Language of document : ECLI:EU:T:2022:181

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

30 ta’ Marzu 2022 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tat-trasport ta’ merkanzija bl-ajru – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE, tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u tal-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità u l-Isvizzera fuq it-trasport bl-ajru – Koordinazzjoni ta’ diversi elementi tal-prezzijiet tas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija bl-ajru (sovrataxxa għall-karburant, sovrataxxa għas-sigurtà, ħlas ta’ kummissjoni fuq is-sovrataxxi) – Skambju ta’ informazzjoni – Kompetenza territorjali tal-Kummissjoni – Artikolu 266 TFUE – Preskrizzjoni – Drittijiet tad-difiża – Nondiskriminazzjoni – Ksur uniku u kontinwu – Ammont tal-multa – Valur tal-bejgħ – Gravità tal-ksur – Ammont addizzjonali – Ċirkustanzi attenwanti – Inkoraġġiment tal-aġir antikompetittiv mill-awtoritajiet pubbliċi – Parteċipazzjoni sostanzjalment ridotta – Proporzjonalità – Ġurisdizzjoni sħiħa”

Fil-Kawża T‑340/17,

Japan Airlines Co. Ltd, stabbilita f’Tokjo (il-Ġappun), irrappreżentata minn J.-F. Bellis u K. Van Hove, avukati, u R. Burton, solicitor,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Dawes, G. Koleva u C. Urraca Caviedes, bħala aġenti, assistiti minn J. Holmes, QC,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 1742 finali, tas-17 ta’ Marzu 2017, li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 TFUE, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-Trasport bl-Ajru (Każ AT.39258 – Trasport bl-ajru), sa fejn din tirrigwarda lir-rikorrenti, u, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża),

komposta minn H. Kanninen (Relatur), President, J. Schwarcz, C. Iliopoulos, D. Spielmann u I. Reine, Imħallfin,

Reġistratur: L. Ramette, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat-3 ta’ Lulju 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Ilfatti li wasslu għallkawża

1        Ir-rikorrenti, Japan Airlines Co. Ltd, li qabel kienet Japan Airlines International Co. Ltd, hija kumpannija tat-trasport bl-ajru. Fiż-żmien meta seħħew il-fatti, ir-rikorrenti kienet sussidjarja ta’ Japan Airlines Corp., li hija assorbiet u tiżgura s-suċċessjoni legali tagħha. Ir-rikorrenti hija attiva fis-suq ta’ servizzi tat-trasport ta’ merkanzija bl-ajru (iktar ’il quddiem “merkanzija”) permezz ta’ waħda mid-diviżjonijiet tagħha, imsejħa JAL Cargo.

2        Fis-settur tal-merkanzija, il-kumpanniji tal-ajru jipprovdu t-trasport tal-merkanzija bl-ajru (iktar ’il quddiem it-“trasportaturi”). Bħala regola ġenerali, dawn it-trasportaturi jipprovdu servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija lill-burdnara, li jorganizzaw it-trasport ta’ din il-merkanzija f’isem l-ispedituri. Bħala korrispettiv, dawn il-burdnara jħallsu lit-trasportaturi prezz li jikkonsisti, minn naħa, minn tariffi kkalkolati għal kull kilogramma u nnegozjati jew għal perijodu twil (ġeneralment staġun, jiġifieri sitt xhur), jew fuq bażi ad hoc, u, min-naħa l-oħra, minn diversi sovrataxxi, li huma intiżi sabiex ikopru ċerti spejjeż.

3        Issir distinzjoni bejn erba’ tipi ta’ trasportaturi: l-ewwel nett, dawk li joperaw esklużivament ajruplani għat-trasport tal-merkanzija; it-tieni, dawk li, fuq it-titjiriet tagħhom maħsuba għall-passiġġieri, jirriżervaw parti mill-istiva tal-ajruplan għat-trasport tal-merkanzija; it-tielet, dawk li għandhom kemm ajruplani tal-merkanzija kif ukoll spazju rriżervat għat-trasport tal-merkanzija fil-istiva ta’ ajruplani tal-passiġġieri (kumpanniji tal-ajru mħallta), u, ir-raba’, l-integraturi li għandhom ajruplani tal-merkanzija li jipprovdu kemm servizzi ta’ kunsinna espressa integrati kif ukoll servizzi ta’ trasport tal-merkanzija ġenerali.

4        Peress li ebda trasportatur ma huwa f’pożizzjoni li jservi d-destinazzjonijiet ewlenin kollha fid-dinja tal-merkanzija bi frekwenzi suffiċjenti, bdew jikkonkludu ftehimiet bejniethom sabiex iżidu l-kopertura tan-network tagħhom jew sabiex itejbu l-iskedi, inkluż fil-kuntest ta’ alleanzi kummerċjali usa’ bejn it-trasportaturi. Fost dawn l-alleanzi, fiż-żmien meta seħħew il-fatti, kien hemm b’mod partikolari l-alleanza WOW, li kienet tikkonsisti minn Deutsche Lufthansa AG (iktar ’il quddiem “Lufthansa”), SAS Cargo Group A/S (iktar ’il quddiem “SAS Cargo”), Singapore Airlines Cargo Pte Ltd (iktar ’il quddiem “SAC”) u r-rikorrenti.

A.      Proċedura amministrattiva

5        Fis-7 ta’ Diċembru 2005, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej irċeviet, bl-avviż tagħha dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155), applikazzjoni għall-immunità mressqa minn Lufthansa u mis-sussidjarji tagħha, Lufthansa Cargo AG u Swiss International Air Lines AG (iktar ’il quddiem “Swiss”). Skont din l-applikazzjoni, kien hemm kuntatti antikompetittivi intensivi bejn diversi trasportaturi, b’mod partikolari dwar:

–        is-sovrataxxa marbuta mal-karburant (iktar ’il quddiem is-“STK”), li ġiet introdotta sabiex tagħmel tajjeb għall-ispiża dejjem ikbar tal-karburant;

–        is-sovrataxxa marbuta mas-sigurtà (iktar ’il quddiem is-“STS”), li ġiet introdotta sabiex tagħmel tajjeb għall-ispiża ta’ ċerti miżuri ta’ sigurtà imposti wara l-attakki terroristiċi tal-11 ta’ Settembru 2001.

6        Fl-14 u fil-15 ta’ Frar 2006, il-Kummissjoni wettqet spezzjonijiet għal għarrieda f’konformità mal-Artikolu 20 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).

7        Wara l-ispezzjonijiet, diversi trasportaturi, fosthom ir-rikorrenti, ressqu applikazzjoni skont l-Avviż tal-2002 imsemmi fil-punt 5 iktar ’il fuq.

8        Fid-19 ta’ Diċembru 2007, wara li bagħtet diversi talbiet għal informazzjoni, il-Kummissjoni indirizzat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lil 27 trasportatur, fosthom ir-rikorrenti (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet”). Hija indikat li dawk it-trasportaturi kienu kisru l-Artikolu 101 TFUE, l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u l-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-trasport bl-ajru (iktar ’il quddiem il-“Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru”), bis-sehem tagħhom f’akkordju li jirrigwarda, b’mod partikolari, is-STK, is-STS u rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet fuq is-sovrataxxi (iktar ’il quddiem ir-“rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet”).

9        B’risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, id-destinatarji tagħha ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

10      Saret seduta fit-30 ta’ Ġunju u fl-4 ta’ Lulju 2008.

B.      Id-Deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010

11      Fid-9 ta’ Novembru 2010, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2010) 7694 finali li tirrigwarda proċedura skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-trasport bl-ajru (Każ C.39258 — Trasport ta’ merkanzija bl-ajru) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010”). Din id-deċiżjoni hija indirizzata lil 21 trasportatur (iktar ’il quddiem it-“trasportaturi inkriminati bid-Deċiżjoni tad‑9 ta’ Novembru 2010”), jiġifieri:

–        Air Canada;

–        Air France-KLM (iktar ’il quddiem “AF-KLM”);

–        Société Air France (iktar ’il quddiem “AF”);

–        Koninklijke Luchtvaart Maatschappij NV (iktar ’il quddiem “KLM”);

–        British Airways plc;

–        Cargolux Airlines International SA (iktar ’il quddiem “Cargolux”);

–        Cathay Pacific Airways Ltd (iktar ’il quddiem “CPA”);

–        Japan Airlines Corp.;

–        ir-rikorrenti;

–        Lan Airlines SA (iktar ’il quddiem “Lan”);

–        Lan Cargo SA;

–        Lufthansa Cargo;

–        Lufthansa;

–        Swiss;

–        Martinair Holland NV (iktar ’il quddiem “Martinair”);

–        Qantas Airways Ltd (iktar ’il quddiem “Qantas”);

–        SAS AB;

–        SAS Cargo;

–        Scandinavian Airlines System Denmark-Norway-Sweden (iktar ’il quddiem il-“Konsorzju SAS”);

–        SAC;

–        Singapore Airlines Ltd (iktar ’il quddiem “SIA”).

12      L-oġġezzjonijiet imressqa b’mod provviżorju fir-rigward tad-destinatarji l-oħra tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġew abbandunati (iktar ’il quddiem it-“trasportaturi mhux inkriminati”).

13      Id-Deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010 tiddeskrivi, fil-motivi tagħha, ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 TFUE, tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u tal-Artikolu 8 tal-Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru, li jkopri t-territorju taż-ŻEE u tal-Isvizzera, li permezz tiegħu t-trasportaturi inkriminati bid-Deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010 ikkoordinaw l-aġir tagħhom fil-qasam tat-tariffi għall-provvista ta’ servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija bl-ajru.

14      Id-dispożittiv tad-Deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010, sa fejn jikkonċerna lir-rikorrenti, jaqra kif ġej:

Artikolu 2

L-impriżi li ġejjin kisru l-Artikolu 101 TFUE billi pparteċipaw fi ksur kompost fl-istess ħin minn ftehimiet u minn prattiki miftiehma li permezz tagħhom huma kkoordinaw diversi elementi tal-prezz li għandu jinżamm għal servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija […] fuq rotot bejn ajruporti li jinsabu fl-Unjoni Ewropea u ajruporti li jinsabu barra miż-ŻEE matul il-perijodi li ġejjin:

[…]

h)      [Japan Airlines Corp.], mill-1 ta’ Mejju 2004 sal-14 ta’ Frar 2006;

i)      [ir-rikorrenti], mill-1 ta’ Mejju 2004 sal-14 ta’ Frar 2006;

[…]

Artikolu 3

L-impriżi li ġejjin kisru l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipaw fi ksur kompost fl-istess ħin minn ftehimiet u minn prattiki miftiehma li permezz tagħhom huma kkoordinaw diversi elementi tal-prezz li għandu jinżamm għal servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija […] fuq rotot bejn ajruporti li jinsabu f’pajjiżi li huma partijiet kontraenti tal-Ftehim ŻEE iżda li ma humiex Stati Membri, u pajjiżi terzi, matul il-perijodi li ġejjin:

[…]

h)      [Japan Airlines Corp.], mid-19 ta’ Mejju 2005 sal-14 ta’ Frar 2006;

i)      [ir-rikorrenti], mid-19 ta’ Mejju 2005 sal-14 ta’ Frar 2006;

[…]

Artikolu 5

Il-multi li ġejjin huma imposti għall-ksur imsemmi fl-Artikoli 1 sa 4 [tad-Deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010]:

[…]

h)      [Japan Airlines Corp.] u [r-rikorrenti] flimkien u in solidum: EUR 35 700 000;

[…]

Artikolu 6

L-impriżi elenkati fl-Artikoli 1 sa 4 għandhom jitterminaw b’mod immedjat il-ksur imsemmi f’dawn l-artikoli, dejjem sakemm huma għadhom ma għamlux dan.

Huma għandhom jiżguraw li minn issa ‘l quddiem ma jirrepetu l-ebda att jew aġir imsemmi fl-Artikoli 1 sa 4, u ma jwettqu l-ebda att jew aġir bl-istess għan jew effett jew simili.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

C.      Fuq ir-rikors kontra d-Deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010 quddiem il-Qorti Ġenerali

15      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Jannar 2011, ir-rikorrenti ppreżentat rikors intiż, prinċipalment, li jikseb l-annullament tad-Deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010, sa fejn tikkonċernaha, u, sussidjarjament, it-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuqha u fuq Japan Airlines Corp. It-trasportaturi inkriminati bid-Deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010 l-oħra, bl-eċċezzjoni ta’ Qantas, ukoll ippreżentaw rikorsi quddiem il-Qorti Ġenerali kontra din id-deċiżjoni.

16      Permezz tas-sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 2015, Air Canada vs Il‑Kummissjoni (T‑9/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:994), Koninklijke Luchtvaart Maatschappij vs Il‑Kummissjoni (T‑28/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:995), Japan Airlines vs Il‑Kummissjoni (T‑36/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:992), Cathay Pacific Airways vs Il‑Kummissjoni (T‑38/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:985), Cargolux Airlines vs Il‑Kummissjoni (T‑39/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:991), Latam Airlines Group u Lan Cargo vs Il‑Kummissjoni (T‑40/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:986), Singapore Airlines u Singapore Airlines Cargo Pte vs Il‑Kummissjoni (T‑43/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:989), Deutsche Lufthansa et vs Il‑Kummissjoni (T‑46/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:987), British Airways vs Il‑Kummissjoni (T‑48/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:988), SAS Cargo Group et vs Il‑Kummissjoni (T‑56/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:990), Air France-KLM vs Il‑Kummissjoni (T‑62/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:996), Air France vs Il‑Kummissjoni (T‑63/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:993), u Martinair Holland vs Il‑Kummissjoni (T‑67/11, EU:T:2015:984), il-Qorti Ġenerali annullatt, kompletament jew parzjalment, id-Deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010 sa fejn din tikkonċerna, rispettivament, lil Air Canada, lil KLM, lir-rikorrenti u lil Japan Airlines Corp., lil CPA, lil Cargolux, lil Latam Airlines Group SA (preċedentement Lan Airlines) u lil Lan Cargo, lil SAC u lil SIA, lil Lufthansa, lil Lufthansa Cargo u lil Swiss, lil British Airways, lil SAS Cargo, lil SAS Consortium u lil SAS, lil AF-KLM, lil AF u lil Martinair. Il-Qorti Ġenerali sabet li din id-deċiżjoni kienet ivvizzjata b’difett ta’ motivazzjoni.

17      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li d-Deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010 kienet ivvizzjata minn kontradizzjonijiet bejn il-motivi tagħha u d-dispożittiv tagħha. Il-motivi ta’ din id-deċiżjoni jiddeskrivu ksur uniku u kontinwu, relatat mar-rotot kollha koperti mill-akkordju, li fih ipparteċipaw it-trasportaturi inkriminati bid-Deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010. Min-naħa l-oħra, id-dispożittiv tal-imsemmija deċiżjoni jidentifika jew erba’ każijiet distinti ta’ ksur uniku u kontinwu, jew ksur uniku u kontinwu wieħed li r-responsabbiltà tiegħu hija imputata biss lit-trasportaturi li, fir-rotot imsemmija fl-Artikoli 1 sa 4 tal-istess deċiżjoni, ipparteċipaw b’mod dirett fl-aġir li jikkostitwixxi ksur imsemmi f’kull wieħed mill-imsemmija artikoli jew kellhom għarfien ta’ kollużjoni dwar dawn ir-rotot u aċċettaw ir-riskju. Issa, l-ebda waħda minn dawn iż-żewġ interpretazzjonijiet tad-dispożittiv tad-deċiżjoni inkwistjoni ma kienet konformi mal-motivi tagħha.

18      Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll bħala inkompatibbli mal-motivi tad-Deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010 l-interpretazzjoni alternattiva tad-dispożittiv tagħha propost mill-Kummissjoni, dik li n-nuqqas ta’ referenza għal ċerti trasportaturi inkriminati bid-Deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010 fl-Artikoli 1, 3 u 4 ta’ din id-deċiżjoni seta’ jiġi spjegat, mingħajr il-ħtieġa li jitqies li dawn l-artikoli jikkonstataw każijiet distinti ta’ ksur uniku u kontinwu, mill-fatt li l-imsemmija trasportaturi ma kinux joperaw ir-rotot koperti minn dawk id-dispożizzjonijiet.

19      Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali qieset li l-motivi tad-Deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010 kien fihom kontradizzjonijiet interni sinjifikattivi.

20      Fit-tielet lok, wara li rrilevat li l-ebda waħda miż-żewġ interpretazzjonijiet possibbli tad-dispożittiv tad-Deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010 ma kienet konformi mal-motivi tal-imsemmija deċiżjoni, il-Qorti Ġenerali eżaminat jekk, fil-kuntest ta’ mill-inqas waħda miż-żewġ interpretazzjonijiet possibbli, il-kontradizzjonijiet interni tal-imsemmija deċiżjoni kinux tali li jippreġudikaw id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti u jimpedixxu lill-Qorti Ġenerali milli twettaq l-istħarriġ tagħha. Fir-rigward tal-ewwel interpretazzjoni, li tgħid li kien hemm erba’ każijiet distinti ta’ ksur uniku u kontinwu, l-ewwel nett, iddeċidiet li r-rikorrenti ma kinitx f’sitwazzjoni li tifhem il-portata sa fejn il-provi ppreżentati fil-motivi, relatati mal-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu, setgħu jistabbilixxu l-eżistenza ta’ erba’ każijiet distinti ta’ ksur ikkonstatati fid-dispożittiv u għalhekk lanqas ma kienet f’pożizzjoni li tkun tista’ tikkontesta s-suffiċjenza ta’ dawk il-provi. It-tieni, iddeċidiet li r-rikorrenti kienet sabitha impossibbli li tifhem il-loġika li permezz tagħha l-Kummissjoni qisitha responsabbli għal ksur, inkluż għal rotot li ma kinitx topera skont il-limiti ddefiniti minn kull artikolu tad-Deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010.

D.      Id-deċiżjoni kkontestata

21      Fl-20 ta’ Mejju 2016, wara l-annullament deċiż mill-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni bagħtet ittra lit-trasportaturi inkriminati bid-Deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010 li kienu ppreżentaw rikors kontra l-imsemmija deċiżjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, fejn informathom li d-Direttorat Ġenerali (DĠ) tagħha għall-Kompetizzjoni kellu l-intenzjoni li jipproponilha li tadotta deċiżjoni ġdida li tikkonkludi li huma kienu pparteċipaw fi ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 TFUE, tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u tal-Artikolu 8 tal-Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru għar-rotot kollha msemmija.

22      Id-destinatarji tal-ittra tal-Kummissjoni msemmija fil-punt 21 kienu mistiedna jesprimu l-opinjoni tagħhom dwar il-proposta tad-DĠ għall-Kompetizzjoni tal-Kummissjoni fi żmien xahar. Kollha kemm huma, inkluża r-rikorrenti, għamlu użu minn din il-possibbiltà.

23      Fis-17 ta’ Marzu 2017, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2017) 1742 finali li tirrigwarda proċedura skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-trasport bl-ajru (Każ AT.39258 — Trasport ta’ merkanzija bl-ajru) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). L-imsemmija deċiżjoni hija indirizzata lil 19-il trasportatur (iktar ’il quddiem it-“trasportaturi inkriminati”), jiġifieri:

–        Air Canada;

–        AF-KLM;

–        AF;

–        KLM;

–        British Airways;

–        Cargolux;

–        CPA;

–        ir-rikorrenti;

–        Latam Airlines Group;

–        LAN Cargo;

–        Lufthansa Cargo;

–        Lufthansa;

–        Swiss;

–        Martinair;

–        SAS;

–        SAS Cargo;

–        SAS Consortium;

–        SAC;

–        SIA.

24      Id-deċiżjoni kkontestata ma tqajjimx oġġezzjonijiet kontra destinatarji oħra tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

25      Id-deċiżjoni kkontestata tiddeskrivi, fil-motivi tagħha, ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 TFUE, tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u tal-Artikolu 8 tal-Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru, li permezz tiegħu t-trasportaturi inkriminati kienu kkoordinaw l-aġir tagħhom fil-qasam tat-tariffi għall-provvista ta’ servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija fid-dinja kollha permezz tas-STK, tas-STS u tal-ħlas ta’ kummissjoni fuq is-sovrataxxi.

26      Fl-ewwel lok, fil-punt 4.1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeskriviet il-“[p]rinċipji bażiċi u [l-]istruttura tal-akkordju” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fil-premessi 107 u 108 ta’ din id-deċiżjoni, hija indikat li l-investigazzjoni kienet kixfet akkordju fuq skala globali bbażat fuq network ta’ kuntatti bilaterali u multilaterali fuq perijodu twil bejn il-kompetituri, dwar l-aġir li huma kienu ddeċidew, ipprevedew jew bassru li ser jadottaw fir-rigward ta’ diversi elementi tal-prezz għal servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija, jiġifieri s-STK, is-STS u r-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet. Hija enfasizzat li dan in-network ta’ kuntatti kellu l-għan komuni li jikkoordina l-aġir tal-kompetituri fil-qasam tat-tariffi jew li jnaqqas l-inċertezza fir-rigward tal-politika tal-ipprezzar tagħhom (iktar ’il quddiem l-“akkordju kontenzjuż”).

27      Skont il-premessa 109 tad-deċiżjoni kkontestata, l-applikazzjoni kkoordinata tas-STK kellha l-għan li tiżgura li t-trasportaturi madwar id-dinja kollha jimponu rata fissa ta’ sovrataxxa għal kull kilo għall-kunsinni kollha kkonċernati. Ġie stabbilit network kumpless ta’ kuntatti prinċipalment bilaterali bejn it-trasportaturi bil-għan li jikkoordina u li jissorvelja l-applikazzjoni tas-STK, peress li, skont il-Kummissjoni, id-data preċiża tal-applikazzjoni spiss kienet tiġi deċiża fuq livell lokali, bit-trasportatur lokali prinċipali ġeneralment jieħu t-tmexxija u bl-oħrajn isegwu. Dan l-approċċ ikkoordinat ġie estiż għas-STS, kif ukoll għar-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet, biex b’hekk dawn tal-aħħar saru dħul nett għat-trasportaturi u ħolqu inċentiv addizzjonali għalihom biex ikomplu l-koordinazzjoni fir-rigward tas-sovrataxxi.

28      Skont il-premessa 110 tad-deċiżjoni kkontestata, l-amministrazzjoni ġenerali tal-uffiċċju prinċipali ta’ diversi trasportaturi kienet jew direttament involuta fil-kuntatti mal-kompetituri, jew informata regolarment dwarhom. Fil-każ tas-sovrataxxi, l-impjegati responsabbli tal-uffiċċju prinċipali kienu jkunu f’kuntatt ma’ xulxin meta kienet tkun imminenti bidla fil-livell tas-sovrataxxa. Ir-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet ġie kkonfermat ukoll diversi drabi f’kuntatti fil-livell tal-amministrazzjoni ċentrali. Kien hemm ukoll kuntatti frekwenti fil-livell lokali bil-għan, minn naħa, li jiġu eżegwiti aħjar l-istruzzjonijiet mogħtija mill-amministrazzjonijiet ċentrali u li dawn jiġu adattati għall-kundizzjonijiet tas-suq lokali, u min-naħa l-oħra, li jiġu kkoordinati u implimentati l-inizjattivi lokali. F’dan l-aħħar każ, l-uffiċji prinċipali tat-trasportaturi ġeneralment kienu jawtorizzaw l-azzjoni proposta jew kienu jiġu informati dwarha.

29      Skont il-premessa 111 tad-deċiżjoni kkontestata, it-trasportaturi kienu jikkuntattjaw lil xulxin jew b’mod bilaterali, jew fi gruppi żgħar, jew, f’ċerti każijiet, f’fora multilaterali kbar. Kienu jintużaw l-assoċjazzjonijiet lokali ta’ rappreżentanti tat-trasportaturi, b’mod partikolari f’Ħong Kong u fl-Isvizzera, sabiex jiġu diskussi miżuri kif jista’ jittejjeb ir-redditu u sabiex jiġu kkoordinati s-sovrataxxi. Kienu jsiru wkoll laqgħat tal-alleanzi, bħall-alleanza WOW, għal dawn l-għanijiet.

30      Fit-tieni lok, fil-punti 4.3, 4.4 u 4.5 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeskriviet il-kuntatti li jikkonċernaw, rispettivament, is-STK, is-STS u r-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet (iktar ’il quddiem il-“kuntatti kontenzjużi”).

31      B’hekk, l-ewwel nett, fil-premessi 118 sa 120 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ġabret fil-qosor il-kuntatti relatati mas-STK kif ġej:

“(118) Network ta’ kuntatti bilaterali ta’ diversi kumpanniji tal-ajru ġie stabbilit bejn l-aħħar tal-1999 u l-bidu tal-2000, li kien jippermetti l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar l-azzjonijiet tal-impriżi parteċipanti bejn il-membri kollha tan-network. It-trasportaturi kienu jikkuntattjaw lil xulxin regolarment sabiex jiddiskutu kull kwistjoni li tqum fir-rigward tas-STK, b’mod partikolari l-bidliet fil-mekkaniżmu, il-bidliet fil-livell tas-STK, l-applikazzjoni koerenti tal-mekkaniżmu u s-sitwazzjonijiet fejn ċerti kumpanniji tal-ajru ma kinux qegħdin isegwu s-sistema.

(119) Għall-implimentazzjoni tas-STK fil-livell lokali, spiss kienet tiġi applikata sistema li permezz tagħha l-kumpanniji tal-ajru dominanti fuq ċerti rotot jew f’ċerti pajjiżi kienu jħabbru l-bidla l-ewwel, u mbagħad kienu jswegwu l-oħrajn […]

(120) Il-koordinazzjoni antikompetittiva fir-rigward tas-STK seħħet prinċipalment f’erba’ kuntesti: fir-rigward tal-introduzzjoni tas-STK fil-bidu tal-2000, l-introduzzjoni mill-ġdid ta’ mekkaniżmu ta’ STK wara l-annullament tal-mekkaniżmu previst mill-[Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasport bl-Ajru (IATA)], l-introduzzjoni ta’ livelli ġodda ta’ skattar (b’żieda fil-livell massimu tas-STK) u fuq kollox il-mument meta l-indiċijiet tal-karburant kienu joqorbu l-limitu fejn kienet tiskatta żieda jew tnaqqis tas-STK.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

32      It-tieni, fil-premessa 579 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ġabret fil-qosor il-kuntatti relatati mas-STS kif ġej:

“Diversi [trasportaturi inkriminati] ddiskutew, fost oħrajn, l-intenzjonijiet tagħhom li jintroduċu STS […] Barra minn hekk, ġew diskussi wkoll l-ammont tas-sovrataxxa u l-iskeda ta’ żmien għall-introduzzjoni. Minbarra dan, [it-trasportaturi inkriminati] qasmu ma’ xulxin ideat dwar il-ġustifikazzjoni li għandha tingħata lill-klijenti tagħhom. Kuntatti iżolati ad hoc dwar l-implimentazzjoni tas-STS baqgħu jsiru matul il-perijodu kollu li jkopri s-snin 2002 sa 2006. Il-koordinazzjoni illegali seħħet kemm fil-livell tal-amministrazzjonijiet ċentrali kif ukoll fil-livell lokali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

33      It-tielet, fil-premessa 676 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li t-trasportaturi inkriminati kienu “baqgħu jirrifjutaw li jħallsu kummissjoni fuq is-sovrataxxi u [kienu] kkonfermaw ma’ xulxin l-intenzjoni tagħhom f’dan ir-rigward f’diversi kuntatti” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

34      Fit-tielet lok, fil-punt 4.6 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni tal-kuntatti kontenzjużi. L-evalwazzjoni ta’ dawk li jinvolvu lir-rikorrenti tinsab fil-premessi 760 sa 764 ta’ din id-deċiżjoni.

35      Fil-premessa 765 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni żiedet tgħid li r-rikorrenti ma kkontestatx il-fatti ppreżentati fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

36      Fir-raba’ lok, fil-punt 5 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni applikat l-Artikolu 101 TFUE għall-fatti tal-każ, filwaqt li ppreċiżat, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 1289 ta’ dik id-deċiżjoni, li l-kunsiderazzjonijiet magħmula kienu japplikaw ukoll, mutatis mutandis, għall-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u għall-Artikolu 8 tal-Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru. B’hekk, l-ewwel nett, fil-premessa 846 tal-imsemmija deċiżjoni, hija qieset li t-trasportaturi inkriminati kienu kkoordinaw l-aġir tagħhom jew influwenzaw it-tariffi, “b’dan finalment jammonta għal iffissar tal-prezzijiet fir-rigward” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tas-STK, tas-STS u tal-ħlas ta’ kummissjoni fuq is-sovrataxxi. Fil-premessa 861 tal-istess deċiżjoni, hija ddeskriviet is-“sistema ġenerali ta’ koordinazzjoni tal-aġir fil-qasam tat-tariffi għall-provvista ta’ servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija” li l-investigazzjoni tagħha kienet kixfet l-eżistenza ta’ “ksur kumpless li jikkonsisti f’diversi azzjonijiet li [setgħu] jiġu kklassifikati jew bħala ftehim jew bħala prattika miftiehma, li fil-kuntest tagħhom il-kompetituri intenzjonalment [kienu] issostitwixxew il-kooperazzjoni prattika bejniethom għar-riskji tal-kompetizzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

37      It-tieni, fil-premessa 869 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-“aġir inkwistjoni [kien] jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 TFUE” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. B’hekk hija qieset li l-arranġamenti inkwistjoni kellhom għan antikompetittiv uniku li jikkonsisti fit-tfixkil tal-kompetizzjoni fis-settur tat-trasport tal-merkanzija fiż-ŻEE, inkluż meta l-koordinazzjoni seħħet fil-livell lokali u kellha varjazzjonijiet lokali (premessi 872 sa 876), kienu jirrigwardaw “[p]rodott/servizzi uniku”, jiġifieri “il-provvista ta’ servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija […] u t-tariffi tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 877), kienu jikkonċernaw l-istess impriżi (premessa 878), kienu ta’ natura unika (premessa 879) u kienu jikkonċernaw tliet komponenti, jiġifieri s-STK, is-STS u r-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet, li “spiss kienu jiġu diskussi flimkien waqt l-istess kuntatt mal-kompetituri” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 880).

38      Fil-premessa 881 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni żiedet li “l-maġġoranza tal-partijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali], fosthom ir-rikorrenti, kienu involuti fit-tliet komponenti tal-ksur uniku.

39      It-tielet, fil-premessa 884 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ksur inkwistjoni kien kontinwu.

40      Ir-raba’, fil-premessi 885 sa 890 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat ir-rilevanza tal-kuntatti li saru f’pajjiżi terzi u ta’ kuntatti li jikkonċernaw rotot li t-trasportaturi qatt ma kienu operaw jew li ma setgħux joperaw legalment. Hija qieset li, fir-rigward tal-karattru dinji tal-akkordju kontenzjuż, dawn il-kuntatti kienu rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-ksur uniku u kontinwu. B’mod partikolari, minn naħa, hija rrilevat li s-sovrataxxi kienu miżuri ta’ applikazzjoni ġenerali li ma kinux speċifiċi għal rotta, iżda kienu intużi biex jiġu applikati għar-rotot kollha, fuq livell dinji, inkluż fuq ir-rotot li jitilqu jew jispiċċaw fiż-ŻEE u fl-Isvizzera. Hija indikat li r-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet ukoll kien ta’ natura ġenerali. Min-naħa l-oħra, hija qieset li ma kien hemm l-ebda barriera insormontabbli li pprekludiet lit-trasportaturi milli jipprovdu servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija fuq ir-rotot li huma qatt ma kienu operaw jew li ma setgħux joperaw legalment, b’mod partikolari minħabba l-ftehimiet li huma kienu f’pożizzjoni li jikkonkludu bejniethom.

41      Il-ħames, fil-premessa 903 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-aġir kontenzjuż kellu l-għan li jillimita l-kompetizzjoni “tal-inqas fi ħdan l-U[njoni Ewropea], fiż-ŻEE u fl-Isvizzera” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fil-premessa 917 ta’ din id-deċiżjoni, hija essenzjalment żiedet tgħid li ma kienx neċessarju, għaldaqstant, li tieħu inkunsiderazzjoni l-“effetti konkreti” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ta’ dan l-aġir.

42      Is-sitt, fil-premessi 922 sa 971 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni investigat l-alleanza WOW. Fil-premessa 971 ta’ din id-deċiżjoni, hija kkonkludiet dan li ġej:

“Wara li ħadet inkunsiderazzjoni l-kontenut tal-ftehim tal-alleanza WOW u l-implimentazzjoni tiegħu, il-Kummissjoni tqis li l-koordinazzjoni tas-sovrataxxi bejn il-membri tal-[alleanza] WOW seħħet barra mill-kuntest leġittimu tal-alleanza, li ma jiġġustifikahiex. Fir-realtà, il-membri kienu jafu li tali koordinazzjoni ma kinitx legali. Barra minn hekk, huma kienu konxji li l-koordinazzjoni tas-sovrataxxi kienet tinvolvi lil diversi [trasportaturi] li ma kinux parti mill-[alleanza] WOW. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-provi dwar kuntatti bejn il-membri tal-[alleanza] WOW […] jikkostitwixxu prova tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur tal-Artikolu 101 TFUE kif deskritt f’din id-deċiżjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

43      Is-seba’, fil-premessi 972 sa 1021 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat il-leġiżlazzjoni ta’ seba’ pajjiżi terzi, li diversi mit-trasportaturi inkriminati sostnew li kienet ġegħlithom jikkolludu dwar is-sovrataxxi, u b’hekk fixklet l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni rilevanti. Il-Kummissjoni qieset li dawk it-trasportaturi baqgħu ma tawx provi li huma kienu mġiegħla jaġixxu b’dan il-mod mill-imsemmija pajjiżi terzi.

44      It-tmien, fil-premessi 1024 sa 1035 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-ksur uniku u kontinwu seta’ jaffettwa b’mod sinjifikattiv il-kummerċ bejn l-Istati Membri, bejn il-partijiet kontraenti għall-Ftehim ŻEE u bejn il-partijiet kontraenti għall-Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru.

