Language of document : ECLI:EU:F:2016:133

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

tal-15 ta’ Ġunju 2016

Kawża F‑152/12

Jonas Poniskaitis

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Pensjonijiet – Trasferiment tad-drittijiet għal pensjoni nazzjonali – Proposti ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz – Att li ma jikkawżax preġudizzju – Inamissibbiltà tar-rikors – Talba għal deċiżjoni mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża – Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura”

Suġġett:      Rikors ippreżentat taħt l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA abbażi tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu Jonas Poniskaitis talab l-annullament tad-“deċiżjonijiet”, tas-26 ta’ Marzu 2012, dwar il-kalkolu tal-akkreditazzjoni, lejn l-iskema tal-pensjoni tal-Unjoni Ewropea, tad-drittijiet tiegħu għall-pensjoni akkwistati qabel fil-kuntest taż-żewġ skemi ta’ pensjoni Litwani u, sa fejn ikun meħtieġ, tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tal-Kummissjoni Ewropea, tat-3 ta’ Settembru 2012, li tiċħad l-ilmenti tiegħu kontra d-“deċiżjonijiet” li jiffissaw l-imsemmija akkreditazzjonijiet.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. Jonas Poniskaitis għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu u huwa kkundannat għall-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Sommarju

Rikorsi tal-uffiċjali – Att li jikkawża preġudizzju – Kunċett – Proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz fid-dawl tat-trasferiment lill-iskema tal-Unjoni tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba qabel id-dħul fis-servizz tal-Unjoni – Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(1))

Proposta biex jiġu akkreditati s-snin ta’ servizz pensjonabbli, ikkomunikata lil uffiċjal fid-dawl tat-trasferiment tad-drittijiet għal pensjoni lejn l-iskema tal-pensjoni tal-Unjoni Ewropea mid-drittijiet għal pensjoni miksuba fil-kuntest ta’ skema oħra, ma tipproduċix effetti ġuridiċi vinkolanti li jaffettwaw direttament u immedjatament is-sitwazzjoni legali tad-destinatarju, b’mod li jibdlu, sostanzjalment, il-pożizzjoni legali tiegħu. Għaldaqstant, tali proposta ma tikkostitwixxix att li jikkawża preġudizzju, fis-sens tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punt 14)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenzi tat-13 ta’ Ottubru 2015, Il‑Kummissjoni vs Verile u Gjergji, T‑104/14 P, EU:T:2015:776, punt 62, u Teughels vs Il-Kummissjoni, T‑131/14 P, EU:T:2015:778, punt 58