Language of document : ECLI:EU:T:2014:1096

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

17 ta’ Diċembru 2014 (*)

“Kompetizzjoni — Abbuż minn pożizzjoni dominanti — Suq Sloven tat-telefonija ċellulari — Deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ lment — Trattament tal-każ minn awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru — Nuqqas ta’ interess tal-Unjoni”

Fil-Kawża T‑201/11,

Si.mobil telekomunikacijske storitve d.d., stabbilita f’Ljubljana (is-Slovenja), inizjalment irrappreżentata minn P. Alexiadis u E. Sependa, solicitors, sussegwentement minn M. Alexiadis, P. Figueroa Regueiro u A. Melihen, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn C. Giolito, B. Gencarelli u A. Biolan, sussegwentement minn C. Giolito u A. Biolan, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Repubblika tas-Slovenja, irrappreżentata minn T. Mihelič Žitko u V. Klemenc, bħala aġenti,

u minn

Telekom Slovenije d.d. li kienet Mobitel, telekomunikacijske storitve d.d., stabbilita f’Ljubljana (Is-Slovenja), irrappreżentata minn J. Sladič u P. Sladič, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għal annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2011) 355 finali, tal-24 ta’ Jannar 2011, li tiċħad l-ilment imressaq mir-rikorrenti dwar ksur tal-Artikolu 102 TFUE allegatament imwettaq minn Mobitel fuq diversi swieq tat-telefonija ċellulari tal-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut (Każ COMP/39.707 — Si.mobil/Mobitel),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn S. Papasavvas, President, N. J. Forwood u E. Bieliūnas (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Lulju 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

[omissis]

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

11      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ April 2011, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

12      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Ġunju 2011, Mobitel talbet sabiex tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

13      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Settembru 2011, ir-Repubblika tas-Slovenja talbet sabiex tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

14      B’digriet tal-8 ta’ Novembru 2011, il-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ dawn it-talbiet ta’ intervent.

15      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġenerali fl-24 ta’ Frar 2012, Tušmobil d.o.o talbet sabiex tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti. Permezz ta’ digriet tas-16 ta’ Novembru 2012, il-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali ċaħad din it-talba.

16      Minħabba tibdil parzjali tal-Qorti Ġenerali, il-kawża preżenti ġiet attribwita lil Imħallef Relatur ġdid, li jifforma parti mit-Tielet Awla.

17      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

18      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-9 ta’ Lulju 2014.

19      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

20      Il-Kummissjoni u l-partijiet intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

1.     Fuq l-ammissibbiltà

[omissis]

2.     Fuq il-mertu

[omissis]

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball manifest imwettaq mill-Kummissjoni waqt l-applikazzjoni tar-regoli tal-għoti ta’ poteri stabbiliti fir-Regolament Nru 1/2003 u fil-Kommunikazzjoni fuq in-netwerk

28      Ir-rikorrenti targumenta, essenzjalment, li l-Kummissjoni wettqet applikazzjoni manifestament żbaljata tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1/2003 moqri fid-dawl tal-Komunikazzjoni fuq in-netwerk, meta hija ċaħdet l-ilment tagħha.

29      Permezz ta’ dan l-argument, ir-rikorrenti tressaq, essenzjalment, żewġ ilmenti, l-ewwel wieħed, dwar interpretazzjoni żbaljata tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1/2003 u, it-tieni wieħed, dwar applikazzjoni żbaljata tal-imsemmijin kundizzjonijiet.

 Fuq il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1/2003

30      Ir-rikorrenti tikkritika d-deċiżjoni kkontestata billi l-Kummissjoni affermat li ma huwiex neċessarju li jiġi “applika[t] test tal-ibbilanċjar sabiex jiġi evalwat jekk l-interess tal-Unjoni sabiex [titressaq] il-każ fir-rigward ta’ prattiki allegati fis-suq tal-bejgħ bl-imnut kienx suffiċjenti”. Barra minnhekk, hija targumenta li l‑Kummissjoni qiegħda f’qagħda partikolarment tajba sabiex tittratta l-każ skont il-paragrafu 15 tal-Komunikazzjoni fuq in-netwerk filwaqt li l-UVK ma hijiex f’qagħda tajba sabiex tittratta l-każ skont il-paragrafu 8 ta’ din il-Komunikazzjoni.