45      Id-disa’, il-Kummissjoni eżaminat il-limiti tal-kompetenza territorjali u temporali tagħha sabiex tikkonstata u tissanzjona ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni f’dan il-każ. Minn naħa, fil-premessi 822 sa 832 tad-deċiżjoni kkontestata, taħt it-titolu “Kompetenza tal-Kummissjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali], hija essenzjalment qieset li ma kinitx ser tapplika, l-ewwel nett, l-Artikolu 101 TFUE għall-ftehimiet u l-prattiki li saru qabel l-1 ta’ Mejju 2004 dwar ir-rotot bejn ajruporti fl-Unjoni Ewropea u ajruporti barra ż-ŻEE (iktar ’il quddiem ir-“rotot Unjoni-pajjiżi terzi”), imbagħad, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE għall-ftehimiet u l-prattiki li saru qabel id-19 ta’ Mejju 2005 dwar ir-rotot Unjoni-pajjiżi terzi u r-rotot bejn ajruporti li jinsabu f’pajjiż li huwa parti kontraenti għall-Ftehim ŻEE u li ma humiex membri tal-Unjoni u ajruporti li jinsabu f’pajjiżi terzi (iktar ’il quddiem ir-“rotot ŻEE mhux fl-Unjoni-pajjiżi terzi” u, flimkien mar-rotot Unjoni-pajjiżi terzi, ir-“rotot ŻEE-pajjiżi terzi”) u, fl-aħħar nett, l-Artikolu 8 tal-Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru għall-ftehimiet u l-prattiki li saru qabel l-1 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-rotot bejn ajruporti ġewwa l-Unjoni u ajruporti Svizzeri (iktar ’il quddiem ir-“rotot Unjoni-Svizzera”). Hija speċifikat ukoll li d-deċiżjoni kkontestata ma kellha “ebda intenzjoni li tippretendi li tirrivela xi ksur tal-Artikolu 8 tal-Ftehim [KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru] fir-rigward tas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija [bejn] l-Isvizzera [u] pajjiżi terzi” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

46      Min-naħa l-oħra, fil-premessi 1036 sa 1046 tad-deċiżjoni kkontestata, taħt it-titolu “L-applikabbiltà tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE għar-rotot deħlin” [traduzzjoni mhux uffiċjali], il-Kummissjoni ċaħdet l-argumenti ta’ diversi trasportaturi inkriminati li qalu li l-Kummissjoni marret lil hinn mil-limiti tal-ġurisdizzjoni territorjali tagħha fir-rigward tar-regoli tad-dritt internazzjonali pubbliku billi kkonstatat u ssanzjonat ksur ta’ dawk iż-żewġ dispożizzjonijiet fuq ir-rotot li jitilqu minn pajjiżi terzi lejn l-Unjoni jew iż-ŻEE (iktar ’il quddiem ir-“rotot deħlin” u, fir-rigward tas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija, is-“servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija deħlin”). B’mod partikolari, fil-premessa 1042 ta’ din id-deċiżjoni, hija fakkret kif ġej il-kriterji li qieset li kienu applikabbli:

“Fir-rigward tal-applikazzjoni ekstraterritorjali tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw għall-ftehimiet li huma implimentati fl-U[njoni] (it-teorija tal-implimentazzjoni) jew li għandhom effetti immedjati, sostanzjali u prevedibbli fl-U[njoni] (it-teorija tal-effetti).” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

47      Fil-premessi 1043 sa 1046 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni applikat il-kriterji inkwistjoni għall-fatti tal-każ:

“(1043) Fil-każ tas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija [deħlin], l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE huma applikabbli peress li s-servizz innifsu, li huwa s-suġġett tal-ksur fir-rigward tal-iffissar tal-prezzijiet, għandu jiġi pprovdut u fil-fatt jiġi pprovdut parzjalment fit-territorju taż-ŻEE. Barra minn hekk, bosta kuntatti li permezz tagħhom id-destinatarji kkoordinaw is-sovrataxxi u [r-rifjut ta’] ħlas ta’ kummissjonijiet seħħew fiż-ŻEE jew involvew lil parteċipanti li kienu jinsabu fiż-ŻEE.

(1044) […] l-eżempju ċċitat fl-Avviż [konsolidat dwar il-kompetenza tal-Kummissjoni taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (ĠU 2008, C 95, p. 1)] ma huwiex rilevanti hawnhekk. [L-imsemmi] avviż jirreferi għat-tqassim ġeografiku tad-dħul mill-bejgħ bejn l-impriżi bil-għan li jiġi ddeterminat jekk il-limiti tad-dħul mill-bejgħ tal-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40)] intlaħqux.

(1045) Barra minn hekk, il-prattiki antikompetittivi fil-pajjiżi terzi fir-rigward tat-trasport tal-merkanzija […] lejn l-Unjoni u ż-ŻEE jista’ jkollhom effetti immedjati, sostanzjali u prevedibbli fl-Unjoni u fiż-ŻEE, peress li ż-żieda fl-ispejjeż tat-trasport bl-ajru lejn iż-ŻEE u għalhekk il-prezzijiet ogħla tal-merkanzija importata jistgħu, min-natura tagħhom, ikollhom effetti fuq il-konsumaturi fiż-ŻEE. F’dan il-każ, il-prattiki antikompetittivi li jeliminaw il-kompetizzjoni bejn it-trasportaturi li joffru servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija [deħlin] seta’ jkollhom tali effetti anki fuq il-provvista ta’ servizzi ta’ [trasport ta’ merkanzija] minn trasportaturi oħra fiż-ŻEE, bejn il-pjattaformi ta’ korrispondenza (“hubs”) fiż-ŻEE użati mit-trasportaturi ta’ pajjiżi terzi u l-ajruporti tad-destinazzjoni ta’ dawk il-kunsinni fiż-ŻEE li t-trasportatur tal-pajjiż terz ma joperax minnhom.

(1046) Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni skopriet akkordju fuq livell globali. L-akkordju ġie implimentat madwar id-dinja u l-arranġamenti tal-akkordju fir-rigward tar-rotot deħlin kienu jagħmlu parti integrali mill-ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. L-arranġamenti tal-akkordju kienu, f’ħafna każijiet, organizzati fil-livell tal-amministrazzjoni ċentrali u l-persunal lokali sempliċiment applikahom. L-applikazzjoni uniformi tas-sovrataxxi fuq skala globali kienet element prinċipali tal-akkordju.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

48      Fil-ħames lok, fil-premessa 1146 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li l-akkordju kontenzjuż kien beda fis-7 ta’ Diċembru 1999 u dam sal-14 ta’ Frar 2006. Fl-istess premessa, din speċifikat li dan l-akkordju kien kiser:

–        l-Artikolu 101 TFUE, mis-7 ta’ Diċembru 1999 sal-14 ta’ Frar 2006, fir-rigward tat-trasport bl-ajru bejn ajruporti fl-Unjoni;

–        l-Artikolu 101 TFUE, mill-1 ta’ Mejju 2004 sal-14 ta’ Frar 2006, fir-rigward tat-trasport bl-ajru fuq ir-rotot Unjoni-pajjiżi terzi;

–        l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, mis-7 ta’ Diċembru 1999 sal-14 ta’ Frar 2006, fir-rigward tat-trasport bl-ajru bejn ajruporti fiż-ŻEE (iktar ’il quddiem ir-“rotot intra-ŻEE”);

–        l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, mid-19 ta’ Mejju 2005 sal-14 ta’ Frar 2006, fir-rigward tat-trasport bl-ajru fuq ir-rotot ŻEE mhux fl-Unjoni-pajjiżi terzi;

–        l-Artikolu 8 tal-Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru, mill-1 ta’ Ġunju 2002 sal-14 ta’ Frar 2006, fir-rigward tat-trasport bl-ajru fuq ir-rotot Unjoni-Svizzera.

49      Fir-rigward tar-rikorrenti, il-Kummissjoni kkonstatat li t-tul tal-ksur kien mis-7 ta’ Diċembru 1999 sal-14 ta’ Frar 2006.

50      Fis-sitt lok, fil-punt 8 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni investigat il-miżuri korrettivi li għandhom jittieħdu u l-multi li għandhom jiġu imposti.

51      Fir-rigward, b’mod partikolari, tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi, il-Kummissjoni indikat li ħadet inkunsiderazzjoni l-gravità u t-tul tal-ksur uniku u kontinwu, kif ukoll iċ-ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti possibbli. F’dan ir-rigward, hija rreferiet għal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-2006”).

52      Fil-premessi 1184 u 1185 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li l-ammont bażiku tal-multa kien jikkonsisti minn proporzjon li jista’ jitla’ sa 30 % tal-valur tal-bejgħ tal-impriża, iddeterminat skont il-gravità tal-ksur, immultiplikat bin-numru ta’ snin ta’ parteċipazzjoni tal-impriża fil-ksur, flimkien ma’ ammont addizzjonali ta’ bejn 15 u 25 % tal-valur tal-bejgħ (iktar ’il quddiem l-“ammont addizzjonali”).

53      Fil-premessa 1197 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeterminat il-valur tal-bejgħ billi żiedet, għas-sena 2005, li kienet l-aħħar sena sħiħa qabel intemm il-ksur uniku u kontinwu, id-dħul mill-bejgħ relatat mat-titjiriet lejn jew minn rotot intra-ŻEE, fuq ir-rotot Unjoni-pajjiżi terzi, fuq ir-rotot Unjoni-Svizzera, kif ukoll fuq ir-rotot ŻEE mhux fl-Unjoni-pajjiżi terzi. Hija ħadet inkunsiderazzjoni wkoll l-adeżjoni mal-Unjoni ta’ Stati Membri ġodda fl-2004.

54      Fil-premessi 1198 sa 1212 tad-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl tan-natura tal-ksur (ftehimiet orizzontali tal-iffissar tal-prezzijiet), tas-sehem mis-suq kumplessiv tat-trasportaturi inkriminati (34 % fil-livell globali u mill-inqas l-istess ammont fuq ir-rotot intra-ŻEE u ŻEE-pajjiżi terzi), tal-portata ġeografika tal-akkordju kontenzjuż (id-dinja kollha) u tal-implimentazzjoni effettiva tiegħu, il-Kummissjoni ffissat koeffiċjent ta’ gravità ta’ 16 %.

55      Fil-premessi 1214 sa 1217 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeterminat it-tul tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur uniku u kontinwu kif ġej, skont ir-rotot ikkonċernati:

–        fir-rigward tar-rotot intra-ŻEE: mis-7 ta’ Diċembru 1999 sal-14 ta’ Frar 2006, li f’termini ta’ snin u xhur jiġu sitt snin u xahrejn, u jwasslu għal fattur ta’ multiplikazzjoni ta’ 6 u 2/12;

–        fir-rigward tar-rotot Unjoni-pajjiżi terzi: mill-1 ta’ Mejju 2004 sal-14 ta’ Frar 2006, li f’termini ta’ snin u xhur jiġu sena u disa’ xhur, u jwasslu għal fattur ta’ multiplikazzjoni ta’ 1 u 9/12;

–        fir-rigward tar-rotot Unjoni-Svizzera: mill-1 ta’ Ġunju 2002 sal-14 ta’ Frar 2006, li f’termini ta’ snin u xhur jiġu tliet snin u tmien xhur, u jwasslu għal fattur ta’ multiplikazzjoni ta’ 3 u 8/12;

–        fir-rigward tar-rotot ŻEE mhux fl-Unjoni-pajjiżi terzi: mid-19 ta’ Mejju 2005 sal-14 ta’ Frar 2006, li f’termini ta’ xhur jiġu tmien xhur, u jwasslu għal fattur ta’ multiplikazzjoni ta’ 8/12.

56      Fil-premessa 1219 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża u tal-kriterji esposti fil-punt 54 iktar ’il fuq, l-ammont addizzjonali kellu jikkorrispondi għal 16 % tal-valur tal-bejgħ.

57      Konsegwentement, fil-premessi 1240 sa 1242 tad-deċiżjoni kkontestata, l-ammont bażiku ddeterminat għar-rikorrenti kienet evalwat bħala EUR 113 000 000, li ġie stabbilit għal EUR 56 000 000 wara l-applikazzjoni ta’ tnaqqis ta’ 50 % abbażi tal-punt 37 tal-linji gwida tal-2006 (iktar ’il quddiem it-“tnaqqis ġenerali ta’ 50 %”) b’rabta mal-fatt li parti mis-servizzi relatati mar-rotot deħlin u mar-rotot li jitilqu miż-ŻEE lejn pajjiż terz (iktar ’il quddiem ir-“rotot ħerġin”) kienu pprovduti barra mit-territorju kopert mill-Ftehim ŻEE u li parti mid-dannu għalhekk seta’ jseħħ barra mill-imsemmi territorju.

58      Fil-premessi 1264 u 1265 tad-deċiżjoni kkontestata, skont il-punt 29 tal-linji gwida tal-2006, il-Kummissjoni tat lit-trasportaturi inkriminati tnaqqis addizzjonali ta’ 15 % (iktar ’il quddiem it-“tnaqqis ġenerali ta’ 15 %”) tal-ammont bażiku tal-multa, minħabba li ċerti reġimi regolatorji kienu ħeġġew l-akkordju kontenzjuż.

59      Konsegwentement, fil-premessa 1293 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ffissat l-ammont bażiku tal-multa tar-rikorrenti wara l-aġġustament għal EUR 47 600 000.

60      Fil-premessi 1314 sa 1322 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-kontribuzzjoni tar-rikorrenti fil-kuntest tal-applikazzjoni tagħha għall-klemenza billi applikat tnaqqis ta’ 25 % tal-ammont tal-multa, sabiex b’hekk, kif indikat fil-premessa 1404 tad-deċiżjoni kkontestata, l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti ġie ffissat għal EUR 35 700 000.

61      Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn jikkonċerna din il-kawża, jaqra kif ġej:

“Artikolu 1

Billi kkoordinaw l-aġir tagħhom fil-qasam tat-tariffi għall-provvista ta’ servizzi ta’ [trasport ta’ merkanzija] fid-dinja kollha fir-rigward tas-[STK], tas-[STS] u tal-ħlas ta’ kummissjoni fuq is-sovrataxxi, l-impriżi li ġejjin wettqu l-ksur uniku u kontinwu li ġej tal-Artikolu 101 [TFUE], tal-Artikolu 53 tal-[Ftehim ŻEE] u tal-Artikolu 8 tal-[Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru] fir-rigward tar-rotot li ġejjin u matul il-perijodi li ġejjin.

1)      L-impriżi li ġejjin kisru l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fir-rigward tar-rotot [intra-ŻEE], matul il-perijodi li ġejjin:

[…]

h)      [ir-rikorrenti], mis-7 ta’ Diċembru 1999 sal-14 ta’ Frar 2006;

[…]

2)      L-impriżi li ġejjin kisru l-Artikolu 101 TFUE fir-rigward tar-rotot [Unjoni-pajjiżi terzi], matul il-perijodi li ġejjin:

[…]

h)      [ir-rikorrenti], mill-1 ta’ Mejju 2004 sal-14 ta’ Frar 2006;

[…]

3)      L-impriżi li ġejjin kisru l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fir-rigward tar-rotot [ŻEE mhux fl-Unjoni-pajjiżi terzi], matul il-perijodi li ġejjin:

[…]

h)      [ir-rikorrenti], mid-19 ta’ Mejju 2005 sal-14 ta’ Frar 2006;

[…]

4)      L-impriżi li ġejjin kisru l-Artikolu 8 tal-Ftehim [KE-Svizzera] dwar it-trasport bl-ajru fir-rigward tar-rotot [Unjoni-Svizzera], matul il-perijodi li ġejjin:

[…]

h)      [ir-rikorrenti], mill-1 ta’ Ġunju 2002 sal-14 ta’ Frar 2006;

[…]

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni […] tad-9 ta’ Novembru 2010 hija emendata kif ġej:

fl-Artikolu 5, il-[punti] (j), (k) u (l) huma mħassra.

Artikolu 3

Il-multi li ġejjin huma imposti għall-ksur uniku u kontinwu msemmi fl-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni u fir-rigward ta’ British Airways […], inkluż għall-aspetti msemmija fl-Artikoli 1 sa 4 tad-Deċiżjoni […] tad-9 ta’ Novembru 2010 li saru definittivi:

[…]

h)      [ir-rikorrenti]: EUR 35 700 000;

[…]

Artikolu 4

L-impriżi msemmija fl-Artikolu 1 għandhom jitterminaw b’mod immedjat il-ksur uniku u kontinwu msemmi f’dak l-artikolu, dejjem sakemm huma għadhom ma għamlux dan.

Huma għandhom jiżguraw ukoll li ma jwettqu l-ebda att jew aġir bl-istess għan jew effett jew simili.

Artikolu 5

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lil:

[…]

[ir-rikorrenti]

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

II.    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

62      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Mejju 2017, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

63      Il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta tagħha fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Settembru 2017.

64      Ir-rikorrenti ppreżentat ir-replika tagħha fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Jannar 2018.

65      Il-Kummissjoni ppreżentat il-kontroreplika tagħha fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Marzu 2018.

66      Fl-24 ta’ April 2019, fuq proposta tar-Raba’ Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li tirrinvija din il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

67      Fis-17 ta’ Ġunju 2019, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet. Dawn tal-aħħar wieġbu fit-terminu mogħti.

68      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-3 ta’ Lulju 2019.

69      B’digriet tad-19 ta’ Ġunju 2020, il-Qorti Ġenerali (ir-Raba’ Awla Estiża), filwaqt li qieset li ma kinitx informata biżżejjed u li kien neċessarju li l-partijiet jiġu mistiedna jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar argument li ma kienx ġie dibattut bejniethom, ordnat li terġa’ tinfetaħ il-fażi orali tal-proċedura skont l-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura.

70      Il-partijiet wieġbu sensiela ta’ mistoqsijiet magħmulin mill-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Ġunju 2020 fit-terminu mogħti, u sussegwentement ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar it-tweġibiet rispettivi tagħhom.

71      B’deċiżjoni tal-4 ta’ Awwissu 2020, il-Qorti Ġenerali għalqet mill-ġdid il-fażi orali tal-proċedura.

72      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċerna lilha;

–        sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa impost fuqha fid-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

73      Il-Kummissjoni titlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tibdel l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti billi tirtira l-benefiċċju tat-tnaqqis ġenerali ta’ 50 % u tat-tnaqqis ġenerali ta’ 15 % fl-ipoteżi li l-Qorti Ġenerali tqis li d-dħul mill-bejgħ ta’ servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija deħlin ma setax jiġi inkluż fil-valur tal-bejgħ;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

III. Id-dritt

74      Fil-kuntest tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tressaq kemm talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll talba għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuqha. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni għamlet talba intiża, essenzjalment, biex jinbidel l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti jekk il-Qorti Ġenerali tqis li d-dħul mill-bejgħ ta’ servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija deħlin ma setax jiġi inkluż fil-valur tal-bejgħ.

A.      Fuq it-talbiet għal annullament

75      Ir-rikorrenti tinvoka għaxar motivi insostenn tat-talbiet tagħha għal annullament. Dawn il-motivi huma bbażati:

–        l-ewwel, fuq ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, tal-Artikolu 266 TFUE u tat-terminu ta’ preskrizzjoni;

–        it-tieni, fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni;

–        it-tielet, fuq ksur tal-Artikolu 101 TFUE, tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u tal-obbligu ta’ motivazzjoni, minn naħa, fir-rigward tal-imputazzjoni lilha tar-responsabbiltà għall-ksur uniku u kontinwu fuq ir-rotot intra-ŻEE u Unjoni-Svizzera għall-perijodu qabel l-1 ta’ Mejju 2004 u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-determinazzjoni tad-data tal-bidu tal-parteċipazzjoni tagħha f’dan il-ksur;

–        ir-raba’, fuq ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fir-rigward tal-imputazzjoni lilha tar-responsabbiltà għall-ksur uniku u kontinwu fuq rotot li fihom hija ma kinitx kompetitriċi reali jew potenzjali;

–        il-ħames, fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni li tapplika l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE għas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija deħlin;

–        is-sitt, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ rekwiżiti differenti fir-rigward tal-provi għal trasportaturi differenti;

–        is-seba’, fuq ksur tal-linji gwida tal-2006 u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, minn naħa, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-iffissar tal-koeffiċjent ta’ gravità u tal-ammont addizzjonali;

–        it-tmien, fuq ksur tal-linji gwida tal-2006 u tal-prinċipju tal-aspettattiva leġittima fir-rigward tal-inklużjoni fil-valur tal-bejgħ tad-dħul mill-bejgħ ta’ servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija deħlin lil klijenti stabbiliti barra ż-ŻEE;

–        id-disa’, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità minħabba l-insuffiċjenza tat-tnaqqis ġenerali ta’ 15 %; u

–        l-għaxar, fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ukoll, essenzjalment, tal-obbligu ta’ motivazzjoni marbut mar-rifjut tal-Kummissjoni li tnaqqas l-ammont tal-multa tar-rikorrenti b’10 % minħabba l-parteċipazzjoni limitata tagħha fil-ksur uniku u kontinwu.

76      Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li teżamina, qabel kollox, il-ħames motiv, sussegwentement, il-motiv tal-eżami ex officio, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni fid-dawl tal-Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru li tikkonstata u tissanzjona ksur fuq rotot ŻEE mhux fl-Unjoni-Svizzera, u, finalment, mill-ewwel sar-raba’ u mis-sitt sal-għaxar motivi, wara xulxin.

1.      Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni li tapplika l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE għas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija deħlin

77      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma kinitx kompetenti li tapplika l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE għas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija deħlin, allegazzjoni kkontestata mill-Kummissjoni.

78      Għandu jitfakkar li, fir-rigward ta’ aġir adottat barra mit-territorju taż-ŻEE, il-kompetenza tal-Kummissjoni skont id-dritt internazzjonali pubbliku li tikkonstata u tissanzjona ksur tal-Artikolu 101 TFUE jew tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE tista’ tiġi stabbilita abbażi tal-kriterju tal-implimentazzjoni jew tal-kriterji tal-effetti kkwalifikati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punti 40 sa 47, u tat-12 ta’ Lulju 2018, Brugg Kabel u Kabelwerke Brugg vs Il‑Kummissjoni, T‑441/14, EU:T:2018:453, punti 95 sa 97).

79      Dawn il-kriterji huma alternattivi u mhux kumulattivi (sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2018, Brugg Kabel u Kabelwerke Brugg vs Il‑Kummissjoni, T‑441/14, EU:T:2018:453, punt 98; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punti 62 sa 64).

80      Fil-premessi 1043 sa 1046 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, kif tirrikonoxxi r-rikorrenti, ibbażat ruħha kemm fuq il-kriterju tal-implimentazzjoni kif ukoll fuq il-kriterju tal-effetti kkwalifikati sabiex tistabbilixxi, fir-rigward tad-dritt internazzjonali pubbliku, il-kompetenza tagħha li tikkonstata u tissanzjona ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fuq ir-rotot deħlin.

81      Peress li r-rikorrenti tallega żball fl-applikazzjoni ta’ kull wieħed minn dawn iż-żewġ kriterji, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li l-ewwel teżamina jekk il-Kummissjoni setgħetx tinvoka l-kriterju tal-effetti kkwalifikati. F’konformità mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 79 iktar ’il fuq, huwa biss jekk ma setgħetx tagħmel dan li għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni setgħetx tibbaża ruħha fuq il-kriterju tal-implimentazzjoni.

82      Ir-rikorrenti ssostni li l-effetti allegati tal-aġir kontenzjuż ma jistgħux jiġġustifikaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE għas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija deħlin. Il-Kummissjoni, li fuqha jaqa’ l-oneru tal-prova, ma stabbilixxietx li dan l-aġir kellu effett immedjat, sostanzjali u prevedibbli fit-territorju taż-ŻEE.

83      Ir-rikorrenti ssostni, billi tibbaża ruħha fuq il-linji gwida dwar il-kunċett tal-effett fuq il-kummerċ li jinsabu fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU 2004, C 101, p. 81), li l-effetti li tinvoka l-Kummissjoni fil-premessa 1045 tad-deċiżjoni kkontestata huma, fl-aħjar każ, spekulattivi u, fi kwalunkwe każ, remoti wisq biex jissostanzjaw il-motiv li jgħid li l-aġir inkwistjoni naqqas il-kompetizzjoni fiż-ŻEE.

84      B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma ppreżentat l-ebda prova insostenn tal-allegazzjoni tagħha li tgħid li l-prezz tal-merkanzija mibjugħa fiż-ŻEE kien affettwat mill-prezzijiet tas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija deħlin. Barra minn hekk, tali effett ma setax ikun sostanzjali, peress li s-sovrataxxi jirrappreżentaw biss frazzjoni tal-ispiża totali tas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija u l-ispiża ta’ dawn tal-aħħar tirrappreżenta biss frazzjoni tal-ispiża tal-merkanzija importata fiż-ŻEE. Tali effett lanqas ma seta’, minnu nnifsu, ikun immedjat, peress li l-klijenti għandhom l-għażla ta’ jekk iżidux jew le mal-prezz tal-merkanzija importata kwalunkwe żieda possibbli fil-prezzijiet tas-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija deħlin u, jekk jagħmlu dan, li jiddeċiedu l-proporzjonijiet taż-żieda. Fl-aħħar nett, tali effett ma kienx prevedibbli, peress li r-rikorrenti lanqas biss topera fis-swieq downstream ikkonċernati u peress li s-sovrataxxi jirrappreżentaw biss frazzjoni żgħira ħafna tal-ispiża tat-trasport tal-merkanzija.

85      Barra minn hekk, l-effett marbut maż-żieda fil-prezz tal-merkanzija importata fiż-ŻEE jikkonċerna suq differenti minn dak ikkonċernat f’dan il-każ, jiġifieri dak tas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija, u ma jistax, konsegwentement, jiġġustifika l-motiv li jgħid li l-aġir kontenzjuż naqqas il-kompetizzjoni fiż-ŻEE.

86      Barra minn hekk, sabiex tiġi stabbilita l-kompetenza tal-Kummissjoni li tikkonstata u tissanzjona ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, ma huwiex suffiċjenti li aġir jiġi kklassifikat bħala ksur uniku u kontinwu, mingħajr ma jiġu analizzati l-effetti antikompetittivi tiegħu.

87      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

88      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, essenzjalment, ibbażat ruħha fuq tliet motivi separati biex ikkonstatat li l-kriterju tal-effetti kkwalifikati kien issodisfatt f’dan il-każ.

89      L-ewwel żewġ motivi huma mogħtija fil-premessa 1045 tad-deċiżjoni kkontestata. Kif ikkonfermat il-Kummissjoni fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub u orali tal-Qorti Ġenerali, dawn il-motivi jikkonċernaw l-effetti tal-koordinazzjoni relatata mas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija deħlin meqjusa waħedhom. L-ewwel motiv huwa li l-“ż-żieda fl-ispejjeż tat-trasport bl-ajru lejn iż-ŻEE u għalhekk il-prezzijiet ogħla tal-merkanzija importata [set]għu, min-natura tagħhom, ikollhom effetti fuq il-konsumaturi fiż-ŻEE” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. It-tieni motiv jikkonċerna l-effetti tal-koordinazzjoni fir-rigward tas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija deħlin “anki fuq il-provvista ta’ servizzi ta’ [trasport ta’ merkanzija] minn trasportaturi oħra fiż-ŻEE, bejn il-pjattaformi ta’ korrispondenza (“hubs”) fiż-ŻEE użati mit-trasportaturi ta’ pajjiżi terzi u l-ajruporti tad-destinazzjoni ta’ dawk il-kunsinni fiż-ŻEE li t-trasportatur tal-pajjiż terz ma joperax minnhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

90      It-tielet motiv huwa mogħti fil-premessa 1046 tad-deċiżjoni kkontestata u jikkonċerna, kif jirriżulta mit-tweġibiet tal-Kummissjoni għall-mistoqsijiet bil-miktub u orali tal-Qorti Ġenerali, l-effetti tal-ksur uniku u kontinwu meqjus fl-intier tiegħu.

91      Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li jiġu eżaminati kemm l-effetti ta’ koordinazzjoni fir-rigward tas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija deħlin meqjusa waħedhom kif ukoll l-effetti tal-ksur uniku u kontinwu meqjus fl-intier tiegħu, u li tibda b’dawk tal-ewwel.

a)      Fuq l-effetti tal-koordinazzjoni fir-rigward tas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija deħlin meqjusa waħedhom

92      L-ewwel nett, għandha tiġi eżaminata l-fondatezza tal-ewwel motiv li fuqu hija bbażata l-konklużjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-kriterju tal-effetti kkwalifikati huwa ssodisfatt f’dan il-każ (iktar ’il quddiem l-“effett kontenzjuż”).

93      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-premessa 1042 tad-deċiżjoni kkontestata, il-kriterju tal-effetti kkwalifikati jippermetti li tiġi ġġustifikata l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u taż-ŻEE fir-rigward tad-dritt internazzjonali pubbliku meta jkun prevedibbli li l-aġir kontenzjuż ser jipproduċi effett immedjat u sostanzjali fis-suq intern jew fiż-ŻEE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punt 49; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Marzu 1999, Gencor vs Il‑Kummissjoni, T‑102/96, EU:T:1999:65, punt 90).

94      F’dan il-każ, ir-rikorrenti tikkontesta r-rilevanza tal-effett kontenzjuż (ara l-punti 95 sa 114 iktar ’il quddiem) u l-prevedibbiltà tiegħu (ara l-punti 116 sa 131 iktar ’il quddiem), is-sostanzjalità tiegħu (ara l-punti 132 sa 142 iktar ’il quddiem) u n-natura immedjata tiegħu (ara l-punti 143 sa 153 iktar ’il quddiem).

1)      Fuq ir-rilevanza tal-effett kontenzjuż

95      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-fatt li impriża li tipparteċipa fi ftehim jew fi prattika miftiehma tkun tinsab f’pajjiż terz ma jipprekludix l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, sakemm dak il-ftehim jew dik il-prattika, rispettivament, ikollhom effetti fis-suq intern jew fiż-ŻEE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Novembru 1971, Béguelin Import, 22/71, EU:C:1971:113, punt 11).

96      L-applikazzjoni tal-kriterju tal-effetti kkwalifikati għandha preċiżament l-għan li twaqqaf aġir li, filwaqt li tassew seta’ ma ġiex adottat fit-territorju taż-ŻEE, l-effetti antikompetittivi tiegħu jistgħu jinħassu fis-suq intern jew fiż-ŻEE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punt 45).

97      Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, dan il-kriterju ma jeħtieġx li jiġi stabbilit li l-aġir kontenzjuż “fil-fatt kellu effetti antikompetittivi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] fis-suq intern jew fiż-ŻEE. Għall-kuntrarju, skont il-ġurisprudenza, huwa suffiċjenti li jitqies l-effett probabbli ta’ dan l-aġir fuq il-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punt 51).

98      Fil-fatt, hija l-Kummissjoni li għandha tiżgura l-protezzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern jew fiż-ŻEE mit-theddid għall-funzjonament effettiv tagħha.

99      Meta jiġi kkonstatat aġir li l-Kummissjoni, bħal f’dan il-każ, tkun qieset li jirriżulta fi grad ta’ dannu fir-rigward tal-kompetizzjoni fis-suq intern jew fiż-ŻEE b’tali mod li seta’ jiġi kklassifikat bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-“għan” fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, l-applikazzjoni tal-kriterju tal-effetti kkwalifikati lanqas ma tista’ teħtieġ li jintwerew l-effetti konkreti li tippreżupponi l-klassifikazzjoni ta’ aġir bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba r-“riżultat” fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

100    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, kif issostni r-rikorrenti, li l-kriterju tal-effetti kkwalifikati huwa mnaqqax fil-formulazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, li hija intiża sabiex twaqqaf il-ftehimiet u l-prattiki li jillimitaw il-kompetizzjoni, rispettivament, fis-suq intern u fiż-ŻEE. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet jipprojbixxu ftehimiet u prattiki li jkollhom bħala għan jew riżultat tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, rispettivament, “fi ħdan is-suq intern” u “fit-territorju kopert [bil-Ftehim ŻEE]” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punt 42).

101    Issa, hija ġurisprudenza stabbilita li l-għan antikompetittiv u l-effett antikompetittiv ma humiex kundizzjonijiet kumulattivi, iżda alternattivi, sabiex jiġi evalwat jekk l-aġir jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 101 TFUE u fl-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2009, TMobile Netherlands et, C‑8/08, EU:C:2009:343, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

102    Minn dan isegwi li, kif irrilevat il-Kummissjoni fil-premessa 917 tad-deċiżjoni kkontestata, ma huwiex meħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti reali tal-aġir kontenzjuż ladarba l-għan antikompetittiv tiegħu jkun ġie stabbilit (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Lulju 1966, Consten u Grundig vs Il‑Kummissjoni, 56/64 u 58/64, EU:C:1966:41, p. 496, u tas‑6 ta’ Ottubru 2009, GlaxoSmithKline Services et vs Il‑Kummissjoni et, C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P, EU:C:2009:610, punt 55).

103    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-interpretazzjoni tal-kriterju tal-effetti kkwalifikati kif jidher li tissuġġerixxi r-rikorrenti, fis-sens li huma meħtieġa provi tal-effetti konkreti tal-aġir kontenzjuż anki fil-preżenza ta’ limitazzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-“għan”, tissuġġetta l-kompetenza tal-Kummissjoni li tikkonstata u tissanzjona ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE għal kundizzjoni mingħajr bażi fit-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

104    Konsegwentement, ir-rikorrenti ma tistax takkuża b’mod validu lill-Kummissjoni li wettqet żball meta qieset li l-kriterju tal-effetti kkwalifikati kien issodisfatt, minkejja li, fil-premessi 917, 1190 u 1277 tad-deċiżjoni kkontestata, din kienet indikat li hija ma kienet obbligata twettaq l-ebda evalwazzjoni tal-effetti antikompetittivi tal-aġir kontenzjuż fid-dawl tal-għan antikompetittiv ta’ dan l-aġir. Lanqas ma tista’ tiddeduċi minn dawn il-premessi li l-Kummissjoni ma wettqet l-ebda analiżi tal-effetti prodotti mill-imsemmi aġir fis-suq intern jew fiż-ŻEE għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju.

105    Fil-fatt, fil-premessa 1045 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, essenzjalment, qieset li l-ksur uniku u kontinwu, sa fejn kien jirrigwarda r-rotot deħlin, seta’ jżid l-ammont tas-sovrataxxi u, konsegwentement, il-prezz totali tas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija deħlin u li l-burdnara kienu għaddew din l-ispiża addizzjonali lill-ispedituri stabbiliti fiż-ŻEE, li kellhom iħallsu prezz ogħla għall-merkanzija li xtraw minn dak li kien jiġi ffatturat lilhom fin-nuqqas tal-imsemmi ksur.

106    L-ebda wieħed mill-argumenti tar-rikorrenti ma jippermetti li jitqies li l-effett inkwistjoni ma kienx fost l-effetti prodotti mill-aġir kontenzjuż li l-Kummissjoni għandha d-dritt li tieħu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-effetti kkwalifikati.

