Language of document : ECLI:EU:T:2013:326

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

18 ta’ Ġunju 2013

Kawża T‑645/11 P

Michael Heath

vs

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)

“Appell — Servizz pubbliku — Persunal tal-BĊE — Pensjonijiet — Żieda annwali — Rata ta’ żieda għas-sena 2010 — Retroattività — Dritt għal negozjar kollettiv”

Suġġett:      Appell ippreżentat mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla) tad-29 ta’ Settembru 2011, Heath vs BĊE (F‑121/10), u intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni:      L-appell huwa miċħud. Michael Heath għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk imġarrba mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) fil-kuntest ta’ din l-istanza.

Sommarju

1.      Atti tal-istituzzjonijiet — Applikazzjoni ratione temporis — Prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività — Eċċezzjonijiet — Kundizzjonijiet

2.      Appell — Aggravji — Neċessità ta’ kritika preċiża ta’ punt tar-raġunament tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

(Artikolu 257 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 11; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, l-ewwel subparagrafu (ċ) tal-Artikolu 138(1))

3.      Appell — Aggravji — Motivazzjoni insuffiċjenti jew kontradittorja — Ammissibbiltà — Portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni — Portata tal-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali fuq is-sentenzi tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 36 u Anness I, Artikolu 7(1); Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 79)

4.      Uffiċjali — Prinċipji — Ċertezza legali — Portata — Obbligu li jiġu adottati kriterji li jirregolaw is-setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Assenza

5.      Appell — Aggravji — Evalwazzjoni żbaljata tal-fatti — Inammissibbiltà — Stħarriġ mill-Qorti Ġenerali tal-evalwazzjoni ta’ fatti u ta’ provi — Esklużjoni ħlief fil-każ ta’ żnaturament

(Artikolu 257 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 11(1))

6.      Appell — Aggravji — Sempliċi repetizzjoni tal-motivi u tal-argumenti mressqa quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku — Assenza ta’ identifikazzjoni tal-iżball ta’ liġi invokat — Inammissibbiltà — Kontestazzjoni tal-interpretazzjoni jew tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula minn dan it-Tribunal — Ammissibbiltà

(Artikolu 257 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 11(1); Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 138(1))

7.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew — Rappreżentanza — Kumitat tal-Persunal — Konsultazzjoni obbligatorja — Portata — Żieda annwali tal-pensjonijiet — Esklużjoni

(Kundizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikoli 48 u 49, u Anness III, Artikolu 17(7))

8.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew — Pensjonijiet — Żieda annwali — Obbligu ta’ negozjar kollettiv qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni annwali ta’ żieda tal-pensjonijiet — Assenza

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 28; Kundizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, Anness III, Artikolu 17(7))

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 37 u 38)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 25 ta’ Jannar 1979, Racke, 98/78, Ġabra p. 69, punt 20; 24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, C‑74/00 P u C‑75/00 P, Ġabra p. I‑7869, punt 119

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 73 u 113)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 19 ta’ Mejju 2010, Bianchi vs ETF, T‑338/07 P, punt 59

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 80, 81, 97, 118, 122 u 141)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑120/06 P u C‑121/06 P, Ġabra p. I‑6513, punt 91; 2 ta’ April 2009, France Télécom vs Il-Kummissjoni, C‑202/07 P, Ġabra p. I‑2369, punt 41

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 13 ta’ Diċembru 2001, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, T‑311/09 P, punt 33; 19 ta’ Marzu 2012, Barthel et vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑398/11 P, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 87)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 99 sa 101)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 28 ta’ Mejju 1998, New Holland Ford vs Il-Kummissjoni, C‑8/95 P, Ġabra, p. I‑3175, punt 72; 6 ta’ April 2006, General Motors vs Il-Kummissjoni, C‑551/03 P, Ġabra p. I‑3173, punt 54; 21 ta’ Settembru 2006, JCB Service vs Il-Kummissjoni, C‑167/04 P, Ġabra p. I‑8935, punt 108

