimiċi meħtieġa għall-iżvilupp tal-pjanti li jistgħu jikbru f’medium ta’ ilma (jew f’medium inert bħal ramel maħsul, żrar jew perlit) mingħajr ħamrija (art).
70. Fost il-vantaġġi tat-tkabbir idroponiku meta mqabbel mal-agrikoltura tradizzjonali, għandhom jiġu enfasizzati dawn li ġejjin:
– Il-konsum iktar baxx ta’ ilma u ta’ nutrijenti, li jistgħu jintużaw b’mod iktar effikaċi.
– L-użu iżgħar ta’ art agrikola u l-eliminazzjoni tal-problemi ta’ deterjorament fil-kwalità ta’ din il-ħamrija, dovut għall-użu ta’ fertilizzanti u r-ripetizzjoni ta’ uċuh tar-raba’ intensivi.
– Użu iktar baxx ta’ pestiċidi, minħabba li l-idroponika hija kkombinata ma’ tkabbir fi spazji magħluqin jew nofshom magħluqin (bħal serer jew imħażen adattati), u b’hekk jiġi ffaċilitat il-kontroll tal-pesti (35).
– Il-viċinanza ikbar taċ-ċentri urbani ta’ konsum u t-tnaqqis konsegwenti ta’ emissjonijiet marbutin mat-trasport ta’ prodotti agrikoli.
71. Ir-Regolamenti Nru 1307/2013 u Nru 1308/2013 ma fihom ebda regola li tissuġġetta l-klassifikazzjoni ta’ raba’ jew erja agrikola għall-użu ta’ ċerti tekniċi ta’ tkabbir. Għalhekk, ma hemm l-ebda raġuni sabiex jiġi affermat li l-idroponika hija inkompatibbli mal-kunsiderazzjoni ta’ art bħala erja agrikola.
72. Ir-regoli tal-Unjoni ma jippermettux l-użu ta’ sistemi idroponiċi fil-każ ta’ produzzjoni organika. Hekk jipprevedi r-Regolament (UE) 2018/848 (36) fil-premessa 28 tiegħu (37) u fil-parti I tal-Anness II tiegħu, (“Regoli għall-produzzjoni tal-pjanti”), punt 1.2 (38).
73. Fil-fehma tiegħi, jekk il-leġiżlatur ried jeskludi l-produzzjoni idroponika mill-produzzjoni ta’ pjanti organiċi, dan huwa għaliex, impliċitament u a sensu contrario, il-produzzjoni idroponika hija ammissibbli għall-produzzjoni agrikola konvenzjonali (li ma hijiex organika).
74. L-idroponika bħala teknika ta’ tkabbir għandha vantaġġi konformi mal-għanijiet tal-PAK, kif diġà esponejt u kif il-partijiet kollha rrikonoxxew fis-seduta. B’mod partikolari, din hija konformi mal-għan tal-PAK [l-Artikolu 39 TFUE(1)(a)] “li tkabbar il-produzzjoni agrikola billi tippromwovi progress tekniku u billi tassigura l-iżvilupp razzjonali ta’ produzzjoni agrikola u l-aħjar utilizzazzjoni possibbli tal-fatturi ta’ produzzjoni, speċjalment tan-nies tax-xogħol razzjonali tal-produzzjoni agrikola, kif ukoll l-aħjar użu ta’ fatturi tal-produzzjoni, b’mod partikolari, ix-xogħol”.
75. Is-sistemi idroponiċi jżidu l-produttività agrikola, jippromwovu l-progress teknoloġiku u jiffavorixxu żvilupp iktar razzjonali tal-agrikoltura, peress li jużaw inqas riżorsi tal-ilma u jnaqqsu l-firxa tal-art meħtieġa għall-kultivazzjoni.
76. L-idroponika tikkontribwixxi wkoll għall-kisba ta’ żewġ għanijiet oħra tal-PAK, jiġifieri “li tiggarantixxi d-disponibilità tal-provvisti” [(l-Artikolu 39(1)(d) TFUE] u “li tassigura [tiżgura] prezzijiet raġonevoli fil-konsenja tal-prodotti lill-konsumatur” [(l-Artikolu 39(1)(e) TFUE].
77. Dawn iż-żewġ għanijiet jintlaħqu minħabba li t-tkabbir idroponiku fi spazji magħluqa huwa inqas dipendenti fuq it-temp milli huma dipendenti fuqu l-uċuħ tar-raba’ tradizzjonali f’għalqa miftuħa u huwa inqas affettwat mill-pesti. Bl-istess mod, l-imsemmi tkabbir jiggarantixxi aħjar il-provvista ta’ prodotti agrikoli, billi jippermetti l-provvista tagħhom bi prezzijiet raġonevoli u bi spejjeż ta’ trasport iktar baxxi.
