Language of document : ECLI:EU:T:2005:129

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tielet Awla Estiża )

14 ta' April 2005 (*)

"Għajnuna mill-Istat – Self azzjonarju - Locus standi – Inammissibbiltà"

Fil-kawża T-141/03,

Sniace, SA, stabbilita f'Madrid (Spanja), irrappreżentata minn  J. Baró Fuentes, Avukat,

rikorrenti

sostnuta mir-

Renju ta' Spanja, irrappreżentata minn  N. Díaz Abad, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

parti intervenjenti

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn  F. Santaolalla Gadea u J. Buendía Sierra, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

li għandha bħala għan l-annullament parzjali tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/284/KE, tal-11 ta' Diċembru 2002, dwar l-għajnuna mill-Istat implementata minn Spanja favur Sniace SA (ĠU L 108, 2003, p. 35),

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tielet Awla Estiża ),

komposta minn  J. Azizi, President, M. Jaeger, F. Dehousse,  E. Cremona u O. Czúcz, Imħallfin,

Reġistratur:  J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bill-miktub u wara s-seduta tal-15 ta' Settembru 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Fatti, proċedura u talbiet tal-partijiet

1        Sniace SA hija kumpannija li għandha l-uffiċċju reġistrat tagħha f'Madrid (Spanja) u l-impjanti industrijali kif ukoll l-uffiċċji amministrattivi tagħha f'Torrelavega fil-Kantabrija (Spanja). Hija topera fis-settur ta' l-amministrazzjoni forestali u tal-produzzjoni tal-karta, tal-fibri sintetiċi u tal-prodotti kimiċi derivati. Mill-1992 sa l-1996, Sniace ġiet suġġetta għal moratorju. Fil-kuntest ta' pjan ta' vijabbiltà approvat mill-partijiet interressati fl-1996, l-impriża reġgħet innegozjat id-djun tagħha mal-kredituri tagħha.

2        F'dan il-kuntest, il-Caja de Ahorros de Santander y Cantabria (aktar 'il quddiem il-"Caja Cantabria"), istituzzjoni ta' kreditu mingħajr skop ta' profitt, li għandha l-istatus ġuridiku ta' fondazzjoni privata, iddeċidiet, f'Jannar 1998, li tagħti lill-Sniace self ta' EUR 12 020 242 għal terminu ta' tmien snin.

3        Dan kien self azzjonarju suġġett għal parteċipazzjoni fil-profitti li jitħallas lura biss ma' l-iskadenza u li, fil-każ ta' falliment ta' l-impriża, jiggradwa wara l-krediti ordinarji iżda qabel id-drittijiet ta' l-azzjonisti. Ir-rata ta' l-interess hija komposta minn element fiss ta' 2% fuq l-ammont prinċipali li għandu jitħallas lura, pagabbli kull tliet xhur, u element varjabbli li jiddependi fuq il-profitti ta' l-impriża u li huwa kkalkulat fit-tmiem ta' kull sena finanzjarja. Dan is-self jista', b'deċiżjoni tal-partijiet, jiġi mibdul f'ishma jew f'bonds.

4        Wara lment ta' kompetitur ta' Sniace, il-Kummissjoni, permezz ta' ittra tat-13 ta' Marzu 1998, stiednet lill-awtoritajiet Spanjoli sabiex jipprovdulha informazzjoni fuq dan is-self. Peress li qieset li din l-informazzjoni ma kinitx biżżejjed, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE u stiednet lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-għajnuna in kwistjoni (ĠU C 162, 2000, p. 15). Fi tmiem din il-proċedura, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni 2003/284/KE, tal-11 ta' Diċembru 2002, dwar l-għajnuna mill-Istat implementata minn Spanja favur Sniace SA (ĠU L 108, 2003, p. 35, aktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata").