107    Fl-ewwel lok, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, ma hemm xejn fil-formulazzjoni, fl-istruttura jew fl-għan tal-Artikolu 101 TFUE li jippermetti li jitqies li l-effetti meħuda inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-effetti kkwalifikati għandhom jiġu prodotti fl-istess suq bħal dak ikkonċernat mill-ksur inkwistjoni pjuttost milli f’suq downstream bħalma huwa l-każ hawnhekk (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2015, Toshiba vs Il‑Kummissjoni, T‑104/13, EU:T:2015:610, punti 159 u 161).

108    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti hija żbaljata meta ssostni li l-aġir kontenzjuż, sa fejn jikkonċerna r-rotot deħlin, ma setax jillimita l-kompetizzjoni fiż-ŻEE, għar-raġuni li l-aġir sar biss fil-pajjiżi terzi fejn huma stabbiliti l-burdnara li xtraw servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija deħlin mingħand it-trasportaturi inkriminati.

109    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-applikazzjoni tal-kriterju tal-effetti kkwalifikati għandha ssir fid-dawl tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku tal-aġir inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Novembru 1971, Béguelin Import, 22/71, EU:C:1971:113, punt 13).

110    F’dan il-każ, mill-premessi 14, 17 u 70 tad-deċiżjoni kkontestata u mit-tweġibiet tal-partijiet għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li t-trasportaturi jbigħu s-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija tagħhom esklużivament jew kważi esklużivament lill-burdnara. Issa, fir-rigward tas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija deħlin, kważi l-bejgħ kollu jsir fil-punt ta’ oriġini tar-rotot inkwistjoni, barra miż-ŻEE, fejn huma stabbiliti l-imsemmija burdnara. Fil-fatt, mir-rikors jirriżulta li, bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u l-14 ta’ Frar 2006, il-proporzjon tal-bejgħ tar-rikorrenti ta’ servizzi ta’ merkanzija deħlin lil klijenti bbażati fiż-ŻEE kien biss wieħed negliġibbli.

111    Madankollu, għandu jiġi osservat li, jekk il-burdnara jixtru dawn is-servizzi, jagħmlu dan b’mod partikolari bħala intermedjarji, sabiex jikkonsolidawhom f’sett ta’ servizzi li l-għan tiegħu, minnu nnifsu, huwa li jorganizza t-trasport integrat tal-merkanzija lejn it-territorju taż-ŻEE f’isem l-ispedituri. Kif jirriżulta mill-premessa 70 tad-deċiżjoni kkontestata, dawn tal-aħħar jistgħu b’mod partikolari jkunu x-xerrejja jew il-proprjetarji tal-merkanzija ttrasportata. Għalhekk huwa tal-inqas probabbli li dawn ikunu stabbiliti fiż-ŻEE.

112    Minn dan isegwi li, kemm-il darba l-burdnara jżidu mal-prezz tas-settijiet ta’ servizzi tagħhom kull spiża addizzjonali possibbli li tirriżulta mill-akkordju kontenzjuż, huwa b’mod partikolari fuq il-kompetizzjoni bejn il-burdnara sabiex jattiraw lill-klijenti spedituri li l-effetti tal-ksur uniku u kontinwu, sa fejn jikkonċerna r-rotot deħlin, jista’ jkollhom impatt u, konsegwentement, huwa fis-suq intern jew fiż-ŻEE li l-effett kontenzjuż jista’ jimmaterjalizza.

113    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-punt 43 tal-linji gwida msemmija fil-punt 83 iktar ’il fuq, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li dan jikkonċerna sitwazzjoni differenti minn dik prevista f’dan il-każ u li din tirrigwarda, fi kwalunkwe każ, il-kunċett ta’ effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, u mhux il-kwistjoni tal-kompetenza territorjali tal-Kummissjoni skont il-kriterju tal-effetti kkwalifikati. Dawn huma żewġ kwistjonijiet distinti, l-ewwel dwar id-definizzjoni tal-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni fir-rigward ta’ dak tal-Istati Membri (sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et, C‑295/04 sa C‑298/04, EU:C:2006:461, punt 41), filwaqt li t-tieni tirrigwarda l-ġustifikazzjoni tal-kompetenza tal-Kummissjoni skont id-dritt internazzjonali pubbliku (ara l-punt 78 iktar ’il fuq).

114    Konsegwentement, l-ispejjeż addizzjonali li l-ispedituri seta’ kellhom iħallsu u ż-żieda fil-prezz tal-merkanzija importata fiż-ŻEE li setgħet irriżultat minnha huma fost l-effetti prodotti mill-aġir kontenzjuż li fuqhom il-Kummissjoni bbażat ruħha għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-effetti kkwalifikati.

115    F’konformità mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 93 iktar ’il fuq, il-mistoqsija għalhekk hija jekk dan l-effett għandux in-natura prevedibbli, sostanzjali u immedjata meħtieġa.

2)      Fuq in-natura prevedibbli tal-effett kontenzjuż

116    Ir-rekwiżit tal-prevedibbiltà huwa intiż sabiex jiżgura ċ-ċertezza legali billi jiggarantixxi li l-impriżi kkonċernati ma jkunux jistgħu jiġu ssanzjonati minħabba l-effetti li jirriżultaw mill-aġir tagħhom fil-prattika, iżda li ma setgħux raġonevolment jistennew li jseħħu (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Otis Gesellschaft et, C‑435/18, EU:C:2019:651, punt 83).

117    B’hekk huwa ssodisfatt ir-rekwiżit tal-prevedibbiltà mill-effetti li l-partijiet fl-akkordju inkwistjoni raġonevolment għandhom ikunu jafu li ser iseħħu, abbażi ta’ dak li ġeneralment iseħħ, għall-kuntrarju tal-effetti li jirriżultaw minn żvolġiment kompletament eċċezzjonali ta’ ċirkustanzi u, minħabba f’hekk, minn sekwenza atipika ta’ kawżi (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Kone et, C‑557/12, EU:C:2014:45, punt 42).

118    Issa, mill-premessi 846, 909, 1199 u 1208 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, f’dan il-każ, il-kwistjoni tinvolvi aġir kollużiv ta’ ffissar orizzontali tal-prezzijiet, li l-esperjenza tiegħu turi li b’mod partikolari jwassal għal żidiet fil-prezzijiet, u b’hekk iwassal għal tqassim ħażin tar-riżorsi għad-detriment, b’mod partikolari, tal-konsumaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il‑Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 51).

119    Mill-premessi 846, 909, 1199 u 1208 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta wkoll li dan l-aġir kien relatat mas-STK, mas-STS u mar-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet.

120    F’dan il-każ, kien għalhekk prevedibbli għat-trasportaturi inkriminati li l-iffissar orizzontali tas-STK u tas-STS kien ser iwassal għal żieda fil-livell tagħhom. Kif jirriżulta mill-premessi 874, 879 u 899 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet kien ta’ natura li jkabbar tali żieda. Fil-fatt, dan kien jammonta għal rifjut miftiehem li jingħataw restituzzjonijiet tas-sovrataxxi lill-burdnara u b’hekk kien probabbli li jippermetti lit-trasportaturi inkriminati “jżommu taħt kontroll l-inċertezza fil-qasam tat-tariffi li l-kompetizzjoni fuq il-ħlas ta’ kummissjonijiet [fil-kuntest tan-negozjati mal-burdnara] setgħet toħloq” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 874 tal-imsemmija deċiżjoni) u b’hekk jeliminaw is-sovrataxxi mill-kompetizzjoni (premessa 879 tal-imsemmija deċiżjoni).

121    Issa, mill-premessa 17 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-prezz tas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija jikkonsisti mit-tariffi u mis-sovrataxxi, fosthom is-STK u s-STS. Sakemm ma jitqisx li żieda fis-STK u fis-STS, minħabba effett waterbed probabbli biżżejjed li jseħħ, kienet ser tkun ikkumpensata bi tnaqqis korrispondenti fit-tariffi u f’sovrataxxi oħra, tali żieda kienet, fil-prinċipju, ta’ natura li twassal għal żieda fil-prezz totali tas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija deħlin. Issa, ir-rikorrenti tibqa’ ma turix li effett waterbed kien tant probabbli li l-effett kontenzjuż kien imprevedibbli.

122    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-partijiet fl-akkordju kontenzjuż setgħu raġonevolment jipprevedu li l-ksur uniku u kontinwu kellu l-effett, sa fejn kien jikkonċerna s-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija deħlin, ta’ żieda fil-prezz tas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija fuq ir-rotot deħlin.

123    Il-mistoqsija għalhekk hija jekk kienx prevedibbli għat-trasportaturi inkriminati li l-burdnara kienu ser jgħaddu tali spiża addizzjonali lill-klijenti tagħhom, jiġifieri lill-ispedituri.

124    F’dan ir-rigward, mill-premessi 14 u 70 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-prezz tas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija jikkostitwixxi dħul għall-burdnara. Din hija spiża varjabbli, li ż-żieda tagħha, fil-prinċipju, għandha l-effett li żżid l-ispiża marġinali li l-burdnara jiddefinixxu l-prezzijiet tagħhom stess b’referenza għaliha.

125    Ir-rikorrenti ma tippreżenta l-ebda prova li turi li ċ-ċirkustanzi tal-każ ma tantx kienu suxxettibbli li jwasslu għal riperkussjonijiet downstream, fuq l-ispedituri, fir-rigward tal-ispiża addizzjonali li tirriżulta mill-ksur uniku u kontinwu fuq ir-rotot deħlin.

126    F’dawn iċ-ċirkustanzi, kien raġonevolment prevedibbli għat-trasportaturi inkriminati li l-burdnara kien ser jgħaddu tali spiża addizzjonali lill-ispedituri permezz ta’ żieda fil-prezz tas-servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija.

127    Issa, kif jirriżulta mill-premessi 70 u 1031 tad-deċiżjoni kkontestata, l-ispiża tal-merkanzija li t-trasport integrat tagħha ġeneralment huwa organizzat mill-burdnara f’isem l-ispedituri tinkludi l-prezz tas-servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija, u b’mod partikolari dak tas-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija li huma komponent tagħhom.

128    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, kien għalhekk prevedibbli għat-trasportaturi inkriminati li l-ksur uniku u kontinwu, sa fejn kien jirrigwarda r-rotot deħlin, kien ser ikollu bħala effett żieda fil-prezz tal-merkanzija importata.

129    Għall-motivi mogħtija fil-punt 111 iktar ’il fuq, kien ukoll prevedibbli għat-trasportaturi inkriminati li, kif jirriżulta mill-premessa 1045 tad-deċiżjoni kkontestata, dawn l-effetti kienu ser iseħħu fiż-ŻEE.

130    Peress li l-effett kontenzjuż kien irrilevat fil-kors normali tal-affarijiet u tar-razzjonalità ekonomika, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, bl-ebda mod ma kien neċessarju għaliha li topera fis-suq tal-importazzjoni ta’ merkanzija jew tal-bejgħ mill-ġdid tagħha downstream sabiex tkun tista’ tipprevediha.

131    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni stabbilixxiet b’mod suffiċjenti li l-effett kontenzjuż kellu n-natura prevedibbli meħtieġa.

3)      Fuq in-natura sostanzjali tal-effett in kwistjoni

132    L-evalwazzjoni tan-natura sostanzjali tal-effetti prodotti mill-aġir kontenzjuż għandha ssir fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ. Fost dawn iċ-ċirkustanzi hemm b’mod partikolari t-tul, in-natura u l-portata tal-ksur. Ċirkustanzi oħra, bħall-importanza tal-impriżi li pparteċipaw f’dan l-aġir, jistgħu jkunu rilevanti wkoll (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Settembru 2015, Toshiba vs Il‑Kummissjoni, T‑104/13, EU:T:2015:610, punt 159, u tat-12 ta’ Lulju 2018, Brugg Kabel u Kabelwerke Brugg vs Il‑Kummissjoni, T‑441/14, EU:T:2018:453, punt 112).

133    Meta l-effett eżaminat jirrigwarda żieda fil-prezz ta’ oġġett jew ta’ servizz lest li jirriżulta mis-servizz tal-akkordju jew li jkun jinvolvi dan is-servizz, il-proporzjon tal-prezz tal-oġġett jew tas-servizz lest li jirrappreżenta s-servizz tal-akkordju wkoll jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni.

134    F’dan il-każ, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, għandu jitqies li l-effett kontenzjuż, fir-rigward taż-żieda fil-prezz tal-merkanzija importata fiż-ŻEE, huwa ta’ natura sostanzjali.

135    Fil-fatt, fl-ewwel lok, mill-premessa 1146 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li t-tul tal-ksur uniku u kontinwu dam 21 xahar fir-rigward tar-rotot Unjoni-pajjiżi terzi u tmien xhur fir-rigward tar-rotot ŻEE mhux fl-Unjoni-pajjiżi terzi. Mill-premessi 1215 u 1217 ta’ din id-deċiżjoni jirriżulta li dan kien ukoll it-tul tal-parteċipazzjoni tat-trasportaturi inkriminati kollha, bl-eċċezzjoni ta’ Lufthansa Cargo u ta’ Swiss.

136    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-portata tal-ksur, mill-premessa 889 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li s-STK u s-STS kienu “miżuri ta’ applikazzjoni ġenerali li ma kinux speċifiċi għal rotta” u li “kienu intiżi li jiġu applikati għar-rotot kollha, fuq livell dinji, inkluż fuq ir-rotot li […] jispiċċaw fiż-ŻEE” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

137    Fit-tielet lok, fir-rigward tan-natura tal-ksur, mill-premessa 1030 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-ksur uniku u kontinwu kellu l-għan li jillimita l-kompetizzjoni bejn it-trasportaturi inkriminati, b’mod partikolari fuq rotot ŻEE-pajjiżi terzi. Fil-premessa 1208 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-“iffissar ta’ diversi elementi tal-prezz, inklużi ċerti sovrataxxi, [kien] jikkostitwixxi waħda mir-restrizzjonijiet l-iktar gravi għall-kompetizzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u, konsegwentement, ikkonstatat li l-ksur uniku u kontinwu kien jistħoqqlu l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ gravità li jinsab “‘il fuq fl-iskala” [traduzzjoni mhux uffiċjali] prevista fil-linji gwida tal-2006.

138    Għall-finijiet ta’ kompletezza, fir-rigward tal-proporzjon tal-prezz tas-servizz tal-akkordju fil-prodott jew fis-servizz li jirriżulta minnu jew li jinvolvih, għandu jiġi osservat li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, is-sovrataxxi kienu jirrappreżentaw, matul il-perijodu tal-ksur, proporzjon sinjifikattiv tal-prezz totali tas-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija.

139    Minn ittra tat-8 ta’ Lulju 2005 tal-Hong Kong Association of Freight Forwarding & Logistics (l-Assoċjazzjoni ta’ Ħong Kong tal-Ispedizzjoni tal-Merkanzija u tal-Loġistika) lill-President tas-sottokumitat tal-merkanzija (iktar ’il quddem l-“SCC”) tal-Board of Airline Representatives (l-Assoċjazzjoni tar-Rappreżentanti tal-Kumpanniji tal-Ajru, iktar ’il quddiem il-“BAR”) f’Ħong Kong, jirriżulta wkoll li s-sovrataxxi jirrappreżentaw “parti sinjifikattiva ħafna” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tal-prezz totali tal-poloz tal-vjeġġi bl-ajru li kellhom iħallsu l-burdnara. Bl-istess mod, fit-tabella riprodotta fil-punt 135 tar-rikors, huwa indikat li s-sovrataxxi kienu jirrappreżentaw 11.87 % tal-prezz tas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija fuq ir-rotot ŻEE-pajjiżi terzi tar-rikorrenti matul is-sena finanzjarja 2004/2005.

140    Issa, kif jirriżulta mill-premessa 1031 tad-deċiżjoni kkontestata, il-prezz tas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija stess kien jikkostitwixxi “element importanti tal-ispiża tal-merkanzija ttrasportata, li għandu impatt fuq il-bejgħ tagħha” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Ċertament, ir-rikorrenti tikkontesta dan, iżda tillimita ruħha għal affermazzjonijiet.

141    Dejjem għall-fini tal-kompletezza, fir-rigward tal-importanza tal-impriżi li pparteċipaw fl-aġir kontenzjuż, mill-premessa 1209 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li s-sehem tas-suq akkumulat tat-trasportaturi inkriminati fis-“suq dinji” tela’ għal 34 % fl-2005 u kien “mill-inqas kbir daqshekk għas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija […] fornuti […] fuq rotot [ŻEE-pajjiżi terzi]” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li jinkludu kemm ir-rotot ħerġin kif ukoll dawk deħlin. Barra minn hekk, matul il-perijodu tal-ksur, ir-rikorrenti stess kellha dħul mill-bejgħ sinjifikattiv fuq ir-rotot deħlin, li kien jammonta għal iktar minn EUR 140 000 000 fl-2005.

142    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni stabbilixxiet b’mod suffiċjenti li l-effett kontenzjuż kellu n-natura sostanzjali meħtieġa.

4)      Fuq in-natura immedjata tal-effett kontenzjuż

143    Ir-rekwiżit tal-immedjatezza tal-effetti prodotti mill-aġir kontenzjuż jirrigwarda r-rabta kawżali bejn l-aġir inkwistjoni u l-effett eżaminat. Dan ir-rekwiżit għandu l-għan li jiżgura li l-Kummissjoni ma tkunx tista’, sabiex tiġġustifika l-kompetenza tagħha li tikkonstata u tissanzjona ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, tinvoka l-effetti kollha possibbli, u lanqas effetti remoti ħafna li setgħu jirriżultaw minn dan l-aġir bħala conditio sine qua non (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Kone et, C‑557/12, EU:C:2014:45, punti 33 u 34).

144    Ir-rabta kawżali immedjata ma għandhiex madankollu titħawwad ma’ rabta kawżali unika, li teħtieġ li jiġi kkonstatat b’mod sistematiku u assolut li r-rabta ta’ kawżalità tinkiser meta l-azzjoni ta’ parti terza tikkontribwixxi għall-effetti inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fis-sentenza Kone et, C‑557/12, EU:C:2014:45, punti 36 u 37).

145    F’dan il-każ, l-intervent tal-burdnara, li fir-rigward tiegħu kien prevedibbli li, b’awtonomija sħiħa, kienu ser jgħaddu l-ispiża addizzjonali li kellhom iħallsu lill-ispedituri, ċertament huwa ta’ natura li seta’ kkontribwixxa għall-effett inkwistjoni. Madankollu, dan l-intervent ma kienx, minnu nnifsu, ta’ natura li jikser il-katina ta’ kawżalità bejn l-aġir kontenzjuż u l-imsemmi effett u, għalhekk, li jċaħħadha min-natura immedjata tagħha.

146    Għall-kuntrarju, fejn ma jkunx illegali, iżda jirriżulta b’mod oġġettiv mill-akkordju inkwistjoni, skont il-funzjonament normali tas-suq, tali intervent ma jiksirx il-katina ta’ kawżalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2005, CD Cartondruck vs Il‑Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑320/00, mhux ippubblikata, EU:T:2005:452, punti 172 sa 182), iżda jkompliha (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fis-sentenza Kone et, C‑557/12, EU:C:2014:45, punt 37).

147    Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti la tistabbilixxi u lanqas tallega li r-riperkussjoni prevedibbli fuq l-ispiża addizzjonali għall-ispedituri stabbiliti fiż-ŻEE hija illegali jew estranja għall-funzjonament normali tas-suq.

148    Minn dan isegwi li l-effett inkwistjoni għandu n-natura immedjata meħtieġa.

149    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata bl-argument tar-rikorrenti li jgħid li, sabiex taffettwa lill-“konsumaturi fiż-ŻEE” [traduzzjoni mhux uffiċjali] li tagħmel referenza għalihom il-Kummissjoni fil-premessa 1045 tad-deċiżjoni kkontestata, “żieda possibbli fil-prezzijiet [kellha tiġi] mgħoddija mill-burdnar lill-ispeditur, imbagħad mill-ispeditur lill-importatur, u sussegwentement, jekk ikun il-każ, mill-importatur lill-bejjiegħ bl-ingrossa, mill-bejjiegħ bl-ingrossa għall-bejjiegħ bl-imnut u fl-aħħar lok mill-bejjiegħ bl-imnut lill-konsumatur” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Dan l-argument huwa bbażat, fil-fatt, fuq żewġ premessi żbaljati.

150    L-ewwel waħda mill-premessi inkwistjoni hija dik li l-“konsumaturi fiż-ŻEE” [traduzzjoni mhux uffiċjali] imsemmija fil-premessa 1045 tad-deċiżjoni kkontestata huma l-konsumaturi finali, jiġifieri persuni fiżiċi li jaġixxu għal finijiet estranji għall-attività professjonali jew kummerċjali tagħhom. Il-kunċett ta’ konsumatur fid-dritt tal-kompetizzjoni ma jirreferix biss għall-konsumaturi finali iżda għall-utenti kollha, diretti jew indiretti, tal-prodotti jew tas-servizzi li kienu s-suġġett tal-aġir inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża MasterCard et vs Il‑Kummissjoni, C‑382/12 P, EU:C:2014:42, punt 156).

151    Mill-premessa 70 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti ma kkontestatx b’mod effettiv il-fondatezza tagħha, jirriżulta li l-“ispedituri jistgħu jkunu x-xerrejja jew il-bejjiegħa ta’ merkanzija li hija s-suġġett ta’ kummerċ jew il-proprjetarji ta’ merkanzija li għandha tiġi ttrasportata malajr fuq distanzi relattivament twal” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fl-atti tagħha, il-Kummissjoni ppreċiżat li din il-merkanzija setgħet tiġi importata għall-konsum dirett tal-ispeditur jew bħala inputs għall-produzzjoni ta’ prodotti oħra. Issa, fir-rigward tas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija deħlin, dawn l-ispedituri jistgħu, kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni, ikunu stabbiliti fiż-ŻEE. Għaldaqstant, ir-referenza għal “konsumaturi fiż-ŻEE” [traduzzjoni mhux uffiċjali] fil-premessa 1045 tad-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi interpretata fis-sens li tinkludi lill-ispedituri.

152    It-tieni mill-premessi inkwistjoni hija li, anki jekk ir-referenza għal “konsumaturi fiż-ŻEE” [traduzzjoni mhux uffiċjali] fil-premessa 1045 tad-deċiżjoni kkontestata tinkludi biss lill-konsumaturi finali, dawn tal-aħħar jistgħu jixtru l-merkanzija importata biss mingħand bejjiegħ bl-imnut, li huwa stess jista’ jixtriha mingħand bejjiegħ bl-ingrossa, li min-naħa tiegħu jista’ biss jixtriha mingħand importatur u l-bqija. Issa, il-konsumaturi finali jistgħu wkoll jixtru din il-merkanzija direttament mingħand l-ispeditur.

153    Minn dan isegwi li l-effett inkwistjoni għandu n-natura prevedibbli, sostanzjali u immedjata meħtieġa u li l-ewwel motiv li bbażat ruħha fuqu l-Kummissjoni sabiex tikkonkludi li l-kriterju tal-effetti kkwalifikati kien issodisfatt huwa fondat. Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma twettaq l-ebda żball, tikkunsidra li l-imsemmi kriterju kien issodisfatt fir-rigward tal-koordinazzjoni relatata mas-servizzi ta’ merkanzija deħlin meqjusa waħedha, mingħajr il-ħtieġa li tiġi eżaminata l-fondatezza tat-tieni motiv ikkunsidrat fil-premessa 1045 tad-deċiżjoni kkontestata.

b)      Fuq l-effetti tal-ksur uniku u kontinwu meqjus fl-intier tiegħu

154    Qabel kollox, għandu jitfakkar li, għall-kuntrarju ta’ dak li tissuġġerixxi r-rikorrenti fir-replika, xejn ma jipprekludi li jiġi evalwat jekk il-Kummissjoni għandhiex il-kompetenza neċessarja sabiex tapplika, f’kull każ, id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni fir-rigward tal-aġir tal-impriża jew tal-impriżi inkwistjoni, meqjus fl-intier tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punt 50).

155    Skont il-ġurisprudenza, l-Artikolu 101 TFUE jista’ jiġi applikat għal prattiki u ftehimiet li jservu l-istess għan antikompetittiv, sakemm ikun prevedibbli li, meqjusa flimkien, dawn ser ikollhom effetti immedjati u sostanzjali fis-suq intern. Fil-fatt, l-impriżi ma jistgħux jitħallew jevitaw l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni billi jgħaqqdu aġir differenti li jsegwi għan identiku, li kull wieħed, meqjus waħdu, ma jistax jipproduċi effett immedjat u sostanzjali fl-imsemmi suq, iżda li, meqjusa flimkien, jistgħu jipproduċu tali effett (sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2018, Brugg Kabel u Kabelwerke Brugg vs Il‑Kummissjoni, T‑441/14, EU:T:2018:453, punt 106).

156    Il-Kummissjoni tista’ għalhekk tibbaża l-kompetenza tagħha sabiex tapplika l-Artikolu 101 TFUE għal ksur uniku u kontinwu kif ikkonstatat fid-deċiżjoni kontenzjuża fuq l-effetti prevedibbli, immedjati u sostanzjali tiegħu fis-suq intern (sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2018, Brugg Kabel u Kabelwerke Brugg vs Il‑Kummissjoni, T‑441/14, EU:T:2018:453, punt 105).

157    Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw, mutatis mutandis, għall-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE.

158    Issa, fil-premessa 869 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kklassifikat l-aġir kontenzjuż bħala ksur uniku u kontinwu, inkluż sa fejn dan kien jikkonċerna s-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija deħlin. Ir-rikorrenti ma tikkontesta la din il-karatterizzazzjoni b’mod ġenerali, u lanqas il-konstatazzjoni li kien hemm għan antikompetittiv uniku li tiġi limitata l-kompetizzjoni fiż-ŻEE li fuqu hija fondata din il-karatterizzazzjoni. L-iktar l-iktar, hija kkontestat, fil-kuntest tat-tielet motiv, li l-azzjonijiet tagħha jistgħu jifformaw parti minn tali ksur.

159    Fil-premessa 1046 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, kif jirriżulta mit-tweġibiet tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub u orali tal-Qorti Ġenerali, eżaminat l-effetti ta’ dan il-ksur meqjus fl-intier tiegħu. Għalhekk, hija qieset b’mod partikolari li l-investigazzjoni tagħha kienet kixfet “akkordju implimentat madwar id-dinja”, li l-“arranġamenti [tiegħu] fir-rigward tar-rotot deħlin kienu jagħmlu parti integrali mill-ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Hija żiedet tgħid li l-“applikazzjoni uniformi tas-sovrataxxi fuq skala globali kienet element prinċipali tal-akkordju [kontenzjuż]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Issa, kif indikat il-Kummissjoni fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, l-applikazzjoni uniformi tas-sovrataxxi kienet tagħmel parti minn strateġija ġenerali intiża sabiex tinnewtralizza r-riskju li l-burdnara jkunu jistgħu jevitaw l-effetti ta’ dan l-akkordju billi jagħżlu rotot indiretti li ma jkunux suġġetti għal sovrataxxi kkoordinati sabiex jittrasportaw il-merkanzija mill-punt tal-oriġini sal-punt tad-destinazzjoni. Ir-raġuni hija li, kif jirriżulta mill-premessa 72 ta’ din id-deċiżjoni, il-“fattur tal-ħin huwa inqas importanti għat-trasport ta’ [merkanzija] milli għat-trasport ta’ passiġġieri” [traduzzjoni mhux uffiċjali], tant li l-merkanzija “tista’ tiġi ttrasportata b’numru ikbar ta’ waqfiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u li r-rotot indiretti jistgħu, konsegwentement, jieħdu post il-konnessjonijiet diretti.

160    L-argumenti li permezz tagħhom ir-rikorrenti tikkontesta l-eżistenza ta’ tali sostitwibbiltà ma jistgħux jintlaqgħu. Minn naħa, il-fatt li t-trasport ta’ merkanzija jista’ jkun il-mezz ta’ trasport ippreferut għat-trasport ta’ oġġetti sensittivi għall-mogħdija taż-żmien ma jfissirx li l-oġġetti kollha ttrasportati permezz tat-trasport ta’ merkanzija huma hekk, u lanqas ma jfisser li huma biss oġġetti sensittivi għall-mogħdija taż-żmien li jiġu ttrasportati permezz tat-trasport ta’ merkanzija. Għaldaqstant, minn dan il-fatt biss ma jistax jiġi dedott li r-rotot indiretti ġeneralment ma humiex adattati għat-trasport tal-merkanzija. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti baqgħet ma pproduċietx l-iċken prova insostenn tal-argumenti tagħha. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tagħmel referenza għal ftehim li permezz tiegħu l-membri tal-alleanza WOW organizzaw it-trasport ta’ nbid li jiġi miż-ŻEE lejn il-Ġappun permezz ta’ konnessjonijiet mill-Istati Uniti u minn pajjiżi Ażjatiċi oħra minbarra l-Ġappun.

161    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni għandha raġun li ssostni li l-projbizzjoni tagħha milli tapplika l-kriterju tal-effetti kkwalifikati għall-aġir kontenzjuż meqjus fl-intier tiegħu jista’ jwassal għal frammentazzjoni artifiċjali ta’ aġir antikompetittiv globali, li jista’ jaffettwa l-istruttura tas-suq fiż-ŻEE, f’sett ta’ aġir differenti li jista’ jevita, kompletament jew parzjalment, il-ġurisdizzjoni tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punt 57).

162    Għaldaqstant, għandu jitqies li l-Kummissjoni setgħet, fil-premessa 1046 tad-deċiżjoni kkontestata, teżamina l-effetti tal-ksur uniku u kontinwu meqjus fl-intier tiegħu.

163    Issa, fir-rigward tal-ftehimiet u tal-prattiki li, l-ewwel nett, kellhom l-għan li jillimitaw il-kompetizzjoni tal-inqas fl-Unjoni, fiż-ŻEE u fl-Isvizzera (premessa 903 tal-imsemmija deċiżjoni), it-tieni nett, li laqqgħu lit-trasportaturi b’ishma mis-suq sinjifikattivi (premessa 1209 tal-imsemmija deċiżjoni), u, it-tielet nett, li parti sinjifikattiva tagħhom kienet tirrigwarda rotot intra-ŻEE matul perijodu ta’ iktar minn sitt snin (premessa 1146 tal-imsemmija deċiżjoni), ma hemmx dubju li kien prevedibbli li, meqjus fl-intier tiegħu, il-ksur uniku u kontinwu jipproduċi effetti immedjati u sostanzjali fis-suq intern jew fiż-ŻEE.

164    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni kellha wkoll il-fondatezza li tqis, fil-premessa 1046 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kriterju tal-effetti kkwalifikati kien issodisfatt fir-rigward tal-ksur uniku u kontinwu meqjus fl-intier tiegħu.

165    Peress li l-Kummissjoni b’hekk stabbilixxiet b’mod suffiċjenti li kien prevedibbli li l-aġir kontenzjuż jipproduċi effett sostanzjali u immedjat fiż-ŻEE, dan l-ilment għandu jiġi miċħud u, konsegwentement, għandu jiġi miċħud dan il-motiv fl-intier tiegħu, mingħajr il-ħtieġa li jiġi eżaminat l-ilment ibbażat fuq żbalji fl-applikazzjoni tal-kriterju tal-implimentazzjoni.

2.      Fuq il-motiv tal-eżami ex officio, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni fid-dawl tal-Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru li tikkonstata u tissanzjona ksur tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fuq rotot ŻEE mhux fl-Unjoni-Svizzera

166    Preliminarjament, għandu jitfakkar li hija l-Qorti tal-Unjoni li għandha teżamina ex officio l-motiv, li huwa kwistjoni ta’ ordni pubbliku, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-awtur tal-att ikkontestat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2000, Salzgitter vs Il‑Kummissjoni, C‑210/98 P, EU:C:2000:397, punt 56).

167    Skont il-ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Unjoni ma tistax, fil-prinċipju, tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq motiv ta’ dritt imqajjem ex officio, anki fir-rigward tal-ordni pubbliku, mingħajr ma l-ewwel tistieden lill-partijiet jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar dan is-suġġett (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2009, Eżami mill-ġdid M vs EMEA, C‑197/09 RX-II, EU:C:2009:804, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

168    F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li hija għandha d-dmir li teżamina ex officio jekk il-Kummissjoni qabżitx il-limiti tal-kompetenza tagħha skont il-Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru, fir-rigward tar-rotot ŻEE mhux fl-Unjoni-Svizzera, billi kkonstatat, fl-Artikolu 1(3) tad-deċiżjoni kkontestata, li kien hemm ksur tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fuq rotot ŻEE mhux fl-Unjoni-pajjiżi terzi, u stiednet lill-partijiet jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura.

169    Ir-rikorrenti sostniet li r-referenza għal “pajjiżi terzi” fl-Artikolu 1(3) tad-deċiżjoni kkontestata tinkludi l-Konfederazzjoni Svizzera. Din fil-fatt hija pajjiż terz skont il-Ftehim ŻEE, li l-ksur tiegħu huwa kkonstatat fl-imsemmi artikolu. Minn dan ir-rikorrenti tiddeduċi li, fl-imsemmi artikolu, il-Kummissjoni kkonstatat ksur tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fuq ir-rotot ŻEE mhux fl-Unjoni-Svizzera. Hija żżid tgħid li, billi għamlet hekk, il-Kummissjoni, minn naħa, kisret l-Artikolu 11(2) tal-Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru u, min-naħa l-oħra, kisret id-dritt internazzjonali konvenzjonali billi imponiet obbligu fuq il-Konfederazzjoni Svizzera mingħajr ma kisbet il-kunsens tagħha minn qabel. Fil-fehma tagħha, dawn l-illegalitajiet jiġġustifikaw tnaqqis fil-koeffiċjent ta’ gravità u, konsegwentement, tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha.

170    Il-Kummissjoni twieġeb li r-referenza, fl-Artikolu 1(3) tad-deċiżjoni kkontestata, għal “rotot bejn ajruporti li jinsabu f’pajjiżi li huma partijiet kontraenti għall-Ftehim ŻEE, iżda li ma humiex Stati Membri, u ajruporti li jinsabu f’pajjiżi terzi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ma tistax tiġi interpretata fis-sens li tinkludi r-rotot ŻEE mhux fl-Unjoni-Svizzera. Fil-fehma tagħha, il-kunċett ta’ “pajjiżi terzi” fis-sens ta’ dan l-artikolu jeskludi lill-Konfederazzjoni Svizzera.

171    Il-Kummissjoni żżid tgħid li, kieku kellu jitqies li hija kienet żammet lir-rikorrenti responsabbli, fl-Artikolu 1(3) tad-deċiżjoni kkontestata, għal ksur tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fuq ir-rotot ŻEE mhux fl-Unjoni-Svizzera, hija kienet taqbeż il-limiti li jimponi l-Artikolu 11(2) tal-Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru fuq il-kompetenza tagħha.