31      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat mill-bidu nett li l-premessa 18 tar-Regolament Nru 1/2003 tenfasizza li, “[b]iex ikun żgur li l-każijiet huma negozjati mil-awtoritajiet l-aktar xierqa fi ħdan in-network, disposizzjoni ġenerali trid tiġi stabbilita sabiex tħalli l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tissuspendi jew tagħlaq każ bl-argument [peress] li awtorità oħra qed jinnegozjaw [jittrattaw ]jew diġa negozjaw magħha, l-għan hu li kull każ għandu jkun negozjat min awtorità waħda” u li “[d]in id-disposizzjoni għandha tippreveni li l-Kummissjoni tirriġetta l-ilment minħabba nuqqas ta’ interess mil-Komunità, bħalma għarfet li tista tagħmel bil-liġi tal-preċedent tal-Qorti tal-Ġustizzja, anki jekk l-ebda awtorità tal-Kompetizzjoni ma tindika l-intenżjoni li tinnegozja l-każ”.

32      Barra minn hekk, l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi li, “[f]ejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ tnejn jew aktar min Stati Membri irċievew ilment jew qed jaggixxu fuq l-iniżjattiva tagħhom taħt l-Artikolu 81[KE] jew l-Artikolu 82 [KE] tat-Trattat kontra l-istess ftehim, deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni jew prattika, il-fatt li awtorità waħda qed tieħu ħsieb tal-każ ikun ta’ bażi suffiċjenti għal oħrajn biex jissuspendu il-proċeduri qabelhom jew jirriġetta ilment” u li “[...]l-Kummissjoni tista’ bl-istess mod [t]irriġetta xi ilment fuq bażi li awtorità tal-kompetizzjoni ta’ xi Stat Membru qed tieħu ħsieb il-każ”.

33      Mill-formulazzjoni ċara tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jirriżulta li l-Kummissjoni hija intitolata li tiċħad ilment abbażi ta’ din id-dispożizzjoni jekk hija tikkonstata, minn naħa waħda, li awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru “tieħu ħsieb [tittratta]” il-każ li jitressaq quddiemha u, min-naħa l-oħra, li dan il-każ jirrigwarda l-“istess ftehim” jew l-“[istess] deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni” jew “ [l-istess] prattika”. Fi kliem ieħor, il-fatt li jiġu ssodisfatti dawn iż-żewġ kundizzjonijiet jikkostitwixxi, għall-Kummissjoni, “bażi suffiċjenti” sabiex jinċaħad l-ilment li tressaq quddiemha.

34      Għalhekk, l-applikazzjoni tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1/2003 ma hijiex suġġetta għal kundizzjonijiet oħra għajr dawk li jissemmew fil-punt 33 iktar ’il fuq.

35      Għalhekk, ir-rikorrenti ma hijiex intitolata tinvoka l-ksur ta’ regola ta’ tqassim ta’ kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri. Ir-rikorrenti ma hijiex intitolata li ssostni li l-Kummissjoni għandha l-obbligu li twettaq ibbilanċjar u li tevalwa l-interess tal-Unjoni sabiex tkompli bl-eżami tal-ilment tagħha.

36      Fi kwalunkwe każ, għandu l-ewwel nett jitfakkar li, skont l-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri għandhom kompetenzi paralleli għall-applikazzjoni tal-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] u li l-istruttura tar-Regolament Nru 1/2003 hija bbażata fuq kooperazzjoni stretta bejniethom (is-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2013, Vivendi vs Il-Kummissjoni, T‑432/10, EU:T:2013:538, punt 26 ; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 2011, ThyssenKrupp Liften Ascenseurs et vs Il-Kummissjoni, T‑144/07, T‑147/07 sa T‑150/07 u T‑154/07, Ġabra, EU:T:2011:364, punt 75, u tas-6 ta’ Frar 2014, CEEES u Asociación de Gestores de Estaciones de Servicio vs Il-Kummissjoni, T‑342/11, Ġabra, EU:T:2014:60, punt 68).

37      Min-naħa l-oħra, la r-Regolament Nru 1/2003 u lanqas il-Komunikazzjoni fuq in-netwerk ma jipprevedu regola ta’ tqassim ta’ kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri.

