Language of document :

Rikors ippreżentat fit-23 ta' Diċembru 2011 - Sabbagh vs Il-Kunsill

(Kawża T-652/11)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Bassam Sabbagh (Damasku, is-Sirja) (rappreżentanti: M.-A. Bastin u J.-M. Salva, avukati)

Konvenuta: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara r-rikors ammissibbli fl-intier tiegħu;

tiddikjarah fondat fil-motivi kollha tiegħu;

tiddikjara li l-atti kkontestati jistgħu jiġu parzjalment annullati peress li l-parti tal-atti li għandha tiġi annullata tista' tiġi sfilzata mill-att sħiħ,

konsegwentement,

tannulla parzjalment id-Deċiżjoni 2011/782 tal-1 ta' Diċembru 2011, li tħassar id-Deċiżjoni 2011/273/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja u r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1151/2011, tal-14 ta' Novembru 2011, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 442/2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja billi jitneħħa l-isem ta' Bassam Sabbagh mil-lista ta' persuni li fir-rigward tagħhom japplikaw is-sanzjonijiet;

fin-nuqqas ta' dan, tanulla d-Deċiżjoni 2011/782 tal-1 ta' Diċembru 2011 li tħassar id-Deċiżjoni 2011/273/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja u r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1151/2011, tal-14 ta' Novembru 2011, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 442/2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja billi jitneħħa l-isem ta' Bassam Sabbagh mil-lista ta' persuni li fir-rigward tagħhom japplikaw is-sanzjonijiet;

fin-nuqqas ta' dan, tiddikjara dawn id-deċiżjonijiet u regolament bħala mhux applikabbli fir-rigward ta' Bassam Sabbagh u tordna t-tneħħija ta' ismu u r-referenzi tiegħu mil-lista ta' persuni li fir-rigward tagħhom japplikaw is-sanzjonijiet tal-Unjoni Ewropea ;

tordna lill-Kunsill iħallas USD 500 000 f'danni u interessi fuq bażi provviżorja f'kumpens għal danni morali u materjali subiti bħala riżultat tal-inklużjoni ta' Bassam Sabbagh fil-lista persuni li fir-rigward tagħhom japplikaw is-sanzjonijiet;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż kollha u b'mod partikolari għall-ispejjeż, il-miżati u l-ħlasijiet kollha li saru mir-rikorrent fid-difiża tiegħu f'din il-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka sitt motivi.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta' evalwazzjoni billi r-rikorrent jikkontesta l-motivazzjoni kontrih fl-atti kkontestati.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ xieraq, billi l-atti kkontestati ma ġewx innotifikati lir-rikorrent u lanqas ma ġiet ikkomunikata lilu l-ebda prova jew indizzju serju li jiġġustifika l-inklużjoni tiegħu fil-lista persuni li fir-rigward tagħhom japplikaw is-sanzjonijiet.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni inkwantu l-konvenut kien sodisfatt li juża formulazzjoni affermattiva u mhux motivata fl-atti kkontestati meta ddeċieda l-miżuri restrittivi fir-rigward tar-rikorrent.

Ir-raba' motiv huwa bbażat fuq ksur tad-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv sal-punt li l-ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni jipprekludi lill-qorti Ewropea li teżerċita stħarriġ tal-legalità tal-atti kkontestati.

Il-ħames motiv huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tal-proprjetà peress li s-sanzjonijiet adottati jikkostitwixxu preġudizzju sproporzjonat tad-dritt tar-rikorrent li liberament jiddisponi mill-proprjetà tiegħu.

Sitt motiv huwa bbażat fuq id-dannu li jirriżulta mill-inklużjoni tar-rikorrent fil-lista ta' persuni li fir-rigward tagħhom japplikaw is-sanzjonijiet, il-pubblikazzjoni tal-atti kkontestati koperti mill-istampa li kellhom impatt fuq l-aspettattivi leġittimi tal-klijenti tar-rikorrent fil-konfront tiegħu.

____________