172    Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni kkonstatatx, kif issostni r-rikorrenti, ksur tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fuq ir-rotot ŻEE mhux fl-Unjoni-Svizzera fl-Artikolu 1(3) tad-deċiżjoni kkontestata u, jekk meħtieġ, jekk qabżitx il-limiti tal-kompetenza mogħtija lilha mill-Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru.

173    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva llum huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni mnaqqax fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Dan il-prinċipju, li jikkorrispondi, fid-dritt tal-Unjoni, għall-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, jeżiġi li d-dispożittiv ta’ deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni tikkonstata ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni għandu jkun partikolarment ċar u preċiż u li l-impriżi miżmuma responsabbli u ssanzjonati għandhom ikunu f’pożizzjoni li jifhmu u jikkontestaw l-attribuzzjoni ta’ din ir-responsabbiltà u l-impożizzjoni ta’ dawn is-sanzjonijiet, kif jirriżultaw mill-formulazzjoni tal-imsemmi dispożittiv (ara s-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2015, Martinair Holland vs Il‑Kummissjoni, T-67/11, EU:T:2015:984, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

174    Fil-fatt, huwa permezz tad-dispożittiv tad-deċiżjonijiet tagħha li l-Kummissjoni tindika n-natura u l-portata tal-ksur li hija tissanzjona. Fir-rigward b’mod preċiż tal-portata u tan-natura tal-ksur issanzjonat, huwa għalhekk fil-prinċipju d-dispożittiv, u mhux il-motivi, li huwa importanti. Huwa biss fejn ikun hemm nuqqas ta’ ċarezza fit-termini użati fid-dispożittiv li għandha ssir referenza, għall-finijiet ta’ interpretazzjoni, għall-motivi tad-deċiżjoni (ara s-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2015, Martinair Holland vs Il‑Kummissjoni, T‑67/11, EU:T:2015:984, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

175    Fl-Artikolu 1(3) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li r-rikorrenti kienet “kisret l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fir-rigward tar-rotot bejn ajruporti li jinsabu f’pajjiżi li huma partijiet kontraenti għall-Ftehim ŻEE, iżda ma humiex Stati Membri, u ajruporti li jinsabu f’pajjiżi terzi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] mid-19 ta’ Mejju 2005 sal-14 ta’ Frar 2006. B’mod espliċitu, hija la inkludiet f’dawn ir-rotot ir-rotot ŻEE mhux fl-Unjoni-Svizzera, u lanqas ma eskludiethom minnhom.

176    Għalhekk, għandu jiġi vverifikat jekk il-Konfederazzjoni Svizzera taqax taħt il-“pajjiżi terzi” msemmija fl-Artikolu 1(3) tad-deċiżjoni kkontestata.

177    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 1(3) tad-deċiżjoni kkontestata jiddistingwixxi bejn “pajjiżi li huma partijiet kontraenti għall-Ftehim ŻEE, iżda ma humiex Stati Membri” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u pajjiżi terzi. Huwa minnu li, kif tirrileva r-rikorrenti, il-Konfederazzjoni Svizzera ma hijiex parti għall-Ftehim ŻEE u għalhekk hija fost il-pajjiżi terzi għal dan il-ftehim.

178    Madankollu, għandu jitfakkar li, minħabba r-rekwiżiti ta’ unità u ta’ konsistenza fl-ordni legali tal-Unjoni, l-istess termini użati fl-istess miżura għandhom jiġu preżunti li għandhom l-istess tifsira.

179    Issa, fl-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat ksur tal-Artikolu 101 TFUE fuq ir-“rotot bejn ajruporti li jinsabu fl-Unjoni Ewropea u ajruporti barra miż-ŻEE” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Dan il-kunċett ma jinkludix ajruporti fl-Isvizzera, minkejja li l-Konfederazzjoni Svizzera ma hijiex parti għall-Ftehim ŻEE u l-ajruporti tagħha għalhekk għandhom jitqiesu formalment bħala “barra miż-ŻEE” [traduzzjoni mhux uffiċjali] jew, fi kliem ieħor, f’pajjiż terz għal dak il-Ftehim. Dawn l-ajruporti huma s-suġġett tal-Artikolu 1(4) tad-deċiżjoni kkontestata, li jikkonstata ksur tal-Artikolu 8 tal-Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru fuq ir-“rotot bejn ajruporti li jinsabu fl-Unjoni Ewropea u ajruporti li jinsabu fl-Isvizzera” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

180    F’konformità mal-prinċipju mfakkar fil-punt 177 iktar ’il fuq, għandu għalhekk jiġi preżunt li t-terminu “ajruporti li jinsabu f’pajjiżi terzi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] użat fl-Artikolu 1(3) tad-deċiżjoni kkontestata għandhom l-istess tifsira bħat-terminu “ajruporti barra miż-ŻEE” [traduzzjoni mhux uffiċjali] użat fl-Artikolu 1(2) u, konsegwentement, jeskludu l-ajruporti fl-Isvizzera.

181    Fin-nuqqas tal-iċken indikazzjoni fid-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tagħti tifsira differenti lill-kunċett ta’ “pajjiżi terzi” msemmi fl-Artikolu 1(3) tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi konkluż li l-kunċett ta’ “pajjiżi terzi” msemmi fl-Artikolu 1(3) jeskludi lill-Konfederazzjoni Svizzera.

182    Għalhekk ma jistax jitqies li l-Kummissjoni żammet lir-rikorrenti responsabbli għal ksur tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fuq ir-rotot ŻEE mhux fl-Unjoni-Svizzera fl-Artikolu 1(3) tad-deċiżjoni kkontestata.

183    Peress li d-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata ma joħloq l-ebda dubju, huwa biss għall-fini tal-kompletezza li l-Qorti Ġenerali żżid li l-motivi tiegħu ma jikkontradixxux dik il-konklużjoni.

184    Fil-premessa 1146 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li l-“arranġamenti antikompetittivi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] li ddeskriviet kisru l-Artikolu 101 TFUE mill-1 ta’ Mejju 2004 sal-14 ta’ Frar 2006 “fir-rigward tat-trasport bl-ajru bejn ajruporti fl-U[njoni] u ajruporti barra miż-ŻEE” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fin-nota f’qiegħ il-paġna (Nru 1514), il-Kummissjoni speċifikat dan li ġej: “Għall-fini ta’ din id-deċiżjoni, ‘ajruporti barra miż-ŻEE’ tfisser ajruporti li jinsabu f’pajjiżi oħra għajr [il-Konfederazzjoni S]vizzera u l-partijiet kontraenti tal-Ftehim ŻEE” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

185    Huwa minnu li, meta tiddeskrivi l-portata tal-ksur tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fil-premessa 1146 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma tirreferix għall-kunċett ta’ “ajruporti barra miż-ŻEE”, iżda għal dak ta’ “ajruporti li jinsabu f’pajjiżi terzi” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Madankollu, minn dan ma jistax jiġi dedott li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tagħti tifsira differenti lill-kunċett ta’ “ajruporti barra miż-ŻEE” [traduzzjoni mhux uffiċjali] għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u lil dak ta’ “ajruporti li jinsabu f’pajjiżi terzi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni użat dawn iż-żewġ espressjonijiet b’mod interkambjabbli fid-deċiżjoni kkontestata. B’hekk, fil-premessa 824 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li hija “ma [kinitx se] tapplik[a] l-Artikolu 101 TFUE għall-ftehimiet u għall-prattiki antikompetittivi li jikkonċernaw it-trasport bl-ajru bejn ajruporti tal-U[njoni] u ajruporti ta’ pajjiżi terzi li seħħew qabel l-1 ta’ Mejju 2004” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Bl-istess mod, fil-premessa 1222 ta’ din id-deċiżjoni, fir-rigward tat-tmiem tal-parteċipazzjoni ta’ SAS Consortium fil-ksur uniku u kontinwu, il-Kummissjoni tirreferi għall-kompetenza tagħha skont dawn id-dispożizzjonijiet “għar-rotot bejn l-U[njoni] u l-pajjiżi terzi kif ukoll għar-rotot bejn l-Islanda, in-Norveġja u l-Liechtenstein u l-pajjiżi barra ż-ŻEE” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

186    Il-motivi tad-deċiżjoni kkontestata għalhekk jikkonfermaw li l-kunċetti ta’ “ajruporti li jinsabu f’pajjiżi terzi” u ta’ “ajruporti barra miż-ŻEE” [traduzzjoni mhux uffiċjali] għandhom l-istess tifsira. F’konformità mal-klawżola tad-definizzjoni li tinsab fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 1514, għandu għalhekk jitqies li t-tnejn jeskludu l-ajruporti fl-Isvizzera.

187    Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-premessi 1194 u 1241 tad-deċiżjoni kkontestata ma jippromwovux xi soluzzjoni oħra. Għalhekk, fil-premessa 1194 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni għamlet referenza għar-“rotot bejn iż-ŻEE u l-pajjiżi terzi, bl-eċċezzjoni tar-rotot bejn l-U[njoni] u l-Isvizzera” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Bl-istess mod, fil-premessa 1241 tal-istess deċiżjoni, fil-kuntest tad-“determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ fuq ir-rotot mal-pajjiżi terzi” [traduzzjoni mhux uffiċjali], il-Kummissjoni naqqset b’50 % l-ammont bażiku għar-“rotot ŻEE-pajjiżi terzi, bl-eċċezzjoni tar-rotot bejn l-U[njoni] u l-Isvizzera, li għalihom [hija] taġixxi skont il-Ftehim [KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Issa, jista’ jitqies li, kif essenzjalment tirrileva r-rikorrenti, jekk il-Kummissjoni ħadet ħsieb li ddaħħal f’dawn il-premessi l-frażi “bl-eċċezzjoni tar-rotot bejn l-Unjoni u l-Isvizzera” [traduzzjoni mhux uffiċjali], dan għamlitu għaliex qieset li l-Konfederazzjoni Svizzera kienet taqa’ taħt il-kunċett ta’ “pajjiżi terzi” fir-rigward tar-rotot ŻEE-pajjiżi terzi.

188    Barra minn hekk il-Kummissjoni ammettiet li kien possibbli li fil-valur tal-bejgħ “bi żball” inkludiet id-dħul mill-bejgħ li ċerti trasportaturi inkriminati kienu wettqu fuq ir-rotot ŻEE mhux fl-Unjoni-Svizzera matul il-perijodu kkonċernat. Fil-fehma tagħha, ir-raġuni hija li, fit-talba għal informazzjoni tas-26 ta’ Jannar 2009, dwar ċertu dħul mill-bejgħ, hija ma informatx lit-trasportaturi kkonċernati li kien hemm lok li jiġi eskluż id-dħul mill-bejgħ imwettaq fuq ir-rotot ŻEE mhux fl-Unjoni-Svizzera mill-valur tal-bejgħ imqettaq fuq ir-rotot ŻEE mhux fl-Unjoni-pajjiżi terzi.

189    Għandu madankollu jiġi kkonstatat, kif issostni l-Kummissjoni, li dawn l-elementi kienu jikkonċernaw biss id-dħul li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa, u mhux id-definizzjoni tal-portata ġeografika tal-ksur uniku u kontinwu, li qiegħda tiġi kkontestata hawn.

190    Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

3.      Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem u tal-Artikolu 266 TFUE, kif ukoll fuq il-ksur tat-terminu ta’ preskrizzjoni

191    Ir-rikorrenti taqsam dan il-motiv f’żewġ partijiet, ibbażati, minn naħa, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem u tal-Artikolu 266 TFUE u, min-naħa l-oħra, fuq il-ksur tat-terminu ta’ preskrizzjoni u nuqqas ta’ interess leġittimu li formalment jiġi kkonstatat ksur.

192    Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li l-ewwel tiġi ttrattata t-tieni parti bbażata fuq il-ksur tat-terminu ta’ preskrizzjoni.

a)      Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-ksur tat-terminu ta’ preskrizzjoni u fuq in-nuqqas ta’ interess leġittimu li formalment jiġi kkonstatat ksur

193    Ir-rikorrenti tinvoka l-ksur tat-terminu ta’ preskrizzjoni u n-nuqqas ta’ interess leġittimu li formalment jiġi kkonstatat ksur.

194    Fir-rigward tat-terminu ta’ preskrizzjoni, ir-rikorrenti ssostni li, sa fejn ir-rikors tagħha kontra d-Deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010 ma kienx intiż li jikseb l-annullament tal-konstatazzjonijiet ta’ ksur relatati mar-rotot intra-ŻEE u Unjoni-Svizzera, l-Artikolu 25(6) tar-Regolament Nru 1/2003, li jipprevedi s-sospensjoni ta’ dan it-terminu jekk ikun hemm rikors pendenti, ma kienx japplika. Billi imponiet multa fuq ir-rikorrenti fir-rigward ta’ dawn ir-rotot fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni għaldaqstant kisret l-imsemmi terminu.

195    Fir-rigward tal-interess leġittimu li jiġi kkonstatat il-ksur għar-rotot intra-ŻEE u r-rotot Unjoni-Svizzera, ir-rikorrenti ssostni li hija l-Kummissjoni li għandha turi li hija għandha tali interess. Issa, din ma pproduċiet l-ebda prova li turi li r-rikorrenti ma kinitx ikkonformat ruħha mal-obbligu li ttemm immedjatament il-ksur previst fid-Deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010. Barra minn hekk, xejn ma jippermetti lill-Kummissjoni li tippreżupponi, kif għamlet fil-premessa 1171 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti setgħet ma temmitx il-ksur sad-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Minbarra dann, kemm id-deċiżjoni kkontestata kif ukoll id-Deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010 jindikaw li ma teżisti l-ebda prova li l-arranġamenti kollużivi komplew wara l-ewwel jum tal-ispezzjonijiet, l-14 ta’ Frar 2006. Ir-rikorrenti tqis ukoll li, skont il-ġurisprudenza, il-fatt li l-Kummissjoni ma wrietx interess leġittimu huwa suffiċjenti sabiex jiġi ġġustifikat l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti.

196    Fl-aħħar nett, jekk il-Qorti Ġenerali tilqa’ din il-parti, iżda tiddeċiedi li d-deċiżjoni kkontestata ma għandhiex tiġi annullata fl-intier tagħha, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-ksur tat-terminu ta’ preskrizzjoni għall-kalkolu tal-ammont tal-multa. Skont ir-rikorrenti, il-koeffiċjent ta’ gravità u l-ammont addizzjonali applikabbli għaliha għandhom għalhekk jiġu ffissati għal perċentwali inqas minn 16 %. Hija ssostni li, inkella, dan joħloq diskriminazzjoni mhux ġustifikabbli bejnha u t-trasportaturi miżmuma responsabbli għall-ksur uniku u kontinwu fuq ir-rotot kollha, u jneħħi s-sens mit-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin stabbilit fl-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2003.

197    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

198    Skont il-Kummissjoni, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin kien sospiż bejn l‑24 ta’ Jannar 2011, id-data li fiha r-rikorrenti ppreżentat ir-rikors tagħha kontra d-Deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010, u s-16 ta’ Diċembru 2015, id-data li fiha l-Qorti Ġenerali tat is-sentenza Japan Airlines vs Il‑Kummissjoni (T‑36/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:992). Jekk titqies din is-sospensjoni, il-perijodu li għadda bejn l-14 ta’ Frar 2006, id-data li fiha waqaf il-ksur, u s-17 ta’ Marzu 2017, id-data tad-deċiżjoni kkontestata, huwa biss ta’ sitt snin, xahrejn u 26 jum.

199    Il-Kummissjoni tenfasizza li d-Deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010 ddeskriviet ksur uniku u kontinwu li jkopri r-rotot kollha kkonċernati u li r-rikorrenti, permezz tar-rikors tagħha kontra din id-deċiżjoni, ipprovat tikseb l-annullament tagħha, li jiġġustifika s-sospensjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni.

200    Il-Kummissjoni żżid li l-koeffiċjent ta’ gravità u l-ammont addizzjonali ma għandhomx jiġu aġġustati. Il-koeffiċjent ta’ gravità baqa’ l-istess għad-destinatarji kollha tad-deċiżjoni kkontestata u l-portata ġeografika tal-aġir ta’ kull destinatarju ttieħdet inkunsiderazzjoni fil-valur tal-bejgħ użat għall-kalkolu tal-ammont tal-multa.

201    Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 25(1)(b) u (2), (3) u (5) tar-Regolament Nru 1/2003, it-terminu ta’ preskrizzjoni biex tiġi imposta multa jiskadi meta:

–        il-Kummissjoni ma timponix multa fi żmien ħames snin mill-jum li fih il-ksur intemm [paragrafu 1(b)] mingħajr ma, fil-frattemp, isseħħ azzjoni li tinterrompi (paragrafu 3);

–        jew l-iktar tard, fi żmien għaxar snin mill-jum li fih il-ksur intemm jekk ikunu twettqu azzjonijiet li jinterrompu (paragrafu 5).

202    Barra minn hekk, l-Artikolu 25(6) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprevedi li t-terminu ta’ preskrizzjoni jiġi sospiż sakemm id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun is-suġġett ta’ proċeduri pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Skont il-paragrafu 5 tal-istess artikolu, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin għandu jiġi estiż bil-perijodu li matulu t-terminu ta’ preskrizzjoni kien sospiż skont il-paragrafu 6 tiegħu.

203    F’konformità mal-Artikolu 25(3) tar-Regolament Nru 1/2003, it-terminu ta’ preskrizzjoni jiġi interrott minn kull azzjoni tal-Kummissjoni intiża għall-investigazzjoni jew għall-proċeduri fir-rigward ta’ ksur, innotifikata lil mill-inqas waħda mill-impriżi li pparteċipaw fil-ksur. F’konformità mal-Artikolu 25(4) tal-istess regolament, l-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni tapplika fir-rigward tal-impriżi kollha li pparteċipaw fil-ksur inkwistjoni.

204    Minn dan jirriżulta li l-fatt li impriża ma tkunx ġiet indikata bħala li pparteċipat fil-ksur f’azzjoni jew f’diversi azzjonijiet adottati għall-investigazzjoni jew għall-proċeduri fir-rigward ta’ ksur matul il-proċedura amministrattiva ma jipprekludix li l-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni tkun valida wkoll fir-rigward tagħha, sakemm l-impriża kkonċernata sussegwentement tiġi identifikata bħala li pparteċipat fil-ksur (sentenza tal‑31 ta’ Marzu 2009, ArcelorMittal Luxembourg et vs Il‑Kummissjoni, T‑405/06, EU:T:2009:90, punti 143 u 144).

205    Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, b’differenza mill-effett erga omnes tal-azzjonijiet li jinterrompu t-terminu ta’ preskrizzjoni msemmija fl-Artikolu 25(3) u (4) tar-Regolament Nru 1/2003, is-sospensjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni li l-Artikolu 25(6) tal-istess regolament jorbot mal-proċeduri ġudizzjarji għandu biss effett inter partes (sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2011, ArcelorMittal Luxembourg vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et, C‑201/09 P u C‑216/09 P, EU:C:2011:190, punt 148).

206    Għalhekk, fir-rigward tal-impriżi li ma ppreżentawx rikors kontra deċiżjoni finali tal-Kummissjoni, ir-rikors ta’ impriża oħra kontra l-istess deċiżjoni finali ma jista’ jkollu l-ebda effett ta’ sospensjoni (sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2011, ArcelorMittal Luxembourg vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et, C‑201/09 P u C‑216/09 P, EU:C:2011:190, punt 145).

207    Fl-aħħar nett, il-fatt li l-Kummissjoni ma għandhiex iktar is-setgħa li timponi multi fuq l-awturi ta’ ksur minħabba l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni ma jipprekludix, fih innifsu, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tikkonstata li dan il-ksur twettaq, sakemm il-Kummissjoni turi, f’każ bħal dan, interess leġittimu li tieħu deċiżjoni li tikkonstata tali ksur (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2005, Sumitomo Chemical u Sumika Fine Chemicals vs Il‑Kummissjoni, T‑22/02 u T‑23/02, EU:T:2005:349, punti 131 u 132).

208    F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni huwa d-data li fiha ntemm il-ksur uniku u kontinwu, jiġifieri l-14 ta’ Frar 2006, f’konformità mal-Artikolu 25(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

209    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tillimita ruħha li tinvoka l-ksur tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin previst fl-Artikolu 25(5) tal-imsemmi regolament, mingħajr ma ssostni li kien hemm ksur ukoll tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin. Issa, huwa paċifiku li, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kienu għaddew iktar minn għaxar snin mit-tmiem tal-ksur uniku u kontinwu.

210    Il-Kummissjoni madankollu ssostni, għall-kuntrarju tar-rikorrenti, li t-terminu ta’ preskrizzjoni kien ġie sospiż, f’konformità mal-Artikolu 25(6) ta’ dan ir-regolament, filwaqt li kienu pendenti l-proċeduri li wasslu għas-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2015, Japan Airlines vs Il‑Kummissjoni (T‑36/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:992), b’tali mod li t-terminu ta’ preskrizzjoni ma kienx skada fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

211    Għalhekk, għandu jiġi ddeterminat jekk ir-rikors ippreżentat mir-rikorrenti kontra d-Deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010 kellux l-effett li jestendi t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ 10 snin fir-rigward tal-aġir tagħha li jikkostitwixxi ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1(1) u (4) tad-deċiżjoni kkontestata, rispettivament fuq ir-rotot intra-ŻEE u fuq ir-rotot Unjoni-Svizzera.

212    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, sabiex tikkonkludi li s-sospensjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni minn rikors kontra deċiżjoni ta’ sanzjoni tal-Kummissjoni hija ta’ natura inter partes (punt 205 iktar ’il fuq), il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha b’mod partikolari fuq il-portata tas-suġġett tal-kawża adita biha l-Qorti tal-Unjoni li quddiemha jiġi ppreżentat ir-rikors għal annullament, billi fakkret li l-kawża mressqa quddiema tirrigwarda biss dawk l-aspetti tad-deċiżjoni li jikkonċernaw lir-rikorrenti li titlob l-annullament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2011, ArcelorMittal Luxembourg vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et, C‑201/09 P u C‑216/09 P, EU:C:2011:190, punt 142). Minn dan jirriżulta li hija meħtieġa koerenza bejn il-portata tar-rikors għall-annullament u l-portata tal-effett fuq it-terminu ta’ preskrizzjoni rilevanti skont l-Artikolu 25(6) tar-Regolament Nru 1/2003.

213    Għaldaqstant, għandha tiġi ddeterminata l-portata tar-rikors tar-rikorrenti kontra d-Deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010, u b’mod partikolari jekk il-Qorti Ġenerali kinitx adita, fil-kuntest tal-kawża mressqa quddiemha mir-rikorrenti, bl-aġir relatat mar-rotot intra-ŻEE u Unjoni-Svizzera.

214    F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li l-evalwazzjonijiet ifformulati fil-motivi ta’ deċiżjoni ma jistgħux, fihom infushom, ikunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament u jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ tal-legalità mill-Qorti tal-Unjoni biss sa fejn, bħala motivi ta’ att li joħloq dannu, huma jikkostitwixxu l-bażi neċessarja tad-dispożittiv ta’ dak l-att (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2015, Laboratoires CTRS vs Il‑Kummissjoni, T‑452/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:373, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

215    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li deċiżjoni adottata fil-qasam tal-kompetizzjoni fir-rigward ta’ diversi impriżi, għalkemm tiġi fformulata u ppubblikata bħala deċiżjoni waħda, kellha tiġi analizzata bħala sensiela ta’ deċiżjonijiet individwali li jikkonstataw fir-rigward ta’ kull waħda mill-impriżi destinatarji tagħha l-ksur uniku jew multiplu kkonstatati kontriha u li jimponulha, jekk ikun il-każ, multa (sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punt 100). Hija ddeċidiet ukoll li, jekk destinatarju ta’ deċiżjoni jiddeċiedi li jippreżenta rikors għal annullament, il-Qorti tal-Unjoni tkun adita biss bl-elementi tad-deċiżjoni li jikkonċernaw lilu, filwaqt li dawk li jikkonċernaw lil destinatarji oħra ma kinux jifformaw parti mis-suġġett tal-kawża li hija adita biha l-Qorti tal-Unjoni, mingħajr preġudizzju għal ċirkustanzi partikolari (sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2013, Team Relocations et vs Il‑Kummissjoni, C‑444/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:464, punt 66).

216    Għaldaqstant, is-suġġett tar-rikors ippreżentat mir-rikorrenti kontra d-Deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010 għandu jkun limitat għad-dispożittiv tal-imsemmija deċiżjoni, sa fejn dan jikkonċerna lir-rikorrenti, kif ukoll għall-motivi li jifformaw il-bażi neċessarja tiegħu. Issa, dan id-dispożittiv, sa fejn kien jikkonstata l-parteċipazzjoni tal-impriżi destinatarji ta’ din id-deċiżjoni fl-aġir li jikkostitwixxi ksur imsemmi fiha, għamel tali konstatazzjoni fir-rigward tar-rikorrenti biss fir-rigward tar-rotot Unjoni-pajjiżi terzi (Artikolu 2) u tar-rotot ŻEE mhux fl-Unjoni-pajjiżi terzi (Artikolu 3). Min-naħa l-oħra, l-imsemmi dispożittiv, sa fejn ma jsemmix lir-rikorrenti fl-Artikoli 1 u 4 tiegħu, ma żammhiex responsabbli għall-aġir marbut mar-rotot intra-ŻEE u mar-rotot Unjoni-Svizzera u għalhekk ma kienx jikkostitwixxi element tad-deċiżjoni li jikkonċernaha u li seta’ jiġi kkontestat quddiem il-Qorti Ġenerali.

217    Din il-konstatazzjoni ma titpoġġiex indiskussjoni mill-fatt, ippreżentat mill-Kummissjoni, li r-rikorrenti fit-talbiet tagħha talbet l-annullament tad-Deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010 fl-intier tagħha.

218    Fil-fatt, peress li l-imsemmija deċiżjoni trid tiġi analizzata bħala sensiela ta’ deċiżjonijiet individwali li jikkonstataw fir-rigward ta’ kull wieħet mit-trasportaturi inkriminati minnha l-ksur uniku jew multiplu kkonstatat fil-konfront tagħha, ir-rikorrenti, billi talbet l-annullament ta’ din id-deċiżjoni fl-intier tagħha, talbet l-annullament tad-deċiżjoni individwali indirizzata lilha u li ma kinitx timputalha l-aġir fuq ir-rotot intra-ŻEE u Unjoni-Svizzera. Dan huwa kkonfermat mid-dispożittiv tas-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2015, Japan Airlines vs Il‑Kummissjoni (T‑36/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:992), li jispeċifika li d-Deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010 hija annullata sa fejn din kienet tikkonċerna lir-rikorrenti.

219    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jitqies li r-rikors ippreżentat mir-rikorrenti kontra d-Deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010 ma setax iwassal għall-estensjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin previst fl-Artikolu 25(5) tar-Regolament Nru 1/2003 fir-rigward tal-aġir li jikkostitwixxi ksur marbut mar-rotot intra-ŻEE u Unjoni-Svizzera.

220    Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ estensjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni, l-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħa tagħha li timponi sanzjonijiet fir-rigward tal-aġir inkwistjoni kien preskritt b’effett mill-14 ta’ Frar 2016, jiġifieri f’data qabel id-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

221    Minn dan isegwi li, billi ssanzjonat, fid-deċiżjoni kkontestata, lir-rikorrenti għall-ksur uniku u kontinwu fir-rigward tar-rotot intra-ŻEE u Unjoni-Svizzera, il-Kummissjoni kisret ir-regoli tal-preskrizzjoni stabbiliti fl-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2003.

222    Barra minn hekk, anki jekk jiġi preżunt, kif tidher li ssuġġeriet il-Kummissjoni fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, li l-multa imposta fuq ir-rikorrenti ma kinitx imposta minħabba aġir li jikkostitwixxi ksur fir-rigward tar-rotot intra-ŻEE u Unjoni-Svizzera, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma sostnietx, la fid-deċiżjoni kkontestata, u lanqas quddiem il-Qorti Ġenerali, li għandha interess leġittimu li tikkonstata l-eżistenza tal-imsemmi aġir li jikkostitwixxi ksur minkejja l-preskrizzjoni tas-setgħa li timponi multa f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 2005, Sumitomo Chemical u Sumika Fine Chemicals vs Il‑Kummissjoni, T‑22/02 u T‑23/02, EU:T:2005:349, punt 136, u tas-16 ta’ Novembru 2011, Stempher u Koninklijke Verpakkingsindustrie Stempher vs Il‑Kummissjoni, T‑68/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:670, punt 44).

223    Konsegwentement, it-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tintlaqa’ u l-Artikolu 1(1)(h) u (4)(h) tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu annullati.

224    Min-naħa l-oħra, minn dan ma jsegwix li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata fl-intier tagħha, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti (ara l-punt 195 iktar ’il fuq). Minn naħa, għall-kuntrarju tal-kawża li wasslet għas-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2005, Sumitomo Chemical u Sumika Fine Chemicals vs Il‑Kummissjoni (T‑22/02 u T‑23/02, EU:T:2005:349), u li r-rikorrenti tfittex li tinvoka, il-preskrizzjoni skadiet, f’dan il-każ, biss fir-rigward ta’ parti mill-konstatazzjonijiet ta’ ksur fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri dawk li jikkonċernaw ir-rotot intra-ŻEE u Unjoni-Svizzera. Min-naħa l-oħra, għall-kuntrarju ta’ dak li sostniet ir-rikorrenti waqt is-seduta u kif muri mill-eżami iktar ’il quddiem tal-motivi li fadal insostenn ta’ dan ir-rikors, il-fatt li din il-parti tintlaqa’ ma għandux l-effett li jwaqqaf lir-rikorrenti milli tikkontesta b’mod effettiv, u lill-Qorti Ġenerali milli teżamina, il-legalità tal-kumplament tad-deċiżjoni kkontestata.

225    Fir-rigward tal-ewwel parti tal-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata, ma hemmx lok li tiġi annullata, peress li tillimita ruħha għal li titlob lit-trasportaturi inkriminati jtemmu l-ksur uniku u kontinwu “dejjem sakemm huma għadhom ma għamlux dan” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

226    Barra minn hekk, sa fejn ir-rikorrenti ssostni li l-annullament tal-Artikolu 1(1)(h) u (4)(h) tad-deċiżjoni kkontestata għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-istadju tal-kalkolu tal-multa, l-argument tagħha ser jiġi eżaminat fil-kuntest tal-eżami tat-talbiet tagħha li jinbidel l-ammont tal-multa.

b)      Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem u tal-Artikolu 266 TFUE

227    Ir-rikorrenti ssostni, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ne bis in idem imnaqqax fl-Artikolu 50 tal-Karta kif ukoll l-Artikolu 266 TFUE, billi imputatilha r-responsabbiltà għall-ksur uniku u kontinwu fuq ir-rotot intra-ŻEE bejn is-7 ta’ Diċembru 1999 u l-14 ta’ Frar 2006 u fuq ir-rotot Unjoni-Svizzera bejn l-1 ta’ Ġunju 2002 u l-14 ta’ Frar 2006, filwaqt li, fid-Deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010, hija kienet ġiet eżentata minn kull responsabbiltà fuq dawn ir-rotot u nżammet responsabbli għall-ksur uniku biss fuq ir-rotot Unjoni-pajjiżi terzi bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u l-14 ta’ Frar 2006 u fuq ir-rotot ŻEE mhux fl-Unjoni-pajjiżi terzi bejn id-19 ta’ Mejju 2005 u l-14 ta’ Frar 2006.

228    Barra minn hekk, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament billi naqset milli tindirizza d-deċiżjoni kkontestata lil Qantas minħabba li hija ma kinitx ikkontestat id-Deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010, filwaqt li r-rikorrenti, li ma kkontestatx dik id-deċiżjoni sa fejn kienet teżoneraha għar-rotot intra-ŻEE u Unjoni-Svizzera, issa nżammet responsabbli għalihom.

229    Fir-replika, ir-rikorrenti żżid li, billi naqset milli torganizza seduta ġdida u milli tibgħat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġdida qabel ma emendat b’mod sostanzjali d-dispożittiv tad-Deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010, u billi kkonstatat ir-responsabbiltà tar-rikorrenti għar-rotot intra-ŻEE bejn is-7 ta’ Diċembru 1999 u l-14 ta’ Frar 2006 u għar-rotot Unjoni-Svizzera bejn l-1 ta’ Ġunju 2002 u l-14 ta’ Frar 2006, il-Kummissjoni wettqet illegalità li tiġġustifika, minnha nnifisha, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

230    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

231    Bid-diversi oġġezzjonijiet differenti mqajma fil-kuntest ta’ din il-parti, ir-rikorrenti tikkritika, essenzjalment, lill-Kummissjoni talli illegalment żammitha responsabbli għall-ksur uniku u kontinwu sa fejn jikkonċerna r-rotot intra-ŻEE u Unjoni-Svizzera. Issa, il-Qorti Ġenerali, billi laqgħet it-tieni parti tal-ewwel motiv u billi annullat, konsegwentement, l-Artikolu 1(1)(h) u (4)(h) tad-deċiżjoni kkontestata, għamlet l-eżami ta’ din il-parti inutli.

4.      Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, u t-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 101 TFUE, tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u tal-obbligu ta’ motivazzjoni, minn naħa, fir-rigward tal-imputazzjoni lir-rikorrenti tar-responsabbiltà għall-ksur uniku u kontinwu fuq ir-rotot intra-ŻEE u Unjoni-Svizzera għall-perijodu qabel l‑1 ta’ Mejju 2004 u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-determinazzjoni tad-data tal-bidu tal-parteċipazzjoni tagħha f’dan il-ksur

232    Fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni billi żammitha responsabbli għal ksur li l-portata tiegħu hija usa’ u t-tul itwal minn dak tal-ksur li ġiet iddikjarata responsabbli għalih Qantas fid-Deċiżjoni tad‑9 ta’ Novembru 2010.

233    Ir-rikorrenti ssostni li tinsab fl-istess sitwazzjoni bħal Qantas, sa fejn hija wkoll ma kinitx topera fuq ir-rotot intra-ŻEE u Unjoni-Svizzera. Barra minn hekk, hija ssostni li, bħal Qantas, hija qatt ma kkontestat il-partijiet tad-Deċiżjoni tad‑9 ta’ Novembru 2010 li kienu jikkonċernaw ir-rotot intra-ŻEE u r-rotot Unjoni-Svizzera li għalihom hija issa nżammet responsabbli skont id-deċiżjoni kkontestata.

