Language of document :

Rikors ippreżentat fil-25 ta' Jannar 2011 - SAS Cargo Group A/S et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-56/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: SAS Cargo Group A/S (Kastrup, id-Danimarka), Scandinavian Airlines System Denmark-Norway-Sweden (Stockholm, l-Isvezja), u SAS AB (Stockholm, l-Isvezja) (rappreżentanti: M. Kofmann, B. Creve, avukati, I. Forrester, QC, J. Killick u G. Forwood, Barristers)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni, kompletament jew parzjalment,

tiddikjara li r-rikorrenti ma humiex responsabbli għall-ksur uniku, kontinwu u kumpless ta' dimensjoni internazzjonali deskritt fid-deċiżjoni kkontestata u, jekk ikun neċessarju, tannulla d-deċiżjoni sa fejn tikkunsidra lir-rikorrenti responsabbli,

barra minn hekk, jew sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa,

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż, u

tordna kull miżura oħra li l-Qorti Ġenerali jidhrilha xierqa fiċ-ċirkustanzi tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Rikors għall-annullament tad-Deċiżjoni C(2010) 7694 finali - Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Novembru 2010 dwar proċediment skont l-Artikolu 101 TFUE (Każ COMP/39.258) - Ġarr tal-merkanzija bl-ajru li jikkonċerna l-koordinazzjoni ta' ċerti elementi tal-prezz li għandhom jitħallsu għas-servizzi ta' ġarr tal-merkanzija bl-ajru marbuta mas-surcharge tal-fjuwil, mas-surcharge tas-sigurtà kif ukoll mal-ħlas ta' kummissjoni fuq is-surcharges lit-trasportaturi tal-merkanzija.

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw sitt motivi:

1.    L-ewwel motiv: id-deċiżjoni kkontestata tikser il-forom proċedurali sostanzjali, kif ukoll id-dritt tar-rikorrenti għal amministrazzjoni tajba, id-drittijiet tagħhom ta' difiża u l-prinċipju ġenerali ta' opportunitajiet ugwali għall-partijiet, billi tiċħad lir-rikorrenti l-aċċess għall-provi rilevanti, kemm dawk li jakkużaw kif ukoll dawk li jiskaġunaw, li l-Kummissjoni rċiviet wara n-notifika tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, u madankollu l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, bbażat ruħha fuq il-provi li jakkużaw.

2.    It-tieni motiv: ir-rikorrenti jinvokaw eċċezzjoni ta' inkompetenza sa fejn id-deċiżjoni tapplika l-Artikoli 101 TFUE/53 ŻEE għas-servizzi ta' ġarr tal-merkanzija bl-ajru ġewwa ż-ŻEE meta ġie applikat il-kriterju tal-effett meta dan ma huwiex rilevanti għall-applikazzjoni rationae loci tal-Artikoli 101 TFUE/53 ŻEE, u li hi tapplika, b'mod żbaljat, il-kriterju ta' implementazzjoni fir-rigward ta' bejgħ li sar barra miż-ŻEE.

3.    It-tielet motiv: il-Kummissjoni wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tal-imġiba li fiha r-rikorrenti kienu involuti u wkoll fil-konklużjoni tagħha li din l-imġiba tagħti prova tal-parteċipazzjoni tagħhom fi ksur uniku u kontinwu ta' dimensjoni internazzjonali jew l-għarfien tagħhom ta' dan il-ksur; barra minn hekk, ċerti okkorrenzi ta' mġiba invokati ma jikkostitwixxix ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni applikabbli.

4.    Ir-raba' motiv: ir-rikorrenti jsostnu li l-ammont tal-multa ma huwiex iġġustifikat u huwa sproporzjonat jekk wieħed jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li r-rikorrenti ma kinux involuti fi ksur uniku u kontinwu ta' dimensjoni internazzjonali kif ukoll tal-elementi rilevanti (inklużi ċ-ċirkustanzi attenwanti) li kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-ammont ta' kwalunkwe multa imposta fuq ir-rikorrenti.

5.    Il-ħames motiv: ir-rikorrenti jsostnu li saru proċedimenti arbitrarji u selettivi fil-konfront tagħhom, filwaqt li fil-konfront ta' 72 trasportatur ieħor li, skont id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ipparteċipaw f'laqgħat jew f'diskussjonijiet allegatament illegali, ma nbdew ebda proċedimenti. Din tqajjem kwistjonijiet serji fid-dawl tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

6.    Is-sitt motiv: ir-rikorrenti jinvokaw ksur tad-dritt tagħhom ta' smigħ minn qorti indipendenti u imparzjali kif stabbilit fl-Artikolu 47(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea sa fejn id-deċiżjoni ttieħdet minn awtorità amministrattiva li għandha simultanjament is-setgħa li tinvestiga u dik li tissanzjona.

____________