Language of document : ECLI:EU:C:2024:496

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

13 ta’ Ġunju 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 1999/70/KE – Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat – Kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat fis-settur pubbliku – Membri tal-persunal mhux permanenti – Klawżola 5 – Miżuri intiżi biex jipprevjenu u jissanzjonaw l-użu abbużiv tal-kuntratti ta’ xogħol jew tar-relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien determinat suċċessivi”

Fil-Kawżi magħquda C‑331/22 u C‑332/22,

li għandhom bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo n°17 de Barcelona (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali Nru 17 ta’ Barcelona, Spanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑12 ta’ Mejju 2022 u tas‑6 ta’ Mejju 2022, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja rispettivament fis‑17 ta’ Mejju 2022 u fid-19 ta’ Mejju 2022, fil-proċeduri

KT

vs

Dirección General de la Función Pública, adscrita al Departamento de la Presidencia de la Generalitat de Catalunya (C‑331/22),

u

HM,

VD

vs

Departamento de Justicia de la Generalitat de Catalunya (C‑332/22),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn P. G. Xuereb, li qiegħed jaġixxi bħala President ta’ Awla, A. Kumin (Relatur) u I. Ziemele, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Emiliou,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal KT, minn B. Salellas Vilar, avukat,

–        għal HM u VD, minn J. Araúz de Robles Dávila, avukat

–        għad-Dirección General de la Función Pública, adscrita al Departamento de la Presidencia de la Generalitat de Catalunya, u għad-Departamento de Justicia de la Generalitat de Catalunya, minn B. Bernad Sorjús, letrada,

–        għall-Gvern Spanjol, minn A. Gavela Llopis, bħala aġent,

–        għall-Gvern Elleniku, minn V. Baroutas u M. Tassopoulou, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn I. Galindo Martín, D. Recchia u N. Ruiz García, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss, konkluż fit‑18 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim qafas”), li jinsab anness mad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat‑28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368).

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tilwimiet bejn, fil-Kawża C‑331/22, KT u d-Dirección General de la Función Pública, adscrita al Departamento de la Presidencia de la Generalitat de la Catalunya (id-Direttorat Ġenerali (DĠ) tas-Servizz Pubbliku, marbut mal-Presidenza tal-Komunità Awtonoma ta’ Cataluña, Spanja) u, fil-Kawża C‑332/22, HM u VD u d-Departamento de Justicia de la Generalitat de Catalunya (il-Ministeru għall-Ġustizzja tal-Gvern tal-Komunità Awtonoma ta’ Cataluña, Spanja) dwar il-klassifikazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol li torbot lill-persuni kkonċernati mal-amministrazzjoni pubblika kkonċernata.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

3        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 1999/70 jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattvi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva [u għandhom jieħdu l-]miżuri neċessarji [kollha] sabiex ikunu jistgħu f’kull ħin ikunu f’posizzjoni li jiggarantixxu r-riżultati imposti b’din id-Direttiva. [...]”

4        Skont il-klawżola 1 tal-Ftehim qafas:

“L-iskop ta’ dan il-ftehim qafas hu:

[...]

(b)      li jistabbilixxi qafas biex jipprevjeni l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ l-impjieg għal terminu fiss. ”

5        Il-klawżola 4 tal-Ftehim qafas, intitolata “Il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni”, tipprovdi, fil-punt 1 tagħha:

“Fejn għandhom x’jaqsmu l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg, ħaddiema għal terminu fiss m’għandhomx jiġu trattati b’mod inqas favorevoli minn ħaddiem kumparabbli permanenti biss minħabba li għandhom kuntratt jew relazzjoni għal terminu fiss sakemm trattament differenti ma jkunx ġustifikat fuq bażi oġġettiva.”

6        Il-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas, bit-titolu “Miżuri għal prevenzjoni ta’ l-abbuż”, tipprovdi:

“1.      Sabiex jiġi ipprevenut l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss, wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv jew il-prattika, u/jew l-imsieħba soċjali, għandhom, meta ma hemm ebda miżuri ekwivalenti legali biex jipprevjenu l-abbuż, jintroduċu b’mod li jieħu kont tal-ħtiġiet tas-setturi u/jew kategoriji speċifiċi ta’ ħaddiema, waħda jew iktar mill-miżuri li ġejjin:

(a)      raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet;

(b)      iż-żmien massimu totali ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss;

(ċ)      in-numru ta’ tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet.

2.      L-Istati Membri wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali u/jew l-imsieħba soċjali għandhom, meta approprjat, jiddeterminaw taħt liema kondizzjonijiet il-kuntratti jew ir-relazzjonijiet ta’ impjieg għal terminu fiss:

(a)      għandhom jitqiesu bħala ‘suċċessivi’;

(b)      għandhom jitqiesu bħala kuntratti jew relazzjonijiet għal żmien indefinit.”

 Iddritt Spanjol

 IlKostituzzjoni

7        L-Artikolu 23(2) tal-Constitución española (il-Kostituzzjoni Spanjola, iktar ’il quddiem il-“Kostituzzjoni”), jipprovdi li ċ-ċittadini “għandhom id-dritt li jaċċedu, f’kundizzjonijiet ta’ ugwaljanza, għall-funzjonijiet u għall-pożizzjonijiet pubbliċi, mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti stabbiliti mil-liġi”.

8        L-Artikolu 103(3) tal-Kostituzzjoni jipprovdi, b’mod partikolari, li l-liġi għandha tiddefinixxi l-istatus tal-uffiċjali u għandha tirregola l-aċċess għas-servizz pubbliku skont il-prinċipji ta’ mertu u ta’ kapaċità.

 Illeġiżlazzjoni dwar ilkuntratti għal żmien determinat

–       LIstatut talĦaddiema

9        L-Artikolu 15(3) tar-Real Decreto Legislativo 2/2015, por el que se aprueba el texto refundido de la Ley del Estatuto de los Trabajadores (id-Digriet Irjali Leġiżlattiv 2/2015, li Japprova t-Test Rivedut tal-Liġi li Tistabbilixxi l-Istatut tal-Ħaddiema), tat‑23 ta’ Ottubru 2015 (BOE Nru 255, tal‑24 ta’ Ottubru 2015, p. 100224), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti tal-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem l-“Istatut tal-Ħaddiema”), jipprovdi li “[i]l-kuntratti għal żmien determinat konklużi bi ksur tal-liġi għandhom jitqiesu li ġew konklużi għal żmien indeterminat”.

10      L-Artikolu 15(5) tal-Istatut tal-Ħaddiema jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet [tal-paragrafu] 1(a), [u tal-paragrafi] 2 u 3 ta’ dan l-artikolu, il-ħaddiema li ġew irreklutati, bi jew mingħajr interruzzjoni, għal terminu ta’ iktar minn 24 xahar fuq perijodu ta’ 30 xahar sabiex jokkupaw pożizzjoni ta’ xogħol identika jew differenti fi ħdan l-istess impriża jew l-istess grupp ta’ impriżi fil-kuntest ta’ mill-inqas żewġ kuntratti temporanji, kemm jekk direttament kif ukoll permezz tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tagħhom minn impriżi ta’ xogħol temporanju u skont modalitajiet kuntrattwali għal żmien determinat identiċi jew differenti, jakkwistaw il-kwalità ta’ ħaddiema permanenti. [...]”

–       LEBEP

11      L-Artikolu 10 tat-texto refundio de la Ley del Estatuto Básico del Empleado Público (Test Riformulat tal-Liġi dwar l-Istatus Bażiku tal-Membri tal-Persunal fis-Servizz Pubbliku), approvat permezz tar-Real Decreto Legislativo 5/2015 por el que se aprueba el Texto Refundido de la Ley del Estatuto Básico del Empleado Público (id-Digriet Leġiżlattiv Irjali Nru 5/2015, li Japprova t-Test ta’ Riformulazzjoni tal-Liġi dwar l-Istatus Bażiku tal-Membri tal-Persunal fis-Servizz Pubbliku), tat‑30 ta’ Ottubru 2015 (BOE Nru 261, tal‑31 ta’ Ottubru 2015, p. 103105), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti tal-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem l-“EBEP”), jipprovdi:

“1.      Membri tal-persunal ad interim huma persuni li, għal raġunijiet ta’ neċessità u urġenza ġġustifikati espressament, jinħatru f’din il-kwalità sabiex jeżerċitaw funzjonijiet li jwettquhom uffiċjali permanenti, fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

a)      l-eżistenza ta’ pożizzjonijiet vakanti li ma jistgħux jiġu okkupati minn uffiċjali;

b)      is-sostituzzjoni temporanja tal-persuni li jokkupaw dawn il-pożizzjonijiet;

c)      it-twettiq ta’ programmi ta’ natura temporanja, li ma jistax ikollhom perijodu ta’ iktar minn tliet snin, li jista’ jiġġedded bi tnax-il xahar skont il-liġijiet fil-qasam tas-servizz pubbliku adottati sabiex jiġu implimentati dawn ir-regolamenti tal-persunal;

d)      l-eċċess jew il-kumulu ta’ xogħol, matul perijodu massimu ta’ sitt xhur, fuq perijodu ta’ tnax-il xahar.

2.      L-aġenti mhux permanenti jintgħażlu permezz ta’ proċeduri aċċellerati li fi kwalunkwe każ jirrispettaw il-prinċipji tal-ugwaljanza, tal-mertu, tal-idoneità u tar-reklamar.

3.      Il-kariga tal-membri tal-persunal mhux permanenti tintemm, minbarra r-raġunijiet previsti fl-Artikolu 63, meta r-raġuni li tkun immotivat il-ħatra tagħhom tintemm.

4.      Fis-sitwazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, il-pożizzjonijiet vakanti mimlija minn membri tal-persunal temporanji huma inklużi fl-offerta ta’ impjieg li tikkorrispondi għall-eżerċizzju li matulu ssir il-ħatra tagħhom jew, jekk dan ikun impossibbli, matul is-sena finanzjarja segwenti, sakemm ma jiġix deċiż li l-pożizzjoni titneħħa.

5.      Is-sistema ġenerali tal-uffiċjali għandha tapplika għall-membri tal-persunal temporanji sa fejn dan ikun xieraq għan-natura tas-sitwazzjoni tagħhom [...]”

12      L-Artikolu 70 tal-EBEP jipprovdi:

“1.      Il-ħtiġijiet ta’ riżorsi umani li jibbenefikaw minn allokazzjoni baġitarja li għandhom ikunu koperti mir-reklutaġġ ta’ persunal ġdid huma suġġetti għal avviż ta’ impjieg pubbliku jew huma mimlijin permezz ta’ strument simili ieħor ta’ ġestjoni tal-kopertura tal-bżonnijiet tal-persunal, li jimplika l-organizzazzjoni tal-proċeduri ta’ reklutaġġ korrispondenti għall-pożizzjonijiet previsti, sal-limitu ta’ [10 %] addizzjonali, u li jiġi ffissat it-terminu massimu għall-pubblikazzjoni tal-avviżi. Fi kwalunkwe każ, l-implimentazzjoni tal-avviż ta’ impjieg pubbliku jew tal-istrument simili għandha ssir f’terminu ta’ tliet snin li ma jistax jiġi estiż.

2.      L-avviż ta’ impjieg pubbliku jew l-istrument simili, approvat kull sena mill-korpi governattivi tal-amministrazzjoni pubblika kkonċernata, għandu jiġi ppubblikat fil-ġurnal uffiċjali korrispondenti.

[...]”

–       IlLiġi 20/2021

13      Il-Ley 20/2021, de medidas urgentes para la reducción de la temporalidad en el empleo público (il-Liġi Nru 20/2021 dwar il-Miżuri Urġenti Intiżi biex Inaqqsu n-Natura Temporanja tal-Impjieg Pubbliku), tat‑28 ta’ Diċembru 2021 (BOE Nru 312, tad‑29 ta’ Diċembru 2021, p. 165067, iktar ’il quddiem il-“Liġi 20/2021”), issostitwixxiet impliċitament ir-Real Decreto-ley 14/2021 de medidas urgentes para la reducción de la temporalidad en el empleo público (id-Digriet Leġiżlattiv Irjali Nru 14/2021 dwar il-Miżuri Urġenti Intiżi biex Inaqqsu n-Natura Temporanja tal-Impjieg Pubbliku), tas‑6 ta’ Lulju 2021 (BOE Nru 161, tas‑7 ta’ Lulju 2021, p. 80375), u emendat ċerti dispożizzjonijiet tal-EBEP.

14      L-Artikolu 2 tal-Liġi 20/2021, intitolat “Proċess ta’ stabbilizzazzjoni tal-impjieg għal żmien determinat”, jipprovdi:

“1.      Għall-finijiet tal-istabbilizzazzjoni tal-impjieg għal żmien determinat, u minbarra d-dispożizzjonijiet tal-punt 6 tal-Artikolu 19(1) tal-Ley 3/2017 de Presupuestos Generales del Estado para el año 2017 [(il-Liġi Nru 3/2017 li Tistabbilixxi l-Baġit Ġenerali tal-Istat għas-sena 2017), tas‑27 ta’ Ġunju 2017 (BOE Nru 153, tat‑28 ta’ Ġunju 2017, p. 53787),] u tal-punt 9 tal-Artikolu 19(1) tal-Ley 6/2018 de Presupuestos Generales del Estado para el año 2018 [(il-Liġi Nru 6/2018 li Tistabbilixxi l-Baġit Ġenerali tal-Istat għas-sena 2018), tat‑3 ta’ Lulju 2018 (BOE Nru 161, tal‑4 ta’ Lulju 2018, p. 66621),] din il-liġi tawtorizza rata addizzjonali ta’ trasformazzjoni ta’ pożizzjonijiet okkupati minn ħaddiema għal żmien determinat f’pożizzjonijiet okkupati minn uffiċjali, imsejħa “rata ta’ stabbilizzazzjoni” [(tasa de estabilización)], li tinkludi l-pożizzjonijiet ta’ natura strutturali previsti fil-baġit okkupat b’mod mhux interrott u għal żmien determinat matul tal-inqas it-tliet snin ta’ qabel il‑31 ta’ Diċembru 2020, indipendentement mill-fatt jekk dawn il-pożizzjonijiet humiex inklużi jew le fil-listi ta’ pożizzjonijiet, fit-tabelli tal-persunal jew fil-forom l-oħra ta’ organizzazzjoni tar-riżorsi umani applikati fid-diversi amministrazzjonijiet pubbliċi.

