Language of document : ECLI:EU:T:2019:377

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

6 ta’ Ġunju 2019 (*)

“Disinn Komunitarju – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Disinn Komunitarju rreġistrat li jirrappreżenta vettura bil-mutur – Disinn Komunitarju preċedenti – Raġuni ta’ invalidità – Assenza ta’ karattru individwali – Artikolu 6 u Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002”

Fil-Kawża T‑209/18,

Dr. Ing. h.c. F. Porsche AG, stabbilita fi Stuttgart (il-Ġermanja), irrappreżentata minn C. Klawitter, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn S. Hanne, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Autec AG, stabbilita fi Nuremberg (il-Ġermanja), irrappreżentata minn M. Krogmann, avukat,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO tad‑19 ta’ Jannar 2018 (Każ R 945/2016-3), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Autec AG u Dr. Ing. h.c. F. Porsche AG,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn S. Frimodt Nielsen, President, N. Półtorak u E. Perillo (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: R. Ūkelytė, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑22 ta’ Marzu 2018,

wara li rat ir-risposta tal-EUIPO ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑13 ta’ Lulju 2018,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑4 ta’ Lulju 2018,

wara li rat id-deċiżjoni tas‑7 ta’ Awwissu 2018 li rrifjutat li tiddaħħal fil-proċess l-ittra tar-rikorrenti tat‑23 ta’ Lulju 2018,

wara li rat id-deċiżjoni tat‑23 ta’ Awwissu 2018 li rrifjutat li tiddaħħal fil-proċess l-ittra tar-rikorrenti tat‑13 ta’ Awwissu 2018,

wara li rat id-deċiżjoni tal‑20 ta’ Settembru 2018 li rrifjutat li jingħaqdu l-Kawżi T‑43/18, T‑191/18, T‑192/18, T‑209/18 u T‑210/18,

wara li rat il-ħatra ta’ mħallef ieħor biex jikkompleta l-awla wara l-impediment ta’ wieħed mill-membri tagħha,

wara li rat id-deċiżjoni tal‑14 ta’ Jannar 2019 li ċaħdet li jingħaqdu l-Kawżi T‑209/18 u T‑210/18 għall-finijiet tal-fażi orali tal-kawża,

wara s-seduta tat‑12 ta’ Frar 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl‑20 ta’ Awwissu 2010, ir-rikorrenti, Dr. Ing. h.c. F. Porsche AG, ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ disinn Komunitarju lill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), bis-saħħa tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat‑12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142).

2        Id-disinn Komunitarju li ntalbet ir-reġistrazzjoni tiegħu huwa rrappreżentat kif ġej (iktar ’il quddiem id-“disinn ikkontestat” jew id-“disinn tas-serje 991 tal-karozza ‘Porsche 911’”):

Image not foundImage not found

Image not foundImage not foundImage not found

/Image not found

3        Il-prodotti li għalihom huwa maħsub li jiġi applikat id-disinn ikkontestat jaqgħu fil-klassi 12.08 fit-tifsira tal-Ftehim ta’ Locarno li jistabbilixxi klassifikazzjoni internazzjonali għad-Disinji Industrijali tat‑8 ta’ Ottubru 1968, kif emendat, u jikkorrispondu mad-deskrizzjoni kif ġej: “Vetturi bil-mutur”.

4        Id-disinn ikkontestat kien ġie ppubblikat fil-Bullettin tad-Disinni Komunitarji Nru 2010/2006 tas‑6 ta’ Settembru 2010, bid-data ta’ prijorità tas‑27 ta’ April 2010, u x-xbihat ta’ dak id-disinn ġew ippubblikati fil-Bullettin tad-Disinni Komunitarji Nru 2012/172 tas‑7 ta’ Settembru 2012.

5        Fit‑8 ta’ Lulju 2014, l-intervenjenti, Autec AG, ressqet quddiem il-EUIPO talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-disinn ikkontestat. Din it-talba saret abbażi tal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, flimkien mal-Artikolu 4(1) u l-Artikoli 5 u 6 tal-istess regolament.

6        Essenzjalment, l-intervenjenti qieset li d-disinn tas-serje 991 tal-karozza “Porsche 911” la kien ġdid u lanqas ma kellu karattru individwali, li kien jipprekludi l-protezzjoni tiegħu. Insostenn għat-talba tagħha, hija sostniet essenzjalment li d-disinn ikkontestat ma kienx differenti b’mod sinjifikattiv mid-disinni l-oħra tal-karozza “Porsche 911” imqiegħda fis-suq mill-verżjoni oriġinali tal-1963.

7        F’dan ir-rigward, l-intervenjenti invokat, b’mod partikolari, id-disinni Komunitarji li ġejjin:

–        id-disinn Komunitarju Nru 735428-0001 (iktar ’il quddiem “id-disinn preċedenti” jew “id-disinn tas-serje 997 tal-vettura ‘Porsche 911’”), irreġistrat għal “vetturi bil-mutur” u ppubblikat fit-23 ta’ Ġunju 2008, li hija riprodotta kif ġej:

//Image not found

/Image not found

/Image not found

–        id-disinn Komunitarju Nru 633748-0001, irreġistrat għal “karozzi” u ppubblikat fid-9 ta’ Jannar 2007, li huwa riprodott kif ġej:

/Image not found

//Image not found

/Image not found

8        L-intervenjenti annettiet ukoll mat-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità diversi artikoli tal-istampa dwar id-disinn tal-karozza “Porsche 911”.

9        Permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Mejju 2016, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-EUIPO laqgħet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u ddikjarat invalidu d-disinn ikkontestat minħabba l-assenza ta’ karattru individwali.

10      Fit-23 ta’ Mejju 2016, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-EUIPO, skont l-Artikoli 55 sa 60 tar-Regolament Nru 6/2002, mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

11      Permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Jannar 2018 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad l-appell minħabba l-assenza ta’ karattru individwali skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 6/2002.

12      L-ewwel nett, il-Bord tal-Appell qies li, fil-każ ta’ karozzi, il-libertà tal-kreatur kienet limitata mill-karatteristiċi tekniċi tal-prodott inkwistjoni, bħal dawk li jkollhom karozzerija u roti, kif ukoll minn regoli legali, b’mod partikolari dawk dwar is-sigurtà fit-toroq, bħal, pereżempju li jkun hemm fanali, mirja jħarsu lura u dwal ta’ wara.

13      Dan il-bord imbagħad qies li, fir-rigward tat-tfassil ta’ tali karatteristiċi imposti mill-funzjoni teknika jew mid-dispożizzjonijiet legali, il-libertà tal-kreatur, min-naħa l-oħra, ma kienet, bħala tali, suġġetta għal ebda restrizzjoni. Huwa ddikjara wkoll li l-utent tal-prodotti inkwistjoni kien l-utent avżat dwar karozzi b’mod ġenerali, jiġifieri persuna li saqet, użat u kienet taf bid-disinni ta’ karozzi disponibbli fis-suq.