5        Din id-deċiżjoni, li hija indirizzata lir-Renju ta' Spanja u li ġiet innotifikata lil Sniace fl-14 ta' Frar 2003, fl-Artikolu 1 tagħha tipprovdi li:

"L-għajnuna mill-Istat li Spanja implementat favur Sniace, għal ammont massimu ta' EUR 7 388 258, hija kompatibbli mas-suq komuni fis-sens ta' l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6        Fl-14 ta' April 2003, Sniace ressqet dan ir-rikors fejn titlob sabiex il-Qorti tal-Prim'Istanza:

–        tiddikjara r-rikors ammissibbli;

–        tannulla l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata safejn dan jiddikjara li Spanja tatha għajnuna mill-Istat għal ammont massimu ta' EUR 7 388 258;

–        alternattivament, li l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jinżamm safejn dan jiddikjara li l-għajnuna mill-Istat hija kompatibbli mas-suq komuni;

–        tordna lill-Kummissjoni tqiegħed fl-inkartament id-dokumenti amministrattivi preparatorji li fuqhom ġiet ibbażata d-deċiżjoni kkontestata u d-dokumenti amministrattivi l-oħra li jirrigwardaw il-politika tal-Kummissjoni fir-rigward tal-banek tat-tfaddil Spanjoli;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

7        Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni talbet sabiex il-Qorti tal-Prim'Istanza:

–        tiddikjara r-rikors inammissibbli;

–        alternattivament, tiċħad ir-rikors bħala mhux fondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

8        Permezz ta' att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-7 ta' Awwissu 2003, ir-Renju ta' Spanja talab sabiex jintervjeni fil-kwistjoni in sostenn tat-talbiet tar-rikorrenti. Permezz ta' digriet tal-15 ta' Settembru 2003, il-President tat-Tielet Awla tal-Qorti tal-Prim'Istanza laqa' din it-talba.

9        Fis-sottomissjonijiet ta' l-intervent tiegħu, ippreżentati fit-28 ta' Ottubru 2003, ir-Renju ta' Spanja talab sabiex il-Qorti tal-Prim'Istanza:

–        tilqa' r-rikors;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

 L-argumenti tal-partijiet

10      Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni, mingħajr ma tqajjem formalment l-eċċezzjoni ta' inammissibbiltà, tesponi dubji serji fuq il-locus standi tar-rikorrenti sabiex tressaq dan ir-rikors.

11      Il-Kummissjoni ssostni li r-rikors previst fl-Artikolu 230 KE jista' jitressaq biss kontra att li jikkawża dannu. Issa, wieħed ma jistax jikkunsidra bħala tali deċiżjoni li inkundizzjonatament tawtorizza għajnuna. F'kull każ, ir-rikorrenti naqset assolutament milli tipprova li d-deċiżjoni affettwat, b'mod konkret u effettiv, is-sitwazzjoni legali tagħha.

12      Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni ressqet, għalkemm b'mod informali, eċċezzjoni informali ta' inammissibbiltà tar-rikors, fis-sens ta' l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza. Hija tħalli f'idejn il-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex tiddeċiedi jekk din l-eċċezzjoni hijiex inammissibbli minħabba vizzju proċedurali.

13      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni għamlet żball meta kkwalifikat is-self in kwistjoni bħala għajnuna mill-Istat. Din il-kwalifika hija ta' natura tali li taffettwa b'mod konkret u effettiv is-sitwazzjoni legali tagħha.

14      Fil-fatt, l-assimilazzjoni tal-miżura ma' għajnuna mill-Istat, id-dikjarazzjoni ta' l-implementazzjoni illegali tagħha u r-rikonoxximent tal-kapaċità tagħha li tikkawża distorsjoni lill-kompetizzjoni jesponu lir-rikorrenti għar-riskju li terzi kkonċernati mill-għajnuna jissottomettu d-deċiżjoni kkontestata quddiem il-qrati Komunitarji sabiex dawn ta' l-aħħar jistħarrġu l-legalità tagħha, u dan jista' finalment iwassal għal deċiżjoni ta' inkompattibbiltà u, anke, għall-ħlas lura ta' l-għajnuna mogħtija illegalment.

15      Skond ir-rikorrenti, terz ikkonċernat mill-għajnuna jista' wkoll iressaq rikors quddiem il-qrati Spanjoli, sabiex jiġi kkonstatat li s-self kien awtomatikament null peress li dan kien ingħata bi ksur ta' l-Artikolu 88(3) KE.

16      Barra minn dan, il-fatt li l-Caja Cantabria ġiet ikkwalifikata mill-Kummissjoni bħala impriża pubblika tibdel il-pożizzjoni tar-rikorrenti fir-rigward ta' din l-istituzzjoni u tikkundizzjona r-relazzjonijiet kummerċjali futuri ma' din l-istituzzjoni ta' kreditu.

17      Ir-rikorrenti ssostni wkoll li ġarrbet dannu konkret u finanzjarju, li għad irid jiġi kkwantifikat, sa mill-bidu tal-proċedura amministrattiva liema proċedura obbligatha talloka riżorsi umani, finanzjarji u tekniċi, kemm interni kif ukoll esterni, li normalment mhumiex previsti fil-kuntest ta' l-attività normali ta' l-impriża.