Mingħajr preġudizzju għall-ewwel dispożizzjoni tranżitorja, il-pożizzjonijiet ikkonċernati mill-proċessi ta’ stabbilizzazzjoni tal-impjieg previsti fl-Artikolu 19(1)(6) tal-Liġi Nru 3/2017 li tistabbilixxi l-baġit ġenerali tal-Istat għas-sena 2017 u tal-punt 9 tal-Artikolu 19(1) tal-Liġi Nru 6/2018 li tistabbilixxi l-baġit ġenerali tal-Istat għas-sena 2018, huma inklużi fil-proċess ta’ stabbilizzazzjoni tal-impjieg deskritti fis-subparagrafu preċedenti, bil-kundizzjoni li dawn ikunu ġew inklużi fl-offerti ta’ impjieg pubbliku ta’ stabbilizzazzjoni korrispondenti u li ma kinux suġġetti għal sejħa għal kandidaturi fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, jew li kienu suġġetti għas-sejħa għal kandidaturi u baqgħu ma ntemmewx fi tmiem il-proċedura ta’ selezzjoni.

2.      Il-postijiet tax-xogħol battala li jimplimentaw il-proċessi ta’ stabbilizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 kif ukoll il-proċess il-ġdid ta’ stabbilizzazzjoni għandhom jiġu approvati u ppubblikati fil-ġurnali uffiċjali rilevanti qabel l‑1 ta’ Ġunju 2022 u għandhom ikunu kkoordinati mill-amministrazzjonijiet pubbliċi rilevanti.

L-avviżi ta’ kompetizzjoni għall-proċeduri ta’ selezzjoni maħsuba biex ikopru l-postijiet imsemmija fl-offerti ta’ impjieg pubbliku għandhom jiġu ppubblikati qabel il‑31 ta’ Diċembru 2022.

Dawn il-proċeduri ta’ għażla għandhom jiġu ffinalizzati qabel il‑31 ta’ Diċembru 2024.

3.      Ir-rata ta’ kopertura tal-pożizzjonijiet minn ħaddiema għal żmien determinat għandha tkun inqas minn [8 %] tal-pożizzjonijiet strutturali.

4.      L-implimentazzjoni ta’ dawn il-proċeduri ta’ selezzjoni, li jiggarantixxu f’kull każ l-osservanza tal-prinċipji ta’ kompetizzjoni libera, ta’ ugwaljanza, ta’ mertu, ta’ kapaċità u ta’ pubbliċità, tista’ tkun is-suġġett ta’ negozjati f’kull korp tal-amministrazzjoni ġenerali tal-Istat, tal-komunitajiet awtonomi u tal-awtoritajiet lokali, u jistgħu jittieħdu miżuri fi ħdan il-Comisión de Coordinación del Empleo Público [(il-Kummissjoni għall-Koordinazzjoni tal-Impjieg Pubbliku, Spanja)] sabiex tkun tista’ ssir il-koordinazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ dawn il-proċeduri bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi differenti.

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet eventwali tal-leġiżlazzjoni tas-servizz pubbliku speċifika għal kull amministrazzjoni jew għal-leġiżlazzjoni speċifika, is-sistema ta’ selezzjoni hija l-kompetizzjoni abbażi tal-kwalifiki u tal-eżamijiet, [40 %] tal-marka totali li tingħata lill-fażi ta’ selezzjoni bbażata fuq kwalifiki, li matulha l-esperjenza fil-korp, fil-klassi, fil-kategorija jew fil-klassifikazzjoni ekwivalenti rilevanti tittieħed inkunsiderazzjoni fil-parti l-kbira tagħha, bil-kundizzjoni li l-eżerċizzji tal-fażi ta’ selezzjoni fuq eżamijiet jistgħu ma jkunux eliminatorji, fil-kuntest tan-negozjati kollettivi stabbiliti fl-Artikolu 37(1)(c) tal-[EBEP].

Il-mekkaniżmi ta’ mobbiltà jew ta’ promozzjoni interna qabel il-kopertura tal-karigi għandhom ikunu konsistenti mal-proċessi ta’ stabbilizzazzjoni jekk ir-regoli speċifiċi għas-settur jew ir-regoli ta’ kull amministrazzjoni jipprevedu dan.

5.      Dawn il-proċessi għandhom neċessarjament jipproponu pożizzjonijiet ta’ natura strutturali okkupati minn persunal għal żmien determinat u t-twettiq tagħhom fl-ebda każ ma jista’ jwassal għal żieda fl-ispejjeż jew fil-persunal.

6.      Il-membri tal-persunal temporanji jew il-membri tal-persunal bil-kuntratt għal żmien determinat li l-kuntratt tagħhom jiġi xolt mill-amministrazzjoni minħabba l-falliment tal-proċess selettiv ta’ stabbilizzazzjoni, filwaqt li kienu fis-servizz f’din il-kwalità, għandhom dritt għal kumpens finanzjarju ekwivalenti għal 20 ġurnata ta’ remunerazzjoni fissa għal kull sena ta’ servizz, bil-perijodi ta’ inqas minn sena jiġu kkalkolati pro rata għax-xhur maħduma, sa massimu ta’ tnax-il xahar.

Għall-persunal bil-kuntratt għal żmien determinat, dan il-kumpens jikkorrispondi għad-differenza bejn, minn naħa, massimu ta’ 20 jum ta’ remunerazzjoni fissa għal kull sena ta’ servizz, sa massimu ta’ tnax-il xahar, u, min-naħa l-oħra, il-kumpens li jista’ jitlob il-ħaddiem minħabba x-xoljiment tal-kuntratt tiegħu, fejn il-perijodi ta’ inqas minn sena jiġu kkalkolati pro rata għax-xhur maħduma. Fil-każ fejn l-imsemmi kumpens jingħata b’mod ġudizzjarju, l-ammonti jiġu kkumpensati.

In-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tal-kandidat jew tal-kandidata fil-proċess selettiv ta’ stabbilizzazzjoni fl-ebda każ ma jagħti dritt għal xi kumpens finanzjarju.

7.      Sabiex jippermettu s-segwitu tal-offerta, l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jiċċertifikaw mal-Ministeru tal-Finanzi u tas-Servizz Pubbliku, permezz tas-Segretarjat tal-Istat għall-Baġit u għan-Nefqa, in-numru ta’ pożizzjonijiet strutturali okkupati għal żmien determinat ikkonstatat f’kull wieħed mill-oqsma kkonċernati.”

15      Skont is-sitt dispożizzjoni addizzjonali tal-Liġi Nru 20/2021:

“B’mod eċċezzjonali u konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 61(6) u (7) tal-[EBEP], l-amministrazzjonijiet pubbliċi għandhom jippubblikaw sejħa għal kandidaturi fil-forma ta’ kompetizzjoni abbażi tal-kwalifiki għall-pożizzjonijiet li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 2(1) u li kienu impjegati għal żmien determinat b’mod mhux interrott qabel l‑1 ta’ Jannar 2016.

Dawn il-proċeduri ta’ għażla, organizzati darba biss, jistgħu jkunu s-suġġett ta’ negozjati f’kull qasam tal-amministrazzjoni tal-Istat, tal-komunitajiet awtonomi u tal-awtoritajiet lokali u għandhom jirrispettaw, fi kwalunkwe każ, it-termini previsti minn din il-liġi.”

16      It-tmien dispożizzjoni addizzjonali tal-Liġi 20/2021 tipprovdi:

“Il-proċessi ta’ stabbilizzazzjoni msemmija fis-sitt dispożizzjoni addizzjonali jinkludu barra minn hekk fis-sejħiet għal kandidaturi tagħhom il-pożizzjonijiet vakanti ta’ natura strutturali okkupati għal żmien determinat minn persunal li għandu relazzjoni ta’ xogħol ta’ dan it-tip qabel l‑1 ta’ Jannar 2016.”

–       IlLiġi 40/2015

17      L-Artikolu 87(5) tal-Ley 40/2015, de Régimen Jurídico del Sector Público (il-Liġi 40/2015 dwar is-Sistema Legali tas-Settur Pubbliku), tal‑1 ta’ Ottubru 2015 (BOE Nru 236, tat‑2 ta’ Ottubru 2015, p. 89411), kif emendata bil-Ley 11/2020, Presupuestos Generales del Estado para el 2021 (il-Liġi Nru 11/2020, li Tistabbilixxi l-Baġit Ġenerali tal-Istat għas-sena 2021), tat‑30 ta’ Diċembru 2020 (BOE Nru 341, tal‑31 ta’ Diċembru 2020, p. 125958) (iktar ’il quddiem il-“Liġi 40/2015”), tippermetti lill-impjegati privati ta’ impriżi u ta’ entitajiet irregolati mid-dritt privat li jingħaqdu mas-settur pubbliku jeżerċitaw l-istess funzjonijiet bħal uffiċjal, u dan bħala ħaddiema f’pożizzjoni msejħa “residwa li għandha titneħħa” (a extinguir).

 Ilkawżi prinċipali u ddomandi preliminari

 IlKawża C331/22

18      Fil‑5 ta’ Mejju 2005, KT inħatret, bħala membru tal-persunal temporanju, f’pożizzjoni maniġerjali fi ħdan l-amministrazzjoni tal-Generalitat de Catalunya (il-Komunità Awtonoma ta’ Cataluña, Spanja). Minn din id-data, hija kienet is-suġġett ta’ diversi ħatriet temporanji suċċessivi fi ħdan din l-amministrazzjoni pubblika, fejn l-aħħar waħda minn dawn il-ħatriet kienet datata 5 ta’ Awwissu 2015. Il-ħatra ta’ KT kienet ir-riżultat ta’ proċedura ta’ selezzjoni mwettqa, b’mod partikolari, fl-osservanza tal-prinċipji ta’ mertu, ta’ kapaċità u ta’ ugwaljanza, previsti fl-Artikolu 103(3) tal-Kostituzzjoni.

19      Wara l-ftuħ tal-proċedura fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑331/22, il-konvenuta fil-kawża prinċipali ħabbret l-organizzazzjoni ta’ proċedura ta’ selezzjoni pubblika sabiex timtela, b’mod partikolari, il-pożizzjoni okkupata minn KT. Din tal-aħħar għalhekk talbet l-adozzjoni ta’ miżura provviżorja intiża biex teskludi din il-pożizzjoni minn din il-proċedura ta’ selezzjoni. Din it-talba ntlaqgħet mill-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo no 17 de Barcelona (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali Nru 17 ta’ Barcelona, Spanja), li hija l-qorti tar-rinviju f’din il-kawża.

20      Quddiem il-qorti tar-rinviju, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tqis li, sa fejn hija okkupat pożizzjoni vakanti sa mid-dħul fil-kariga tagħha u din il-pożizzjoni ma kinitx is-suġġett ta’ offerta ta’ impjieg, sabiex jiġi rrimedjat l-użu abbużiv ta’ ħatriet temporanji suċċessivi li hija kienet suġġetta għalihom, għandu jingħatalha l-istatus ta’ ħaddiem għal żmien indeterminat mhux permanenti (imsejjaħ “indefinido no fijo”) jew, sussidjarjament, li tiġi adottata miżura li tinvolvi ż-żamma tal-impjieg tagħha.

21      Il-konvenuta fil-kawża prinċipali tqis, min-naħa l-oħra, li, skont ġurisprudenza stabbilita tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), ma huwiex possibbli li r-relazzjoni ta’ xogħol temporanju ta’ membru tal-persunal temporanju tinbidel f’relazzjoni ta’ xogħol permanenti. Barra minn hekk, hija tiċħad l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ abbuż. Fl-aħħar nett, hija ssostni li, fi kwalunkwe każ, il-Liġi 20/2021, li tipprevedi miżuri effettivi intiżi biex inaqqsu l-użu abbużiv tal-impjieg temporanju fis-settur pubbliku, tippermetti li tiġi rregolarizzata s-sitwazzjoni tal-membri tal-persunal temporanji.

22      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali bdiet il-proċedura fil-Kawża C‑331/22 fi żmien meta d-dritt nazzjonali ma kien jipprevedi ebda konsegwenza legali fil-każ ta’ użu abbużiv ta’ impjieg temporanju fis-settur pubbliku. Madankollu, il-Liġi 20/2021, li ċerti dispożizzjonijiet tagħha huma applikabbli għall-kawża prinċipali f’din il-kawża, tistabbilixxi miżuri sabiex jitnaqqsu tali abbużi. Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-konformità ta’ din il-liġi mal-Ftehim Qafas.

23      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Juzgado de la Contencioso-Administrativo n° 17 de Barcelona (il-Qorti Amministrattiva Probinċjali Nru 17 ta’ Barcelona) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1.      Il-[Liġi 20/2021] tipprevedi bħala unika miżura ta’ sanzjoni l-organizzazzjoni ta’ proċeduri ta’ selezzjoni kif ukoll kumpens esklużivament favur il-vittmi tal-abbuż [mill-użu ta’ impjieg temporanu] li ma jgħaddux minn dawn il-kompetizzjonijiet. Din il-liġi tmur kontra l-klawżola 5 tal-[Ftehim qafas], għaliex hija ma tissanzjonax l-abbużi li seħħew fir-rigward ta’ impjegati temporanji tas-settur pubbliku li ma għaddewx minn dawn il-proċeduri ta’ selezzjoni, meta s-sanzjoni hija dejjem indispensabbli u meta l-fatt li persuna tgħaddi minn din il-kompetizzjoni ma jikkostitwixxix miżura ta’ sanzjoni li tosserva r-rekwiżiti tad-Direttiva [1999/70], kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fid-digriet tagħha tat-2 ta’ Ġunju 2021, SUSH u CGT Sanidad de Madrid (C‑103/19, EU:C:2021:460)?