234    Fil-kuntest tat-tielet motiv, ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni kif ukoll l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi żammitha responsabbli għall-ksur uniku u kontinwu fuq ir-rotot intra-ŻEE u Unjoni-Svizzera għall-perijodu qabel l-1 ta’ Mejju 2004. Hija tfakkar li, qabel l-1 ta’ Mejju 2004, il-Kummissjoni setgħet tapplika l-Artikolu 101 TFUE biss għal rotot bejn ajruporti fl-Unjoni u għalhekk ma kienx japplika għar-rotot Unjoni-pajjiżi terzi. Fil-fehma tagħha, qabel id-19 ta’ Mejju 2005, l-istess kien jgħodd għall-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, li għalhekk il-Kummissjoni ma setgħetx tapplika għat-trasport bl-ajru fuq ir-rotot ŻEE mhux fl-Unjoni-pajjiżi terzi. Minn dan hija tiddeduċi li l-parteċipazzjoni tagħha f’kuntatti dwar ir-rotot Unjoni-Ġappun ma’ trasportaturi oħra qabel l-1 ta’ Mejju 2004 kienet legali. Sa fejn dawn il-kuntatti ma kinux jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Kummissjoni u għalhekk kienu legali, huma ma setgħux, mid-definizzjoni tagħhom stess, jifformaw parti mill-“azzjoni illegali komuni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] li għamlet referenza għaliha l-Kummissjoni fil-premessa 865 tad-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, ir-rikorrenti tqis li ma jistax jitqies li, billi pparteċipat fl-imsemmija kuntatti, hija kkontribwixxiet għall-ksur uniku u kontinwu.

235    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

236    Għandu jiġi kkonstatat li, essenzjalment, ir-rikorrenti tallega, permezz tat-tieni motiv tagħha, li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni billi żammitha responsabbli għall-ksur uniku u kontinwu sa fejn dan jikkonċerna r-rotot intra-ŻEE u Unjoni-Svizzera, filwaqt li Qantas ma ġiet akkużata bl-ebda ksur fuq dawn ir-rotot. Bl-istess mod, permezz tat-tielet motiv, ir-rikorrenti tallega, essenzjalment, li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi żammitha responsabbli għall-ksur uniku u kontinwu sa fejn jikkonċerna dawn l-istess rotot.

237    Issa, il-Qorti Ġenerali laqgħet it-tieni parti tal-ewwel motiv u, konsegwentement, diġà annullat l-Artikolu 1(1)(h) u (4)(h) tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, li fil-kuntest tagħhom il-Kummissjoni kienet żammet lir-rikorrenti responsabbli għall-ksur uniku u kontinwu sa fejn dan jikkonċerna r-rotot intra-ŻEE u Unjoni-Svizzera. L-eżami tat-tieni u tat-tielet motivi għalhekk sar inutli.

5.      Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fir-rigward tal-imputazzjoni lir-rikorrenti tar-responsabbiltà għall-ksur uniku u kontinwu fuq rotot li fihom hija ma kinitx kompetitriċi reali jew potenzjali

238    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi żammitha responsabbli għall-ksur uniku u kontinwu fuq rotot li hija ma kinitx topera u li hija ma setgħetx legalment topera skont ftehimiet internazzjonali dwar is-servizzi tal-ajru (iktar ’il quddiem l-“ASA”) applikabbli. Ir-rikorrenti tinvoka tliet argumenti insostenn ta’ din id-dikjarazzjoni.

239    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE tippreżupponi l-eżistenza ta’ kompetizzjoni reali jew, tal-inqas, potenzjali bejn l-impriżi kkonċernati. Issa, hija tindika li ma setgħetx legalment tipprovdi servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija fuq ir-rotot imsemmija fl-Artikolu 1 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata minbarra fuq ir-rotot ŻEE-Ġappun.

240    Ir-rikorrenti żżid tgħid li, anki li kieku kien possibbli għaliha li tikkonkludi ma’ trasportaturi ftehimiet bħal dawk imsemmija fil-premessa 890 tad-deċiżjoni kkontestata sabiex topera b’mod indirett fuq ir-rotot imsemmija fl-Artikolu 1 tal-imsemmija deċiżjoni minbarra fuq ir-rotot ŻEE-Ġappun, hija ma kinitx tkun tista’ tikkompeti b’mod effettiv fuq dawn tal-aħħar.

241    L-affermazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fil-premessa 890 tad-deċiżjoni kkontestata huma barra minn hekk kompletament ġodda u ma jinsabux fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Minn dan ir-rikorrenti tiddeduċi li l-Kummissjoni ma tathiex id-dritt li tinstema’ fir-rigward ta’ dawn l-affermazzjonijiet u b’hekk kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha.

242    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma tistax tinvoka s-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2015, AC‑Treuhand vs Il‑Kummissjoni (C‑194/14 P, EU:C:2015:717), sabiex iżżommha responsabbli għall-ksur uniku u kontinwu fi swieq li fihom hija ma kinitx kompetitriċi reali jew potenzjali.

243    Fil-fatt, minn naħa, il-Kummissjoni ma invokatx is-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2015, AC‑Treuhand vs Il‑Kummissjoni (C‑194/14 P, EU:C:2015:717) fid-deċiżjoni kkontestata, u l-invokazzjoni tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali twassal biex tbiddel b’mod illegali l-fondatezza li fuqha r-rikorrenti tqieset bħala responsabbli għall-ksur uniku u kontinwu.

244    Ir-rikorrenti żżid li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’kontradizzjoni ta’ motivi li tagħmilha impossibbli għaliha li tifhem il-motivi għalfejn hija nżammet responsabbli għall-ksur uniku u kontinwu sa fejn dan jirrigwarda rotot għajr ir-rotot ŻEE-Ġappun. Fil-fatt, il-Kummissjoni imputatilha r-responsabbiltà għall-ksur uniku u kontinwu fuq dawn ir-rotot għal żewġ motivi li jeskludu lil xulxin: waħda tippreżupponi li r-rikorrenti kienet, tal-inqas potenzjalment, preżenti fis-suq affettwat, filwaqt li l-oħra tippreżupponi li hija ma kinitx preżenti f’dan is-suq.

245    Min-naħa l-oħra, il-portata tas-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2015, AC‑Treuhand vs Il‑Kummissjoni (C‑194/14 P, EU:C:2015:717), hija limitata għall-każijiet li fihom l-impriża kkonċernata kkontribwixxiet b’mod attiv għal limitazzjoni tal-kompetizzjoni u kellha rwol essenzjali fil-ksur eżaminat. Issa, ir-rikorrenti ma tatx kontribuzzjoni attiva għall-ksur uniku u kontinwu, u lanqas ma kellha rwol essenzjali f’dan tal-aħħar.

246    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li hija ma setgħetx tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta’ koordinazzjoni antikompetittiva fuq ir-rotot l-oħra għajr ir-rotot ŻEE-Ġappun u li l-kuntatti li kellha ma’ trasportaturi inkriminati attivi fuq dawn ir-rotot l-oħra ma setax għalhekk kellhom l-għan li jillimitaw il-kompetizzjoni fiż-ŻEE. Hija żżid tgħid li adottat approċċ emulattiv fis-swieq lokali u li kienet iffissat il-livell ta’ sovrataxxi fil-livell lokali, skont ir-rotot, tant li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta qieset, fil-premessa 889 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-sovrataxxi ma kienu speċifiċi għal ebda rotta.

247    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

248    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti essenzjalment tikkritika lill-Kummissjoni talli żammitha responsabbli għall-ksur uniku u kontinwu fuq ir-rotot intra-ŻEE, Unjoni-Svizzera u ŻEE-pajjiżi terzi minbarra ŻEE-Ġappun (iktar ’il quddiem ir-“rotot ŻEE-pajjiżi terzi minbarra l-Ġappun”). Għal motivi simili għal dawk meħuda inkunsiderazzjoni fil-punti 231 u 237 iktar ’il fuq, l-eżami ta’ dan il-motiv sar inutli sa fejn jirrigwarda r-rotot intra-ŻEE u Unjoni-Svizzera. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ser teżamina l-imsemmi motiv biss sa fejn dan jirrigwarda r-rotot ŻEE-pajjiżi terzi minbarra l-Ġappun.

249    B’dan iċċarat, sabiex tingħata deċiżjoni dwar dan il-motiv, huwa xieraq, l-ewwel, li jitfakkru l-prinċipji applikabbli (ara l-punti 250 sa 264 iktar ’il quddiem), it-tieni, li jiġu identifikati l-motivi li tibbaża ruħha fuqhom il-Kummissjoni biex imputat lir-rikorrenti r-responsabbiltà għall-ksur uniku u kontinwu sa fejn din tikkonċerna r-rotot ŻEE-pajjiżi terzi minbarra l-Ġappun (ara l-punti 265 sa 277 iktar ’il quddiem) u, it-tielet, li tiġi eżaminata l-fondatezza tagħhom (ara l-punti 278 sa 284 iktar ’il quddiem).

a)      Fuq il-prinċipji applikabbli

250    Għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 100 iktar ’il fuq, l-Artikolu 101(1) TFUE jipprojbixxi l-ftehimiet kollha bejn impriżi, id-deċiżjonijiet kollha ta’ assoċjazzjonijiet bejn impriżi u l-prattiki kollha miftiehma li jistgħu jolqtu l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li jkollhom bħala għan jew riżultat tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern.

251    Għalhekk, sabiex jaqa’ taħt il-projbizzjoni ta’ dan il-prinċipju previst fl-Artikolu 101(1) TFUE, aġir ta’ impriżi għandu mhux biss juri l-eżistenza ta’ kollużjoni bejniethom, jiġifieri ftehim bejn impriżi, deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni bejn impriżi jew prattiki miftiehma, iżda din il-kollużjoni għandha wkoll taffettwa b’mod negattiv u sinjifikattiv il-kompetizzjoni fis-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2012, Expedia, C‑226/11, EU:C:2012:795, punti 16 u 17).

252    Fir-rigward ta’ ftehimiet jew prattiki miftiehma bejn impriżi li joperaw fl-istess livell tal-katina ta’ produzzjoni jew ta’ distribuzzjoni, huwa għalhekk neċessarju, kif tirrileva r-rikorrenti, li tali kollużjoni sseħħ bejn impriżi li jinsabu f’kompetizzjoni ma’ xulxin li, jekk mhux reali, tkun tal-inqas potenzjali.

253    Madankollu, għandu jitfakkar li, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 34 tas-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2015, AC‑Treuhand vs Il‑Kummissjoni (C‑194/14 P, EU:C:2015:717), l-Artikolu 101(1) TFUE ma jikkonċernax biss l-impriżi attivi fis-suq ikkonċernat mil-limitazzjonijiet tal-kompetizzjoni. Il-portata tiegħu lanqas ma hija limitata għall-impriżi attivi fis-swieq upstream, downstream jew viċin ta’ dak is-suq jew għal dawk li jillimitaw l-awtonomija tal-aġir tagħhom f’suq partikolari minħabba ftehim jew prattika miftiehma.

254    Fil-fatt, it-test tal-Artikolu 101(1) TFUE jirreferi b’mod ġenerali għall-ftehimiet u għall-prattiki miftiehma li, f’relazzjonijiet kemm orizzontali kif ukoll vertikali, ifixklu l-kompetizzjoni fis-suq intern, indipendentement mis-suq li l-partijiet huma attivi fih, bħall-fatt li huwa biss l-aġir kummerċjali ta’ waħda minnhom li huwa affettwat bil-kliem tal-arranġamenti inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2015, AC‑Treuhand vs Il‑Kummissjoni, C‑194/14 P, EU:C:2015:717, punt 35).

255    Minn dan jirriżulta li impriża tista’ twettaq ksur tal-projbizzjoni fil-prinċipju prevista fl-Artikolu 101(1) TFUE meta l-aġir tagħha, kif ikkoordinat ma’ dak ta’ impriżi oħra, ikollu l-għan li jillimita l-kompetizzjoni f’suq li fih hija la tkun kompetitur reali u lanqas kompetitur potenzjali.

256    Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw, mutatis mutandis, għall-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE.

257    Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, ma jistax jiġi dedott mill-punt 37 tas-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2015, AC‑Treuhand vs Il‑Kummissjoni (C‑194/14 P, EU:C:2015:717), li l-portata ta’ din is-sentenza hija limitata għal sitwazzjonijiet li fihom l-impriża kkonċernata kellha “rwol essenzjali” fl-akkordju kontenzjuż. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-fatt, żammet lura milli tistabbilixxi n-natura essenzjali tar-rwol tal-impriża kkonċernata bħala kundizzjoni għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tagħha. Hija kkuntentat ruħha, fil-punti 37 sa 39 tal-imsemmija sentenza, bis-sempliċi riproduzzjoni ta’ konstatazzjoni fattwali li l-Qorti Ġenerali kienet għamlet fl-ewwel istanza sabiex twieġeb għall-argument li jgħid li l-interventi tar-rikorrenti fil-kawża li wasslet għal dik is-sentenza kienu jikkostitwixxu sempliċi servizzi periferiċi, mingħajr rabta mal-obbligi preżunti mill-produtturi u l-limitazzjonijiet tal-kompetizzjoni li jirriżultaw minnhom.

258    Ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja kien fondat b’mod partikolari fuq il-ġurisprudenza dwar il-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwu (sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2015, AC‑Treuhand vs Il‑Kummissjoni, C‑194/14 P, EU:C:2015:717, punt 30). Skont dik il-ġurisprudenza, ksur tal-projbizzjoni fil-prinċipju prevista fl-Artikolu 101(1) TFUE u fl-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE jista’ jirriżulta mhux biss minn att iżolat, iżda wkoll minn sensiela ta’ atti jew anki minn aġir kontinwu, anki fil-każ li wieħed minn dawn l-aspetti ta’ din is-sensiela ta’ atti jew aġir kontinwu, jew iktar, jistgħu fihom infushom u individwalment, jikkostitwixxu wkoll ksur tal-imsemmija dispożizzjonijiet. Għalhekk, jekk l-azzjonijiet differenti jagħmlu parti minn “pjan ġenerali”, minħabba l-għan identiku tagħhom li jfixklu l-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern jew fit-territorju taż-ŻEE, il-Kummissjoni għandha d-dritt timputa r-responsabbiltà ta’ dawn l-azzjonijiet skont il-parteċipazzjoni fil-ksur ikkunsidrat fl-intier tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

259    Impriża li tkun ipparteċipat f’tali ksur uniku u kumpless permezz ta’ aġir tagħha stess, li jaqa’ taħt il-kunċetti ta’ ftehim jew prattika miftiehma li jkollhom għan antikompetittiv fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE jew tal-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE u li kien intiż sabiex jikkontribwixxi għat-twettiq tal-ksur fl-intier tiegħu, tista’ tkun responsabbli wkoll għall-aġir ta’ implimentazzjoni ta’ impriżi oħra fil-kuntest tal-istess ksur għall-perijodu kollu tal-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmi ksur. Dan huwa l-każ meta jiġi stabbilit li din l-impriża kellha l-intenzjoni tikkontribwixxi bl-aġir tagħha stess għall-għanijiet komuni tal-parteċipanti kollha u li kellha għarfien tal-aġir li jikkostitwixxi ksur previst jew implimentat minn impriżi oħra sabiex jiksbu l-istess għanijiet, jew li hija setgħet raġonevolment tipprevedihom u kienet lesta taċċetta dan ir-riskju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

260    Għalhekk, impriża tista’ tkun ipparteċipat direttament fl-aġir antikompetittiv kollu li jikkostitwixxi l-ksur uniku u kontinwu, f’liema każ il-Kummissjoni tista’ timputa lilha r-responsabbiltà għal dan l-aġir kollu, u għalhekk għall-ksur kollu kemm hu. Impriża tista’ wkoll tipparteċipa direttament f’parti biss mill-aġir antikompetittiv li jikkostitwixxi l-ksur uniku u kontinwu, iżda jkollha għarfien tal-aġir li jikkostitwixxi ksur kollu l-ieħor previst jew implimentat mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju għall-kisba tal-istess għanijiet, jew li tkun setgħet raġonevolment ipprevediet u aċċettat li tieħu dan ir-riskju. F’każ bħal dan, il-Kummissjoni għandha wkoll id-dritt li timputa lil din l-impriża r-responsabbiltà għall-aġir antikompetittiv li jikkostitwixxi tali ksur kollu u, għaldaqstant, għall-ksur fl-intier tiegħu (sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 43).

261    Minn dan jirriżulta li għandhom jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet sabiex tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni fi ksur uniku u kontinwu, jiġifieri l-eżistenza ta’ pjan ġenerali li jsegwi għan komuni, il-kontribuzzjoni intiża tal-impriża kkonċernata għal dak il-pjan, u l-għarfien tagħha (ipprovat jew preżunt) tal-aġir li jikkostitwixxi ksur tal-parteċipanti l-oħra li ma hija pparteċipatx fih direttament (sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2011, Putters International vs Il‑Kummissjoni, T‑211/08, EU:T:2011:289, punt 35; ara wkoll is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2018, Stührk Delikatessen Import vs Il‑Kummissjoni, T‑58/14, mhux ippubblikata, EU:T:2018:474, punt 118 u l-ġurisprudenza ċċitata).

262    Anki l-kontribuzzjoni sussidjarja, aċċessorja jew passiva ta’ impriża għall-implimentazzjoni ta’ akkordju hija biżżejjed biex tiġi imputata lilha r-responsabbiltà għall-aġir antikompetittiv implimentat jew previst minn impriżi oħra għall-kisba tal-istess għan antikompetittiv, u li jkollha għarfien reali jew preżunt tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Lulju 2008, AC‑Treuhand vs Il‑Kummissjoni, T‑99/04, EU:T:2008:256, punti 133 u 134, u tat-8 ta’ Settembru 2010, Deltafina vs Il‑Kummissjoni, T‑29/05, EU:T:2010:355, punti 55 u 56).

263    L-eżistenza ta’ relazzjoni kompetittiva bejn l-impriżi kkonċernati ma hijiex, min-naħa l-oħra, kundizzjoni biex aġir antikompetittiv jiġi kklassifikat bħala ksur uniku u kontinwu u lanqas biex tiġi imputata din ir-responsabbiltà. L-interpretazzjoni kuntrarja ċċaħħad il-kunċett ta’ “ksur uniku u kontinwu” minn parti mis-sens tiegħu, peress li dan kieku jeżenta lil dawn l-impriżi minn kull responsabbiltà indiretta minħabba l-aġir tal-impriżi mhux kompetituri li, madankollu, jikkontribwixxu bl-aġir tagħhom għat-twettiq tal-pjan ġenerali li huwa speċifiku għall-ksur uniku u kontinwu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Duravit et vs Il‑Kummissjoni, C‑609/13 P, EU:C:2017:46, punti 124, 137 u 138).

264    Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni f’dan il-każ kienet awtorizzata li żżomm lir-rikorrenti responsabbli għal komponenti tal-ksur uniku u kontinwu, li l-għan tagħhom kien li jillimitaw il-kompetizzjoni fuq rotot li hija ma toperax, kemm-il darba jintwera li hija kellha l-intenzjoni li tikkontribwixxi bl-aġir tagħha stess għall-għanijiet komuni segwiti mit-trasportaturi inkriminati kollha u li hija kellha għarfien tal-aġir li jikkostitwixxi ksur previst jew implimentat minnhom sabiex jintlaħqu l-istess għanijiet u li hija ma pparteċipatx fih b’mod dirett, jew li setgħet raġonevolment tipprevedih u kienet lesta taċċetta dak ir-riskju.

b)      Fuq il-motivi li għalihom il-Kummissjoni imputat lir-rikorrenti r-responsabbiltà għall-ksur uniku u kontinwu sa fejn dan jirrigwarda l-konnessjonijiet ŻEE-pajjiżi terzi minbarra l-Ġappun

265    Fil-premessi 862 sa 868 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esponiet il-ġurisprudenza dwar il-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwu. B’mod partikolari, fil-premessi 865 sa 868 ta’ din id-deċiżjoni, hija fakkret li impriża tista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, tinżamm responsabbli għal ksur uniku u kontinwu fl-intier tiegħu minkejja li din ma tkunx ipparteċipat direttament fil-“komponenti kollha [tiegħu]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fil-premessa 895 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni tenniet dan il-prinċipju fi tweġiba għal argument ta’ British Airways u ta’ Air Canada, li sostnew li ma kinux jafu bl-eżistenza ta’ “konfoffa ikbar” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

266    Fil-premessi 869 sa 902 u fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li kien hemm ksur uniku u kontinwu, li kien jinkludi l-kuntatti kontenzjużi kollha, kemm jekk seħħew fiż-ŻEE kif ukoll jekk le, u r-rotot ikkonċernati, kemm jekk kienu deħlin, ħerġin jew fi ħdan iż-ŻEE stess. Hija kkonstatat b’mod partikolari, fil-premessa 879 ta’ din id-deċiżjoni, li l-kuntatti kontenzjużi kienu intiżi għall-“kisba tal-għan uniku segwit minn dawk responsabbli, fil-kuntest ta’ pjan ġenerali” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

267    Fil-premessa 878 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni osservat li t-trasportaturi inkriminati kollha kienu “involuti f’komunikazzjonijiet u fi ftehim dwar is-STK u [li] ħafna minnhom [kienu] involuti f’dak li jirrigwarda s-STS u [r-rifjut ta]l-ħlas ta’ kummissjonijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fil-premessa 881 ta’ din id-deċiżjoni, hija żiedet tgħid li “l-maġġoranza tal-partijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali], fosthom ir-rikorrenti, kienu involuti fit-tliet komponenti tal-ksur uniku u kontinwu (ara wkoll il-premessa 761). Mill-premessi 882 u 883 tal-imsemmija deċiżjoni jirriżulta li l-Kummissjoni b’hekk kellha l-intenzjoni li tikkonstata li r-rikorrenti kienet ipparteċipat direttament f’kull wieħed minn dawn il-komponenti u mhux li kienet ipparteċipat direttament biss fi wħud minnhom, iżda kellha għarfien tal-aġir illegali kollu l-ieħor previst jew implimentat mit-trasportaturi inkriminati l-oħra sabiex jintlaħaq l-għan antikompetittiv uniku, jew setgħet raġonevolment tipprevedih u kienet lesta taċċetta r-riskju.

268    Madankollu, mit-tweġibiet tal-Kummissjoni għall-argumenti ta’ Air Canada u ta’ British Airways fil-premessi 894 sa 897 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li dan ma jfissirx li hija kienet qieset li r-rikorrenti kienet ipparteċipat direttament fl-attivitajiet antikompetittivi kollha li kienu jaqgħu taħt dawn il-komponenti.

269    Huwa għalhekk minħabba li r-rikorrenti kellha l-intenzjoni, indipendentement mill-kwalità tagħha bħala kompetitriċi potenzjali fuq ir-rotot ŻEE-pajjiżi terzi minbarra l-Ġappun, li tikkontribwixxi għall-pjan ġenerali li jsegwi l-għan antikompetittiv komuni deskritt fil-premessi 872 sa 876 tad-deċiżjoni kkontestata u kellha għarfien (ipprovat jew preżunt) tal-aġir li jikkostitwixxi ksur tat-trasportaturi inkriminanti l-oħra li fih hija ma pparteċipatx direttament li l-Kummissjoni imputatilha r-responsabbiltà għall-ksur uniku u kontinwu, inkluż sa fejn dan jirrigwarda r-rotot ŻEE-pajjiżi terzi minbarra l-Ġappun.

1)      Fuq il-kontradizzjonijiet tal-motivi allegati

270    Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, mid-deċiżjoni kkontestata ma jistax jiġi dedott li l-Kummissjoni, fl-istess ħin, kellha l-intenzjoni li timputalha r-responsabbiltà għall-ksur uniku u kontinwu sa fejn dan jirrigwarda r-rotot ŻEE-pajjiżi terzi minbarra l-Ġappun abbażi tal-kwalità tagħha bħala kompetitriċi potenzjali fuq dawn tal-aħħar u b’hekk ikkontradixxiet lilha nnifisha.

271    Fl-ewwel lok, mill-premessa 890 tad-deċiżjoni kkontestata ma jistax jiġi dedott li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-kwalità possibbli tar-rikorrenti bħala kompetitriċi potenzjali fuq ir-rotot ŻEE-pajjiżi terzi minbarra l-Ġappun sabiex tikkonstata r-responsabbiltà tagħha fir-rigward ta’ dawn ir-rotot. L-imsemmija premessa hija l-unika premessa li fiha l-Kummissjoni, essenzjalment, għamlet referenza għall-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali bejn it-trasportaturi inkriminati fuq ir-rotot li ma kinux joperaw fihom jew li ma setgħux joperaw direttament. Issa, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, kemm mill-formulazzjoni tagħha kif ukoll mill-għan tagħha u mill-kuntest li tinsab fih jirriżulta li l-imsemmija premessa ma tikkonċernax ir-responsabbiltà tad-diversi trasportaturi inkriminati għall-ksur uniku u kontinwu, iżda biss l-eżistenza ta’ dan tal-aħħar, li r-rikorrenti ma tikkontestax fil-kuntest ta’ dan il-motiv. Fil-fatt, l-imsemmija premessa tirreferi b’mod espliċitu għall-“eżistenza tal-ksur uniku u kontinwu” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fir-rigward tal-premessi 112 u 885 sa 887 tad-deċiżjoni kkontestata, dawn jindikaw li l-Kummissjoni kellha turi li l-kuntatti li seħħew f’pajjiżi terzi jew il-kuntatti relatati mar-rotot li t-trasportaturi inkriminati ma kinux joperaw u ma setgħux joperaw direttament kienu rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-ksur uniku u kontinwu jew tal-“akkordju dinji” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

272    Fit-tieni lok, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, ir-referenzi fid-deċiżjoni kkontestata għal “limitazzjoni tal-kompetizzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessi 1028 u 1277), għal “skambji ta’ informazzjoni bejn il-kompetituri” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 908), għal “arranġamenti bejn il-kompetituri li għandhom l-għan li jikkoordinaw l-aġir tagħhom sabiex jeliminaw l-inċertezza eżistenti fis-suq dwar it-tariffi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 909) u għal “kuntatti bejn il-kompetituri” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 920) lanqas ma jippreżupponu li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-kwalità possibbli ta’ kompetitur potenzjali tar-rikorrenti fuq ir-rotot ŻEE-pajjiżi terzi minbarra l-Ġappun sabiex timputalha r-responsabbiltà għall-ksur uniku u kontinwu fir-rigward ta’ dawn ir-rotot. Fil-fatt, dawn ir-referenzi jirreferu biss għall-eżistenza ta’ akkordji jew prattiki miftiehma bejn impriżi li jikkompetu f’suq wieħed jew iktar, li mingħajrhom il-Kummissjoni ma kinitx tkun tista’ tikkonkludi li kien hemm limitazzjoni tal-kompetizzjoni (ara l-punt 252 iktar ’il fuq).

273    Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma għandhiex il-fondatezza meħtieġa biex tinvoka kontradizzjonijiet fil-motivi li għalihom il-Kummissjoni żammitha responsabbli għall-ksur uniku u kontinwu sa fejn dan jirrigwarda r-rotot ŻEE-pajjiżi terzi minbarra l-Ġappun.

2)      Fuq in-natura allegatament ġdida tal-fondatezza invokata sabiex tiġi imputata responsabbiltà lir-rikorrenti għall-ksur uniku u kontinwu sa fejn dan jirrigwarda r-rotot ŻEE-pajjiżi terzi minbarra l-Ġappun

274    Ir-rikorrenti lanqas ma għandha l-fondatezza meħtieġa biex takkuża lill-Kummissjoni li pprovat tirregolarizza, fl-istadju tal-proċedura ġudizzjarja, il-motivazzjoni allegatament difettuża tad-deċiżjoni kkontestata billi fir-risposta għamlet referenza għal deċiżjoni li hija la ċċitat u lanqas a fortiori ma invokata fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri s-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2015, AC‑Treuhand vs Il‑Kummissjoni (C‑194/14 P, EU:C:2015:717). Fil-fatt, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, ir-riferiment għal din is-sentenza bl-ebda mod ma jbiddel il-“fondatezza tar-responsabbiltà invokata fid-deċiżjoni [kkontestata]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Kif jirriżulta mill-punti 253 sa 263 iktar ’il fuq, l-imsemmija sentenza la tirrikonoxxi u lanqas toħloq fondatezza ġdida li fuqha l-Kummissjoni tista’ tibbaża ruħha sabiex timputa lil impriża r-responsabbiltà għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. Hija tillimita ruħha għal li tiċċara u tippreċiża t-tifsira u l-portata tal-Artikolu 101 TFUE (u, b’analoġija, tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE) fir-rigward ta’ kif għandhom jew kellhom jiġu mifhuma sa mid-dħul fis-seħħ tagħhom u li tapplikahom għal każ partikolari, li huwa dak ta’ faċilitatur.

275    Issa, kif jirriżulta mill-punti 250 sa 269 iktar ’il fuq, il-bażijiet legali li bbażat ruħha fuqhom il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata sabiex iżżomm lir-rikorrenti responsabbli għall-ksur uniku u kontinwu fuq ir-rotot ŻEE-pajjiżi terzi minbarra l-Ġappun huma l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, kif ukoll il-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwu li jirriżulta minnhom.

276    Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni ulterjorment ir-rikorrenti, huma wkoll dawk il-bażijiet li huma invokati fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Fil-fatt, kemm f’dik id-dikjarazzjoni kif ukoll fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bbażat ruħha preċiżament fuq il-fondatezzi msemmija. B’hekk, qabel kollox, fil-paragrafu 3 tal-imsemmija dikjarazzjoni, hija indikat li l-impriżi kkonċernati kienu “ħadu sehem fi ksur uniku u kontinwu […] tal-Artikolu [101(1) TFUE], [ta]l-Artikolu 53[(1) tal-Ftehim ŻEE] u [ta]l-Artikolu 8 tal-Ftehim [KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru] […] li permezz tiegħu [kienu] kkoordinaw l-aġir tagħhom fil-qasam tat-tariffi għall-provvista ta’ servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija fid-dinja kollha fir-rigward ta’ diversisovrataxxi, it-tariffi ta’ servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija u l-ħlas ta’ kummissjoni fuq is-sovrataxxi” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Sussegwentement, fil-paragrafu 129 tal-istess dikjarazzjoni, hija ppreċiżat li l-ksur uniku u kontinwu “kien ikopri s-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija […] fl-U[njoni]/ŻEE u fl-Isvizzera u fuq rotot bejn ajruporti tal-U[njoni]/ŻEE u l-pajjiżi terzi fid-dinja kollha, fiż-żewġ direzzjonijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fl-aħħar nett, fil-paragrafi 1412 sa 1432 tad-dikjarazzjoni inkwistjoni, hija esponiet il-ġurisprudenza relatata mal-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwu u spjegat kif kellha l-intenzjoni tapplikah għall-fatti tal-każ.

277    F’dawn iċ-ċirkustanzi, f’konformità ma’ dak li ġie indikat fil-punt 261 iktar ’il fuq, peress li l-eżistenza ta’ pjan ġenerali ma hijiex ikkontestata, għandu jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni qisitx ġustament li r-rikorrenti, indipendentement mill-kwalità tagħha bħala kompetitriċi reali jew potenzjali fuq ir-rotot ŻEE-pajjiżi terzi minbarra l-Ġappun, setgħet titqies bħala responsabbli għall-ksur uniku u kontinwu fuq ir-rotot ŻEE-pajjiżi terzi minbarra l-Ġappun, sa fejn kellha l-intenzjoni li tikkontribwixxi bl-aġir tagħha stess għall-għanijiet komuni segwiti mit-trasportaturi inkriminati kollha u raġonevolment kellha għarfien tal-aġir li jikkostitwixxi ksur previst jew implimentat minnhom fuq dawn ir-rotot għall-kisba tal-istess għanijiet u li ma pparteċipatx direttament fih, jew li hija setgħet raġonevolment tipprevedihom u kienet lesta taċċetta dan ir-riskju.

c)      Fuq il-fondatezza tal-motivi li għalihom il-Kummissjoni imputat lir-rikorrenti r-responsabbiltà għall-ksur uniku u kontinwu sa fejn dan jirrigwarda l-konnessjonijiet ŻEE-pajjiżi terzi minbarra l-Ġappun

278    Fil-premessi 762 sa 764 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeskriviet il-“bosta kuntatti” [traduzzjoni mhux uffiċjali] li r-rikorrenti kellha ma’ kompetituri matul il-perijodu li fih ipparteċipat fil-ksur uniku u kontinwu sabiex “tikkoordina l-prezzijiet fis-settur tat-trasport tal-merkanzija” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Issa, minn dawn il-premessi jirriżulta li r-rikorrenti pparteċipat fil-ftehim dwar ir-rotot ŻEE-pajjiżi terzi minbarra l-Ġappun. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li bosta kuntatti li ħadet sehem fihom ir-rikorrenti kienu jikkonċernaw, tal-inqas parzjalment, lil tali rotot.

279    B’hekk, fir-rigward tas-STK, fost l-elementi rrilevati fid-deċiżjoni kkontestata, għandhom jissemmew il-“laqgħa amikevoli” [traduzzjoni mhux uffiċjali] li saret fit-22 ta’ Jannar 2001 fil-bini ta’ Lufthansa fil-Ġermanja (premessa 174), bosta skambji ta’ posta elettronika fi ħdan l-Air Cargo Council Switzerland (il-Kunsill tat-Trasport tal-Merkanzija bl-Ajru tal-Isvizzera, iktar ’il quddiem l-“ACCS”) (premessi 203, 204, 286, 364, 426, 502, 535, 561 u 574), diskussjonijiet fi ħdan l-alleanza WOW (premessa 517) kif ukoll il-laqgħat tal-SCC tal-BAR f’Ħong Kong (premessi 394 u 503) u f’Singapor (premessa 295). Fir-rigward tas-STS, f’dik id-deċiżjoni għandha ssir referenza b’mod partikolari għal-“laqgħa tal-WOW għall-Ewropa” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 630) u għal-laqgħa tas-SCC tal-BAR f’Ħong Kong tal-15 ta’ Marzu 2004, li fil-kuntest tagħha ġie “miftiehem li t-trasportaturi [kellhom] japplikaw is-STS minn Ħong Kong” (premessa 665) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fir-rigward tar-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet, saret referenza b’mod partikolari fl-istess deċiżjoni għal laqgħa multilaterali li saret fit-12 ta’ Mejju 2005 fl-Italja u li matulha t-trasportaturi li kienu rrappreżentaw lil “iktar minn 50 % tas-suq” [traduzzjoni mhux uffiċjali], fosthom ir-rikorrenti, “ikkonfermaw kollha r-rieda [tagħhom] li ma jaċċettawx remunerazzjoni STK/STS” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 695) jew anki għal messaġġ tal-posta elettronika tat-13 ta’ Ġunju 2005 li permezz tiegħu l-President tal-ACCS bagħat lill-membri tagħha “abbozz ta’ tweġiba komuni [għal ittra lill-Assoċjazzjoni Svizzera tal-Burdnara] miktuba f’isem l-ACCS li tirrifjuta l-invokazzjonijiet tal-[burdnara]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 693).