18      Barra minn dan, l-impriża ġarrbet dannu morali li jirriżulta mit-telf ta' fiduċja tas-soċji, ta' l-azzjonisti, tal-fornituri u tal-klijenti tagħha minħabba l-fatt ta' l-iżvolġiment tal-proċedura amministrattiva.

19      Ir-Renju ta' Spanja ma ħax pożizzjoni fuq il-kwistjoni ta' l-ammissibbiltà tar-rikors.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

20      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni ma qajmitx eċċezzjoni ta' inammissibbiltà skond l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura. Fil-paragrafu 1 tiegħu dan l-Artikolu jipprovdi li, "[t]alba minn waħda mill-partijiet li titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza tieħu deċiżjoni dwar ammissibbiltà, […] mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża għandha ssir permezz ta' att separat". Dan għalhekk ma jobbligax lill-parti kkonċernata li tikkontesta l-ammissibbiltà b'att separat.

21      Għalhekk il-Kummissjoni setgħet tikkuntenta ruħha, fir-risposta tagħha, li tesponi, qabel l-eżami tal-mertu, dubji serji dwar l-ammissibbiltà ta' dan ir-rikors u li tissottometti għall-kunsiderazzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza l-possibbiltà li tiddikjarah inammissibbli. Konsegwentement la huwa meħtieġ li tittieħed deċiżjoni fuq il-karattru ammissibbli u lanqas fuq il-fondatezza ta' talba inċidentali magħmula abbażi ta' l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura, skond il-proċedura prevista minn dan l-Artikolu.

22      F'kull każ, il-Qorti tal-Prim'Istanza f'kull moment tista', skond l-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, teżamina ex officio l-inammissibbiltà tar-rikors għal raġunijiet ta' ordni pubbliku, bħan-nuqqas ta' locus standi.

23      Għandu jiġi osservat li, permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti, mingħajr ma tikkontesta la d-dikjarazzjoni ta' kompatibbiltà li tinsab fid-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata u lanqas id-dikjarazzjoni ta' ftuħ tal-proċedura formali ta' eżami, tqis li d-deċiżjoni tippreġudikaha safejn din tikkonstata li l-miżura in kwistjoni hija għajnuna mill-Istat fis-sens ta' l-Artikolu 87(1) KE.

24      F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim'Istanza diġà ddeċidiet li, f'dak li jirrigwarda konċentrazzjonijiet, il-fatt biss li deċiżjoni tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni u li għalhekk mhijiex ta' preġudizzju, fil-prinċipju, għall-partijiet li ħadu sehem fil-konċentrazzjoni, ma jiddispensax lill-Qorti tal-Prim'Istanza mill-obbligu li teżamina jekk il-konstatazzjonijiet ikkontestati riprodotti fil-motivi jipproduċux effetti ġuridiċi obligatorji ta' natura li jeffettwaw l-interessi tagħhom (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-22 ta' Marzu 2000, Coca-Cola vs Il-Kummissjoni, T-125/97 u T-127/97, Ġabra p. II-1733, punt 79).

25      Fil-kuntest ta' l-eżami ta' l-ammissibbiltà ta' dan ir-rikors, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, rikors għal annullament imressaq minn persuna fiżika jew legali huwa ammissibbli biss safejn ir-rikorrenti jkollha interess li tannulla l-att ikkontestat (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Settembru 1995, Antillean Rice Mills et vs Il-Kummissjoni, T-480/93 u T-483/93, Ġabra p. II-2305, punt 59; tal-25 ta' Marzu 1999, Gencore vs Il-Kummissjoni, T-102/96, Ġabra p. II-753, punt 40, u tat-30 ta' Jannar 2002, Nuove Industrie Molisane vs Il-Kummissjoni, T-212/00, Ġabra p. II-347, punt 33). Dan l-interess għandu jkun effettiv u attwali (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-17 ta' Settembru 1992, NBV u NVB vs Il-Kummissjoni, T-138/89, Ġabra p. II-2181, punt 33) u għandu jiġi evalwat fil-ġurnata li fiha jitressaq ir-rikors (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 1963, Forges de Clabecq vs L-Awtorità Għolja, 14/63, Ġabra p. 719, 748, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-24 ta’ April 2001, Torre et vs IL-Kummissjoni, T-159/98, Gabra SP p. I-A-83 u II-395, punt 28).