2.      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għa[ll-ewwel domanda], u jekk il-Liġi 20/2021 ma tipprevedix miżuri effettivi oħra sabiex tissanzjona l-użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi jew l-estensjoni abbużiva ta’ kuntratt temporanju, il-fatt li l-liġi tonqos milli tipprevedi l-konverżjoni f’kuntratt għal żmien indeterminat ta’ sensiela ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat jew l-estensjoni abbużiva ta’ kuntratt temporanju jmur kontra l-klawżola 5 tal-[Ftehim qafas], kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fid-digriet tagħha tat-30 ta’ Settembru 2020, Câmara Municipal de Gondomar [(C‑135/20, EU:C:2020:760)]?

3.      It-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) stabbilixxiet fis-sentenzi tagħha 1425/2018 u 1426/2018, tas-26 ta’ Settembru 2018, il-ġurisprudenza, ikkonfermata permezz tas-sentenza tagħha 1534/2021 tal-20 ta’ Diċembru 2021, li tgħid li l-miżura li għandha tiġi adottata f’sitwazzjoni ta’ abbuż ta’ kuntratti temporanji tista’ tkun limitata għas-sempliċi fatt li l-impjegat tas-settur pubbliku vittma ta’ abbuż fl-iskema ta’ prekarjetà jinżamm fil-pożizzjoni tiegħu, sakemm l-amministrazzjoni li timpjegah tistabbilixxi jekk teżistix neċessità strutturali u sakemm hija torganizza l-proċeduri ta’ selezzjoni korrispondenti – miftuħa għall-kandidati li ma kinux is-suġġett ta’ dan l-abbuż ta’ kuntratti temporanji – sabiex timla l-pożizzjoni b’uffiċjali tas-settur pubbliku permanenti jew ta’ karriera. Din il-ġurisprudenza tmur kontra l-klawżola 5 tal-[Ftehim qafas] meta l-organizzazzjoni ta’ proċedura ta’ selezzjoni miftuħa u l-fatt li wieħed jgħaddi minn din il-kompetizzjoni ma hijiex miżura ta’ sanzjoni li tosserva r-rekwiżiti tad-Direttiva [1999/70], kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fid-digriet tagħha tat-2 ta’ Ġunju 2021, SUSH u CGT Sanidad de Madrid [(C‑103/19, EU:C:2021:460)]?

4.      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv [għat-tielet domanda] u jekk il-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) ma tipprevedix miżuri effettivi oħra sabiex tissanzjona l-użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi jew l-estensjoni abbużiva ta’ kuntratt temporanju, il-fatt li din il-ġurisprudenza ma tipprevedix il-konverżjoni f’kuntratt għal żmien indeterminat ta’ sensiela ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat jew l-estensjoni abbużiva ta’ kuntratt temporanju jmur kontra l-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas tad-Direttiva 1999/70, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fid-digriet tagħha tat-[30] ta’ Settembru 2020, Câmara Municipal de Gondomar (C 135/20)[, EU:C:2020:760)]?

5.      Jekk il-leġiżlazzjoni adottata sabiex tittrasponi l-klawżola 5 tal-[Ftehim qafas] tikser id-dritt [tal-Unjoni] billi ma tipprevedi l-ebda miżura ta’ sanzjoni speċifika li tista’ tiżgura l-osservanza tal-għanijiet ta’ din in-norma [tal-Unjoni] u li ttemm il-prekarjetà tal-impjegati tas-settur pubbliku, f’tali sitwazzjoni, l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali għandhom jaċċettaw li jibdlu r-relazzjoni temporanja [abbużiva] f’relazzjoni permanenti differenti minn dik ta’ uffiċjal ta’ karriera, iżda li tiżgura l-istabbiltà tal-impjieg lill-vittma tal-abbuż sabiex jiġi evitat li dan l-abbuż jibqa’ mhux issanzjonat u li jiġu ppreġudikati l-għanijiet tal-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas, anki jekk din il-konverżjoni ma hijiex prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, sakemm din ir-relazzjoni temporanja tkun ġiet ippreċeduta minn proċedura ta’ selezzjoni permezz ta’ kompetizzjoni pubblika u b’osservanza tal-prinċipji ta’ ugwaljanza, ta’ mertu u ta’ kapaċità?”

 IlKawża C332/22

24      HM ilha taħdem bħala membru tal-persunal temporanju mal-amministrazzjoni tal-ġustizzja fil-Cataluña mill‑14 ta’ Diċembru 1984. L-anzjanità tagħha fi ħdan din l-amministrazzjoni kienet iktar minn 37 sena fid-data tal-bidu tal-proċedura fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑332/22. Ir-relazzjoni ta’ xogħol tagħha mmaterjalizzat permezz ta’ ħatriet differenti u l-konklużjoni ta’ kuntratti differenti. Għal iktar minn 8 snin, HM kienet tokkupa l-pożizzjoni vakanti ta’ amministratur proċedurali u amministrattiv fi ħdan il-Juzgado de lo Penal Nru 3 de Vilanova i la Geltrú (il-Qorti Kriminali Provinċjali Nru 3 ta’ Vilanova i la Geltrú, Spanja).

25      VD ilha taħdem bħala membru tal-persunal temporanju mal-amministrazzjoni tal-ġustizzja fil-Cataluña mill‑15 ta’ Mejju 1991. Bejn din id-data u l‑31 ta’ Mejju 2012, hija nħatret f’diversi korpi ġudizzjarji ta’ Barcelona. Fl‑20 ta’ Ġunju 2012, hija nħatret, bħala membru tal-persunal temporanju tal-Cuerpo de Tramitación Procesal y Administrativa (il-Korp inkarigat mit-trattament proċedurali u amministrattiv, Spanja), mal-Juzgado de lo Penal n° 3 de Barcelona (il-Qorti Kriminali Provinċjali Nru 3 ta’ Barcelona, Spanja). VD ilha tokkupa din il-pożizzjoni vakanti sa minn din l-aħħar data, jiġifieri għal iktar minn 9 snin.

26      Quddiem il-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo n° 17 de Barcelona (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali Nru 17 ta’ Barcelona), li hija, bħal fil-Kawża C‑331/22, il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑332/22, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jirrilevaw li huma eżerċitaw, matul is-snin kollha ta’ attività fi ħdan l-amministrazzjoni tal-ġustizzja fil-Cataluña, funzjonijiet identiċi għal dawk tal-uffiċjali f’sitwazzjoni paragunabbli u, għaldaqstant, issodisfaw bżonnijiet li ma humiex temporanji, urġenti u eċċezzjonali, iżda ordinarji, fit-tul u permanenti. Għalhekk, il-konstatazzjoni ta’ użu abbużiv, mill-amministrazzjoni pubblika kkonċernata, tal-kuntratti jew tar-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, inkompatibbli mal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, hija meħtieġa. Fil-fehma tagħhom, fin-nuqqas tad-dritt Spanjol li jipprevedi, fis-settur pubbliku, miżura li tippermetti li tali rikors jiġi ssanzjonat, is-sanzjoni li għandha tiġi applikata f’dan is-settur għandha tkun it-trasformazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat, u dan permezz tal-kisba tal-istatus ta’ uffiċjal jew, sussidjarjament, billi r-relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat abbużiva tiġi ttrasformata f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat paragunabbli ma’ dik tal-uffiċjali. B’mod iktar sussidjarju, huma jitolbu li l-amministrazzjoni kkonċernata tirrikonoxxilhom id-dritt li jżommu ruħhom fil-pożizzjonijiet li huma jokkupaw attwalment, bħala detenturi ta’ dawn il-pożizzjonijiet. Fl-aħħar nett, huma jitolbu l-ħlas ta’ somma ta’ EUR 18 000 jew ta’ somma xierqa, bħala sanzjoni għall-użu abbużiv tal-kuntratti jew tar-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi li huma kienu vittmi tagħhom.

27      Min-naħa l-oħra, il-konvenut fil-kawża prinċipali, minn naħa, isostni n-nuqqas ta’ abbuż, inkwantu s-sejħiet għal kandidaturi għall-pożizzjonijiet okkupati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ġew ippubblikati kważi kull sena. Min-naħa l-oħra, huwa jirreferi għal-Liġi 20/2021, li tippermetti li tiġi rregolarizzata s-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

28      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Juzgado de la Contencioso-Administrativo n° 17 de Barcelona (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali Nru 17 ta’ Barcelona) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      Il-miżuri stabbiliti fis-[sentenzi tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja)] Nri 1425/2018 u 1426/2018 tas-26 ta’ Settembru 2018, li l-pożizzjoni tagħha għadha ma nbidlitx sal-lum (30 ta’ Novembru 2021), li jikkonsistu f’li l-ħaddiem tas-settur pubbliku vittma ta’ abbuż jinżamm fl-istess skema ta’ prekarjetà abbużiva fl-impjieg sakemm l-amministrazzjoni li timpjegah tiddetermina jekk teżistix neċessità strutturali u tniedi l-proċeduri ta’ selezzjoni korrispondenti sabiex timla l-pożizzjoni b’ħaddiema tas-settur pubbliku għal żmien indeterminat jew minn uffiċjal, huma miżuri konformi mar-rekwiżiti ta’ sanzjoni tal-klawżola 5 tal-[Ftehim qafas]?

Jew, għall-kuntrarju, dawn il-miżuri jipperpetwaw il-prekarjetà u l-assenza ta’ protezzjoni sakemm l-amministrazzjoni li timpjega tiddeċiedi b’mod aleatorju li tniedi proċedura ta’ selezzjoni sabiex timla l-pożizzjoni tiegħu b’ħaddiem għal żmien indeterminat, li l-eżitu tagħha huwa inċert għaliex dawn il-proċeduri huma miftuħa wkoll għall-kandidati li ma kinux vittmi ta’ tali abbużi, b’tali mod li dawn il-miżuri ma jistgħux jitqiesu bħala miżuri ta’ sanzjoni dissważivi għall-finijiet tal-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas, u lanqas li jiżguraw l-osservanza tal-għanijiet tiegħu?

2)      Meta qorti nazzjonali, li tkun qiegħda tosserva l-obbligu tagħha li tissanzjona, fil-każijiet kollha, l-abbuż ikkonstatat (liema sanzjoni hija “indispensabbli” u “immedjata”), tasal għall-konklużjoni li l-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi ma jippermettix li tiġi żgurata l-effettività tad-Direttiva [1999/70] mingħajr ma twettaq interpretazzjoni “contra lege[m]” tad-dritt intern, preċiżament għaliex id-dritt intern tal-Istat Membru ma inkluda ebda miżura ta’ sanzjoni sabiex jimplimenta l-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas fis-settur pubbliku[ din] il-qorti għandha tapplika l-kunsiderazzjonijiet żviluppati fis-sentenzi tas-17 ta’ April 2018, Egenberger [(C‑414/16, EU:C:2018:257)], jew tal-15 ta’ April 2008, Impact [(C‑268/06, EU:C:2008:223)], b’tali mod li l-Artikoli 21 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea [iktar ’il quddiem il-“Karta”] jkunu jippermettu li d-dispożizzjonijiet tad-dritt intern li jipprekludu li tiġi żgurata l-effettività sħiħa tad-Direttiva [1999/70] jiġu mwarrba, anki jekk dawn huma ta’ livell kostituzzjonali?

Konsegwentement, din il-qorti għandha tbiddel ir-relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat ta’ natura abbużiva f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat, identika jew paragunabbli ma’ dik tal-uffiċjali permanenti paragunabbli, billi tagħti lill-vittma tal-abbuż l-istabbiltà tal-impjieg, sabiex jiġi evitat li dan l-abbuż jibqa’ mhux issanzjonat u li jiġu ppreġudikati l-għanijiet u l-effettività tal-imsemmija klawżola 5 tal-Ftehim Qafas, u dan anki jekk din il-bidla hija pprojbita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali jew mill-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), jew tista’ tkun kuntrarja għall-[Kostituzzjoni]?

3)      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenzi tagħha tal-25 ta’ Ottubru 2018, Sciotto [(C‑331/17, EU:C:2018:859)], u tat-13 ta’ Jannar 2022, MIUR u Ufficio Scolastico Regionale per la Campania [(C‑282/19, EU:C:2022:3)], li l-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi lil ċerti ħaddiema tas-settur pubbliku mill-applikazzjoni tar-regoli li jissanzjonaw l-użu abbużiv tal-kuntratti għal żmien determinat suċċessivi, meta ma teżisti ebda miżura oħra effettiva fl-ordinament ġuridiku intern li tissanzjona l-imsemmi użu abbużiv, u fil-leġiżlazzjoni Spanjola ma teżisti ebda miżura sabiex tissanzjona l-abbuż fis-settur pubbliku applikabbli għall-persunal impjegat fil-kuntest ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi.