14      F’dan il-kuntest, il-Bord tal-Appell ikkonstata li d-disinni kunfliġġenti kienu fl-aħħar mill-aħħar jikkoinċidu mal-karatteristiċi essenzjali tagħhom, bħall-forma jew is-silwett tal-karozzerija tagħhom, il-bibien u t-twieqi tagħhom.

15      Il-Bord tal-Appell b’hekk ikkonkluda li l-eżistenza tad-disinn tas-serje 997 tal-karozza “Porsche 911” kienet biżżejjed sabiex tipprekludi l-karattru individwali tad-disinn tas-serje 991 ta’ din l-istess karozza u li għaldaqstant ma kienx meħtieġ li jsir l-eżami tad-disinn Komunitarju Nru 633748-0001, invokat mill-intervenjenti, u lanqas li tiġi ddubitata n-novità tad-disinn ikkontestat.

 It-talbiet tal-partijiet

16      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tiċħad it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità “tad-disinn […] Nru 198387-0001”.

17      L-EUIPO u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Fid-dritt

18      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti essenzjalment tinvoka motiv uniku, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, flimkien mal-Artikoli 5 u 6 tal-istess regolament.

19      F’dan il-kuntest, hija ssostni, essenzjalment, li l-impressjoni globali li d-disinn ikkontestat jipproduċi fuq l-utent avżat ta’ dan it-tip ta’ karozza hija differenti minn dik prodotta mid-disinn preċedenti invokat mill-intervenjenti inkwistjoni insostenn tat-talba tagħha għal invalidità. Fil-fatt, iż-żewġ disinni kunfliġġenti jvarjaw fid-“dehra esterna” tagħhom b’mod “konsiderevoli” u “tant ovvju” li l-Bord tal-Appell ma setax, mingħajr ma jwettaq żball ta’ evalwazzjoni, iqis li d-disinn ikkontestat kien nieqes minn karattru individwali.

20      Ladarba dan il-motiv nġabar fil-qosor għandu jitfakkar, bis-saħħa tal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, li disinn Komunitarju jiġi ddikjarat invalidu jekk ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 9 ta’ dan l-istess regolament.

21      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 6/2002 jispeċifika li l-protezzjoni ta’ disinn Komunitarju ma huwiex żgurat salv sa fejn u sakemm ikun ġdid u jkollu karattru individwali.

 Fuq l-ewwel parti tal-uniku motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, flimkien mal-Artikolu 6 tal-istess regolament

22      Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002 jirriżulta li l-karattru individwali ta’ disinn irreġistrat għandu jiġi evalwat, l-ewwel nett, fid-dawl tal-impressjoni globali prodotta fuq l-utent avżat ikkonċernat (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2013, Merlin et vs UASI – Dusyma (Logħob), T‑231/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:560, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). Din l-impressjoni globali prodotta fuq l-utent avżat għandha tkun ukoll differenti minn dik prodotta minn kull disinn żvelat lill-pubbliku qabel id-data tat-tressiq tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jew, jekk ikun hemm talba għal prijorità, qabel id-data ta’ din il-prijorità.

23      Barra minn hekk, l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 6/2002 jippreċiża li għandu jitqies, fl-evalwazzjoni tal-karattru individwali kkonċernat, il-grad ta’ libertà tal-kreatur fit-tfassil tad-disinn inkwistjoni.

24      Wara li tfakkru dawn il-kundizzjonijiet legali, għandu jiġi rrilevat li l-ġurisprudenza rilevanti tispeċifika, f’dan ir-rigward, li l-karattru individwali ta’ disinn għandu jirriżulta minn impressjoni globali, mill-perspettiva tal-utent avżat, tad-differenza, jew assenza ta’ “déjà vu”, imqabbel ma’ kwalunkwe disinn preċedenti. F’din il-perspettiva, id-differenzi li ma humiex immarkati biżżejjed sabiex jaffettwaw din l-impressjoni globali ma jistgħux jiġu kkunsidrati, huma biss id-differenzi mmarkati biżżejjed sabiex joħolqu impressjonijiet ġenerali dissimili li jistgħu jkunu deċiżivi (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2013, Budziewska vs UASI –– Puma (Felin jaqbeż), T‑666/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:584, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      Fid-dawl tal-kriterji msemmija iktar ’il fuq, huwa għalhekk neċessarju li jiġi eżaminat jekk, mill-perspettiva tal-utent infurmat u meta jitqies il-grad ta’ libertà li l-kreatur tad-disinn jista’ jkollu f’din il-kawża, l-impressjoni globali prodotta mid-disinn ikkontestat hija differenti minn dik prodotta mid-disinn preċedenti.

 Fuq l-utent avżat

26      Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ utent avżat, hemm lok l-ewwel nett li jiġi kkunsidrat li l-kwalità ta’ “utent avżat” timplika li l-persuna kkonċernata tuża l-prodott li fih huwa inkorporat id-disinn, konformement mal-għan li għalih l-istess prodott huwa intiż. Il-kwalifika “avżat” tissuġġerixxi wkoll li, għalkemm ma huwiex neċessarjament espert tekniku, l-utent inkwistjoni jaf bid-disinni differenti li jeżistu fis-settur ikkonċernat, għandu ċertu livell ta’ għarfien dwar l-elementi li dawn id-disinni normalment ikollhom u, bil-fatt tal-interess tiegħu fil-prodotti kkonċernati, juri grad relattivament għoli ta’ attenzjoni meta juża dawn il-prodotti (sentenzi tal‑20 ta’ Ottubru 2011, PepsiCo vs Grupo Promer Mon Graphic, C‑281/10 P, EU:C:2011:679, punt 59, u tat‑28 ta’ Settembru 2017, Rühland vs EUIPO – disinn 8 staġuni (Lampa f’forma ta’ stilla), T‑779/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:674, punt 19).

27      Il-kunċett ta’ utent avżat għandu jinftiehem bħala kunċett intermedju bejn dak ta’ konsumatur medju, applikabbli fil-qasam tat-trade marks, fejn l-ebda għarfien speċifiku ma huwa mitlub mill-konsumatur u li ġeneralment ma jagħmilx paragun dirett bejn it-trade marks kunfliġġenti, u dak ta’ bniedem tas-sengħa, jiġifieri espert li għandu ċerti kompetenzi tekniċi. Għalhekk, il-kunċett ta’ utent avżat jista’ jinftiehem li jindika utent li għandu mhux attenzjoni medja imma viġilanza partikolari fir-rigward tal-prodotti kkonċernati, sewwa jekk din ġejja mill-esperjenza personali tiegħu jew mill-għarfien estiż tiegħu tas-settur ikkunsidrat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2011, PepsiCo vs Grupo Promer Mon Graphic, C‑281/10 P, EU:C:2011:679, punt 53).