38      Fil-fatt, minn naħa waħda, ma jistax jitqies li l-premessa 18 u l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1/2003 li jistabbilixxu kriterju ta’ għoti jew ta’ tqassim tal-każiijiet jew tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali eventwalment ikkonċernati mill-każ inkwistjoni. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2007, France Télécom, T‑340/04, Ġabra, EU:T:2007:81, punt 130).

39      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-Komunikazzjoni fuq in-netwerk, il-paragrafu 4 jispeċifika li l-konsultazzjonijiet u l-iskambji fi ħdan in-netwerk hija każ bejn l-awtoritajiet li jaġixxu fl-interess pubbliku u, skont il-punt 31 tagħha, hija ma tagħtix lill-impriżi implikati dritt individwali li l-każ jiġi ttrattat minn awtorità speċifika (sentenza tat-8 ta’ Marzu 2007, France Télécom, T‑339/04, Ġabra, EU:T:2007:80, punt 83). B’mod iktar ġenerali, la r-Regolament Nru 1/2003 u lanqas l-imsemmija Komunikazzjoni ma joħolqu la drittijiet u lanqas aspettattivi għal impriża għal dak li jikkonċerna t-trattament tal-każ tagħha minn awtorità ta’ kompetizzjoni speċifika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ThyssenKrupp Liften Ascenseurs et vs Il-Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, EU:T:2011:364, punt 78).

40      Għalhekk, anki jekk jiġi preżunt li l-Kummissjoni qiegħda f’pożizzjoni tajba sabiex tittratta l-każ u li l-UVK ma hjiex qiegħda f’pożizzjoni tajba sabiex tagħmel dan, ir-rikorrenti ma għandha l-ebda dritt li tara l-każ ittrattat mill-Kummissjoni.

41      It-tieni nett, mill-premessa 18 tar-Regolament Nru 1/2003 jirriżulta li l-Kunsill ried li jippermetti lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni li huma membri tan-Netwerk Ewropew tal-Kompetizzjoni li jinvokaw raġuni ġdida sabiex jiċħdu lment, distint mir-raġuni bbażata fuq in-nuqqas ta’ interess tal-Unjoni li tista’ tiġġustifika ċaħda ta’ lment mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, din tal-aħħar ma hijiex obbligata, fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1/2003, li twettaq ibbilanċjar u li tevalwa l-interess tal-Unjoni sabiex tkompli bl-eżami tal-ilment tar-rikorrenti billi l-imsemmi lment huwa relatat mas-suq bl-imnut.

 Fuq l-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1/2003

42      Ir-rikorrenti, essenzjalment, tikkritika lill-Kummissjoni li, fid-deċiżjoni kkontestata, kisret il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1/2003. Fil-fatt hija ssostni li l-UVK ma ttrattatx il-każ b’mod effikaċi u hija tikkritika lill-Kummissjoni peress li din tal-aħħar qieset li l-każ eżaminat mill-UVK jikkonċerna “l-istess ksur allegat kommess fl-istess ħin fl-istess suq”.

43      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 13 u l-premessa 18 tar Regolament Nru 1/2003 jittraduċu s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandhom l-awtoritajiet nazzjonali miġbura fin-netwerk tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni bil-għan li jiġi żgurat l-aħjar attribuzzjoni tal-każijiet fi ħdana (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Frar 2012, Toshiba Corporation et, C‑17/10, Ġabra, EU:C:2012:72, punt 90). Meta jittieħed inkunsiderazzjoni r-rwol rikonoxxut lilha mit-trattat u mir-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni għandha a fortiori, hija wkoll, setgħa diskrezzjonali wiesgħa meta tapplika l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1/2003.

44      Għalhekk, sa fejn il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa għall-finijiet tal-implementazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1/2003, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu jkun limitat sabiex tivverifika l-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u tal-motivazzjoni, kif ukoll tal-eżatezza materjali tal-fatti, tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ użu ħażin ta’ poter (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2014, Communicaid Group vs Il-Kummissjoni, T‑4/13, EU:T:2014:437, punt 95).

45      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandha tiġi evalwata jekk il-Kummissjoni osservatx iż-żewġ kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1/2003 u mfakkra fil-punt 33 iktar ’il fuq.

