Language of document : ECLI:EU:T:2011:664

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

15 ta’ Novembru 2011

Kawża T-58/11 P

Michel Nolin

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Servizz pubbliku — Uffiċjali — Promozzjoni — Tħassir tal-punti ta’ mertu u ta’ prijorità wara promozzjoni bbażata fuq l-Artikolu 29 tar-Regolamenti tal-Persunal — Bażi legali — Kompetenza tal-awtur tal-att — Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni”

Suġġett:      Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tielet Awla) tal-1 ta’ Diċembru 2010, Nolin vs Il‑Kummissjoni, (F‑82/09), u intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni:      L-appell huwa miċħud. M. Nolin għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ din l-istanza.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Promozzjoni — Proċedura — Punti ta’ mertu u ta’ prijorità — Numru korrispondenti għal-limitu ta’ promozzjoni — Tnaqqis tal-ammont totali ta’ punti akkumulati minn uffiċjal li ħa promozzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 29 u 45)

2.      Uffiċjali — Awtorità tal-Ħatra — Setgħat — Eżerċizzju — Tqassim ta’ każijiet — Derogi — Suddelegazzjoni — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 2)

1.      Il-kunċett ta’ promozzjoni espost fl-Artikolu 29(1)(a)(iii) tar-Regolamenti tal-Persunal għandu jiġi interpretat fid-dawl tad-definizzjoni tiegħu prevista fl-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal u, għaldaqstant, għandu jkun koerenti mad-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni adottati abbażi tiegħu. Fil-fatt, l-eżami tal-kandidaturi għall-promozzjoni skont l-Artikolu 29(1)(a) tar-Regolamenti tal-Persunal għandu jitwettaq b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, u dan neċessarjament jinkludi l-Artikolu 2(3) tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal adottati mill-Kummissjoni fl-2004, li jipprovdi espliċitament li, wara promozzjoni, in-numru ta’ punti korrispondenti għal-limitu ta’ promozzjoni għandu jitnaqqas mill-ammont totali ta’ punti akkumulati mill-uffiċjal promoss.

Li kieku kien mod ieħor, l-uffiċjali promossi abbażi tal-Artikolu 29 tar-Regolamenti tal-Persunal ikunu jistgħu jużaw, għall-finijiet ta’ promozzjoni ġdida, numru kunsiderevoli ta’ punti ta’ mertu u ta’ prijorità miksuba fi grad inferjuri, u dan ikun imur kontra l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprovdi li fil-kuntest tal-promozzjoni ta’ uffiċjal, il-paragun tal-merti tiegħu għandu jsir b’kuntrast ma’ dawk tal-kollegi tiegħu fl-istess grad. Barra minn hekk, il-probabbiltà tal-imsemmija uffiċjali li jiġu rapidament promossi mill-ġdid tkun ikbar minn dik tal-kollegi tagħhom li jkunu ġew promossi esklużivament abbażi tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, u dan imur kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, ikkonfermat mill-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(ara l-punti 36 u 37)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il‑Kummissjoni et, C‑550/07 P, Ġabra p. I‑8301, punt 54

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 26 ta’ Ottubru 1993, Weissenfels vs Il‑Parlament, T‑22/92, Ġabra p. II‑1095, punt 66; 30 ta’ Settembru 2003, Kenny vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, T‑302/02, Ġabra p. I‑A‑235 u II‑1137, punt 56

2.      Suddelegazzjoni jew deroga mill-kriterji ta’ tqassim tas-setgħat mogħtija permezz tar‑Regolamenti tal-Persunal lill-Awtorità tal-Ħatra tista’ tinvalida att tal‑amministrazzjoni biss jekk tali suddelegazzjoni jew deroga tista’ tkun ta’ preġudizzju għall-waħda mill-garanzija mogħtija lill-uffiċjali mir-Regolamenti tal-Persunal jew għar-regoli ta’ amministrazzjoni tajba fil-qasam tal-amministrazzjoni tal‑persunal. Fil‑fatt, deċiżjoni tal-Kummissjoni meħuda skont l-Artikolu 2 tar‑Regolamenti tal‑Persunal timplika tqassim ta’ każijiet fi ħdan id‑dipartimenti tal‑Kummissjoni, iktar milli tqassim riġidu li n-nuqqas ta’ osservazzjoni tiegħu huwa ssanzjonat bl-invalidità tal-atti mwettqa barra mill‑qafas deskritt.

(ara l-punt 49)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 15 ta’ Settembru 1998, De Persio vs Il‑Kummissjoni, T‑23/96, ĠabraSP p. I‑A‑483 u II‑1413, punt 111; 5 ta’ Ottubru 2009, de Brito Sequeira Carvalho vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs de Brito Segueira Carvalho, T‑40/07 P u T‑62/07 P, ĠabraSP p. I‑B‑1‑89 u II‑B‑1‑551, punt 155