28      F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell qies, fil-punti 19 sa 21 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-utent avżat tal-prodotti kkonċernati mid-disinni kunfliġġenti ma kienx l-utent tal-karozza “Porsche 911” imma dak tal-karozzi inġenerali, li kien jaf bid-disinni disponibbli fis-suq u wera livell ta’ attenzjoni u interess kbir. Barra minn hekk, l-għarfien tiegħu tas-suq relevanti kien jippermetti lil tali utent avżat li jkun jaf, b’mod ġenerali, li l-manifatturi tal-karozzi ma kinux qed jiddisinjaw disinni ġodda l-ħin kollu, imma kienu kuntenti, minħabba l-ispiża għolja tat-tfassil, li jimmodernizzaw, għall-inqas fil-bidu, id-disinni eżistenti.

29      Sabiex tiġi kkontestata l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell, ir-rikorrenti sostniet, madankollu, kemm fir-rikors kif ukoll waqt is-seduta, li fil-kawża preżenti l-utent avżat kien wera grad ta’ attenzjoni ogħla minn dik ikkunsidrat mill-Bord tal-Appell u kellu għarfien superjuri mill-medja li jwassluh li jkun partikolarment attent għall-varjanti differenti ta’ disinni tal-karozza “Porsche 911”.

30      Dan ikun il-każ għaliex l-interess tal-utent fil-vetturi li għalihom huma intenzjonati li jiġu applikati d-disinni kunfliġġenti u l-għarfien li huwa jkollu dwar is-settur kummerċjali kkonċernat ikun partikolarment importanti kieku kien dwar “limousines” jew “karozzi sportivi għaljin”, li huwa preċiżament il-każ, f’din il-kawża, tad-disinn tal-karozza “Porsche 911”, li ilu preżenti fis-suq għal għexieren ta’ snin. Għaldaqstant, l-utent avżat, kuntrarjament għal dak li qies il-Bord tal-Appell, ma jistax ikun “persuna fittizja” jew suġġett indeterminat imma għandu jkun identifikat “b’mod empiriku fir-rigward tal-prodott konkretament inkwistjoni”.

31      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

32      Ladarba l-ilmenti mqajma mir-rikorrenti nġabru fil-qosor, għandu l-ewwel nett jiġi rrilevat li, f’diversi okkażjonijiet, ir-rikorrenti sostniet li l-prodotti li għalihom jirreferu d-disinni kunfliġġenti huma limitati għal “karozzi sportivi” jew “limousines” biss, jew anki l-unika karozza “Porsche 911”, u mhux, kif ried iqisha l-Bord tal-Appell, il-“karozzi” b’mod ġenerali jew il-“vetturi bil-mutur”.

33      F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jitfakkar, madankollu, li sabiex jiġu ddeterminati l-prodotti li għalihom huwa maħsub li jiġi inkorporat jew applikat disinn, huwa fl-ewwel lok neċessarju li titqies l-indikazzjoni rilevanti li tinsab fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni (sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2017, Chanel vs EUIPO – Jing Zhou u Golden Rose 999 (Ornament), T‑57/16, EU:T:2017:517, punt 41).

34      Fit-tieni lok, għandu jitqies ukoll, jekk ikun il-każ, id-disinn innifsu, sa fejn jippermetti li n-natura, l-iskop jew il-funzjoni tal-prodott ikunu speċifikati. Tali teħid inkunsiderazzjoni jista’, fil-fatt, jagħmilha possibbli li jiġi identifikat il-prodott ikkonċernat f’kategorija usa’ ta’ prodotti, bħal dik indikata waqt ir-reġistrazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2010, Grupo Promer Mon Graphic vs UASI – PepsiCo (Rappreżentazzjoni ta’ oġġetti promozzjonali ċirkulari), T‑9/07, EU:T:2010:96, punt 56).

35      Issa, għalkemm huwa paċifiku bejn il-partijiet li d-disinn ikkontestat huwa intiż li jkun applikat għal vetturi bil-mutur, is-sempliċi klassifikazzjoni ta’ “karozzi sportivi” jew ta’ “limousines” mogħtija mir-rikorrenti lill-prodotti li għalihom huwa maħsub li d-disinn ikkontestat jiġi applikat, ma huwiex biżżejjed, fin-nuqqas ta’ dawn id-dettalji, sabiex jiġi stabbilit li tali disinn, li jirrappreżenta dan tas-serje 991 tal-“Porsche 911” jippermetti li tiġi identifikata kategorija partikolari ta’ karozzi billi dawn il-vetturi jkunu differernti minn karozzi inġenerali min-natura tagħhom, l-iskop tagħhom kif ukoll il-funzjoni tagħhom.

36      Fil-fatt, minn naħa, tali kategorija speċifika ma teżistix fil-klassifikazzjoni Internazzjonali kurrenti għad-disinni industrijali (ara l-punt 3 iktar ’il fuq) u, min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti nnifisha għandha tapplika għal u tikseb ir-reġistrazzjoni tad-disinn ikkontestat għall-prodotti tal-Klassi 12.08 u li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “Karozzi, karozzi tal-linja u trakkijiet”.

37      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma tistax tilmenta iktar utilment li l-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-kunċett ta’ utent avżat jirreferi għal “persuna fittizja”, peress li tali kunċett ġuridiku, maħluq preċiżament għall-analiżi tal-karattru individwali ta’ disinn skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002 jista’ jiġi ddefinit f’termini ġenerali biss, bħala riferiment għal persuna li għandha kwalitajiet standard, u mhux fuq bażi ta’ każ b’każ fir-rigward ta’ dan jew dak id-disinn (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2013, Felin jaqbeż, T‑666/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:584, punt 32).

38      F’dan ir-rigward, sabiex jiċħad l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq l-assenza ta’ analiżi konkreta tal-utent avżat (ara l-punt 30 iktar ’il fuq), il-Bord tal-Appell llimita ruħu ċertament għad-definizzjoni mogħtija mill-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq, mingħajr ma b’hekk spjega kif il-fatt li ċerti disinni kienu ilhom fis-suq għal għexieren ta’ snin ma kienx jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-utent ta’ tali disinni, bħal fil-każ tal-karozza “Porsche 911”, juri attenzjoni partikolari u jkollu, kif tenfasizza r-rikorrenti, għarfien aqwa mill-medja.

39      Madankollu, ċirkustanza bħal din ma tistax tivvizzja, minħabba inadegwatezza tal-motivazzjoni, id-deċiżjoni kkontestata, peress li l-Bord tal-Appell iddikjara preċiżament fil-punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata li, skont il-ġurisprudenza diġà msemmija, kien neċessarju li f’dan il-każ titqies il-kategorija tal-prodotti u mhux il-prodott konkretament ikkonċernat, hekk li ma kienx hemm lok sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-utent avżat ta’ karozza “Porsche 911”, imma dak tal-karozzi b’mod ġenerali.