L-applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-prinċipju tal-Unjoni ta’ ekwivalenza timponi l-obbligu li l-ħaddiema tas-settur pubbliku għal żmien determinat vittmi ta’ abbuż jiġu mibdula f’ħaddiema tas-settur pubbliku għal żmien indeterminat jew f’uffiċjali, billi jiġu suġġetti għall-istess raġunijiet ta’ xoljiment u ta’ tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol bħal dawk applikabbli għal dawn tal-aħħar, sa fejn, fis-settur privat, l-Artikolu 15 tal-[Istatut tal-Ħaddiema] jimponi l-obbligu li l-ħaddiema għal żmien determinat impjegati b’mod kontinwu mill-istess persuna li timpjega għal iktar minn 24 xahar fuq perijodu ta’ 30 xahar jiġu mibdula f’ħaddiema għal żmien indeterminat, u fejn l-Artikolu 8[7]([5]) tal-Liġi [40/2015] jippermetti, skont id-dritt nazzjonali, li l-ħaddiema privati ta’ impriżi u ta’ entitajiet li jgħaddu għas-settur pubbliku jistgħu jissodisfaw l-istess funzjonijiet bħall-uffiċjali, fil-kwalità ta’ ħaddiem f’pożizzjoni “residwa li għandha titneħħa” (imsejħa “a extinguir”) u billi barra minn hekk ikunu suġġetti għall-istess raġunijiet ta’ xoljiment bħal dawn tal-aħħar?

4)      Fid-dawl tal-fatt li l-kundizzjonijiet dwar it-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol u l-kundizzjonijiet ta’ xoljiment ta’ kuntratt ta’ xogħol jagħmlu parti mill-‘kondizzjonijiet ta’ l-impjieg’ imsemmija fil-Klawżola 4 tal-[Ftehim qafas] (sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2014, Nierodzik C‑38/13, EU:C:2014:152, punti 27 u 29, u tal-14 ta’ Settembru 2016, de Diego Porras, C‑596/14, EU:C:2016:683, punti 30 u 31),

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għa[t-tielet domanda], il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tiddetermina jekk, il-fatt li l-impjieg tal-membri tal-persunal tas-settur pubbliku għal żmien determinat vittmi ta’ abbuż jiġi magħmul stabbli billi jiġu applikati għalihom l-istess raġunijiet ta’ xoljiment u ta’ tkeċċija bħal dawk applikabbli għall-uffiċjali jew il-ħaddiema għal żmien indeterminat paragunabbli, mingħajr ma jakkwistaw din il-kwalità, jikkostitwixxix miżura li l-awtoritajiet nazzjonali huma obbligati japplikaw skont il-klawżoli 4 u 5 tal-[Ftehim qafas] u l-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi, peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprojbixxi biss li tiġi akkwistata l-kwalità ta’ ħaddiem għal żmien indeterminat jew ta’ uffiċjal għal dawk li ma jissodisfawx ċerti rekwiżiti, u li l-fatt li l-impjieg ta’ dawn il-ħaddiema jiġi magħmul stabbli skont il-modalitajiet imsemmija ma jwassalx għall-akkwist ta’ din il-kwalità.

5)      Sa fejn l-Artikolu 15 tal-Istatut tal-Ħaddiema jistabbilixxi t-tul massimu tal-kuntratti għal żmien determinat għal sentejn, għar-raġuni li, wara dan it-terminu, in-neċessità koperta la tibqa’ provviżorja u lanqas eċċezzjonali, iżda ordinarja u fit-tul, u jimponi fuq il-persuni li jimpjegaw tas-settur privat l-obbligu li jbiddlu r-relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat, u sa fejn l-Artikolu 10 tal-EBEP, fis-settur pubbliku, jimponi l-obbligu li l-pożizzjonijiet vakanti koperti minn aġenti mhux permanenti jew minn persunal bil-kuntratt għal żmien determinat fl-offerta ta’ impjieg tas-sena li matulha sseħħ il-ħatra tagħhom jew, jekk dan ma huwiex possibbli, fis-sena ta’ wara f’terminu massimu ta’ sentejn, sabiex il-pożizzjoni timtela’ minn ħaddiem għal żmien indeterminat jew uffiċjal,

Għandu jiġi konkluż li jkun hemm abbuż fir-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi fis-settur pubbliku minn meta l-amministrazzjoni li timpjega ma tassenjax lil ħaddiem għal żmien indeterminat jew lil uffiċjal għall-pożizzjoni koperta minn ħaddiem tas-settur pubbliku għal żmien determinat fit-termini previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, jiġifieri minn meta din il-pożizzjoni ma hijiex inkluża f’offerta ta’ impjieg fis-servizz pubbliku f’terminu massimu ta’ sentejn mill-ħatra tal-aġent mhux permanenti jew tal-ħaddiem bil-kuntratt għal żmien determinat, bl-obbligu li ttemm ir-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu billi teżegwixxi din l-offerta ta’ impjieg fis-servizz pubbliku fit-terminu massimu ta’ tliet snin stabbilit mill-Artikolu 70 tal-EBEP?

6)      Il-Liġi [20/2021] hija kuntrarja għall-prinċipji tal-Unjoni ta’ legalità u ta’ nuqqas ta’ retroattività tad-dispożizzjonijiet kriminali, b’mod partikolari stipulati fl-Artikolu 49 [tal-Karta], sa fejn tipprevedi, bħala sanzjoni għall-użu abbużiv tar-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, proċeduri ta’ selezzjoni li japplikaw anki meta l-atti jew ommissjonijiet li jikkostitwixxu l-ksur – u, konsegwentement, l-abbuż – u d-denunzja tagħhom, seħħew u ġew kommessi – diversi snin – qabel il-promulgazzjoni tal-Liġi 20/2021?

7)      Il-Liġi 20/2021, sa fejn tipprevedi, bħala miżuri ta’ sanzjoni, l-organizzazzjoni ta’ proċeduri ta’ selezzjoni u kumpens biss lill-vittmi ta’ abbuż li ma jirnexxux fl-imsemmija proċedura ta’ selezzjoni, hija kuntrarja għall-klawżola 5 tal-[Ftehim qafas] u għad-Direttiva 1999/70, sa fejn tħalli mhux issanzjonati l-abbużi mwettqa fil-konfront tal-ħaddiema għal żmien determinat tas-settur pubbliku li rnexxew fl-imsemmija proċedura ta’ selezzjoni, minkejja li s-sanzjoni hija dejjem indispensabbli u li, bħalma l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fid-digriet tagħha tat-2 ta’ Ġunju 2021, SUSH u CGT Sanidad de Madrid [(C‑103/19, EU:C:2021:460)], li wieħed jirnexxi f’tali proċedura ta’ selezzjoni ma hijiex miżura ta’ sanzjoni li tissodisfa r-rekwiżiti tad-Direttiva?

Fi kliem ieħor, il-Liġi 20/2021, sa fejn tillimita l-għoti tal-kumpens lill-vittmi ta’ abbuż li ma jirnexxux fil-proċedura ta’ selezzjoni, u teskludi minn dan id-dritt lill-ħaddiema li kienu s-suġġett ta’ abbuż u li sussegwentement akkwistaw l-istatus ta’ ħaddiem għal żmien indeterminat permezz ta’ dawn il-proċeduri ta’ selezzjoni, hija kuntrarja għad-Direttiva 1999/70 u, b’mod partikolari, għall-punt 45 tad-digriet tat-2 ta’ Ġunju 2021, SUSH u CGT Sanidad de Madrid [(C‑103/19, EU:C:2021:460)], li fih il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, minkejja li l-organizzazzjoni ta’ proċeduri ta’ selezzjoni miftuħa għall-ħaddiema tas-settur pubbliku li ġew impjegati b’mod abbużiv fil-kuntest ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi tippermetti lil dawn tal-aħħar japplikaw sabiex jiksbu impjieg permanenti u fit-tul u, għaldaqstant, jiksbu l-istatus ta’ membru tal-persunal tas-settur pubbliku indeterminat, l-Istati Membri jibqgħu madankollu obbligati li jipprevedu miżura adegwata sabiex jissanzjonaw debitament l-użu abbużiv tal-kuntratti u tar-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi?

8)      Il-Liġi 20/2021, sa fejn tipprevedi li l-proċeduri ta’ selezzjoni intiżi li jnaqqsu r-rata ta’ impjieg għal żmien determinat fis-settur pubbliku għandhom isiru f’terminu ta’ tliet snin, sal-31 ta’ Diċembru 2024, u sa fejn tistabbilixxi bħala sanzjoni kumpens li għandu jingħata mat-tmien tar-relazzjoni ta’ xogħol jew mat-tkeċċija tal-vittma ta’ abbuż, hija kuntrarja għall-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas, fid-dawl tad-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Frar 2017, Rodrigo Sanz [(C‑443/16, EU:C:2017:109)], jew tas-sentenzi tal-14 ta’ Settembru 2016, Pérez López [(C‑16/15, EU:C:2016:679)], u tal-21 ta’ Novembru 2018, de Diego Porras [(C‑619/17, EU:C:2018:936)], peress li tipperpetwa jew ittawwal is-sitwazzjoni ta’ abbuż, ta’ assenza ta’ protezzjoni u ta’ prekarjetà ta’ impjieg tal-ħaddiem li huwa l-vittma fiha billi tippreġudika l-effettività tad-Direttiva 1999/70, u dan sakemm l-imsemmi ħaddiem jitkeċċa u jkun jista’ jirċievi l-imsemmi kumpens?

9)      Il-Liġi 20/2021, sa fejn tagħti, fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-Direttiva [1999/70], drittijiet inferjuri għal dawk li jirriżultaw mid-dritt nazzjonali, hija kuntrarja għall-prinċipju ta’ ekwivalenza, peress li:

–        Il-Liġi 11/2020 li tistabbilixxi l-Baġit Ġenerali tal-Istat għall-2021 temenda l-Artikolu 87([5]) tal-Liġi 40/2015 dwar is-Settur Pubbliku u tippermetti, skont id-dritt intern, li l-ħaddiema privati ta’ impriżi privati li jgħaddu għas-settur pubbliku jkunu jistgħu jeżerċitaw l-istess funzjonijiet bħall-uffiċjali, fil-kwalità ta’ ħaddiem f’pożizzjoni ‘residwa li għandha titneħħa’ (imsejħa ‘a extinguir’) u billi jkunu suġġetti għall-istess raġunijiet ta’ xoljiment tar-relazzjoni ta’ xogħol anki jekk dawn ma jkunux irnexxew fi proċedura ta’ selezzjoni, minkejja li l-Liġi 20/2021, meta din timplimenta d-dritt tal-Unjoni, ma tippermettix lill-ħaddiema tas-settur pubbliku li ġew magħżula skont proċeduri ta’ selezzjoni rregolati mill-prinċipji ta’ ugwaljanza, ta’ pubbliċità u ta’ kompetizzjoni ħielsa, li jkomplu jeżerċitaw l-istess funzjonijiet bħall-uffiċċjali, billi jkunu suġġetti għall-istess raġunijiet ta’ xoljiment;

–        L-Artikolu 15 tal-Istatut tal-Ħaddiema, fit-tfassil tiegħu wara [r-Real Decreto Legislativo] 1/1995, [por el que se aprueba el texto refundido de la Ley del Estatuto de los Trabajadores (id-Digriet Irjali Leġiżlattiv 1/1995, li Japprova t-Test Rivedut tal-Liġi li Tistabbilixxi l-Istatut tal-Ħaddiema), tal‑24 ta’ Marzu 1995 (BOE n° 75, tad‑29 ta’ Marzu 1995, p. 9654)], jiġifieri fit-tfassil tiegħu preċedenti għall-adozzjoni tad-Direttiva 1999/70, jippermetti – skont id-dritt intern – li l-ħaddiema li jaqgħu taħt id-dritt privat impjegati mill-istess persuna li timpjega għal iktar minn sentejn jiġu mibdula f’ħaddiema għal żmien indeterminat, minkejja li, fl-implimentazzjoni tad-direttiva, il-ħaddiema tas-settur pubbliku vittmi ta’ abbuż huma kkumpensati biss għal 20 jum għal kull sena servizz, b’limitu ta’ tnax-il xahar ta’ salarju, filwaqt li din il-bidla hija pprojbita;

–        L-Artikoli 32 et seq tal-Liġi 40/2015 dwar is-Settur Pubbliku jistabbilixxu l-prinċipju tal-kumpens sħiħ u jobbligaw lill-amministrazzjonijiet jikkumpensaw id-dannu kollu kkawżat lill-vittmi bl-atti tagħhom, minkejja li, fl-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-kumpens lill-vittmi ta’ abbuż huwa limitat a priori kemm fl-ammont tiegħu – 20 jum għal kull sena servizz – kif ukoll fiż-żmien – tnax-il xahar?

10)      Il-Liġi 20/2021, sa fejn tistabbilixxi bħala l-unika miżura reali ta’ sanzjoni kumpens ta’ 20 jum remunerazzjoni għal kull sena servizz lill-vittmi ta’ abbuż li ma rnexxewx fi proċedura ta’ selezzjoni, hija kuntrarja għall-ġurisprudenza stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tas-7 ta’ Marzu 2018, Santoro [(C‑494/16, EU:C:2018:166)], skont liema, fis-settur pubbliku, kumpens ma huwiex biżżejjed sabiex wieħed ikun konformi mad-[Direttiva 1999/70], peress li dan għandu jkun akkumpanjat b’miżuri oħrajn ta’ sanzjoni addizzjonali, effettivi, proporzjonati u dissważivi?

11)      Il-Liġi 20/2021, sa fejn tistabbilixxi l-kumpens lill-vittmi ta’ abbuż li ma rnexxewx fi proċedura ta’ selezzjoni għal 20 jum remunerazzjoni għal kull sena servizz, b’limitu ta’ tnax-il xahar salarju, hija kuntrarja għall-prinċipji tal-Unjoni ta’ kumpens adegwat u sħiħ u ta’ proporzjonalità, peress li din teskludi mill-kumpens il-lucrum cessans kif ukoll tipi oħra ta’ kumpens, bħal, per eżempju, dak li jirriżulta mit-telf ta’ opportunità (kunċett użat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza [tas‑7 ta’ Marzu 2018, Santoro (C‑494/16, EU:C:2018:166)]); l-impossibbiltà li tiġi akkwistata l-kwalità ta’ ħaddiem għal żmien indeterminat minħabba l-assenza ta’ organizzazzjoni tal-proċeduri ta’ selezzjoni fit-termini legali mil-leġiżlazzjoni nazzjonali jew l-impossibbiltà li persuna tingħata promozzjoni jew tipprogressa; id-dannu morali li jirriżulta mill-assenza ta’ protezzjoni inerenti f’kull sitwazzjoni ta’ prekarjetà fl-impjieg; it-tkeċċija tal-vittma ta’ abbuż meta tissodisfa ċerti kundizzjonijiet ta’ età u ta’ ġeneru (per eżempju, nisa ta’ iktar minn 50 sena) u ma jkun jeżisti ebda suq ta’ impjieg alternattiv; jew inkella t-tnaqqis tal-pensjonijiet tal-irtirar?