26      Għandu jingħad ukoll li, jekk l-interess li fuqu jibbaża ruħu rikorrent jirrigwarda sitwazzjoni ġuridika futura, dan għandu jistabbilixxi li l-preġudizzju għal din is-sitwazzjoni huwa diġà ċert. Għaldaqstant, rikorrent ma jistax jinvoka sitwazzjonijiet futuri u inċerti sabiex jiġġustifika l-interess tiegħu li jitlob l-annullament ta' l-att ikkontestat (sentenza NBV u NVB vs Il-Kummissjoni, punt 25 aktar 'il fuq, punt 33).

27      Issa, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma stabbilixxietx li hija kellha, fil-ġurnata meta hija ressqet ir-rikors tagħha, interess effettiv u attwali li tara li l-att ikkontestat jiġi annullat, peress li dan jawtorrizza, mingħajr kundizzjonijiet jew limitazzjonijiet ta' żmien, il-miżura in kwistjoni favur tagħha.

28      L-ewwel nett, ir-rikorrenti bl-ebda mod ma ppruvat li r-riskju ta' azzjonijiet ġudizzjarji kien, fil-każ in eżami, effettiv u attwali fis-sens tal-ġurisprudenza.

29      Huwa minnu li, l-proċedura ta' eżami tal-Kummissjoni nbdiet permezz ta' lment min-naħa ta' kompetitur tar-rikorrenti, mingħajr ma kien hemm notifika min-naħa tal-Gvern Spanjol. Terzi, bħall-kompetitur ta' Sniace li għamel l-ilment quddiem il-Kummissjoni, setgħu għalhekk jinvokaw l-effett dirett ta' l-aħħar sentenza ta' l-Artikolu 88(3) quddiem il-qrati nazzjonali sabiex jobbligaw lill-Istat Membru kkonċernat jiġbor lura l-għajnuna illegalment mogħtija (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Novembru 1991, Fédération nationale du commerce extérieur des produits alimentaires et, C-354/90, Ġabra p. I-5505, punti 14 sa 17).

30      Madankollu, ir-rikorrenti ma allegatx li azzjonijiet abbażi ta' l-aħħar sentenza ta' l-Artikolu 88(3) KE kienu pendenti quddiem il-qrati Spanjoli. Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha hija limitat ruħha li ssostni b'mod purament ipotetiku li azzjonijiet bħal dawn jistgħu jittresqu.

31      Issa, għandu jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza, hija r-rikorrenti li għandha ġġib il-prova ta' l-interess tagħha li tieħu azzjoni, li jikkostitwixxi r-rekwiżit essenzjali u ewlieni f'kull proċediment legali (digriet tal-President tat-Tieni Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta' Lulju 1989, S. vs Il-Kummissjoni, C-206/89 R, Ġabra p. 2841, punt 8).

32      It-tieni nett, l-allegati effetti tal-kwalifika bħala għajnuna mill-Istat fuq ir-relazzjonijiet tar-rikorrenti ma' l-istituzzjoni ta' kreditu in kwistjoni għandhom jiġu kkunsidrati bħala futuri, ipotetiċi u inċerti.

33      Fil-fatt, bil-kontra ta' dak li tallega r-rikorrenti, il-fatt li l-Kummissjoni kkwalifikat, f'dan il-każ, il-Caja Cantabria bħala impriża pubblika ma jġibx miegħu l-obbligu li fil-futur din għandha tinnotifika lill-Kummissjoni b'kull miżura li din l-istituzzjoni ta' kreditu tieħu favur ir-rikorrenti.

34      Minn naħa, il-vantaġġi kollha mogħtija minn impriża pubblika mhux bilfors jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens ta' l-Artikolu 87(1) KE.

35      Min-naħa l-oħra, sabiex tevalwa l-legalità tal-miżuri li jistgħu eventwalment jingħataw fil-futur mill-Caja Cantabria, il-Kummissjoni, fl-ebda każ, ma tista' tibbaża ruħha biss fuq il-motivi tad-deċiżjoni kkontestata. Hija jkollha twettaq evalwazzjoni ġdida skond iċ-ċirkustanzi li jkun hemm meta jsir dan l-eżami ulterjuri.