280    Fir-rigward tal-attivitajiet antikompetittivi relatati mar-rotot ŻEE-pajjiżi terzi minbarra l-Ġappun li r-rikorrenti ma pparteċipatx fihom direttament, huwa biżżejjed li jiġi osservat li hija ma tikkontestax li kellha għarfien tagħhom.

281    Ir-rikorrenti tikkontesta, madankollu, li setgħet intenzjonalment ikkontribwixxiet għall-implimentazzjoni ta’ koordinazzjoni antikompetittiva fuq rotot oħra għajr ir-rotot ŻEE-Ġappun.

282    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-premessi 872 sa 876 tad-deċiżjoni kkontestata, il-ksur uniku u kontinwu kien isegwi l-għan antikompetittiv uniku li jillimita l-kompetizzjoni bejn it-trasportaturi inkriminati fuq is-sovrataxxi tal-inqas fl-Unjoni, fiż-ŻEE u fl-Isvizzera.

283    Issa, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li r-rikorrenti kellha l-intenzjoni li tikkontribwixxi għall-kisba ta’ dan l-għan bl-aġir tagħha stess. Fil-fatt, ir-rikorrenti mhux biss ħeġġet il-kontinwazzjoni tal-ksur uniku u kontinwu u kkompromettiet l-iskoperta tiegħu billi naqset milli tbiegħed ruħha pubblikament mill-kontenut tal-kuntatti relatati mar-rotot ŻEE-pajjiżi terzi minbarra l-Ġappun li hija ħadet sehem fihom jew li tirrapportahom lill-entitajiet amministrattivi kompetenti, iżda wkoll, billi kkoordinat is-sovrataxxi u r-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet fuq ir-rotot ŻEE-Ġappun, ikkontribwixxiet biex jiġi żgurat li l-burdnara ma jkunux jistgħu jevitaw il-ħlas ta’ sovrataxxi fuq ir-rotot ŻEE-pajjiżi terzi minbarra l-Ġappun bl-użu ta’ rotot alternattivi b’mod partikolari permezz tal-Ġappun u, konsegwentement, ikkontribwixxiet għall-kisba tal-għan antikompetittiv komuni identifikat fil-premessi 872 sa 876 tad-deċiżjoni kkontestta (ara l-punt 159 iktar ’il fuq).

284    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball meta qieset lir-rikorrenti responsabbli għall-ksur uniku u kontinwu sa fejn dan kien jirrigwarda r-rotot ŻEE-pajjiżi terzi minbarra l-Ġappun, indipendentement mill-kwalità possibbli tagħha bħala kompetitur potenzjali fuq dawn ir-rotot. Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

6.      Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità minħabba l-applikazzjoni ta’ rekwiżiti differenti fir-rigward tal-provi għal trasportaturi differenti

285    Ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni u l-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità billi applikat rekwiżiti differenti fir-rigward tal-provi għal trasportaturi differenti. L-ewwel nett, hija ssostni li l-Kummissjoni ma timmotivax b’mod adegwat l-għażla li tikkonstata r-responsabbiltà tagħha iżda mhux dik ta’ trasportaturi oħra mhux inkriminati u li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni għandha provi simili għal dawk użati fir-rigward tagħha.

286    It-tieni, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni meta kkonkludiet li l-aġir ta’ impriża kien jikkostitwixxi ksur, filwaqt li ddeċidiet li l-aġir simili ħafna ta’ impriża oħra ma kienx jikkostitwixxi ksur, u b’hekk applikat livelli ta’ provi differenti għaż-żewġ impriżi kkonċernati.

287    It-tielet, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi imponiet fuqha multa għal ksur gravi filwaqt li ddeċidiet li ma tissanzjonax l-aġir simili ta’ trasportaturi oħra. Il-koeffiċjent ta’ gravità ta’ 16 % applikat huwa sproporzjonat, peress li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-ksur inkwistjoni bħala gravi biżżejjed sabiex tiġġustifika miżuri kontra ċerti trasportaturi mhux inkriminati.

288    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

289    L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk jitqies li l-Kummissjoni kienet wettqet illegalità billi ma kkonstatatx ir-responsabbiltà tat-trasportaturi mhux inkriminati, tali illegalità, li ma kinitx is-suġġett ta’ dan ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, ma jista’ taħt l-ebda ċirkustanza jwassalha biex tikkonstata li r-rikorrenti kienet is-suġġett ta’ diskriminazzjoni u għalhekk ta’ illegalità, peress li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament għandu jiġi rrikonċiljat mal-prinċipju tal-legalità, skont liema prinċipju ma tistax tiġi invokata, insostenn ta’ talba, illegalità mwettqa favur parti terza (sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2015, Total Marketing Services vs Il‑Kummissjoni, C‑634/13 P, EU:C:2015:614, punt 55).

290    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta, jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, ħlief jekk tali trattament ikun oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guaridan Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑580/12 P, EU:C:2014:2363, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

291    Il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minħabba trattament differenti jippreżupponi, għalhekk, li s-sitwazzjonijiet ikkonċernati jkunu paragunabbli fir-rigward tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom. L-elementi li jikkaratterizzaw sitwazzjonijiet differenti u għalhekk in-natura paragunabbli tagħhom, b’mod partikolari, għandhom jiġu ddeterminati u evalwati fid-dawl tas-suġġett u tal-għan tal-att tal-Unjoni li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2015, Timab Industries u CFPR vs Il‑Kummissjoni, T‑456/10, EU:T:2015:296, punt 202 u l-ġurisprudenza ċċitata).

292    F’dan il-każ, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament billi ssanzjonatha filwaqt li żammet lura milli tikkonstata r-responsabbiltà ta’ trasportaturi mhux inkriminati u konsegwentement li tissanzjonahom.

293    Issa, ir-rikorrenti bl-ebda mod ma stabbilixxiet li dawn it-trasportaturi kienu f’sitwazzjoni simili għal tagħha. Filwaqt li r-rikorrenti tindika li l-aġir tagħhom kien simili, hija ma turix li s-sensiela ta’ indizji għad-disponibbiltà tal-Kummissjoni fir-rigward tat-trasportaturi inkwistjoni kienet paragunabbli ma’ dik li kellha fir-rigward tar-rikorrenti.

294    Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu jiġi miċħud.

295    Fir-rigward tal-allegat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tad-drittijiet tad-difiża, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni ma għandha l-ebda obbligu li tesponi, f’deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE, ir-raġunijiet għalfejn impriżi oħra ma kellhomx proċeduri mressqa kontrihom jew ma ġewx issanzjonati. Fil-fatt, l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ att ma jistax jinkludi obbligu għall-istituzzjoni li hija l-awtur li timmotiva l-fatt li ma adottatx atti simili oħra indirizzati lil partijiet terzi (sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering vs Il‑Kummissjoni, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, EU:T:2004:221, punt 414).

296    Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni u l-ksur tad-drittijiet tad-difiża għandu jiġi miċħud.

297    Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, huwa biżżejjed li jiġi osservat li dan huwa fondat fuq il-premessa żbaljata li tgħid li l-Kummissjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha sensiela ta’ indizji paragunabbli fir-rigward tar-rikorrenti u tat-trasportaturi mhux inkriminati.

298    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, it-tielet ilment invokat mir-rikorrenti għandu jiġi miċħud u, konsegwentement, il-motiv kollu kemm hu għandu jiġi miċħud.

7.      Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-linji gwida tal-2006 u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

299    Is-seba’ motiv, li permezz tiegħu r-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-linji gwida tal-2006 u l-prinċipju ta’ proporzjonalità fl-iffissar tal-ammont tal-multa, jinqasam, essenzjalment, f’żewġ partijiet. L-ewwel hija relatata mad-determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ u t-tieni hija relatata mal-iffissar tal-koeffiċjent ta’ gravità u tal-ammont addizzjonali.

a)      Fuq l-ewwel parti, dwar id-determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ

300    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ddeterminat il-valur tal-bejgħ b’referenza għad-dħul mill-bejgħ iġġenerat mill-bejgħ ta’ servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija b’mod ġenerali, pjuttost milli b’referenza għad-dħul speċifiku mis-STK u mis-STS, li miegħu kien assoċjat il-ksur. Hija tinvoka żewġ ilmenti insostenn tal-argument tagħha, l-ewwel ibbażat fuq ksur tal-paragrafu 13 tal-linji gwida tal-2006, u t-tieni fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

1)      Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq ksur tal-paragrafu 13 tal-linji gwida tal-2006

301    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-paragrafu 13 tal-linji gwida tal-2006 meta qieset li l-ksur uniku u kontinwu kien marbut mat-tariffi u billi inkludiet, konsegwentement, id-dħul mit-tariffi fil-valur tal-bejgħ. Skont ir-rikorrenti, dan il-ksur huwa relatat biss mas-STK, mas-STS u mar-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet, u mhux mat-tariffi, li kienu ġew esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni “minħabba li ma hemmx provi biżżejjed” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

302    Is-sentenzi tas‑6 ta’ Mejju 2009, KME Germany et vs Il‑Kummissjoni (T‑127/04, EU:T:2009:142), u tad-19 ta’ Mejju 2010, KME Germany et vs Il‑Kummissjoni (T‑25/05, mhux ippubblikata, EU:T:2010:206), ma huma ta’ ebda għajnuna għall-Kummissjoni. Fil-fatt, dawn is-sentenzi ma jikkonċernawx il-kalkolu tal-multi skont il-linji gwida tal-2006, iżda dak skont il-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi mposti skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171), li kienu jipprevedu metodu ta’ kalkolu differenti ħafna. Barra minn hekk, hemm ukoll differenzi fattwali ċari bejn din il-kawża u dawk li wasslu għall-imsemmija sentenzi. Fil-fatt, dawn tal-aħħar kienu jikkonċernaw it-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż tal-produzzjoni għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multa. Issa, it-tariffi ma jistgħux jiġu pparagunati mal-ispejjeż tal-produzzjoni, iżda huma simili għal element tal-prezz distint li għalih il-Kummissjoni ma kkonstatat ebda ksur. Fl-istadju tar-replika, ir-rikorrenti żiedet tgħid li l-esklużjoni tat-tariffi mill-valur tal-bejgħ ma twassalx għal “kawża […] mingħajr soluzzjoni” kif kien il-każ fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2011, KME Germany et vs Il‑Kummissjoni (C‑272/09 P, EU:C:2011:810).

303    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

304    Għandu jitfakkar li l-kunċett tal-valur tal-bejgħ, fis-sens tal-paragrafu 13 tal-linji gwida tal-2006, jirrifletti l-prezz, eskluża t-taxxa ffatturat lill-klijent għall-oġġett jew għas-servizz li kien is-suġġett tal-ksur inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Mejju 2009, KME Germany et vs Il‑Kummissjoni, T‑127/04, EU:T:2009:142, punt 91, u tat-18 ta’ Ġunju 2013, ICF vs Il‑Kummissjoni, T‑406/08, EU:T:2013:322, punt 176 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fid-dawl tal-għan segwit mill-paragrafu msemmi, mogħti fil-paragrafu 6 tal-istess linji gwida, li jikkonsisti f’li jiġi kkonstat bħala l-punt ta’ tluq għall-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta fuq impriża ammont li jirrifletti l-importanza ekonomika tal-ksur u s-sehem relattiv ta’ din l-impriża fih, il-kunċett tal-valur tal-bejgħ għandu għalhekk jinftiehem li jirreferi għall-bejgħ imwettaq fis-suq ikkonċernat mill-ksur (ara s-sentenza tal‑1 ta’ Frar 2018, Kühne + Nagel International et vs Il‑Kummissjoni, C‑261/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:56, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

305    Il-Kummissjoni tista’ għalhekk tuża l-prezz totali li l-impriża tiffattura lill-klijenti tagħha fis-suq rilevanti tal-oġġetti jew tas-servizzi sabiex tiddetermina l-valur tal-bejgħ, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu distinti jew dedotti d-diversi elementi ta’ dan il-prezz skont jekk kinux suġġetti għal koordinazzjoni jew le (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Frar 2018, Kühne + Nagel International et vs Il‑Kummissjoni, C‑261/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:56, punti 66 u 67). Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, dan huwa l-każ anki meta l-portata tal-ksur imsemmi fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tkun usa’ minn dik ikkonstatata fid-deċiżjoni finali, għax din iċ-ċirkustanza hija irrilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-paragrafu 13 tal-linji gwida tal-2006.

306    Issa, kif essenzjalment tirrileva l-Kummissjoni, is-STK u s-STS ma humiex oġġetti jew servizzi distinti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ ksur tal-Artikoli 101 jew 102 TFUE. Għall-kuntrarju, kif jirriżulta mill-premessi 17, 108 u 1187 tad-deċiżjoni kkontestata, is-STK u s-STS huma biss żewġ elementi tal-prezz tas-servizzi inkwistjoni.

307    Minn dan isegwi li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-paragrafu 13 tal-linji gwida tal-2006 ma jipprekludix lill-Kummissjoni milli tieħu inkunsiderazzjoni l-ammont kollu tal-bejgħ marbut mas-servizzi inkwistjoni mingħajr ma taqsam dan l-ammont fil-komponenti tiegħu.

308    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-approċċ issuġġerit mir-rikorrenti jwassal biex jitqies li l-elementi tal-prezz li ma kinux is-suġġett ta’ koordinazzjoni bejn it-trasportaturi inkriminati għandhom jiġu esklużi mill-valur tal-bejgħ.

309    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li ma teżisti l-ebda raġuni valida biex jiġu esklużi mill-valur tal-bejgħ l-inputs li l-ispejjeż tagħhom ma humiex fil-kontroll tal-partijiet fil-ksur allegat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2009, KME Germany et vs Il‑Kummissjoni, T‑127/04, EU:T:2009:142, punt 91). Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, l-istess japplika għall-elementi tal-prezz li, bħat-tariffi, ma kinux speċifikament is-suġġett ta’ koordinazzjoni, iżda jifformaw parti integrali mill-prezz tal-bejgħ tal-oġġett jew tas-servizz inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, EU:T:2000:77, punt 5030).

310    Deċiżjoni differenti jkollha l-konsegwenza li timponi fuq il-Kummissjoni li ma tiħux inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ gross f’ċerti każijiet, iżda li tagħmel dan f’każijiet oħra, skont limitu li jkun diffiċli li jiġi applikat u li jiftaħ il-bieb għal għadd ta’ tilwimiet li ma jispiċċaw qatt u li ma jistgħux jissolvew, inklużi allegazzjonijiet ta’ diskriminazzjoni (sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2011, KME Germany et vs Il‑Kummissjoni, C‑272/09 P, EU:C:2011:810, punt 53).

311    Filwaqt li huwa minnu li r-rikorrenti tikkontesta dan, din tillimita ruħha għal li ssostni li ma jkunx diffiċli li jiġi applikat fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, mingħajr ma tispjega kif ir-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet kien ser jittieħed inkunsiderazzjoni, u mingħajr ma tikkontesta jekk jistax ikun hemm allegazzjonijiet ta’ diskriminazzjoni.

312    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kisritx il-paragrafu 13 tal-linji gwida tal-2006 meta kkonkludiet, fil-premessa 1190 tad-deċiżjoni kkontestata, li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni l-ammont sħiħ tal-bejgħ marbut mas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija, mingħajr il-ħtieġa li dan jinqasam fil-komponenti tiegħu.

313    Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

2)      Fuq it-tieni lment, dedott minn ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

314    Ir-rikorrenti ssostni li l-approċċ tal-Kummissjoni jmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Dan l-approċċ ma jirriflettix l-importanza ekonomika tal-ksur inkwistjoni. Matul is-sena finanzjarja 2004-2005, id-dħul tar-rikorrenti marbut mas-STK u mas-STS, fil-fatt, kien jirrappreżenta biss perċentwal “baxx” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tad-dħul totali tagħha marbut mal-bejgħ ta’ servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija fuq ir-rotot ŻEE-pajjiżi terzi għall-imsemmija sena finanzjarja (madwar 12 %).

315    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

316    Għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu segwit (sentenzi tat‑13 ta’ Novembru 1990, Fedesa et, C‑331/88, EU:C:1990:391, punt 13, u tat-12 ta’ Settembru 2007, Prym u Prym Consumer vs Il‑Kummissjoni, T‑30/05, mhux ippubblikata, EU:T:2007:267, punt 223).

317    Fil-kuntest tal-proċeduri mibdija mill-Kummissjoni sabiex tissanzjona l-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità timplika li l-ammonti tal-multi ma jkunux sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet segwiti, jiġifieri meta mqabbla mal-osservanza ta’ dawn ir-regoli, u li l-ammont tal-multa imposta fuq impriża minħabba ksur fil-qasam tal-kompetizzjoni jkun proporzjonat mal-ksur, evalwat fl-intier tiegħu, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-gravità u t-tul tiegħu (ara s-sentenza tad‑29 ta’ Frar 2016, Panalpina World Transport (Holding) et vs Il‑Kummissjoni, T‑270/12, mhux ippubblikata, EU:T:2016:109, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata).

318    Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-gravità ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni numru kbir ta’ elementi li n-natura u l-importanza tagħhom ivarjaw skont it-tip tal-ksur u ċ-ċirkustanzi partikolari tiegħu. Fost dawn l-elementi jista’ jkun hemm, skont il-każ, il-volum u l-valur tal-merkanzija li kienet is-suġġett tal-ksur kif ukoll id-daqs u s-saħħa ekonomika tal-impriża u, għaldaqstant, l-influwenza li din setgħet teżerċita fis-suq (sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il‑Kummissjoni, C‑534/07 P, EU:C:2009:505, punt 96).

319    Skont il-ġurisprudenza, il-parti tad-dħul mill-bejgħ globali li tiġi mill-bejgħ tal-oġġetti jew tas-servizzi li huma s-suġġett tal-ksur tirrifletti l-aħjar l-importanza ekonomika ta’ dan il-ksur [sentenza tad‑29 ta’ Frar 2016, Panalpina World Transport (Holding) et vs Il‑Kummissjoni, T‑270/12, mhux ippubblikata, EU:T:2016:109, punt 106].

320    Il-valur tal-bejgħ għandu wkoll il-vantaġġ li jikkostitwixxi kriterju oġġettiv li huwa faċli li jiġi applikat. B’hekk jagħmel l-azzjoni tal-Kummissjoni iktar prevedibbli għall-impriżi u jippermettilhom, bil-għan ta’ deterrenza ġenerali, jevalwaw l-ammont tal-multa li jistgħu jeħlu meta jiddeċiedu li jipparteċipaw f’akkordju illegali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Frar 2016, Panalpina World Transport (Holding) et vs Il‑Kummissjoni, T‑270/12, mhux ippubblikata, EU:T:2016:109, punt 159).

321    Il-paragrafu 6 tal-linji gwida tal-2006 jirriproduċi dawn il-prinċipji kif ġej:

“[…] l-għaqda tal-valur tal-bejgħ fir-rigward tal-ksur u tat-tul tiegħu titqies bħala valur ta’ sostituzzjoni adegwat biex tiġi riflessa l-importanza ekonomika tal-ksur kif ukoll is-sehem relattiv ta’ kull impriża li tipparteċipa fil-ksur. Ir-riferiment għal dawn l-indikaturi jagħti indikazzjoni tajba ta’ kemm għandha tkun kbira l-multa u ma għandux jinftiehem bħala l-bażi ta’ metodu ta’ kalkolu awtomatiku u aritmetiku.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

322    Issa, fil-premessa 1190 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet preċiżament li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni l-valur tal-bejgħ globali mill-bejgħ ta’ servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija pjuttost milli biss l-elementi tal-prezz tagħhom li speċifikament kienu s-suġġett ta’ koordinazzjoni bejn it-trasportaturi inkriminati, jiġifieri s-sovrataxxi.

323    Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, is-sempliċi fatt li s-sovrataxxi jirrappreżentaw biss perċentwal “baxx” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tad-dħul totali tagħha marbut mal-bejgħ ta’ servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija fuq ir-rotot ŻEE-pajjiżi terzi għas-sena finanzjarja 2004/2005 ma huwiex ta’ natura li juri li dan l-approċċ kien sproporzjonat meta mqabbel mal-importanza ekonomika tal-ksur uniku u kontinwu.

324    Fil-fatt, proprju l-fatt li impriża tagħmel bejgħ bi prezzijiet li element wieħed jew diversi elementi tagħhom kienu ġew iffissati jew kienu s-suġġett ta’ skambji illegali ta’ informazzjoni jwassal għal tfixkil tal-kompetizzjoni li taffettwa s-suq rilevanti kollu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ April 2015, LG Display u LG Display Taiwan vs Il‑Kummissjoni, C‑227/14 P, EU:C:2015:258, punt 62).

325    Fir-rigward tal-impatt tal-ksur uniku u kontinwu fuq is-suq taż-ŻEE, għandu jitfakkar li d-determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ ma tiħux inkunsiderazzjoni kriterji bħall-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq jew id-dannu kkawżat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ Frar 2016, UTi Worldwide et vs Il‑Kummissjoni, T‑264/12, mhux ippubblikati, EU:T:2016:112, punt 259, u tat-12 ta’ Lulju 2018, Viscas vs Il‑Kummissjoni, T‑422/14, mhux ippubblikata, EU:T:2018:446, punt 193).

326    Huwa biss fl-istadju separat u sussegwenti tad-determinazzjoni tal-koeffiċjent tal-gravità, li huwa s-suġġett tat-tieni parti ta’ dan il-motiv, li l-Kummissjoni tista’, skont il-każ, tieħu inkunsiderazzjoni tali kriterju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Frar 2016, Panalpina World Transport (Holding) et vs Il‑Kummissjoni, T‑270/12, mhux ippubblikata, EU:T:2016:109, punt 94).

327    Minn dan isegwi li l-approċċ segwit fil-premessa 1190 tad-deċiżjoni kkontestata, li jikkonsisti fit-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ globali mill-bejgħ ta’ servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija, huwa adattat sabiex jikkontribwixxi għall-kisba tal-ewwel għan imsemmi fil-paragrafu 6 tal-linji gwida tal-2006, li jikkonsisti f’li tiġi riflessa b’mod adegwat l-importanza ekonomika tal-ksur uniku u kontinwu. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma turix li dan l-approċċ ma kienx adattat sabiex jikkontribwixxi għall-kisba tat-tieni għan imsemmi fl-imsemmi paragrafu, li jikkonsisti f’li jiġi rifless b’mod adegwat is-sehem relattiv ta’ kull trasportatur inkriminat.

328    Ir-rikorrenti lanqas ma tista’ ssostni li l-Kummissjoni ssanzjonatha bħallikieku l-akkordju kontenzjuż kien jirrigwarda wkoll it-tariffi. Fil-fatt, f’konformità mal-metodoloġija ġenerali prevista fil-linji gwida tal‑2006, in-natura tal-ksur tittieħed inkunsiderazzjoni fi stadju sussegwenti tal-kalkolu tal-multa, waqt id-determinazzjoni tal-koeffiċjent tal-gravità, li, skont il-paragrafu 20 tal-imsemmija linji gwida, jiġi evalwat għal kull każ għat-tipi kollha ta’ ksur, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ (sentenza tad-29 ta’ Frar 2016, Schenker vs Il‑Kummissjoni, T‑265/12, EU:T:2016:111, punti 296 u 297).

329    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ proporzjonalitàmeta kkonkludiet, fil-premessa 1190 tad-deċiżjoni kkontestata, li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni l-ammont kollu tal-bejgħ marbut mas-servizzi tat-trasport ta’ merkanzija, mingħajr il-ħtieġa li dan jinqasam fil-komponenti tiegħu.

330    Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud, bħalma għandha tiġi miċħuda din il-parti kollha kemm hi.

b)      Fuq it-tieni parti, li tikkonċerna l-iffissar tal-koeffiċjent ta’ gravità u tal-ammont addizzjonali

331    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità meta ffissat il-koeffiċjent ta’ gravità għal 16 % u billi applikat ammont addizzjonali ta’ 16 % għaliha, minkejja li l-portata tal-ksur uniku u kontinwu kienet iżjed ristretta minn dik tal-ksur li ġiet akkużata bih fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Hija żżid tgħid li d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi l-ebda indikazzjoni dwar l-effett fuq il-kalkolu tal-ammont tal-multa ta’ din ir-restrizzjoni sinjifikattiva tal-portata tal-imsemmi ksur meta mqabbla ma’ dik li kienet ġiet stabbilita f’dik id-dikjarazzjoni.

332    Matul is-seduta, ir-rikorrenti speċifikat li din il-parti kellha tiġi interpretata fis-sens li kienet ibbażata mhux biss fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, iżda wkoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni.

333    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

334    Skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa, għandha b’mod partikolari tittieħed inkunsiderazzjoni l-gravità tal-ksur.

335    Il-paragrafi 19 sa 23 tal-linji gwida tal-2006 jipprevedu dan li ġej:

“19.      L-ammont bażiku tal-multa ser ikun marbut ma’ proporzjon tal-valur tal-bejgħ, iddeterminat skont il-livell ta’ gravità tal-ksur u mmultiplikat bin-numru ta’ snin tal-ksur.

20.      L-evalwazzjoni tal-gravità għandha ssir każ b’każ għal kull tip ta’ ksur, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni.

21.      Bħala regola ġenerali, il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni ser ikun iffissat għal livell li jista’ jilħaq it-30 %.

22.      Sabiex tiddeċiedi jekk il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’każ partikolari għandux ikun fl-ogħla jew fl-inqas parti ta’ din l-iskala, il-Kummissjoni ser tieħu inkunsiderazzjoni numru ta’ fatturi, bħalma huma n-natura tal-ksur, is-sehem mis-suq akkumulat tal-partijiet ikkonċernati kollha, il-portata ġeografika tal-ksur, u jekk il-ksur kienx implementat jew le.

23.      Ftehim orizzontali dwar iffissar ta’ prezzijiet, tqassim tas-suq u limitazzjoni tal-produzzjoni, li ġeneralment ikunu sigrieti, huma, minħabba n-natura tagħhom stess, fost ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni l-iktar gravi. Fil-kuntest tal-politika tal-kompetizzjoni, tali ftehim għandhom jiġu ssanzjonati b’mod qawwi. Għaldaqstant, il-proporzjon tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni fir-rigward ta’ tali ksur ser ikun ġeneralment fl-ogħla parti tal-iskala.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

336    Skont il-ġurisprudenza, ftehim orizzontali li permezz tiegħu l-impriżi kkonċernati jiftiehmu mhux fuq il-prezz totali, iżda fuq element tiegħu, jikkostitwixxi ftehim orizzontali ta’ ffissar tal-prezzijiet, fis-sens tal-paragrafu 23 tal-linji gwida tal‑2006, u għalhekk, huwa fost il-limitazzjonijiet tal-kompetizzjoni l-iktar gravi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Frar 2016, UTi Worldwide et vs Il‑Kummissjoni, T‑264/12, mhux ippubblikata, EU:T:2016:112, punti 277 u 278).

337    Minn dan isegwi li, kif fakkret il-Kummissjoni fil-premessa 1208 tad-deċiżjoni kkontestata, ftehim bħal dan ġeneralment ikun jistħoqqlu koeffiċjent ta’ gravità li jinsab ’il fuq fl-iskala ta’ 0 sa 30 % imsemmija fil-paragrafu 21 tal-linji gwida tal-2006.

338    Skont il-ġurisprudenza, koeffiċjent ta’ gravità li huwa ferm iktar baxx mil-limitu massimu ta’ din l-iskala huwa favorevoli ħafna għal impriża li hija parti għal tali ftehim (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2013, Team Relocations et vs Il‑Kummissjoni, C‑444/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:464, punt 125) u tista’ saħansitra tkun iġġustifikata fid-dawl tan-natura proprja tal-ksur (ara s-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2018, Philips u Philips France vs Il‑Kummissjoni, C‑98/17 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:774, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata).

339    Issa, fil-premessa 1199 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset speċifikament li l-“ftehimiet u/jew prattiki miftiehma li tirreferi għalihom […] id-deċiżjoni [kkontestata kienu] jikkonċernaw l-iffissar ta’ diversi elementi tal-prezz” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

340    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ġustament, fil-premessi 1199, 1200 u 1208 tad-deċiżjoni kkontestata, ikklassifikat l-aġir kontenzjuż bħala ftehim jew prattika orizzontali fir-rigward tal-prezzijiet, minkejja li ma kienx “ikopri l-prezz sħiħ tas-servizzi inkwistjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

341    Għaldaqstant, il-Kummissjoni kienet fondata li tikkonkludi, fil-premessa 1208 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ftehimiet u l-prattiki kontenzjużi kienu fost il-limitazzjonijiet tal-kompetizzjoni l-iktar gravi u għalhekk kien jistħoqqilhom koeffiċjent ta’ gravità “‘il fuq fl-iskala” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

342    Il-koeffiċjent ta’ gravità ta’ 16 % li l-Kummissjoni kkonstatat fil-premessa 1212 tad-deċiżjoni kkontestata, li huwa b’mod sinjifikattiv iktar baxx mil-limitu massimu tal-iskala fil-paragrafu 21 tal-linji gwida tal-2006, jista’ għalhekk jiġi ġġustifikat fid-dawl tan-natura proprja tal-ksur uniku u kontinwu.

343    Madankollu, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mill-premessi 1209 sa 1212 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma bbażatx ruħha biss fuq in-natura tal-ksur uniku u kontinwu sabiex tiffissa għal 16 % il-koeffiċjent ta’ gravità. Il-Kummissjoni rreferiet ukoll, f’din id-deċiżjoni, għall-ishma mis-suq kumplessivi tat-trasportaturi inkriminati fuq livell globali u fuq ir-rotot intra-ŻEE u ŻEE-pajjiżi terzi (premessa 1209), għall-portata ġeografika tal-akkordju inkwistjoni (premessa 1210) u għall-implimentazzjoni tal-ftehimiet u tal-prattiki kontenzjużi (premessa 1211).

344    Madankollu, ir-rikorrenti ma tikkontestax il-fondatezza ta’ dawn il-fatturi għall-finijiet tal-iffissar tal-koeffiċjent ta’ gravità.

345    F’dawn il-kundizzjonijiet, ir-rikorrenti ma tistax issostni li koeffiċjent ta’ gravità ta’ 16 % kien illegali.

346    Fir-rigward tal-ammont addizzjonali, għandu jitfakkar li l-paragrafu 25 tal-linji gwida tal-2006 jipprevedi li, indipendentement mit-tul tal-parteċipazzjoni ta’ impriża fil-ksur, il-Kummissjoni għandha tinkludi fl-ammont bażiku somma ta’ bejn 15 u 25 % tal-valur tal-bejgħ, sabiex isservi bħala deterrent għall-impriżi milli saħansitra jipparteċipaw fi ftehimiet orizzontali tal-iffissar tal-prezzijiet, tat-tqassim tas-suq u tal-limitazzjoni tal-produzzjoni. Dan il-paragrafu jispeċifika li, sabiex tiddeċiedi dwar il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’każ partikolari, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ fatturi, b’mod partikolari dawk identifikati fil-paragrafu 22 tal-istess linji gwida. Dawn il-fatturi huma dawk li l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-iffissar tal-koeffiċjent ta’ gravità u jinkludu n-natura tal-ksur, is-sehem mis-suq kumplessiv tal-partijiet kollha kkonċernati, il-portata ġeografika tal-ksur u jekk il-ksur ġiex implimentat jew le.

347    Minn dan, il-Qorti tal-Unjoni ddeduċiet li, anki jekk il-Kummissjoni ma tesponix motivazzjoni speċifika fir-rigward tal-proporzjon tal-valur tal-bejgħ użat fir-rigward tal-ammont addizzjonali, is-sempliċi riferiment għall-analiżi tal-fatturi użati sabiex tiġi evalwata l-gravità kien suffiċjenti f’dan ir-rigward (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, SLM u Ori Martin vs Il‑Kummissjoni, T‑389/10 u T‑419/10, EU:T:2015:513, punt 264).

348    Fil-premessa 1219 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-“perċentwal li għandu jiġi applikat għall-ammont addizzjonali [kellu] jkun ta’ 16 %” fid-dawl taċ-“ċirkustanzi speċifiċi tal-każ” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u tal-kriterji użati sabiex jiġi ddeterminat il-koeffiċjent ta’ gravità.

349    Issa, l-argumenti li r-rikorrenti tressaq fir-rigward tal-ammont addizzjonali huma l-istess bħal dawk li hija qajmet fir-rigward tal-koeffiċjent ta’ gravità u li l-Qorti Ġenerali diġà ċaħdet. Għaldaqstant, dawn l-argumenti ma jistgħux jintlaqgħu.

350    Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq diverġenza insuffiċjentement motivata bejn id-deċiżjoni kkontestata u d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fir-rigward tad-determinazzjoni tal-koeffiċjent ta’ gravità u tal-ammont addizzjonali, dan huwa infondat kemm fid-dritt kif ukoll fil-fatt.

351    Fid-dritt, huwa biżżejjed li jiġi osservat li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata tispjega d-differenzi possibbli li jistga’ jkun hemm bejn l-evalwazzjonijiet definittivi li jinsabu fid-deċiżjoni finali u l-evalwazzjonijiet provviżorji li hija għamlet fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, InnoLux vs Il‑Kummissjoni, T‑91/11, EU:T:2014:92, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata).

352    Fil-fatt, għandu jiġi osservat li, fil-punti 1567 sa 1581 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni indikat li kellha l-intenzjoni li timponi multa fuq it-trasportaturi kkonċernati u ddefinixxiet l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt prinċipali li hija kellha l-intenzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni għal dan il-għan. Min-naħa l-oħra, sa fejn, skont il-ġurisprudenza stabbilita, ma kinux meħtieġa elementi oħra (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2010, Wieland-Werke et vs Il‑Kummissjoni, T‑11/05, mhux ippubblikata, EU:T:2010:201, punt 129 u l-ġurisprudenza ċċitata), il-Kummissjoni ma indikatx f’liema proporzjon tal-valur tal-bejgħ hija kellha l-intenzjoni li tiffissa l-koeffiċjent ta’ gravità u l-ammont addizzjonali.

353    Minn dan isegwi li ma hemmx diskrepanza bejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-perċentwal li bih ġie ffissat il-koeffiċjent ta’ gravità u l-ammont addizzjonali.