12)      Il-Liġi 20/2021, sa fejn tistabbilixxi kumpens massimu ta’ 20 jum remunerazzjoni għal kull sena servizz u tnax-il xahar salarju, hija kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni fid-dawl tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Awwissu 1993, Marshall [(C‑271/91, EU:C:1993:335)], u tas-17 ta’ Diċembru 2015, Arjona Camacho [(C‑407/14, EU:C:2015:831)], skont liema d-dritt tal-Unjoni jipprekludi li l-kumpens għad-dannu subit minn persuna leża bi tkeċċija jkun limitat a priori b’limitu massimu?”

 Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

29      Permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Settembru 2023, il-Kawżi C‑331/22 u C‑332/22 ġew magħquda għall-finijiet tas-sentenza, skont l-Artikolu 54(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

 Fuq ilġurisdizzjoni talQorti talĠustizzja u fuq lammissibbiltà tattalba għal deċiżjoni preliminari

30      Fl-ewwel lok, il-konvenuti fil-kawża prinċipali u l-Gvern Spanjol iqisu li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għat-talbiet għal deċiżjoni preliminari, peress li, permezz tagħhom, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-miżuri ta’ sanzjoni previsti mil-Liġi 20/2021 u tiddeċiedi dwar il-konformità ta’ dawn il-miżuri mal-Ftehim qafas. Skont dan il-gvern, dawn it-talbiet jeżiġu li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti opinjoni konsultattiva ta’ portata ġenerali dwar il-kunċett ta’ “aġent mhux permanenti”, kif previst fid-dritt Spanjol.

31      Fit-tieni lok, il-konvenuti fil-kawża prinċipali u l-Gvern Spanjol isostnu li t-talbiet għal deċiżjoni preliminari, sa fejn jirrigwardaw miżuri li jinsabu fil-Liġi 20/2021 jew li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), imorru lil hinn mis-suġġett tal-kawżi prinċipali u, għaldaqstant, iqajmu problema ta’ natura ipotetika.

32      Fil-fatt, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbu biss li r-relazzjoni ta’ xogħol temporanju tagħhom tiġi kklassifikata mill-ġdid f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat, mingħajr ma dawn it-talbiet ikunu bbażati fuq dawn il-miżuri jew fuq din il-ġurisprudenza. Għalhekk, pereżempju, l-ewwel nett, il-kumpens għat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol f’każ ta’ falliment tal-proċedura ta’ selezzjoni, prevista fl-Artikolu 2 tal-Liġi 20/2021, it-tieni nett, il-parteċipazzjoni f’din il-proċedura ta’ selezzjoni bħala mezz sabiex jinkiseb impjieg permanenti jew, it-tielet nett, il-miżura, stabbilita mill-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), taż-żamma fil-post tax-xogħol sal-organizzazzjoni u l-konklużjoni tal-proċedura ta’ selezzjoni korrispondenti jikkostitwixxu miżuri li ma humiex is-suġġett tal-kawżi prinċipali u għalhekk ma għandhom ebda rilevanza għas-soluzzjoni ta’ dawn it-tilwimiet.

33      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li s-sistema ta’ kooperazzjoni stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE hija bbażata fuq separazzjoni netta tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-kuntest ta’ kawża ppreżentata skont dan l-artikolu, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali għandha ssir mill-qrati tal-Istati Membri u mhux mill-Qorti tal-Ġustizzja, u ma huwiex kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ regoli tad-dritt intern mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni biex tipprovdi lill-qorti nazzjonali bl-elementi interpretattivi kollha li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni li jippermettulha tevalwa l-kompatibbiltà ta’ regoli tad-dritt intern mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni (sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2018, Sciotto, C‑331/17, EU:C:2018:859, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Għandu jitfakkar ukoll li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija l-qorti nazzjonali biss, li tkun tressqet il-kawża quddiemha u li għandha tkun responsabbli mid-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Ministero dell’Istruzione, dell’Università e della Ricerca - MIUR et (Riċerkaturi universitarji), C‑326/19, EU:C:2021:438, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

35      Għaldaqstant, id-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali biss meta jkun evidenti li l-interpretazzjoni ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma jkollha ebda konnessjoni mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli d-domandi li sarulha (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Ministero dell’Istruzione, dell’Università e della Ricerca - MIUR et (Riċerkaturi universitarji), C‑326/19, EU:C:2021:438, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

36      F’dan il-każ, għalkemm huwa minnu li t-tifsira litterali tad-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ dispożizzjoni tad-dritt intern, inklużi miżuri stabbiliti mill-ġurisprudenza nazzjonali, mad-dritt tal-Unjoni, ma hemm xejn li jwaqqaf lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tagħti risposta utli lil din il-qorti billi tipprovdilha l-gwidi għall-interpretazzjoni li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni li jippermettulha tiddeċiedi hija stess dwar il-kompatibbiltà tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2018, Sciotto, C‑331/17, EU:C:2018:859, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Barra minn hekk, mit-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirriżulta mingħajr ekwivoku li l-qorti tar-rinviju ser ikollha, fil-kuntest tar-riżoluzzjoni tal-kawżi prinċipali, tiddetermina l-miżuri nazzjonali li jippermettu, konformement mar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-Direttiva 1999/70, li jiġi ssanzjonat l-użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat.

38      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, mitluba mill-qorti tar-rinviju, ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawżi prinċipali jew li d-domandi dwar il-miżuri nazzjonali msemmija fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, bħala miżuri li jistgħu jissanzjonaw, konformement mar-rekwiżiti tad-Direttiva 1999/70, l-użu abbużiv tar-relazzjonijiet ta’ xogħol temporanji kkonċernati jqajmu problema ta’ natura ipotetika.

39      Madankollu, permezz tas-sitt domanda magħmula fil-Kawża C‑332/22, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipji ta’ legalità u ta’ nuqqas ta’ retroattività tad-dispożizzjonijiet kriminali, stabbiliti, b’mod partikolari, fl-Artikolu 49 tal-Karta, jipprekludux l-applikazzjoni retroattiva ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal-Liġi 20/2021, sa fejn din tipprevedi, għall-finijiet tat-tnaqqis tar-rata ta’ impjiegi temporanji, miżuri inqas favorevoli għall-ħaddiema vittmi ta’ użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi mil-leġiżlazzjoni nazzjonali preċedenti.

40      Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-prinċipji ta’ legalità u ta’ nuqqas ta’ retroattività tad-dispożizzjonijiet kriminali ma humiex applikabbli f’sitwazzjoni fejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali kkonċernati ma għandhomx tali natura, iżda jistabbilixxu, kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, miżuri urġenti intiżi biex inaqqsu r-rata ta’ impjieg għal żmien determinat fis-settur pubbliku u, għal dan l-għan, jimponu, mingħajr preġudizzju għal ċerti kundizzjonijiet, fuq l-amministrazzjoni pubblika kkonċernata li torganizza proċeduri ta’ selezzjoni jew li tħallas kumpens lill-ħaddiema impjegati b’mod suċċessiv għal żmien determinat.

41      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest tas-sitt domanda magħmula fil-Kawża C‑332/22 ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali. Għalhekk, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, dan l-argument għandu jitqies bħala inammissibbli.

42      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar it-talbiet għal deċiżjoni preliminari u, min-naħa l-oħra, it-talbiet għal deċiżjoni preliminari huma ammissibbli, bl-eċċezzjoni tat-tlettax u tal-erbatax-il domanda magħmula fil-Kawża C‑332/22.

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq ilħames domanda magħmula filKawża C332/22

43      Permezz tal-ħames domanda magħmula fil-Kawża C‑332/22, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi fis-settur pubbliku jsir abbużiv meta l-amministrazzjoni pubblika kkonċernata ma tosservax it-termini previsti fid-dritt intern sabiex timtela l-pożizzjoni okkupata mill-ħaddiem temporanju kkonċernat, għar-raġuni li, meta jiskadu dawn it-termini, dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi jkopru bżonnijiet mhux provviżorji, iżda permanenti u fit-tul ta’ din l-amministrazzjoni.

44      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-klawżola 1 tal-Ftehim qafas, dan għandu l-għan, b’mod partikolari, li jistabbilixxi qafas għall-prevenzjoni tal-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi.

45      Il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas għandha l-għan li timplimenta dan l-għan, jiġifieri li jiġi rregolat l-użu suċċessiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien determinat, meqjusa bħala sors potenzjali ta’ abbuż għad-detriment tal-ħaddiema, billi tipprovdi numru ta’ dispożizzjonijiet minimi ta’ protezzjoni intiżi biex jiġi evitat li s-sitwazzjoni tal-impjegati ssir iktar prekarja (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Instituto Madrileño de Investigación y Desarrollo Rural, Agrario y Alimentario, C‑726/19, EU:C:2021:439, punt 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

46      Għaldaqstant, il-klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas jobbliga lill-Istati Membri, bil-għan ta’ prevenzjoni tal-użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet tax-xogħol suċċessivi għal żmien determinat, bl-adozzjoni effettiva u vinkolanti ta’ mill-inqas waħda mill-miżuri li din il-klawżola telenka, fil-każ fejn id-dritt intern tagħhom ma jinkludix miżuri legali ekwivalenti. Il-miżuri hekk elenkati fil-punt 1(a) sa (ċ) ta’ din il-klawżola, li huma tlieta, jirrigwardaw, rispettivament, raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ tali kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg, għat-tul massimu totali ta’ dawn il-kuntratti jew ta’ dawn ir-relazzjonijiet ta’ impjieg suċċessivi u n-numru ta’ tiġdid tagħhom (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Ministero dell’Istruzione, dell’Università e della Ricerca – MIUR et (Riċerkaturi universitarji), C‑326/19, EU:C:2021:438, punt 56 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

47      L-Istati Membri għandhom, f’dan ir-rigward, marġni ta’ diskrezzjoni, peress li għandhom l-għażla li jużaw waħda jew iktar mill-miżuri msemmija fil-klawżola 5(1)(a) sa (ċ) tal-Ftehim qafas jew miżuri legali eżistenti ekwivalenti, u dan filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet ta’ setturi speċifiċi u/jew ta’ kategoriji ta’ ħaddiema (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Ministero dell’Istruzione, dell’Università e della Ricerca – MIUR et (Riċerkaturi universitarji), C‑326/19, EU:C:2021:438, punt 57 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

48      B’dan il-mod, il-punt 1 tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas jagħti għan ġenerali lill-Istati Membri, li jikkonsisti fil-prevenzjoni ta’ tali abbużi, filwaqt li jħallilhom l-għażla tal-mezzi sabiex jilħqu dan l-għan, bil-kundizzjoni li huma ma jikkompromettux l-għan jew l-effett utli tal-Ftehim qafas (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Ministero dell’Istruzione, dell’Università e della Ricerca – MIUR et (Riċerkaturi universitarji), C‑326/19, EU:C:2021:438, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Madankollu, mill-formulazzjoni tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas kif ukoll minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li din il-klawżola tapplika biss fil-preżenza ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, b’tali mod li kuntratt li huwa l-ewwel jew l-uniku kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat ma jaqax taħt il-klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Ministero dell’Istruzione, dell’Università e della Ricerca–MIUR et (Riċerkaturi universitarji), C‑326/19, EU:C:2021:438, punt 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

50      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑332/22 jirriżulta li r-relazzjonijiet ta’ xogħol li jorbtu lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali mal-amministrazzjoni pubblika kkonċernata mmaterjalizzaw bl-intervent ta’ ħatriet suċċessivi u/jew bil-konklużjoni ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi. Għaldaqstant, mingħajr preġudizzju għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas hija applikabbli għas-sitwazzjonijiet fil-kawża prinċipali f’din il-kawża.