 — Fuq it-trattament tal-każ mill-UVK

46      Ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li warrbet il-provi li kienu jippermettulha li tikkonkludi li l-UVK ma għandhiex tagħmel l-investigazzjoni tagħha u li għaldaqstant kienet twassalha biex ma tqis li hemm il-kompetenza tal-imsemmija awtorità tal-kompetizzjoni. Dawn il-provi kienu dwar l-eżistenza ta’ nuqqasijiet istituzzjonali tal-UVK. Dawn in-nuqqasijiet jikkonsistu, l-ewwel nett, f’nuqqas ta’ indipendenza funzjonali ta’ din l-awtorità tal-kompetizzjoni fil-konfront tal-ministeru tal-intervenjenti, it-tieni nett, fil-fatt li l-iskadenza tat-terminu ta’ sentejn ma jippreskrivix id-dritt Sloven sabiex tiġi adottata deċiżjoni, it-tielet nett, fl-insuffiċjenza tal-mezzi finanzjarji li għandha l-UVK u, ir-raba nett, fin-nuqqasijiet li ġew osservati f’dak li jikkonċerna l-Agencija za pošto in elektronske komunikacije (Awtorità Regolatorja tal-Posta u tal-Kommunikazzjonijiet Elettroniċi Slovena), iktar l-“APEK”). Għalhekk, permezz tal-argument ibbażat fuq li l-UVK ma għandhiex tagħmel l-investigazzjoni tagħha, ir-rikorrenti qed tiddenunċja, essenzjalment, li huma impossibbli għall-UVK li tittratta b’mod effikaċi l-każ.

47      Fl-ewwel lok, għandu jiġi ppreċiżat is-sens li għandu jingħata għat-terminu “tieħu ħsieb” li jissemma fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1/2003 u li tiġi eżaminata l-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu f’din il-kawża mill-Kummissjoni.

48      It-terminu “tieħu ħsieb” ma għandux ifisser sempliċiment li lment jitressaq quddiem awtorità oħra jew li każ jitressaq quddiemha ex officio. Fil-fatt, it-tressiq tal-ilment minn lanjant jew tressiq tal-ilment ex officio minn awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru huwa att li, fih innifsu, ma jippruvax la l-użu tas-setgħat tagħħa mill-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru, u lanqas, a fortiori, ta’ eżami tal-punti ta’ fatt relatati mal-każ inkwistjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ma tkunx qed twettaq il-missjoni ġenerali ta’ sorveljanza tagħha li tirriżulta mill-Artikolu 105(1) TFUE jekk hija tkun awtorizzata li tiċħad ilment biss minħabba l-fatt li awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru jkun tressqilha lment quddiemha jew li hija tressaq quddiemha stess l-ilment mingħajr ma dawn l-atti jirriżultaw fi kwalunkwe trattament tal-każ inkwistjoni.

49      Madankollu, meta l-Kummissjoni tapplika l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1/2003 għal każ bħal dan, din id-dispożizzjoni ma timponilha bl-ebda mod li twettaq evalwazzjoni tal-fondatezza tal-orjentamenti magħmula mill-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru li tkun qed tittratta l-każ.

50      F’dawn iċ-ċirkustanzi, meta l-Kummissjoni tiċħad ilment magħmul skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1/2003, din l-istituzzjoni għandha, abbażi tal-informazzjoni li jkollha disponibbli fid-data li fiha hija tagħti d-deċiżjoni tagħha, tkun żgurat ruħha, b’mod partikolari, li l-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru tkun qed tittratta l-investigazzjoni fuq il-każ.

51      F’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq ittra tat-18 ta’ Novembru 2009 indirizzata lill-Kummissjoni mill-UVK li fiha din tal-aħħar ikkonfermat li fetħet inkjesta u li qed tittratta attivament il-każ.

52      Barra minn hekk, fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ppreċiżat li hija għandha kuntatti regolari mal-UVK fir-rigward tal-każ inkwistjoni u li minn dawn il-kuntatti jidher li din l-awtorità tal-kompetizzjoni qed tittratta attivament dan il-każ.

53      It-trattament tal-każ mill-UVK huwa fi kwalunkwe każ ikkonfermat minn atti oħra tal-proċess u, b’mod partikolari, minn ittra indirizzata lill-Kummissjoni fit-18 ta’ Frar 2010 mir-rikorrenti, li fiha din tal-aħħar irrikonoxxiet hija stess, fil-kuntest ta’ preżentazzjoni tal-proċedura mibdija mill-UVK fis-suq tal-bejgħ bl-imnut, li din l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni kienet bagħtitilha kwestjonarju fl-10 ta’ Frar 2010.