40      Issa għalkemm ir-rikorrenti ma taqbilx ma’ analiżi bħal din, jibqa’ l-fatt li, fuq dan il-punt, ir-raġunament tal-Bord tal-Appell huwa ppreżentat b’mod ċar u inekwivoku b’tali mod li jippermetti lir-rikorrenti tkun taf, b’mod suffiċjenti fid-dritt, il-ġustifikazzjonijiet għall-miżura meħuda.

41      Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell seta’ wkoll, mingħajr żball ta’ liġi jew ta’ proċedura, jinjora, fl-evalwazzjoni tiegħu tal-kunċett ta’ utent avżat tal-prodotti li għalihom kienu maħsuba d-disinni kunfliġġenti, stħarriġ ta’ opinjoni magħmul fost il-pubbliku ta’ karozzi sportivi, sakemm ir-rikorrenti fil-fatt kellha l-intenzjoni li tuża l-istħarriġ insostenn tal-argument tagħha. Fi kwalunkwe każ, fl-ipoteżi li r-rikorrenti kien fi ħsiebha tilmenta li l-Bord tal-Appell ma wettaqx stħarriġ bħal dan, ilment bħal dan ma jkunx relevanti, minħabba li l-attenzjoni tal-utent medju, iddefinita b’mod ġenerali, ma setgħetx tiġi vverifikata b’mod empiriku.

42      Barra minn hekk, anki kieku r-rikorrenti kienet beħsiebha tibbaża ruħha fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha talli ma setgħetx “tipproduċi l-prova kuntrarja”, is-sempliċi riferiment fir-rikors għal “stħarriġ ta’ opinjoni” kif ukoll għal artikli ta’ ġurnali relatati mal-“GOLF VIII”, evidentement ma humiex biżżejjed sabiex jistabbilixxu l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti li l-livell ta’ attenzjoni u għarfien tal-utent avżat tal-karozzi sportivi tkun ogħla minn dik murija minn utent ta’ karozzi inġenerali, bir-rikorrenti sempliċement tiddikjara f’dan ir-rigward li l-karozza “Porsche 911” tkun “evidentement” is-suġġett ta’ attenzjoni “konsiderevolment ikbar” mill-“vetturi normali” li ma għandhom l-ebda karatteristiċi partikolari u jkunu “bejn wieħed u ieħor interkambjabbli”.

43      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, l-ilment ibbażat fuq li l-Bord tal-Appell wettaq żbalji meta ddefinixxa l-kunċett ta’ utent avżat għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud.

 Fuq il-libertà tal-kreatur

44      Mill-ġurisprudenza applikabbli jirriżulta li l-grad ta’ libertà tal-kreatur huwa ddefinit, b’mod partikolari, mir-restrizzjonijiet marbuta mal-karatteristiċi imposti mill-funzjoni teknika tal-prodott inkwistjoni jew mir-rekwiżiti legali applikabbli għal dak il-prodott. Fil-fatt dawn ir-restrizzjonijiet iwasslu, saħansitra jobbligaw, għal tip ta’ standardizzazzjoni ta’ ċerti komponenti tal-prodotti inkwistjoni, li mbagħad isiru komuni, anki inevitabbli, għal diversi disinni applikati għall-prodott ikkonċernat (sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, H&M Hennes & Mauritz vs UASI – Yves Saint Laurent (Basktijiet tal-idejn), T‑525/13, EU:T:2015:617, punt 28; ara, ukoll, is-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2015, Promarc Technics vs UASI – PIS (Parti minn bieb), T 251/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:780, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata)

45      Għalhekk, iktar ma tkun kbira l-libertà tal-kreatur fl-iżvilupp ta’ disinn, inqas ikun probabbli li differenzi żgħar bejn id-disinni kunfliġġenti jkunu biżżejjed sabiex jagħtu impressjoni globali differenti lill-utent avżat. Bil-maqlub, iktar ma tkun ristretta l-libertà tal-kreatur fl-iżvilupp ta’ disinn, b’mod partikolari bir-restrizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, iktar id-differenzi żgħar bejn id-disinni kunfliġġenti jkunu biżżejjed biex jipproduċu impressjonijiet globali differenti fuq din il-kategorija ta’ utenti.

46      Għalhekk, grad għoli ta’ libertà tal-kreatur fl-iżvilupp ta’ disinn isaħħaħ il-konklużjoni li d-disinni ma jippreżentawx differenzi sinjifikattivi u jipproduċu l-istess impressjoni globali fuq l-utent avżat (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2015, (Parti minn bieb) T‑251/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:780, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Madankollu, għandu jitfakkar li l-fattur dwar il-libertà tal-kreatur waħdu ma jistax jikkundizzjona l-evalwazzjoni tal-karattru individwali ta’ disinn, imma li, għall-kuntrarju, dan huwa element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’din l-evalwazzjoni.

48      F’dan il-kuntest, il-libertà tal-kreatur hija fattur li pjuttost jippermetti li tiġi sfumata l-evalwazzjoni tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat, u mhux fattur awtonomu li jiddetermina d-distanza rikjesta bejn żewġ disinni sabiex wieħed minnhom ikollu karattru individwali. Fi kliem ieħor, il-fattur relatat mal-grad ta’ libertà tal-kreatur jista’ jsaħħaħ jew, għall-kuntrarju, jisfuma l-konklużjoni fuq l-impressjoni globali ta’ kull disinn inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, H&M Hennes & Mauritz vs UASI – Yves Saint Laurent (Basktijiet tal-idejn), T‑526/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:614, punti 33 u 35).

49      Fl-aħħar mill-aħħar, id-disinn ma jistax jitqies li huwa, bħala tali, ir-riproduzzjoni ta’ disinn preċedenti jew is-sempliċi żvilupp figurattiv tal-idea oriġinali, riprodotta għall-ewwel darba fih (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2017, Ornament, T‑57/16, EU:T:2017:517, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      F’din il-kawża, il-Bord tal-Appell ikkonstata li, fir-rigward tal-karozzi, il-libertà tal-kreatur kienet limitata mill-funzjoni teknika ta’ dawn il-vetturi, li jservu għat-trasport ta’ persuni u tagħbijiet u neċessarjament jinvolvi, pereżempju, il-preżenza ta’ roti u kif ukoll ta’ karozzerija. Huwa kkunsidra wkoll li l-libertà tal-kreatur kienet ristretta mir-rekwiżiti legali, b’mod partikolari fir-rigward tas-sigurtà fit-toroq, bħal pereżempju l-preżenza obbligatorja ta’ fanali, ta’ dwal ta’ wara jew mirja tal-ġenb. Min-naħa l-oħra, il-Bord tal-Appell qies li l-libertà tal-kreatur dwar it-tfassil ta’ dawn il-komponenti, imposti mid-destinazzjoni ta’ dawk il-mezzi ta’ trasport kif ukoll mid-dispożizzjonijiet legali tas-sigurtà li għandhom jiġu osservati, ma kienet suġġetta għal ebda restrizzjoni.