78. Ċertament, il-PAK tidher li hija iktar imfassla għall-agrikoltura tradizzjonali, peress li l-appoġġi lill-bdiewa huma stabbiliti abbażi tal-ettari eliġibbli, jiġifieri l-erja, li jaqbel iktar mal-agrikoltura f’għalqa miftuħa u tal-pjanti mħawlin fl-art (39). Iżda huwa minnu wkoll li, fi produzzjonijiet oħra (pereżempju, ħxejjex u frott), it-tkabbir idroponiku jista’ jkun konvenjenti ħafna u, fin-nuqqas ta’ projbizzjoni espressa, ma narax li hemm biżżejjed raġunijiet sabiex dawn il-modalitajiet ġodda ta’ produzzjoni, li l-armonija tagħhom mal-għanijiet tal-PAK nemmen li hija murija, jiġu esklużi.
79. Fi kliem ieħor, ir-regoli tal-PAK ma għandhomx jiġu interpretati b’mod li jrażżan l-iżvilupp teknoloġiku tal-agrikoltura, li jkun il-każ jekk l-operat fi spazji magħluqa u adattati bl-idroponika jiġi eskluż mill-pagamenti diretti għall-erjas.
80. Fi kwalunkwe każ, waqt is-seduta l-Kummissjoni ammettiet li t-tkabbir tal-qanneb fi spazji magħluqa b’sistemi idroponiċi huma kompatibbli mar-Regolament Nru 1308/2013, iżda li tali uċuh tar-raba’ ma jkunux eliġibbli għall-pagamenti diretti taħt ir-Regolament Nru 1307/2013, għalkemm ikunu eliġibbli għal tipi oħra ta’ appoġġi bħal, b’mod partikolari, dawk mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR).
81. Għalkemm naqbel mal-argument tal-Kummissjoni fir-rigward tar-Regolament Nru 1308/2013, ma naħsibx li dan huwa korrett fir-rigward tar-Regolament Nru 1307/2013. Huwa minnu li t-tkabbir tal-qanneb fi spazji magħluqa b’sistema idroponika huwa iktar intensiv minn dak tal-qanneb fil-beraħ, b’tali mod li tiġi okkupata inqas art u, għalhekk, il-pagamenti diretti jkunu iktar baxxi (40). Iżda ma nara l-ebda raġuni sabiex il-pagamenti diretti jiġu miċħuda sempliċement għax ma jkun hemm l-ebda interazzjoni bejn l-għeruq tal-pjanta tal-qanneb u l-ħamrija, kif għadni kif indikajt.
82. Fil-qosor, fl-opinjoni tiegħi erja intiża għat-tkabbir tal-qanneb fi spazji magħluqa adattati b’sistemi idroponiċi tista’ titqies bħala erja agrikola, fis-sens tal-Artikolu 4(1)(e) u (f) tar-Regolament Nru 1307/2013.
2. Kontenut ta’ THC u ta’ CBD tal-qanneb
83. It-tkabbir tal-qanneb huwa suġġett għal rekwiżiti speċifiċi sabiex jikseb pagamenti diretti, minħabba li minn din il-pjanta jistgħu jiġu estratti u kkummerċjalizzati narkotiċi:
– Skont l-Artikolu 32(6) tar-Regolament Nru 1307/2013, l-erjas użati għall-produzzjoni tal-qanneb ikunu ettari eliġibbli biss jekk il-varjetajiet użati jkollhom kontenut ta’ THC ta’ mhux iktar minn 0.2 %.
– Għalkemm ma huwiex applikabbli ratione temporis għal din it-tilwima, ir-Regolament (UE) 2021/2115 għolla l-kontenut ta’ THC għal 0.3 % mill‑1 ta’ Jannar 2023 (41).
– L-Artikolu 53(5) tar-Regolament ta’ Delega Nru 639/2014 jestendi dan ir-rekwiżit għall-erjas tal-produzzjoni tal-qanneb sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-appoġġ akkoppjat volontarju, li r-Rumanija użat.
– L-Artikolu 35(3) tar-Regolament Nru 1307/2013 (42) jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta att iddelegat taħt il-kundizzjonijiet li jipprovdi (43). Il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Delega Nru 639/2014, li l-Artikolu 9 (44) tiegħu jirrikjedi li l-bdiewa jużaw żerriegħa ċċertifikata tal-varjetajiet elenkati fil-katalgu komuni tal-Unjoni Ewropea ta’ varjetajiet ta’ speċi ta’ pjanti agrikoli. Hemm 75 varjetà ta’ qanneb irreġistrati f’dan il-katalgu.