54      Għalhekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni, ġustament, setgħet tikkunsidra li l-UVK ittrattat il-każ skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1/2003.

55      Fit-tieni lok, l-argumenti tar-rikorrenti, ibbażati fuq il-fatt li l-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha li tissorvelja li jkun hemm applikazzjoni effikaċi tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni meta din tal-aħħar tkun ċaħdet l-ilment tagħha sa fejn dan l-ilment jirrigwarda s-suq tal-bejgħ bl-imnut minħabba li l-UVK ittrattat il-każ, għandhom jiġu miċħuda.

56      Fil-fatt, mill-motivi tar-Regolament Nru 1/2003 u, b’mod partikolari, mill-premessi tagħha 1, 6, 8 u 35, jirriżulta li l-parteċipazzjoni l-iktar stretta tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri fl-implementazzjoni tal-Artikoli 81 KE u 82 KE u l-obbligu impost fuq dawn tal-aħħar sabiex japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet meta l-kummerċ bejn l-Istati Membri jista’ jiġi effettwat huma intiżi preċiżament sabiex jiżguraw l-għan ta’ effikaċja li għandu jintlaħaq mill-imsemmi regolament.

57      Għalhekk, ir-rekwiżit ta’ effikaċja ma jistax iwassal, bir-riskju li tiġi kkontestata l-portata tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1/2003, għall-obbligu għall-Kummissjoni li tivverifika, fil-kuntest tal-implementazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni partikolari, jekk l-awtorità tal-kompetizzjoni kkonċernata għandhiex għad-dispożizzjoni tagħha mezzi istituzzjonali, finanzjarji u tekniċi sabiex twettaq il-missjoni li ġiet fdata lilha bir-Regolament Nru 1/2003.

58      Fi kwalunkwe każ, il-provi prodotti mir-rikorrenti quddiem il-Kummissjoni ma jistabbilixxux b’mod suffiċjenti l-eżistenza ta’ nuqqasijiet istituzzjonali fi ħdan l-UVK, u, b’mod partikolari, nuqqas ta’ indipendenza, ta’ mezzi jew ta’ diliġenza f’din l-awtorità tal-kompetizzjoni, li jipprekluduha milli twettaq il-missjoni tagħha.

59      F’dan ir-rigward, qabel kollox għandu jiġi enfasizzat li l-indipendenza tal-UVK hija prevista mil-liġi, kif jirriżulta mill-atti tal-proċess, u b’mod partikolari mid-dokumenti prodotti mir-rikorrenti, li din l-awtorità tal-kompetizzjoni tgawdi effettivament minn indipendenza funzjonali u li diġà investigat aġir antikompetittiv preżunt minn diversi operaturi stabbiliti li l-maġġoranza tal-kapital tagħhom hija miżmuma mill-Istat.

60      Barra minn hekk, mid-dokumenti prodotti mir-rikorrenti ma jirriżultax b’mod manifest li l-UVK sofriet xi nuqqas ta’ mezzi li jipprekluduha milli tmexxi investigazzjoni u tittratta l-każ inkwistjoni.

61      Barra dan, f’dak li jikkonċerna l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-UVK kienet qabżet it-terminu ta’ sentejn li ġie impost fuqha sabiex tadotta deċiżjoni, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni kkontestata ngħatat qabel l-iskadenza ta’ dan it-terminu. Fi kwalunkwe każ, mid-dokumenti ppreżentati lill-Qorti Ġenerali mir-rikorrenti u mid-dikjarazzjonijiet tar-Repubblika Slovena matul is-seduta, jirriżulta li dan it-terminu ma huwiex terminu mandatorju li l-iskadenza tiegħu tipprekludi l-adozzjoni ta’ deċiżjoni mill-UVK, eventwalment akkumpanjata minn miżuri korrettivi. Għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li ma neħħietx il-kompetenza tal-UVK skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003 minħabba l-fatt li din l-awtorità tal-kompetizzjoni tawlet proċedura b’mod eċċessiv.

62      Dokumenti oħra prodotti mir-rikorrenti huma neqsin mir-rilevanza, sa fejn huma ma jikkonċernawx lill-UVK iżda lill-APEK.