51      Sabiex tikkontesta din l-evalwazzjoni, ir-rikorrenti ssostni, madankollu, li l-libertà tal-kreatur f’dan il-każ hija limitata mill-aspettattivi tas-suq, peress li l-konsumaturi jistennew li l-“idea kreattiva” jew il-matriċi oriġinali tal-karozza “Porsche 911”, tibqa’ “emblematika”, tinżamm fid-disinni ta’ wara u, għalhekk, tkun żviluppata biss f’ċerti limiti. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell kien imissu “irrikonoxxa u għarbel”, bħala parti mill-analiżi legali tiegħu, id-differenzi żgħar bejn is-serjiet suċċessivi tal-karozza “Porsche 911”.

52      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

53      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett għandu jiġi kkonstatat li l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat fuq il-premessa li l-grad ta’ libertà tal-kreatur fl-evalwazzjoni tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat għandu jikkunsidra l-karatteristiċi partikolari ta’ dan id-disinn innifsu u mhux il-karatteristiċi tal-prodotti li għalihom huwa intiż li japplika.

54      Madankollu, kif diġà ntqal fil-punt 34 iktar ’il fuq, dan ma jistax ikun hekk, ħlief sa fejn id-disinn ikkontestat jispeċifika n-natura, l-iskop jew il-funzjoni tal-prodott li fih tali disinn ikun jista’ japplika, li ma huwiex il-każ f’din il-kawża, preċiżament għar-raġunijiet esposti fil-punt 35 iktar ’il fuq. Għaldaqstant, fuq il-bażi tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 45 sa 46 iktar ’il fuq, ma huwiex f’din il-kawża l-każ li jiġi evalwat il-grad ta’ libertà tal-kreatur tas-serje 991 tal-karozza “Porsche 911”, imma tal-kreatur tal-karozzi b’mod ġenerali.

55      Il-Bord tal-Appell għalhekk seta’ ġustament jikkunsidra li l-argument tar-rikorrenti kien mingħajr rilevanza u, għaldaqstant, ma kellux jitqies għall-evalwazzjoni tal-grad ta’ libertà tal-kreatur fl-eżami tiegħu tal-karattru individwali tad-disinn kkontestat.

56      Fi kwalunkwe każ, il-grad ta’ libertà tal-kreatur, fis-sens tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002, huwa ddefinit, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 44 iktar ’il fuq, fuq il-bażi tal-limitazzjonijiet li jistgħu jwasslu għal standardizzazzjoni ta’ ċerti komponenti tal-prodotti li għalihom għandu jiġi applikat id-disinn ikkonċernat, jiġifieri restrizzjonijiet ta’ natura essenzjalment regolatorji li huma imposti oġġettivament u ex lege fuq il-kreaturi kollha ta’ disinni maħsuba biex ikunu applikati għall-prodotti kkonċernati.

57      Issa, l-aspettattivi tal-konsumaturi bħal dawk iddikjarati mir-rikorrenti, jiġifieri li jsibu l-“idea kreattiva” jew il-matriċi tad-disinn inizjali tal-karozza “Porsche 911” fis-serjiet ta’ wara, ma jistgħux jikkostitwixxu restrizzjoni regolatorja li tillimita neċessarjament il-libertà ta’ disinjatur tal-karozzi, sa fejn la huma relatati man-natura u lanqas mal-iskop ta’ tali prodott, li fih huwa inkorporat id-disinn ikkontestat, u lanqas mas-settur industrijali li għalih jappartjeni dak il-prodott.

58      Għall-kuntrarju, skont it-termini tar-rikorrenti stess, dawn l-aspettattivi għandhom x’jaqsmu biss mal-karattru “emblematiku” tad-disinn tal-karozza “Porsche 911”, jiġifieri x-xewqa preżunta tal-konsumaturi li jibqgħu leali fiż-żmien, mingħajr ma l-kreatur tiegħu, irrispettivament minn kunsiderazzjonijiet estetiċi jew kummerċjali, ikun neċessarjament obbligat josservahom sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tal-prodott li għalih id-disinn inkwistjoni huwa maħsub li japplika.

59      Għalhekk seta’ jiġi kkonstatat li xejra ġenerali tad-disinn, li tista’ tissodisfa l-aspettattivi tal-konsumaturi kkonċernati, ma setgħetx titqies bħala fattur li jillimita l-libertà tal-kreatur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2017, Ciarko vs EUIPO – Maan (Għata għal estrazzjoni tal-kċina), T‑684/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:819, punti 29 u 30 u l-ġurisprudenza ċċitata), u dan sal-punt li din il-libertà tippermetti lill-kreatur jiskopri forom ġodda, linji ġodda, jew anki jagħmel innovazzjoni fil-qafas ta’ xejra figurattiva diġà eżistenti (sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2012, Antrax It vs UASI – THC (Radjaturi ta’ tisħin), T‑83/11 u T‑84/11, EU:T:2012:592, punt 95).

60      F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, seta’ għaldaqstant jirreferi b’mod utli għal tali ġurisprudenza sabiex jiċħad l-ilment ta’ din tal-aħħar u jwarrab, fl-analiżi tiegħu tal-libertà tal-kreatur fit-tfassil tad-disinn ikkontestat, il-kunsiderazzjoni tal-partikolaritajiet tal-karozza “Porsche 911”.

61      F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Bord tal-Appell għalhekk seta’ ġustament jikkunsidra li ma kienx hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-aspettattivi potenzjali tas-suq sabiex f’din il-kawża jiġi ddefinit il-livell ta’ libertà tal-kreatur.

62      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tistax tikkontesta tali konklużjoni meta tirreferi għal sentenza tal-Oberlandesgericht Stuttgart (il-Qorti Superjuri Reġjonali ta’ Stuttgart, il-Ġermanja). Il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell għandha tiġi evalwata biss abbażi tar-Regolament Nru 6/2002, kif interpretat mill-qrati tal-Unjoni, u mhux abbażi ta’ ġurisprudenza nazzjonali, anki, barra minn hekk, fil-każ li hija bbażata fuq dispożizzjonijiet simili għal dawk ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2017, Murphy vs EUIPO – Nike Innovate (Wristband elettronika), T‑90/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:464, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      Għall-istess raġuni, ir-rikorrenti lanqas ma tistax timponi fuq l-EUIPO l-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-protezzjoni legali tad-disinni industrijali, jekk wieħed jassumi li tali dokument jista’ jkun legalment vinkolanti.