84. Minn dan is-sett ta’ regoli jirriżulta li l-bdiewa jistgħu jiksbu pagamenti diretti jekk jiżirgħu qanneb ta’ waħda mill-varjetajiet li l-kontenut ta’ THC tagħha jkun inqas minn 0.2 % (jew 0.3 % mill‑1 ta’ Jannar 2023). Fil-każ tat-tkabbir tal-qanneb fil-beraħ ma jidhirx li hemm riskju ta’ żieda fit-THC.
85. Il-kundizzjonijiet speċifiċi sabiex ikun hemm eliġibbiltà għall-pagamenti diretti għat-tkabbir tal-qanneb huma wkoll rekwiżiti sabiex tinkiseb l-awtorizzazzjoni amministrattiva korrispondenti, skont id-dritt tal-Unjoni, u sabiex dak il-prodott jitkabbar legalment. Ir-rispett ta’ dawn il-kundizzjonijiet għandu jippermetti lill-produtturi jwettqu din l-attività, kif saħqet is-sentenza Hammarsten.
3. Projbizzjoni adottata mill-awtoritajiet Rumeni
86. Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li l-awtoritajiet Rumeni jipprojbixxu t-tkabbir tal-qanneb fi spazji magħluqin u adattati, b’kultivazzjoni idroponika, minħabba r-riskju li l-kontenut tat-THC tal-pjanti mkabbrin b’dan il-mod jaqbeż il-limiti permessi, bil-ħsara konsegwenti għas-saħħa pubblika.
87. L-istabbiliment ta’ OKS ma jipprekludix lill-Istati Membri milli japplikaw ir-regoli nazzjonali li għandhom għan ta’ interess ġenerali differenti minn dawk koperti mill-OKS, anki jekk din il-leġiżlazzjoni tista’ taffettwa l-funzjonament tas-suq fis-settur inkwistjoni (45).
88. Il-miżuri nazzjonali iktar restrittivi intiżi sabiex jipproteġu għan ta’ interess ġenerali għandhom, madankollu, josservaw ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità, jiġifieri jkunu adegwati sabiex jiżguraw l-ilħuq tal-għan imfittex u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex dan jintlaħaq. L-eżami tal-proporzjonalità għandu jsir billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, kemm l-għanijiet tal-PAK kif ukoll il-funzjonament korrett tal-OKS, u dan jinvolvi bbilanċjar bejn dawn l-għanijiet u l-għan li l-ilħuq tiegħu huwa mfittex mir-regolamenti nazzjonali (46).
89. Barra minn hekk, miżura restrittiva tkun xierqa sabiex tiggarantixxi l-ilħuq tal-għan imfittex biss jekk tegħleb effettivament il-problema li dan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku (47).
90. Ir-Regolament Nru 1307/2013 u r-regoli l-oħra tal-Unjoni dwar it-tkabbir tal-qanneb industrijali jwieżnu l-interessi inkwistjoni billi jippermettu biss it-tkabbir ta’ qanneb b’livelli ta’ THC taħt 0.2 %. Peress li f’dawn ir-regoli ma hemm l-ebda referenza espliċita għat-tekniċi ta’ tkabbir tal-qanneb industrijali, Stat Membru jkollu l-possibbiltà li jadotta miżuri restrittivi addizzjonali fir-rigward ta’ dak it-tkabbir.
91. Bl-użu ta’ din il-possibbiltà, l-awtoritajiet Rumeni qiesu li jeżisti riskju reali li t-tkabbir tal-varjetajiet tal-qanneb fi spazji magħluqa u b’sistemi idroponiċi jista’ jżid il-livell tat-THC, sabiex jaqbeż il-limitu legali permess ta’ 0.2 %. Il-qanneb imkabbar b’dan il-mod jista’ jiġi “iddevjat” għall-produzzjoni ta’ narkotiċi, b’dannu għas-saħħa pubblika.
92. B’reazzjoni għal dan ir-riskju, l-awtoritajiet Rumeni, filwaqt li jqisu l-prinċipju ta’ prekawzjoni, japplikaw projbizzjoni ex ante, billi jargumentaw li t-twettiq ta’ kontrolli ex post fuq pjantaġġuni tal-qanneb fi spazji magħluqa ma jipproteġix biżżejjed l-interess ġenerali. Fl-opinjoni tagħhom, dawn il-kontrolli huma ppjanati għall-qanneb imkabbar fil-beraħ, u mhux għall-qanneb imkabbar fi spazji magħluqin, li ċ-ċikli tat-tkabbir u l-fjoritura tiegħu jvarjaw (48).