51      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li s-sostituzzjoni temporanja ta’ ħaddiem sabiex jiġu ssodisfatti l-bżonnijiet provviżorji tal-persuna li timpjega kkonċernata f’termini ta’ persunal tista’, bħala prinċipju, tikkostitwixxi “raġuni oġġettiva” fis-sens tal-klawżola 5(1)(a) ta’ dan il-ftehim qafas (sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2020, Sánchez Ruiz et, C‑103/18 u C‑429/18, EU:C:2020:219, punt 72 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

52      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li ma jistax jiġi ammess li kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat jistgħu jiġġeddu bl-għan li, b’mod permanenti u sostenibbli, jitwettqu kompiti fis-servizzi inkwistjoni li jifformaw parti mill-attività normali tal-persunal ikkonċernat (sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2020, Sánchez Ruiz et, C‑103/18 u C‑429/18, EU:C:2020:219, punt 75 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

53      Fil-fatt, it-tiġdid ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien determinat sabiex jiġu koperti bżonnijiet li huma, fil-fatt, ta’ natura mhux provviżorja iżda permanenti u sostenibbli ma huwiex iġġustifikat fis-sens tal-klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas sa fejn tali użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien determinat imur direttament kontra l-premessa li fuqha huwa bbażat dan il-ftehim qafas, jiġifieri li l-kuntratti ta’ impjieg għal żmien indeterminat jikkostitwixxu l-forma ġenerali tar-relazzjonijiet ta’ impjieg, anki jekk il-kuntratti ta’ impjieg għal żmien determinat huma karatteristika tal-impjieg f’ċerti setturi jew għal ċerti xogħlijiet u attivitajiet (sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2020, Sánchez Ruiz et, C‑103/18 u C‑429/18, EU:C:2020:219, punt 76 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

54      L-osservanza tal-klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas teżiġi għalhekk li jiġi vverifikat konkretament li t-tiġdid ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat ikun intiż biex ikopri bżonnijiet provviżorji u li dispożizzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tintużax, fil-fatt, sabiex jiġu ssodisfatti bżonnijiet permanenti u sostenibbli tal-persuna li timpjega fil-qasam tal-persunal (sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2020, Sánchez Ruiz et, C‑103/18 u C‑429/18, EU:C:2020:219, punt 77 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

55      Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li miżura nazzjonali li tipprevedi l-organizzazzjoni fit-termini meħtieġa ta’ proċeduri ta’ selezzjoni intiżi biex jimtlew b’mod definittiv il-pożizzjonijiet okkupati provviżorjament minn ħaddiema għal żmien determinat hija ta’ natura li tevita li l-istatus prekarju ta’ dawn il-ħaddiema jippersisti, billi tiżgura li l-pożizzjonijiet li huma jokkupaw jimtlew malajr b’mod definittiv (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Instituto Madrileño de Investigación y Desarrollo Rural, Agrario y Alimentario, C‑726/19, EU:C:2021:439, punt 64 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

56      Għaldaqstant, l-organizzazzjoni fit-termini meħtieġa ta’ tali proċeduri tista’, bħala prinċipju, tipprevjeni l-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol suċċessivi għal żmien determinat sakemm dawn il-pożizzjonijiet jimtlew b’mod definittiv (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Instituto Madrileño de Investigación y Desarrollo Rural, Agrario y Alimentario, C‑726/19, EU:C:2021:439, punt 65 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

57      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset ukoll li leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-organizzazzjoni ta’ proċeduri ta’ selezzjoni intiżi biex jimtlew b’mod definittiv il-pożizzjonijiet okkupati provviżorjament minn ħaddiema għal żmien determinat kif ukoll termini preċiżi għal dan il-għan, iżda li ma tippermettix li jiġi żgurat li tali proċeduri jiġu effettivament organizzati, ma tidhirx li hija ta’ natura li tipprevjeni l-użu abbużiv, mill-persuna li timpjega kkonċernata, ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol suċċessivi għal żmien determinat (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Instituto Madrileño de Investigación y Desarrollo Rural, Agrario y Alimentario, C‑726/19, EU:C:2021:439, punt 67 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

58      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt intern, peress li dan il-kompitu jaqa’ fuq il-qrati nazzjonali kompetenti, li għandhom jiddeterminaw jekk ir-rekwiżiti stabbiliti fil-klawżola 5 tal-Ftehim qafas humiex issodisfatti mid-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Instituto Madrileño de Investigación y Desarrollo Rural, Agrario y Alimentario, C‑726/19, EU:C:2021:439, punt 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

59      Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina sa fejn il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni u għall-implimentazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt intern jikkostitwixxu miżura adegwata għall-prevenzjoni tal-użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Instituto Madrileño de Investigación y Desarrollo Rural, Agrario y Alimentario, C‑726/19, EU:C:2021:439, punt 51 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

60      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta tkun qiegħda tiddeċiedi dwar rinviju għal deċiżjoni preliminari, tista’, jekk ikun il-każ, tagħmel preċiżazzjonijiet intiżi biex jiggwidaw lill-qrati nazzjonali fl-evalwazzjoni tagħhom (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Instituto Madrileño de Investigación y Desarrollo Rural, Agrario y Alimentario, C‑726/19, EU:C:2021:439, punt 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

61      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-leġiżlazzjoni Spanjola tipprevedi regoli li jippermettu li jitqies li l-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol suċċessivi jsir abbużiv meta dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol jaqbżu perijodu ta’ sentejn, minħabba li, f’tali każ, l-imsemmija kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol ikopru bżonnijiet mhux provviżorji, iżda permanenti u fit-tul tal-persuna li timpjega kkonċernata. Għalhekk, fir-rigward tal-ħaddiema tas-settur pubbliku, l-Artikolu 10(4) tal-EBEP jipprevedi li l-pożizzjonijiet vakanti koperti minn membri tal-persunal mhux permanenti huma inklużi fl-offerta pubblika ta’ impjieg sabiex jimtlew minn uffiċjal f’terminu massimu ta’ sentejn mill-ħatra tal-membru tal-persunal temporanju kkonċernat. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 70 tal-EBEP, hija l-amministrazzjoni li għandha ttemm l-istess kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat billi teżegwixxi din l-offerta pubblika ta’ impjieg f’terminu massimu ta’ tliet snin.

62      Mingħajr preġudizzju għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 10 tal-EBEP ma tidhirx li tistabbilixxi awtorizzazzjoni ġenerali u astratta sabiex jintużaw kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, iżda tillimita l-konklużjoni ta’ tali kuntratti sabiex tissodisfa, essenzjalment, bżonnijiet provviżorji.

63      Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑332/22 jirriżulta li d-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fil-punt 61 ta’ din is-sentenza jinkludu wkoll il-miżuri indikati fil-klawżola 5(1)(b) u (ċ) tal-Ftehim qafas, jiġifieri, l-ewwel nett, limitu li jikkonċerna t-tul massimu totali tal-kuntratti jew tar-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi u, it-tieni nett, in-numru massimu ta’ tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

64      Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑332/22 jirriżulta wkoll li l-ħatriet suċċessivi tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali f’din il-kawża u/jew il-konklużjoni ta’ kuntratti suċċessivi minn dawn tal-aħħar ma kinux jissodisfaw sempliċi bżonnijiet provviżorji tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja fil-Cataluña, iżda kienu intiżi biex jissodisfaw bżonnijiet permanenti u fit-tul fil-qasam tal-persunal fi ħdan din l-amministrazzjoni. Fil-fatt, minn din id-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fid-data tal-preżentata tar-rikorsi tagħhom, dawn ir-rikorrenti kienu ilhom impjegati mill-imsemmija amministrazzjoni għal iktar minn 37 jew 17-il sena konsekuttiva, u li huma kienu wettqu kompiti li jaqgħu taħt l-attività normali tal-persunal li jibbenefika minn status fiss. Għandu jingħad ukoll li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik imsemmija fil-punt 61 ta’ din is-sentenza, tagħti wkoll lok għal riskju ta’ użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet suċċessivi għal żmien determinat jekk l-obbligu legali li jimtlew il-pożizzjonijiet temporanjament koperti mill-membri tal-persunal temporanju fit-terminu indikat ma jkunx osservat. Issa, fid-dawl tal-elementi fattwali li jinsabu fl-imsemmija deċiżjoni tar-rinviju, tali riskju seħħ f’dan il-każ.

65      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ħames domanda magħmula fil-Kawża C‑332/22 għandha tkun li l-klawżola 5 tal-Ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi fis-settur pubbliku jsir abbużiv meta l-amministrazzjoni pubblika kkonċernata ma tosservax it-termini previsti fid-dritt intern sabiex timtela l-pożizzjoni okkupata mill-ħaddiem temporanju kkonċernat, meta, f’tali sitwazzjoni, dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi jkopru bżonnijiet mhux provviżorji, iżda permanenti u fit-tul ta’ din l-amministrazzjoni.

 Fuq lewwel u ttielet domanda magħmula filKawża C33l/22 kif ukoll fuq lewwel u sseba’ sattnax-il domanda magħmula filKawża C332/22

66      Permezz tal-ewwel u tat-tielet domanda magħmula fil-Kawża C‑331/22 kif ukoll permezz tal-ewwel u tas-seba’ sat-tnax-il domanda magħmula fil-Kawża C‑332/22, li għandhom jiġu eżaminati flimkien u fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, moqrija fid-dawl tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ proporzjonalità kif ukoll dak tal-kumpens sħiħ tad-dannu mġarrab, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi ġurisprudenza u leġiżlazzjoni nazzjonali li jipprevedu bħala miżuri intiżi biex jissanzjonaw l-użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, rispettivament, iż-żamma tal-ħaddiem ikkonċernat sal-organizzazzjoni u l-konklużjoni ta’ proċeduri ta’ selezzjoni mill-amministrazzjoni li timpjega kif ukoll l-organizzazzjoni ta’ tali proċeduri u l-ħlas ta’ kumpens finanzjarju li jistabbilixxi limitu doppju biss favur dan il-ħaddiem li ma jgħaddix minn dawn il-proċeduri.

67      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-klawżola 5 tal-Ftehim qafas ma tipprevedix sanzjonijiet speċifiċi fil-każ li jkunu ġew ikkonstatati abbużi. F’tali każ, huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom jadottaw miżuri li għandhom ikunu ta’ natura mhux biss proporzjonali, iżda wkoll biżżejjed effettivi u dissważivi sabiex jiggarantixxu l-effettività sħiħa tar-regoli adottati skont il-Ftehim qafas (sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2022, MIUR u Ufficio Scolastico Regionale per la Campania, C‑282/19, EU:C:2022:3, punt 81 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata)

68      Għalkemm, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, il-metodi ta’ implimentazzjoni ta’ tali regoli jirriżultaw mill-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri abbażi tal-prinċipju tal-awtonomija proċedurali tagħhom, dawn madankollu ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u lanqas ma għandhom jagħmlu impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Instituto Madrileño de Investigación y Desarrollo Rural, Agrario y Alimentario, C‑726/19, EU:C:2021:439, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

69      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, meta jkun seħħ użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat, għandha tkun tista’ tiġi applikata miżura li tippreżenta garanziji effettivi u ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-ħaddiema sabiex dan l-abbuż jiġi debitament issanzjonat u jitħassru l-konsegwenzi tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, skont l-istess termini tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 1999/70, l-Istati Membri għandhom “[jieħdu l-]miżuri neċessarji [kollha] sabiex ikunu jistgħu f’kull ħin ikunu f’posizzjoni li jiggarantixxu r-riżultati imposti b’din id-Direttiva” (sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2022, MIUR u Ufficio Scolastico Regionale per la Campania, C‑282/19, EU:C:2022:3, punt 84 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata)

70      Għandu jitfakkar ukoll, abbażi ta’ dak li jingħad fil-punt 58 ta’ din is-sentenza, li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni u tal-ġurisprudenza nazzjonali, peress li dan il-kompitu jaqa’ fuq il-qrati nazzjonali kompetenti, li għandhom jiddeterminaw jekk ir-rekwiżiti stabbiliti fil-klawżola 5 tal-Ftehim qafas humiex issodisfatti minn din il-leġiżlazzjoni u ġurisprudenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Instituto Madrileño de Investigación y Desarrollo Rural, Agrario y Alimentario, C‑726/19, EU:C:2021:439, punt 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

71      Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina sa fejn il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni u għall-implimentazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni u tal-ġurisprudenza nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxu miżuri adegwati għall-prevenzjoni tal-użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Instituto Madrileño de Investigación y Desarrollo Rural, Agrario y Alimentario, C‑726/19, EU:C:2021:439, punt 51 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

72      Madankollu, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 60 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta tiddeċiedi dwar rinviju għal deċiżjoni preliminari, tista’, jekk ikun il-każ, tagħmel preċiżazzjonijiet intiżi biex jiggwidaw lil dawn il-qrati fl-evalwazzjoni tagħhom.

73      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta, l-ewwel nett, li, konformement mal-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), f’sitwazzjonijiet ta’ użu abbużiv tal-impjieg temporanju ta’ membri tal-persunal fis-settur pubbliku, iż-żamma tal-membru tal-persunal fis-settur pubbliku vittma tal-abbuż fil-pożizzjoni tiegħu sakemm l-amministrazzjoni li timpjegah, l-ewwel nett, tiddetermina jekk jeżistix bżonn strutturali u, għaldaqstant, torganizza l-proċedura ta’ selezzjoni korrispondenti, miftuħa wkoll għall-kandidati li ma kinux vittmi ta’ tali abbuż, sabiex timtela l-pożizzjoni kkonċernata b’mod permanenti u, it-tieni nett, il-konklużjoni ta’ din il-proċedura, għandha titqies li hija miżura effettiva sabiex jiġu ssanzjonati dawn is-sitwazzjonijiet.

74      It-tieni nett, għall-ħaddiema maħtura qabel id-dħul fis-seħħ tal-Liġi 20/2021, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 2 ta’ din il-liġi jipprevedi żewġ miżuri intiżi biex jissanzjonaw l-użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat, jiġifieri, minn naħa, l-organizzazzjoni ta’ proċeduri ta’ selezzjoni, miftuħa wkoll għall-kandidati li ma kinux suġġetti għal tali użu u, min-naħa l-oħra, il-ħlas ta’ kumpens finanzjarju ta’ 20 jum għal kull sena ta’ servizz sa massimu ta’ 12-il pagament mensili sakemm il-ħaddiem ikkonċernat ma jkunx għadda mill-proċedura ta’ selezzjoni organizzata sabiex timtela l-pożizzjoni okkupata minnu sa dak iż-żmien.

75      F’dak li jirrigwarda l-organizzazzjoni ta’ proċeduri ta’ selezzjoni bħala miżura ta’ sanzjoni konformi mal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, bħal dik applikata fil-ġurisprudenza Spanjola jew stabbilita fl-Artikolu 2 tal-Liġi 20/2021, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li għalkemm l-organizzazzjoni ta’ proċeduri ta’ selezzjoni tipprovdi lill-ħaddiema li jkunu ġew impjegati b’mod abbużiv fil-kuntest ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat, l-okkażjoni li jipprovaw jaċċedu għall-istabbiltà tal-impjieg, peress li dawn jistgħu, bħala prinċipju, jipparteċipaw f’dawn il-proċeduri, tali fatt ma jistax jeżenta lill-Istati Membri mill-osservanza tal-obbligu li jipprevedu miżura adegwata sabiex jiġi debitament issanzjonat l-użu abbużiv ta’ dawn il-kuntratti jew ta’ dawn ir-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi. Fil-fatt, tali proċeduri, li l-eżitu tagħhom huwa barra minn hekk inċert, huma, b’mod ġenerali, miftuħa wkoll għall-kandidati li ma kinux vittmi ta’ tali abbuż (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2020, Sánchez Ruiz et, C‑103/18 u C‑429/18, EU:C:2020:219, punt 100).