 Fuq il-paragun tal-impressjonijiet globali prodotti mid-disinni kunfliġġenti

64      Il-Bord tal-Appell ikkunsidra li d-disinn ikkontestat ma pproduċiex, f’moħħ l-utent avżat, impressjoni globali differenti minn dik prodotta mid-disinn preċedenti. Huwa kkunsidra li d-dehra ta’ dawn iż-żewġ disinni jikkoinċidu fl-għamla tagħhom u fis-silwett tal-karozzerija tagħhom, b’mod partikolari fil-livell ta’ dimensjonijiet u ta’ proporzjonijiet, tal-forma u tal-arranġament tat-twieqi u tal-bibien tagħhom, tal-forma tal-bonit ta’ wara, tal-ispoiler ta’ wara, kif ukoll tal-forma u tal-arranġament tal-fanali ta’ quddiem tagħhom. Huwa kkonkluda minn dan li d-differenzi żgħar li jidhru fid-dehra minn quddiem u minn wara ta’ dawn iż-żewġ disinni, inklużi l-konvessità tal-bonit ta’ quddiem, il-forma tal-mirja ta’ barra, il-forma u l-arranġament tal-fanali ta’ wara, kif ukoll il-kostruzzjoni tal-bamper ta’ wara jew il-forma tal-egżost, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala karatteristiċi mmarkati biżżejjed sabiex jaffettwaw b’mod sinjifikattiv l-impressjoni globali prodotta fuq l-utent avżat.

65      Min-naħa tagħha, sabiex tikkontesta din l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell, ir-rikorrenti ssostni, preliminarjament, li huwa għamel divesi żbalji ta’ liġi jew ta’ proċedura fl-eżami tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat.

66      Għalhekk, il-Bord tal-Appell kellu jieħu inkunsiderazzjoni l-preżentazzjoni tal-prodott fir-reklam u fir-riproduzzjonijiet fotografiċi mehmuża mal-fajl, li juru sitwazzjonijiet ta’ użu konkret ta’ dan il-prodott, u mhux biss l-opinjonijiet ippreżentati insostenn tal-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni u għal invalidità. Tali elementi fil-fatt jagħmluha possibli li jingħata rendikont tal-użu tal-prodott skont l-iskop tiegħu, li l-Bord tal-Appell kellu jqis fil-kuntest ta’ paragun dirett tad-disinni kunfliġġenti.

67      Sussegwentement, ir-rikorrenti tilmenta li l-Bord tal-Appell naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni l-partikolaritajiet ta’ kif iġib ruħu l-utent avżat meta jiġi sabiex jixtri u b’mod partikolari tal-fatt li, bħala xerrej potenzjali, dak l-utent neċessarjament ser jagħti kas tad-differenzi, anki minimi, fost is-serjiet tal-istess disinn, sal-punt li jkun infurmat mir-riklamar u mill-midja dwar dak li joffri s-suq u x-xejriet tal-moda, u għalhekk dwar dak li jiddistingwi d-disinn minn karozza li ġiet ġdida minn disinni preċedenti. Għalhekk, f’din il-kawża, sabiex jitqabblu prodotti simili, il-karattru individwali tad-disinn ikkontestat għandu jiġi evalwat billi jiġu kkunsidrati r-rekwiżiti tas-suq.

68      Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ liġi meta eżiġa, sabiex jirrikonoxxi n-natura individwali ta’ disinn “rekwiżiti sostanzjalment ogħla” minn dawk rikjesti mill-ġurisprudenza fl-evalwazzjoni tan-novità ta’ tali disinn. Tali novità tkun fil-fatt ammessa anki meta d-differenzi bejn id-disinn ikkontestat u d-disinn preċedenti, mingħajr ma jkunu insinjifikattivi, jistgħu jitqiesu bħala dgħajfa.

69      Fl-aħħar nett, il-Bord tal-Appell ma wettaqx analiżi ġenerali, imma adotta perspettiva “pjuttost teknika u maqsuma”, u llimita ruħu biex jistabbilixxi l-qbil u d-differenzi bejn id-disinni kunfliġġenti mingħajr ma wettaq, fl-aħħar mill-aħħar, paragun tal-impressjonijiet globali li rriżultaw minn dan.

70      Il-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw it-totalità ta’ dawn l-argumenti.

71      F’dan ir-rigward, preliminarjament għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza applikabbli f’dan ir-rigward jirriżulta li l-paragun tal-impressjonijiet globali prodotti mid-disinni għandu jkun sintetiku u ma jistax ikun limitat għall-paragun analitiku ta’ enumerazzjoni ta’ xebh u differenzi (sentenza tad‑29 ta’ Ottubru 2015, Roca Sanitario vs UASI – Villeroy & Boch (Vit b’liver wieħed), T‑334/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:817, punt 58).

72      Sabiex jiġi eżaminat il-karattru individwali ta’ disinn, huwa għalhekk xieraq li jsir paragun bejn l-impressjoni globali prodotta mid-disinn Komunitarju kkontestat u, min-naħa l-oħra, l-impressjoni globali prodotta għal kull disinn preċedenti li kienet validament invokata mir-rikorrent għall-invalidità (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2010, Shenzhen Taiden vs UASI – Bosch Security Systems (Apparat għall-komunikazzjoni), T‑153/08, EU:T:2010:248, punt 24).

73      Barra minn hekk, dan il-paragun għandu jirrigwarda biss l-elementi effettivament protetti, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni karatteristiċi esklużi mill-protezzjoni. Għalhekk, dan il-paragun għandu jirrigwarda d-disinni kif irreġistrati, mingħajr ma r-rikorrent li jitlob l-invalidità jintalab rappreżentazzjoni grafika tad-disinn invokat li tkun paragunabbli mar-rappreżentazzjoni li tinsab fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-disinn ikkontestat (ara s-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013, Felin jaqbeż, T‑666/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:584, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

74      L-obbligu li jsir paragun bejn l-impressjonijiet globali prodotti mid-disinni inkwistjoni ma jeskludix madankollu l-kunsiderazzjoni ta’ elementi li jkunu ġew żvelati lill-pubbliku b’modi differenti, b’mod partikolari, bil-preżentazzjoni ta’ prodott li jinkorpora d-disinn irreġistrat.

75      L-għan tar-reġistrazzjoni ta’ disinn huwa li jinkiseb dritt esklużiv, b’mod partikolari fuq il-manifattura u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott li jinkorporah, li jimplika li r-rappreżentazzjonijiet li jinsabu fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni huma, bħala regola ġenerali, marbuta mill-qrib mad-dehra tal-prodott imqiegħed fis-suq (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2010, Apparat għall-komunikazzjoni, T‑153/08, EU:T:2010:248, punt 25).

76      F’dan il-kuntest, għandhom jitqiesu, anki għall-finijiet ta’ illustrazzjoni f’dan il-paragun, prodotti attwalment ikkummerċjalizzati, madankollu dan jgħodd biss sa fejn l-oġġetti jikkorrispondu mad-disinni kif irreġistrati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2011, PepsiCo vs Grupo Promer Mon Graphic, C‑281/10 P, EU:C:2011:679, punti 73 u 74).