63      F’dak li jikkonċerna l-argumenti tagħha bbażati fuq il-fatt li l-UVK ma applikatx b’mod effikaċi l-Artikolu 102 TFUE wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li, huma neqsin mir-rilevanza fil-kuntest ta’ din il-kawża, peress li dawn jirrigwardaw għal fatti li seħħew wara d-deċiżjoni kkontestata.

64      Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, il-legalità ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi li jeżistu fid-data li fiha l-att ġie adottat. Minn dan isegwi li ma jistgħux jiġu kkunsidrati, matul l-evalwazzjoni tal-legalità ta’ dan l-att, elementi posterjuri għad-data ta’ meta l-att tal-Unjoni ġie adottat (ara s-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2011, Franza vs Il-Kummissjoni, T‑257/07, Ġabra, EU:T:2011:444, punt 172, u l-ġurisprudenza ċċitata).

65      Fl-aħħar nett, id-dikjarazzjoni tal-ex President tal-UVK riprodotta f’artikolu f’ġurnal tat-22 ta’ Ġunju 2011 u skont liema din l-awtorità tal-kompetizzjoni sostniet, f’dak iż-żmien, l-idea li l-Kummissjoni teżamina l-każ, ma setgħetx tipprova l-inkapaċità tal-UVK sabiex tittrattah. Barra minn hekk, kif jirriżulta minn din id-dikjarazzjoni u kif ippreċiżat il-Kummissjoni matul is-seduta, skambju ta’ ittra bejn l-UVK u l-Kummissjoni effettivament seħħ matul ix-xahar ta’ Ġunju u ta’ Lulju 2009, jiġifieri qabel ma r-rikorrenti ppreżentat l-ilment mal-Kummissjoni, fil-fażi tad-diviżjoni inizjali tax-xogħol bejn dawn iż-żewġ membri tan-Netwerk Ewropew tal-Kompetizzjoni.

66      Fit-tielet lok, f’dak li jikkonċerna t-telf ta’ drittijiet proċedurali tagħha fil-kuntest tal-proċedura nazzjonali invokata mir-rikorrenti, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv sa fejn hija ma tikkontestax il-konstatazzjoni skont liema l-Kummissjoni kienet intitolata li tqis li l-UVK tittratta l-każ. F’dan ir-rigward għandu jiżdied li, kif ġie ddikjarat matul is-seduta, ir-rikorrenti għażlet li ma tintervjenix quddiem l-UVK, għaliex hija ħasbet li l-Kummissjoni kienet serjament qed tikkunsidra li tittratta l-każ. Issa, ma jirriżultax la mis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, u lanqas mid-dokumenti prodotti insostenn tagħhom, li r-rikorrenti sostniet u lanqas, a fortiori, uriet li l-Kummissjoni li pprovditilha garanziji preċiżi li hija ser tittratta l-każ.

67      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest meta ċaħdet l-ilment tar-rikorrenti peress li l-imsemmi lment huwa bbażat fuq is-suq tal-bejgħ bl-imnut, billi qieset li l-UVK ittrattat il-każ.

 Fuq l-identità tal-prattiki ttrattati mill-UVK

68      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest meta, fid-deċiżjoni kkontestata, hija qieset li t-talbiet li ġew ifformulati u l-każ eżaminat mill-UVK jikkonċernaw “l-istess ksur allegat, imwettaq fl-istess ħin fl-istess suq”. Hija argmentat ukoll li l-Kummissjoni għamlet distinzjoni artifiċjali u erronja bejn il-provi tal-każ fir-rigward tal-bejgħ bl-imnut u dawk fir-rigward tal-bejgħ bl-ingrossa.

69      Fl-ewwel lok, mill-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jirriżulta li l-Kummissjoni tista’ tiċħad ilment minħabba li tkun tresqitilha quddiemha l-“istess prattika” bħal dik li tkun qed tiġi ttrattata minn awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru.

70      Għandu jitfakkar ukoll li, fl-ilment tagħha, ir-rikorrenti ddenunċjat b’mod partikolari l-implementazzjoni, mill-intervenjenti, ta’ strateġija għall-esklużjoni mis-suq tal-bejgħ bl-imnut tat-telefonija ċellulari pemezz tat-tnedija, fl-2008, tal-prodott tagħha “Džabest” li kien jirriżulta fi pressjoni fuq il-marġni. Hija argumentat ukoll li l-aġir tal-intervenjenti fis-suq tal-bejgħ bl-imnut jikkostitwixxi prattika ta’ prezzijiet predatorji (ara l-punti 4 u 6 iktar ’il fuq).