36      Barra minn dan, l-obbligu ta' notifika li l-Istati Membri għandhom jirrigwarda l-għajnuna mill-Istat. Minn dan isegwi li huma dawn ta' l-aħħar li f'kull każ għandhom jevalwaw jekk miżura tikkostitwixxix jew le għajnuna mill-Istat u jaġixxu skond ir-riżultat. Il-kundizzjonijiet li setgħu jagħmlu obbligatorja n-notifika ta' tali miżura dawn mogħtija minn tali impriża pubblika jistgħu jevolvu. Għalhekk, kull emenda li ssir aktar 'il quddiem fl-istatut ta' l-impriża pubblika kkonċernata u li tneħħilha din il-kwalità tista' tibdel il-kwalifika tal-miżuri meħuda, u b'hekk tneħħi l-obbligu li dawn ta' l-aħħar jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni.

37      Għalhekk ir-rikorrenti ma kellhiex raġun li tiddikjara li l-kwalifika bħala impriża pubblika tal-Caja Cantabria tbiddel il-pożizzjoni tagħha fir-rigward ta' din l-istituzzjoni u tikkundizzjona għall-futur in-natura tar-relazzjonijiet tagħha magħha.

38      Fl-aħħar nett, la d-dannu finanzjarju u lanqas dak morali, li, skond ir-rikorrenti, jirriżultaw mill-iżvolġiment tal-proċedura amministrattiva, ma jistgħu jiġu konnessi mal-kwalifika ta' għajnuna mill-Istat li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata.

39      Finalment, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti kellha raġun li tinvoka d-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li l-Komunità Ewropea hija komunità ta' dritt bl-istituzzjonijiet tagħha li huma suġġetti għall-istħarriġ tal-konformità ta' l-atti tagħhom mat-Trattat u mal-prinċipji ġenerali tad-dritt fosthom id-drittijiet fundamentali. Għalhekk, l-individwi għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li huma għandhom taħt is-sistema legali Komunitarju, peress li d-dritt għal protezzjoni bħal din jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni ta' l-Istati Membri. Dan id-dritt ġie wkoll ikkonfermat mill-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Mejju 1986, Johnston, 222/84, Ġabra p. 1651, punt 18; tas-27 ta' Novembru 2001, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-424/99, Ġabra p. I-9285, punt 45, u tal-25 ta' Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, C-50/00 P, Ġabra p. I-6677, punti 38 u 39).

40      Madankollu għandu jiġi enfasizzat li anke jekk, minkejja ż-żmien li jkun għadda mill-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u d-dikjarazzjoni ta' kompatibbiltà li din fiha, kellhom jittieħdu azzjonijiet ġudizzjarji oħra quddiem il-qrati nazzjonali, ir-rikorrenti bl-ebda mod ma tkun imċaħħda minn protezzjoni ġuridika effettiva. Fil-fatt, minn naħa, hija tkun tista' tinvoka l-motivi kollha ta' difiża bbażati fuq id-dritt nazzjonali sabiex topponi l-ħlas lura ta' l-għajnuna. Min-naħa l-oħra, peress li dan ir-rikors qed jiġi ddikjarat bħala inammissibbli, xejn ma jipprekludiha milli titlob lill-qorti nazzjonali, fil-kuntest ta' kawża quddiem qorti nazzjonali, tagħmel talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, sabiex tiġi kkontestata l-validità tad-deċiżjoni safejn din tikkonstata li l-miżura in kwistjoni hija għajnuna (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta' Marzu 1994, TWD Textilwerke Deggendorf, C-188/92, Ġabra p. I-833, punti 17 u 18; ara, fir-rigward ta' atti ta' applikazzjoni ġenerali, is-sentenza Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, punt 39 aktar 'il fuq, punt 40, u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-1 ta' April 2004, Il-Kummissjoni vs Jégo-Quéré, C-263/02 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 30 sa 35).

41      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha magħmulin aktar 'il fuq jirriżulta li r-rikorrenti ma ġabitx il-prova ta' l-interess effettiv u attwali tagħha li taġixxi. Għalhekk ir-rikors għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.

 Fuq l-ispejjeż

42      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li din tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tal-kawża kif mitlub mill-Kummissjoni.

43      Skond l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (it-Tielet Awla Estiża)

taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

2)      Ir-rikorrenti hija kkundannata tbati l-ispejjeż.

3)      Ir-Renju ta' Spanja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Azizi

Jaeger

Dehousse

Cremona

 

Czúcz

Mogħtija fil-qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fl-14 ta' April 2005

H. Jung

 

      J. Azizi

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.