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 12 ta’ Lulju 2007, Beau vs Il-Kummissjoni, T‑252/06 P, Ġabra SP p. I-B-1-13 u II‑B‑1‑63, punti 45 sa 47

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 132 u 148)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 19 ta’ Settembru 2008, Chassagne vs Il-Kummissjoni, T‑253/06 P, Ġabra SP p. I-B-1-43 u II-B-1-295, punti 54 u 55; 8 ta’ Settembru 2009, ETF vs Landgren, T‑404/06 P, Ġabra p. II‑2841, punti 140 u 141

7.      Mill-Artikoli 48 u 49 tal-Kundizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew jirriżulta li l-kumitat tal-persunal għandu jiġi kkonsultat fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha li jirrigwardaw ir-remunerazzjoni. Konsegwentement, huwa għandu jiġi kkonsultat qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni fuq l-aġġustament ġenerali tas-salarji. Min-naħa l-oħra, skont dawn id-dispożizzjonijiet, il-kumitat tal-persunal għandu jiġi kkonsultat biss fir-rigward tal-kwistjonijiet li jirrigwardaw l-“iskema ta’ pensjonijiet”. Il-kumitat tal-persunal għandu, ċertament, jinstema’ qabel id-determinazzjoni u l-emenda ta’ regoli li jirrigwardaw l-iskema ta’ pensjonijiet, iżda mhux qabel kull deċiżjoni ta’ implementazzjoni ta’ dawn ir-regoli, bħad-deċiżjoni ta’ żieda annwali tal-pensjonijiet meħuda skont l-Artikolu 17(7) tal-Anness III tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg.

(ara l-punt 134)

8.      Id-dritt għan-negozjar kollettiv, kif stabbilit fl-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, huwa intiż li jippermetti negozjar bejn l-imsieħba soċjali sabiex jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet ta’ xogħol. Issa, fil-każ li d-drittijiet u l-obbligi tal-impjegati huma diġà suffiċjentement iddeterminati mid-dispożizzjonijiet applikabbli, li l-validità tagħhom ma hijiex imqiegħda inkwistjoni, tali negozjar ma huwiex, fi kwalunkwe każ, meħtieġ minn dan id-dritt fundamentali.

Fil-fatt, fil-qasam taż-żieda annwali tal-pensjonijiet tal-ex impjegati tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-metodoloġija li tirrigwarda ż-żieda tal-pensjonijiet hija ddeterminata fl-Artikolu 17(7) tal-Anness III tal-Kundizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew. Din ir-regola tipprovdi li, f’każ li aġġustament ġenerali tas-salarji għal sena jkun iktar mill-inflazzjoni, il-kunsill governattiv għandu japplika l-aġġustament ġenerali tas-salarji għall-indiċjar ta’ pensjonijiet, jekk huwa jiddetermina, billi jaġixxi fuq l-opinjoni tal-attwarju tal-pjan ta’ pensjoni, li l-pożizzjoni finanzjarja tal-fondi tippermetti dan. Fil-każ li l-pożizzjoni finanzjarja tal-fondi ma tippermettix dan, il-pensjonijiet jiżdiedu skont l-inflazzjoni.

Għalkemm il-kriterju li jirreferi għas-sitwazzjoni finanzjarja tal-fond ma huwiex speċifikament iddefinit fl-Anness III tal-imsemmija kundizzjonijiet tal-impjieg, l-iskema ta’ pensjonijiet inkwistjoni hija skema ffinanzjata, li taħtha l-pensjonijiet imħallsa huma ffinanzjati, fil-prinċipju, permezz ta’ kontribuzzjonijiet bażiċi u ta’ kontribuzzjonijiet flessibbli. Għaldaqstant, ir-rekwiżit li jipprovdi li l-pożizzjoni finanzjarja tal-fond għandha tippermetti l-applikazzjoni tal-aġġustament ġenerali tas-salarji, huwa intiż li jiggarantixxi li ż-żieda tal-pensjonijiet ma tipperikolax il-finanzjament tal-pjan ta’ pensjoni fit-tul. Għaldaqstant huwa fid-dawl ta’ dan l-għan li l-kunsill governattiv għandu jevalwa l-pożizzjoni finanzjarja tal-fond u jieħu d-deċiżjoni tiegħu fuq iż-żieda tal-pensjonijiet.