71      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni enfasizzat li, f’ittra tat-18 ta’ Novembru 2009, l-UVK kienet infurmatha b’investigazzjoni fuq il-possibbiltà ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti mwettaq mill-intervenjenti b’mod partikolari fis-suq tal-bejgħ bl-imnut tat-telefonija ċellulari mill-2008 u żiedet li din l-investigazzjoni fir-rigward, b’mod partikolari, dwar il-prodott “Džabest” mibjugħ bl-imnut mill-intervenjenti u fuq il-punt ta’ jekk din tal-aħħar implementatx prattika ta’ pressjoni fuq il-marġini u/jew ta’ prezzijiet predatorji.

72      Għalhekk, u kif huwa kkonfermat mill-ittra tal-UVK tat-18 ta’ Novembru 2009, l-ilment imressaq mir-rikorrenti mal-Kummissjoni u l-każ ittrattat mill-UVK jikkonċernaw l-aġir adottat mill-intervenjenti mill-2008. Għaldaqstant, dan l-ilment jikkonċerna l-aġir tal-istess impriża matul fl-istess perijodu. Barra minn hekk, il-prattiki ddenunċjati mir-rikorrenti u l-każ ittratti mill-UVK jikkonċerna wkoll l-istess suq ġeografiku, jiġifieri s-suq Sloven. Fl-aħħar nett, ma huwiex kkontestat li tressqet quddiem il-Kummissjoni prattika ta’ pressjoni tal-marġini u/jew ta’ prezzijiet predatorji implementati fis-suq tal-bejgħ bl-imnut tas-servizzi tat-telefonija ċellulari li kienet is-suġġett ta’ proċedura quddiem l-UVK, li sussegwentement ikkonfermat permezz tal-imsemmija ittra li hija investigat dwar din il-prattika.

73      Minn dan jirriżulta li mingħajr ma wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkontestat li l-proċedura mnedija mill-UVK tikkonċerna “l-istess ksur allegat kommess fl-istess ħin fl-istess suq” bħal dak li tressaq quddiemha fis-suq tal-bejgħ bl-imnut.

74      Fit-tieni lok, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni qasmet, artifiċjalment u b’mod erronju, il-provi tal-każ fir-rigward tal-bejgħ bl-imnut u dawk fir-rigward tal-bejgħ bl-ingrossa ma jistax jintlaqa’.

75      Fil-fatt, meta l-Kummissjoni tikkunsidra li tiċħad ilment abbażi tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1/2003, hija għandha b’mod partikolari tiżgura ruħha li l-każ ittrattat mill-awtorità tal-kompetizzjoni tal-Istat Membru jkun jinkludi l-istess punti fattwali bħal dawk denunċjati f’dan l-ilment.

76      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta la bil-għan u l-każ tat-talbiet ifformulati mil-lanjanti u lanqas mill-kwalifiki mogħtija minn dawn tal-aħħar għal-fatti li huma jiddenunzjaw.

77      Għalhekk, f’dan il-każ, sa fejn il-Kummissjoni żgurat ruħha li l-każ ittrattat mill-UVK jirrigwarda l-istess punti fattwali bħal dawk iddenunċjati f’parti tal-ilment tar-rikorrenti, hija kellha d-dritt li tapplika l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1/2003 għal din il-parti tal-ilment u li tevalwa jekk jeżistix interess għall-Unjoni sabiex hija twettaq l-eżami tal-parti l-oħra ta’ dan l-ilment.

78      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball manifest imwettaq mill-Kummissjoni matul l-ibilanċjar previst mill-ġurisprudenza

[omissis]

 Fuq l-ispejjeż

[omissis]

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Si.mobil telekomunikacijske storitve d.d. hija kkundannata għall-ispejjeż tagħha kif ukoll għall-ispejjeż tal-Kummissjoni Ewropea u ta’ Telekom Slovenije d.d.

3)      Ir-Repubblika Slovena għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Papasavvas

Forwood

Bieliūnas

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-17 ta’ Diċembru 2014.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1      Huma riprodotti biss il-punti ta’ dan id-digriet li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.