Language of document : ECLI:EU:F:2015:48

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

18 ta’ Mejju 2015

Kawża F‑36/14

Hartwig Bischoff

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Irtirar ex officio — Artikolu 23(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal — Età tal-irtirar — Rifjut li jiġi estiż il-perijodu ta’ attività — It-tieni paragrafu tal-Artikolu 52 tar-Regolamenti tal-Persunal — Interess tas-servizz”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu H. Bischoff jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tal-Kummissjoni Ewropea (iktar ’il quddiem l-“Awtorità tal-Ħatra), tat 28 ta’ Marzu 2014, li tiċħad it-talba tiegħu ta’ estensjoni tal-perijodu ta’ xogħol tiegħu u, għalhekk, li tikkonferma l-irtirar tiegħu ex officio mill-1 ta’ Ġunju 2014. H. Bischoff jitlob ukoll il-kumpens għad-danni li rriżultaw jew li setgħu jirriżultaw minn din id-deċiżjoni.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. H. Bischoff għandu jbati l-ispejjeż kollha tiegħu u huwa kkundannat għall-ispejjeż kollha sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Sommarju

1.      Proċedura ġudizzjarja — Rikors promotur — Talbiet — Modifika fil-mori tal-kawża — Kundizzjoni

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 50)

2.      Rikorsi tal-uffiċjali — Att li jikkawża preġudizzju — Kunċett — Nota li tillimita ruħha li tinforma lil membru tal-persunal bid-data tal-ħlas ta’ pensjoni tal-irtirar — Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90(2), u 91(1))

3.      Uffiċjali — Irtirar ex officio — Eżami ta’ talba ta’ żamma fis-servizz — Kriterji — Interess tas-servizz — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti — Żball manifest ta’ evalwazzjoni — Kunċett — Oneru tal-prova

(Regolamenti tal-Persunal, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 52)

4.      Uffiċjali — Dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni — Portata — Talba ta’ żamma fis-servizz — Elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fit-teħid ta’ deċiżjoni

(Regolamenti tal-Persunal, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 52)

1.      Skont l-Artikolu 35 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, li wara xi emendi, sar l-Artikolu 50 tar-Regoli ta’ Proċedura, huma biss it-talbiet esposti fir-rikors promotur li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni. Għalhekk, ħlief sabiex issir tibdila fis-suġġett tal-kawża, bħala prinċipju, parti ma tistax, fil-mori, tippreżenta talbiet ġodda jew testendi s-suġġett tat-talbiet eżistenti. Huwa biss fil-preżenza ta’ element ġdid li jista’ jkollu effett fuq is-suġġett tar-rikors, bħal, b’mod partikolari, l-adozzjoni fil-mori tal-kawża ta’ att li jħassar u li jissostitwixxi l-att ikkontestat, li rikorrent jista’ jadatta t-talbiet tiegħu.

(ara l-punt 22)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza Glantenay et vs Il-Kummissjoni, F‑23/12 u F‑30/12, EU:F:2013:127, punt 34

2.      Nota li tillimita ruħha li tinforma lil membru tal-persunal li, wara l-iskadenza tal-effetti tad-deċiżjoni sabiex jinżamm fis-servizz, huwa għandu jibda jirċievi pensjoni tal-irtirar ma tipproduċix effetti legali vinkolanti li jistgħu jaffettwaw direttament u immedjatament l-interessi tiegħu billi tbiddel, b’mod ikkaratterizzat, is-sitwazzjoni ġuridika tiegħu u għaldaqstant ma tistax tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju.

(ara l-punt 26)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza Pimlott vs Europol, F‑52/06, EU:F:2007:210, punt 48, u l-ġurisprudenza ċċitata

3.      Meta l-Awtorità tal-Ħatra tieħu inkunsiderazzjoni l-interess tas-servizz sabiex tiddeċiedi dwar talba ta’ uffiċjal li jibqa’ fis-servizz lil hinn mil-limitu ta’ età previst fl-ewwel paragrafu (a) tal-Artikolu 52 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-irtirat ex officio, hija għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa u t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jiċċensura l-evalwazzjoni tal-Awtorità tal-Ħatra biss fil-każ ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni jew ta’ użu ħażin ta’ poter.

F’dan ir-rigward, żball jista’ biss jiġi kkwalifikat bħala manifest meta jista’ jiġi identifikat b’faċilità fid-dawl tal-kriterji li għalihom il-leġiżlatur kellu l-intenzjoni jissuġġetta l-eżerċizzju mill-amministrazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu. Konsegwentement, sabiex jiġi stabbilit li twettaq żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti li jiġġustifika l-annullament ta’ deċiżjoni, il-provi li għandhom jiġu prodotti mir-rikorrent għandhom ikunu suffiċjenti sabiex titneħħa kull plawżibbiltà mill-evalwazzjoni tal-fatti kkunsidrata mill-amministrazzjoni fid-deċiżjoni tagħha. Fi kliem ieħor, il-motiv ibbażat fuq il-ksur manifest għandu jiġi miċħud jekk, minkejja l-ilmenti mressqa mir-rikorrent, l-evalwazzjoni mqiegħda inkwistjoni tista’ tiġi ammessa bħala waħda li għadha veritiera jew valida.

(ara l-punti 36 u 37)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenza Il-Kummissjoni vs Macchia, T‑368/12 P, EU:T:2014:266, punt 49

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenzi BB vs Il-Kummissjoni, F‑17/11, EU:F:2013:14, punt 60, u DG vs ENISA, F‑109/13, EU:F:2014:259, punt 44, u l-ġurisprudenza ċċitata

4.      Id-dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni fir-rigward tal-membri tal-persunal tagħha jirrifletti l-ekwilibriju tad-drittijiet u tal-obbligi reċiproċi li r-Regolamenti tal-Persunal ħolqu fir-relazzjonijiet bejn l-awtorità pubblika u l-membri tal-persunal tas-servizz pubbliku. Dan id-dmir jimplika b’mod partikolari li, meta tiddeċiedi fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal, l-awtorità għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha u li, b’dan il-mod, hija ma tiħux biss inkunsiderazzjoni l-interess tas-servizz, iżda wkoll l-interess tal-uffiċjal ikkonċernat. Mandankollu, il-protezzjoni tad-drittijiet u tal-interess tal-uffiċjali għandha dejjem issib il-limiti tagħha fl-osservanza tar-regoli fis-seħħ.

L-interess tas-servizz u l-interess tal-uffiċjal huma għaldaqstant żewġ kunċetti differenti. Fil-każ speċifiku tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 52 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-interess tal-uffiċjal ikkonċernat huwa diġà meħud inkunsiderazzjoni mill-fatt li huwa għandu jitlob li jibqa’ fil-kariga lil hinn mil-limitu ta’ età statutorjament previst għal irtirar ex officio. Skont il-kliem innifishom ta’ din id-dispożizzjoni, id-deċiżjoni li għandha tadotta l-Awtorità tal-Ħatra kompetenti fuq tali talba tiddependi esklużivament mill-interess tas-servizz, mingħajr ma l-imsemmija awtorità ma għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-interess tal-uffiċjal li jressaq it-talba. Għaldaqstant l-uffiċjal ma għandux bżonn juri lill-Awtorità tal-Ħatra l-eżistenza tal-interess personali tiegħu li jibqa’ fil-kariga, peress li tali interess huwa mingħajr rilevanza fil-kuntest tat-talba tiegħu.

(ara l-punti 53 u 54)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenza Angelidis vs Il-Parlement, T‑416/03, EU:T:2006:375, punt 117, u l-ġurisprudenza ċċitata