93. Il-proċedura A tat-teħid ta’ kampjuni sabiex jiġi ddeterminat il-kontenut ta’ THC hija stabbilita, kif diġà indikajt, fl-Anness III tar-Regolament ta’ Delega Nru 639/2014 (49) b’dawn l-ispeċifikazzjonijiet:
– il-punt 2.1 (“Il-kampjuni”): “[…] minn wiċċ tar-raba’ mhux maħsud ta’ varjetà partikolari tal-qanneb, għandha tittieħed biċċa twila 30 cm li jkun fiha tal-inqas inflorexxenza femminili waħda għal kull pjanta magħżula. Il-kampjuni għandhom jittieħdu matul perjodu li jibda wara 20 jum wara li tibda l-fjoritura sa għaxart (10) ijiem wara li din tintemm”;
– punt 2.2 (“Id-daqs tal-kampjun”): “il-kampjun għandu jkun fih partijiet ta’ 50 pjanta għal kull għalqa”.
94. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa kemm din iċ-ċirkustanza, kif ukoll iċ-ċirkustanzi l-oħra li jaffettwaw il-proporzjonalità tal-miżura nazzjonali restrittiva (u, konsegwentement, is-sentenza dwar il-kompatibbiltà tagħhom mad-dritt tal-Unjoni), iżda l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħtiha linji gwida sabiex tagħmel dan.
95. Fl-ewwel lok, ma hemm l-ebda dubju dwar in-natura dannuża tan-narkotiċi (inklużi dawk derivati mill-qanneb, bħall-kannabis), u għalhekk il-kummerċjalizzazzjoni tagħhom hija pprojbita. Madankollu, kummerċ ikkontrollat b’mod strett huwa awtorizzat għall-użu għal finijiet mediċi u xjentifiċi (50).
96. Għalhekk, l-interess ġenerali tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika jista’ jiġġustifika miżura nazzjonali li tipprojbixxi t-tkabbir tal-qanneb, dejjem jekk il-pjanti jintużaw għall-produzzjoni ta’ drogi narkotiċi bħall-kannabis, miksub mit-THC.
97. Fit-tieni lok, l-informazzjoni pprovduta minn Biohemp tenfasizza li l-varjetà ta’ qanneb imħawla fi spazju magħluq u b’sistemi idroponiċi għandha kontenut ta’ THC li ma jaqbiżx 0.2 %. Biohemp tiddikjara li t-tkabbir fuq ġewwa u b’sistema idroponika jikkawża żieda fiċ-CBD tal-pjanta, iżda mhux fil-livell tat-THC. Skont l-awtoritajiet Rumeni, xi studji jissuġġerixxu li anki l-livell tat-THC jista’ jiżdied u li bħalissa għad ma hemm l-ebda analiżi konklużiva li tikkonferma l-oppost.
98. Kif spjegat il-Kummissjoni waqt is-seduta, jekk il-pjanti jkunu tal-varjetajiet ta’ qanneb awtorizzati għat-tkabbir fl-Unjoni, għandu jkollhom livell ta’ THC li ma jaqbiżx 0.2 %, anki jekk jitħawlu fi spazji magħluqin u b’sistemi idroponiċi.
99. Suġġett għall-verifiki bbażati fuq studji xjentifiċi affidabbli, jidher li livell għoli ta’ CBD fi pjanta partikolari tal-qanneb iwassal għal livell iktar baxx ta’ THC, li jfisser li din il-pjanta ma twassalx għall-produzzjoni ta’ drogi. F’dan il-każ, għalhekk, ir-riskju ta’ żieda fil-livell ta’ THC ikun eskluż, iżda dan huwa punt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.
100. Il-kannabinojd li ż-żieda tiegħu hija kkonfermata fil-kuntest tat-tkabbir fuq ġewwa u permezz ta’ sistema idroponika ta’ varjetajiet tal-qanneb industrijali, skont l-informazzjoni disponibbli, huwa ċ-CBD.
101. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità li tiċċara li, fl-istat attwali tal-għarfien xjentifiku, iċ-CBD ma jinkludix ingredjent psikoattiv (51). Għalhekk, iċ-CBD ma għandux jiġi kklassifikat bħala droga narkotika fis-sens tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Traffiku Illeċitu ta’ Drogi Narkotiċi u Sustanzi Psikotropiċi, konkluża fi Vjenna fl‑20 ta’ Diċembru 1988 (52), li għaliha huma partijiet l-Istati Membri kollha (53).