77      Wara li tfakkru dawn il-preċedenti fil-ġurisprudenza, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-Bord tal-Appell qies, kif jirriżulta mill-punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-impressjoni globali mogħtija mid-disinn ikkontestat, kif irrappreżentat fl-istampa speċjalizzata li fuqha bbażat ir-rikorrenti, ma kinitx ġiet ikkonfermata fir-rigward tax-xbihat ta’ dan id-disinn mill-fajl.

78      Bl-istess mod, u kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi r-rikorrenti, il-Bord tal-Appell għamel paragun dirett bejn l-impressjoni globali prodotta mid-disinn ikkontestat u dak prodott mid-disinn preċedenti, kif jirriżulta mill-punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, lanqas ma jista’ jiġi sostnut li tali paragun kien sar mingħajr ma ġie kkunsidrat l-użu tal-prodott inkwistjoni skont l-iskop tiegħu, filwaqt li l-Bord tal-Appell iddikjara espliċitament, fil-punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-utent avżat kien dak li saq u uża l-karozzi.

79      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tistax validament issostni li l-Bord tal-Appell ma ħax inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi tas-suq inkwistjoni. Fil-fatt, dan tal-aħħar iddikjara wkoll, fl-istess punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata, li kellu jiġi kkunsidrat li utent bħal dan ma jistax ma jkunx konxju mill-fatt li l-manifatturi ma jiddisinjawx disinni ġodda l-ħin kollu, minħabba l-ispiża għolja tagħhom, imma preferibbilment jagħmlu modernizzazzjoni regolari tad-disinni eżistenti, speċjalment meta jkunu ġew apprezzati fis-suq relevanti minn utenti avżati, b’tali ġestjoni tad-disinni tagħmilha possibbli, fl-istess ħin, li jiġu segwiti x-xejriet ġenerali tal-moda mingħajr ma jiġu abbandunati, madankollu, il-karatteristiċi tipiċi ta’ kull disinn ta’ karozza kkonċernat.

80      Sussegwentement, fir-rigward tal-iżball ta’ liġi li allegatament għamel il-Bord tal-Appell fir-rigward tar-rikonoxximent tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat meta stabbilixxa “rekwiżiti sostanzjalment ogħla” minn dawk li kienu essenzjali sabiex tiġi rrikonoxxuta n-“novità” ta’ dan tal-aħħar, għandu jiġi nnutat li, anki jekk il-kundizzjoni ta’ novità tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 6/2002 u dik ta’ karattru individwali stabbiliti fl-Artikolu 6 tal-istess regolament sa ċertu punt huma sovrappożti, kif ir-rikorrenti ġustament indikat waqt is-seduta, dawn iż-żewġ kundizzjonijiet ma jistgħux, madankollu, fil-livell ġuridiku jitħalltu billi l-osservanza ta’ dawn tal-aħħar tapplika għal żewġ motivi ta’ invalidità distinti, li għalhekk jissodisfaw kriterji legalment differenti.

81      Fil-fatt mill-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 6/2002 jirriżulta li żewġ disinni jiġu kkunsidrati identiċi meta l-karatteristiċi tagħhom ivarjaw biss f’dettalji insinjifikattivi, jiġifieri dettalji li ma jipproduċux differenzi, anki żgħar, bejn l-imsemmija disinni. Min-naħa l-oħra, sabiex tkun apprezzata n-novità ta’ disinn, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk hemmx differenzi bejn disinni qodma u ġodda li ma humiex insinjifikattivi, anki jekk huma dgħajfa (sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2013, Kastenholz vs-UASI – Qwatchme (Uċuħ tal-arloġġi), T‑68/11, EU:T:2013:298, punt 37).

82      Għalhekk, il-kliem u l-portata tal-Artikolu 6, kif tfakkar fil-punt 22 iktar ’il fuq, ma jikkorrispondux ma’ dak tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 6/2002, kif madankollu riedet issostni r-rikorrenti, meta interpretat ħażin is-sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2013, Uċuħ tal-arloġġi (T‑68/11, EU:T:2013:298). Għalhekk, disinn jista’ jiġi kkunsidrat bħala ġdid fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 6/2002 filwaqt li ma jkunx ta’ karattru individwali fit-tifsira tal-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2018, Gifi Diffusion vs EUIPO – Crocs (Żraben), T‑424/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:136, punt 48).

83      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-fatt li l-Bord tal-Appell ċaħad bħala “insuffiċjenti” differenzi li, anki meta jitqiesu bħala dgħajfa, ma setgħux jitqiesu bħala trivjali, ma jistax jiġi kkritikat bħala żball ta’ liġi.

84      Barra minn hekk, in-nuqqas tar-rikorrenti li tispeċifika r-“rekwiżiti sostanzjalment ogħla” li, fil-fehma tagħha, il-Bord tal-Appell applika, l-ilment inkwistjoni ma jistax jirnexxi.

85      Finalment, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Bord tal-Appell eżamina, u b’mod xieraq, l-elementi kollha ta’ differenza u xebh bejn id-disinni kunfliġġenti fil-paragun bejn l-impressjoni globali prodotta mid-disinn ikkontestat u dik prodotta fuq l-utent avżat mid-disinn preċedenti.

86      Il-Bord tal-Appell mhux biss analizza d-dehra ta’ quddiem u ta’ wara taż-żewġ disinni kunfliġġenti, bħal “meħudin individwalment”, imma analizzahom ukoll b’mod “ikkombinat”, kif jirriżulta mill-punt 29 tad-deċiżjoni kkontestata, sabiex ikkonkluda li d-differenzi li jidhru f’dawk id-dehriet ma kinux ta’ natura li jinfluwenzaw b’mod sinjifikattiv l-impressjoni globali prodotta fuq l-utent avżat. L-ilment inkwistjoni għalhekk huwa nieqes ukoll fil-fatt.

87      Barra minn hekk, il-paragun tad-dehriet laterali tad-disinn ikkontestat, kif irreġistrati u kif ippreżentati insostenn tal-applikazzjoni għal talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, lanqas ma jikkonferma l-pożizzjoni li tiddefendi r-rikorrenti li l-fanali prinċipali tad-disinn ikkontestat “joħorġu ’l barra” u huma differenti “b’mod ċar” mill-fanali ta’ quddiem prinċipali tad-disinn preċedenti, jew li l-mankijiet tal-bibien kienu “totalment ddisinjati mill-ġdid”. Fil-fatt, id-dehriet laterali, li jippreżentaw is-silwett ta’ kull disinn kollu kemm hu, ma jippermettux li jinftiehem b’mod preċiż, u lanqas “b’mod ċar” id-disinni kunfliġġenti f’tali livell ta’ dettall.