76      Għaldaqstant, peress li l-organizzazzjoni ta’ tali proċeduri hija indipendenti minn kull kunsiderazzjoni dwar in-natura abbużiva tal-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat, din ma tidhirx li hija ta’ natura li tissanzjona debitament l-użu abbużiv ta’ tali kuntratti jew ta’ tali relazzjonijiet ta’ xogħol u li tħassar il-konsegwenzi tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, din ma tidhirx li tista’ tippermetti li jintlaħaq l-għan tal-klawżola 5a 5 tal-Ftehim qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2020, Sánchez Ruiz et, C‑103/18 u C‑429/18, EU:C:2020:219, punt 101).

77      F’dan il-każ, konformement mal-kunsiderazzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 75 u 76 ta’ din is-sentenza, li jidher li japplikaw, fid-dawl tal-elementi tal-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punti 73 u 74 ta’ din is-sentenza, l-organizzazzjoni tal-proċeduri ta’ selezzjoni kif prevista fil-ġurisprudenza nazzjonali jew fl-Artikolu 2 tal-Liġi 20/2021, mingħajr preġudizzju għall-verifika li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, ma tidhirx li hija ta’ natura li tissanzjona debitament l-użu abbużiv tal-kuntratti jew tar-relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat u, għaldaqstant, li tħassar il-konsegwenzi tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni.

78      F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li ċ-ċirkustanzi, indikati fid-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑332/22, li jipprovdu li l-proċeduri ta’ għażla msemmija fl-Artikolu 2 tal-Liġi 20/2021 għandhom jiġu ffinalizzati f’terminu preċiż, jiġifieri qabel il‑31 ta’ Diċembru 2024, u li dawn il-proċeduri jieħdu inkunsiderazzjoni l-merti tal-ħaddiem ikkonċernat ma jnaqqsu xejn mir-rilevanza tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 75 u 76 ta’ din is-sentenza.

79      Fir-rigward tal-għoti ta’ kumpens, bħal dak previst fl-Artikolu 2 tal-Liġi 20/2021, bħala miżura ta’ sanzjoni konformi mal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li dan il-kumpens huwa dovut matul ix-xoljiment tal-kuntratti jew tar-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi minħabba l-kopertura tal-pożizzjoni kkonċernata minn persuna li ma hijiex il-ħaddiem li okkupa din il-pożizzjoni, fatt li jippreżupponi jew li dan il-ħaddiem ipparteċipa fil-proċedura ta’ selezzjoni u falla, jew li ma pparteċipax f’din il-proċedura.

80      Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ħlas ta’ kumpens ta’ tmiem il-kuntratt ma kienx jippermetti li jintlaħaq l-għan imfittex mill-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, li jikkonsisti fil-prevenzjoni tal-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi. Fil-fatt, tali ħlas jidher li huwa indipendenti minn kull kunsiderazzjoni dwar in-natura leġittima jew abbużiva tal-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Instituto Madrileño de Investigación y Desarrollo Rural, Agrario y Alimentario, C‑726/19, EU:C:2021:439, punt 74 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

81      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, peress li kumpens, bħal dak previst fl-Artikolu 2 tal-Liġi 20/2021, jistabbilixxi limitu massimu doppju, jiġifieri l-limitazzjoni għal 20 jum ta’ remunerazzjoni għal kull sena ta’ servizz, limitat, b’kollox, għal tnax-il xahar ta’ salarju, dan la jista’ jippermetti kumpens proporzjonat u effettiv f’sitwazzjonijiet ta’ abbuż li jaqbżu ċertu tul f’termini ta’ snin, u lanqas kumpens adegwat u sħiħ għad-danni li jirriżultaw minn tali abbużi.

82      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li la l-prinċipju ta’ kumpens sħiħ għad-dannu mġarrab u lanqas il-prinċipju tal-proporzjonalità ma jimponu l-ħlas ta’ danni punittivi (sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Rossato u Conservatorio di Musica F.A. Bonporti, C‑494/17, EU:C:2019:387, punt 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

83      Fil-fatt, dawn il-prinċipji jimponu fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprevedu kumpens adegwat, li jeċċedi kumpens purament simboliku, mingħajr madankollu ma jmur lil hinn minn kumpens sħiħ (sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Rossato u Conservatorio di Musica F.A. Bonporti, C‑494/17, EU:C:2019:387, punt 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

84      Mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jirriżulta li kumpens finanzjarju li jiffissa limitu massimu doppju biss favur il-ħaddiem ikkonċernat li ma jgħaddix mill-proċeduri ta’ selezzjoni ma jidhirx li jikkostitwixxi miżura ta’ natura li tissanzjona b’mod xieraq użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi u li tħassar il-konsegwenzi tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni u, konsegwentement, ma tidhirx li tikkostitwixxi, waħedha, miżura proporzjonata u suffiċjentement effettiva u dissważiva sabiex tiggarantixxi l-effettività sħiħa tar-regoli meħuda b’applikazzjoni tal-Ftehim qafas, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 67 ta’ din is-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Instituto Madrileño de Investigación y Desarrollo Rural, Agrario y Alimentario, C‑726/19, EU:C:2021:439, punt 75 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

85      Fil-kuntest tal-ewwel u tad-disa’ domanda magħmula fil-Kawża C‑332/22, il-qorti tar-rinviju tqis li kemm il-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) kif ukoll l-għoti tal-kumpens previst fl-Artikolu 2 tal-Liġi 20/2021 jiksru l-prinċipju ta’ ekwivalenza tal-Unjoni minħabba li, l-ewwel nett, huwa previst fid-dritt Spanjol li, meta entità kummerċjali pubblika jew aġenzija privata tal-Istat tinbidel f’entità pubblika, il-persunal tagħha, jiġifieri ħaddiema rregolati mid-dritt privat, b’applikazzjoni tad-dritt intern jista’ jeżerċita l-funzjonijiet irriżervati għall-uffiċjali mingħajr ma jkollhom l-istatus ta’ dawn tal-aħħar, u dan il-persunal jista’ għalhekk jinżamm, taħt ċerti kundizzjonijiet, fis-settur pubbliku. It-tieni nett, l-Artikolu 15 tal-Istatut tal-Ħaddiema, anki qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 1999/70, kien diġà jipprevedi t-trasformazzjoni tal-ħaddiema għal żmien determinat impjegati mill-istess persuna li timpjega għal iktar minn 24 xahar f’ħaddiema għal żmien indeterminat. It-tielet nett, filwaqt li l-Liġi 20/2021 tipprevedi sistema restrittiva ta’ kumpens, l-amministrazzjonijiet pubbliċi huma obbligati, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar is-sistema ġuridika tas-settur pubbliku, li jikkumpensaw b’mod sħiħ id-danni li jirriżultaw mill-azzjonijiet tagħhom. Barra minn hekk, il-Código Civil (il-Kodiċi Ċivili) jipprevedi l-istess sistema ta’ kumpens għar-responsabbiltajiet ċivili privati bejn individwi.

86      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mill-prinċipju ta’ ekwivalenza jirriżulta li l-persuni li jinvokaw id-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ma għandhomx ikunu żvantaġġati meta mqabbla ma’ dawk li jinvokaw drittijiet ta’ natura purament interna (sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2018, Santoro, C‑494/16, EU:C:2018:166, punt 39).

87      Madankollu, sabiex dan il-prinċipju jkun applikabbli, jeħtieġ ukoll li d-drittijiet adottati mil-leġiżlatur nazzjonali fil-kuntest tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 1999/70 ikunu paragunabbli, b’mod partikolari fir-rigward tal-għan u tal-kawża tagħhom, ma’ dawk li jeżistu fid-dritt intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Ministero dell’Istruzione, dell’Università e della Ricerca–MIUR et (Riċerkaturi universitarji), C‑326/19, EU:C:2021:438, punt 70 u d-digriet tat‑18 ta’ Jannar 2011, Berkizi-Nikolakaki, C‑272/10, EU:C:2011:19, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

88      Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li, f’sitwazzjoni fejn kemm il-miżuri adottati mil-leġiżlatur nazzjonali fil-kuntest tad-Direttiva 1999/70, sabiex jiġi ssanzjonat l-użu abbużiv tal-kuntratti għal żmien determinat mill-persuni li jimpjegaw li jaqaw taħt is-settur pubbliku, kif ukoll dawk adottati mil-leġiżlatur sabiex jiġi ssanzjonat l-użu abbużiv ta’ dan it-tip ta’ kuntratti mill-persuni li jimpjegaw li jaqgħu taħt is-settur privat jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, ma japplikax il-prinċipju ta’ ekwivalenza. Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, il-miżuri inkwistjoni kollha għandhom bħala għan drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Ministero dell’Istruzione, dell’Università e della Ricerca - MIUR et (Riċerkaturi universitarji), C‑326/19, EU:C:2021:438, punt 70 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

89      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-klawżola 5 tal-Ftehim qafas ma tipprekludix, fiha nnifisha, li Stat Membru jirriżerva eżitu differenti għall-abbuż ta’ użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet tax-xogħol għal żmien determinat suċċessivi, skont jekk l-imsemmija kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol ikunux ġew konklużi ma’ persuna li timpjega li tappartjeni għas-settur privat jew ma’ persuna li timpjega li taqa’ taħt is-settur pubbliku (sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2018, Santoro, C‑494/16, EU:C:2018:166, punti 33 u 42).

90      F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika li għandha għarfien dirett tad-drittijiet mogħtija mid-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fil-punt 85 ta’ din is-sentenza, li għandha tivverifika jekk il-prinċipju ta’ ekwivalenza huwiex applikabbli u, jekk ikun il-każ, osservat.

91      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel u għat-tielet domanda fil-Kawża C‑331/22 kif ukoll għall-ewwel u għas-seba’ sat-tnax-il domanda fil-Kawża C‑332/22 għandha tkun li l-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, moqrija fid-dawl tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u tal-kumpens sħiħ għad-dannu mġarrab, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi ġurisprudenza u leġiżlazzjoni nazzjonali li jipprevedu bħala miżuri intiżi biex jissanzjonaw l-użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, rispettivament, iż-żamma tal-ħaddiem ikkonċernat sal-organizzazzjoni u l-konklużjoni ta’ proċeduri ta’ selezzjoni mill-amministrazzjoni li timpjega kif ukoll l-organizzazzjoni ta’ tali proċeduri u l-ħlas ta’ kumpens finanzjarju li jistabbilixxi limitu massimu doppju favur dan il-ħaddiem li ma jirnexxix f’dawn il-proċeduri, meta dawn il-miżuri ma jkunux miżuri effettivi u dissważivi biżżejjed biex jiżguraw l-effettività sħiħa tar-regoli adottati b’applikazzjoni tal-klawżola 5.

 Fuq ittieni, irraba’ u lħames domanda magħmula filKawża C331/22 kif ukoll fuq ittieni sarraba’ domandi magħmula filKawża C332/22

92      Permezz tat-tieni, tar-raba’ u tal-ħames domanda magħmula fil-Kawża C‑331/22 kif ukoll permezz tat-tieni sar-raba’ domandi magħmula fil-Kawża C‑332/22, li għandhom jiġu eżaminati flimkien u fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-klawżoli 4 u 5 tal-Ftehim qafas, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 21 u 47 tal-Karta u tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, fin-nuqqas ta’ miżuri adegwati previsti fid-dritt nazzjonali għall-prevenzjoni u, jekk ikun il-każ, għas-sanzjonar, b’applikazzjoni ta’ din il-klawżola 5, tal-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat għandhom jinbidlu f’kuntratt jew f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat identika jew paragunabbli ma’ dawk li jorbtu lill-uffiċjali mal-amministrazzjoni, u dan anki jekk tali trasformazzjoni tmur kontra dispożizzjonijiet u l-ġurisprudenza nazzjonali.

93      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li s-suġġett tal-kawżi prinċipali jirrigwarda l-prevenzjoni u s-sanzjoni ta’ użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat, fis-sens tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, peress li ebda element ta’ dawn id-deċiżjonijiet ma jippermetti li jiġi konkluż li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, imsemmi fil-klawżola 4 ta’ dan il-ftehim qafas, huwa applikabbli f’dan il-każ.

94      Għaldaqstant, konformement mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, l-interpretazzjoni ta’ din il-klawżola 4 kif ukoll tal-Artikolu 21 tal-Karta, li t-tnejn li huma jirrigwardaw il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u mitluba mill-qorti tar-rinviju, ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawżi prinċipali, b’tali mod li ma hemmx lok li ssir tali interpretazzjoni.

95      Wara li ġie ppreċiżat dan, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-klawżola 5 tal-Ftehim qafas ma tistabbilixxix obbligu għall-Istati Membri li jipprevedu t-trasformazzjoni ta’ kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat f’kuntratt jew f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat, u lanqas, kif issemma fil-punt 67 ta’ din is-sentenza, li hija tistabbilixxi sanzjonijiet speċifiċi fil-każ fejn ġew ikkonstatati abbużi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Ministero della Giustizia et (Status tal-giudici di pace Taljani), C‑236/20, EU:C:2022:263, punt 60 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

96      Barra minn hekk, mill-klawżola 5(2) tal-Ftehim qafas jirriżulta li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà, fil-kuntest tal-miżuri intiżi biex jipprevjenu l-użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat, li jittrasformaw dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat f’kuntratt jew f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat, peress li l-istabbiltà tal-impjieg li joffru dawn tal-aħħar tikkostitwixxi l-element prinċipali tal-protezzjoni tal-ħaddiema (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Rossato u Conservatorio di Musica F.A. Bonporti, C‑494/17, EU:C:2019:387, punt 39).