102. Jekk it-tkabbir tal-qanneb industrijali fi spazji magħluqin u b’sistemi idroponiċi jżid biss iċ-CBD tal-pjanti u ma jżidx il-kontenut (legali) tagħhom ta’ THC, Stat Membru ma jistax sempliċement jiġġustifika r-restrizzjoni tiegħu għar-raġuni tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika. Iċ-CBD, nirrepeti, skont l-istat attwali tal-għarfien, “ma jikkostitwixxix droga narkotika, fis-sens tal-Konvenzjoni Unika” (54).
103. Fit-tielet lok, miżura nazzjonali li tillimita l-produzzjoni tal-qanneb industrijali fi spazji magħluqin u b’sistema idroponika tista’ tgħaddi mit-test ta’ proporzjonalità biss jekk tiġi applikata b’mod koerenti u sistematiku.
104. Waqt is-seduta ġie diskuss jekk ir-rekwiżiti ta’ koerenza u ta’ applikazzjoni sistematika tal-projbizzjoni humiex preżenti fir-Rumanija. Skont Biohemp, f’xi provinċji (Constanța, Dâmbovița u Sibiu) ta’ dan l-Istat Membru dan it-tip ta’ tkabbir tal-qanneb huwa permess. Barra minn hekk, fi ħsad preċedenti fl-istess provinċja ta’ Alba (ir-Rumanija), l-awtoritajiet kienu awtorizzaw lil Biohemp tkabbar il-qanneb fi spazju magħluq u adattat b’sistema idroponika (55). Il-Gvern Rumen ċaħad dawn id-dikjarazzjonijiet, u l-kontroversja dwar dan il-punt għadha ma ġietx solvuta.
105. Fi kwalunkwe każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-miżura restrittiva nazzjonali hijiex applikata b’mod sistematiku u koerenti fit-territorju Rumen.
106. Finalment, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeħtieġ li jiġi ċċarat jekk hemmx alternattiva inqas restrittiva mill-projbizzjoni ġenerali tat-tkabbir tal-qanneb fi spazji magħluqin, sabiex jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika mfittex mill-Istat Rumen.
107. F’dan is-sens, ta’ min jikkunsidra li dan it-tip ta’ tkabbir tal-qanneb jiġi awtorizzat suġġett għal kontrolli rigorużi sabiex jiġi vverifikat li l-pjanti miksuba ma jaqbżux il-perċentwali ta’ 0.2 % THC. Id-diffikultajiet invokati mill-Gvern Rumen għat-twettiq ta’ dawn il-kontrolli jistgħu, eventwalment, jingħelbu billi għall-qanneb imkabbar fi spazji magħluqin jiġu applikati, fost miżuri oħra (minbarra l-kisba tal-awtorizzazzjoni meħtieġa), il-kontrolli ta’ teħid ta’ kampjuni sabiex jitkejjel il-livell ta’ THC previsti mir-Regolament ta’ Delega Nru 639/2014.
108. Finalment, l-Artikolu 32(6) tar-Regolament Nru 1307/2013 jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi t-tkabbir ta’ varjetajiet ta’ qanneb b’kontenut ta’ THC ta’ inqas minn 0.2 %, meta t-teknika tat-tkabbir użata (fi spazji magħluqin u adattati b’sistema idroponika) tikkawża żieda sinjifikattiva fil-kontenut taċ-CBD tiegħu, sakemm din il-leġiżlazzjoni ma tkunx adegwata sabiex tiggarantixxi l-kisba tal-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq.
V. Konklużjoni
109. Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lill-Curtea de Apel Alba Iulia (il-Qorti tal-Appell ta’ Alba Iulia, ir-Rumanija) fit-termini li ġejjin:
“Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 u r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007,
għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
– L-Artikolu 4(1)(e) u (f) tar-Regolament Nru 1307/2013 jippermetti li erja użata għat-tkabbir tal-qanneb (Cannabis sativa L.) fi spazji magħluqin adattati b’sistemi idroponiċi tiġi kklassifikata bħala erja agrikola.
– L-Artikolu 32(6) tar-Regolament Nru 1307/2013 jipprekludi, bħala prinċipju, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi t-tkabbir ta’ varjetajiet ta’ qanneb b’kontenut ta’ tetraidrokannabinol (THC) ta’ inqas minn 0.2 %, meta t-teknika tat-tkabbir użata (fi spazji magħluqin adattati b’sistemi idroponiċi) tikkawża żieda sinjifikattiva fil-kontenut ta’ kannabidiol (CBD) tiegħu, sakemm din il-leġiżlazzjoni ma tkunx adegwata sabiex tiggarantixxi l-kisba tal-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq, punt li għandu jiġi ddeterminat mil-qorti tar-rinviju”.