88      Anki jekk wieħed jassumi li dawn id-differenzi jistgħu jiġu nnutati mill-utent avżat, fl-ebda każ ma jistgħu jkunu mmarkati biżżejjed sabiex jikkontestaw, waħedhom, l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell. Fil-fatt, skont dan il-bord, id-dehriet kollha tad-disinni inkwistjoni, u mhux biss id-dehriet laterali, juru li dawn id-disinni jikkoinċidu fil-forma tagħhom u fis-silwett tal-karozzerija tagħhom, kemm fil-livell ta’ dimensjonijiet u proporzjonijiet kif ukoll tal-forma u l-arranġament tat-twieqi u l-bibien.

89      L-istess jgħodd għall-argument li l-fanali ta’ kontra ċ-ċpar ivarjaw ukoll bejn iż-żewġ disinni jew li, fid-disinn ikkontestat, il-mera li tara wara tressqet lura u li issa hi mwaħħla direttament mal-bibien. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, ir-roti tad-disinn ikkontestat ma humiex daqshekk ikbar li jbiddlu l-aspett tal-ġenb tad-disinni kunfliġġenti. Finalment, il-forma u l-post tal-indikaturi huma paragunabbli ħafna minn disinn għal ieħor.

90      Barra minn hekk, fir-rigward, minn naħa, tal-paragun tad-dehriet minn wara, huwa veru li, kif irrikonoxxa l-EUIPO waqt is-seduta u kif indikat mill-Bord tal-Appell fil-punt 28 tad-deċiżjoni kkontestata, dawn juru ċerti differenzi, b’mod partikolari fir-rigward tal-forma jew l-arranġament tad-dwal ta’ wara, tal-bampers, tal-egżost, jew ukoll, kif tosserva r-rikorrenti ġustament, tal-ispoiler u tal-bonit ta’ wara.

91      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-paragun tad-dehriet minn quddiem, huwa veru wkoll li l-konvessità tal-bonit ta’ quddiem hija iktar evidenti fis-serje 991 milli fis-serje 997 tal-karozza “Porsche 911” “b’mod li l-parti ta’ quddiem dehret iktar ċatta u usa’ inġenerali”, kif fuq kollox innota wkoll il-Bord tal-Appell fil-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata.

92      Għalkemm dawn id-differenzi kollha, u oħrajn identifikati mir-rikorrenti, jistgħu jsaħħu l-impressjoni ta’ rinnovament fid-dettalji, madankollu ma jidhrux immarkati biżżejjed sabiex jpoġġu fid-dubju l-impressjoni ta’ xebh ġenerali li jeżisti bejn kif jidhru dawn id-disinni, wara li tiġi kkunsidrata b’mod partikolari l-istruttura ġenerali simili ħafna tad-disinni kunfliġġenti, li fil-biċċa l-kbira tagħhom jikkoinċidu fil-forma u l-għamla rispettiva tagħhom.

93      Fl-aħħar nett, u għar-raġunijiet diġà mogħtija fil-punti 62 u 63 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka, insostenn tal-argument tagħha, ġurisprudenza tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) jew tal-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Superjuri Reġjonali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), jew anki l-Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-protezzjoni legali tad-disinni industrijali.

94      F’dawn iċ-ċirkustanzi, u billi, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Bord tal-Appell ikkunsidra oġġettivament id-differenzi kollha bejn id-disinni kunfliġġenti, kif jirriżulta mill-punti 26 sa 28 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa mingħajr ma wettaq żball ta’ evalwazzjoni li dak il-bord seta’ jikkonkludi, fil-punt 29 tad-deċiżjoni kkontestata, li, meħuda individwalment jew flimkien, id-differenzi kollha li jeżistu fid-dehriet multipli tad-disinni kunfliġġenti kienu dgħajfa wisq sabiex jinfluwenzaw b’mod sinjifikattiv l-impressjoni globali prodotta fuq l-utent avżat, billi tali impressjoni tkun iddominata mill-karatteristiċi essenzjali tad-disinni msemmijin li huma l-forma tal-karozzerija, tal-bibien jew tat-twieqi.

95      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma tistax tibbaża ruħha b’mod utli fuq artikoli fl-istampa speċjalizzata jew fuq l-opinjonijiet tal-ġuriji fil-qasam tad-disinn sabiex tqajjem dubji dwar din il-konklużjoni, peress li trid tiġi evalwata l-impressjoni globali mill-perspettiva tal-utent avżat, li, għalkemm kien jaf mudelli jew disinni differenti fis-settur kummerċjali kkonċernat u għandu ċertu għarfien li jippermettilu juri livell relattivament għoli ta’ attenzjoni, la huwa espert tekniku u lanqas speċjalista tad-disinn.

96      B’hekk, b’mod partikolari, il-fatt li l-ġurija tar-“red dot award: product design2012” enfasizzat li l-forma tad-disinn ikkontestat kienet “kompletament ġdida” jew li “l-proporzjonijiet [kienu ġew] immodifikati fil-biċċa l-kbira” ma jistax ikun utilment invokat sabiex tiġi kkontestata l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell tal-karattru individwali ta’ dak id-disinn fir-rigward tar-rekwiżiti tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002. Barra minn hekk, l-intervenjenti rreferiet għal artikoli tal-istampa li wasslu għall-konklużjoni opposta għal dik li r-rikorrenti trid tibbaża ruħha fuqha, u skont liema, b’mod partikolari, l-ex president tal-bord tad-diretturi tar-rikorrenti ddikjara li din riedet tivvalorizza s-“silwett, li jibqa’ l-istess, u tadattah għaż-żminijiet tal-lum”.

97      Fid-dawl ta’ kull ma ntqal iktar ’il fuq, l-ewwel parti tal-uniku motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti tal-motiv uniku, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, flimkien mal-Artikolu 5 tal-istess regolament

98      Ir-rikorrenti ssostni li d-disinn ikkontestat għandu jiġi kkunsidrat bħala ġdid fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 6/2002.

99      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li tali argument huwa, fi kwalunkwe każ, ineffettiv f’din it-tilwima, peress li l-Bord tal-Appell ma applikax tali dispożizzjoni, billi seta’ jqis, ġustament, li l-eżami tan-novità tad-disinn ikkontestat ma kienx neċessarju, sa fejn l-assenza ta’ karattru individwali kien biżżejjed sabiex jipprekludi l-protezzjoni tiegħu, skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 6/2002.

100    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, it-tieni parti tal-motiv uniku għandha tiġi miċħuda u, għaldaqstant, ir-rikors fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

101    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

102    Peress li r-rikorrenti tilfet f’din il-kawża, hemm lok li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż, konformement mat-talbiet tal-EUIPO u tal-intervenjenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Dr. Ing. h.c. F. Porsche AG hija kkundannata għall-ispejjeż.

Frimodt Nielsen

Półtorak

Perillo

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑6 ta’ Ġunju 2019.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.