97      Għaldaqstant, huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom jadottaw miżuri proporzjonati, effettivi u dissważivi sabiex jiggarantixxu l-effettività sħiħa tar-regoli adottati skont il-Ftehim qafas, li jistgħu jipprevedu, għal dan l-għan, it-trasformazzjoni ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat f’kuntratt jew f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat. Madankollu, meta jkun sar użu abbużiv minn kuntratti jew minn relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, għandha tkun tista’ tiġi applikata miżura li tissanzjona b’mod xieraq dan l-abbuż u tħassar il-konsegwenzi tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Ministero della Giustizia et (Status tal-giudici di pace Taljani), C‑236/20, EU:C:2022:263, punt 61 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

98      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, sabiex leġiżlazzjoni nazzjonali, li tipprojbixxi, fis-settur pubbliku, it-trasformazzjoni ta’ sensiela ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat tkun tista’ titqies li hija konformi mal-Ftehim qafas, l-ordinament ġuridiku intern tal-Istat Membru kkonċernat għandu jinkludi, f’dan is-settur, miżura effettiva oħra sabiex jiġi evitat u, jekk ikun il-każ, jiġi ssanzjonat l-użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Ministero della Giustizia et (Status tal-giudici di pace Taljani), C‑236/20, EU:C:2022:263, punt 62 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

99      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li leġiżlazzjoni li tipprevedi regola imperattiva li tgħid li, fil-każ ta’ użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat, dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol jinbidlu f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat, tista’ tinkludi miżura li tissanzjona effettivament tali użu abbużiv u, għaldaqstant, għandha titqies li hija konformi mal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas (sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Rossato u Conservatorio di Musica F.A. Bonporti, C‑494/17, EU:C:2019:387, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

100    F’dan il-każ, skont il-qorti tar-rinviju, il-klawżola 5 tad-Direttiva 1999/70 ma ġietx trasposta korrettament fl-ordinament ġuridiku Spanjol peress li dan ma jipprevedi ebda miżura effettiva li tippermetti li jiġi ssanzjonat l-abbuż li jirriżulta minn suċċessjoni ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat. Din il-qorti tippreċiża wkoll li mill-Artikolu 23 tal-Kostituzzjoni, moqri flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-EBEP, jirriżulta li l-benefiċċju tal-istatus tal-uffiċjali huwa rriżervat għall-persuni li jkunu għaddew b’mod utli minn proċedura ta’ selezzjoni intiża biex jinkiseb dan l-istatus u li tosserva l-prinċipji ta’ ugwaljanza, ta’ pubbliċità, ta’ mertu, ta’ kapaċità u ta’ kompetizzjoni libera. Għalhekk, it-trasformazzjoni tal-kuntratti jew tar-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat li timplika l-kisba tal-istatus ta’ uffiċjal, bħala miżura li tissanzjona l-użu abbużiv ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi għal żmien determinat, tista’ tmur kontra, b’mod partikolari, il-Kostituzzjoni. Barra minn hekk, skont din il-qorti, tali trasformazzjoni tmur ukoll kontra l-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema).

101    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas ma tidhirx li hija, mil-lat tal-kontenut tagħha, mingħajr kundizzjoni u preċiża biżżejjed sabiex tkun tista’ tiġi invokata minn individwu quddiem qorti nazzjonali. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom is-setgħa diskrezzjonali li jagħmlu użu, sabiex jipprevjenu l-użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat, minn waħda jew iktar mill-miżuri msemmija f’din il-klawżola, jew inkella minn miżuri legali ekwivalenti eżistenti, u dan kollu filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet ta’ setturi speċifiċi u/jew ta’ kategoriji ta’ ħaddiema. Barra minn hekk, ma huwiex possibbli li tiġi stabbilita b’mod suffiċjenti l-protezzjoni minima li għandha, f’kull każ, tiġi implimentata taħt il-klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas (sentenza tal‑11 ta’ Frar 2021, M.V. et (Kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi fis-settur pubbliku), C‑760/18, EU:C:2021:113, punt 64 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

102    Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, meta japplikaw il-liġi nazzjonali, il-qrati nazzjonali huma marbuta li jinterpretawha, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan tad-direttiva kkonċernata sabiex jintlaħaq ir-riżultat previst minnha u, għaldaqstant, sabiex jikkonformaw ruħhom mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE. Dan l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi jirrigwarda d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt nazzjonali, kemm preċedenti kif ukoll sussegwenti għal din id-direttiva (sentenza tal‑11 ta’ Frar 2021, M.V. et (Kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi fis-settur pubbliku), C‑760/18, EU:C:2021:113, punt 65 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

103    Ir-rekwiżit ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali huwa fil-fatt inerenti għas-sistema tat-Trattat FUE minħabba li dan jippermetti lill-qrati nazzjonali li jiggarantixxu, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni meta huma jiddeċiedu l-kawżi li jitressqu quddiemhom (sentenza tal‑11 ta’ Frar 2021, M.V. et (Kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi fis-settur pubbliku), C‑760/18, EU:C:2021:113, punt 66 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

104    Ċertament, l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tirreferi għall-kontenut ta’ direttiva meta tinterpreta u tapplika r-regoli rilevanti tad-dritt nazzjonali huwa limitat mill-prinċipji ġenerali tad-dritt, b’mod partikolari dawk taċ-ċertezza legali u tan-nonretroattività, u dan ma jistax iservi bħala bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali (sentenza tal‑11 ta’ Frar 2021, M.V. et (Kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi fis-settur pubbliku), C‑760/18, EU:C:2021:113, punt 67 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

105    Il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi jeżiġi madankollu li l-qrati nazzjonali jagħmlu dak kollu li jaqa’ taħt il-kompetenza tagħhom, billi jieħdu inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu u billi japplikaw metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minn dan id-dritt, sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-direttiva inkwistjoni u sabiex tinstab soluzzjoni konformi mal-għan imfittex minnha (sentenza tal‑11 ta’ Frar 2021, M.V. et (Kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi fis-settur pubbliku), C‑760/18, EU:C:2021:113, punt 68 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

106    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li peress li l-prinċipju ta’ protezzjoni ġuridika effettiva jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni rrikonoxxut, barra minn hekk, fl-Artikolu 47 tal-Karta, huma l-qrati nazzjonali, fl-assenza ta’ miżura li tittrasponi korrettament id-Direttiva 1999/70 fid-dritt Spanjol, li għandhom jiżguraw il-protezzjoni ġuridika li tirriżulta għall-partijiet fil-kawża mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u li jiggarantixxu l-effett sħiħ tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punt 75 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

107    B’hekk, hija l-qorti nazzjonali li għandha tagħti lid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt intern, sa fejn huwa possibbli u meta jkun seħħ użu abbużiv minn kuntratti jew minn relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat, interpretazzjoni u applikazzjoni sabiex dan l-abbuż jiġi ppenalizzat b’mod xieraq u sabiex jitneħħew il-konsegwenzi tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni. F’dan il-kuntest, hija din il-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali, inklużi dawk ta’ livell kostituzzjonali, jistgħux, jekk ikun il-każ, jiġu interpretati b’mod konformi mal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-Direttiva 1999/70 u sabiex tinstab soluzzjoni konformi mal-għan imfittex minnha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Frar 2021, M.V. et (Kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi fis-settur pubbliku), C‑760/18, EU:C:2021:113, punt 69 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

108    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi jimponi fuq il-qrati nazzjonali li jemendaw, jekk ikun il-każ, ġurisprudenza stabbilita jekk din tkun ibbażata fuq interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali inkompatibbli mal-għanijiet ta’ direttiva. Għaldaqstant, qorti nazzjonali ma tistax, b’mod partikolari, validament tikkunsidra li hija tinsab fl-impossibbiltà li tinterpreta dispożizzjoni nazzjonali b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni sempliċement minħabba l-fatt li din id-dispożizzjoni, b’mod kostanti, ġiet interpretata f’sens li ma huwiex kompatibbli ma’ dan id-dritt (sentenza tat3 ta’ Ġunju 2021, Instituto Madrileño de Investigación y Desarrollo Rural, Agrario y Alimentario, C‑726/19, EU:C:2021:439, punt 86 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

109    Mill-elementi kollha preċedenti jirriżulta, l-ewwel nett, li, fl-ipoteżi li fiha l-qorti tar-rinviju tqis li l-ordinament ġuridiku intern ikkonċernat ma jinkludix, fis-settur pubbliku, miżura effettiva sabiex jiġi evitat u, jekk ikun il-każ, jiġi ssanzjonat l-użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, it-trasformazzjoni ta’ dawn il-kuntratti f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat tista’ tikkostitwixxi tali miżura.

110    It-tieni nett, jekk, f’tali ipoteżi, il-qorti tar-rinviju kellha, barra minn hekk, tqis li l-ġurisprudenza stabbilita tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tipprekludi tali trasformazzjoni, din il-qorti jkollha għalhekk ma tapplikax din il-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) jekk din tkun ibbażata fuq interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni inkompatibbli mal-għanijiet tad-Direttiva 1999/70, u b’mod partikolari, tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas.

111    It-tielet nett, tali trasformazzjoni tista’ tikkostitwixxi miżura ta’ natura li tissanzjona b’mod effettiv l-użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, bil-kundizzjoni li ma tinvolvix interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali.

112    Issa, f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tqis li tikkostitwixxi tali miżura ta’ sanzjoni, konformi mal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, it-trasformazzjoni ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat li fil-kuntest tagħha r-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma suġġetti għall-istess raġunijiet ta’ xoljiment u ta’ tkeċċija bħal dawk applikabbli għall-uffiċjali mingħajr, madankollu, ma jiksbu l-istatus stess ta’ uffiċjal. Skont din il-qorti, din il-miżura ta’ sanzjoni ma tinvolvix interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali.

113    Fil-kuntest tat-tieni sar-raba’ domandi magħmula fil-Kawża C‑332/22, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll, essenzjalment, jekk il-prinċipju ta’ ekwivalenza tad-dritt tal-Unjoni jimponix li jingħata lill-ħaddiema għal żmien determinat tas-settur pubbliku, li kienu s-suġġett ta’ użu abbużiv tal-kuntratti jew tar-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi tagħhom, l-istatus ta’ uffiċjali jew ta’ ħaddiema għal żmien indeterminat, sa fejn, b’mod partikolari, l-Artikolu 15 tal-Istatut tal-Ħaddiema jimponi tali soluzzjoni fis-settur privat.

114    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li hija l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika li għandha għarfien dirett tad-drittijiet mogħtija mid-dispożizzjonijiet nazzjonali, li għandha tivverifika jekk, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 86 sa 89 ta’ din is-sentenza, il-prinċipju ta’ ekwivalenza huwiex applikabbli u, jekk ikun il-każ, huwiex osservat.

115    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni, għar-raba’ u għall-ħames domanda magħmula fil-Kawża C‑331/22 kif ukoll għat-tieni sar-raba’ domanda magħmula fil-Kawża C‑332/22 għandha tkun li l-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandha tiġi interpretata fis-sens li, fin-nuqqas ta’ miżuri adegwati previsti fid-dritt nazzjonali għall-prevenzjoni u, jekk ikun il-każ, għas-sanzjoni, skont din il-klawżola 5, tal-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet għal żmien determinat suċċessivi, it-trasformazzjoni ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi f’kuntratt jew f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat tista’ tikkostitwixxi tali miżura, sakemm tali tibdil ma jinvolvix interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali.

 Fuq lispejjeż

116    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss, konkluż fit18 ta’ Marzu 1999, li jinsab anness mad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi fis-settur pubbliku jsir abbużiv meta l-amministrazzjoni pubblika kkonċernata ma tosservax it-termini previsti fid-dritt intern sabiex timtela l-pożizzjoni okkupata mill-ħaddiem temporanju kkonċernat, meta, f’tali sitwazzjoni, dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi jkopru bżonnijiet mhux provviżorji, iżda permanenti u fit-tul ta’ din l-amministrazzjoni.

2)      Il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss, konkluż fit18 ta’ Marzu 1999, li jinsab anness mad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, moqri fid-dawl tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ kumpens sħiħ għad-dannu subit,

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

tipprekludi ġurisprudenza u leġiżlazzjoni nazzjonali li jipprevedu bħala miżuri intiżi biex jissanzjonaw l-użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, rispettivament, iż-żamma tal-ħaddiem ikkonċernat sal-organizzazzjoni u l-konklużjoni ta’ proċeduri ta’ selezzjoni mill-amministrazzjoni li timpjega kif ukoll l-organizzazzjoni ta’ tali proċeduri u l-ħlas ta’ kumpens finanzjarju li jistabbilixxi limitu massimu doppju favur dan il-ħaddiem li ma jirnexxix f’dawn il-proċeduri, meta dawn il-miżuri ma jkunux miżuri effettivi u dissważivi biżżejjed biex jiżguraw l-effettività sħiħa tar-regoli adottati b’applikazzjoni tal-klawżola 5.

3)      Il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss, konkluż fit18 ta’ Marzu 1999, li jinsab anness mad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

fin-nuqqas ta’ miżuri adegwati previsti fid-dritt nazzjonali għall-prevenzjoni u, jekk ikun il-każ, għas-sanzjoni, skont din il-klawżola 5, tal-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet għal żmien determinat suċċessivi, it-trasformazzjoni ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi f’kuntratt jew f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat tista’ tikkostitwixxi tali miżura, sakemm tali tibdil ma jinvolvix interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.