Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Audiencia Provincial de Alicante (Spanja) fil-25 ta’ Ġunju 2015 – Ana María Palacios Martínez vs Banco Bilbao Vizcaya Argentaria, S.A.

(Kawża C-307/15)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Audiencia Provincial de Alicante

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Ana María Palacios Martínez

Konvenut: Banco Bilbao Vizcaya Argentaria, S.A.

Domandi preliminari

Il-fatt li l-effetti ta’ ħlas lura li jirriżultaw mid-dikjarazzjoni ta’ nullità minħabba n-natura inġusta ta’ klawżola dwar rata ta’ interessi minima li ddaħħlet f’kuntratt ta’ self ma japplikawx retroattivament fid-data ta’ konklużjoni tal-kuntratt iżda f’data sussegwenti huwa kompatibbli mal-prinċipju ta’ assenza ta’ natura vinkolanti rikonoxxut fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993 1 , dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur?

Il-kriterju ta’ bona fide tal-oqsma kkonċernati li fuqu hija bbażata l-limitazzjoni tal-effett retroattiv li tirriżulta minn klawżola inġusta, huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi mill-Istati Membri kollha?

Fil-każ ta’ risposta affermativa, liema rekwiżiti għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biex tiġi ddeterminata l-eżistenza tal-bona fide tal-oqsma kkonċernati?Fi kwalunkwe każ, l-aġir tal-bejjiegħ jew fornitur fir-redazzjoni tal-kuntratt, li ta lok għan-nuqqas ta’ trasparenza li kien fl-oriġini tan-natura inġusta tal-klawżola, huwa konformi mal-bona fide tal-oqsma kkonċernati?Ir-riskju ta’ diffikultajiet serji li fuqu hija bbażata l-limitazzjoni tal-effett retroattiv li jirriżulta minn klawżola inġusta, huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi mill-Istati Membri kollha?Fil-każ ta’ risposta affermativa, liema kriterji għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni?Ir-riskju ta’ diffikultajiet serji, għandu jiġi evalwat billi jittieħed biss inkunsiderazzjoni dak ir-riskju li jista’ jirriżulta għall-bejjiegħ jew fornitur jew għandu jittieħed ukoll inkunsiderazzjoni d-dannu li jiġi kkawżat lill-konsumaturi minħabba n-nuqqas ta’ ħlas lura sħiħ tal-ammonti mħallsa skont l-imsemmija klawżola dwar rata ta’ interessi minima?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288.