354    Għaldaqstant, din il-parti għandha tiġi miċħuda u, konsegwentement, is-seba’ motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

8.      Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq ksur tal-linji gwida tal-2006 u tal-prinċipju tal-aspettattiva leġittima fir-rigward tal-inklużjoni fil-valur tal-bejgħ tad-dħul mill-bejgħ minn servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija deħlin lil klijenti stabbiliti barra ż-ŻEE

355    Ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li kisret il-linji gwida tal-2006 u l-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi billi inkludiet fil-valur tal-bejgħ id-dħul minn servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija deħlin mibjugħa lil klijenti stabbiliti barra miż-ŻEE.

356    Skont ir-rikorrenti, il-bejgħ li sar fit-territorju taż-ŻEE biss jista’ jiġi inkluż fil-valur tal-bejgħ. Il-bejgħ li sar barra miż-ŻEE jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni, skont il-paragrafu 18 tal-linji gwida tal-2006, biss fil-każ eċċezzjonali fejn “il-bejgħ ikkonċernat tal-impriża fiż-ŻEE jista’ ma jirriflettix b’mod adegwat is-sehem ta’ kull impriża fil-ksur” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Issa, dawn iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali ma ġewx issodisfatti f’dan il-każ u, fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma tallegax li dawn kienu ssodisfatti.

357    Ir-rikorrenti żżid tgħid li l-approċċ tal-Kummissjoni huwa differenti mir-regola ġenerali stabbilita fir-Regolament Nru 139/2004, li tipprovdi li d-dħul mill-bejgħ għandu jiġi allokat lill-post fejn jinsab il-klijent. Fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju għat-trasport tal-merkanzija, hija ssostni li l-avviż konsolidat dwar il-kompetenza jispeċifika li “[l-]każijiet dwar it-trasport tal-prodotti huma differenti għaliex il-klijent, li ngħatawlu s-servizzi, ma jivvjaġġax iżda s-servizz tat-trasport huwa mogħti lill-klijent fil-post tiegħu”, b’tali mod li “l-post tal-konsumatur huwa l-kriterju rilevanti għall-allokazzjoni tal-valur tal-bejgħ”.

358    Ir-rikorrenti tinvoka wkoll id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Jannar 2009 fil-Każ COMP/39.406 – Manek marittimi, li minnha jirriżulta li l-metodu segwit għall-allokazzjoni ġeografika tad-dħul mill-bejgħ skont il-linji gwida tal-2006 huwa konformi mal-approċċ iddefinit fl-avviż konsolidat dwar il-kompetenza.

359    Ir-rikorrenti tenfasizza wkoll li l-kompetizzjoni fis-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija deħlin hija eżerċitata fil-pajjiż terz sabiex tattira lil klijenti li jinsabu f’dan il-pajjiż u jixtru servizzi hemmhekk. L-effetti possibbli tal-ksur uniku u kontinwu fuq il-kompetizzjoni fil-qasam tas-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija deħlin għalhekk inħassew fil-pajjiżi terzi.

360    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

361    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-paragrafu 13 tal-linji gwida tal-2006 jissuġġetta l-inklużjoni fil-valur tal-bejgħ tad-dħul mill-bejgħ minn oġġetti jew servizzi tal-impriża kkonċernata għall-kundizzjoni li dan “isir […] b’rabta diretta jew indiretta mal-ksur, fis-settur ġeografiku kkonċernat ġewwa t-territorju taż-ŻEE” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

362    Il-paragrafu 13 tal-linji gwida tal-2006 għalhekk ma jsemmi la “bejgħ innegozjat” u lanqas “bejgħ iffatturat” ġewwa ż-ŻEE, iżda jirreferi biss għall-“bejgħ li jsir” fiż-ŻEE [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Minn dan isegwi li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, dan il-paragrafu ma jipprekludix lill-Kummissjoni milli tuża l-bejgħ lil klijenti stabbiliti barra miż-ŻEE, u lanqas milli teħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-bejgħ innegozjat jew iffatturat fiż-ŻEE. Inkella, ikun biżżejjed li impriża li tipparteċipa fi ksur tiżgura li tinnegozja l-bejgħ tagħha lis-sussidjarji tal-klijenti tagħha li jinsabu barra miż-ŻEE jew li tiffattura l-bejgħ lilhom sabiex tiżgura li dan il-bejgħ ma jittiħidx inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-ammont ta’ multa possibbli, li tkun, għaldaqstant, ħafna inqas sinjifikattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2017, Samsung SDI u Samsung SDI (Malaysia) vs Il‑Kummissjoni, C‑615/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:190, punt 55).

363    Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni wkoll ir-rikorrenti, il-Kummissjoni lanqas ma hija obbligata, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-paragrafu 13 tal-linji gwida tal-2006, li tagħżel il-kriterji li tqiesu rilevanti għall-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, u b’mod partikolari dawk identifikati fl-avviż imsemmi fil-punt 357 iktar ’il fuq. Fil-fatt, dan tal-aħħar għandu l-għan li jipprovdi linji gwida dwar il-kwistjonijiet ta’ kompetenza li jirriżultaw fil-kuntest tal-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet. Għaldaqstant, ma jorbotx lill-Kummissjoni fir-rigward tal-metodu li għandu jiġi adottat għall-kalkolu tal-ammont tal-multi fil-kawżi ta’ akkordju, li huwa bbażat fuq għanijiet speċifiċi (sentenza tad‑29 ta’ Frar 2016, Kühne + Nagel International et vs Il‑Kummissjoni, T‑254/12, mhux ippubblikata, EU:T:2016:113, punt 252; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2015, Samsung SDI et vs Il‑Kummissjoni, T‑84/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:611, punt 206).

364    Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “bejgħ li jsir […] fiż-ŻEE” [traduzzjoni mhux uffiċjali] li r-rikorrenti jkollha l-intenzjoni li tibbaża b’mod partikolari fuq id-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Każ COMP/39.406 – Manek Marittimi, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-prattika tal-Kummissjoni f’deċiżjonijiet preċedenti fiha nnifisha ma sservix bħala qafas legali għall-multi imposti fi kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni, peress li dan il-qafas huwa ddefinit biss fir-Regolament Nru 1/2003 u fil-linji gwida tal‑2006 (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2011, Alliance One International vs Il‑Kummissjoni, T‑25/06, EU:T:2011:442, punt 242 u l-ġurisprudenza ċċitata), u li, fi kwalunkwe każ, ma ntweriex li ċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, bħas-swieq, l-oġġetti, il-pajjiżi, l-impriżi u l-perijodi kkonċernati, kienu paragunabbli ma’ dawk tal-każ preżenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2012, E.ON Ruhrgas u E.ON vs Il‑Kummissjoni, T‑360/09, EU:T:2012:332, punt 262 u l-ġurisprudenza ċċitata).

365    Dan il-kunċett għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-għan tal-paragrafu 13 tal-linji gwida tal-2006. Dan l-għan huwa, kif jirriżulta mill-punti 304 u 319 sa 321 iktar ’il fuq, li jiġi adottat bħala punt ta’ tluq għall-kalkolu tal-multi ammont li jirrifletti, b’mod partikolari, l-importanza ekonomika tal-ksur fis-suq rilevanti, filwaqt li dħul mill-bejgħ li jsir fir-rigward tal-oġġetti jew tas-servizzi suġġetti għall-ksur jikkostitwixxi element oġġettiv li jagħti miżura xierqa tad-dannu li dan il-ksur ikollu fuq l-andament normali tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2016, Portugal Telecom vs Il‑Kummissjoni, T‑208/13, EU:T:2016:368, punt 236 u l-ġurisprudenza ċċitata).

366    Għalhekk, hija l-Kummissjoni li għandha, sabiex tiddetermina jekk il-bejgħ “sarx […] fit-territorju taż-ŻEE” [traduzzjoni mhux uffiċjali], fis-sens tal-paragrafu 13 tal-linji gwida tal-2006, tagħżel kriterju li jirrifletti r-realtà tas-suq, jiġifieri li huwa l-aħjar biex jidentifika l-konsegwenzi tal-akkordju fuq il-kompetizzjoni fiż-ŻEE.

367    Fil-premessi 1186 u 1197 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li ħadet inkunsiderazzjoni, sabiex tikkalkola l-valur tal-bejgħ, id-dħul mill-bejgħ ta’ servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija fuq ir-rotot intra-ŻEE, ir-rotot Unjoni-pajjiżi terzi, ir-rotot Unjoni-Svizzera u r-rotot ŻEE mhux fl-Unjoni-pajjiżi terzi. Kif jirriżulta mill-premessa 1194 tal-imsemmija deċiżjoni, il-bejgħ marbut mar-rotot Unjoni-pajjiżi terzi u ŻEE mhux fl-Unjoni-pajjiżi terzi kien jinkludi kemm il-bejgħ tas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija fuq ir-rotot ħerġin kif ukoll il-bejgħ ta’ servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija deħlin.

368    Fl-istess premessa, sabiex tiġġustifika l-inklużjoni tad-dħul mill-bejgħ ta’ dawn is-servizzi fil-valur tal-bejgħ, il-Kummissjoni rreferiet għan-neċessità li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-“karatteristiċi partikolari” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tagħhom. B’hekk, hija osservat b’mod partikolari li l-ksur uniku u kontinwu kien jirrigwarda l-imsemmija servizzi u li l-“arranġamenti antikompetittivi [setgħu] jkollhom impatt negattiv fuq is-suq intern f’dak li [kien] jikkonċerna[hom]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

369    Issa, kif jirriżulta mill-punti 77 sa 165 iktar ’il fuq u għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, kien prevedibbli li l-ksur uniku u kontinwu, inkluż sa fejn kien jirrigwarda r-rotot deħlin, kien ser ikollu effetti sostanzjali u immedjati fuq is-suq intern jew fiż-ŻEE u li għalhekk seta’ jkollu impatt negattiv fuq l-andament normali tal-kompetizzjoni ġewwa t-territorju taż-ŻEE. Fil-premessi 1194 u 1241 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni madankollu rrikonoxxiet li parti mid-“dannu”[traduzzjoni mhux uffiċjali] relatat mal-aġir kontenzjuż fuq ir-rotot ŻEE-pajjiżi terzi setgħet timmaterjalizza barra miż-ŻEE. Hija enfasizzat ukoll li parti minn dawk is-servizzi ġew ipprovduti barra miż-ŻEE. Għalhekk, hija bbażat ruħha fuq il-paragrafu 37 tal-linji gwida tal-2006 u tat lit-trasportaturi inkriminati tnaqqis ta’ 50 % tal-ammont bażiku tal-multa fir-rigward tar-rotot ŻEE-pajjiżi terzi, li r-rikorrenti ma tikkontestax il-fondatezza tiegħu.

370    F’dawn iċ-ċirkustanzi, jekk jitqies li l-Kummissjoni ma setgħetx tinkludi fil-valur tal-bejgħ 50 % tad-dħul mill-bejgħ li jsir fuq dawn ir-rotot, dan ikun ifisser li din tal-aħħar tiġi pprojbita milli tieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, bejgħ li jaqa’ fil-parametri tal-ksur uniku u kontinwu u li seta’ jkollu impatt negattiv fuq il-kompetizzjoni fiż-ŻEE.

371    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni setgħet tuża 50 % tad-dħul mill-bejgħ li jsir fuq ir-rotot ŻEE-pajjiżi terzi, bħala element oġġettiv li jagħti miżura xierqa tal-impatt negattiv tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju kontenzjuż fuq l-andament normali tal-kompetizzjoni, sakemm kien ir-riżultat tal-bejgħ li għandu rabta maż-ŻEE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, InnoLux vs Il‑Kummissjoni, T‑91/11. EU:T:2014:92, punt 47).

372    Issa, tali rabta teżisti f’dan il-każ fir-rigward tar-rotot deħlin, peress li, kif jirriżulta mill-premessi 1194 u 1241 tad-deċiżjoni kkontestata u kif issostni l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, is-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija deħlin huma parzjalment ipprovduti fiż-ŻEE. Fil-fatt, kif ġie indikat fil-punt 111 iktar ’il fuq, l-imsemmija servizzi huma intiżi preċiżament biex jippermettu t-trasport ta’ merkanzija minn pajjiżi terzi lejn iż-ŻEE. Kif ġustament tirrileva l-Kummissjoni, parti mill-provvista “fiżika” tagħhom titwettaq skont id-definizzjoni fiż-ŻEE, fejn isseħħ parti mit-trasport ta’ din il-merkanzija u fejn jinżel l-ajruplan tal-merkanzija.

373    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni kellha l-fondatezza meħtieġa li tqis li l-bejgħ ta’ servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija deħlin kien twettaq fiż-ŻEE fis-sens tal-paragrafu 13 tal-linji gwida tal-2006. Għaldaqstant, il-paragrafu 18 ta’ dawn il-linji gwida, li ma ġiex applikat fid-deċiżjoni kkontestata u li r-rikorrenti tirrikonoxxi li ma huwiex applikabbli f’dan il-każ, huwa irrilevanti.

374    Għaldaqstant dan il-motiv għandu jiġi miċħud u għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ġustament u mingħajr ma kisret il-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi inkludiet il-bejgħ ta’ servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija deħlin fil-valur tal-bejgħ.

9.      Fuq id-disa’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fir-rigward tat-tnaqqis ġenerali ta’ 15 %

375    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità meta ffissat għal livell eċċessivament baxx it-tnaqqis ġenerali ta’ 15 %.

376    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni biżżejjed il-qafas regolatorju Ġappuniż. L-ASA li jirregolaw ir-rotot bejn il-Ġappun, minn naħa, u Franza, il-Ġermanja, l-Italja u l-Pajjiżi l-Baxxi, min-naħa l-oħra, kollha fihom dispożizzjonijiet li jeħtieġu lil trasportaturi partikolari jikkonkludu bejniethom ftehimiet dwar it-tariffi. Barra minn hekk, id-dritt Ġappuniż jobbliga, taħt piena ta’ sanzjoni, lill-kumpanniji lokali u barranin jitolbu l-approvazzjoni tal-Bureau Ġappuniż tal-Avjazzjoni Ċivili (BJAC) sabiex jiġu stabbiliti t-tariffi jew it-taxxi li huma japplikaw fil-qasam tas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija fuq it-titjiriet minn jew lejn il-Ġappun. Il-ftehimiet hekk approvati jibbenefikaw, fil-prinċipju, minn immunità fir-rigward tad-dritt tal-kompetizzjoni Ġappuniż. Ir-rikorrenti ssostni li dan il-qafas regolatorju inċentivaha b’mod qawwi sabiex tiftiehem ma’ trasportaturi oħra u li, għaldaqstant, il-Kummissjoni kellha tagħtiha għal dan il-għan tnaqqis tal-ammont tal-multa ta’ iktar minn 15 %.

377    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tinvoka żewġ deċiżjonijiet li fihom il-Kummissjoni tat lill-impriżi kkonċernati tnaqqis ta’ 30 jew ta’ 40 % tal-ammont tal-multa li kienet ġiet imposta fuqhom, minħabba li l-qafas leġiżlattiv applikabbli kien inċentivahom jadottaw ftehimiet antikompetittivi.

378    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

379    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-paragrafu 27 tal-linji gwida tal-2006 jipprovdi li, fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, il-Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi li jwasslu għal żieda jew għal tnaqqis tal-ammont bażiku, abbażi ta’ evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha.

380    Il-paragrafu 29 tal-linji gwida tal-2006 jipprovdi li l-ammont bażiku tal-multa jista’ jitnaqqas meta l-Kummissjoni tikkonstata l-eżistenza ta’ ċirkustanzi attenwanti. Dan il-paragrafu jistabbilixxi, b’mod indikattiv u mhux limitattiv, ħames tipi ta’ ċirkustanzi attenwanti li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, fosthom l-awtorizzazzjoni jew l-inkoraġġiment tal-aġir antikompetittiv inkwistjoni mill-awtoritajiet pubbliċi jew mil-leġiżlazzjoni.

381    Fil-premessa 1263 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li l-ebda qafas leġiżlattiv ma kien jobbliga lit-trasportaturi inkriminati jiftiehmu dwar it-tariffi tagħhom. Madankollu, hija qieset, fil-premessi 1264 u 1265 tal-imsemmija deċiżjoni, li ċerti oqsfa regolatorji, fosthom dak tal-Ġappun, setgħu jinkoraġġixxu lit-trasportaturi inkriminati jadottaw aġir antikompetittiv u, konsegwentement, tathom it-tnaqqis ġenerali ta’ 15 % f’konformità mal-paragrafu 29 tal-linji gwida tal-2006.

382    Issa, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, ir-rikorrenti tillimita ruħha li ssostni li l-ASA u d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi applikabbli fil-Ġappun setgħu ħeġġewha tiftiehem ma’ trasportaturi oħra. Min-naħa l-oħra, hija ma tinvoka l-ebda element legali jew fattwali li l-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata u li jissostanzja l-ilment li jgħid li t-tnaqqis ġenerali ta’ 15 % ma kienx suffiċjenti. Għaldaqstant, għandu jitqies li r-rikorrenti naqset milli turi l-insuffiċjenza ta’ dan it-tnaqqis u, konsegwentement, milli turi li sar ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

383    Barra minn hekk, anki jekk jiġi preżunt li, permezz tal-allegazzjonijiet tagħha li jgħidu li l-ASA konklużi mill-Ġappun “jeħtieġu” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ftehim dwar il-prezzijiet bejn it-trasportaturi indikati, ir-rikorrenti għandha l-intenzjoni li tpoġġi indiskussjoni l-analiżi tal-Kummissjoni li tinsab fil-premessa 1263 tad-deċiżjoni kkontestata li tgħid li l-imsemmija ASA sempliċiment ħeġġew jew iffaċilitaw l-adozzjoni ta’ aġir antikompetittiv, l-argument tagħha għandu wkoll jiġi miċħud. Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li l-ASA jew ħeġġew l-aġir kontenzjuż fuq ir-rotot ŻEE-Ġappun, f’liema każ tnaqqis tal-ammont tal-multa jista’ jiġi ġġustifikat skont il-paragrafu 29 tal-Linji Gwida tal‑2006, jew eżiġewh, f’liema każ ma seta’ jiġi kkonstatat l-ebda ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, u lanqas ma setgħet tiġi imposta l-ebda sanzjoni fir-rigward ta’ dan l-aġir (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 1997, Il-Kummissjoni u Franza vs Ladbroke Racing, C‑359/95 P u C‑379/95 P, EU:C:1997:531, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

384    Issa, sa fejn ir-rikorrenti essenzjalment ssostni, fil-kuntest ta’ din il-parti, li l-ASA konklużi mill-Ġappun kienu jeżiġu koordinazzjoni, l-argument tagħha għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv sa fejn, li kieku kien fondat, kien jivvizzja l-konstatazzjoni ta’ ksur, u mhux l-applikazzjoni tal-paragrafu 29 tal-linji gwida tal-2006, li huwa s-suġġett f’din il-parti.

385    Barra minn hekk, fit-tweġibiet tagħha għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, ir-rikorrenti baqgħet ma ċċaratx jekk hija kinitx qiegħda tinvoka rekwiżit jew sempliċi inkoraġġiment. Għalhekk hija indikat li l-leġiżlazzjoni rilevanti “[kienet] teħtieġ koordinazzjoni”, li “[kien] hemm inkoraġġiment” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u fl-aħħar nett li kienet teżisti “sistema intiża li tinkoraġġixxi lin-nies josservaw dispożizzjoni jew oħra” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

386    Fit-tieni lok, u fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat fuq analiżi żbaljata tal-ASA inkwistjoni. Il-klawżola rilevanti ta’ dawn l-ASA tipprevedi li ftehim fil-livell tal-IATA għandu jinkiseb “sa fejn ikun possibbli” [traduzzjoni mhux uffiċjali], u dan ma jistabbilixxix l-eżistenza ta’ obbligu. L-istess klawżola tipprevedi li, fejn ftehim ma jkunx possibbli, it-tariffi li għandhom jiġu applikati “għal kull rotta” [traduzzjoni mhux uffiċjali] għandhom jiġu ffissati bi ftehim komuni “bejn il-kumpanniji magħżula kkonċernati” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija klawżola ma tistax tiġi interpretata fis-sens li teżiġi diskussjonijiet multilaterali dwar it-tariffi applikabbli għal rotot differenti.

387    F’dak li jikkonċerna r-referenzi għal deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni, biżżejjed li jitfakkar li s-sempliċi fatt li l-Kumissjoni tat, fil-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha, ċerta rata ta’ tnaqqis għal aġir speċifiku ma jimplikax li hija obbligata tagħti l-istess tnaqqis fl-evalwazzjoni ta’ aġir simili fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva ulterjuri (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2009, KME Germany et vs Il‑Kummissjoni, T‑127/04, EU:T:2009:142, punt 140, u l-ġurisprudenza ċċitata). Konsegwentement, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka t-tnaqqis tal-ammont tal-multi mogħti f’kawżi oħrajn.

388    Sa fejn ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar in-natura xierqa tat-tnaqqis ġenerali ta’ 15 %, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li dan tal-aħħar jaqa’ taħt l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa u għalhekk ser isir f’dan il-kuntest (ara l-punt 448 iktar ’il quddiem).

389    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li d-disa’ motiv ma huwiex fondat u għandu, konsegwentement, jiġi miċħud.

10.    Fuq l-għaxar motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ukoll, essenzjalment, tal-obbligu ta’ motivazzjoni marbut mar-rifjut tal-Kummissjoni li tnaqqas l- ammont tal-multa minħabba l-parteċipazzjoni limitata tar-rikorrenti fil-ksur uniku u kontinwu

390    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta ma tathiex it-tnaqqis ta’ 10 % tal-ammont bażiku tal-multa li hija tat lil Air Canada, lil Latam, lil SAS u lil Qantas, minħabba l-parteċipazzjoni limitata ta’ dawn it-trasportaturi fil-ksur uniku u kontinwu. Hija tqis li tinsab fl-istess sitwazzjoni bħal dawn it-trasportaturi, u għalhekk ir-rifjut tal-Kummissjoni li tagħtiha tnaqqis huwa diskriminatorju.

391    Ir-rikorrenti b’hekk issostni li hija kienet topera fil-periferija tal-ksur deskritt fid-deċiżjoni kkontestata u kellha numru limitat ta’ kuntatti fuq numru limitat ta’ rotot, u għamlet dan b’mod passiv. Ir-rwol ta’ SAS u ta’ Qantas fl-akkordju kontenzjuż kien simili ħafna għal tagħha.

392    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-involviment tagħha fir-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet ċertament ma kienx iktar estensiv minn dak ta’ SAS jew ta’ Qantas kif muri, fil-fehma tagħha, minn sensiela ta’ messaġġi tal-posta elettronika ta’ Qantas dwar il-ħlas ta’ kummissjoni fuq is-sovrataxxi.

393    Skont ir-rikorrenti, id-distinzjoni magħmula mill-Kummissjoni bejnha u bejn dawn iż-żewġ trasportaturi ma hijiex oġġettivament iġġustifikata u, fi kwalunkwe każ, ma hijiex immotivata b’mod suffiċjenti. Barra minn hekk, hija ma eżaminatx b’mod speċifiku s-sitwazzjoni tagħha fid-dawl tal-paragrafu 29 tal-linji gwida tal-2006.

394    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

395    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-paragrafu 29 tal-linji gwida tal-2006 jistabbilixxi, fost it-tipi ta’ ċirkustanzi attenwanti li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jitnaqqas l-ammont bażiku tal-multa, in-natura sostanzjalment limitata tal-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur.

396    L-ewwel nett, fir-rigward tal-kritika tar-rikorrenti li l-kriterju ta’ parteċipazzjoni sostanzjalment limitata msemmi fil-paragrafu 29 tal-linji gwida tal‑2006 ma ġiex applikat għaliha, għandu jitfakkar li l-kriterju ta’ parteċipazzjoni sostanzjalment limitata huwa iktar impenjattiv minn dak li jirrigwarda rwol emulattiv jew esklużivament passiv tal-impriża misjuba ħatja: dan jirrifletti l-għażla tal-Kummissjoni, meta l-linji gwida tal-1998 imsemmija fil-punt 302 iktar ’il fuq ġew issostitwiti mil-linji gwida tal-2006, li ma jibqax jiġi “mħeġġeġ” aġir passiv mill-parteċipanti fi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenza tat-12 ta’ Lulju 2018, Sumitomo Electric Industries u J-Power Systems vs Il‑Kummissjoni, T‑450/14, mhux ippubblikata, EU:T:2018:455, punt 114).

397    L-applikazzjoni tal-kriterju ta’ parteċipazzjoni sostanzjalment limitata tippreżupponi li huma ssodisfatti sensiela ta’ kundizzjonijiet, li wħud minnhom għandhom l-istess fatturi ta’ evalwazzjoni bħall-kriterju ta’ rwol esklużivament passiv: dan huwa partikolarment il-każ fir-rigward tal-frekwenza tal-parteċipazzjoni fil-laqgħat meta mqabbla mal-membri oħra tal-akkordju jew il-perċezzjoni, mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju, tar-rwol tal-impriża inkwistjoni fl-akkordju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 2014, Eni vs Il‑Kummissjoni, T‑558/08, EU:T:2014:1080, punti 190 u 191, u tat-12 ta’ Lulju 2018, Sumitomo Electric Industries u J-Power Systems vs Il‑Kummissjoni, T‑450/14, mhux ippubblikat, EU:T:2018:455, punti 117 sa 119).

398    Issa, fil-premessa 1257 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li r-rikorrenti ma kellhiex rwol passiv jew minuri fil-ksur uniku u kontinwu, u l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur lanqas ma kienet sostanzjalment limitata. F’din id-deċiżjoni, hija bbażat ruħha f’dan ir-rigward, minn naħa, fuq il-frekwenza u fuq in-natura tal-kuntatti li r-rikorrenti kellha mat-trasportaturi l-oħra matul il-perijodu kollu tal-ksur (premessa 1253) u, min-naħa l-oħra, fuq l-assenza ta’ kwalunkwe prova prodotta mir-rikorrenti li tikkontribwixxi sabiex turi n-nuqqas ta’ intenzjoni antikompetittiva tagħha (premessa 1254). Konsegwentement, hija eskludiet l-għoti lir-rikorrenti ta’ tnaqqis tal-ammont bażiku tal-multa fuq din il-bażi.

399    Għaldaqstant, ma ġiex stabbilit li l-Kummissjoni wettqet żball meta rrifjutat li tagħti lir-rikorrenti l-benefiċċju ta’ ċirkustanza attenwanti relatata mal-parteċipazzjoni sostanzjalment limitata tagħha fil-ksur uniku u kontinwu.

400    Anki jekk jitqies li r-rikorrenti tirreferi wkoll għall-eżempji l-oħra ta’ ċirkustanzi attenwanti msemmija fil-paragrafu 29 tal-linji gwida tal-2006, hija ma ssemmi xejn b’mod speċifiku u ma tallega a fortiori l-ebda ċirkustanza ta’ natura li tiġġustifika li għandu jingħata tnaqqis tal-multa f’dan ir-rigward. Fin-nuqqas ta’ elementi konkreti insostenn ta’ dawn l-allegazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali għandha tiċħadhom.

401    Issa, fir-rigward tal-allegat trattament diskriminatorju tar-rikorrenti meta mqabbla mat-trasportaturi li ngħataw it-tnaqqis ta’ 10 % tal-ammont bażiku tal-multa, għandu jitfakkar li, fil-premessi 1258 u 1259 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li Latam, Air Canada u SAS kellhom parteċipazzjoni limitata fil-ksur uniku u kontinwu, sa fejn kienu joperaw fil-periferija tal-akkordju kontenzjuż, ipparteċipaw f’numru limitat ta’ kuntatti ma’ trasportaturi oħra u ma kinux ipparteċipaw fl-elementi kollha tal-ksur. Konsegwentement, hija tathom tnaqqis ta’ 10 % tal-ammont bażiku tal-multa. Fid-Deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010, hija kienet tat ukoll, fuq l-istess bażi u għall-istess raġunijiet, tali tnaqqis lil Qantas. Min-naħa l-oħra, hija ma qisitx li kien hemm lok li jiġi konkluż li r-rikorrenti pparteċipat b’mod limitat fil-ksur uniku u kontinwu u, konsegwentement, ma tathiex tnaqqis tal-ammont bażiku tal-multa fuq din il-bażi.

402    Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 399 iktar ’il fuq, li ma kinitx stabbilixxiet li r-rikorrenti kellha rwol passiv fil-ksur uniku u kontinwu jew li kienet ipparteċipat b’mod sostanzjalment limitat fih. F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk jitqies li r-rikorrenti stabbilixxiet li kienet f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tat-trasportaturi li bbenefikaw mit-tnaqqis ta’ 10 % tal-ammont bażiku tal-multa, dan iwassal, essenzjalment, biex ir-rikorrenti tinvoka l-illegalitajiet imwettqa fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa imposta fuq dawn it-trasportaturi l-oħra, ħaġa li ma tistax tagħmel (ara l-punt 289 iktar ’il fuq).

403    Fi kwalunkwe każ, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, għandu jiġi kkonstatat li s-sitwazzjoni tar-rikorrenti ma kinitx paragunabbli għal dik tat-trasportaturi l-oħra msemmija fil-punt 401 iktar ’il fuq għall-finijiet tal-applikazzjoni taċ-ċirkustanza attenwanti marbuta mal-parteċipazzjoni limitata fil-ksur.

404    Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li, b’differenza minn dawn it-trasportaturi, ir-rikorrenti pparteċipat fit-tliet komponenti tal-ksur uniku u kontinwu (premessi 881 sa 883 tad-deċiżjoni kkontestata), fatt li hija ma tikkontestax. Issa, mill-perspettiva tal-kontribuzzjoni tagħha għall-gravità tal-akkordju kontenzjuż, il-fatt li tiġi kkonstatata r-responsabbiltà ta’ impriża, għal ċerti komponenti ta’ ksur uniku u kontinwu, fir-rigward tal-involviment dirett tagħha fl-aġir kontenzjuż jikkostitwixxi ċirkustanza rilevanti li tista’ tiddistingwixxi s-sitwazzjoni tagħha minn dik tal-impriżi meqjusa responsabbli biss minħabba l-għarfien tagħhom, preżunt jew ipprovat, ta’ dan l-aġir.

405    Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti speċifikament fir-rigward ta’ SAS u ta’ Qantas, il-provi fil-proċess juru livell ta’ involviment tar-rikorrenti fir-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet li ma huwiex paragunabbli għal dak ta’ dawn tal-aħħar. Fil-fatt, kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti pparteċipat f’diversi diskussjonijiet multilaterali dwar dan il-komponent tal-ksur uniku u kontinwu fil-kuntest tal-ACCS fl-Isvizzera (premessi 692 u 693) u fl-Italja, fil-kuntest tal-Italian Board of Airline Representatives (il-Bord Taljan tar-Rappreżentanti tal-Kumpanniji tal-Ajru, iktar ’il quddiem l-“IBAR”) (premessa 694), fil-bini ta’ Lufthansa fl-Italja (premessa 695) u f’Milano (premessa 696). Din is-sitwazzjoni tikkuntrasta l-ewwel nett ma’ dik ta’ Qantas, li fir-rigward tagħha huwa biss skambju bilaterali ma’ British Airways li jsostni, skont il-każ, il-konstatazzjoni tal-involviment tagħha f’dan il-komponent tal-ksur (premessa 685). Din is-sitwazzjoni tikkuntrasta mbagħad ma’ dik ta’ SAS. F’dan ir-rigward, għall-kuntrarju ta’ dak li tissuġġerixxi r-rikorrenti, il-fatt li SAS hija membru tal-ACCS huwa irrilevanti, peress li ma kienx allegat li pparteċipat fl-iskambji kontenzjużi fil-premessi 692 u 693 ta’ din id-deċiżjoni. Ir-rikorrenti tiċċita wkoll żewġ kuntatti multilaterali, imsemmija rispettivament fil-premessi 503 u 686 tal-imsemmija deċiżjoni, li kienu ħadu sehem fihom kemm SAS kif ukoll ir-rikorrenti. Issa, minn naħa, ir-rikorrenti hija żbaljata meta tindika li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-ewwel minn dawn sabiex tistabbilixxi l-parteċipazzjoni tagħha fir-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet, peress li din il-prova ntużat biss fir-rigward tal-parti li tirrigwarda s-STK. Min-naħa l-oħra, għalkemm huwa minnu li SAS kienet involuta fl-iskambju msemmi fil-premessa 686 tal-istess deċiżjoni, dan il-kuntatt għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-kuntatti l-oħra li jinvolvu lir-rikorrenti u li għadhom kif ġew imfakkra. Fil-fatt, dawn il-kuntatti jibqgħu iktar numerużi u varjati minn dawk li jinvolvu lil SAS, inkluż ladarba jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntatti invokati mir-rikorrenti li jinsabu fil-fajl, iżda li ma humiex imsemmija fid-deċiżjoni inkwistjoni u li fil-kuntest tagħhom SAS indirizzat, ma’ diversi trasportaturi kompetituri, it-talba ta’ burdnar dwar il-ħlas ta’ kummissjoni fuq is-sovrataxxi.

406    Barra minn hekk, huwa wkoll fir-rigward tal-kuntatti limitati ma’ trasportaturi oħra li l-Kummissjoni qieset li SAS kienet ipparteċipat b’mod iktar limitat fil-ksur, kif jirriżulta mill-punt 401 iktar ’il fuq. Issa, ir-rikorrenti ma tipproduċix provi li jistgħu jinvalidaw il-konstatazzjoni li hija kienet involuta f’numru ikbar ta’ kuntatti ma’ numru ikbar ta’ trasportaturi.

407    Minn dan isegwi li, sa fejn is-sitwazzjoni tar-rikorrenti hija differenti minn dik tat-trasportaturi li ngħataw tnaqqis minħabba l-parteċipazzjoni limitata tagħhom fil-ksur uniku u kontinwu, din ma hijiex fondata li tilmenta dwar trattament diskriminatorju. Konsegwentement, għandha tiġi miċħuda wkoll l-invokazzjoni mir-rikorrenti ta’ insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tan-natura oġġettivament iġġustifikata tad-distinzjoni magħmula, sa fejn hija bbażata fuq il-premessa, żbaljata, li s-sitwazzjoni tagħha kienet paragunabbli ma’ dik tat-trasportaturi l-oħra inkwistjoni.

408    Fl-aħħar nett, permezz tal-ilment tagħha bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ir-rikorrenti għandha l-intenzjoni li tqajjem, essenzjalment, in-natura sproporzjonata tal-ammont tal-multa fir-rigward tal-parteċipazzjoni allegatament limitata tagħha.

