Language of document :

Rikors ippreżentat fis-27 ta' Jannar 2010 - Castelnou Energía vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-57/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Castelnou Energía, SL (Madrid, Spanja) (rappreżentant: E. Garayar, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara r-rikors għal annullament ammissibbli;

tannulla d-deċiżjoni kkontestata skont l-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE)

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea tbati l-ispejjeż inkorsi minn Castelnou Energía S.L. f'din il-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors għal annullament tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tmien motivi:

l-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 108(2) TFUE u tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), sa fejn l-adozzjoni tad-deċiżjoni ma ġietx preċeduta mill-ftuħ ta' investigazzjoni formali, minkejja l-eżistenza ta' dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħha;

it-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 106(2) TFUE, tal-Artikolu 107 TFUE meħud flimkien mal-Artikolu 108(2) TFUE u tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 659/1999, sa fejn il-Kumissjoni wettqet analiżi mhux kompluta tal-miżura minħabba li naqset milli tanalizzza l-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni kollha kemm hi, peress li din tal-aħħar tikkonsisti fi tliet elementi distinti (jiġifieri l-kumpens finanzjarju mħallas lill-produtturi tal-elettriku, il-mekkaniżmu tad-dħul preferenzali u l-obbligu ta' xiri ta' faħam lokali);

it-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni stabbilit fl-Artikolu 296 TFUE, peress li l-Kummissjoni ma spjegatx ir-raġunijiet li wassluha sabiex ma tanalizzax il-kompatibbiltà tal-elementi kollha tal-miżura;

ir-raba' motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ġenerali tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba li għandhom jirregolaw il-proċedura amministrattiva, peress li Castelnou kienet imċaħħda mill-possibbiltà li tippreżenta l-argumenti tagħha fil-kuntest tal-proċedura ta' investigazzjoni formali li l-Kumissjoni kellha tibda;

il-ħames motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 106(2) TFUE, fuq il-Qafas Komunitarju għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta' kumpens tas-servizz pubbliku (ĠU C 297, p. 4), u tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta'Ġunju 2003, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 211), fid-dawl tal-fatt li (i) il-miżura ma hijiex iġġustifikata minn riskju dwar il-provvista tal-elettriku li jiddetermina, kif il-Kummissjoni tallega, il-ħtieġa ta' servizz ta' interess ekonomiku ġenerali u (ii) anki li kieku jeżisti riskju għall-provvista tal-elettriku (quod non), il-miżura hija fi kwalunkwe każ sproporzjonata meta mqabbla mal-għan li tiġi żgurata l-provivista tal-elettriku u għaldaqstant, hija illegali;

is-sitt motiv tar-rikors huwa bbażat fuq abbuż ta' poter mill-Kummissjoni peress li, anki meta jeżistu indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti li juru li l-miżura ma hijiex iddestinata li tiżgura l-provvista tal-elettriku, iżda sabiex issostni l-industrija tal-minjieri, il-Kummissjoni bbażat id-deċiżjoni tagħha ta' kompatibbiltà tal-miżura fuq motiv li hija kienet taf li ma kienx minnu, u li għaldaqstant adottat deċiżjoni għal motivi oħra għajr dawk imressqa;

is-seba' motiv huwa bbażat fuq l-illegalità tad-deċiżjoni, peress li l-adozzjoni tagħha timplika ksur min-naħa tal-Kummissjoni tad-dispożizzjonijiet tat-TFUE li jiggarantixxu l-moviment liberu tal-merkanzija (Artikoli 28 u 34 TFUE) kif ukoll il-libertà ta' stabbiliment (Artikolu 49 TFUE);

It-tmien motiv huwa bbażat fuq żball ta' liġi imwettaq mill-Kummissjoni, minħabba li l-approvazzjoni tal-miżura tikser ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju mill-Unjoni, jiġifieri: id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta' Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631), kif emendata bid-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta' April 2009 (ĠU L 140, p. 63); id-Direttiva 2005/89/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta' Jannar 2006, dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà fil-provvista tal-elettriku u tal-investiment fl-infrastruttura (ĠU L 33, p. 22); u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1407/2002, tat-23 ta' Lulju 2002, dwar għajnuna mill-Istat lill-industrija tal-faħam (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 170).

____________