F’dan il-kuntest, l-eżistenza tal-mekkaniżmu ta’ garanzija prevista mill-Anness III tal-kundizzjonijiet tal-impjieg ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-pożizzjoni finanzjarja tal-fond. Fil-fatt, l-imsemmi mekkaniżmu ta’ garanzija huwa intiż li jipproteġi s-somom imħallsa kontra l-profitti ta’ investimenti negattivi, iżda mhux kontra żieda tal-pensjonijiet li ma tkunx permessa mill-pożizzjoni finanzjarja tal-fond. L-eżistenza tal-imsemmi mekkaniżmu ta’ garanzija ma tipprovdix għaldaqstant marġni ta’ manuvra lill-kunsill governattiv fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-pożizzjoni finanzjarja tal-fond.

Barra minn hekk, l-osservanza tal-metodoloġija prevista fl-Artikolu 17(7) tal-Anness II tal-kundizzjonijiet tal-impjieg hija suġġetta għal stħarriġ mill-qorti tal-Unjoni. Għaldaqstant, f’sitwazzjoni fejn il-kunsill governattiv ma applikax ir-rata tal-aġġustament ġenerali tas-salarji għall-pensjonijiet meta l-pożizzjoni finanzjarja tal-fond kienet tippermetti dan, id-deċiżjoni tiegħu tista’ tiġi kkontestata quddiem il-qrati tal-Unjoni.

Għalhekk, id-drittijiet u l-obbligi tal-ex impjegati tal-Bank Ċentrali Ewropew huma diġà suffiċjentement iddeterminati mill-metodoloġija prevista fl-Artikolu 17(7) tal-Anness III tal-kundizzjonijiet tal-impjieg iċċitati iktar ’il fuq.

Dan il-konklużjoni ma titqiegħedx inkwistjoni mill-fatt li l-evalwazzjoni tal-pożizzjoni finanzjarja tal-fond teżiġi evalwazzjoni ekonomika kumplessa u li tali evalwazzjoni hija s-suġġett fil-prinċipju biss ta’ stħarriġ ġudizzjarju limitat.

F’dan ir-rigward, minn naħa, stħarriġ ġudizzjarju limitat ma jfissirx li l-qorti tal-Unjoni tastjeni minn kull stħarriġ. Fil-fatt, f’tali każ il-qorti tal-Unjoni mhux biss għandha tivverifika li l-provi invokati jkunu fattwalment preċiżi, affidabbli u koerenti, iżda għandha tistħarreġ ukoll jekk dawn il-provi jikkostitwixxux l-informazzjoni kollha rilevanti li għandha tiġi kkunsidrata sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk dawn il-provi humiex kapaċi jissostanzjaw il-konklużjonijiet misluta minnha.

Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 17(7) tal-Anness III tal-kundizzjonijiet tal-impjieg, il-kunsill governattiv għandu jaġixxi fuq l-opinjoni tal-attwarju, u għaldaqstant fuq l-opinjoni ta’ espert. L-għan ta’ din l-opinjoni ta’ espert huwa li jiffaċilitalu l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-fond. Hija għandha wkoll l-effett li tiffaċilita l-istħarriġ fuq id-deċiżjoni tiegħu. Fil-każ li l-kunsill governattiv isegwi l-opinjoni tal-attwarju, huwa jieħu inkunsiderazzjoni l-opinjoni ta’ espert, li huwa terz fir-rigward tal-kunsill governattiv u tal-persunal tal-Bank. Min-naħa l-oħra, fil-każ li l-kunsill governattiv jiddeċiedi li ma jsegwix din l-opinjoni, huwa għandu jipprovdi r-raġunijiet għaliex l-evalwazzjoni tiegħu hija diverġenti.

(ara l-punti 155 sa 163)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il-Kummissjoni, T‑201/04, Ġabra p. II‑3601, punti 87 sa 89