409    Issa, f’dan il-każ, l-ewwel nett, kif jirriżulta qabel kollox mid-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti kienet involuta direttament fit-tliet komponenti tal-ksur uniku u kontinwu (ara l-punti 404 u 405 iktar ’il fuq). Din il-konstatazzjoni ma hijiex invalidata mill-allegazzjoni tagħha li l-parteċipazzjoni tagħha fil-komponent tal-imsemmi ksur relatat mar-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet kienet intiża biss bħala reazzjoni għall-isforzi miftiehma tal-burdnara u ma kinitx intiża għall-koordinazzjoni tal-prezzijiet. Fil-fatt għandu jiġi kkonstatat li din l-allegazzjoni hija bbażata fuq żewġ premessi żbaljati, waħda fid-dritt u l-oħra fil-fatt.

410    Fil-fatt, huwa minnu li mill-premessi 675 sa 702 tad-deċiżjoni kkontestata, li jinkludu l-premessi invokati speċifikament kontra r-rikorrenti, jirriżulta li l-kwistjoni tal-ħlas tal-kummissjonijiet kienet is-suġġett ta’ interpretazzjonijiet legali differenti mit-trasportaturi u mill-burdnara. Madankollu, it-trasportaturi inkriminati ma llimitawx ruħhom għad-definizzjoni ta’ pożizzjoni komuni fuq dan is-suġġett sabiex jiddefenduha b’mod ikkoordinat quddiem il-qrati kompetenti jew sabiex jippromwovuha kollettivament quddiem l-awtoritajiet pubbliċi u assoċjazzjonijiet professjonali oħra. Għall-kuntrarju, it-trasportaturi inkriminati aġixxew flimkien billi qablu – fuq livell multilaterali – li jirrifjutaw li jinnegozjaw il-ħlas tal-kummissjonijiet mal-burdnara u li jagħtuhom skontijiet fuq is-sovrataxxa. B’hekk, fil-premessa 695 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rreferiet għal messaġġ tal-posta elettronika tad-19 ta’ Mejju 2005, li fiha l-amministratur reġjonali ta’ Swiss fl-Italja indika li “[l-parteċipanti f’laqgħa li saret fit-12 ta’ Mejju 2005 kienu] ikkonfermaw kollha l-intenzjoni [tagħhom] li ma jaċċettawx remunerazzjoni STK/STS” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fil-premessa 696 tad-deċiżjoni kkontestata, issir referenza għal messaġġ tal-posta elettronika intern tal-14 ta’ Lulju 2005 li fih CPA tindika li “[l-parteċipanti kollha f’laqgħa li saret il-ġurnata ta’ qabel, inkluża r-rikorrenti] ikkonfermaw mill-ġdid l-intenzjoni soda tagħhom li ma jaċċettaw l-ebda negozjar dwar” [traduzzjoni mhux uffiċjali] il-ħlas ta’ kummissjonijiet. Bl-istess mod, fil-premessa 700 tal-istess deċiżjoni, il-Kummissjoni invokat messaġġ tal-posta elettronika intern li fih impjegat ta’ Cargolux informa lill-amministrazzjoni ċentrali tagħha li nżammet laqgħa “mat-[trasportaturi] kollha li joperaw fl-ajruport ta’ [Barcelona]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u indika li “kienet l-opinjoni ġenerali li aħna ma għandna nħallsu l-ebda kummissjoni fuq is-sovrataxxi” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

411    Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta wkoll li diversi trasportaturi skambjaw informazzjoni – fuq livell bilaterali – biex iserrħu ras xulxin dwar l-aderenza kontinwa tagħhom mar-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet miftiehem qabel. Bħala eżempju, il-premessa 688 ta’ din id-deċiżjoni tiddeskrivi telefonata tad-9 ta’ Frar 2006 li fiha Lufthansa staqsiet lil AF jekk il-pożizzjoni tagħha dwar is-suġġett tar-rifjut ta’ ħlas tal-kummissjonijiet kinitx għadha l-istess.

412    Fid-dritt, sa fejn ir-rikorrenti ssostni li r-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet kien jikkostitwixxi reazzjoni leġittima għall-aġir allegatament illegali tal-burdnara, għandu jitfakkar li impriża ma tistax tibbaża ruħha fuq l-aġir ta’ impriżi oħra, anki jekk dan ikun illegali jew inġust, biex tiġġustifika ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Lulju 2004, Dalmine vs Il‑Kummissjoni, T‑50/00, EU:T:2004:220, punt 333, u tat-12 ta’ Lulju 2018, LS Cable & System vs Il‑Kummissjoni, T‑439/14, mhux ippubblikata, EU:T:2018:451, punt 53).

413    Fil-fatt, huma l-awtoritajiet pubbliċi u mhux l-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi privati li għandhom jiżguraw l-osservanza tad-dispożizzjonijiet legali (sentenza tas‑7 ta’ Frar 2013, Slovenská sporiteľňa, C‑68/12, EU:C:2013:71, punt 20). L-impriżi ma jistgħux jieħdu l-liġi b’idejhom billi jieħdu post dawn l-awtoritajiet sabiex jissanzjonaw ksur possibbli tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u billi jipprevjenu, permezz ta’ miżuri meħuda fuq inizjattiva proprja tagħhom, il-kompetizzjoni fis-suq intern. Dan huwa partikolarment il-każ meta jkun hemm mezzi legali li bihom jistgħu jinvokaw id-drittijiet tagħhom quddiem dawk l-awtoritajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 1991, Hilti vs Il‑Kummissjoni, T‑30/89, EU:T:1991:70), punti 117 u 118).

414    Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma wrietx, u lanqas ma allegat, li tali mezzi legali ma kinux jeżistu.

415    It-tieni, kif tirrileva tajjeb il-Kummissjoni, la n-numru ta’ kuntatti antikompetittivi kkonstatati fid-deċiżjoni kkontestata li fihom ipparteċipat ir-rikorrenti, li jammontaw għal kważi 75, u lanqas in-numru ta’ trasportaturi oħra involuti fl-imsemmija kuntatti, jiġifieri total ta’ disa’ trasportaturi inkriminati, ma jistgħu jiġu kklassifikati bħala limitati fin-numru u fl-intensità tagħhom.

416    It-tielet, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju kontenzjuż ma kinitx tikkonsisti essenzjalment f’li tirċievi b’mod passiv l-avviżi kkomunikati mit-trasportaturi l-oħra. Fil-fatt, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li d-deċiżjoni kkontestata ssemmi diversi laqgħat u diskussjonijiet bilaterali u multilaterali li jmorru lil hinn mis-sempliċi trażmissjoni ta’ avviżi tariffarji permezz ta’ messaġġi tal-posta elettronika (ara l-premessi 762 sa 764).

417    Minn dan isegwi li dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

418    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, it-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tiġi milqugħa. Konsegwentement, l-Artikolu 1(1)(h) u (4)(h) tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu annullati.

419    Min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi kkonstatat li din l-illegalità hija tali li timplika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha. Fil-fatt, għalkemm il-Kummissjoni kisret ir-regoli tal-preskrizzjoni billi ssanzjonat lir-rikorrenti għall-ksur uniku u kontinwu fir-rigward tar-rotot intra-ŻEE u r-rotot Unjoni-Svizzera, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma wrietx, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, li l-Kummissjoni kienet żbaljat meta kkonstatat li kienet ipparteċipat f’dan il-ksur.

420    Il-kumplament tat-talbiet għall-annullament għandhom jiġu miċħuda.

B.      Fuq it-talbiet għall-modifika tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti

421    Insostenn tat-talbiet tagħha għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed. Dan il-motiv huwa bbażat fuq in-natura inadegwata tal-ammont ta’ din il-multa u jinqasam fi ħdax-il argument.

422    L-ewwel erba’ argumenti invokati mir-rikorrenti insostenn ta’ dawn it-talbiet jikkonċernaw, essenzjalment, il-kalkolu tal-valur tal-bejgħ:

–        fl-ewwel argument tagħha, ir-rikorrenti ssostni li t-terminu ta’ preskrizzjoni jwaqqafha milli tiġi ssanzjonata għal aġir relatat mar-rotot intra-ŻEE u mar-rotot Unjoni-Svizzera;

–        fit-tieni argument tagħha, ir-rikorrenti ssostni li, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tilqa’ l-ħames jew it-tmien motiv u tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċerna s-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija deħlin, id-dħul li hija għamlet minn dawn is-servizzi għandu jiġi eskluż għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa jew inkella għandu jitnaqqas l-ammont tal-multa b’konsegwenza skont il-modalitajiet li l-Qorti Ġenerali tqis xierqa;

–        fit-tielet argument tagħha, ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li kisret il-linji gwida tal-2006 kif ukoll il-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi billi inkludiet fil-valur tal-bejgħ id-dħul minn servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija deħlin;

–        fir-raba’ argument, ir-rikorrenti ssostni li, peress li l-Kummissjoni eskludiet it-tariffi mill-portata tal-ksur uniku u kontinwu, id-dħul li għamlet minnhom għandu jiġi eskluż mill-valur tal-bejgħ jew inkella għandu jitnaqqas l-ammont tal-multa għal-livell li l-Qorti Ġenerali tqis xieraq.

423    Il-ħames u s-sitt argumenti li tinvoka r-rikorrenti insostenn ta’ dawn it-talbiet jirrigwardaw, essenzjalment, il-koeffiċjent ta’ gravità u l-ammont addizzjonali:

–        fil-ħames argument tagħha, bi tweġiba għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ssostni li l-esklużjoni tar-rotot ŻEE mhux fl-Unjoni-Svizzera mill-portata ġeografika tal-ksur uniku u kontinwu hija ta’ natura li tiġġustifika tnaqqis tal-koeffiċjent ta’ gravità;

–        fis-sitt argument tagħha, ir-rikorrenti ssostni li, peress li l-ksur uniku u kontinwu ma kellux effetti sinjifikattivi fuq il-kompetizzjoni, għandha tingħata tnaqqis sinjifikattiv tal-ammont tal-multa.

424    Is-seba’ sal-ħdax-il argument li tinvoka r-rikorrenti insostenn ta’ dawn it-talbiet jirrigwardaw, essenzjalment, l-aġġustamenti li għandhom isiru fl-ammont bażiku:

–        fis-seba’ argument tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-qafas regolatorju Ġappuniż fl-iffissar tal-ammont tal-multa u li, għaldaqstant, it-tnaqqis ġenerali ta’ 15 % għandu jiżdied b’mod sinjifikattiv u għandu jiġi ffissat fil-livell ogħla li l-Qorti Ġenerali tqis xieraq;

–        fit-tmien argument tagħha, ir-rikorrenti ssostni li, jekk il-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċerna r-rifjut ta’ ħlas tal-kummissjonijiet, li kien biss reazzjoni għall-ftehim tal-burdnara, l-ammont tal-multa għandu jitnaqqas konsegwentement għal-livell li l-Qorti Ġenerali tqis xieraq;

–        fid-disa’ argument tagħha, ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha u l-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità billi applikat, għad-detriment tagħha, livelli differenti ta’ provi għal trasportaturi differenti;

–        fl-għaxar argument tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità billi rriżervat għaliha trattament differenti minn dak mogħti lil Air Canada, lil Latam, lil SAS u lil Qantas fl-iffissar tal-ammont tal-multa, filwaqt li l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur uniku u kontinwu kienet oġġettivament simili għal dik ta’ SAS u ta’ Qantas b’mod partikolari;

–        fil-ħdax-il argument tagħha, ir-rikorrenti ssostni li, peress li, fil-prassi preċedenti tagħha, il-Kummissjoni ammettiet li ksur li jirrigwarda biss parti mit-tariffi kien inqas gravi, il-ksur uniku u kontinwu, li jikkonċerna biss is-sovrataxxi u mhux il-prezz sħiħ tas-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija, jiġġustifika tnaqqis sinjifikattiv tal-ammont tal-multa minħabba ċirkustanzi attenwanti.

425    Il-Kummissjoni titlob li jiġu miċħuda t-talbiet tar-rikorrenti u titlob li l-benefiċċju tat-tnaqqis ġenerali ta’ 50 % u tat-tnaqqis ġenerali ta’ 15 % jiġu rtirati fir-rigward tar-rikorrenti fl-ipoteżi li l-Qorti Ġenerali tqis li d-dħil mill-bejgħ provenjenti mill-bejgħ ta’ servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija deħlin ma setax jiġi inkluż fil-valur tal-bejgħ;

426    Fid-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, l-istħarriġ tal-legalità huwa ssuplimentat mill-ġurisdizzjoni sħiħa mogħtija lill-Qorti tal-Unjoni mill-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, f’konformità mal-Artikolu 261 TFUE. Din il-ġurisdizzjoni tagħti s-setgħa lill-qorti tal-Unjoni, lil hinn mis-sempliċi stħarriġ tal-legalità tas-sanzjoni, li tissostitwixxi bl-evalwazzjoni tagħha lil dik tal-Kummissjoni, u konsegwentement, li tħassar, tnaqqas jew iżżid l-ammont tal-multa jew il-pagamenti ta’ penalità imposti (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il‑Kummissjoni, C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

427    Dan l-eżerċizzju jippreżupponi, skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, li tittieħed inkunsiderazzjoni, għal kull impriża ssanzjonata, il-gravità tal-ksur inkwistjoni kif ukoll it-tul tiegħu, f’konformità mal-prinċipji, b’mod partikolari, ta’ motivazzjoni, ta’ proporzjonalità, ta’ individwalizzazzjoni tas-sanzjonijiet u ta’ ugwaljanza fit-trattament, u mingħajr ma l-Qorti tal-Unjoni tkun marbuta bir-regoli indikattivi ddefiniti mill-Kummissjoni fil-linji gwida tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il‑Kummissjoni, C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punt 90). Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa prevista fl-Artikolu 261 TFUE u fl-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003 ma huwiex ekwivalenti għal stħarriġ ex officio u li l-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni hija kontradittorja. Bl-eċċezzjoni tal-motivi tal-ordni pubbliku li l-Qorti għandha teżamina ex officio, hija għalhekk ir-rikorrenti li għandha tqajjem il-motivi kontra d-deċiżjoni kkontestata u tipproduċi provi insostenn ta’ dawn il-motivi (sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il‑Kummissjoni, C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 64).

428    Għalhekk, hija r-rikorrenti li għandha tidentifika l-elementi kontenzjużi tad-deċiżjoni kkontestata, tifformula lmenti f’dan ir-rigward u tipproduċi provi, li jistgħu jkunu indizji partikolarment konvinċenti, intiżi li juru li l-ilmenti tagħha huma fondati (sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il‑Kummissjoni, C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 65).

429    Sabiex tissodisfa r-rekwiżiti ta’ stħarriġ ta’ ġurisdizzjoni sħiħa fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta f’dak li jikkonċerna l-multa, min-naħa tagħha, il-Qorti tal-Unjoni hija obbligata, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi previsti fl-Artikoli 261 u 263 TFUE, li teżamina kull ilment, ta’ liġi jew ta’ fatt, intiż sabiex juri li l-ammont tal-multa ma jirriflettix il-gravità u t-tul tal-ksur (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Parker Hannifin Manufacturing u Parker-Hannifin, C‑434/13 P, EU:C:2014:2456, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tas-26 ta’ Jannar 2017, Villeroy & Boch Austria vs Il‑Kummissjoni, C‑626/13 P, EU:C:2017:54, punt 82).

430    Fl-aħħar nett, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa, hija l-Qorti tal-Unjoni li għandha tevalwa hija stess iċ-ċirkustanzi tal-każ u n-natura tal-ksur kontenzjuż (sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il‑Kummissjoni, C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punt 89) u li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi fattwali kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il‑Kummissjoni, C‑534/07 P, EU:C:2009:505, punt 86), inkluża, skont il-każ, informazzjoni addizzjonali li ma hijiex imsemmija fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi l-multa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il‑Kummissjoni, C‑286/98 P, EU:C:2000:630, punt 57, u tat-12 ta’ Lulju 2011, Fuji Electric vs Il‑Kummissjoni, T‑132/07, EU:T:2011:344, punt 209).

431    F’dan il-każ, hija l-Qorti Ġenerali, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li għandha tiddetermina, fid-dawl tal-argumenti mressqa mill-partijiet insostenn ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-ammont tal-multa li hija tqis l-iktar xieraq, fid-dawl b’mod partikolari tal-konstatazzjonijiet magħmula fil-kuntest tal-eżami tal-motivi mqajma insostenn tat-talbiet għal annullament u tal-motiv eżaminat ex officio, u billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi fattwali kollha rilevanti.

432    Il-Qorti Ġenerali tqis li ma huwiex xieraq, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta fuq ir-rikorrenti, li titbiegħed mill-metodu ta’ kalkolu segwit mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, li hija qatt qabel ma ddeterminat li huwa vvizzjat minn illegalità, kif jirriżulta mill-eżami tas-seba’ sal-għaxar motivi iktar ’il fuq. Għalkemm hija l-Qorti, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li għandha tevalwa hija stess iċ-ċirkustanzi tal-każ u n-natura tal-ksur inkwistjoni sabiex tiddetermina l-ammont tal-multa, l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa ma jistax jirriżulta, meta jkun qiegħed jiġi ddeterminat l-ammont tal-multi li għandhom jiġu imposti, f’diskriminazzjoni bejn impriżi li pparteċipaw fi ftehim jew fi prattika miftiehma li jiksru l-Artikolu 101 TFUE, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 8 tal-Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru. Għalhekk, l-indikazzjonijiet li jistgħu jittieħdu mil-linji gwida, b’mod ġenerali, jistgħu jkunu ta’ gwida għall-qrati tal-Unjoni meta jeżerċitaw din il-kompetenza, peress li dawn il-linji gwida ġew applikati mill-Kummissjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-multi imposti fuq l-impriżi l-oħra ssanzjonati mid-deċiżjoni li huma għandhom ikunu jafu biha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).

433    F’dawn iċ-ċirkustanzi, qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li l-valur tal-bejgħ totali li sar mir-rikorrenti fl-2005 kien jammonta għal EUR 259 640 939. Dan il-valur ma jinkludi l-ebda dħul minn rotot ŻEE mhux fl-Unjoni-Svizzera, li fir-rigward tagħhom il-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-punti 166 sa 190 iktar ’il fuq li dawn ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ksur uniku u kontinwu. Mir-risposti tar-rikorrenti għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li hija ma kisbet l-ebda dħul mill-bejgħ fuq dawn ir-rotot matul l-2005.

434    Fir-rigward tal-ewwel argument invokat insostenn ta’ dawn it-talbiet, dwar it-terminu ta’ preskrizzjoni, għandu jiġi osservat li dan jirreferi għat-tieni parti tal-ewwel motiv. Il-Qorti Ġenerali laqgħet dan il-motiv fil-punti 193 sa 224 iktar ’il fuq u, konsegwentement, annullat l-Artikolu 1(1)(h) u (4)(h) tad-deċiżjoni kkontestata. Dawn il-paragrafi jirrigwardaw, rispettivament, ir-rotot intra-ŻEE u Unjoni-Svizzera. Issa, ir-rikorrenti ma kisbet l-ebda dħul mill-bejgħ fuq dawn ir-rotot matul il-perijodu rilevanti. Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

435    Fir-rigward tat-tieni u tat-tielet argumenti, li jirrigwardaw l-inklużjoni fil-valur tal-bejgħ tad-dħul mill-bejgħ minn servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija deħlin, għandu jiġi osservat li dawn jikkoinċidu mal-ħames u mat-tmien motivi invokati insostenn tat-talbiet għal annullament. Issa, il-Qorti Ġenerali eżaminat u ċaħdet dawn il-motivi, rispettivament, fil-punti 77 sa 165 u fil-punti 355 sa 374 iktar ’il fuq u xejn fl-argumentazzjoni invokata insostenn tagħhom ma juri li l-inklużjoni fil-valur tal-bejgħ tad-dħul mill-bejgħ minn servizzi ta’ trasport tal-merkanzija deħlin kienet ta’ natura li jwassal biex jittieħed inkunsiderazzjoni valur tal-bejgħ mhux xieraq. Għall-kuntrarju, l-esklużjoni mill-valur tal-bejgħ tad-dħul mill-bejgħ ta’ servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija deħlin tipprekludi l-impożizzjoni fuq ir-rikorrenti ta’ multa li kienet miżura xierqa tad-dannu li l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju kontenzjuż kellha fuq l-andament normali tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2016, Portugal Telecom vs Il‑Kummissjoni, T‑208/13, EU:T:2016:368, punt 236).

436    Fir-rigward tar-raba’ argument invokat insostenn ta’ dawn it-talbiet, li essenzjalment jirrigwarda l-inklużjoni tal-prezz kollu tas-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija fil-valur tal-bejgħ, għandu jiġi rrilevat li dan jikkoinċidi mal-ewwel parti tas-seba’ motiv invokat insostenn tat-talbiet għal annullament. Issa, il-Qorti Ġenerali eżaminat u ċaħdet din il-parti fil-punti 300 sa 330 iktar ’il fuq u xejn fl-argumentazzjoni invokata insostenn tagħha ma jippermetti li jitqies li l-inklużjoni fil-valur tal-bejgħ tal-prezz kollu tas-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija kienet ta’ natura li twassal biex jittieħed inkunsiderazzjoni valur tal-bejgħ mhux xieraq. Għall-kuntrarju, li jiġu esklużi mill-valur tal-bejgħ l-elementi tal-prezz tas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija li ma humiex sovrataxxi jwassal biex tiġi mminimizzata artifiċjalment l-importanza ekonomika tal-ksur uniku u kontinwu.

437    Imbagħad, għandu jiġi rrilevat li, għar-raġunijiet esposti fil-premessi 1198 sa 1212 tad-deċiżjoni kkontestata, il-ksur uniku u kontinwu jistħoqqlu fattur ta’ gravità ta’ 16 %.

438    Il-ħames u s-sitt argument ma jurux il-kuntrarju. Fil-fatt, il-ħames argument jippreżupponi li l-Qorti Ġenerali tilqa’ l-motiv eżaminat ex officio. Peress li dan il-motiv ġie miċħud, il-ħames argument għandu jiġi miċħud.

439    Fir-rigward tan-nuqqas ta’ effetti sinjifikattivi tal-ksur uniku u kontinwu fuq il-kompetizzjoni, li jirreferi għalih is-sitt argument, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-ammont ta’ multa ma jistax jitqies bħala mhux xieraq biss għaliex ma jirriflettix id-dannu ekonomiku li jkun ġie jew li seta’ ġie kkawżat mill-allegat ksur (sentenza tad‑29 ta’ Frar 2016, Schenker vs Il‑Kummissjoni, T‑265/12, EU:T:2016:111, punt 287). Dan l-argument għalhekk ma jiġġustifikax tnaqqis tal-koeffiċjent ta’ gravità.

440    Fir-rigward tal-argument invokat fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv, li jgħid li l-annullament tal-Artikolu 1(1)(h) u (4)(h) tad-deċiżjoni kkontestata jiġġustifika tnaqqis fil-koeffiċjent ta’ gravità, għandu jiġi osservat li din ma tikkonċernax il-ksur uniku u kontinwu bħala tali, iżda l-grad ta’ parteċipazzjoni fih tar-rikorrenti. F’konformità mal-ġurisprudenza, dan l-annullament jista’ għalhekk jittieħed inkunsiderazzjoni bħala ċirkustanzi attenwanti pjuttost milli fl-istadju tal-iffissar tal-koeffiċjent ta’ gravità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Roca vs Il‑Kummissjoni, C‑638/13 P, EU:C:2017:53, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

441    Fir-rigward tal-ammont addizzjonali, għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-premessi 1198 sa 1212 tad-deċiżjoni kkontestata u fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 346 sa 349 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali tqis li ammont addizzjonali ta’ 16 % huwa xieraq.

442    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, peress li l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur uniku u kontinwu ma tistax tiġi legalment stabbilita fir-rigward tar-rotot intra-ŻEE u Unjoni-Svizzera, il-fatturi ta’ multiplikazzjoni msemmija fil-premessi 1214 u 1216 tad-deċiżjoni kkontestata ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa.

443    Madankollu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, fin-nuqqas ta’ dħul mill-bejgħ miksub mir-rikorrenti fuq ir-rotot intra-ŻEE u Unjoni-Svizzera u b’kunsiderazzjoni tal-metodu użat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata li jikkonsisti fl-allokazzjoni, għal kull kategorija ta’ rotot ikkonċernati, ta’ valur speċifiku tal-bejgħ ikkalkolat fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ li jsir mill-impriża fuq din il-kategorija ta’ rotot (ara l-punt 53 iktar ’il fuq), il-valur tal-bejgħ użat, rispettivament, għar-rotot intra-ŻEE u għar-rotot Unjoni-Svizzera huwa, sa fejn jirrigwarda lir-rikorrenti, żero. Għaldaqstant, il-fattur ta’ multiplikazzjoni marbut mat-tul tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur uniku u kontinwu ġie imputat, fir-rigward tar-rotot intra-ŻEE u Unjoni-Svizzera, fuq bażi ta’ żero. Għaldaqstant, il-fatt li l-Qorti Ġenerali, billi ma tiddevjax mill-metodu deskritt fid-deċiżjoni, madankollu żammet lura milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi ta’ multiplikazzjoni użati fil-premessi 1214 u 1216 tad-deċiżjoni kkontestata ma huwiex ta’ natura li jnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti. Fi kliem ieħor, bil-metodu li użat il-Kummissjoni biex tikkalkola l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, ir-rikorrenti diġà evitat fil-biċċa l-kbira tagħha l-impożizzjoni ta’ multa abbażi tar-responsabbiltà tagħha għall-ksur uniku u kontinwu sa fejn jirrigwarda r-rotot intra-ŻEE u Unjoni-Svizzera.

444    Il-fatturi ta’ multiplikazzjoni fir-rigward tar-rotot Unjoni-pajjiżi terzi u ŻEE mhux fl-Unjoni-pajjiżi terzi, li ma humiex ikkontestati, għandhom jibqgħu stabbiliti għal 1 u 9/12 u 8/12, rispettivament.

445    Għaldaqstant, l-ammont bażiku tal-multa għandu jiġi ffissat għal EUR 111 331 780.

446    Fir-rigward tat-tnaqqis ġenerali ta’ 50 %, it-talba tal-Kummissjoni li jiġi rtirat il-benefiċċju tar-rikorrenti ma tistax tintlaqa’. Kif jirriżulta mir-risposta, din it-talba tippreżupponi li l-Qorti Ġenerali tqis li d-dħul mill-bejgħ ta’ servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija deħlin ma setax jiġi inkluż fil-valur tal-bejgħ. Issa, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan fil-punt 436 iktar ’il fuq.

447    Konsegwentement, l-ammont bażiku tal-multa wara l-applikazzjoni tat-tnaqqis ġenerali ta’ 50 %, li japplika biss għall-ammont bażiku sa fejn jikkonċerna r-rotot ŻEE mhux fl-Unjoni-pajjiżi terzi (ara l-premessa 1241 tad-deċiżjoni kkontestata), li r-rikorrenti ma kkontestatx fil-kuntest tat-talbiet tagħha għal annullament u li ma huwiex inadegwat, għandu jiġi ffissat, wara arrotondament, għal EUR 55 000 000. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tqis xieraq li dan l-ammont bażiku jiġi arrotondat l-isfel għall-ewwel żewġ ċifri, sakemm dan ma jwassalx għal tnaqqis ta’ iktar minn 2 % tal-ammont qabel l-arrotondament, f’liema każ dak l-ammont jiġi arrotondat l-isfel għall-ewwel tliet ċifri. Dan il-metodu huwa oġġettiv, jippermetti lit-trasportaturi inkriminati kollha li ppreżentaw rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata jibbenefikaw minn tnaqqis u jevita l-inugwaljanza fit-trattament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, InnoLux vs Il‑Kummissjoni, T‑91/11), EU:T:2014:92, punt 166).

448    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-aġġustamenti tal-ammont bażiku tal-multa, għandu jitfakkar li r-rikorrenti bbenefikat mit-tnaqqis ġenerali ta’ 15 %, li hija tikkontesta s-suffiċjenza tiegħu kemm fil-kuntest tad-disa’ motiv invokat insostenn tat-talbiet għal annullament kif ukoll fil-kuntest tas-seba’ argument. Issa, għal raġunijiet simili għal dawk imsemmija fil-punti 382 sa 386 iktar ’il fuq, ma jistax jitqies li l-Kummissjoni ma qisitx b’mod suffiċjenti l-qafas regolatorju Ġappuniż. Min-naħa l-oħra, it-talba tal-Kummissjoni li jiġi rtirat il-benefiċċju ta’ dan it-tnaqqis ma tistax tintlaqa’, għal raġunijiet simili għal dawk esposti fil-punt 446 iktar ’il fuq.

449    Barra minn hekk, fil-premessa 1257 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li r-rikorrenti ma kellhiex rwol passiv jew minuri fil-ksur uniku u kontinwu, u li l-parteċipazzjoni tagħha f’dan tal-aħħar ma kinitx sostanzjalment limitata u, konsegwentement, irrifjutat li tagħtiha tnaqqis tal-ammont tal-multa f’dan ir-rigward. Madankollu, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni żbaljat meta imputat lir-rikorrenti r-responsabbiltà għall-ksur uniku u kontinwu sa fejn dan jirrigwarda r-rotot intra-ŻEE u Unjoni-Svizzera (punti 221 sa 223 iktar ’il fuq). Minn dan isegwi li r-rikorrenti setgħet tinżamm responsabbli għall-imsemmi ksur biss sa fejn dan jikkonċerna r-rotot Unjoni-pajjiżi terzi u r-rotot ŻEE mhux fl-Unjoni-pajjiżi terzi.

450    Għaldaqstant, il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur uniku u kontinwu kienet b’mod sinjifikattiv inqas minn dik tal-maġġoranza tat-trasportaturi l-oħra inkriminati. Il-Qorti Ġenerali tqis li n-natura limitata ta’ din il-parteċipazzjoni hija ta’ natura li tiġġustifika tnaqqis tal-ammont tal-multa ikbar minn dak li kienu bbenefikaw minnu Air Canada, Lan Cargo u SAS fil-premessa 1258 tad-deċiżjoni kkontestata, minħabba li huma “joperaw fil-periferija tal-akkordju [kontenzjuż], li kellhom numru limitat ta’ kuntatti ma’ trasportaturi oħra u li ma pparteċipawx fl-elementi kollha tal-ksur [uniku u kontinwu]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

451    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tqis li r-rikorrenti għandha tingħata tnaqqis ta’ 15 % tal-ammont tal-multa minħabba l-parteċipazzjoni limitata tagħha fil-ksur uniku u kontinwu, b’dan il-livell ta’ tnaqqis jieħu inkunsiderazzjoni l-ispeċifiċitajiet tal-każ imsemmija fil-punt 443 iktar ’il fuq.

452    Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali ma tqisx li t-tmien argument jiġġustifika l-għoti lir-rikorrenti ta’ tnaqqis addizzjonali tal-ammont tal-multa. Dan l-argument jippreżupponi li l-Qorti Ġenerali laqgħet l-għaxar motiv sa fejn jirrigwarda l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-komponent tal-ksur uniku u kontinwu marbut mar-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet. Issa, kif jirriżulta mill-punti 331 sa 354 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan il-motiv fl-intier tiegħu.

453    Bl-istess mod, għandu jiġi osservat li d-disa’ u l-għaxar argumenti jippreżupponu l-eżistenza ta’ inugwaljanza fit-trattament bejn ir-rikorrenti u trasportaturi inkriminati oħra. Issa, kif kien ikkonstatat fil-kuntest tal-eżami tat-talbiet għal annullament, l-eżistenza ta’ tali diskriminazzjoni ma ġietx stabbilita.

454    Fir-rigward tal-ħdax-il argument invokat insostenn ta’ dawn it-talbiet, ibbażat fuq diverġenza mill-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet argument simili fis-sentenza tat‑23 ta’ April 2015, LG Display u LG Display Taiwan vs Il‑Kummissjoni (C‑227/14 P, EU:C:2015:258, punt 67), minħabba li l-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma sservix bħala qafas legali applikabbli għall-multi fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni.

455    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li r-rikorrenti bbenefikat, fil-kuntest tal-klemenza, minn tnaqqis ta’ 25 %, li hija ma tikkontestax in-natura xierqa tiegħu.

456    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti għandu jiġi kkalkolat kif ġej: l-ewwel nett, l-ammont bażiku jiġi ddeterminat billi jiġi applikat, fid-dawl tal-gravità tal-ksur uniku u kontinwu, perċentwal ta’ 16 % mal-valur tal-bejgħ li sar mir-rikorrenti fl-2005 fuq ir-rotot Unjoni-pajjiżi terzi u ŻEE mhux fl-Unjoni-pajjiżi terzi, imbagħad, minħabba t-tul tal-ksur, tal-fatturi ta’ multiplikazzjoni ta’ 1 u 9/12 u 8/12, rispettivament, u fl-aħħar nett ammont addizzjonali ta’ 16 %, li jwassal għal ammont intermedju ta’ 111 331 780. Wara l-applikazzjoni tat-tnaqqis ġenerali ta’ 50 %, dan l-ammont, arrotondat, gġandu jkun ta’ EUR 55 000 000. Sussegwentement, wara l-applikazzjoni tat-tnaqqis ġenerali ta’ 15 % u ta’ tnaqqis supplimentari ta’ 15 % minħabba l-parteċipazzjoni limitata tar-rikorrenti fil-ksur uniku u kontinwu, dan l-ammont għandu jiġi ffissat għal EUR 38 500 000. Fl-aħħar nett, dan l-ammont għandu jitnaqqas b’25 % għall-klemenza, li jwassal għal multa b’ammont finali ta’ EUR 28 875 000.

IV.    Fuq l-ispejjeż

457    Skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher ġustifikat, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

458    F’dan il-każ, ir-rikorrenti rnexxiet f’parti sostanzjali tat-talbiet tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ikun ġust jekk jiġi deċiż li r-rikorrenti għandha tbati terz tal-ispejjeż tagħha u li l-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha u żewġ terzi tal-ispejjeż tar-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 1(1)(h) u (4)(h) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 1742 finali tas-17 ta’ Marzu 2017 li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-TFUE, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-Trasport bl-Ajru (Każ AT.39258 – Trasport bl-ajru) huwa annullat.

2)      L-ammont tal-multa imposta fuq Japan Airlines Co. Ltd, fl-Artikolu 3(h) tal-imsemmija deċiżjoni, huwa stabbilit għal EUR 28 875 000.

3)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

4)      Japan Airlines għandha tbati terz mill-ispejjeż rispettivi tagħha.

5)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha u żewġ terzi tal-ispejjeż ta’ Japan Airlines.

Kanninen

Schwarcz

Iliopoulos

Spielmann

 

      Reine

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑30 ta’ Marzu 2022..

Firem


Werrej



*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.